Kawża C-115/09
Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland, Landesverband Nordrhein-Westfalen eV
vs
Bezirksregierung Arnsberg
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberverwaltungsgericht für das Land Nordrhein-Westfalen)
“Direttiva 85/337/KEE — Evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent — Konvenzjoni ta’ Aarhus — Direttiva 2003/35/KE — Aċċess għall-ġustizzja — Organizzazzjonijiet mhux governattivi għall-protezzjoni tal-ambjent”
Sommarju tas-sentenza
1. Ambjent — Evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti proġetti fuq l-ambjent — Direttiva 85/337 — Dritt ta’ organizzazzjonijiet mhux governattivi għall-protezzjonji tal-ambjent li jippreżentaw rikors — Portata
(Direttiva tal-Kunsill 85/337, kif emendata bid-Direttiva 2003/35, Artikolu 1(1) u (2), u Artikolu 10a)
2. Ambjent — Evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti proġetti fuq l-ambjent — Direttiva 85/337 — Dritt ta’ organizzazzjonijiet mhux governattivi għall-protezzjonji tal-ambjent li jippreżentaw rikors — Effett dirett tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva li tipprovdi għal dan id-dritt
(Direttivi tal-Kunsill 85/337, kif emendata bid-Direttiva 2003/35, Artikolu 1(1) u (2) u Artikolu 10a, u 92/43, kif emendata bid-Direttiva 2006/105, Artikolu 6)
1. L-Artikolu 10a tad-Direttiva 85/337/KEE, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent, kif emendata bid-Direttiva 2003/35/KE jipprekludi leġiżlazzjoni li ma tirrikonoxxix fir-rigward ta’ organizzazzjoni mhux governattiva li taħdem favur il-protezzjoni tal-ambjent, prevista fl-Artikolu 1(2) ta’ din id-direttiva, il-possibbilità li tinvoka, fil-kuntest ta’ rikors kontra deċiżjoni ta’ permess ta’ proġetti li “aktarx ikollhom effetti sinjifikanti fuq l-ambjent” fis-sens tal-Artikolu 1(1) ta’ din l-istess direttiva, il-ksur ta’ regola li tirriżulta mid-dritt tal-Unjoni u li għandha bħala l-għan tagħha l-protezzjoni tal-ambjent, minħabba li din ir-regola tipproteġi biss l-interessi tal-kollettività u mhux dawk ta’ individwi.
Għalkemm il-leġiżlatur nazzjonali jista’ jillimita d-drittijiet li l-ksur tagħhom jista’ jiġi invokat minn individwu partikolari fil-kuntest ta’ rikors ġudizzjarju dirett kontra deċiżjonijiet, att jew ommissjoni previsti fl-imsemmi Artikolu 10a, għal drittijiet suġġettivi pubbliċi biss, tali limitazzjoni ma tistax tapplika bħala tali għal assoċjazzjonijiet għall-protezzjoni tal-ambjent ħlief billi jiġu interpetati b’mod żbaljat l-għanijiet tal-aħħar sentenza tat-tielet paragrafu tal-imsemmi artikolu. Fil-fatt, jekk, kif jirriżulta minn din id-dispożizzjoni, dawk l-assoċjazzjonijiet għandhom ikunu jistgħu jinvokaw l-istess drittijiet bħall-individwi, ikun kuntrarju għall-għan li jiġi żgurat aċċess wiesa’ għall-ġustizzja lill-pubbliku kkonċernat, minn naħa, kif ukoll għall-prinċipju ta’ effettività, min-naħa l-oħra, li l-imsemmija assoċjazzjonijiet ma jkunux jistgħu jinvokaw ukoll il-ksur ta’ regoli tad-dritt tal-Unjoni tal-ambjent unikament minħabba li dawn tal-aħħar jipproteġu interessi kollettivi. Dan ikun jimpedihom ampjament mill-possibbiltà li jikkontrollaw l-osservanza tar-regoli li jirriżultaw minn dak id-dritt, li ħafna drabi, huma ffokati fuq l-interess ġenerali u mhux fuq il-protezzjoni biss tal-interessi ta’ individwi meħuda b’mod individwali.
(ara l-punti 45-46, 50, dispożittiv 1)
2. Organizzazzjoni mhux governattiva, li taħdem favur il-protezzjoni tal-ambjent, prevista fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 85/337, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent, kif emendata bid-Direttiva 2003/35, tista’, abbażi tal-aħħar sentenza tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 10a ta’ din id-direttiva, tibbenefika mid-dritt li tinvoka, fil-kuntest ta’ rikors kontra deċiżjoni ta’ permess ta’ proġetti li aktarx ikollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent fis-sens tal-Artikolu 1(1) tal-istess direttiva, il-ksur ta’ regoli tad-dritt nazzjonali li jirriżultaw mill-Artikolu 6 tad-Direttiva 92/43/KE, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa, kif emendata bid-Direttiva 2006/105/KE, meta d-dritt proċedurali nazzjonali ma jippermettix dan minħabba li r-regoli invokati jipproteġu biss l-interessi tal-kollettività u mhux dawk ta’ individwi.
Fil-fatt, id-dispożizzjonijiet tal-aħħar żewġ sentenzi tat-tielet paragrafu ta’ dan l-Artikolu 10a billi jipprevedu, minn naħa, li l-interess ta’ kull organizzazzjoni mhux governattiva, li tissodisfa l-ħtiġiet previsti fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 85/337, għandu jitqies biżżejjed, u min-naħa l-oħra, li tali organizzazzjonijiet għandhom jitqiesu wkoll li għandhom drittijiet kapaċi li jiġu indebboliti, jistabbilixxu regoli preċiżi u li ma humiex suġġetti għal kundizzjonijiet oħra. Fost dawn id-drittijiet għandu neċessarjament ikun hemm ir-regoli tad-dritt nazzjonali li jimpelementaw il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent, kif ukoll ir-regoli tad-dritt tal-Unjoni dwar l-ambjent li għandhom effett dirett.
