SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)
13 ta’ Marzu 2025 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sistema fiskali komuni applikabbli għall-kumpanniji omm u sussidjarji ta’ Stati Membri differenti – Direttiva 2011/96/UE – Artikolu 1(4) – Prevenzjoni tal-evażjoni tat-taxxa, il-frodi tat-taxxa u l-abbuż – Artikolu 4(1) – Projbizzjoni li jiġu ntaxxati l-profitti rċevuti – Effett dirett – Inklużjoni tad-dividend imqassam mis-sussidjarja fil-bażi taxxabbli tal-kumpannija omm – Tnaqqis tad-dividend imqassam mis-sussidjarja mill-bażi taxxabbli tal-kumpannija omm – Limitazzjoni tat-tnaqqis – Sistema ta’ trasferiment intragrupp li tippermetti t-trasferiment ta’ profitti magħmula minn ċerti kumpanniji lil oħrajn”
Fil-Kawża C‑135/24,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-tribunal de première instance de Liège (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Liège, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tad‑29 ta’ Jannar 2024, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑20 ta’ Frar 2024, fil-proċedura
John Cockerill SA
vs
L-Istat Belġjan,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),
komposta minn A. Kumin (Relatur), President tal-Awla, I. Ziemele u S. Gervasoni, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: R. Norkus,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal John Cockerill SA, minn M. Possoz, avocat u H. Vanhulle, advocaat, |
|
– |
għall-Gvern Belġjan, minn S. Baeyens, P. Cottin u C. Pochet, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Ferrand u W. Roels, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(4) u tal-Artikolu 4 tad-Direttiva tal-Kunsill 2011/96/UE tat‑30 ta’ Novembru 2011 dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika fil-każ tal-kumpanniji prinċipali [omm] u sussidjarji ta’ Stati Membri differenti (ĠU 2011, L 345, p. 8), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2015/121 tas‑27 ta’ Jannar 2015 (ĠU 2015, L 21, p. 1) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2011/96”). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn John Cockerill SA u l-Istat Belġjan dwar id-dikjarazzjoni tat-taxxa tiegħu għas-sena fiskali 2020. |
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt tal‑Unjoni
|
3 |
L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2011/96 jipprevedi: “1. Kull Stat Membru għandu japplika din id-Direttiva:
[…] 2. L-Istati Membri ma għandhomx jagħtu l-benefiċċji ta’ din id-Direttiva lil arranġament jew sensiela ta’ arranġamenti li, peress li jkunu ġew attwati għall-iskop ewlieni jew għal wieħed mill-iskopijiet ewlenin li jinkiseb vantaġġ tat-taxxa li jmur kontra l-objettiv jew l-iskop ta’ din id-Direttiva, ma jkunux ġenwini fid-dawl tal-fatti u ċ-ċirkostanzi rilevanti kollha. Arranġament jista’ jinkludi aktar minn pass wieħed jew parti waħda. 3. Għall-finijiet tal-paragrafu 2, arranġament jew sensiela ta’ arranġamenti għandhom jitqiesu bħala mhux ġenwini sa fejn ma jsirux għal raġunijiet kummerċjali validi li jirriflettu r-realtà ekonomika. 4. Din id-Direttiva ma għandhiex tipprekludi l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet domestiċi jew ibbażati fuq ftehimiet li jkunu meħtieġa għall-prevenzjoni tal-evażjoni tat-taxxa, il-frodi tat-taxxa jew l-abbuż.” |
|
4 |
L-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi: “Meta kumpannija prinċipali jew l-istabbiliment permanenti tagħha jirċievu qligħ imqassam bis-saħħa tal-assoċjazzjoni tal-kumpannija prinċipali mas-sussidjarja tagħha, l-Istat Membru tal-kumpannija prinċipali u l-Istat Membru tal-istabbiliment permanenti tagħha għandhom, għajr meta s-sussidjarja tiġi llikwidata, jew:
|
Id‑dritt Belġjan
|
5 |
