SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

13 ta’ Marzu 2025 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Għoti ta’ kuntratti pubbliċi fl-Unjoni Ewropea – Direttiva 2014/24/UE – Artikolu 25 – Operaturi ekonomiċi minn pajjiżi terzi li ma kkonkludewx ftehim internazzjonali mal-Unjoni li jiggarantixxi, b’mod reċiproku u ugwali, l-aċċess għall-kuntratti pubbliċi – Assenza ta’ dritt ta’ dawn l-operaturi ekonomiċi għal “trattament mhux inqas favorevoli” – Esklużjoni ta’ tali operatur ekonomiku minn proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku, skont leġiżlazzjoni nazzjonali – Kompetenza esklużiva tal-Unjoni”

Fil-Kawża C‑266/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Curtea de Apel București (il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest, ir-Rumanija), permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ Marzu 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-20 ta’ April 2022, fil-proċedura

CRRC Qingdao Sifang Co. Ltd,

Astra Vagoane Călători SA

vs

Autoritatea pentru Reformă Feroviară,

Alstom Ferroviaria SpA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn C. Lycourgos (Relatur), President tat-Tielet Awla, li qiegħed jaġixxi bħala President tar‑Raba’ Awla, S. Rodin u O. Spineanu-Matei, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. Rantos,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–

għal CRRC Qingdao Sifang Co. Ltd u Astra Vagoane Călători SA, minn D. Cristea, avocat,

–

għall-Autoritatea pentru Reformă Feroviară, minn D. Feraru, S. A. Roşeanu u I.-D. Şohan, bħala aġenti,

–

għall-Alstom Ferroviaria SpA, minn C. Ciolan u O. Gavrilă, avocates,

–

għall-Gvern Awstrijak, minn J. Schmoll, bħala aġent,

–

għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Biolan, G. Gattinara, P. Ondrůšek u G. Wils, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tal-11 ta’ Mejju 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punt 13 tal-Artikolu 2(1), tal-Artikolu 18(1), tal-Artikolu 25 u tal-Artikolu 49 tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU 2014, L 94, p. 65), kif ukoll tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn, minn naħa, konsorzju kompost minn CRRC Qingdao Sifang Co. Ltd u minn Astra Vagoane Călători SA (iktar ’il quddiem, flimkien, il-“konsorzju”) u, min-naħa l-oħra, l-Autoritatea pentru Reformă Feroviară (l-Awtorità Responsabbli għar-Riforma tal-Ferroviji, ir-Rumanija) (iktar ’il quddiem l-“ARF”) u Alstom Ferroviaria SpA, dwar id-deċiżjoni tal-ARF li teskludi lil dan il-konsorzju minn proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt li jirrigwarda l-provvista ta’ ferroviji tal-elettriku u l-provvista ta’ servizzi ta’ manutenzjoni u ta’ tiswija ta’ dawn il-ferroviji, minħabba li CRRC Qingdao Sifang, li tmexxi l-imsemmi konsorzju, hija kumpannija stabbilita fiċ-Ċina.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 2014/24

3

Il-premessi 1 u 17 tad-Direttiva 2014/24 jipprovdu:

“(1)

L-għoti ta’ kuntratti pubbliċi minn jew f’isem l-awtoritajiet tal-Istati Membri għandu jkun konformi mal-prinċipji tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), b’mod partikolari mal-moviment liberu tal-merkanzija, il-libertà tal-istabbiliment u l-libertà li jingħataw servizzi, kif ukoll mal-prinċipji li jitnisslu minnhom, bħat-trattament ugwali, in-nondiskriminazzjoni, ir-rikonoxximent reċiproku, il-proporzjonalità u t-trasparenza. Madankollu, għal kuntratti pubbliċi li jaqbżu ċertu valur, għandhom jitfasslu dispożizzjonijiet li jikkoordinaw il-proċeduri ta’ akkwist nazzjonali sabiex jiġi żgurat li dawk il-prinċipji jingħataw effett prattiku u li l-akkwist pubbliku jkun miftuħ għall-kompetizzjoni.

[…]

(17)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KE [tat-22 ta’ Diċembru 1994 dwar il-konklużjoin f’isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x’jaqsmu affarijiet fil-kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq fil-Laqgħa ta’ negozjati multilaterali fl-Urugwaj (1986-1994) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 80)] approvat b’mod partikolari l-Ftehim tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ dwar l-Akkwisti [il-Kuntratti] Pubbliċi ([iktar ’il-quddiem il-‘FKP]’). L-għan tal-[FKP] huwa li jistabbilixxi qafas multilaterali ta’ drittijiet u dmirijiet ibbilanċjati marbuta mal-kuntratti pubbliċi bil-għan li tinkiseb il-liberalizzazzjoni u t-twessigħ tal-kummerċ dinji. Għal kuntratti koperti mill-Annessi 1, 2, 4 u 5 u n-Noti Ġenerali għall-Appendiċi I tal-Unjoni Ewropea għall-[FKP], kif ukoll permezz ta’ ftehimiet internazzjonali rilevanti oħrajn li l-Unjoni hija marbuta bihom, l-awtoritajiet kontraenti għandhom jissodisfaw l-obbligi skont dawn il-ftehimiet billi japplikaw din id-Direttiva għall-operaturi ekonomiċi ta’ pajjiżi terzi li huma firmatarji tal-ftehimiet.”