(ara l-punti 48, 56-57, 59, dispożittiv 2)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)
12 ta’ Mejju 2011 (*)
“Direttiva 85/337/KEE – Evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent – Konvenzjoni ta’ Århus –Direttiva 2003/35/KE– Aċċess għall-ġustizzja – Organizzazzjonijiet mhux governattivi għall-protezzjoni tal-ambjent”
Fil-Kawża C‑115/09,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa minn Oberverwaltungsgericht für das Land Nordrhein-Westfalen (il‑Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑5 ta’ Marzu 2009, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑27 ta’ Marzu 2009, fil-proċedura
Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland, Landesverband Nordrhein‑Westfalen eV
kontra
Bezirksregierung Arnsberg,
fil-preżenza ta’:
Trianel Kohlekraftwerk Lünen GmbH & Co. KG,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn J.-C. Bonichot (Relatur), President tal-Awla, K. Schiemann, A. Arabadjiev, L. Bay Larsen, u C. Toader, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: E. Sharpston,
Reġistratur: C. Strömholm, amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑10 ta’ Ġunju 2010,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland, Landesverband Nordrhein-Westfalen eV, minn D. Teßmer, u B. W. Wegener, avukat,
– għal Bezirksregierung Arnsberg, minn D. Bremecker, bħala aġent,
– għal Trianel Kohlekraftwerk Lünen GmbH & Co. KG, minn Ch. Riese, u U. Karpenstein, avukat,
– għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Lumma u B. Klein, bħala aġenti,
– għall-Gvern Grieg, minn G. Karipsiadis, bħala aġent,
– għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri bħala aġent, assistita minn M. Russo, avvocato dello Stato,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn J.‑B. Laignelot u G. Wilms, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑16 ta’ Diċembru 2010,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE, tas‑27 ta’ Ġunju 1985, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 248), kif emendata bid-Direttiva 2003/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Mejju 2003 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 466, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 85/337”).
2 Dik it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn il-Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland, Landesverband Nordrhein-Westfalen eV (Federazzjoni għall-ambjent u għall-protezzjoni tan-natura, assoċjazzjoni tal-Land tan-Nordrhein-Westfalen, iktar ’il quddiem il-“Federazzjoni għall-ambjent”) u l‑Bezirksregierung Arnsberg, dwar il-permess mogħti minn din tal-aħħar lil Trianel Kohlekraftwerk GmbH & Co. KG (iktar ’il quddiem “Trianel”), għall-bini u t-tħaddim ta’ impjant tal-enerġija elettrika li jaħraq il-faħam f’Lünen.
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt internazzjonali
3 Il-Konvenzjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali, imsejħa il-“Konvenzjoni ta’ Århus”, ġiet iffirmata fil‑25 ta’ Ġunju 1998 u approvata f’isem il-Komunità Ewropea mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370/KE, tas-17 ta’ Frar 2005, dwar il-konklużjoni, f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Konvenzjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali (ĠU L 164M, p. 17).
4 L-Artikolu 9 ta’ din il-Konvenzjoni jipprovdi:
“[…]
2. Kull parti għandha tiżgura li, fil-kuntest tal-liġi nazzjonali tagħha, il-membri tal-pubbliku kkonċernati
a) li għandhom interess suffiċjenti, jew diversament,
b) li jsostnu preġudizzju ta’ dritt, meta l-liġi amministrattiva proċedurali ta’ parti teżiġi dan bħala rekwiżit,
ikunu jistgħu jippreżentaw rikors quddiem qorti u/jew korp indipendenti u imparzjali ieħor stabbilit bil-liġi, biex jikkontestaw il-legalità sostantiva u proċedurali ta’ kull deċiżjoni, att jew ommissjoni suġġetti għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6 u, meta d-dritt nazzjonali hekk jipprovdi u mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu, tad-dispożizzjonijiet rilevanti l-oħra ta’ din il‑Konvenzjoni.
Dak li jikkostitwixxi interess suffiċjenti u preġudizzju ta’ dritt għandu jiġi stabbilit skont ir-rekwiżiti tad-dritt nazzjonali u dejjem bl-għan li l-pubbliku kkonċernat jingħata aċċess wiesa’ għall-ġustizzja skont din il-Konvenzjoni. Għal dan il-għan, l-interess ta’ kull organizzazzjoni mhux governattiva li tissodisfa r-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 2(5) għandu jitqies suffiċjenti għall-finijiet tas-subparagrafu (a) ta’ dan l-Artikolu. Tali organizzazzjonijiet għandhom jitqiesu wkoll li għandhom drittijiet li jistgħu jiġu ppreġudikati għall-finijiet tas-subparagrafu (b) ta’ dan l-Artikolu.
Id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-paragrafu 2 ma jeskludux il-possibbiltà li jkun hemm proċedura għal stħarriġ preliminari quddiem awtorità amministrattiva u ma jaffettwawx ir-rekwiżit li jiġu eżawriti r-rimedji amministrattivi qabel ma jinfetħu proċeduri ta’ stħarriġ ġudizzjarju, meta jkun jeżisti dan ir-rekwiżit taħt id-dritt nazzjonali.
3. Barra minn hekk u bla ħsara għall-proċeduri ta’ reviżjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 iktar ’il fuq, kull parti għandha tiżgura li l-membri tal-pubbliku li jissodisfaw il-kriterji eventwali previsti mid-dritt intern tagħha jkunu jistgħu jipproċedu bi proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji sabiex jikkontestaw l-atti jew l-ommissjonijiet ta’ individwi jew ta’ awtoritajiet pubbliċi li jiksru dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali dwar l-ambjent.
4. Barra minn hekk u bla ħsara għall-paragrafu 1 iktar ’il fuq, il-proċeduri msemmija fil-paragrafi 1, 2 u 3 iktar ’il fuq għandhom jipprovdu rimedji xierqa u effettivi, inkluż inġunzjonijiet fejn ikun xieraq, u għandhom ikunu ġusti, ekwi, fil-ħin u m’għandhomx jiswew b’mod li jiġi prekluż l-użu tagħhom. Id-deċiżjonijiet taħt dan l-Artikolu għandhom jingħataw jew jiġu rreġistrati bil-miktub. Deċiżjonijiet ta’ qrati, u kull fejn possibbli ta’ korpi oħrajn, għandhom ikunu aċċessibbli għall-pubbliku.
[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]
Id-dritt tal-Unjoni
Id-Direttiva 2003/35
5 Il-ħames premessa tad-Direttiva 2003/35 tiddikjara li l-liġijiet Komunitarji għandhom ikunu allineati kif jixraq mal-Konvenzjoni ta’ Århus bil-ħsieb tar-ratifika tagħha mill-Komunità.