It-tilwima fil-kawża prinċipali hija rregolata mid-dispożizzjonijiet tal-code des impôts sur les revenus de 1992 (il-Kodiċi tat-Taxxa fuq id-Dħul tal-1992), fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ matul is-sena fiskali 2020 (iktar ’il quddiem iċ-“CIR 1992”). |
|
6 |
L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2011/96 huwa traspost fid-dritt Belġjan permezz tal-Artikoli 202 et seq. taċ-CIR 1992. Il-leġiżlatur Belġjan għażel il-metodu msejjaħ ta’ “inklużjoni-tnaqqis”, li jfisser li, essenzjalment, id-dividendi mqassma minn sussidjarja huma l-ewwel inklużi fil-bażi taxxabbli tal-kumpannija omm u sussegwentement imnaqqsa minn din il-bażi, bħala “dħul intaxxat b’mod definittiv” (iktar ’il quddiem id-“DID”), jekk il-kundizzjonijiet legali jkunu ssodisfatti. Meta d-DID ikun ogħla mill-bażi taxxabbli tal-kumpannija, l-eċċessi jistgħu jiġu ttrasferiti għas-snin finanzjarji sussegwenti. |
|
7 |
Barra minn hekk, iċ-CIR 1992 jipprevedi skema ta’ “trasferiment intragrupp”. Din l-iskema tippermetti, taħt ċerti kundizzjonijiet, lill-kumpanniji Belġjani li jagħmlu profitt jittrasferixxu l-profitti kollha tagħhom jew parti minnhom lil kumpanniji tal-istess grupp li jkunu ġarrbu telf matul l-istess perijodu taxxabbli. Fir-rigward tal-kumpannija li twettaq it-trasferiment, l-ammont ittrasferit jitnaqqas mill-profitt tal-perijodu taxxabbli (l-Artikolu 205/5 taċ-CIR 1992). Fir-rigward tal-kumpannija li tibbenefika mit-trasferiment, l-ammont ittrasferit huwa inkluż fil-bażi taxxabbli (l-Artikolu 185(4) taċ-CIR 1992). |
|
8 |
Hija prevista limitazzjoni fit-tmien paragrafu tal-Artikolu 207 taċ-CIR 1992, li huwa fformulat kif ġej: “L-ebda tnaqqis previst fl-Artikoli 199 sa 206, 536 u 543 ma jista’ jsir fuq l-ammont ta’ trasferiment intragrupp imsemmi fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 185 [(4)], li għandu jiġi inkluż fil-bażi taxxabbli.” |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
|
9 |
John Cockerill hija kumpannija residenti Belġjana suġġetta għat-taxxa fuq il-kumpanniji. |
|
10 |
Matul l-2019, hija rċeviet dividendi ġejjin mis-sehem tagħha f’sussidjarji stabbiliti fil-Belġju, fi Stati Membri oħra tal-Unjoni Ewropea u f’pajjiżi terzi, li parti minnhom, li tammonta għal EUR 96302105, tissodisfa, skont din il-kumpannija, il-kundizzjonijiet sabiex tibbenefika mis-sistema DID. Barra minn hekk, matul din l-istess sena, il-kumpannija bbenefikat minn trasferiment intragrupp ta’ EUR 43 697 824.53, li żdied mal-bażi taxxabbli tagħha. |
|
11 |
Madankollu, minħabba r-restrizzjoni tat-tnaqqis prevista fit-tmien paragrafu tal-Artikolu 207 taċ-ĊIR 1992, John Cockerill ma setgħetx tnaqqas mill-bażi taxxabbli tagħha d-dividendi kollha rċevuti li jissodisfaw il-kundizzjonijiet sabiex jibbenefikaw mis-sistema DID. Konsegwentement, hija ntalbet tħallas is-somma ta’ EUR 13 057 328.95 bħala taxxa fuq il-kumpanniji għas-sena fiskali 2020. Issa, skont din il-kumpannija, li kieku hija ma rċeviet ebda dividend li jissodisfa l-kundizzjonijiet sabiex tibbenefika mis-sistema DID matul is-sena fiskali inkwistjoni, il-bażi taxxabbli tagħha kienet tkun negattiva, b’tali mod li ma kinitx tkun taxxabbli. |
|
12 |
John Cockerill tqis li din is-sitwazzjoni, li twassalha sabiex tkun taxxabbli filwaqt li ma kinitx tkun taxxabbli li kieku ma rċevietx dividendi, tmur kontra d-Direttiva 2011/96. Għaldaqstant, fl‑20 ta’ April 2021, hija ressqet ilment quddiem l-awtorità tat-taxxa Belġjana sabiex tikkontesta t-taxxa li hija kienet suġġetta għaliha. Peress li dan l-ilment ġie miċħud, hija ressqet azzjoni, fil‑5 ta’ Diċembru 2022, quddiem it-tribunal de première instance de Liège (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Liège, il-Belġju), li hija l-qorti tar-rinviju, għall-istess raġuni. |
|
13 |