4

L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

(10)

‘operatur ekonomiku’ tfisser kull persuna fiżika jew ġuridika jew entità pubblika jew grupp ta’ persuni u/jew entitajiet bħal dawn, inkluża kwalunkwe assoċjazzjoni temporanja ta’ impriżi, li joffru l-eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet u/jew xogħol, il-forniment ta’ prodotti jew il-forniment ta’ servizzi fis-suq;

[…]

(13)

‘dokument ta’ akkwist’ tfisser kwalunkwe dokument maħluq jew li ssir referenza għalih mill-awtorità kontraenti sabiex tiddeskrivi jew tiddetermina elementi tal-akkwist jew tal-proċedura, inkluż l-avviż dwar kuntratt, l-avviż informattiv minn qabel fejn dan jintuża bħala mezz ta’ sejħa għall-kompetizzjoni, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, id-dokument deskrittiv, il-kondizzjonijiet proposti tal-kuntatt, il-formats għall-preżentazzjoni tad-dokumenti minn kandidati u offerenti, l-informazzjoni dwar obbligi applikabbli b’mod ġenerali u kull dokument addizzjonali;

[…]”

5

Skont l-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Kuntratti fis-setturi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u s-servizzi postali”:

“Din id-Direttiva ma għandhiex tapplika għall-kuntratti pubbliċi u l-kompetizzjonijiet ta’ disinn li, skont id-Direttiva 2014/25/UE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE (ĠU 2014, L 94, p. 243)], huma mogħtija jew organizzati minn awtoritajiet kontraenti li jeżerċitaw waħda jew iżjed mill-attivitajiet imsemmija fl-Artikoli 8 sa 14 ta’ dik id-Direttiva u li jingħataw għat-twettiq ta’ dawk l-attivitajiet […]”

6

L-Artikolu 18 tad-Direttiva 2014/24, intitolat “Prinċipji tal-akkwist”, jispjega, fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 tiegħu, li l-awtoritajiet kontraenti għandhom jittrattaw lill-operaturi ekonomiċi bl-istess mod u mingħajr diskriminazzjoni u għandhom jaġixxu b’mod trasparenti u proporzjonat.

7

L-Artikolu 25 ta’ din id-direttiva, intitolat “Kondizzjonijiet relatati mal-[FKP] u ftehimiet internazzjonali oħra”, huwa redatt kif ġej:

“Sakemm huma koperti mill-Annessi 1, 2, 4 u 5 u n-Noti Ġenerali għall-Appendiċi I tal-Unjoni Ewropea għall-[FKP] u minn ftehimiet internazzjonali oħrajn li l-Unjon hija marbuta bihom, l-awtoritajiet kontraenti għandhom jagħtu trattament lix-xogħlijiet, provvisti, servizzi u operaturi ekonomiċi tal-firmatarji għal dawk il-ftehimiet li ma jkunx inqas favorevoli mit-trattament mogħti lix-xogħlijiet, provvisti, servizzi u operaturi ekonomiċi tal-Unjoni.”

8

L-Artikolu 27 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Proċedura miftuħa”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Fil-proċeduri miftuħa, kwalunkwe operatur ekonomiku interessat jista’ jissottometti offerta fir-rigward ta’ sejħa għall-kompetizzjoni.

[…]”

9

Skont l-Artikolu 49 tal-istess direttiva, intitolat “Avviżi dwar kuntratti”:

“L-avviżi dwar kuntratti għandhom jintużaw bħala mezz ta’ sejħa għall-kompetizzjoni fir-rigward tal-proċeduri kollha, mingħajr preġudizzju għat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 26(5) u l-Artikolu 32. L-avviżi dwar kuntratti għandu jkun fihom l-informazzjoni stipulata fl-Anness V parti C u għandhom jiġu ppubblikati skont l-Artikolu 51.”

Id-Direttiva 2014/25

10

Il-premessi 2 u 27 tad-Direttiva 2014/25 jipprovdu:

“(2)

Sabiex jiġi żgurat il-ftuħ għall-kompetizzjoni tal-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u l-posta, għandhom jitfasslu dispożizzjonijiet li jikkoordinaw il-proċeduri tal-akkwist fir-rigward ta’ kuntratti ’l fuq minn ċertu valur. Din il-koordinazzjoni hija meħtieġa sabiex tiżgura l-effett tal-prinċipji tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u b’mod partikolari l-moviment liberu tal-oġġetti, il-libertà tal-istabbiliment u l-libertà li jingħataw servizzi kif ukoll il-prinċipji li jitnisslu minnhom, bħat-trattament indaqs, in-nondiskriminazzjoni, ir-rikonoxximent reċiproku, il-proporzjonalità u t-trasparenza. […]

[…]

(27)

Id-Deċiżjoni [94/800] approvat b’mod partikolari l-[FKP]. L-għan tal-[FKP] huwa li jistabbilixxi qafas multilaterali ta’ drittijiet u dmirijiet ibbilanċjati marbuta mal-kuntratti pubbliċi bil-għan li tinkiseb il-liberalizzazzjoni u t-twessigħ tal-kummerċ dinji. Għal kuntratti koperti mill-Annessi 3, 4 u 5 u n-Noti Ġenerali għall-Appendiċi I tal-Unjoni Ewropea għall-[FKP], kif ukoll permezz ta’ ftehimiet internazzjonali rilevanti oħrajn li l-Unjoni hija marbuta bihom, l-awtoritajiet kontraenti għandhom jissodisfaw l-obbligi skont dawn il-ftehimiet billi japplikaw din id-Direttiva għall-operaturi ekonomiċi ta’ pajjiżi terzi li huma firmatarji tal-ftehimiet.”

11

L-Artikolu 11 ta’ din id-direttiva, intitolat “Servizzi tat-trasport”, jipprovdi:

“Din id-Direttiva għandha tapplika għal attivitajiet li għandhom x’jaqsmu mal-forniment jew it-tħaddim ta’ netwerks li jipprovdu servizz lill-pubbliku fil-qasam tat-trasport bil-ferrovija, b’sistemi awtomatizzati, bit-tramway, bit-trolley bus, bil-karozza tal-linja jew bil-kejbil.

F’dak li għandu x’jaqsam ma’ servizzi tat-trasport, għandu jiġi kkunsidrat li hu stabbilit netwerk fejn is-servizz ikun ipprovdut f’kondizzjonijiet ta’ tħaddim preskritti minn awtorità kompetenti ta’ Stat Membru, bħal kondizzjonijiet fuq ir-rotot li għandhom jiġu servuti, il-kapaċità li għandha tkun disponibbli jew il-frekwenza tas-servizz.”

