European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/1214

3.5.2024

FTEHIM BEJN L-UNJONI EWROPEA U L-ISTATI UNITI TAL-AMERKA LI JISTABBILIXXI PROĊEDURI TA’ SIGURTÀ GĦALL-ILLANĊJAR TA’ SATELLITI GALILEO MIT-TERRITORJU TAL-ISTATI UNITI

L-UNJONI EWROPEA, minn hawn ’il quddiem imsejħa “l-Unjoni”,

u

L-ISTATI UNITI TAL-AMERKA, minn hawn ’il quddiem imsejħa “l-Istati Uniti”, minn hawn ’il quddiem flimkien imsejħa “il-Partijiet”,

FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW l-importanza li t-teknoloġiji spazjali għandhom għan-nazzjonijiet u ċ-ċittadini tagħhom fl-oqsma tal-komunikazzjoni, it-telerilevament, in-navigazzjoni u s-sigurtà nazzjonali,

KONVINTI mill-ħtieġa li l-Istati Uniti u l-Unjoni jikkooperaw sabiex il-benefiċċji ta’ dawn it-teknoloġiji importanti jkunu jistgħu jinkisbu bis-sħiħ għall-applikazzjonijiet rilevanti kollha,

FILWAQT LI JFAKKRU li Galileo hija s-sistema globali ta’ navigazzjoni bis-satellita tal-Unjoni mfassla biex tipprovdi informazzjoni bla ħlas dwar il-pożizzjonament u l-ħin, għal firxa wiesgħa ta’ setturi bħall-avjazzjoni, il-ferroviji, it-tbaħħir jew it-telekomunikazzjoni,

KONXJI li l-importazzjoni ta’ tagħmir klassifikat tal-UE fit-territorju tal-Istati Uniti għall-fini tal-illanċjar ta’ satelliti ġġib magħha riskji inerenti għas-sigurtà u jistħoqqilha miżuri ta’ sigurtà xierqa u kooperazzjoni bejn l-Istati Uniti u l-Unjoni,

FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW li l-Istati Uniti u l-Unjoni jikkondividu l-objettiv li jipprevjenu u jipproteġu kontra l-użu ħażin tat-teknoloġiji spazjali, u b’hekk isaħħu s-sigurtà tagħhom stess u jipprovdu liċ-ċittadini tagħhom livell għoli ta’ sikurezza,

FILWAQT LI JQISU l-importanza strateġika u xjentifika u l-valur ekonomiku tas-satelliti Galileo,

FILWAQT LI JIRRIKONOXXU l-ħtieġa li tiġi żgurata l-protezzjoni tal-informazzjoni klassifikata u tal-assi relatati mal-illanċjar ta’ satelliti Galileo,

FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW li l-isfidi tekniċi li jakkumpanjaw l-illanċjar ta’ satelliti jagħmlu indispensabbli l-iskambju ta’ informazzjoni u l-kooperazzjoni li għaddejjin bejn l-Istati Uniti u l-Unjoni,

FILWAQT LI JFAKKRU fil-Ftehim dwar il-promozzjoni, il-provvista u l-użu ta’ sistemi ta’ navigazzjoni bis-satellita Galileo u tal-GPS u applikazzjonijiet relatati bejn l-Istati Uniti tal-Amerka, min-naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, iffirmat fi Dromoland Castle, Co. Clare, fis-26 ta’ Ġunju 2004,

FILWAQT LI JFAKKRU fil-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tal-Istati Uniti tal-Amerka dwar is-sigurtà ta’ informazzjoni klassifikata iffirmat f’Washington fit-30 ta’ April 2007 u b’mod partikolari l-Artikolu 19 tiegħu (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim dwar is-Sigurtà”), u l-Arranġament tas-Sigurtà assoċjat tiegħu għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata skambjata bejn l-Unjoni u l-Istati Uniti tal-Amerka, approvat mill-Kumitat tas-Sigurtà tal-Kunsill fid-29 ta’ Ġunju 2007 u mill-Istati Uniti fit-18 ta’ Lulju 2007 (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “l-Arranġament tas-Sigurtà”),

FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW li l-Kummissjoni Ewropea fdat il-ġestjoni tal-kuntratti ta’ servizz ta’ llanċjar għal Galileo lill-Aġenzija Spazjali Ewropea, li qed timplimenta l-kampanji ta’ llanċjar ta’ satelliti għall-Unjoni,

FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW ir-responsabbiltajiet tal-Fornituri ta’ Servizz ta’ Llanċjar kummerċjali tal-Istati Uniti kif definit skont il-liġi, ir-regolamentazzjoni, il-politika, il-liċenzji applikabbli, u l-arranġamenti ta’ appoġġ tal-Istati Uniti, u r-rwol u r-responsabbiltajiet korrispondenti tad-dipartimenti u l-aġenziji tal-Istati Uniti,

FTIEHMU KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Kamp ta’ applikazzjoni

1.   Dan il-Ftehim japplika għall-illanċjar ta’ satelliti Galileo mit-territorju tal-Istati Uniti.

2.   Il-Partijiet jirrikonoxxu li tagħmir u dokumentazzjoni klassifikati tal-UE se jiġu esportati mill-Unjoni u importati fl-Istati Uniti, jintużaw fit-territorju tal-Istati Uniti u jiġu esportati mill-ġdid lejn l-Unjoni. Sabiex jipproteġu tagħmir u dokumentazzjoni klassifikati tal-UE, iż-żewġ Partijiet għandhom jiżguraw, f’koordinazzjoni mill-qrib mal-Fornitur ta’ Servizz ta’ Llanċjar, li l-miżuri kollha meħtieġa u xierqa skont it-termini ta’ dan il-Ftehim huma fis-seħħ biex jikkontrollaw u jipproteġu tali tagħmir u dokumentazzjoni.

3.   Sakemm ma jkunx previst mod ieħor f’dan il-Ftehim jew awtorizzat mill-Kummissjoni Ewropea wara konsultazzjoni mill-Partijiet, l-Uffiċjal għas-Sigurtà Lokali tal-Aġenzija Spazjali Ewropea, il-persuni ddeżinjati minnu, u l-persuni ddeżinjati mill-Kummissjoni Ewropea għandhom iżommu aċċess esklussiv għal tagħmir u dokumentazzjoni klassifikati tal-UE matul kull kampanja ta’ llanċjar li tibda bil-wasla ta’ tali tagħmir u dokumentazzjoni fit-territorju tal-Istati Uniti u tintemm bit-tneħħija mit-territorju tal-Istati Uniti.

4.   Fil-każ li informazzjoni klassifikata tal-UE tiġi rilaxxata jew riċevuta b’xi mod ieħor mill-gvern tal-Istati Uniti jew minn partijiet terzi awtorizzati msemmija fl-Artikolu 5(4) jew kwalunkwe parti terza oħra deċiża b’mod reċiproku mill-Partijiet, it-termini tal-Ftehim dwar is-Sigurtà u t-termini inklużi fih għandhom japplikaw għal u jirregolaw il-protezzjoni ta’ tali informazzjoni klassifikata tal-UE, irrispettivament mill-entità Ewropea li tipprovdiha.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

1.

“Informazzjoni klassifikata tal-UE” jew “IKUE” tfisser kwalunkwe informazzjoni jew materjal magħżul minn klassifikazzjoni ta’ sigurtà tal-UE, li l-iżvelar mhux awtorizzat tagħhom jista’ jikkawża gradi differenti ta’ preġudizzju għall-interessi tal-Unjoni jew ta’ wieħed jew aktar mill-Istati Membri tagħha. L-IKUE tista’ tkun f’forma orali, viżwali, elettronika, manjetika jew dokumentarja, jew fil-forma ta’ materjal, inkluż tagħmir u teknoloġija.

2.

“Tagħmir u dokumentazzjoni klassifikati tal-UE” tfisser tagħmir u dokumentazzjoni li jkun fihom IKUE.

3.

“Assi Protetti tal-UE” tfisser kwalunkwe oġġett jew materjal fuq Bażi ta’ Llanċjar li jiġi importat fit-territorju tal-Istati Uniti għall-fini ta’ llanċjar ta’ satellita Galileo, inkluż iżda mhux limitat għal tagħmir u dokumentazzjoni klassifikati tal-UE.

4.

“Żoni Sikuri” tfisser żoni fil-Bażi ta’ Llanċjar għall-ħżin u l-ġestjoni tal-Assi Protetti tal-UE, f’konformità mal-arranġament kuntrattwali tal-Unjoni mal-Fornitur ta’ Servizz ta’ Llanċjar u l-arranġamenti ta’ appoġġ tal-Fornitur ta’ Servizz ta’ Llanċjar mal-Bażi ta’ Llanċjar.

5.