John Cockerill sostna quddiem din il-qorti li, peress li t-tmien paragrafu tal-Artikolu 207 taċ-ĊIR 1992 ma jippermettix it-tnaqqis tad-DID tas-sena kurrenti mit-trasferiment intragrupp irċevut, hija mċaħħda minn vantaġġ fiskali. Hija tara dan bħala differenza fit-trattament li tmur kontra d-Direttiva 2011/96 meta tiġi pparagunata s-sitwazzjoni ta’ kumpannija li tirċievi dividendi eżentati skont din id-direttiva mas-sitwazzjoni ta’ kumpannija oħra li ma tirċevihomx, għalkemm it-tnejn li huma bbenefikaw mill-istess trasferiment intragrupp. |
|
14 |
Min-naħa tiegħu, l-Istat Belġjan jenfasizza li l-iskop tal-iskema ta’ trasferiment intragrupp hija li jiġi żgurat kumpens ġust bejn il-profitti u t-telf sostnuti fi ħdan grupp ta’ kumpanniji. Għaldaqstant, it-tmien paragrafu tal-Artikolu 207 taċ-CIR 1992 huwa intiż sabiex jillimita l-interess ta’ trasferiment li jmur lil hinn mit-telf ta’ taxxa tal-kumpannija li tirċievi t-trasferiment u sabiex b’hekk tiġi miġġielda kull rieda li jsir abbuż minn din is-sistema billi jiġu nnewtralizzati l-vantaġġi li jirriżultaw minn trasferiment intragrupp li huwa għoli wisq. Fi kwalunkwe każ, id-DID li ma setax jiġi dedott skont din id-dispożizzjoni jista’ jinġarr għas-snin finanzjarji sussegwenti. |
|
15 |
Minħabba li kellha dubji dwar jekk il-liġi nazzjonali kinitx konformi mad-Direttiva 2011/96, it-tribunal de première instance de Liège (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Liège) ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tagħmel id-domandi li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:
|
Fuq l‑ammissibbiltà
|
16 |
Il-Gvern Belġjan jikkontesta l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari. |
|
17 |
L-ewwel nett, huwa jsostni li din it-talba ma fihiex biżżejjed informazzjoni dwar il-fatti tal-kawża prinċipali u dwar ir-regoli tad-dritt intern rilevanti. |
|
18 |
Sussegwentement, sa fejn il-qorti tar-rinviju tirreferi, fl-ewwel domanda tagħha, għal “kumpanniji b’telf”, il-Gvern Belġjan isostni li f’dan il-każ bl-ebda mod ma hija kwistjoni ta’ telf, peress li r-riżultati ta’ John Cockerill matul is-sena fiskali inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma pożittivi. B’hekk, it-talba għal deċiżjoni preliminari hija purament ipotetika. |
|
19 |
Fl-aħħar nett, il-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, il-Belġju) diġà ddeċidiet dwar il-mod kif għandha tiġi interpretata, fid-dawl tad-Direttiva 2011/96, il-projbizzjoni ta’ tnaqqis prevista fit-tmien paragrafu tal-Artikolu 207 taċ-CIR 1992, b’tali mod li l-qorti tar-rinviju għandha l-informazzjoni kollha neċessarja sabiex tevalwa l-fatti konkreti fid-dritt u sabiex tiddeċiedi fuq il-mertu. |
|
20 |
Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn din tal-aħħar u l-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali, li hija adita bit-tilwima u li għandha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tingħata, li għandha tevalwa, fid-dawl tal-karatteristiċi tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun tista’ tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, meta d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni jew l-evalwazzjoni tal-validità tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, meħtieġa tagħti deċiżjoni (sentenza tat‑28 ta’ Novembru 2024, ENGIE Deutschland,C‑293/23, EU:C:2024:992, punt 40 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
21 |
Minn dan isegwi li d-domandi dwar l-interpretazzjoni jew dwar l-evalwazzjoni tal-validità tad-dritt tal-Unjoni, magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali li hija tiddefinixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha stess, u li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tevalwa l-eżattezza tiegħu, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut min-naħa tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar domanda magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss jekk ikun jidher b’mod ċar li l-interpretazzjoni mitluba ta’ regola tal-Unjoni ma għandha l-ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tat‑28 ta’ Novembru 2024, ENGIE Deutschland,C‑293/23, EU:C:2024:992, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