12

Skont l-Artikolu 43 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Kondizzjonijiet relatati mal-[FKP] u ftehimiet internazzjonali oħra”:

“Sa fejn huma koperti mill-Annessi 3, 4, u 5 u n-Noti Ġenerali għall-Appendiċi I tal-Unjoni Ewropea għall-[FKP] u minn ftehimiet internazzjonali oħrajn li l-Unjoni Ewropea hija marbuta bihom, l-entitajiet kontraenti fit-tifsira tal-Artikolu 4(1)(a) għandhom jagħtu trattament lix-xogħlijiet, il-provvisti, s-servizzi u l-operaturi ekonomiċi tal-firmatarji għal dawk il-ftehimiet li ma jkunx inqas favorevoli mit-trattament mogħti lix-xogħlijiet, il-provvisti, is-servizzi u l-operaturi ekonomiċi tal-Unjoni.”

13

L-Artikolu 45 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Proċedura miftuħa”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Fil-proċeduri miftuħa, kwalunkwe operatur ekonomiku interessat jista’ jippreżenta offerta fir-rigward ta’ sejħa għall-kompetizzjoni.

[…]”

Id‑dritt Rumen

14

L-Artikolu 3(1)(jj) tal-Legea nr. 98/2016 privind achiziţiile publice (il-Liġi Nru 98/2016 dwar il-Kuntratti Pubbliċi), tad-19 ta’ Mejju 2016 (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 390 tat-23 ta’ Mejju 2016), fil-verżjoni tagħha fis-seħħ fid-data tat-3 ta’ April 2020 (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi”), kien jiddefinixxi l-kunċett ta’ “operatur ekonomiku” bħala “kull persuna fiżika jew ġuridika, irregolata mid-dritt pubbliku jew privat, jew kull grupp jew assoċjazzjoni ta’ dawn il-persuni, inkluża kull assoċjazzjoni temporanja fformata bejn tnejn jew iktar minn dawn l-entitajiet, li toffri legalment fis-suq l-eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet u/jew ta’ proġett, il-forniment ta’ prodotti jew il-provvista ta’ servizzi”.

15

L-Artikolu 236 tal-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi jipprovdi:

“1.   Din il-liġi għandha tapplika għall-proċeduri tal-għoti ta’ kuntratt mibdija wara d-data tad-dħul fis-seħħ tagħha.

2.   Il-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratt pendenti fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi huma rregolati bil-liġi fis-seħħ fid-data tal-bidu tal-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt.

3.   Din il-liġi għandha tapplika għall-kuntratti pubbliċi/ftehimiet-qafas konklużi wara d-data tad-dħul fis-seħħ tagħha.

4.   Il-kuntratti pubbliċi/ftehimiet-qafas konklużi qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi huma rregolati mil-liġi fis-seħħ fid-data tal-konklużjoni tagħhom f’dak li jirrigwarda l-konklużjoni, l-emendar, l-interpretazzjoni, l-effetti, l-eżekuzzjoni u t-terminazzjoni tagħhom.”

16

L-Ordonanța de urgență a Guvernului nr. 25/2021 privind modificarea și completarea unor acte normative în domeniul achizițiilor publice (id-Digriet ta’ Urġenza tal-Gvern Nru 25/2021 li Jemenda u Jikkompleta Ċerti Atti Normattivi fil-Qasam tal-Kuntratti Pubbliċi), tal-31 ta’ Marzu 2021 (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 346 tal-5 ta’ April 2021, iktar ’il quddiem “l-OUG Nru 25/2021”), li daħal fis-seħħ fil-5 ta’ April 2021, emenda diversi dispożizzjonijiet tal-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi.

17

Skont l-Artikolu V tal-OUG Nru 25/2021:

“Il-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratt li fil-qafas tagħhom l-operaturi ekonomiċi ssottomettew offerti fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan id-[digriet ta’ urġenza tal-Gvern] huma rregolati mil-leġiżlazzjoni fis-seħħ fid-data tal-bidu tagħhom.”

18

L-Artikolu 3(1)(jj) tal-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi, kif emendata bl‑OUG Nru 25/2021, jiddefinixxi l-kunċett ta’ “operatur ekonomiku” bħala li jfisser “kull persuna fiżika jew ġuridika, irregolata mid-dritt pubbliku jew privat, jew kull grupp jew assoċjazzjoni ta’ dawn il-persuni, inkluża kull assoċjazzjoni temporanja fformata bejn tnejn jew iktar minn dawn l-entitajiet, li toffri b’mod leġittimu fis-suq l-eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet, il-forniment ta’ prodotti jew il-provvista ta’ servizzi, u li hija/huma stabbilita/i fi:

i)

Stat Membru tal-[Unjoni];

ii)

Stat Membru taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE);

iii)

pajjiżi terzi li rratifikaw [il-FKP], sa fejn l-kuntratt pubbliku mogħti jaqa’ taħt l-Annessi 1, 2, 4 u 5, 6 u 7 tal-Appendiċi I tal-FKP;

iv)

pajjiżi terzi li jinsabu fil-proċess ta’ adeżjoni mal-[Unjoni];

v)

pajjiżi terzi li ma jaqgħux taħt il-punt iii), iżda li huma firmatarji ta’ ftehimiet internazzjonali oħra li bis-saħħa tagħhom l-[Unjoni] hija obbligata tagħti l-aċċess liberu għas-suq fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi”.

19

L-Artikolu 49 tal-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi, kif emendata bl-OUG Nru 25/2021, jipprovdi:

“1.   L-awtoritajiet kontraenti huma obbligati jittrattaw l-operaturi ekonomiċi b’mod ugwali u nondiskriminatorju u għandhom jaġixxu b’mod trasparenti u proporzjonat.

