SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)

8 ta’ Mejju 2025 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ċittadinanza tal-Unjoni – Artikolu 20 TFUE – Dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri – Dritt ta’ residenza dderivat ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jieħu r-responsabbiltà ta’ wild minuri li għandu l-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni – Relazzjoni ta’ dipendenza – Natura tad-dritt ta’ residenza dderivat – Mument li fih jibda jseħħ – Obbligu li tinkiseb a posteriori viża f’pajjiż terz”

Fil-Kawża C‑130/24,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Verwaltungsgericht Düsseldorf (il-Qorti Amministrattiva ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tas‑16 ta’ Jannar 2024, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑16 ta’ Frar 2024, fil-proċedura

YC

vs

Stadt Wuppertal,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),

komposta minn D. Gratsias, President tal-Awla, E. Regan (Relatur) u J. Passer, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: R. Norkus,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–

għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u R. Kanitz, bħala aġenti,

–

għall-Gvern Daniż, minn D. Elkan, M. Jespersen u C. Maertens, bħala aġenti,

–

għall-Gvern Elleniku, minn T. Papadopoulou, bħala aġent,

–

għall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, minn M. K. Bulterman u A. Hanje, bħala aġenti,

–

għall-Kummissjoni Ewropea, minn E. Montaguti u J. Vondung, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 20 TFUE.

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn YC, ċittadina ta’ pajjiż terz, u l-iStadt Wuppertal (il-Belt ta’ Wuppertal, il-Ġermanja) dwar il-ħruġ ta’ permess ta’ residenza għall-finijiet ta’ riunifikazzjoni tal-familja.

Il-kuntest ġuridiku

3

L-Artikolu 5 tal-Gesetz über den Aufenthalt, die Erwerbstätigkeit und die Integration von Ausländern im Bundesgebiet – Aufenthaltsgesetz (il-Liġi relatata mar-Residenza, mal‑Attività Professjonali u mal-Integrazzjoni tal-Barranin fit-Territorju Federali), tat‑30 ta’ Lulju 2004 (BGBl. 2004 I, p. 1950), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem l-“AufenthG”), intitolat “Kundizzjonijiet ġenerali ta’ ħruġ”, jipprevedi:

“(1)   Il-ħruġ ta’ permess ta’ residenza normalment jippreżupponi li

[…]

2.

ma hemm l-ebda interess fit-tkeċċija,

[…]

(2)   Il-ħruġ ta’ permess ta’ residenza, ta’ Karta Blu tal-UE, ta’ karta ta’ ħaddiem bi trasferiment intra-azjendali (ICT), ta’ karta ta’ resident permanenti jew ta’ permess ta’ residenza għal żmien twil – UE huwa suġġett għall-kundizzjonijiet li l-barrani

1.

jkun daħal bil-viża meħtieġa u

2.

jkun diġà pprovda fl-applikazzjoni tiegħu għal viża l-informazzjoni rilevanti għall-finijiet tal-ħruġ [ta’ permess ta’ residenza].

Huwa possibbli li ssir deroga mill-kundizzjonijiet stabbiliti fl-ewwel sentenza meta l-kundizzjonijiet tad-dritt għall-ħruġ ikunu ssodisfatti jew meta minħabba ċirkustanzi partikolari tal-każ, ma jkunx raġonevoli li tiġi imposta proċedura a posteriori għall-ħruġ ta’ viża. […]”

4

L-Artikolu 28 tal-AufenthG intitolat “Riunifikazzjoni tal-familja ma’ ċittadini Ġermaniżi”, jipprevedi fil-paragrafu (1) tiegħu:

“Il-permess ta’ residenza għandu jinħareġ:

[…]

3.

lill-ġenitur barrani ta’ ċittadin Ġermaniż minorenni u mhux miżżewweġ għall-finijiet tal-eżerċizzju tal-awtorità parentali fir-rigward tiegħu,

bil-kundizzjoni li l-post ta’ residenza abitwali taċ-ċittadin Ġermaniż jinsab fit-territorju Federali. Għandu jinħareġ, b’deroga mill-punt 1 tal-Artikolu 5(1), fil-każijiet imsemmija fil-punti 2 u 3 tal-ewwel sentenza. Bħala regola ġenerali, għandu jingħata b’deroga mill-punt 1 tal-Artikolu 5(1) fil-każijiet imsemmija fil-punt 1 tal-ewwel sentenza.”

5

L-Artikolu 95 tal-AufenthG, intitolat “Dispożizzjonijiet penali”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Huwa punit b’piena ta’ ċaħda tal-libertà sa sena jew b’multa kull min

[…]

2.   jirrisjedi fit-territorju Federali mingħajr ma jkollu l-permess ta’ residenza meħtieġ skont is-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 4(1)

a)

jekk ikun taħt obbligu eżekuttiva li jitlaq mit-territorju,

b)

jekk ma jkunx ingħatalu terminu sabiex jitlaq jew jekk dan it-terminu jkun skada,

c)

u jekk it-tkeċċija tiegħu ma tkunx sospiża,

[…]”

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

6

Fil‑25 ta’ Settembru 2019, ir-rappreżentanza esterna tar-Repubblika tal-Polonja f’pajjiż terz ħarġet lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali viża għal residenza għal żmien twil, għal finijiet ta’ studju, valida sat‑23 ta’ Settembru 2020.