“Bażi ta’ Llanċjar” tfisser post jew postijiet partikolari fuq proprjetà tal-Gvern tal-Istati Uniti b’faċilitajiet għall-assemblaġġ tal-lanċjatur, għall-immaniġġjar tal-fjuwil tiegħu, għat-tħejjija ta’ inġenju spazjali għall-illanċjar, l-illanċjar u l-monitoraġġ tal-lanċji, li tinsab fit-territorju tal-Istati Uniti, u li minnhom għandu jseħħ l-illanċjar ta’ satelliti Galileo.

6.

“Faċilità għall-Ipproċessar tat-Tagħbija Kummerċjali” tfisser faċilità għat-tħejjija ta’ inġenju spazjali u tagħbija utli għall-illanċjar, li tinsab fit-territorju tal-Istati Uniti fuq proprjetà privata barra mill-Bażi ta’ Llanċjar.

7.

“Inċident tas-Sigurtà” tfisser kwalunkwe avveniment li jista’ jirriżulta f’aċċess, użu, żvelar, modifika jew qerda mhux awtorizzati ta’ informazzjoni, dokumentazzjoni, tagħmir jew interferenza mal-operazzjonijiet tas-sistema tal-Assi Protetti tal-UE.

8.

“Fornitur ta’ Servizz ta’ Llanċjar” tfisser l-organizzazzjoni tal-Istati Uniti kkuntrattata mill-Kummissjoni Ewropea biex twettaq l-illanċjar ta’ satelliti Galileo.

9.

“Galileo” tfisser is-sistema awtonoma ċivili tan-navigazzjoni globali bis-satellita (global navigation satellite system, GNSS) tal-Unjoni taħt kontroll ċivili, li tikkonsisti minn kostellazzjoni ta’ satelliti, ċentri ta’ kontroll u network globali ta’ stazzjonijiet fuq l-art, li toffri servizzi ta’ pożizzjonament, navigazzjoni u kronometraġġ inklużi l-ħtiġijiet u r-rekwiżiti tas-sigurtà.

10.

“Satellita Galileo” tfisser inġenju spazjali li jappartjeni għas-sistema Galileo li tiġi importata fit-territorju tal-Istati Uniti għall-finijiet ta’ llanċjar.

11.

“Residwi tas-satellita Galileo” tfisser kwalunkwe satellita Galileo jew il-parti tagħha, inklużi frammenti u elementi tagħha, li jinsabu fit-territorju tal-Istati Uniti jew fl-ibħra territorjali tal-Istati Uniti jew f’ilmijiet internazzjonali wara żball jew inċident li jinvolvi s-satellita Galileo.

12.

“Aġenzija Spazjali Ewropea” jew “ESA” hija organizzazzjoni intergovernattiva, stabbilita mill-Konvenzjoni għall-istabbiliment ta’ Aġenzija Spazjali Ewropea miftuħa għall-iffirmar f’Pariġi fit-30 ta’ Mejju 1975 u li daħlet fis-seħħ fit-30 ta’ Ottubru 1980. F’konformità mal-Artikolu 28(4) tar-Regolament (UE) 2021/696 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-Programm Spazjali tal-Unjoni u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Programm Spazjali (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ ir-“Regolament tal-UE dwar l-Ispazju”), l-Unjoni fdat kompiti tal-ESA relatati mal-implimentazzjoni tal-Programm Spazjali tal-Unjoni, inkluż l-akkwist u l-eżekuzzjoni ta’ kuntratti speċifiċi ta’ servizz ta’ llanċjar, li l-ESA twettaq għall-Unjoni.

13.

“Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Programm Spazjali” jew (“EUSPA”) hija l-Aġenzija tal-Unjoni stabbilita bir-Regolament dwar l-Ispazju tal-UE, li hija fdata mill-Kummissjoni Ewropea bil-ġestjoni u l-isfruttament tal-komponent Galileo tal-Programm Spazjali tal-Unjoni.

14.

“Uffiċjal għas-Sigurtà Lokali tal-ESA” jew “ESA LSO” tfisser l-uffiċjal tal-ESA ddeżinjat mill-Kummissjoni Ewropea, li huwa responsabbli għas-sigurtà tal-kampanji ta’ llanċjar ta’ Galileo tal-Unjoni.

15.

“Persuni ddeżinjati mil-LSO tal-ESA” tfisser il-persunal tal-ESA u l-kuntratturi tal-ESA ddeżinjati mil-LSO tal-ESA bil-miktub biex iwettqu rwol, responsabbiltà, jew kompitu speċifiku f’isimhom. Id-deżinjazzjoni hija ristretta għal kompitu speċifiku u mhijiex awtorizzazzjoni għall-persuni ddeżinjati biex jaġixxu f’isem l-LSO tal-ESA f’sens ġenerali.