2.   Sa fejn l-Annessi 1, 2, 4 u 5, 6 u 7 tal-Appendiċi I […] tal-FKP u ftehimiet internazzjonali oħra li jorbtu l-[Unjoni] jistipulaw dan, l-awtoritajiet kontraenti għandhom jagħtu lix-xogħlijiet, lill-provvisti, lis-servizzi u lill-operaturi ekonomiċi ta’ firmatarji ta’ dawn il-ftehimiet trattament mhux inqas favorevoli minn dak mogħti lix-xogħlijiet, lill-provvisti, lis-servizzi u lill-operaturi ekonomiċi ta[l-Unjoni].”

20

L-Artikolu 53(1a) tal-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi, kif emendata bl‑OUG Nru 25/2021, jipprovdi:

“L-awtorità kontraenti għandha teskludi mill-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt kull persuna fiżika jew ġuridika, li għandha l-kwalità ta’ offerent individwali/offerent assoċjat/kandidat/terz garanti/sottokuntrattur, li ma jaqax fid-definizzjoni li tinsab fl-Artikolu 3(1)(jj) […]”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

21

Fit-3 ta’ April 2020, l-ARF tat bidu għall-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku, permezz ta’ sejħa għal offerti miftuħa, dwar “ix-xiri ta’ 20 ferrovija tal-elettriku interreġjonali ġdida, imsejħa RE-IR, u x-xiri ta’ servizzi ta’ manutenzjoni u ta’ tiswija neċessarji għall-funzjonament tal-imsemmija ferroviji”.

22

Fid-19 ta’ April 2021, żewġ operaturi ekonomiċi, jiġifieri l-konsorzju u Alstom Ferroviaria, issottomettew offerti.

23

Fit-2 ta’ Novembru 2021, l-ARF ippubblikat ir-rapport finali tal-proċedura ta’ għoti tal-kuntratt pubbliku inkwistjoni, li permezz tiegħu hija eskludiet lill-konsorzju u tat il-kuntratt lil Alstom Ferroviaria. Ir-raġuni għall-esklużjoni ġiet ibbażata fuq il-fatt li l-kumpannija li tmexxi l-konsorzju, CRRC Qingdao Sifang, ma kinitx taqa’ taħt il-kunċett ta’ “operatur ekonomiku”, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(jj) tal-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi, kif emendata bl-OUG Nru 25/2021, fid-dawl tal-fatt li s-sede tagħha kienet tinsab fiċ-Ċina.

24

Fil-11 ta’ Novembru 2021, bl-għan li jikkontesta l-esklużjoni tiegħu, il-konsorzju ressaq azzjoni quddiem il-Consiliul Național de Soluționare a Contestațiilor (il-Kunsill Nazzjonali għas-Soluzzjoni tat-Tilwim, ir-Rumanija) (iktar ’il quddiem iċ-“CNSC”). Fl-ambitu ta’ din l-azzjoni, dan il-konsorzju sostna li din l-esklużjoni, ibbażata fuq l-applikazzjoni retroattiva tal-OUG Nru 25/2021, tmur kontra l-Kostituzzjoni Rumena u d-dritt tal-Unjoni.

25

Permezz ta’ deċiżjoni tal-31 ta’ Jannar 2022, iċ-CNSC ċaħad din l-azzjoni għar-raġunijiet li ġejjin.

26

Fl-ewwel lok, dan il-korp irrileva li r-Repubblika Popolari taċ-Ċina ma kienet tissodisfa l-ebda waħda mill-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 3(1)(jj), (i) sa (v), tal-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi, kif emendata bl-OUG Nru 25/2021.

27

Fit-tieni lok, iċ-CNSC ikkonstata li l-konsorzju kien issottometta l-offerta tiegħu fid-19 ta’ April 2021, jiġifieri wara d-dħul fis-seħħ, fil-5 ta’ April 2021, tal-OUG Nru 25/2021.

28

Fit-tielet lok, dan il-korp enfasizza li, skont l-Artikolu V tal-OUG Nru 25/2021, huma biss il-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi li fil-qafas tagħhom l-operaturi ekonomiċi ssottomettew offerti qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan id-digriet ta’ urġenza tal-Gvern li huma rregolati mil-leġiżlazzjoni fis-seħħ fid-data li fiha dawn il-proċeduri nbdew. Għall-kuntrarju, il-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliċi li fl-ambitu tagħhom ma ġiet sottomessa l-ebda offerta fid-data tal-5 ta’ April 2021, data ta’ dħul fis-seħħ tal-OUG Nru 25/2021, huma rregolati minnu.

29

Fl-14 ta’ Frar 2022, il-konsorzju ressaq azzjoni kontra d-deċiżjoni taċ-CNSC quddiem il-Curtea de Apel București (il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest, ir-Rumanija), li hija l-qorti tar-rinviju.

30

Fl-ambitu ta’ din l-azzjoni, il-konsorzju sostna li l-emenda tar-regoli ta’ proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku, matul din il-proċedura, tikkostitwixxi ksur ta’ diversi prinċipji tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, il-prinċipju ta’ ċertezza legali, il-prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività, il-prinċipju ta’ trasparenza u l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

31

Il-qorti tar-rinviju tqis li l-OUG Nru 25/2021 emenda l-qafas legali fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi u ddefinixxa mill-ġdid ċerti regoli ġenerali ta’ parteċipazzjoni fil-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi, skont l-Artikolu 25 tad-Direttiva 2014/24, li jipprevedi l-obbligu għall-Istati Membri li jiggarantixxu l-ugwaljanza fit-trattament, mal-operaturi ekonomiċi tal-Istati Membri, biss għall-operaturi ekonomiċi ta’ pajjiżi terzi firmatarji ta’ ftehimiet li għalihom tirreferi din id-dispożizzjoni.

32

Fil-preambolu tal-OUG Nru 25/2021, il-Gvern Rumen invoka tendenza, matul is-snin preċedenti, għal żieda fin-numru ta’ offerenti minn pajjiżi terzi li jipparteċipaw fil-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi, li joffru garanziji inqas fir-rigward ta’ ċerti rekwiżiti bħalma huma l-istandards ta’ kwalità ċċertifikati, l-istandards ambjentali u tal-iżvilupp sostenibbli, ir-rekwiżiti relatati mal-kundizzjonijiet tax-xogħol u mal-protezzjoni soċjali u kif ukoll il-politika tal-kompetizzjoni.