7

Fit‑28 ta’ Settembru 2019, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li kellha din il-viża, daħlet fiż-żona Schengen u bdiet studji fil-Polonja.

8

Wara li daħlet fil-Ġermanja mill-Polonja, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, fl‑1 ta’ Awwissu 2020, iddikjarat id-domiċilju tagħha fil-ġurisdizzjoni tal-Belt ta’ Wuppertal.

9

Fis‑6 ta’ Novembru 2020, il-Belt ta’ Wuppertal stiednet lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali sabiex titlaq mit-territorju nazzjonali mingħajr dewmien. Ma ngħatat l-ebda segwitu għal din l-istedina, peress li barra minn hekk il-persuna kkonċernata ma setgħetx tiġi kkuntattjata iktar fl-indirizz indikat fid-dikjarazzjoni ta’ domiċilju tagħha.

10

Fl‑24 ta’ Settembru 2021, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali welldet wild, li għandu n-nazzjonalità Ġermaniża dderivata minn missieru.

11

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali tgħix ma’ dan il-wild li fir-rigward tiegħu hija biss għandu d-dritt ta’ kustodja. Għalkemm iħallas il-manteniment, il-missier ftit li xejn għandu kuntatt mal-wild, iżuru biss fi tmiem il-ġimgħa u ma jistax, għal raġunijiet professjonali, jieħu ħsiebu għal diversi ġimgħat.

12

Fit‑12 ta’ April 2022, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali talbet lill-Belt ta’ Wuppertal il-ħruġ ta’ permess ta’ residenza għall-finijiet tal-eżerċizzju tal-awtorità ta’ ġenituri.

13

Peress li l-Belt ta’ Wuppertal naqset milli tiddeċiedi dwar din it-talba, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, fit-13 ta’ Diċembru 2022, ressqet azzjoni quddiem il-Verwaltungsgericht Düsseldorf (il-Qorti Amministrattiva ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja), li hija l-qorti tar-rinviju, sabiex tikseb deċiżjoni dwar l-imsemmija talba.

14

Skont il-Belt ta’ Wuppertal, il-ħruġ ta’ permess ta’ residenza lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali huwa eskluż, peress li din, li daħlet b’mod klandestin bejn Diċembru 2020 u Ġunju 2021, tissodisfa l-kundizzjonijiet tal-ksur previst fil-punt 2 tal-Artikolu 95(1) tal-AufenthG. Minn dan jirriżulta interess fit-tkeċċija tiegħu mit-territorju nazzjonali, skont il-punt 2 tal-Artikolu 5(1) tal-AufenthG, li jipprekludi l-ħruġ ta’ permess ta’ residenza u li minnu ma tistax issir deroga.

15

Il-Belt ta’ Wuppertal sostniet ukoll li l-ħruġ ta’ permess ta’ residenza jippreżupponi d-dħul fit-territorju bil-viża meħtieġa, kundizzjoni li hija nieqsa f’dan il-każ. Barra minn hekk, jista’ raġonevolment jiġi rikjest mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali li hija titlaq mit-territorju Ġermaniż sabiex tibda a posteriori, fil-pajjiż ta’ oriġini tagħha, proċedura għall-ħruġ ta’ viża, peress li tali rekwiżit ma jkunx ta’ theddida għall-aħjar interess tal-wild fid-dawl tal-perijodu qasir, ta’ inqas minn xahar, tal-proċedura. Fl-aħħar nett, il-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ dritt ta’ residenza dderivat skont l-Artikolu 20 TFUE lanqas ma huma ssodisfatti. Fil-fatt, fil-każ ta’ tluq komuni sabiex tinbeda l-proċedura ta’ viża, il-wild, li ma huwiex suġġett għall-obbligu skolastiku, ikollu jitlaq mit-territorju tal-Unjoni għal żmien qasir biss, b’tali mod li l-essenza tad-dritt irrikonoxxut f’din id-dispożizzjoni ma tkunx affettwata. Barra minn hekk, l-interruzzjoni tal-kuntatti bejn il-wild u missierha għal perijodu ta’ inqas minn xahar tkun aċċettabbli.

16

Permezz ta’ sentenza parzjali tat‑23 ta’ Novembru 2023, il-qorti tar-rinviju ordnat lill-Belt ta’ Wuppertal tagħti lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, skont il-punt 3 tal-Artikolu 28(1) tal-AufenthG, permess ta’ residenza abbażi tar-riunifikazzjoni tal-familja, validu mid-data ta’ din is-sentenza.

17

Fir-rigward tal-perijodu preċedenti għal din id-data (iktar ’il quddiem il-“perijodu inkwistjoni”), din il-qorti tqis li huwa stabbilit li d-dritt nazzjonali jipprekludi l-ħruġ ta’ permess ta’ residenza lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, peress li kien jeżisti, matul dan il-perijodu, interess fit-tkeċċija tagħha minħabba r-residenza illegali tagħha fit-territorju Ġermaniż. L-għoti ta’ permess ta’ residenza għal raġunijiet umanitarji huwa wkoll eskluż.

18

Għaldaqstant, l-imsemmija qorti tqis li huwa essenzjali, f’dan il-każ, li jiġi ddeterminat jekk dritt ta’ residenza dderivat skont l-Artikolu 20 TFUE rriżultax matul il-perijodu inkwistjoni u, fl-affermattiv, jekk dan id-dritt jirriżultax awtomatikament skont id-dritt tal-Unjoni u minn liema mument l-imsemmi dritt irriżulta.

