SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
5 ta’ Novembru 2014 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Politika soċjali — Ftehim qafas dwar xogħol part-time — Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni — Ftehim kollettiv li jipprevedi allowance għall-ulied dipendenti — Kalkolu tal-allowance mħallsa lil ħaddiema part-time skont il-prinċipju ta’ pro rata temporis”
Fil-Kawża C‑476/12,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Oberster Gerichtshof (l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ Settembru 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-24 ta’ Ottubru 2012, fil-proċedura
Österreichischer Gewerkschaftsbund
vs
Verband Österreichischer Banken und Bankiers,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, S. Rodin A. Borg Barthet, E. Levits (Relatur), M. Berger, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: E. Sharpston,
Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-25 ta’ Settembru 2013,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
— |
għall-Österreichischer Gewerkschaftsbund, minn A. Ehm, avukat, |
|
— |
għal Verband Österreichischer Banken und Bankiers, minn B. Hainz, avukat, |
|
— |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn B. Eggers u D. Martin, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-13 ta’ Frar 2014,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Klawżola 4 tal-Ftehim qafas dwar xogħol part-time, konkluż fis-6 ta’ Ġunju 1997 (iktar ’il quddiem il-“Ftehim qafas dwar xogħol part-time”), li jinsab anness mad-Direttiva tal-Kunsill 97/81/KE, tal-15 ta’ Diċembru 1997, li tikkonċerna il-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time konkluż mill-UNICE, miċ-CEEP u mill-ETUC (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 267), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 98/23/KE, tas-7 ta’ April 1998 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 278, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 97/81”), kif ukoll l-interpretazzjoni tal-Artikolu 28 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. |
|
2 |
Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn l-Österreichischer Gewerkschaftsbund (Federazzjoni Sindakali Awstrijaka) u Verband Österreichischer Banken und Bankiers (Assoċjazzjoni tal-Banek u l-Bankiera Awstrijaċi, iktar ’il quddiem il-“VÖBB”), dwar allowance għall-ulied dipendenti mogħtija abbażi tal-ftehim kollettiv applikabbli għall-impjegati tal-banek u l-bankiera (iktar ’il quddiem il-“ftehim kollettiv”). |
Il-kuntest ġuridiku
Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni
|
3 |
Skont il-Klawżola 1(a) tal-Ftehim qafas dwar xogħol part-time, dan għandu l-għan “li jipprovdi għat-tneħħija tad-diskriminazzjoni kontra ħaddiema part-time u li jtejjeb il-kwalità ta’ xogħol part-time”. |
|
4 |
Il-Klawżola 4 ta’ dan il-Ftehim qafas, intitolata “Il-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni”, tipprovdi:
[...]” |
Il-leġiżlazzjoni Awstrijaka
|
5 |
L-Artikolu 19d tal-Liġi dwar il-ħin tax-xogħol (Arbeitszeitgesetz) jipprovdi: “1. Ix-xogħol ikun “part-time” meta n-numru ta’ sigħat ta’ xogħol miftiehem għal kull ġimgħa huwa, bħala medja, inqas min-numru ta’ sigħat normali skont il-liġi maħduma kull ġimgħa jew inqas min-numru ta’ sigħat normali maħduma kull ġimgħa kif previst mill-ftehim kollettiv applikabbli. [...] 6. Ħaddiema part-time ma għandhomx iġarrbu żvantaġġ meta pparagunati ma’ ħaddiema full-time għar-raġuni li huma jaħdmu part-time, sakemm ma jkunx hemm raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw differenza fit-trattament [...] 7. F’każ ta’ tilwima, min iħaddem irid jipprova li kundizzjoni inqas favorevoli ma hijiex ibbażata fuq l-attività li tkun qiegħda ssir fuq bażi part-time”. |
|
6 |
Skont il-Kapitolu III tal-ftehim kollettiv, intitolat “Benefiċċji Soċjali”, “allowances għall-familja u allowances għall-ulied jingħataw bħala benefiċċju soċjali”. |
|
7 |
L-Artikolu 21(2) tal-ftehim kollettiv, intitolat “Allowance għall-familja”, jipprovdi: “L-allowances għall-familja [...] għall-ħaddiema part-time għandhom jiġu kkalkolati billi l-ammont pagabbli lill-ħaddiema full-time jiġi diviż bin-numru ta’ sigħat ta’ xogħol fil-ġimgħa kif stipulat fil-ftehim kollettiv (jiġifieri, 38.5 siegħa) u billi r-riżultat jiġi mmultiplikat bin-numru ta’ sigħat ta’ xogħol fil-ġimgħa tal-ħaddiem part-time kkonċernat”. |