16.

“Persuni ddeżinjati mill-Kummissjoni Ewropea” tfisser l-Unjoni inkluż il-persunal tal-EUSPA u l-esperti tal-Istati Membri tal-Unjoni ddeżinjati mill-Kummissjoni Ewropea bil-miktub biex iwettqu rwol, responsabbiltà, jew kompitu speċifiku f’isimha. Id-deżinjazzjoni hija ristretta għal kompitu speċifiku u mhijiex awtorizzazzjoni biex il-persuna ddeżinjata taġixxi f’isem il-Kummissjoni Ewropea f’sens ġenerali.

Artikolu 3

Proċeduri tal-importazzjoni

1.   L-importazzjoni tal-Assi Protetti tal-UE fit-territorju tal-Istati Uniti għandha tkun soġġetta għal-liġijiet tal-Istati Uniti, inklużi l-liġijiet amministrati jew infurzati mis-Servizz tad-Dwana u l-Protezzjoni tal-Fruntieri (Customs and Border Protection, CBP) tal-Istati Uniti. Is-CBP għandu, f’konformità mal-liġi u l-politika applikabbli, jeżerċita diskrezzjoni rigward jekk hijiex meħtieġa l-ispezzjoni tal-elementi tas-suġġett.

2.   L-Unjoni, f’koordinazzjoni mal-Fornitur ta’ Servizzi ta’ Llanċjar, għandha tipprovdi lill-aġenziji rilevanti tal-Istati Uniti l-informazzjoni kollha meħtieġa skont il-liġi tal-Istati Uniti biex tippermetti l-iżdoganar tal-merkanzija tal-Assi Protetti tal-UE, inkluż l-issodisfar tar-rekwiżiti ta’ liċenzjar applikabbli. L-Istati Uniti għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni Ewropea informazzjoni dwar il-proċeduri antiċipati tal-iżdoganar tal-merkanzija.

3.   F’każ li s-CBP jidentifika ħtieġa li tiġi spezzjonata satellita Galileo jew Assi Protetti tal-UE oħra, il-Punt ta’ Kuntatt tas-CBP iddeżinjat skont l-Artikolu 9 għandu jikkuntattja l-LSO tal-ESA u, sa fejn ikun prattikabbli, jiżgura li l-LSO tal-ESA u/jew il-persuna ddeżinjata tiegħu jkunu preżenti għal tali spezzjoni. Kull tali spezzjoni doganali għandha titwettaq f’konformità mal-liġi applikabbli tal-Istati Uniti, f’Żona Sikura jew faċilità oħra ddeżinjata b’mod reċiproku fuq il-Bażi ta’ Llanċjar b’sigurtà proporzjonata man-natura tal-oġġett(i) li qed jiġi/u spezzjonat(i), u għandha titwettaq biss sa fejn ikun meħtieġ biex tiġi żgurata l-konformità mal-liġi tal-Istati Uniti.

4.   L-LSO tal-ESA jista’ jagħmel talba lis-CBP li kwalunkwe spezzjoni titwaqqaf sabiex tkun tista’ ssir konsultazzjoni bilaterali minn qabel bejn il-Kummissjoni Ewropea u d-Dipartiment tal-Istat tal-Istati Uniti. Fin-nuqqas ta’ periklu immedjat għall-ħajja tal-bniedem jew għas-sigurtà nazzjonali tal-Istati Uniti, is-CBP jistenna li jakkomoda tali talba.

Artikolu 4

Protezzjoni taż-Żoni Sikuri tal-Bażi ta’ Llanċjar u tal-Assi Protetti tal-UE

1   B’mod konsistenti mal-liġi, il-politiki, il-proċeduri u l-arranġamenti ta’ appoġġ tal-Istati Uniti mal-Fornitur ta’ Servizz ta’ Llanċjar:

a.

L-Istati Uniti għandhom jieħdu l-passi kollha meħtieġa u xierqa biex jipproteġu l-Bażi ta’ Llanċjar kontra kwalunkwe intrużjoni, inklużi dawk iż-żoni li fihom Żona Sikura.

b.

L-Istati Uniti għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa u xierqa biex jipprevjenu l-ħsara, l-alterazzjoni u t-tbagħbis tas-satelliti Galileo matul il-kampanja ta’ Llanċjar li tibda bil-wasla tagħhom fit-territorju tal-Istati Uniti u tintemm bit-tneħħija mit-territorju tal-Istati Uniti.

c.