33

Il-qorti tar-rinviju tikkonstata li l-Artikolu 25 tad-Direttiva 2014/24 ma jagħmilx distinzjoni, f’dak li jirrigwarda t-trattament tal-operaturi ekonomiċi msemmija f’din id-dispożizzjoni, skont il-mument li fih dawn l-operaturi ssottomettew l-offerti tagħhom fil-qafas tal-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi li fihom huma jipparteċipaw.

34

Dik il-qorti tistaqsi sa fejn l-osservanza, minn naħa, tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, stabbiliti mid-dritt tal-Unjoni, u kif ukoll, min-naħa l-oħra, tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ trasparenza u ta’ proporzjonalità, previsti fl-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2014/24, moqri flimkien mal-punt 13 tal-Artikolu 2(1) u l-Artikolu 49 tagħha, hija żgurata meta offerent jiġi eskluż abbażi ta’ att normattiv li għandu s-saħħa ta’ liġi u li jemenda, wara l-pubblikazzjoni tal-avviż ta’ kuntratt, id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “operatur ekonomiku” fid-dritt nazzjonali.

35

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Curtea de Apel București (il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Il-prinċipji ta’ [ċertezza legali] u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li mill-5 ta’ April 2021 tittrasponi l-Artikolu 25 tad-[Direttiva 2014/24], u li stabbiliet li l-operaturi ekonomiċi li ma jaqgħux taħt dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni jistgħu jkomplu jipparteċipaw fi proċedura ta’ sejħa għal offerta biss jekk ikunu ressqu offerti sad-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din l-emenda leġiżlattiva?

2)

Il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ trasparenza u ta’ proporzjonalità kif stabbiliti fl-Artikolu 18(1) flimkien mal-punt 13 tal-Artikolu 2(1) u mal-Artikolu 49 tad-Direttiva 2014/24, jipprekludu l-esklużjoni ta’ offerent fuq il-bażi ta’ att normattiv li għandu s-saħħa ta’ liġi adottat mill-gvern tal-Istat Membru li jistabbilixxi regola ġdida li temenda d-definizzjoni ta’ operatur ekonomiku, wara l-pubblikazzjoni tas-sejħa għal offerti dwar il-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku li tali operatur ikun qed jipparteċipa fiha?”

Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

36

Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tar-Raba’ Awla tat-28 ta’ Settembru 2023, il-proċedura f’din il-kawża ġiet sospiża, skont l-Artikolu 55 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, sakemm tingħata s-sentenza fil-Kawża C‑652/22, Kolin Inşaat Turizm Sanayi ve Ticaret.

37

Fit-23 ta’ Ottubru 2024, wara s-sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2024, Kolin Inşaat Turizm Sanayi ve Ticaret (C‑652/22, EU:C:2024:910), il-proċedura tkompliet.

Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

38

L-ARF u Alstom Ferroviaria jsostnu li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex teżamina d-domandi magħmula, peress li dawn, fir-realtà, ma jirrigwardawx l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, iżda l-interpretazzjoni ta’ regoli tad-dritt nazzjonali u l-evalwazzjoni tal-fatti, li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-qorti nazzjonali.

39

Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 19(3)(b) TUE u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tagħti deċiżjoni preliminari, b’mod partikolari, dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

40

F’dan il-każ, ma jistax jiġi kkontestat li d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet u ta’ prinċipji tad-dritt tal-Unjoni.

41

Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għal dawn id-domandi.

Fuq l‑ammissibbiltà tad‑domandi preliminari

42

L-ARF u Alstom Ferroviaria jsostnu li d-domandi magħmula huma inammissibbli peress li huma irrilevanti għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali. F’dan ir-rigward, l-ARF tosserva li CRRC Qingdao Sifang, li ġiet eskluża mill-proċedura ta’ għoti tal-kuntratt pubbliku inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hija stabbilita fit-territorju tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina, li ma kkonkludietx ftehim internazzjonali mal-Unjoni li jiggarantixxi l-aċċess ugwali u reċiproku għall-kuntratti pubbliċi. Minn dan isegwi li din il-kumpannija ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/24.

43

Skont ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali li quddiemha titressaq il-kawża u li għandha tagħti d-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, meta d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, meħtieġa tagħti deċiżjoni. Minn dan isegwi li domandi dwar id-dritt tal-Unjoni jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jkun jidher b’mod ċar li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma jkollha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ dritt neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tas-16 ta’ Jannar 2025, Banco de Santander (Rappreżentanza tal-konsumaturi individwali), C‑346/23, EU:C:2025:13, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44

Issa, f’dan il-każ, il-kundizzjonijiet li jistgħu jwasslu lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrifjuta li tiddeċiedi dwar id-domandi magħmula ma humiex issodisfatti.

45

Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk id-dritt tal-Unjoni jipprekludix l-esklużjoni tal-konsorzju mill-proċedura ta’ għoti tal-kuntratt pubbliku inkwistjoni fil-kawża prinċipali, b’applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li emendat il-kunċett ta’ “operatur ekonomiku” sabiex tittrasponi l-Artikolu 25 tad-Direttiva 2014/24. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jidhirx b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni hija manifestament nieqsa minn rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali jew li l-problema mqajma hija ta’ natura ipotetika.