19

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-eżistenza ta’ dritt ta’ residenza skont l-Artikolu 20 TFUE, il-qorti tar-rinviju tirrileva li, skont parti mill-ġurisprudenza nazzjonali, il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-għoti ta’ tali dritt ta’ residenza huma ssodisfatti biss meta proċedura ta’ viża ma tistax raġonevolment titmexxa a posteriori f’terminu qasir li jista’ jiġi ddelimitat b’mod affidabbli. Din il-ġurisprudenza hija bbażata fuq interpretazzjoni a contrario tas-sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2018, K.A. et (Riunifikazzjoni tal-familja fil-Belġju) (C‑82/16, EU:C:2018:308, punt 58), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tmur kontra l-għan li għandu jiġi segwit mill-Artikolu 20 TFUE li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jiġi mġiegħel jitlaq “għal żmien indeterminat” mit-territorju tal-Unjoni.

20

Madankollu, din il-qorti għandha dubji fir-rigward ta’ tali interpretazzjoni. B’mod partikolari, hija tirrileva li, fis-sentenza tal‑5 ta’ Mejju 2022, Subdelegación del Gobierno en Toledo (Residenza ta’ membru tal-familja – Riżorsi insuffiċjenti) (C‑451/19 u C‑532/19, EU:C:2022:354, punt 48), il-Qorti tal-Ġustizzja tidher li tissuġġerixxi li, sabiex dritt ta’ residenza dderivat ikun jista’ jiġi invokat abbażi tal-Artikolu 20 TFUE, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li ebda dritt ta’ residenza, skont id-dritt nazzjonali jew id-dritt tal-Unjoni dderivat, ma jista’ jingħata liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, ladarba jkun ġie kkonstatat li bejn dan iċ-ċittadin u dan iċ-ċittadin tal-Unjoni teżisti relazzjoni ta’ dipendenza tali li twassal sabiex l-imsemmi ċittadin tal-Unjoni jiġi mġiegħel jitlaq mit-territorju tal-Unjoni, f’każ li dan il-membru tal-familja tiegħu, ċittadin ta’ pajjiż terz, jintbagħat barra mill-imsemmi territorju. Barra minn hekk, mis-sentenzi tat‑22 ta’ Ġunju 2023, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Omm Tajlandiża ta’ wild minuri Olandiż) (C‑459/20, EU:C:2023:499, punt 30), u tas‑27 ta’ April 2023, M.D. (Projbizzjoni ta’ dħul fl-Ungerija) (C‑528/21, EU:C:2023:341, punt 59), jirriżulta li d-dritt personali bażiku mogħti mill-Artikolu 20 TFUE, marbut mal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni, ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri, bla ħsara għal-limitazzjonijiet u għar-restrizzjonijiet stabbiliti mit-Trattat FUE u għall-miżuri adottati għall-applikazzjoni tagħhom, ma għandu ebda valur mingħajr dritt ta’ dħul fit-territorju tal-Unjoni.

21

Fit-tieni lok, l-imsemmija qorti tistaqsi jekk id-dritt ta’ residenza dderivat skont l-Artikolu 20 TFUE għandux “jingħata” bis-saħħa tal-kompetenza tal-Istati Membri jew jekk dan id-dritt ikunx diġà rriżulta skont id-dritt tal-Unjoni. Skont il-ġurisprudenza nazzjonali maġġoritarja, id-dritt ta’ residenza li jirriżulta mill-Artikolu 20 TFUE jibdiex iseħħ direttament bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni, peress li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti huma obbligati biss joħorġu att dikjaratorju.

22

Madankollu, il-qorti tar-rinviju għandha dubji f’dan ir-rigward. Hija għandha t-tendenza li tikkunsidra li d-dritt li jirriżulta mill-Artikolu 20 TFUE ma jibdiex iseħħ direttament bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni, iżda li l-ewwel għandu jingħata mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti permezz ta’ att li jikkostitwixxi dan id-dritt. Hija tikkonstata, f’dan ir-rigward, li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħmel, fil-ġurisprudenza tagħha, ċerti distinzjonijiet fil-mod kif jibdew iseħħu d-drittijiet ta’ residenza li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni.

23

B’hekk, fir-rigward tad-drittijiet ta’ residenza li jirriżultaw mill-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1612/68 tal-15 ta’ Ottubru 1968 dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 15), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2002, Baumbast u R (C‑413/99, EU:C:2002:493, punt 75), li din id-dispożizzjoni tippermetti lill-ġenitur li għandu effettivament il-kustodja tal-ulied, ikun xi tkun in-nazzjonalità tiegħu, li jirrisjedi magħhom. L-istess japplika fis-sentenza tad‑19 ta’ Ottubru 2004, Zhu u Chen (C‑200/02, EU:C:2004:639, punt 47), li kienet tikkonċerna l-Artikolu 18 KE, li jikkorrispondi għall-Artikolu 21 TFUE, u d-Direttiva tal-Kunsill 90/364/KEE tat‑28 ta’ Ġunju 1990 dwar id-dritt ta’ residenza (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 20, Vol. 1, p. 3), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-dritt tal-Unjoni jippermetti lill-ġenitur, ċittadin ta’ pajjiż terz, li għandu effettivament il-kustodja ta’ wild, ċittadin tal-Unjoni, li jirrisjedi miegħu fl-Istat Membru ospitanti. Min-naħa l-oħra, fis-sentenza tat‑8 ta’ Marzu 2011, Ruiz Zambrano (C‑34/09, EU:C:2011:124), il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet kriterju negattiv, li abbażi tiegħu l-Artikolu 20 TFUE jipprekludi li l-Istati Membri jirrifjutaw ir-residenza u permess ta’ xogħol. Minn dan jirriżulta li d-dritt tal-Unjoni ma jawtorizzax direttament ir-residenza, peress li l-Istati Membri jista’ jkollhom id-dritt li jirrifjutaw ir-residenza.