L-Istati Uniti għandhom jikkonfermaw, fuq talba mill-Kummissjoni Ewropea, l-istatus tal-approvazzjoni ta’ sigurtà għal faċilità tal-Fornitur ta’ Servizz ta’ Llanċjar u s-sid/operatur tal-Faċilità għall-Ipproċessar tat-Tagħbija Kummerċjali skont il-liġi domestika tal-Istati Uniti dwar il-ħżin ta’ tagħmir u dokumentazzjoni klassifikati. L-Istati Uniti għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni Ewropea kwalunkwe bidla fl-istatus ikkonfermata qabel.

d.

Soġġett għall-Artikoli 3.3, 5.4 u 6.3, l-Istati Uniti ma għandhomx jaċċessaw jew jispezzjonaw Assi Protetti tal-UE fuq Bażi ta’ Llanċjar. L-Istati Uniti għandhom jipproteġu ż-Żoni Sikuri minn kwalunkwe forma ta’ dħul, stennija jew forom oħra ta’ interferenza mhux awtorizzati fl-attivitajiet li jseħħu fiż-Żoni Sikuri.

e.

Il-persunal tal-Gvern tal-Istati Uniti u tal-kuntrattur ta’ appoġġ jista’ jaċċessa u jispezzjona Żona Sikura li tinsab f’Bażi ta’ Llanċjar għall-għan limitat li jikkonferma l-konformità mar-rekwiżiti ambjentali, tas-sikurezza, tas-sigurtà, għall-infurzar tal-liġi kriminali, jew kif previst mod ieħor fl-Artikolu 5. Fil-każ ta’ tali aċċess jew spezzjoni, il-Gvern tal-Istati Uniti u tal-kuntrattur ta’ appoġġ għandu jipprovdi avviż raġonevoli biex jiffaċilita l-aċċess f’waqtu għaż-Żona Sikura mil-LSO tal-ESA jew minn persuni ddeżinjati minnu, u ma għandux jeskludi l-LSO tal-ESA jew lil persuni ddeżinjati minnu minn Żona Sikura, ħlief f’każijiet limitati ta’ theddid urġenti u immedjat għall-ħajja tal-bniedem jew riskju għas-sigurtà nazzjonali tal-Istati Uniti jew għal finijiet ta’ infurzar tal-liġi kriminali. F’tali każijiet, il-persunal tal-Gvern tal-Istati Uniti għandu xorta waħda jżomm lil-LSO tal-ESA jew jekk ma jkunx disponibbli lil persuni ddeżinjati minnu infurmati kif xieraq, u jagħmel kull sforz biex jiżgura t-tħaddim mingħajr interruzzjoni tas-sistemi vidjo tal-Unjoni awtorizzati b’kuntratt mal-Fornitur ta’ Servizz ta’ Llanċjar.

f.

L-Istati Uniti ma għandhomx jimpedixxu l-użu mill-Unjoni ta’ tagħmir ta’ kriptaġġ tat-telekomunikazzjoni debitament importat f’Żoni Sikuri fil-Bażi ta’ Llanċjar jew il-Faċilità għall-Ipproċessar tat-Tagħbija Kummerċjali. L-Unjoni għandha tuża dan it-tagħmir biss permezz tan-netwerk ta’ komunikazzjoni tal-Fornitur ta’ Servizzi ta’ Llanċjar jew tal-Faċilità tal-Ipproċessar tal-Ħlas Kummerċjali sakemm ma jkunx awtorizzat mod ieħor mill-Istati Uniti.

2.   L-Istati Uniti għandhom iżommu lil-LSO tal-ESA infurmat permezz tal-Fornitur ta’ Servizz ta’ Llanċjar qabel kwalunkwe deċiżjoni biex tiġi evakwata kwalunkwe żona tal-Bażi ta’ Llanċjar relatata ma’ llanċjar tal-Unjoni. Sa fejn ikun prattikabbli f’ċirkostanzi bħal dawn, l-Unjoni għandha titħalla tippowstja gwardja 24/7 fiż-Żoni Sikuri jew madwarhom u tkompli timmonitorja ż-Żoni Sikuri mill-bogħod permezz ta’ sistemi vidjo tal-Unjoni awtorizzati b’kuntratt mal-Fornitur ta’ Servizzi ta’ Llanċjar.