6 Il-disa’ premessa tad-Direttiva 2003/35 tippreċiża li:
“L-Artikolu 9(2) u (4) tal-Konvenzjoni ta’ Arhus jipprovdi aċċess għall-proċeduri ġudizzjarji jew proċeduri oħra sabiex jisfidaw il-legalità sostantiva jew proċedurali tad-deċiżjonijiet, l-atti jew l-omissjonijiet bla ħsara għad-disposizzjonijiet tal-parteċipazzjoni tal-pubbliku tal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni.”
7 Il-ħdax-il premessa tad-Direttiva 2003/35 tiddikjara li d-Direttiva 85/337 għandha tiġi emendata bil-għan li din issir perfettament kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Århus u, b’mod partikolari, mal-Artikoli 6 u 9(2) u (4) ta’ din tal-aħħar.
8 L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/35 huwa redatt kif ġej:
“Il-mira ta’ din id-Direttiva hija li tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-obbligi li joħorġu mill-Konvenzjoni ta’ Arhus, b’mod partikolari billi:
[…]
b) ittejjeb il-parteċipazzjoni tal-pubbliku u tipprovdi disposizzjonijiet dwar l‑aċċess għall-ġustizzja ġewwa d-Direttivi tal-Kunsill 85/337/KEE u 96/61/KE.”
Id-Direttiva 85/337
9 L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 85/337 jipprovdi:
“Din id-Direttiva għandha tapplika għall-istima tal-effetti ambjentali ta’ dawk il-proġetti pubbliċi u privati li aktarx ikollhom effetti sinifikanti fuq l-ambjent.”
10 L-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 85/337 jipprovdi d-definizzjonijiet miżjuda mid-Direttiva 2003/35 tal-kunċetti ta’ “il-pubbliku” u ta’ “il-pubbliku interessat”:
“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:
[…]
“il-pubbliku” ifisser persuna jew iktar naturali jew legali, u, skond il-leġislazzjoni jew il-prattika nazzjonali, l-assoċjazzjonijiet, l-organizzazzjonijiet jew il-gruppi tagħhom;
“il-pubbliku interessat” ifisser il-pubbliku affettwat jew x’aktarx li jiġi affettwat bil-proċeduri dwar it-tfassil tad-deċiżjonijiet dwar l-ambjent riferiti fl-Artikolu 2(2) jew li għandu interess fihom; għall-għanijiet ta’ din id-Deċiżjoni, l‑organizzazzjonijiet mhux governattivi li jippromwovu l-protezzjoni ta’ l-ambjent u jissodisfaw kull ħtieġa taħt il-liġijiet nazzjonali għandhom jitqiesu li għandhom interess.
[…]”
11 Skont l-Artikolu 10a tad-Direttiva 85/337, li wkoll ġie miżjud mid-Direttiva 2003/35:
“L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi, skond is-sistema legali nazzjonali rilevanti, il-membri tal-pubbliku interessat [ikkonċernat]:
a) li jkollhom interess [ġuridiku] biżżejjed, jew alternattivament,
b) li jżommu l-indebboliment ta’ dritt, meta l-liġi amministrattiva proċedurali ta’ Stat Membru teħtieġ dan bħala pre-kondizzjoni,
ikollhom aċċess għal rivista [ikunu jistgħu jippreżentaw rikors] quddiem qorti tal-ġustizzja jew korp ieħor indipendenti u imparzjali stabbilit bil-liġi għalbiex [sabiex] jisfida l-legalità sostanzjali jew proċedurali tad-deċiżjonijiet, l-atti jew l‑omissjonijiet bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva dwar il‑parteċipazzjoni tal-pubbliku.
[…]
Dak li jikkostiwixxi interess suffiċjenti u l-indebboliment ta’ dritt għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri, b’mod konsistenti mal-mira li jingħata aċċess għall‑ġustizzja lill-pubbliku interessat. Għal dan il-fini, l-interess ta’ kull organizzazzjoni mhux governattiva li tissodisfa l-ħtiġiet riferiti fl-Artikolu 1(2) għandu jitqies biżżejjed għall-għan tas-subparagrafi (a) ta’ dan l-Artikolu. Dawn l-orgnizzazzjonijiet għandhom jitqiesu wkoll li għandhom drittijiet kapaċi li jiġu indebboliti għall-għan tas-subparagrafu (b) ta’ dan l-Artikolu.
[…]”
Id-Direttiva 92/43/KE
12 L-Artikolu 6(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KE, tal-21 ta’ Mejju 1992, dwar il‑konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 102), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2006/105/KE tal‑20 ta’ Novembru 2006 (ĠU L 352M, 31.12.2008, p. 883, iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-‘habitat’”) jipprovdi d-dispożizzjonijiet li ġejjin:
“Kull pjan jew proġett li mhux marbut direttament ma’ jew li ma hux meħtieġ għat-tmexxija tas-sit iżda li x’aktarx se jkollu effett sinifikanti fuqu, jew b’mod individwali jew inkella flimkien ma’ xi pjanijiet jew proġetti oħra, għandu jkun suġġett għal evalwazzjoni xierqa ta’ l-implikazzjonijiet tiegħu għas-sit invista tal-għanijiet ta’ konservazzjoni tas-sit. Fl-isfond tar-riżultati tal-evalwazzjoni tal-implikazzjonijiet għas-sit u skond id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 4, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jaqblu dwar il-pjan jew il-proġett biss wara li jkunu żguraw li dan ma jaffettwax ħażin l-integrità tas-sit konċernat u, jekk xieraq, wara li jkunu raw l-opinjoni tal-pubbliku ġenerali.”
Id-dritt nazzjonali
13 L-Artikolu 42 tal-Liġi li tirregola l-proċeduri amministrattivi (Verwaltungsgerichtsordnung, BGBl. 1991 I, p. 686, iktar ’il quddiem il‑“VwGO”) tippreċiża l-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà tar-rikorsi kif ġej:
“1. Rikors jista’ jitlob l-annullament ta’ att amministrattiv (rikors għal annullament) jew sabiex tiġi adottata miżura amministrattiva ordnata f’każ ta’ rifjut jew nuqqas li tittieħed azzjoni (rikors għal inġunzjoni).
2. Ħlief fejn il-liġi tipprovdi mod ieħor, tali rikors huwa ammissibbli biss jekk ir-rikorrent jasserixxi li d-drittijiet tiegħu ġew indebboliti mill-miżura amministrattiva jew mir-rifjut jew nuqqas li tittieħed azzjoni.”