46

Ċertament, mill-punti 45, 51 u 67 tas-sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2024, Kolin Inşaat Turizm Sanayi ve Ticaret (C‑652/22, EU:C:2024:910), jirriżulta li, f’sitwazzjoni kkaratterizzata mill-parteċipazzjoni fi proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku fl-Unjoni ta’ operatur ekonomiku minn pajjiż terz li ma jkunx ikkonkluda ftehim internazzjonali mal-Unjoni li jiggarantixxi l-aċċess ugwali u reċiproku għall-kuntratti pubbliċi, dan l-operatur ekonomiku ma jistax jinvoka r-regoli dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi li jinsabu fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, bħall-Artikolu 18 tad-Direttiva 2014/24. Peress li r-regoli dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi li jinsabu f’dawn id-direttivi ma jistgħux japplikaw għall-offerta sottomessa minn operatur ekonomiku ta’ tali pajjiż terz, l-interpretazzjoni tagħhom ma tistax tkun rilevanti sabiex tiġi riżolta tilwima mressqa minn dan l-operatur ekonomiku sabiex jiġi kkontestat il-mod li bih dawn ir-regoli ġew applikati fil-proċedura ta’ għoti inkwistjoni. Għaldaqstant, fl-ambitu ta’ tali tilwima, talba għal deċiżjoni preliminari li permezz tagħha l-qorti tar-rinviju tfittex li tikseb tali interpretazzjoni hija inammissibbli.

47

Madankollu, meta, bħal f’dan il-każ, it-tilwima tirrigwarda l-kwistjoni dwar skont liema modalitajiet operatur ekonomiku ta’ pajjiż terz li ma jkunx ikkonkluda ftehim internazzjonali mal-Unjoni li jiggarantixxi l-aċċess ugwali u reċiproku għall-kuntratti pubbliċi jista’ jiġi eskluż minn proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku fl-Unjoni, it-tressiq ta’ talba għal deċiżjoni preliminari intiża għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet jew ta’ prinċipji tad-dritt tal-Unjoni li jistgħu, skont il-qorti tar-rinviju, jirregolaw din il-kwistjoni, jista’ jkun rilevanti għas-soluzzjoni tat-tilwima mressqa quddiemha.

48

Minn dan isegwi li d-domandi magħmula f’din il-kawża huma ammissibbli.

Fuq id-domandi preliminari

49

Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali kif ukoll l-Artikolu 18(1), moqri flimkien mal-punt 13 tal-Artikolu 2(1) u l-Artikolu 49 tad-Direttiva 2014/24, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li operatur ekonomiku minn pajjiż terz li ma jkunx ikkonkluda mal-Unjoni ftehim internazzjonali msemmi fl-Artikolu 25 ta’ din id-direttiva jiġi eskluż minn proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku organizzata fi Stat Membru, abbażi ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tkun daħlet fis-seħħ wara l-pubblikazzjoni tal-avviż ta’ kuntratt, iżda qabel ma dan l-operatur ekonomiku jkun issottometta l-offerta tiegħu.

Osservazzjonijiet preliminari

50

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, fid-dawl tas-suġġett tal-proċedura ta’ għoti tal-kuntratt pubbliku inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri l-akkwist ta’ ferroviji intiżi għat-trasport ferrovjarju kif ukoll ta’ servizzi ta’ manutenzjoni u ta’ tiswija, din il-proċedura tista’ taqa’ mhux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/24, li għaliha tirreferi t-talba għal deċiżjoni preliminari, iżda taħt dak tad-Direttiva 2014/25.

51

Fil-fatt, konformement mal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2014/24, il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha ma jestendix għall-kuntratti pubbliċi fis-settur tas-servizzi tat-trasport, kif iddefinit fl-Artikolu 11 tad-Direttiva 2014/25 (sentenza tal-1 ta’ Awwissu 2022, Roma Multiservizi u Rekeep, C‑332/20, EU:C:2022:610, punt 64).

52

L-Artikolu 11 tad-Direttiva 2014/25, intitolat “Servizzi tat-trasport”, jispeċifika, fl-ewwel paragrafu tiegħu, li din id-direttiva għandha tapplika għall-attivitajiet li għandhom x’jaqsmu mal-forniment jew it-tħaddim ta’ networks li jipprovdu servizz lill-pubbliku, b’mod partikolari, fil-qasam tat-trasport bil-ferrovija. Skont it-tieni paragrafu ta’ dan l-artikolu, ikun hemm network fejn is-servizz tat-trasport ikun ipprovdut taħt il-kundizzjonijiet iddeterminati minn awtorità kompetenti ta’ Stat Membru, bħall-kundizzjonijiet marbuta mar-rotot li għandhom jiġu segwiti, mal-kapaċità tat-trasport disponibbli jew mal-frekwenza tas-servizz.

53

F’dan il-każ, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk il-proċedura ta’ għoti tal-kuntratt pubbliku inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/25 skont l-Artikolu 11 tagħha, f’liema każ din il-proċedura ma tkunx taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/24, konformement mal-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva tal-aħħar.

54

B’dan premess, l-Artikolu 25 tad-Direttiva 2014/24 huwa fformulat f’termini ekwivalenti għal dawk tal-Artikolu 43 tad-Direttiva 2014/25.

55

Għaldaqstant, il-fatt li din il-proċedura tista’ ma taqax taħt id-Direttiva 2014/24, iżda taħt id-Direttiva 2014/25, ma jistax ikollu effett fuq l-eżami tad-domandi magħmula. Fil-fatt, dan l-eżami, li ser jitwettaq fid-dawl tal-Artikolu 25 tad-Direttiva 2014/24, għandu jitqies li sar ukoll fid-dawl tal-Artikolu 43 tad-Direttiva 2014/25, fil-każ li l-qorti tar-rinviju tiddeċiedi li l-proċedura ta’ għoti tal-kuntratt pubbliku inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqa’ taħt din id-direttiva tal-aħħar.