3.   Qabel l-użu jew il-ħżin ta’ tagħmir u dokumentazzjoni klassifikati tal-UE f’Żona Sikura li tinsab f’Bażi ta’ Llanċjar jew f’Faċilità għall-Ipproċessar tat-Tagħbija Kummerċjali, l-Istati Uniti għandhom, wara talba mill-Kummissjoni Ewropea, jinnotifikawha bil-miktub li huma fis-seħħ il-miżuri ta’ sigurtà kollha meħtieġa u xierqa.

4.   Id-dispożizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu japplikaw prinċipalment għal attivitajiet u Assi Protetti tal-UE f’Bażi ta’ Llanċjar u, sakemm ma jkunx previst mod ieħor f’dan l-Artikolu, ma jestendux għal attivitajiet u Assi Protetti tal-UE f’Faċilità għall-Ipproċessar tat-Tagħbija Kummerċjali. L-attivitajiet tal-Unjoni u l-Assi Protetti tal-UE f’Faċilità għall-Ipproċessar tat-Tagħbija Kummerċjali huma rregolati primarjament minn ftehimiet kuntrattwali bejn l-Unjoni, il-Fornitur ta’ Servizz ta’ Llanċjar u s-sid/l-operaturi ta’ tali faċilità.

5.   L-Unjoni għandha tipprovdi lill-Istati Uniti bil-miktub il-lista ta’ tagħmir u dokumentazzjoni klassifikati tal-UE involuti f’kampanja ta’ llanċjar u l-lista tal-Assi Protetti tal-UE.

6.   Il-Partijiet għandhom jiddeżinjaw b’mod konġunt bil-miktub il-Bażi ta’ Llanċjar, il-Faċilità għall-Ipproċessar tat-Tagħbija Kummerċjali u ż-Żoni Sikuri li jistgħu jintużaw mill-Unjoni matul kull kampanja ta’ llanċjar.

Artikolu 5

Investigazzjoni ta’ sigurtà

1.   Fil-każ ta’ Inċident tas-Sigurtà suspettat, l-LSO tal-ESA għandu, jekk iqis li jkun xieraq u wara laqgħa ta’ kjarifika mal-uffiċjal tas-sigurtà tal-Fornitur ta’ Servizz ta’ Llanċjar, jirrapporta l-Inċident tas-Sigurtà lill-Awtorità tas-Sigurtà tal-Bażi ta’ Llanċjar tal-Istati Uniti għal aktar investigazzjoni. L-LSO tal-ESA għandu jirrapporta wkoll l-Inċident tas-Sigurtà lid-Dipartiment tal-Istat tal-Istati Uniti.

2.   L-Awtorità tas-Sigurtà tal-Bażi ta’ Llanċjar tal-Istati Uniti, f’koordinazzjoni mal-Fornitur ta’ Servizz ta’ Llanċjar, l-LSO tal-ESA u organizzazzjonijiet applikabbli oħra, għandha tinvestiga kwalunkwe Inċident tas-Sigurtà rrappurtat mil-LSO tal-ESA.

3.   Meta investigazzjoni tkun tlestiet, l-Istati Uniti għandhom jippreżentaw rapport sħiħ lill-Kummissjoni Ewropea, konsistenti mal-Artikolu 25(b) tal-Arranġament tas-Sigurtà, u jidentifikaw kwalunkwe azzjoni korrettiva jew rimedjali li għandha tittieħed kif xieraq.

4.   Il-persunal tal-Gvern tal-Istati Uniti jew awtoritajiet federali jew statali oħra, il-persunal tal-Fornitur ta’ Servizz ta’ Llanċjar, u l-kuntratturi ta’ appoġġ rispettivi tagħhom, li għandhom l-awtorizzazzjonijiet ta’ sigurtà meħtieġa, jistgħu jaċċessaw jew jispezzjonaw Assi Protetti tal-UE biss f’każ ta’ investigazzjoni wara l-Inċident tas-Sigurtà rrappurtat mil-LSO tal-ESA lill-Awtorità tas-Sigurtà tal-Bażi ta’ Llanċjar tal-Istati Uniti. Tali aċċess għandu jkun permess esklużivament għal finijiet investigattivi u wara awtorizzazzjoni minn qabel mill-Kummissjoni Ewropea kif imwassla mil-LSO tal-ESA lill-Awtorità tas-Sigurtà tal-Bażi ta’ Llanċjar tal-Istati Uniti. L-Awtorità tas-Sigurtà tal-Bażi ta’ Llanċjar tal-Istati Uniti, jew awtorità xierqa oħra tal-Istati Uniti, min-naħa tagħha, għandha tawtorizza l-aċċess għall-IKUE lill-persunal federali, statali u tal-Fornitur ta’ Servizz ta’ Llanċjar xieraq, u l-kuntratturi rispettivi tagħhom, b’mod konsistenti mal-awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea.