14 Barra minn hekk, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 113(1) tal-VwGO tipprovdi:
“1. Sa fejn il-miżura amministrattiva tkun illegali u d-drittijiet tar-rikorrent ikun ġew indebboliti minnha, il-qorti għandha tannulla l-miżura amministrattiva flimkien ma’ kwalunkwe deċiżjoni ta’ appell interna fejn dan ikun propizju.”
15 L-ewwel sentenza tal-Artikolu 2(1) tal-Liġi dwar l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent (Gesetz über die Umweltverträglichkeitsprüfung, BGBl. 2005 I, p. 1757, iktar ’il quddiem il-“UVPG”) tipprovdi li l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent tifforma parti integrali mill-proċeduri deċiżjonali amministrattivi li jikkontribwixxu għat-teħid ta’ deċiżjoni dwar jekk proġett jistax jiġi awtorizzat.
16 Skont il-punt 1 tal-Artikolu 2(3) tal-UVPG, l-awtorizzazzjoni, id-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pjan u d-deċiżjonijiet l-oħra tal-awtoritajiet amministrattivi dwar l‑aċċettabbiltà ta’ proġetti adottati fi proċedura amministrattiva, bl-eċċezzjoni ta’ proċeduri ta’ dikjarazzjoni, jikkostitwixxu “deċiżjonijiet” fis-sens tal-ewwel sentenza tal-paragrafu 1 tiegħu.
17 Il-punt 1(a) tal-Artikolu 1(1) tal-Liġi dwar dispożizzjonijiet supplimentari li jirregolaw rikorsi fi kwistjonijiet ambjentali previsti mid-Direttiva 2003/35/KE (Umwelt Rechtsbehelfsgesetz, BGBl. 2006 I, p. 2816, iktar ’il quddiem il‑“UmwRG”) jippreċiża li din il-liġi għandha tapplika għal rikorsi li jikkontestaw “deċiżjonijiet” fis-sens tal-Artikolu 2(3) tal-UVPG dwar l-ammissibbiltà ta’ proġetti li fir-rigward tagħhom, jista’ jkun hemm, skont l-UVPG, obbligu biex titwettaq evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent.
18 Il-punt 1 tal-Artikolu 2(1) tal-UmwRG jipprovdi li assoċjazzjoni nazzjonali jew barranija rikonoxxuta skont il-paragrafu 3 tal-UmwRG tista’ tippreżenta rikors skont il-VwGO kontra tali deċiżjoni jew kontra nuqqas li tiġi adottata tali deċiżjoni, mingħajr ma hija meħtieġa ssostni indebboliment tad-drittijiet tagħha stess, kemm-il darba l-assoċjazzjoni tasserixxi li din tal-aħħar tikser dispożizzjonijiet “intiżi għall-protezzjoni tal-ambjent, li jagħtu drittijiet individwali u li jistgħu jkunu rilevanti għad-deċiżjoni”.
19 Barra minn hekk, il-punt 1 tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 2(5) tal-UmwRG tippreċiża li tali rikorsi għandhom jitqiesu fondati jekk id-deċiżjoni tikser dispożizzjonijiet “intiżi għall-protezzjoni tal-ambjent, li jagħtu drittijiet individwali u li jistgħu jkunu rilevanti għad-deċiżjoni”, u li l-ksur ikun “ta’ ħsara għall-interessi tal-protezzjoni tal-ambjent li jifformaw parti mill-għanijiet tal-assoċjazzjoni skont l-istatut ta’ assoċjazzjoni tagħha”.
20 Il-punt 2 tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 5(1) tal-Liġi Federali dwar il-protezzjoni mill-effetti noċivi tat-tniġġis atomosferiku, tal-ħoss, tal-vibrazzjonijiet u fenomeni simili fuq l-ambjent – Liġi dwar il-protezzjoni mit-tniġġis (Bundes-Immissionsschutzgesetz, BGBl. 2002 I, p. 3830, iktar ’il quddiem il-“BImSchG”) jipprovdi, b’mod partikolari, li l-istallazzjonijiet suġġetti għal awtorizzazzjoni għandhom jinbnew u jitħaddmu b’mod, sabiex jiġi garantit livell għoli ta’ protezzjoni tal-“ambjent kollu”, u sabiex tiġi żgurata prevenzjoni mill-effetti noċivi fuq l-ambjent u mir-riskji, l-inkonvenjenti serji u d-disturbi gravi l-oħra.
21 L-ewwel sentenza tal-Artikolu 8(1) tal-BImSchG tipprevedi li, fuq talba, jista’ jingħata permess għall-bini ta’ impjant jew ta’ parti minn impjant, jew għall-bini u t-tħaddim ta’ parti minn impjant, jekk ikun jeżisti interess leġittimu għall-għoti ta’ permess parzjali, jekk il-kundizzjonijiet meħtieġa jkunu sodisfatti fir-rigward tal-għan tal-permess parzjali mitlub, u jekk evalwazzjoni provviżjorja tkun turi li l‑ebda ostaklu a priori insuperabbli ma jopponi l-bini u t-tħaddim tal-impjant kollu mill-prespettiva tal-kundizzjonijiet tal-permess.
22 L-Artikolu 9(1) tal-BImSchG jipprovdi li, fuq talba, tista’ tingħata deċiżjoni preliminari fuq ċerti kundizzjonijiet tal-permess, kif ukoll fuq is-sit tal-impjant, sa fejn l-effetti tal-impjant ipproġettat jistgħu ma jkunux evalwati b’mod suffiċjenti, jew sa fejn ikun jeżisti interess leġittimu għall-għoti ta’ deċiżjoni preliminari.
23 L-Artikolu 61 tal-Liġi dwar il-protezzjoni tan-natura u l-preżervazzjoni tal-kampanja (Bundesnaturschutzgesetz, BGBl. 2002 I, p. 1193) jippreċiża li:
“1. Indipendentement minn kwalunkwe indebboliment tad-drittijiet tagħha stess, [...] assoċjazzjoni rikonoxxuta tista’ tippreżenta rikorsi skont il-liġi li tirregola l-proċeduri amministrattivi, li jikkontestaw:
1) eżenzjonijiet minn projbizzjonijiet u rekwiżiti intiżi sabiex jipproteġu żoni ta’ konservazzjoni tan-natura, parks nazzjonali u żoni protetti oħrajn fil-kuntest tal-Artikolu 33(2), u
2) deċiżjonijiet ta’ approvazzjoni tal-ippjanar li permezz tagħhom in-natura u l-kampanja jiġu mittiefsa, flimkien ma’ permessi għall-ippjanar fejn tkun prevista l-parteċipazzjoni pubblika.