22 |
F’dan il-każ, it-talba għal deċiżjoni preliminari tinkludi indikazzjonijiet dwar il-kuntest fattwali u leġiżlattiv tal-kawża prinċipali li, minkejja li huma limitati, huma madankollu suffiċjenti sabiex jippermettu li tinftiehem il-portata tad-domandi magħmula u r-rilevanza tagħhom għas-soluzzjoni ta’ din il-kawża kif ukoll sabiex jippermettu lill-Qorti tal-Ġustizzja tipprovdi risposti utli, filwaqt li tagħti lill-gvernijiet tal-Istati Membri kif ukoll lill-partijiet ikkonċernati l-oħra l-possibbiltà li jippreżentaw osservazzjonijiet skont l-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. |
|
23 |
Fir-rigward, b’mod iktar speċifiku, tal-ewwel domanda, ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tivverifika l-eżattezza tal-premessa fattwali li fuqha hija bbażata din id-domanda u, fi kwalunkwe każ, l-imsemmija domanda ma tidhirx li hija manifestament ipotetika, fid-dawl tas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, kif deskritt mill-qorti tar-rinviju. |
|
24 |
Fl-aħħar nett, l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari ma tistax tiġi kkontestata fid-dawl ta’ kwalunkwe ġurisprudenza rilevanti tal-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni). Anki jekk jitqies li teżisti regola ta’ dritt nazzjonali li tipprevedi li l-evalwazzjonijiet ta’ dritt magħmula minn din il-qorti tal-aħħar jorbtu lill-qorti tar-rinviju, tali regola ta’ dritt ma tistax iċċaħħadha mill-possibbiltà li tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja domandi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni dwar tali evalwazzjonijiet. Qorti nazzjonali għandha tkun libera, jekk hija tqis li l-evalwazzjoni fid-dritt magħmula f’livell ogħla tista’ twassal għal sentenza li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni, li tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja l-kwistjonijiet li jkollha dubji dwarhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Jannar 2013, Križan et, C‑416/10, EU:C:2013:8, punt 68 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
25 |
Minn dan isegwi li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli. |
Fuq id‑domandi preliminari
|
26 |
Permezz taż-żewġ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2011/96 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprevedi li d-dividendi rċevuti minn kumpannija omm mingħand is-sussidjarja tagħha għandhom l-ewwel jiġu inklużi fil-bażi taxxabbli tal-ewwel waħda, qabel ma jkunu jistgħu, sussegwentement, ikunu s-suġġett ta’ tnaqqis, mingħajr ma dan japplika għall-ammont ta’ trasferiment intragrupp inkluż fil-bażi taxxabbli u, fl-affermattiv, jekk l-Artikolu 1(4) tal-imsemmija direttiva jawtorizzax madankollu tali leġiżlazzjoni. |
|
27 |
L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2011/96 jipprevedi li, meta kumpannija omm jew l-istabbiliment permanenti tagħha jirċievu, bis-saħħa tal-assoċjazzjoni bejn il-kumpannija omm u s-sussidjarja tagħha, profitti mqassma li ma jkunux ġejjin mill-istralċ ta’ din tal-aħħar, l-Istat Membru tal-kumpannija omm u l-Istat tal-istabbiliment permanenti tagħha “ma jintaxxawx tali profitti sal-punt li tali profitti ma jkunux deduċibbli mis-sussidjarja […]”, jew “jintaxxaw dan il-qligħ filwaqt li jawtorizzaw lill-kumpannija prinċipali u lill-istabbiliment permanenti li jnaqqsu mill-ammont mistħoqq tat-taxxa dak il-frazzjon tat-taxxa fuq il-korporazzjonijiet li jkollu x’jaqsam ma’ dan il-qligħ u mħallas mis-sussidjarja u minn kull sussidjara fi skala iktar baxxa, suġġett għall-kondizzjoni illi f’kull skala kumpannija u s-sussidjara tal-iskala iktar baxxa tagħha jaqgħu taħt id-definizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2 [ta’ din id-direttiva] u jissodisfaw il-ħtiġiet previsti fl-Artikolu 3 [ta’ din id-direttiva], sal-limitu tal-ammont tat-taxxa mistħoqqa korrispondenti.” |