5.   B’mod konsistenti mal-Artikolu 3.3 tal-Ftehim dwar is-Sigurtà, informazzjoni klassifikata tal-UE maħruġa mill-Kummissjoni Ewropea, maħtura mill-Kummissjoni Ewropea, jew mill-ESA LSO, inkluż il-maħturin tiegħu/tagħha, lill-Istati Uniti għall-finijiet tal-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim, jew li l-Istati Uniti rċevew mod ieħor, għandhom ikunu protetti mill-Istati Uniti b’mod mill-inqas ekwivalenti għal dak mogħti lilha mill-Unjoni. L-Anness ta’ dan il-Ftehim għandu japplika għal informazzjoni ttimbrata, immarkata, jew iddeżinjata “RESTREINT UE/EU RESTRICTED” li tiġi rilaxxata lill-Istati Uniti jew riċevuta mod ieħor mill-Istati Uniti.

6.   Il-Partijiet jirrikonoxxu li Inċident tas-Sigurtà li jirriżulta f’Faċilità għall-Ipproċessar tat-Tagħbija Kummerċjali jew fi tranżitu joħloq sfidi ġurisdizzjonali kumplessi u uniċi. F’tali ċirkustanza, Awtorità tas-Sigurtà tal-Bażi ta’ Llanċjar tal-Istati Uniti tuża l-aħjar sforzi tagħha biex tiffaċilita l-investigazzjoni ta’ kwalunkwe inċident bħal dan mal-partijiet rilevanti, inklużi l-Unjoni, il-Fornitur tas-Servizzi tal-Llanċjar, is-sid/operatur tal-Faċilità għall-Ipproċessar tat-Tagħbija Kummerċjali, u L-awtoritajiet federali u statali tal-Istati Uniti xierqa.

Artikolu 6

Irkupru tar-residwi tas-satellita Galileo

1.   F’każ ta’ żball jew inċident li jwassal għall-qerda tas-satellita Galileo, l-Istati Uniti għandhom, b’mod konsistenti mal-liġi, il-politiki, il-proċeduri tal-Istati Uniti u l-arranġamenti ta’ appoġġ tal-Istati Uniti mal-Fornitur ta’ Servizz ta’ Llanċjar, jawtorizzaw l-LSO tal-ESA, il-persuni ddeżinjati tiegħu, u l-persuni ddeżinjati tal-Kummissjoni Ewropea kif ikkomunikat mill-punt ta’ kuntatt tagħha speċifikat fl-Artikolu 9 biex:

a.

Jipparteċipaw fit-tfittxija u l-ġbir tar-residwi tas-satellita Galileo fil-postijiet tar-residwi.

b.

Jaħżnu r-residwi tas-satellita Galileo f’Żona Sikura taħt superviżjoni kontinwa tal-LSO tal-ESA.

c.

Jittrasportaw ir-residwi tas-satellita Galileo lejn it-territorju tal-Unjoni.

2.   Matul l-operazzjonijiet ta’ rkupru, kull waħda mill-Partijiet għandha tinnotifika mingħajr dewmien lill-Parti l-oħra kull meta ssir taf bil-post tar-residwi tas-satellita Galileo, barra miż-żona ta’ tiftix definita, sa fejn ikun prattiku qabel it-tneħħija fiżika tagħhom mill-postijiet tar-residwi.

3.   Il-persunal tal-Gvern tal-Istati Uniti u tal-Fornitur ta’ Servizz ta’ Llanċjar u l-kuntratturi ta’ appoġġ ttiegħu jista’ jispezzjona r-residwi tas-satellita Galileo rkuprati biss għal finijiet investigattivi. Meta jagħmel dan, għandu jakkomoda l-preżenza tal-LSO tal-ESA. Kwalunkwe spezzjoni ta’ residwi satellitari Galileo rkuprat lil hinn minn spezzjoni viżwali għandha ssir biss wara konsultazzjonijiet bejn il-Partijiet.