|
8 |
L-Artikolu 22 tal-ftehim kollettiv, intitolat “Allowance għall-ulied dipendenti” jipprovdi: “1. Il-ħaddiema għandhom dritt għall-allowance għall-ulied dipendenti għal kull wild li fir-rigward tiegħu huma għandhom dritt għall-allowance tal-familja statutorja u jagħtu prova li qegħdin jirċievuha [...] […] 4. L-Artikolu 21(2) [...], japplika b’analoġija għal allowances għall-ulied dipendenti.” |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
|
9 |
Bħala korp kompetenti għall-impjegati tas-settur bankarju Awstrijak, l-Österreichischer Gewerkschaftsbund ressqet talba għal dikjarazzjoni skont il-proċedura speċjali prevista fl-Artikolu 54(2) tal-liġi dwar it-tribunali u l-proċeduri fil-qasam tas-sigurtà soċjali u tad-dritt tax-xogħol (Arbeits- und Sozialgerichtsgesetz, BGB1. Nr.104/1985). |
|
10 |
Din it-talba, intiża kontra l-VÖBB, bħala korp kompetenti għar-rappreżentazzjoni tal-persuni li jimpjegaw fis-settur bankarju Awstrijak, għandha bħala għan li jiġi kkonstatat mill-Oberster Gerichtshof (Qorti Suprema) li l-impjegati part-time li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-ftehim kollettiv għandhom dritt għal ħlas sħiħ tal-allowance għall-ulied dipendenti prevista fl-Artikolu 22(1) ta’ dan il-ftehim u mhux biss għal ammont pro rata tat-tul tal-ħin tax-xogħol tagħhom. |
|
11 |
F’dawn il-kundizzjonijiet, peress li kellha dubji dwar il-portata tal-prinċipju ta’ pro rata temporis fil-kawża pendenti quddiemha, l-Oberster Gerichtshof iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:
|
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
|
12 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk il-Klawżola 4(2) tal-Ftehim qafas dwar xogħol part-time għandhiex tiġi interpretata fis-sens li l-prinċipju ta’ pro rata temporis japplika għall-kalkolu ta’ allowance għall-ulied dipendenti mogħtija mill-persuna li timpjega ta’ impjegat li jaħdem part-time abbażi ta’ ftehim kollettiv. |
|
13 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li skont l-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju fit-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha, l-allowance għall-ulied dipendenti kkonċernata ma hijiex benefiċċju pprovdut mil-liġi u mogħti mill-Istat. Din l-allowance tingħata mill-persuna li timpjega abbażi ta’ ftehim kollettiv, innegozjat mill-partijiet kontraenti, favur ħaddiema li għandhom ulied dipendenti. |
|
14 |
Minn dan jirriżulta li din l-allowance ma tistax tiġi kklassifikata bħala “benefiċċju tas-sigurtà soċjali” fis-sens tar-Regolament (KE) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72), anki jekk l-imsemmija allowance għandha għanijiet simili għal dawk li għandhom ċerti benefiċċji previsti minn dan ir-regolament. |
|
15 |
It-tieni nett, għandu jiġi kkonstatat li, skont l-istess informazzjoni, li ġiet ikkonfermata matul is-seduta, il-partijiet fil-kawża prinċipali jaqblu dwar il-fatt li l-allowance kkonċernata tikkostitwixxi remunerazzjoni mħallsa lill-ħaddiem. |
|
16 |
Din id-definizzjoni tal-allowance għall-ulied dipendenti tikkorrispondi, kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 36 tal-konklużjonijiet tagħha, għal dik li tirriżulta mid-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, għandu jitfakkar li skont ġurisprudenza stabbilita, “paga” tfisser, skont l-Artikolu 157(2) TFUE, is-salarju jew ir-remunerazzjoni bażika jew minima, u kwalunkwe vantaġġi oħra mħallsa direttament jew indirettament, fi flus jew in natura, mill-persuna li timpjega lil ħaddiem għax-xogħol ta’ dan tal-aħħar. Skont ġurisprudenza stabbilita, dan il-kunċett ikopri r-remunerazzjoni kollha, immedjata jew futura, bil-kundizzjoni li titħallas, minkejja li indirettament, mill-persuna li timpjega lil ħaddiem, għax-xogħol ta’ dan tal-aħħar (ara sentenza Hliddal u Bornand, C-216/12 u C-217/12, EU:C:2013:568, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
17 |
F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li n-natura legali ta’ din ir-remunerazzjoni ma taffettwax l-applikazzjoni tal-Artikolu 157 TFUE, sakemm jingħataw fir-rigward tax-xogħol (sentenza Krüger, C‑281/97, EU:C:1999:396, punt 16). |
|