[…]
2. Rikorsi ppreżentati skont is-subparagrafu 1 huma ammissibbli biss jekk l‑assoċjazzjoni:
1) tasserixxi li l-adozzjoni ta’ waħda mill-miżuri amministrattivi msemmija fl-ewwel sentenza tas-subparagrafu 1 tikser dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi, dispożizzjonijiet li ġew adottati jew li ser ikomplu japplikaw fuq il-bażi jew fil-qafas ta’ din il-liġi, jew dispożizzjonijiet oħra li jridu jiġu kkunsidrati meta tiġi adottata miżura amministrattiva u li l-oġġettivi tagħha jinkludu tħassib dwar il‑protezzjoni tan-natura u l-preżervazzjoni tal-kampanja;
2) tkun affettwata fir-rigward ta’ kwistjoni li, taħt l-istatuti tagħha, taqa’ fl-ambitu tagħha u li fir-rigward tagħha hija rikonoxxuta [...]”
Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-domandi preliminari
24 Trianel, parti intervenjenti fil-kawża prinċipali, għandha l-intenzjoni li tibni u tħaddem impjant tal-enerġija li jaħraq il-faħam f’Lünen. L-impjant, li għandu kapaċità kalorifika ta’ kombustjoni ta’ 1705 megawatt u produzzjoni elettrika netta ta’ 750 megawatt, huwa previst li jibda jiffunzjona fis-sena 2012. F’medda ta’ 8 kilometri mis-sit, jeżistu ħames żoni speċjali ta’ konservazzjoni fis-sens tad-Direttiva dwar il-“habitat”.
25 Fis-6 ta’ Mejju 2008, il-Bezirksregierung Arnsberg, konvenuta fil-kawża prinċipali, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-effetti ta’ dan il-proġett fuq l-ambjent, ħarġet deċiżjoni preliminari u permess parzjali għall-proġett lil Trianel. Id‑deċiżjoni preliminari ddikjarat li ma kien hemm ebda oġġezzjonijiet legali fir-rigward tal-proġett.
26 Fis‑16 ta’ Ġunju 2008, il-Federazzjoni għall-ambjent ippreżentat rikors għal annullament ta’ dawn il-miżuri quddiem il-Oberverwaltungsgericht für das Land Nordrhein-Westfalen. Hija invokat, b’mod partikolari, il-ksur tad-dispożizzjonijiet li jittrasponu d-Direttiva dwar il-“habitat” u b’mod partikolari tal-Artikolu 6 ta’ din tal-aħħar.
27 Il-qorti tar-rinviju tqis li dawn il-miżuri ġew adottati bi ksur tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-“habitat” peress li l-evalwazzjoni tal-effetti tal-proġett inkwistjoni fuq l-ambjent ma setgħetx turi li dan tal-aħħar ma setax ikollu effetti sinjifikattivi fuq iż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni li jinsabu fil-qrib.
28 Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li, abbażi tad-dritt nazzjonali, assoċjazzjoni għall-protezzjoni tal-ambjent ma tistax tinvoka l-ksur tad-dispożizzjonijiet tad-dritt dwar il-protezzjoni tal-ilma u tan-natura kif ukoll tal-prinċipju ta’ prekawzjoni stabbilit fil-punt 2 tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 5(1) tal-BImSchG, peress li dawn id-dispożizzjonijiet ma jagħtux drittijiet lil individwi fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 2(1) u tal-punt 1 tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 5 tal-UmwRG.
29 Hija tippreċiża li d-dritt ta’ organizzazzjonijiet mhux governattivi li jippreżentaw rikors jikkorrispondi wkoll mas-sistema ġenerali tar-rikorsi għal annullament prevista mid-dritt amministrattiv proċedurali u b’mod partikolari mill-Artikoli 42(2) u mill-ewwel sentenza tal-Artikolu 113(1) tal-VwGO, li jipprevedu li rikors ġudizzjarju kontra miżura amministrativa huwa ammissibili biss jekk l‑imsemmija miżura tkun ta’ ħsara għad-drittijiet tar-rikorrenti, u għaldaqstant għad-drittijiet suġġettivi pubbliċi tiegħu.
30 Hija żżid li, sabiex jiġi ddeterminat jekk dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali tipproteġix drittijiet individwali, il-kriterju deċiżiv jikkonsisti f’li jiġi evalwat sa liema punt huma ddeterminati u ddefiniti fid-dispożizzjoni kkunsidrata, l-interess jew id-dritt protett, it-tip ta’ ħsara fir-rigward tad-dritt, u ċ-ċirku ta’ persuni protetti.
31 Il-qorti tar-rinviju tqis f’dan ir-rigward li, fil-qasam tad-dritt dwar il-protezzjoni mit-tniġġis, il-punt 2 tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 5(1)tal-BImSchG, bl-istess mod bħad-dispożizzjonijiet tad-dritt dwar il-protezzjoni tal-ilma u tan-natura, jikkonċerna qabel kollox il-kollettività u mhux il-protezzjoni tad-drittijiet individwali.
32 Il-qorti tar-rinviju tikkonstata barra minn hekk li l-proġett inkwistjoni ma jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 61 tal-Liġi dwar il-protezzjoni tan-natura u l-preżervazzjoni tal-kampanja, li tippermetti, f’ċerti każijiet, deroga minn dik il‑kundizzjoni ta’ ammissibbiltà għar-rikorsi ppreżentati mill-assoċjazzjonijiet rikonoxxuti fil-qasam ambjentali.
33 Peress li tqis li tali restrizzjoni tal-aċċess għall-ġustizzja tista’ madankollu tippreġudika l-effett utli tad-Direttiva 85/337, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk ir‑rikors tal-Federazzjoni għall-protezzjoni tal-ambjent għandux jintlaqa’ abbażi tal-Artikolu 10a ta’ din id-direttiva.
34 F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Oberverwaltungsgericht für das Land Nordrhein Westfalen iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
“1) L-Artikolu 10a tad-Direttiva 85/337 [...] jeżiġi li l-organizzazzjonijiet mhux governattivi li jixtiequ jippreżentaw rikors quddiem qorti ta’ Stat Membru, li d-dritt amministrattiv proċedurali tiegħu jeżiġi li r-rikorrent jinvoka ksur ta’ dritt, għandhom ikunu jistgħu jinvokaw ksur tad-dispożizzjonijiet kollha fil-qasam tal-ambjent applikabbli għall-approvazzjoni ta’ proġett, inklużi għalhekk id-dispożizzjonijiet li huma intiżi li jaqdu l-interess kollettiv biss, u mhux dawk li, minn tal-inqas parzjalment, jipproteġu l-interess tal-individwi wkoll?