|
28 |
Id-Direttiva 2011/96 għalhekk tħalli espliċitament l-għażla lill-Istati Membri bejn is-sistema ta’ eżenzjoni u s-sistema ta’ imputazzjoni, previsti rispettivament fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 4(1) tagħha (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2022, Allianz Benelux,C‑295/21, EU:C:2022:812, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
29 |
Skont il-proċess disponibbli għall-Qorti tal-Ġustizzja, ir-Renju tal-Belġju għażel is-sistema ta’ eżenzjoni, prevista fl-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 2011/96. Għaldaqstant, huwa fid-dawl ta’ din id-dispożizzjoni biss li għandha tingħata risposta għad-domandi magħmula. |
|
30 |
L-obbligu previst fl-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 2011/96 ma jinkludi ebda kundizzjoni u huwa espress biss taħt ir-riżerva tal-paragrafi 2 sa 5 tal-istess artikolu kif ukoll tal-Artikolu 1(2) sa (4) ta’ din id-direttiva (ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Brussels Securities,C‑389/18, EU:C:2019:1132, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
31 |
Għalhekk, l-Istati Membri ma għandhomx id-dritt li jissuġġettaw il-benefiċċju tal-vantaġġ li jirriżulta mill-Artikolu 4(1)(a) tal-imsemmija direttiva għal kundizzjonijiet oħra minbarra dawk previsti minn din id-direttiva (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑19 ta’ Diċembru 2019, Brussels Securities,C‑389/18, EU:C:2019:1132, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
32 |
F’dan il-kuntest, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li d-Direttiva 2011/96 hija intiża għaldaqstant sabiex tiżgura n-newtralità, mill-aspett fiskali, tat-tqassim ta’ profitti minn kumpannija sussidjarja stabbilita fi Stat Membru lill-kumpannija omm tagħha stabbilita fi Stat Membru ieħor (ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Brussels Securities,C‑389/18, EU:C:2019:1132, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
33 |
Sabiex jintlaħaq l-għan tan-newtralità, mill-aspett fiskali, tat-tqassim ta’ profitti minn kumpannija sussidjarja stabbilita fi Stat Membru lill-kumpannija omm tagħha stabbilita fi Stat Membru ieħor, id-Direttiva 2011/96 għandha l-intenzjoni li tevita, b’mod partikolari, permezz tar-regola prevista fl--Artikolu 4(1)(a), tassazzjoni doppja ta’ dawn il-profitti, f’termini ekonomiċi, jiġifieri sabiex jiġi evitat li l-profitti mqassma ma jkunux intaxxati, l-ewwel darba, f’idejn il-kumpannija sussidjarja u, it-tieni darba, f’idejn il-kumpannija omm (ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Brussels Securities,C‑389/18, EU:C:2019:1132, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
34 |
B’hekk, l-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 2011/96 jipprojbixxi lill-Istati Membri milli jintaxxaw lill-kumpannija omm fir-rigward tal-profitti mqassma mis-sussidjarja tagħha, mingħajr ma distinzjoni skont jekk it-tassazzjoni tal-kumpannija omm għandhiex bħala fatt taxxabbli l-irċevuta ta’ dawn il-profitti jew it-tqassim mill-ġdid tagħhom. Taqa’ wkoll taħt tali projbizzjoni leġiżlazzjoni nazzjonali li, minkejja li ma tintaxxax id-dividendi miġbura mill-kumpannija omm bħala tali, hija jista’ jkollha l-effett li l-kumpannija omm tkun suġġetta indirettament għal tassazzjoni fuq id-dividendi (ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Brussels Securities,C‑389/18, EU:C:2019:1132, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