24

Fit-tielet lok, jekk id-dritt tal-Unjoni jagħti lok għad-dritt ta’ residenza, din il-qorti tistaqsi minn liema mument jibda jseħħ dan id-dritt. F’dan il-kuntest, tqum il-kwistjoni dwar jekk meta jibda jseħħ id-dritt ta’ residenza skont l-Artikolu 20 TFUE jippreżupponix applikazzjoni minn qabel, kif issuġġeriet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2018, K.A. et (Riunifikazzjoni tal-familja fil-Belġju) (C‑82/16, EU:C:2018:308, punt 57). Huwa wkoll possibbli li d-dritt ta’ residenza tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali kien beda mat-twelid tal-wild jew meta ġie stabbilit li dritt ta’ residenza ma setax jingħata skont id-dritt nazzjonali jew id-dritt idderivat tal-Unjoni. Dawn id-domandi jqumu anki jekk id-dritt ta’ residenza skont l-Artikolu 20 TFUE kellu jibda jseħħ bis-saħħa ta’ deċiżjoni meħuda mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.

25

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Verwaltungsgericht Düsseldorf (il-Qorti Amministrattiva ta’ Düsseldorf) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

Id-dritt ta’ residenza skont l-Artikolu 20 TFUE jiddependi fuq jekk proċedura ta’ viża, li hija meħtieġa mil-liġi għall-ħruġ ta’ permess ta’ residenza nazzjonali, tistax titlesta b’mod raġonevoli f’perijodu ta’ żmien qasir u li jista’ jiġi limitat b’mod affidabbli?

2)

Id-dritt ta’ residenza skont l-Artikolu 20 TFUE jirriżulta bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni, b’tali mod li jeħtieġ biss li jiġi ċċertifikat mill-awtoritajiet nazzjonali, jew tali dritt ta’ residenza għandu jingħata b’mod konstituttiv mill-awtoritajiet nazzjonali?

3)

Fil-każ li d-dritt ta’ residenza jirriżulta awtomatikament bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni: f’liema mument jirriżulta [jibda jseħħ i]d-dritt?

4)

Fil-każ li d-dritt ta’ residenza għandu jingħata mill-awtoritajiet nazzjonali: f’liema mument għandu jingħata dan b’mod retroattiv?”

Fuq id-domandi preliminari

Dwar it-tieni domanda

26

Permezz tat-tieni domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 20 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li d-dritt ta’ residenza dderivat li jibbenefika minnu, abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, ċittadin ta’ pajjiż terz, membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, jirriżulta direttament mid-dritt tal-Unjoni, b’tali mod li l-permess ta’ residenza maħruġ fuq din il-bażi mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti ma għandux in-natura ta’ att li jikkostitwixxi drittijiet.

27

Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, jeżistu sitwazzjonijiet partikolari ħafna li fihom, minkejja l-fatt li d-dritt sekondarju, dwar id-dritt ta’ residenza taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, ma huwiex applikabbli u li ċ-ċittadin tal-Unjoni kkonċernat ma għamilx użu mil-libertà ta’ moviment tiegħu, dritt ta’ residenza għandu madankollu jingħata lil ċittadin ta’ pajjiż terz, membru tal-familja ta’ dan iċ-ċittadin, taħt piena li jiġi ppreġudikat l-effett utli taċ-ċittadinanza tal-Unjoni, jekk, bħala konsegwenza tar-rifjut ta’ tali dritt, l-imsemmi ċittadin jiġi mġiegħel, fil-fatt, jitlaq mit-territorju tal-Unjoni kkunsidrat fl-intier tiegħu, u b’hekk jiġi mċaħħad mit-tgawdija effettiva tad-drittijiet essenzjali mogħtija bl-istatus tiegħu ta’ ċittadin tal-Unjoni (sentenza tal‑5 ta’ Mejju 2022, Subdelegación del Gobierno en Toledo (Residenza ta’ membru tal-familja – Riżorsi insuffiċjenti), C‑451/19 u C‑532/19, EU:C:2022:354, punt 45 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

28

Madankollu, ir-rifjut li jingħata dritt ta’ residenza lil ċittadin ta’ pajjiż terz jista’ jikkontesta l-effett utli taċ-ċittadinanza tal-Unjoni biss jekk ikun hemm, bejn dan iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz u ċ-ċittadin tal-Unjoni, membru tal-familja tiegħu, relazzjoni ta’ dipendenza li twassal sabiex dan tal-aħħar ikun imġiegħel jakkumpanja liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz inkwistjoni u li jitlaq mit-territorju tal-Unjoni, fl-intier tiegħu (sentenza tal‑5 ta’ Mejju 2022, Subdelegación del Gobierno en Toledo (Residenza ta’ membru tal-familja – Riżorsi insuffiċjenti), C‑451/19 u C‑532/19, EU:C:2022:354, punt 46 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