2) Fil-każ ta’ risposta negattiva mingħajr riżerva għall-ewwel domanda:
L-Artikolu 10a tad-Direttiva 85/337 [...] jeżiġi li l-organizzazzjonijiet mhux governattivi li jixtiequ jippreżentaw rikors quddiem qorti ta’ Stat Membru, li d‑dritt amministrattiv proċedurali tiegħu jeżiġi li r-rikorrent jinvoka ksur ta’ dritt, għandhom ikunu jistgħu jinvokaw ksur tad-dispożizzjonijiet fil-qasam tal-ambjent li huma direttament ibbażati fuq id-dritt Komunitarju jew li jittrasponu fid-dritt nazzjonali d-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju dwar l-ambjent, inklużi għalhekk id-dispożizzjonijiet li huma intiżi li jaqdu l-interess kollettiv biss, u mhux dawk li, minn tal-inqas parzjalment jipproteġu l-interess tal-individwi wkoll?
a) Fil-każ li, fil-prinċipju, tingħata risposta affermattiva għat-tieni domanda:
Id-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju dwar l-ambjent għandhom jissodisfaw ċerti kundizzjonijiet sostanzjali sabiex ikunu jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors?
b) Fil-każ ta’ risposta affermattiva għad-domanda 2a:
Liema huma l-kundizzjonijiet sostanzjali (pereżempju effett dirett, għan protettiv, għan) inkwistjoni?
3) Fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda jew għat-tieni domanda:
Id-Direttiva tagħti direttament lill-organizzazzjonijiet mhux governattivi tali dritt ta’ rikors ġudizzjarju li jmur lil hinn mid-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali?”
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel u t-tieni domanda preliminari
35 Permezz tal-ewwel żewġ domandi tagħha, li jeħtieġu li jiġu eżaminati flimkien, il‑qorti tar-rinviju tistqasi essenzjalment jekk l-Artikolu 10a tad-Direttiva 85/337 jipprekludix leġiżlazzjoni li ma tirrikonoxxix fir-rigward ta’ organizzazzjonijiet mhux governattivi li jaħdmu favur il-protezzjoni tal-ambjent previsti fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 85/337 (iktar ’il quddiem, l-“assoċjazzjonijiet għall-protezzjoni tal-ambjent”), il-possibbilità li jinvokaw, fil-kuntest ta’ rikors kontra deċiżjoni ta’ permess ta’ proġetti li jistgħu jkollhom “effetti sinifikanti fuq l‑ambjent” fis-sens tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 85/337, il-ksur ta’ regola li tipproteġi biss l-interess tal-kollettività. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-imsemmi Artikolu 10a tad-Direttiva 85/337 jipprekludix tali leġiżlazzjoni b’mod ġenerali jew unikament sa fejn din tal-aħħar ma tippermettix lill-imsemmija organizzazzjoni milli tinvoka dispożizzjonijiet partikolari ta’ oriġini komunitarja jew purament nazzjonali, tad-dritt dwar l-ambjent.
36 Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li d-domanda hija ġġustifikata miċ-ċirkustanza li l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli tissuġġetta l-ammissibbiltà ta’ azzjoni bħal dik meħuda mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali għaċ-ċirkustanza li r-rikorrent jinvoka li d-deċiżjoni amministrattiva kkontestata tkun ta’ ħsara għal dritt individwali li jista’, skont id-dritt nazzjonali, jiġi kklassifikat bħala parti mid-dritt suġġettiv pubbliku.
37 Preliminarjament, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 10a tad-Direttiva 85/337 jipprevedi li d-deċiżjonijiet, l-atti u l-omissjonijiet previsti fl-imsemmi artikolu għandhom ikunu jistgħu jiġu ssuġġettati għal rikors sabiex “jisfida l-legalità sostanzjali jew proċedurali”, mingħajr bl-ebda mod ma jiġu limitati l-motivi li jistgħu jiġu invokati insostenn ta’ tali rikors.
38 Fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà tar-rikors, dik id-dispożizzjoni tipprevedi żewġ każijiet: l-ammissibbiltà ta’ rikors tista’ tiġi ssuġġettata għal “interess [ġuridiku] biżżejjed” jew li r-rikorrenti jsostni “indebboliment ta’ dritt” skont jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali tirreferix għall-kundizzjoni waħda jew l‑oħra.
39 L-ewwel sentenza tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 10a tad-Direttiva 85/337, tippreċiża li l-Istati Membri għandhom jiddeterminaw dak li jikkostitwixxi indebboliment ta’ dritt, b’mod konformi mal-għan li jipprevedi li jagħti lill-pubbliku kkonċernat “aċċess [wiesa’] għall-ġustizzja”
40 Fir-rigward tar-rikorsi ppreżentati mill-assoċjazzjonijiet għall-protezzjoni tal-ambjent, it-tieni u t-tielet sentenzi tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 10a tad-Direttiva 85/337, iżidu li, għal dan il-għan, dawn tal-aħħar għandhom jitqiesu bħala li għandhom, kemm interess ġuridiku suffiċjenti, kif ukoll drittijiet li jistgħu jiġu indebboliti, skont jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali tirreferix għall-kundizzjoni ta’ ammissibbiltà waħda jew l-oħra.
41 Dawn id-dispożizzjonijiet differenti għandhom jiġu interpretati fid-dawl u b’kunsiderazzjoni tal-għanijiet tal-Konvenzjoni ta’ Århus li magħhom, kif jirriżulta mill-ħames premessa tad-Direttiva 2003/35, għandhom ikunu allineati kif jixirqu ’l liġijiet tal-Unjoni.
42 Minn dan jirriżulta li, tkun xi tkun l-għażla ta’ Stat Membru fir-rigward tal-kriterju ta’ ammissibbiltà ta’ rikors, l-assoċjazzjonijiet għall-protezzjoni tal-ambjent għandhom dritt, b’mod konformi mal-Artikolu 10a tad-Direttiva 85/337, li jippreżentaw rikors quddiem qorti jew korp ieħor indipendenti u imparzjali stabbilit bil-liġi sabiex tistħarreġ il-legalità sostanzjali jew proċedurali tad-deċiżjonijiet, l-atti jew l-omissjonijiet previsti mill-imsemmi artikolu.