Fuq il-mertu

56

L-Unjoni hija marbuta, fir-rigward ta’ ċerti pajjiżi terzi, bi ftehimiet internazzjonali, b’mod partikolari il-FKP, li jiggarantixxu, b’mod reċiproku u ugwali, l-aċċess tal-operaturi ekonomiċi tal-Unjoni għall-kuntratti pubbliċi f’dawn il-pajjiżi terzi u dak tal-operaturi ekonomiċi tal-imsemmija pajjiżi terzi għall-kuntratti pubbliċi fl-Unjoni. L‑Artikolu 25 tad-Direttiva 2014/24 jirrifletti dawn l-impenji internazzjonali tal-Unjoni billi jipprovdi li, sa fejn il-FKP jew konvenzjonijiet internazzjonali oħra li jorbtu lill-Unjoni jipprevedu dan, l-awtoritajiet kontraenti tal-Istati Membri għandhom jagħtu lill-operaturi ekonomiċi tal-pajjiżi terzi li huma partijiet għal tali ftehim trattament mhux inqas favorevoli minn dak mogħti lill-operaturi ekonomiċi tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2024, Kolin Inşaat Turizm Sanayi ve Ticaret, C‑652/22, EU:C:2024:910, punti 41 u 42).

57

S’issa, pajjiżi terzi oħra għadhom ma kkonkludewx tali ftehim internazzjonali mal-Unjoni. Fost dawn hemm ir-Repubblika Popolari taċ-Ċina.

58

Id-dritt mogħti, mill-Artikolu 27(1) tad-Direttiva 2014/24, lil “kwalunkwe operatur ekonomiku interessat” li jissottometti offerta fir-rigward ta’ sejħa għall-kompetizzjoni fil-kuntest ta’ proċedura miftuħa ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku fl-Unjoni ma jestendix għall-operaturi ekonomiċi ta’ dawn il-pajjiżi terzi li ma jkunux ikkonkludew tali ftehim internazzjonali mal-Unjoni. Interpretazzjoni differenti ta’ din id-dispożizzjoni u, għalhekk, l-għoti ta’ portata illimitata lill-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae ta’ din id-direttiva twassal, kif irrileva essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punti 65 sa 73 tal-konklużjonijiet tiegħu, sabiex l-operaturi ekonomiċi ta’ dawn il-pajjiżi terzi jiġu ggarantiti aċċess ugwali għall-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi fl-Unjoni. Dan ikollu l-effett li jagħtihom dritt għal trattament mhux inqas favorevoli bi ksur tal-Artikolu 25 ta’ din id-direttiva, li jillimita l-benefiċċju ta’ dan id-dritt għall-operaturi ekonomiċi ta’ pajjiżi terzi li kkonkludew mal-Unjoni ftehim internazzjonali bħal dawk imsemmija f’dan l-artikolu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2024, Kolin Inşaat Turizm Sanayi ve Ticaret, C‑652/22, EU:C:2024:910, punti 46 u 47).

59

Minn dan isegwi li d-Direttiva 2014/24 għandha tinftiehem fis-sens li l-aċċess tal-operaturi ekonomiċi tal-pajjiżi terzi msemmija fil-punt 57 ta’ din is-sentenza għall-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi fl-Unjoni ma huwiex iggarantit. Dan jimplika li dawn l-operaturi jistgħu, jew jiġu esklużi minn dawn il-proċeduri, jew jiġu ammessi fihom filwaqt li ma jkunux jistgħu jinvokaw din id-direttiva u jeżiġu trattament ugwali tal-offerta tagħhom meta mqabbla ma’ dawk ippreżentati mill-offerenti tal-Istati Membri u mill-offerenti tal-pajjiżi terzi msemmija fl-Artikolu 25 tal-imsemmija direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2024, Kolin Inşaat Turizm Sanayi ve Ticaret, C‑652/22, EU:C:2024:910, punti 45 u 47).

60

Kull att ta’ portata ġenerali li għandu l-għan speċifiku li jiddetermina, għall-operaturi ekonomiċi ta’ pajjiż terz, dawn il-modalitajiet ta’ esklużjoni jew ta’ aċċess jaqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni skont l-Artikolu 3(1)(e) TFUE fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni. Dan huwa l-każ tal-atti li, fl-assenza ta’ ftehim konkluż bejn l-Unjoni u pajjiż terz, jiddeterminaw unilateralment jekk u, jekk ikun il-każ, skont liema modalitajiet l-operaturi ekonomiċi ta’ dan il-pajjiż terz jistgħu jipparteċipaw fil-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi fl-Unjoni. Fil-fatt, l-istess bħalma huma tali ftehimiet, dawn l-atti unilaterali għandhom effetti diretti u immedjati fuq il-kummerċ ta’ merkanzija u ta’ servizzi bejn l-imsemmi pajjiż terz u l-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2024, Kolin Inşaat Turizm Sanayi ve Ticaret, C‑652/22, EU:C:2024:910, punt 57).

61

Minn dan isegwi li hija biss l-Unjoni li hija kompetenti sabiex tadotta att ta’ portata ġenerali dwar l-aċċess, fi ħdanha, għall-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi tal-operaturi ekonomiċi ta’ pajjiż terz li ma jkunx ikkonkluda ftehim internazzjonali mal-Unjoni li jiggarantixxi l-aċċess ugwali u reċiproku għall-kuntratti pubbliċi, billi jistabbilixxi sistema ta’ aċċess iggarantit għal dawn il-proċeduri għal dawn l-operaturi ekonomiċi, jew sistema li teskludihom jew li tipprevedi aġġustament tar-riżultat li jirriżulta mit-tqabbil tal-offerti tagħhom ma’ dawk ippreżentati minn operaturi ekonomiċi oħra (sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2024, Kolin Inşaat Turizm Sanayi ve Ticaret, C‑652/22, EU:C:2024:910, punt 61).

62

Fil-fatt, skont l-Artikolu 2(1) TFUE, fl-oqsma li jaqgħu fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni, hija biss din tal-aħħar li tista’ tilleġiżla u tadotta atti legalment vinkolanti, filwaqt li l-Istati Membri jkunu jistgħu jagħmlu dan biss jekk ikunu awtorizzati għal dan mill-Unjoni, jew sabiex jimplimentaw l-atti tal-Unjoni. Issa, l-Unjoni ma awtorizzatx lill-Istati Membri biex jilleġiżlaw jew jadottaw atti legalment vinkolanti dwar l-aċċess għall-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi ta’ operaturi ekonomiċi ta’ pajjiż terz li ma jkunx ikkonkluda ftehim internazzjonali mal-Unjoni. L-Unjoni lanqas ma adottat, sal-lum, atti ta’ din in-natura li l-Istati Membri jistgħu jimplimentaw (sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2024, Kolin Inşaat Turizm Sanayi ve Ticaret, C‑652/22, EU:C:2024:910, punt 62).