29

Minn dan isegwi li ċittadin ta’ pajjiż terz ma jistax jippretendi l-għoti ta’ dritt ta’ residenza dderivat, skont l-Artikolu 20 TFUE, ħlief jekk, fin-nuqqas tal-għoti ta’ tali dritt ta’ residenza, kemm dan tal-aħħar kif ukoll iċ-ċittadin tal-Unjoni, membru tal-familja tiegħu, ikunu mġiegħla jitilqu mit-territorju tal-Unjoni. Għaldaqstant, l-għoti ta’ tali dritt ta’ residenza dderivat jista’ jiġi previst biss meta ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, ma jissodisfax il-kundizzjonijiet imposti sabiex jikseb, abbażi ta’ dispożizzjonijiet oħra u, b’mod partikolari, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għar-riunifikazzjoni tal-familja, dritt ta’ residenza fl-Istat Membru li l-imsemmi ċittadin huwa ċittadin tiegħu (sentenza tal‑5 ta’ Mejju 2022, Subdelegación del Gobierno en Toledo (Residenza ta’ membru tal-familja – Riżorsi insuffiċjenti), C‑451/19 u C‑532/19, EU:C:2022:354, punt 47 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

30

Madankollu, ladarba jkun ġie kkonstatat li ma jista’ jingħata ebda dritt ta’ residenza, skont id-dritt nazzjonali jew id-dritt tal-Unjoni dderivat, liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, il-fatt li bejn dan iċ-ċittadin u ċ-ċittadin tal-Unjoni jkun hemm relazzjoni ta’ dipendenza tali li twassal sabiex l-imsemmi ċittadin tal-Unjoni jkun imġiegħel jitlaq mit-territorju tal-Unjoni fl-intier tiegħu, f’każ li dan il-membru tal-familja tiegħu, ċittadin ta’ pajjiż terz, jintbagħat barra mill-imsemmi territorju, għandu bħala konsegwenza li l-Artikolu 20 TFUE jobbliga, bħala prinċipju, lill-Istat Membru kkonċernat li jirrikonoxxi dritt ta’ residenza dderivat lil dan tal-aħħar (sentenza tal‑5 ta’ Mejju 2022, Subdelegación del Gobierno en Toledo (Residenza ta’ membru tal-familja – Riżorsi insuffiċjenti), C‑451/19 u C‑532/19, EU:C:2022:354, punt 48 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

31

Minn dan jirriżulta li d-dritt ta’ residenza dderivat irrikonoxxut, fis-sitwazzjonijiet partikolari ħafna deskritti fil-punti 27 sa 30 ta’ din is-sentenza, lil ċittadin ta’ pajjiż terz, membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, jirriżulta direttament mill-Artikolu 20 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2018, K.A. et (Riunifikazzjoni tal-familja fil-Belġju), C‑82/16, EU:C:2018:308, punt 89).

32

Minn dan isegwi li d-dritt ta’ residenza dderivat li jibbenefika minnu, abbażi tal-Artikolu 20 TFUE, ċittadin ta’ pajjiż terz, membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, jinkiseb direttament bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni, indipendentement mill-ħruġ mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti ta’ permess ta’ residenza, bħad-dritt ta’ residenza taċ-ċittadini tal-Unjoni rrikonoxxut abbażi ta’ waħda mil-libertajiet ta’ moviment previsti mit-Trattat FUE jew tad-dritt ta’ residenza dderivat taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz, membri tal-familja ta’ ċittadini tal-Unjoni, ibbażat fuq l-eżerċizzju minn dawn tal-aħħar ta’ waħda minn dawn il-libertajiet, bħal dik prevista fl-Artikolu 21(1) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ Ottubru 2004, Zhu u Chen, C‑200/02, EU:C:2004:639, punt 46, kif ukoll tal‑5 ta’ Ġunju 2018, Coman et, C‑673/16, EU:C:2018:385, punti 23 u 24).

33

Għaldaqstant, meta Stat Membru joħroġ permessi ta’ residenza lill-persuni li jibbenefikaw minn dritt ta’ residenza fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru abbażi tal-Artikolu 20 TFUE, tali permess għandu jitqies mhux bħala att li jikkostitwixxi drittijiet, iżda bħala att intiż li jikkonstata, min-naħa tal-imsemmi Stat Membru, is-sitwazzjoni individwali ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni.

34

Kuntrarjament għal dak li jsostni l-Gvern Daniż, huwa irrilevanti f’dan ir-rigward li d-dritt ta’ residenza dderivat skont l-Artikolu 20 TFUE jkun suġġett għall-eżistenza ta’ ċertu numru ta’ kundizzjonijiet li jirriżultaw mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 27 sa 30 ta’ din is-sentenza, b’mod partikolari dik li tipprevedi li dritt ta’ residenza ma jistax jinkiseb fuq bażi oħra. Fil-fatt, meta l-kundizzjonijiet meħtieġa għar-rikonoxximent ta’ tali dritt ta’ residenza jkunu sodisfatti, dan tal-aħħar jinkiseb, indipendentement mill-konstatazzjoni possibbli ta’ dan id-dritt permezz ta’ deċiżjoni meħuda mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, filwaqt li, għall-kuntrarju, meta l-kundizzjonijiet għar-rikonoxximent ta’ dan id-dritt ta’ residenza ma jkunux issodisfatti, dan id-dritt ma jinkisibx, mingħajr ma jkun meħtieġ, bl-istess mod, li r-rifjut jiġi kkonstatat f’tali deċiżjoni.