43 Fl-aħħar hemm lok ukoll li jitfakkar li, meta, fin-nuqqas ta’ regoli stabbiliti f’dan il-qasam mid-dritt tal-Unjoni, huwa l-ordni ġuridiku ta’ kull wieħed mill-Istati Membri li għandu jindika l-qrati li għandhom ġurisdizzjoni u jirregola l‑modalitajiet proċedurali ta’ rikorsi ġudizzjarji intiżi sabiex jiżguraw il-ħarsien tad-drittijiet li l-individwi għandhom taħt id-dritt tal-Unjoni, dawnil-modalitajiet proċedurali ma għandhomx ikunu inqas favorevoli minn dawk li jikkonċernaw rikorsi simili ta’ natura interna (prinċipju ta’ ekwivalenza) u ma għandhomx jirrendu prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju ta’ drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività).
44 Barra minn hekk, jekk huma l-Istati Membri li għandhom jiddeterminaw, meta s‑sistema legali tagħhom tkun tali, liema huma d-drittijiet li l-ksur tagħhom jista’ jagħti lok għal rikors fil-qasam tal-ambjent, fil-limiti imposti mill-Artikolu 10a tad-Direttiva 85/337, dawn tal-aħħar ma jistgħux, waqt li jwettqu din id‑determinazzjoni, jimpedixxu lill-assoċjazzjonijiet għall-protezzjoni tal-ambjent, li jaqdu l-eżiġenzi previsti fl-Artikolu 1(2) ta’ dik id-Direttiva, mill-possibbiltà li jeżegwixxu l-funzjoni tagħhom rikonoxxuta kemm mid-Direttiva 85/337 kif ukoll mill-Konvenzjoni ta’ Århus.
45 Fir-rigward ta’ leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għalkemm il-leġiżlatur nazzjonali jista’ jillimita d-drittijiet li l-ksur tagħhom jista’ jiġi invokat minn individwu partikolari fil-kuntest ta’ rikors ġudizzjarju kontra waħda mid-deċiżjonijiet, atti jew ommissjonijiet previsti fl-Artikolu 10a tad-Direttiva 85/337, għal drittijiet suġġettivi pubbliċi biss, tali limitazzjoni ma tistax tapplika bħala tali għal assoċjazzjonijiet għall-protezzjoni tal-ambjent ħlief billi jiġu interpetati b’mod żbaljat l-għanijiet tal-aħħar sentenza tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 10a tad-Direttiva 85/337.
46 Fil-fatt, jekk, kif jirriżulta minn din id-dispożizzjoni, dawn l-assoċjazzjonijiet għandhom ikunu jistgħu jinvokaw l-istess drittijiet bħall-individwi, ikun kuntrarju għall-għan li jiġi żgurat aċċess wiesa’ għall-ġustizzja lill-pubbliku kkonċernat, minn naħa, kif ukoll għall-prinċipju ta’ effettività, min-naħa l-oħra, li l-imsemmija assoċjazzjonijiet ma jkunux jistgħu jinvokaw ukoll il-ksur ta’ regoli tad-dritt tal-Unjoni tal-ambjent unikament minħabba li dawn tal-aħħar jipproteġu interessi kollettivi. Fil-fatt, kif turi l-kawża prinċipali, dan ikun jimpedihom ampjament mill-possibbiltà li jikkontrollaw l-osservanza tar-regoli li jirriżultaw minn dak id‑dritt, li ħafna drabi, huma ffokati fuq l-interess ġenerali u mhux fuq il‑protezzjoni biss tal-interessi ta’ individwi meħuda b’mod individwali.
47 Minn dan jirriżulta, qabelxejn li l-kunċett ta’ “indebboliment ta’ dritt ” ma jistax jiddependi fuq kundizzjonijiet li jistgħu jiġu sodisfatti biss minn persuni fiżiċi jew morali, bħal pereżempju, il-kundizzjoni li tkun tirrisjedi ftit jew wisq qrib ta’ impjant, jew dik li tkun ġarrabt b’mod jew ieħor l-effetti tat-tħaddim tiegħu.
48 Minn dan jirriżulta, b’mod iktar ġenerali li l-aħħar sentenza tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 10a tad-Direttiva 85/337, għandha tinqara fis-sens li fost in-numru ta’ “drittijiet kapaċi li jiġu indebboliti”, li minnhom l-assoċjazzjonijiet għall-protezzjoni tal-ambjent huma magħrufa li jibbenefikaw, għandu neċessarjament ikun hemm ir-regoli tad-dritt nazzjonali li jimpelementaw il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent, kif ukoll ir-regoli tad-dritt tal-Unjoni dwar l‑ambjent li għandhom effett dirett.
49 F’dan ir-rigward, bil-għan li tipprovdi lill-qorti tar-rinviju risposta li tkun kemm tista’ tkun ta’ għajnuna, għandu jiġi rrilevat li motiv kontra d-deċiżjoni kkontestata, ibbażat fuq ksur tar-regoli tad-dritt nazzjonali li jirriżultaw mill-Artikolu 6 tad-Direttiva dwar il-“habitat”, għandu jkun jista’ wkoll jiġi invokat minn assoċjazzjoni għall-protezzjoni tal-ambjent.
50 Konsegwentement, ir-risposta għall-ewwel żewġ domandi magħmula, moqrija flimkien, għandha tkun li l-Artikolu 10a tad-Direttiva 85/337 jipprekludi leġiżlazzjoni li ma tirrikonoxxix fir-rigward ta’ organizzazzjoni mhux governattiva li taħdem favur il-protezzjoni tal-ambjent, prevista fl-Artikolu 1(2) ta’ din id-direttiva, il-possibbilta’ li tinvoka, fil-kuntest ta’ rikors kontra deċiżjoni ta’ permess ta’ proġetti li “aktarx ikollhom effetti sinifikanti fuq l-ambjent” fis-sens tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 85/337, il-ksur ta’ regola li tirriżulta mid-dritt tal-Unjoni u li għandha bħala l-għan tagħha l-protezzjoni tal-ambjent, minħabba li din ir-regola tipproteġi biss l-interessi tal-kollettività u mhux dawk ta’ individwi.