63

Fl-assenza ta’ atti adottati mill-Unjoni, hija l-awtorità kontraenti li għandha tevalwa jekk għandhomx jiġu ammessi fi proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku l-operaturi ekonomiċi ta’ pajjiż terz li ma jkunx ikkonkluda ftehim internazzjonali mal-Unjoni li jiggarantixxi l-aċċess ugwali u reċiproku għall-kuntratti pubbliċi u, fil-każ fejn hija tiddeċiedi dwar tali aċċess, jekk għandux jiġi previst aġġustament tar-riżultat li jirriżulta mit-tqabbil bejn l-offerti magħmula minn dawn l-operaturi u dawk ippreżentati minn operaturi oħra (sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2024, Kolin Inşaat Turizm Sanayi ve Ticaret, C‑652/22, EU:C:2024:910, punt 63).

64

F’dan il-każ, ma kinitx teżisti dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li kienet timponi li jiġu ammessi fil-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi jew li jiġu esklużi minnhom l-operaturi ekonomiċi ta’ pajjiż terz li ma jkunx ikkonkluda ftehim internazzjonali mal-Unjoni li jiggarantixxi l-aċċess ugwali u reċiproku għall-kuntratti pubbliċi. Fid-dawl tar-regoli mfakkra fil-punti 60 sa 62 ta’ din is-sentenza, li jipprovdu li, fl-assenza ta’ awtorizzazzjoni mill-Unjoni jew ta’ att tal-Unjoni li jista’ jiġi implimentat, l-Istati Membri huma pprojbiti milli jilleġiżlaw fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali li timponi fuq l-awtorità kontraenti l-obbligu li teskludi lil dawn l-operaturi ekonomiċi ma setgħetx tiġi applikata. Hija l-awtorità kontraenti li għandha tiddeċiedi, fil-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, jekk il-konsorzju għandux jiġi ammess jew eskluż.

65

F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa irrilevanti li din il-leġiżlazzjoni nazzjonali daħlet fis-seħħ wara l-pubblikazzjoni tal-avviż tal-kuntratt, iżda qabel ma l-operatur ekonomiku Ċiniż issottometta l-offerta tiegħu.

66

Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li, billi l-operaturi ekonomiċi ta’ pajjiżi terzi li ma kkonkludewx ftehim internazzjonali mal-Unjoni li jiggarantixxi l-aċċess ugwali u reċiproku għall-kuntratti pubbliċi ma jibbenefikawx minn dritt għal trattament mhux inqas favorevoli skont l-Artikolu 25 tad-Direttiva 2014/24, l-awtorità kontraenti tista’ tesponi, fid-dokumenti tal-kuntratt, modalitajiet ta’ trattament intiżi li jirriflettu d-differenza oġġettiva bejn is-sitwazzjoni legali ta’ dawn l-operaturi, minn naħa, u dik tal-operaturi ekonomiċi tal-Unjoni u tal-pajjiżi terzi li jkunu kkonkludew tali ftehim mal-Unjoni, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 25, min-naħa l-oħra. Għalkemm huwa konċepibbli li l-modalitajiet ta’ trattament għandhom ikunu konformi ma’ ċerti prinċipji u rekwiżiti, bħall-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, azzjoni intiża li tinvoka l-ksur ta’ tali prinċipji mill-awtorità kontraenti tista’ tiġi eżaminata biss fid-dawl tad-dritt nazzjonali u mhux fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2024, Kolin Inşaat Turizm Sanayi ve Ticaret, C‑652/22, EU:C:2024:910, punti 64 u 66).

67

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 3(1)(e) TFUE, li jagħti lill-Unjoni kompetenza esklużiva fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni, moqri flimkien mal-Artikolu 2(1) TFUE, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li, fl-assenza ta’ att tal-Unjoni li jimponi jew jipprojbixxi l-aċċess għall-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi ta’ operaturi ekonomiċi ta’ pajjiż terz li ma kkonkludiex mal-Unjoni ftehim internazzjonali previst fl-Artikolu 25 tad-Direttiva 2014/24, awtorità kontraenti ta’ Stat Membru teskludi operatur ekonomiku ta’ tali pajjiż terz abbażi ta’ att leġiżlattiv li dan l-Istat Membru adotta mingħajr ma kien awtorizzat jagħmel dan mill-Unjoni, u l-fatt li dan l-att leġiżlattiv daħal fis-seħħ wara l-pubblikazzjoni tal-avviż ta’ kuntratt ma għandu ebda effett f’dan ir-rigward.

Fuq l-ispejjeż

68

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

 ( 1 )L-Artikolu 3(1)(e) TFUE, li jagħti lill-Unjoni kompetenza esklużiva fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni, moqri flimkien mal-Artikolu 2(1) TFUE,

 

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

 

huwa prekluż li, fl-assenza ta’ att tal-Unjoni li jimponi jew jipprojbixxi l-aċċess għall-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi ta’ operaturi ekonomiċi ta’ pajjiż terz li ma kkonkludiex mal-Unjoni ftehim internazzjonali previst fl-Artikolu 25 tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id‑Direttiva 2004/18/KE, awtorità kontraenti ta’ Stat Membru teskludi operatur ekonomiku ta’ tali pajjiż terz abbażi ta’ att leġiżlattiv li dan l-Istat Membru adotta mingħajr ma kien awtorizzat jagħmel dan mill-Unjoni, u l-fatt li dan l-att leġiżlattiv daħal fis-seħħ wara l-pubblikazzjoni tal-avviż ta’ kuntratt ma għandu ebda effett f’dan ir-rigward.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: ir-Rumen.

( 1 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna preċedenti.