18 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li, għalkemm huwa minnu li diversi tipi ta’ remunerazzjonijiet mogħtija mill-persuna li timpjega jirriflettu wkoll kunsiderazzjonijiet ta’ politika soċjali, ir-remunerazzjoni ta’ benefiċċju ma tistax tiġi kkontestata meta l-ħaddiem ikollu dritt jirċievi l-benefiċċju inkwistjoni minn min jimpjegah minħabba l-eżistenza tar-relazzjoni ta’ impjieg (sentenza Barber, C‑262/88, EU:C:1990:209, punt 18). |
|
19 |
Għaldaqstant, peress li l-allowance għall-ulied dipendenti tagħmel parti mir-remunerazzjoni tal-ħaddiem, din hija ddeterminata mit-termini tar-relazzjoni tax-xogħol miftiehma bejn dan tal-aħħar u mill-persuna li timpjegah. |
|
20 |
Minn dan isegwi li, jekk skont it-termini ta’ din ir-relazzjoni ta’ xogħol, il-ħaddiem ikun jaħdem part-time, għandu jitqies li l-kalkolu tal-allowance għall-ulied dipendenti skont il-prinċipju ta’ pro rata temporis ikun oġġettivament iġġustifikat, fis-sens tal-Klawżola 4(1) tal-Ftehim qafas dwar ix-xogħol part-time, u xieraq fis-sens tal-Klawżola 4(2) ta’ dan il-Ftehim qafas (ara, b’analoġija, is-sentenza Heimann u Toltschin, C-229/11 u C-230/11, EU:C:2012:693, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
21 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li, fil-każ ineżami, in-natura tal-benefiċċju inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tistax tostakola l-applikazzjoni tal-Klawżola 4(2) tal-Ftehim qafas dwar xogħol part-time, peress li l-allowance għall-ulied dipendenti tagħmel parti mir-remunerazzjonijiet imħallsa fi flus lil ħaddiem, hija benefiċċju diviżibbli (ara, b’analoġija, sentenzi Bruno et, C-395/08 u C‑396/08, EU:C:2010:329, punt 34, kif ukoll Impact, C‑268/06, EU:C:2008:223, punt 116). |
|
22 |
Min-naħa l-oħra, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà applikat il-prinċipju pro rata temporis għal benefiċċji oħra li għandhom jitħallsu mill-persuna li timpjega u li huma marbuta ma’ relazzjoni ta’ xogħol part-time. |
|
23 |
Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fil-każ ta’ xogħol part-time, id-dritt tal-Unjoni la jipprekludi l-kalkolu ta’ pensjoni tax-xjuħija skont il-prinċipju ta’ pro rata temporis, (ara, f’dan is-sens, sentenzi Schönheit u Becker, C‑4/02 u C-5/02, EU:C:2003:583, punti 90 u 91), u lanqas li l-leave annwali mħallas jiġi kkalkolat skont l-istess prinċipju (ara, f’dan is-sens, sentenzi Zentralbetriebsrat der Landeskrankenhäuser Tirols, C‑486/08, EU:C:2010:215, punt 33, kif ukoll Heimann u Toltschin, EU:C:2012 :693, punt 36). |
|
24 |
Fil-fatt, fil-kawżi li taw lok għall-imsemmija sentenzi, it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ tul tax-xogħol imnaqqas meta mqabbel ma’ dak tal-ħaddiem full-time kien jikkostitwixxi kriterju oġġettiv li jippermetti tnaqqis proporzjonat tad-drittijiet tal-ħaddiema kkonċernati. |
|
25 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda preliminari għandha tkun li l-Klawżola 4(2) tal-Ftehim qafas dwar xogħol part-time għandha tiġi interpretata fis-sens li l-prinċipju ta’ pro rata temporis japplika għall-kalkolu tal-ammont ta’ allowance għall-ulied dipendenti mogħtija mill-persuna li timpjega ħaddiem part-time, abbażi ta’ ftehim kollettiv bħall-ftehim kollettiv applikabbli għall-impjegati tal-banek u l-bankiera. |
Fuq it-tieni u t-tielet domandi
|
26 |
Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni u għat-tielet domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju. |
Fuq l-ispejjeż
|
27 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi li: |
|
Il-Klawżola 4(2) tal-Ftehim qafas dwar xogħol part-time, konkluż fis-6 ta’ Ġunju 1997, li jinsab anness mad-Direttiva tal-Kunsill 97/81/KE, tal-15 ta’ Diċembru 1997, li tikkonċerna il-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time konkluż mill-UNICE, miċ-CEEP u mill-ETUC, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 98/23/KE, tas-7 ta’ April 1998, għandha tiġi interpretata fis-sens li l-prinċipju ta’ pro rata temporis japplika għall-kalkolu tal-ammont ta’ allowance għall-ulied dipendenti mogħtija mill-persuna li timpjega ħaddiem part-time, abbażi ta’ ftehim kollettiv bħall-ftehim kollettiv applikabbli għall-impjegati tal-banek u l-bankiera Awstrijaċi. |
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.