Fuq it-tielet domanda preliminari
51 Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk, assoċjazzjoni għall-protezzjoni tal-ambjent tistax, abbażi tal-aħħar sentenza tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 10a tad-Direttiva 85/337, tibbenefika mid-dritt li tinvoka, fil-kuntest ta’ rikors kontra deċiżjoni ta’ permess ta’ proġetti li “aktarx ikollhom effetti sinifikanti fuq l-ambjent” fis-sens tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 85/337, il-ksur ta’ regoli tad-dritt nazzjonali li jirriżultaw mill-Artikolu 6 tad-Direttiva 92/43, meta d-dritt proċedurali nazzjonali ma jippermettix dan minħabba li r-regoli invokati jipproteġu biss l-interessi tal-kollettività u mhux dawk ta’ individwi.
52 Din id-domanda ssir biss fil-każ fejn il-qorti tar-rinviju ma tkunx tista’ tipprovdi interpretazzjoni tad-dritt proċedurali nazzjonali li tkun konformi mar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni.
53 F’dan ir-rigward jeħtieġ qabel kollox li jitfakkar li l-obbligu tal-Istati Membri li jilħqu r-riżultat previst minn direttiva kif ukoll il-kompitu tagħhom li jadottaw il-miżuri ġenerali jew partikolari kollha sabiex jiżguraw l-eżekuzzjoni ta’ dak l‑obbligu jorbot lill-awtoritajiet kollha tal-Istati Membri, inklużi l-awtoritajiet ġudizzjarji fil-kuntest tal-kompetenzi tagħhom (ara, f’dan is-sens is-sentenza tad‑19 ta’ Jannar 2010, Kücükdeveci, C-555/07, Ġabra p. I-00365, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).
54 Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fil-każijiet kollha fejn id-dispożizzjonijiet ta’ direttiva jidhru, mill-aspett tal-kontenut tagħhom, inkundizzjonati u preċiżi biżżejjed, l-individwi jistgħu jinvokawhom quddiem il-qrati nazzjonali kontra l‑Istat meta dan jew ikun naqas milli jittrasponi d-direttiva fid-dritt nazzjonali fit-termini previsti jew ikun għamel traspożizzjoni tagħhom b’mod inkorrett (ara, b’mod patikolari, is-sentenza tat‑12 ta’ Frar 2009, Cobelfret, C‑138/07, Ġabra p. I‑731, punt 58).
55 F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi kkonstatat li, meħud fl-intier tiegħu, l‑Artikolu 10a tad-Direttiva 85/337 jagħti lil-Istati Membri marġni sostanzjali ta’ manuvra, kemm sabiex jiddeterminaw dak li jkun jikkostitwixxi indebboliment ta’ dritt, kif ukoll sabiex jistabbilixxu, b’mod partikolari, il-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà tar-rikorsi u l-organi li quddiemhom dawn għandhom jiġu eżerċitati.
56 Madankollu dan ma japplikax fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-aħħar żewġ sentenzi tat-tielet paragrafu ta’ dan l-artikolu.
57 Dawn tal-aħħar, billi jipprevedu, minn naħa, li l-interess ta’ kull organizzazzjoni mhux governattiva, li tissodisfa l-ħtiġiet previsti fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 85/337, għandu jitqies biżżejjed, u min-naħa l-oħra li tali organizzazzjonijiet għandhom jitqiesu wkoll li għandhom drittijiet kapaċi li jiġu indebboliti, jistabbilixxu regoli preċiżi u li ma humiex suġġetti għal kundizzjonijiet oħra.
58 Barra minn hekk, kif diġà ntqal iktar ’il fuq, fost in-numru ta’ drittijiet, li l‑assoċjazzjonijiet għall-protezzjoni tal-ambjent għandhom ikunu jistgħu jinvokaw skont l-Artikolu 10a tad-Direttiva 85/337, hemm ir-regoli tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent u b’mod partikolari r-regoli tad-dritt nazzjonali li jirriżultaw mill-Artikolu 6 tad-Direttiva 92/43.
59 Għaldaqstant, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li assoċjazzjoni mhux governattiva li taħdem favur il-protezzjoni tal-ambjent, prevista fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 85/337 tista’, abbażi tal-aħħar sentenza tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 10a tad-Direttiva 85/337, tibbenefika mid-dritt li tinvoka, fil-kuntest ta’ rikors kontra deċiżjoni ta’ permess ta’ proġetti li “aktarx ikollhom effetti sinifikanti fuq l-ambjent” fis-sens tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 85/337, il-ksur ta’ regoli tad-dritt nazzjonali li jirriżultaw mill-Artikolu 6 tad-Direttiva dwar il‑“habitat”, meta d-dritt proċedurali nazzjonali ma jippermettix dan minħabba li r-regoli invokati jipproteġu biss l-interessi tal-kollettività u mhux dawk ta’ individwi.
Fuq l-ispejjeż
60 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jiġu rrimborsati.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
1) L-Artikolu 10a tad-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE tas‑27 ta’ Ġunju 1985, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent, kif emendata bid-Direttiva 2003/35/KE tal-Parlament Ewropej u tal-Kunsill, tas‑26 ta’ Mejju 2003, jipprekludi leġiżlazzjoni li ma tirrikonoxxix fir-rigward ta’ organizzazzjoni mhux governattiva li taħdem favur il-protezzjoni tal-ambjent, prevista fl-Artikolu 1(2) ta’ dik id-direttiva, il-possibbilità li tinvoka, fil-kuntest ta’ rikors kontra deċiżjoni ta’ permess ta’ proġetti li “aktarx ikollhom effetti sinifikanti fuq l-ambjent” fis-sens tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 85/337, kif emendata bid-Direttiva 2003/35, il-ksur ta’ regola li tirriżulta mid-dritt tal-Unjoni u li għandha bħala l-għan tagħha l-protezzjoni tal-ambjent, minħabba li dik ir-regola tipproteġi biss l-interessi tal-kollettività u mhux dawk ta’ individwi.
2) Tali organizazzjoni tista’, abbażi tal-aħħar sentenza tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 10a tad-Direttiva 85/337, kif emendata bid-Direttiva 2003/35, tibbenefika mid-dritt li tinvoka, fil-kuntest ta’ rikors kontra deċiżjoni ta’ permess ta’ proġetti li “aktarx ikollhom effetti sinifikanti fuq l-ambjent” fis-sens tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 85/337, kif emendata, il-ksur ta’ regoli tad-dritt nazzjonali li jirriżultaw mill-Artikolu 6 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43KE tal‑21 ta’ Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2006/105/KE tal‑20 ta’ Novembru 2006, meta d-dritt proċedurali nazzjonali ma jippermettix dan minħabba li r-regoli invokati jipproteġu biss l-interessi tal-kollettività u mhux dawk ta’ individwi.
Firem
*Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.