35

Konsegwentement, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 20 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li d-dritt ta’ residenza dderivat li jibbenefika minnu, abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, ċittadin ta’ pajjiż terz, membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, jirriżulta direttament mid-dritt tal-Unjoni, b’tali mod li l-permess ta’ residenza maħruġ fuq din il-bażi mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti ma għandux in-natura ta’ att li jikkostitwixxi drittijiet.

Dwar it-tielet domanda

36

Permezz tat-tielet domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 20 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li d-dritt ta’ residenza dderivat li jibbenefika minnu, abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, ċittadin ta’ pajjiż terz, membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, jibda jseħħ fil-mument tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni li għandha bħala suġġett ir-rikonoxximent ta’ tali dritt ta’ residenza.

37

F’dan ir-rigward, huma suffiċjenti li jiġi kkonstatat li mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 27 sa 30 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-benefiċċju ta’ dan id-dritt ta’ residenza għandu jiġi rrikonoxxut liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, minn meta tibda sseħħ ir-relazzjoni ta’ dipendenza bejn dan tal-aħħar u dan iċ-ċittadin tal-Unjoni (sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2018, K.A. et (Riunifikazzjoni tal-familja fil-Belġju), C‑82/16, EU:C:2018:308, punt 89).

38

F’kawża bħal dik fil-kawża prinċipali, il-mument meta tibda sseħħ ir-relazzjoni ta’ dipendenza inkwistjoni jista’ jikkorrispondi għal dak tat-twelid ta’ dan il-wild. Madankollu, fi kwalunkwe każ, huma biss il-qrati jew l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li għandhom jevalwaw, skont iċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ kull każ, il-mument eżatt li minnu jista’ jitqies li din ir-relazzjoni ta’ dipendenza teżisti bejn dan iċ-ċittadin u dan iċ-ċittadin tal-Unjoni.

39

Konsegwentement, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 20 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li d-dritt ta’ residenza dderivat li jibbenefika minnu, abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, ċittadin ta’ pajjiż terz, membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, jibda jseħħ mhux fil-mument tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni li għandha bħala suġġett ir-rikonoxximent ta’ tali dritt ta’ residenza, iżda mill-mument li fih tibda sseħħ ir-relazzjoni ta’ dipendenza bejn dan iċ-ċittadin u dan iċ-ċittadin tal-Unjoni.

Fuq l-ewwel domanda

40

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata fit-tielet lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 20 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta r-rikonoxximent tad-dritt ta’ residenza dderivat li jibbenefika minnu, abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, ċittadin ta’ pajjiż terz, membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, għall-kundizzjoni li dan iċ-ċittadin għandu jinħariġlu a posteriori viża f’dan il-pajjiż terz.

Fuq l-ammissibbiltà

41

Il-Kummissjoni Ewropea tistaqsi dwar ir-rilevanza ta’ din id-domanda sabiex tiġi deċiża l-kawża prinċipali, peress li r-rekwiżit ta’ viża invokat fiha jagħmel parti mill-proċedura għall-għoti ta’ dritt ta’ residenza skont id-dritt nazzjonali, filwaqt li tali dritt ta’ residenza ma ngħatax lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali għall-perijodu inkwistjoni. Għalhekk ma huwiex ċar kif dan ir-rekwiżit ta’ viża għandu jkollu effett fuq l-għoti, fir-rigward ta’ dan l-istess perijodu, ta’ dritt ta’ residenza skont id-dritt tal-Unjoni.

42

Madankollu, mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali li hija responsabbli li tiddefinixxi, u li ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tivverifika l-eżattezza tagħhom, igawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tiddeċiedi fuq talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn qorti nazzjonali biss jekk ikun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jsirulha (sentenza tas‑27 ta’ April 2023, M.D. (Projbizzjoni ta’ dħul fl-Ungerija), C‑528/21, EU:C:2023:341, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43

F’dan il-każ, għalkemm huwa minnu li l-kundizzjoni dwar il-ħruġ a posteriori ta’ viża, invokata mill-qorti tar-rinviju, tagħmel parti mill-proċedura għall-għoti ta’ dritt ta’ residenza skont id-dritt nazzjonali, madankollu mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li din il-qorti tqis li din il-kundizzjoni hija meħtieġa wkoll għall-finijiet tar-rikonoxximent ta’ dritt ta’ residenza dderivat skont l-Artikolu 20 TFUE.

44

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jitqies li l-interpretazzjoni mitluba tal-Artikolu 20 TFUE permezz tal-ewwel domanda hija nieqsa minn kull rabta mas-suġġett tal-kawża prinċipali jew li l-problema mqajma minn din id-domanda hija ta’ natura ipotetika.

45

Minn dan isegwi li din id-domanda hija ammissibbli.