35 |
Fil-fatt, tali leġiżlazzjoni la hija kompatibbli mal-formulazzjoni u lanqas mal-għanijiet u mal-iskema tad-Direttiva 2011/96, peress li ma tippermettix li jintlaħaq b’mod sħiħ l-għan ta’ prevenzjoni tat-taxxa doppja ekonomika li jipprevedi r-regola stabbilita fl-Artikolu 4(1)(a) ta’ din id-direttiva (ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Brussels Securities,C‑389/18, EU:C:2019:1132, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
36 |
F’dan il-każ, kif jirriżulta mill-punt 6 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 2011/96 huwa traspost fid-dritt Belġjan mill-Artikoli 202 et seq. taċ-CIR 1992. Essenzjalment, dawn id-dispożizzjonijiet jipprevedu sistema msejħa tal-“inklużjoni-tnaqqis”, li permezz tagħha, fl-ewwel lok, id-dividendi rċevuti mill-kumpannija omm huma inklużi fil-bażi taxxabbli tagħha u, fit-tieni lok, dawn id-dividendi jitnaqqsu minn din il-bażi, bħala DID, sa fejn profitti taxxabbli jibqgħu għand il-kumpannija omm wara t-tnaqqis tat-telf u ta’ profitti eżentati oħra. Meta d-DID ikun ogħla mill-bażi taxxabbli tal-kumpannija, l-eċċessi jistgħu jiġu ttrasferiti għas-snin finanzjarji sussegwenti. |
|
37 |
Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta wkoll li l-iskema ta’ “trasferiment intragrupp” tippermetti, taħt ċerti kundizzjonijiet, lill-kumpanniji Belġjani li jagħmlu profitt li jittrasferixxu l-profitti kollha tagħhom jew parti minnhom lil kumpanniji tal-istess grupp li jkunu ġarrbu telf matul l-istess perijodu taxxabbli, fejn l-ammont ittrasferit ikun integrat fil-bażi taxxabbli tal-kumpannija li tibbenefika mit-trasferiment. |
|
38 |
Madankollu, it-tmien paragrafu tal-Artikolu 207 taċ-CIR 1992 jipprevedi li ebda tnaqqis, inkluż it-tnaqqis tad-DID, ma jista’ jsir fuq l-ammont tat-trasferiment intragrupp li huwa inkluż fil-bażi taxxabbli tal-kumpannija li tibbenefika minn dan it-trasferiment. |
|
39 |
John Cockerill issostni, essenzjalment, li l-applikazzjoni tal-projbizzjoni prevista fit-tmien paragrafu tal-Artikolu 207 taċ-CIR 1992 twassal għal taxxa indiretta tad-dividendi li hija rċeviet, minkejja li dawn jissodisfaw il-kundizzjonijiet sabiex jiġu eżentati skont l-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 2011/96. |
|
40 |
F’dan ir-rigward, fir-rigward tal-eżistenza ta’ eventwali taxxa indiretta tad-dividendi, li għaliha, kif tfakkar fil-punt 34 ta’ din is-sentenza, jipprekludi dan l-Artikolu 4(1)(a), għandha tiġi pparagunata sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fil-kuntest tagħha kumpannija omm bħal John Cockerill kellha tosserva, waqt it-tnaqqis fiskali, il-projbizzjoni prevista fit-tmien paragrafu tal-Artikolu 207 taċ-CIR 1992, ma’ sitwazzjoni li fiha l-Istat Membru kkonċernat kien stabbilixxa sistema ta’ eżenzjoni sempliċi li tipprevedi l-esklużjoni tad-dividendi mill-bażi taxxabbli ta’ din il-kumpannija (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2022, Allianz Benelux,C‑295/21, EU:C:2022:812, punti 42 sa 44). |
|
41 |
Issa, kif issostni l-Kummissjoni Ewropea fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, jidher li l-kombinazzjoni tas-sistema Belġjana tad-DID, kif kienet fis-seħħ matul is-sena fiskali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mas-sistema ta’ trasferiment intragrupp ikollha l-effett li l-irċevuta ta’ dividendi li għandhom jiġu eżentati skont l-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 2011/96 tista’ twassal għal tassazzjoni ogħla tal-kumpannija omm li rċeviet trasferiment intragrupp minn dik li għaliha kienet tkun suġġetta li kieku hija ma rċevietx tali dividendi, jew li kieku dawn id-dividendi kienu purament u sempliċement ġew esklużi mill-bażi taxxabbli tagħha. |
|
42 |