Fuq il‑mertu

46

Għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, huma l-Istati Membri li għandhom jiddeterminaw il-modalitajiet ta’ implimentazzjoni tad-dritt ta’ residenza dderivat li għandu jiġi rrikonoxxut, fis-sitwazzjonijiet partikolari ħafna msemmija fil-punti 27 sa 30 ta’ din is-sentenza, liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz skont l-Artikolu 20 TFUE, sakemm dawn il-modalitajiet proċedurali ma jikkompromettux l-effett utli ta’ din id-dispożizzjoni billi jwasslu sabiex dan iċ-ċittadin ikollu jitlaq mit-territorju tal-Unjoni, meħud fl-intier tiegħu, u li, minħabba l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ dipendenza bejn l-imsemmi ċittadin u ċ-ċittadin tal-Unjoni, dan tal-aħħar ikun, fil-fatt, imġiegħel jakkumpanjah u, għaldaqstant, jitlaq, huwa wkoll, mit-territorju tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2020, Subdelegación del Gobierno en Ciudad Real (Konjuġi ta’ ċittadin tal-Unjoni) (C‑836/18, EU:C:2020:119, punti 50 u 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

47

Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza, għalkemm id-dritt ta’ residenza dderivat li jirriżulta mill-Artikolu 20 TFUE ma huwiex assolut u għalkemm l-Istati Membri jistgħu jirrifjutaw li jagħtuh f’ċerti ċirkustanzi partikolari, xorta jibqa’ l-fatt li din id-dispożizzjoni ma tippermettix lill-Istati Membri jistabbilixxu eċċezzjonijiet għal dan id-dritt ta’ residenza dderivat li jikkostitwixxu preġudizzju għat-tgawdija effettiva tal-essenzjal tad-drittijiet li jirriżultaw mill-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni li jkun sproporzjonat fid-dawl tal-għan li għandu jintlaħaq minn tali eċċezzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑27 ta’ Frar 2020, Subdelegación del Gobierno en Ciudad Real (Konjuġi ta’ ċittadin tal-Unjoni), C‑836/18, EU:C:2020:119, punti 47 u 48, kif ukoll tal‑5 ta’ Mejju 2022, Subdelegación del Gobierno en Toledo (Residenza ta’ membru tal-familja – Riżorsi insuffiċjenti), C‑451/19 u C‑532/19, EU:C:2022:354, punt 49).

48

Dan huwa l-każ ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta r-rikonoxximent tad-dritt ta’ residenza dderivat li jibbenefika minnu, abbażi tal-Artikolu 20 TFUE, ċittadin ta’ pajjiż terz, membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, għall-kundizzjoni li dan iċ-ċittadin jinħariġlu a posteriori viża f’dan il-pajjiż terz.

49

F’dan ir-rigward, huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-obbligu impost minn prattika nazzjonali fuq iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li jitlaq mit-territorju tal-Unjoni qabel kull eżami tal-eżistenza eventwali ta’ relazzjoni ta’ dipendenza bejn dan iċ-ċittadin u l-membru tal-familja tiegħu, ċittadin tal-Unjoni, sabiex jitlob l-irtirar jew is-sospensjoni ta’ projbizzjoni ta’ dħul fit-territorju li kien suġġett għalih, kien ta’ natura li jikkomprometti l-effett utli tal-Artikolu 20 TFUE jekk l-osservanza ta’ dan l-obbligu kellha tirnexxi, minħabba l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ dipendenza bejn l-imsemmi ċittadin ta’ pajjiż terz u dan iċ-ċittadin tal-Unjoni, sabiex dan tal-aħħar ikun, fil-fatt, imġiegħel jakkumpanjah u, għaldaqstant, jitlaq, huwa wkoll, mit-territorju tal-Unjoni għal perijodu li huwa indeterminat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2018, K.A. et (Riunifikazzjoni tal-familja fil-Belġju), C‑82/16, EU:C:2018:308, punti 55 u 56).

50

Madankollu, kuntrarjament għal dak li jsostni l-Gvern Ġermaniż, minn dan ma jistax jiġi dedott li l-obbligu, għal ċittadin ta’ pajjiż terz, membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, li jitlaq mit-territorju ta’ Stat Membru sabiex jissodisfa l-kundizzjoni li viża tinħariġlu a posteriori f’pajjiż terz ma jippreġudikax l-effett utli tal-Artikolu 20 TFUE fil-każ fejn il-proċedura ta’ ħruġ ta’ din il-viża f’dan il-pajjiż terz tkun għal żmien limitat, din hija, f’dan il-każ, inqas minn xahar, b’tali mod li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali tista’ titlaq mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja mal-wild tagħha, ċittadin Ġermaniż, li għadu ma huwiex suġġett għall-obbligu skolastiku, sabiex tibda a posteriori l-proċedura għall-għoti ta’ viża fil-pajjiż ta’ oriġini tagħha.

51

Fil-fatt, din il-kundizzjoni tista’ taffettwa direttament is-sustanza stess tad-dritt ta’ residenza dderivat irrikonoxxut mid-dritt tal-Unjoni lil ċittadin ta’ pajjiż terz, membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, fis-sitwazzjonijiet partikolari ħafna msemmija fil-punti 27 sa 30 ta’ din is-sentenza, sa fejn l-eżerċizzju ta’ tali dritt ta’ residenza jippreżupponi neċessarjament li dan iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jista’ jidħol fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, u, għaldaqstant, jista’ jwassal sabiex iċċaħħad lil dan iċ-ċittadin mit-tgawdija effettiva tal-essenzjal tad-drittijiet mogħtija mill-istatus tiegħu meta, minħabba r-relazzjoni ta’ dipendenza eżistenti bejn dawn il-persuni, din il-kundizzjoni ġġiegħel, fil-fatt, lil dan iċ-ċittadin jitlaq mit-territorju tal-Unjoni, ikkunsidrat kollu kemm hu, sabiex jakkumpanja lill-membru tal-familja tiegħu, ċittadin ta’ pajjiż terz suġġett għall-imsemmija kundizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑27 ta’ April 2023, M.D. (Projbizzjoni ta’ dħul fl-Ungerija), C‑528/21, EU:C:2023:341, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat‑22 ta’ Ġunju 2023, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Omm Tajlandiża ta’ wild minuri Olandiż), C‑459/20, EU:C:2023:499, punti 27 u 31).