Jekk dan huwa l-każ, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, l-irċevuta tad-dividendi ma hijiex fiskalment newtrali għall-kumpannija omm, kuntrarjament għall-għan imfittex mill-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 2011/96 (ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Brussels Securities,C‑389/18, EU:C:2019:1132, punt 46). |
|
43 |
Huwa irrilevanti, f’dan il-kuntest, il-fatt li s-sistema ta’ trasferiment fi ħdan il-grupp hija mekkaniżmu volontarju li jaqa’ taħt id-dritt nazzjonali jew li d-DID li ma setax jintuża għal sena partikolari jista’ jiġi ttrasferit għas-sena ta’ wara. |
|
44 |
Fil-fatt, minn naħa, il-mod kif hija implimentata, mil-leġiżlatur Belġjan, l-iskema ta’ eżenzjoni prevista fl-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 2011/96 jimplika neċessarjament interazzjoni bejn id-dividendi u l-elementi l-oħra tal-bażi taxxabbli, bħat-trasferiment intragrupp, għalkemm l-effetti ta’ tali interazzjoni għandhom madankollu jkunu konformi mad-Direttiva 2011/96 (ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Brussels Securities,C‑389/18, EU:C:2019:1132, punt 49). |
|
45 |
Min-naħa l-oħra, għalkemm huwa minnu li d-DID li ma setax jintuża għal sena partikolari, skont il-projbizzjoni ta’ tnaqqis prevista fit-tmien paragrafu tal-Artikolu 207 taċ-ĊIR 1992, jista’ jiġi ttrasferit għas-sena taxxabbli segwenti, xorta jibqa’ l-fatt li l-irċevuta ta’ dividendi, fil-kuntest tal-applikazzjoni ta’ sistema fiskali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tista’, f’ċerti sitwazzjonijiet, twassal għal tassazzjoni iktar oneruża tal-kumpannija omm milli kieku tali dividendi kienu ġew esklużi mill-valur taxxabbli tagħha. Peress li l-piż fiskali tal-kumpannija omm jista’ jiġi affettwat, għandu jiġi kkunsidrat li din tal-aħħar iġġarrab, minħabba dan il-fatt, indirettament taxxa fuq id-dividendi rċevuti mis-sussidjarja tagħha (ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Brussels Securities,C‑389/18, EU:C:2019:1132, punt 53). |
|
46 |
Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk tali sistema fiskali tistax madankollu tiġi awtorizzata skont l-Artikolu 1(4) tad-Direttiva 2011/96, għandu jitfakkar li, skont din id-dispożizzjoni, din id-direttiva ma tipprekludix l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali jew konvenzjonali neċessarji għall-prevenzjoni tal-evażjoni tat-taxxa, il-frodi tat-taxxa jew l-abbuż. |
|
47 |
F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, sabiex leġiżlazzjoni nazzjonali tkun tista’ titqies li hija intiża sabiex jiġu evitati l-frodi u l-abbuż, l-għan speċifiku tagħha għandu jkun li tostakola aġir li jikkonsisti fil-ħolqien ta’ skemi purament artifiċjali, nieqsa mir-realtà ekonomika, li l-għan tagħhom huwa li jittieħed benefiċċju indebitu minn vantaġġ fiskali. Mill-banda l-oħra, preżunzjoni ġenerali ta’ frodi jew ta’ abbuż ma tistax tiġġustifika miżura fiskali li tippreġudika l-għanijiet ta’ direttiva (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal‑14 ta’ Ġunju 2018, GS,C‑440/17, EU:C:2018:437, punti 43 u 44 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
48 |
Issa, f’dan il-każ, xejn ma jindika li l-projbizzjoni ta’ tnaqqis prevista fit-tmien paragrafu tal-Artikolu 207 taċ-CIR 1992 għandha l-għan speċifiku li teskludi mill-benefiċċju ta’ vantaġġ fiskali l-arranġamenti purament artifiċjali li l-għan tagħhom huwa li jibbenefikaw indebitament minnu. Għall-kuntrarju jidher li din id-dispożizzjoni teskludi b’mod ġenerali l-imputazzjoni tad-DID fuq it-trasferiment intragrupp, indipendentement mill-eżistenza ta’ abbuż fiskali. |
|
49 |
B’hekk, l-Artikolu 1(4) tad-Direttiva 2011/96 ma jawtorizzax lil Stat Membru japplika dispożizzjoni nazzjonali, bħat-tmien paragrafu tal-Artikolu 207 taċ-CIR 1992, sa fejn din tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju għall-prevenzjoni tal-evażjoni tat-taxxa, il-frodi tat-taxxa jew l-abbuż. |