52

Barra minn hekk, f’dan il-każ, il-kundizzjoni inkwistjoni għandha l-konsegwenza li ċittadin ta’ pajjiż terz jista’ jiġi mġiegħel jitlaq mit-territorju tal-Unjoni kollu kemm hu, minkejja li jkun ġie stabbilit mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, li teżisti bejn dan iċ-ċittadin u ċ-ċittadin tal-Unjoni, membru tal-familja tiegħu, relazzjoni ta’ dipendenza tali li tobbliga lil dan tal-aħħar jakkumpanja lill-imsemmi ċittadin f’dan il-pajjiż terz, u b’hekk iċċaħħad lil dan iċ-ċittadin mit-tgawdija effettiva tal-essenzjal tad-drittijiet mogħtija lilu mill-istatus tiegħu, minkejja li, preċiżament minħabba din ir-relazzjoni ta’ dipendenza, dritt ta’ residenza dderivat għandu, bħala prinċipju, jiġi rrikonoxxut lil dan l-istess ċittadin, skont l-Artikolu 20 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2018, K.A. et (Riunifikazzjoni tal-familja fil-Belġju), C‑82/16, EU:C:2018:308, punt 57 u 58).

53

Minn dan isegwi li l-kundizzjoni li ċittadin ta’ pajjiż terz għandu jikseb f’dan tal-aħħar viża a posteriori sabiex jiġi rrikonoxxut lilu dritt ta’ residenza skont l-Artikolu 20 TFUE tikkostitwixxi kundizzjoni formali ta’ natura, fil-prattika, li ċċaħħad lil dan iċ-ċittadin minn dritt mogħti mid-dritt tal-Unjoni, minkejja li l-kundizzjonijiet sostantivi għall-għoti ta’ tali dritt huma ssodisfatti. Din il-kundizzjoni tista’, minħabba f’hekk, iċċaħħad liċ-ċittadin tal-Unjoni, membru tal-familja tiegħu, mit-tgawdija effettiva tal-essenzjal tad-drittijiet mogħtija mill-istatus tiegħu, fid-dawl tar-relazzjoni ta’ dipendenza eżistenti bejn dawn il-persuni.

54

Barra minn hekk, tali kundizzjoni, li ġġiegħel ċittadin ta’ pajjiż terz, membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, fis-sitwazzjonijiet partikolari ħafna msemmija fil-punti 27 sa 30 ta’ din is-sentenza, u, għaldaqstant, lil dan iċ-ċittadin tal-Unjoni, jitlaq mit-territorju tal-Unjoni, anki jekk għal perijodu limitat u, fi kwalunkwe każ, mingħajr ebda garanzija ta’ ritorn, ma tistax titqies li hija proporzjonata fid-dawl tal-għan li għandu jintlaħaq minn din il-kundizzjoni.

55

Fid-dawl ta’ dak li ġie rrilevat, barra minn hekk, fil-punti 35 u 39 ta’ din is-sentenza, din il-konklużjoni hija sostnuta mill-fatt, enfasizzat mill-Gvern Ġermaniż, li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tipprevedi l-possibbiltà li tiġi rrinunzjata l-proċedura ta’ viża inkwistjoni fil-każ partikolari fejn jeżisti dritt legali għal permess ta’ residenza.

56

Konsegwentement, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 20 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta r-rikonoxximent tad-dritt ta’ residenza dderivat li jibbenefika minnu, abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, ċittadin ta’ pajjiż terz, membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, għall-kundizzjoni li dan iċ-ċittadin għandu jinħariġlu a posteriori viża f’dan il-pajjiż terz.

Fuq ir-raba’ domanda

57

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għat-tieni domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għar-raba’ domanda.

Fuq l-ispejjeż

58

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 20 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li d-dritt ta’ residenza dderivat li jibbenefika minnu, abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, ċittadin ta’ pajjiż terz, membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, jirriżulta direttament mid-dritt tal-Unjoni, b’tali mod li l-permess ta’ residenza maħruġ fuq din il-bażi mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti ma għandux in-natura ta’ att li jikkostitwixxi drittijiet.

 

2)

L-Artikolu 20 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li d-dritt ta’ residenza dderivat li jibbenefika minnu, abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, ċittadin ta’ pajjiż terz, membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, jibda jseħħ mhux fil-mument tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni li għandha bħala suġġett ir-rikonoxximent ta’ tali dritt ta’ residenza, iżda mill-mument li fih tibda sseħħ ir-relazzjoni ta’ dipendenza bejn dan iċ-ċittadin u dan iċ-ċittadin tal-Unjoni.

 

3)

L-Artikolu 20 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta r-rikonoxximent tad-dritt ta’ residenza dderivat li jibbenefika minnu, abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, ċittadin ta’ pajjiż terz, membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, għall-kundizzjoni li dan iċ-ċittadin għandu jinħariġlu a posteriori viża f’dan il-pajjiż terz.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.