|
50 |
Sa fejn, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-Gvern Belġjan jirreferi, barra minn hekk, għall-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2011/96, għandu jitfakkar li, skont din id-dispożizzjoni, l-Istati Membri ma jagħtux il-vantaġġi ta’ din id-direttiva lil arranġament jew lil sensiela ta’ arranġamenti li, peress li ġew stabbiliti sabiex jinkiseb, bħala skop prinċipali jew bħala wieħed mill-iskopijiet prinċipali, vantaġġ fiskali li jmur kontra l-għan jew l-iskop tal-imsemmija direttiva, ma hijiex awtentika fid-dawl tal-fatti u taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha. |
|
51 |
F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, f’dan il-każ, il-Gvern Belġjan ma jallegax li t-tranżazzjoni li fi tmiemha John Cockerill irċeviet dividendi li jistgħu jiġu eżentati, skont l-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 2011/96, kienet taqa’ taħt tali arranġament. Barra minn hekk, minn ebda element tal-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżulta li dan kien il-każ. |
|
52 |
Fl-aħħar nett, jekk, wara li wettqet il-paragun imsemmi fil-punt 40 ta’ din is-sentenza, il-qorti tar-rinviju kellha tikkonkludi li, f’dan il-każ, l-irċevuta ta’ dividendi minn John Cockerill ma kienx fiskalment newtrali, għandu jiġi rrilevat, fir-rigward tal-konsegwenzi li għandhom jinsiltu minn tali konklużjoni, li, minn naħa, skont il-prinċipju ta’ supremazija, il-qorti nazzjonali li tkun responsabbli tapplika, fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni tagħha, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għandha l-obbligu li tiżgura l-effett sħiħ tagħhom billi jekk ikun hemm bżonn ma tapplikax, fuq awtorità tagħha stess, kwalunkwe dispożizzjoni li tmur kontra l-leġiżlazzjoni nazzjonali, anki jekk sussegwenti, mingħajr ma jkollha għalfejn titlob jew tistenna t-tħassir minn qabel tagħha permezz tal-proċess leġiżlattiv jew ta’ kwalunkwe proċess kostituzzjonali ieħor (sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Popławski,C‑573/17, EU:C:2019:530, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
53 |
Min-naħa l-oħra, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 2011/96 għandu effett dirett (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑12 ta’ Frar 2009, Cobelfret,C‑138/07, EU:C:2009:82, punti 63 sa 65). |
|
54 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 1(4) u l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2011/96 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprevedi li d-dividendi rċevuti minn kumpannija omm mingħand is-sussidjarja tagħha għandhom, fl-ewwel lok, jiġu inklużi inizjalment fil-bażi taxxabbli tal-ewwel waħda, qabel ma jkunu jistgħu, sussegwentement, ikunu s-suġġett ta’ tnaqqis, mingħajr ma dan japplika għall-ammont ta’ trasferiment intragrupp inkluż fil-bażi taxxabbli. |
Fuq l‑ispejjeż
|
55 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
L-Artikolu 1(4) u l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2011/96/UE tat‑30 ta’ Novembru 2011 dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika fil-każ tal-kumpanniji prinċipali [omm] u sussidjarji ta’ Stati Membri differenti, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2015/121 tas-27 ta’ Jannar 2015, |
|
għandhom jiġu interpretati fis-sens li: |
|
jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprevedi li d-dividendi rċevuti minn kumpannija omm mingħand is-sussidjarja tagħha għandhom, fl-ewwel lok, jiġu inklużi inizjalment fil-bażi taxxabbli tal-ewwel waħda, qabel ma jkunu jistgħu, sussegwentement, ikunu s-suġġett ta’ tnaqqis, mingħajr ma dan japplika għall-ammont ta’ trasferiment intragrupp inkluż fil-bażi taxxabbli. |
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.