4.   L-LSO tal-ESA jista’ jitlob lill-Punt ta’ Kuntatt tal-Amministrazzjoni Federali tal-Avjazzjoni (Federal Aviation Administration, FAA) iddeżinjat skont l-Artikolu 9 li kwalunkwe spezzjoni ppjanata tar-residwi tas-satellita Galileo titwaqqaf biex tkun tista’ ssir konsultazzjoni bilaterali minn qabel bejn il-Kummissjoni Ewropea u d-Dipartiment tal-Istat tal-Istati Uniti. Fin-nuqqas ta’ periklu immedjat għall-ħajja jew għas-sikurezza tal-bniedem, l-FAA tkun mistennija li takkomoda tali talba.

Artikolu 7

Reġistrazzjoni

1.   Fir-rigward ta’ kull satellita Galileo llanċjata mit-territorju tal-Istati Uniti b’konnessjoni ma’ dan il-Ftehim, l-Unjoni għandha tiżgura l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-oġġett spazjali lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, konsistenti mal-Konvenzjoni dwar ir-Reġistrazzjoni ta’ Oġġetti Mnedija fl-Ispazju Extratmosferiku, magħmula fit-12 ta’ Novembru 1974 (Konvenzjoni dwar ir-Reġistrazzjoni).

2.   Il-Partijiet jaqblu li l-Istati Uniti ma għandhomx ikunu responsabbli għar-reġistrazzjoni tas-satelliti Galileo f’konformità mal-Konvenzjoni dwar ir-Reġistrazzjoni, u li l-Istati Uniti ma għandhom l-ebda ġuriżdizzjoni jew kontroll fuq tali oġġetti barra mill-ispazju ekstratmosferiku.

Artikolu 8

Responsabbiltà

1.   Fil-każ li s-satellita Galileo, jew parti komponenti minnha, tikkawża ħsara li jwassal għal pretensjoni waħda jew iktar għal kumpens imressqa kontra l-Istati Uniti skont id-dritt internazzjonali:

a.

L-Istati Uniti jistgħu jfittxu li jissostitwixxu l-Unjoni minflok l-Istati Uniti fi kwalunkwe forum li titressaq tali pretensjoni. L-Unjoni għandha tiffaċilita tali sforzi.

b.

Jekk tali sostituzzjoni ma tirnexxix, l-Unjoni taqbel li tqis lill-Istati Uniti bħala li ma għamlux ħsara u tikkumpensa lill-Istati Uniti fir-rigward ta’ kwalunkwe obbligu finanzjarju li jirriżulta mis-soluzzjoni jew l-aġġudikazzjoni ta’ tali pretensjonijiet. Il-partijiet għandhom jikkoordinaw id-difiża għal tali pretensjonijiet.

c.

Fil-każ ta’ tilwima jew pretensjoni potenzjali, l-Istati Uniti għandhom jinnotifikaw lill-Unjoni minnufih bil-miktub, u jipprovdu d-dettalji rilevanti kollha.

d.

Jekk l-Istati Uniti jagħżlu li jsolvu l-pretensjoni, jenħtieġ li jiksbu l-kunsens bil-miktub tal-Unjoni qabel ma jaqblu mas-soluzzjoni. L-Unjoni għandha tkun responsabbli għall-kumpens tal-Istati Uniti għall-ammont tas-soluzzjoni biss jekk tkun tat il-kunsens tagħha għas-soluzzjoni.

e.

Il-Partijiet jaqblu li jikkonsultaw fl-istadji kollha, kif xieraq, dwar it-trattament u d-dispożizzjoni ta’ kwalunkwe tali pretensjoni.

2.   Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, it-terminu “dannu” tfisser telf ta’ ħajja, korriment personali jew ħsara oħra għas-saħħa; jew telf ta’ jew ħsara lil proprjetà ta’ Stati jew ta’ persuni, fiżiċi jew ġuridiċi.

3.   Xejn f’dan il-Ftehim ma għandu jiġi interpretat bħala rinunzja tal-immunità sovrana tal-Istati Uniti jew ta’ kwalunkwe privileġġ jew immunità oħra li tirriżulta mid-dritt internazzjonali konswetudinarju, minn trattati u ftehimiet fis-seħħ bejn l-Istati Uniti u l-Unjoni, jew minn kwalunkwe obbligu legali internazzjonali ieħor.

Artikolu 9

Punti ta’ Kuntatt

1.   Biex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim, il-Partijiet għandhom jiddeżinjaw u jipprovdu lill-Parti l-oħra bil-miktub punti ta’ kuntatt operazzjonali, u l-informazzjoni ta’ kuntatt tagħhom, għall-entitajiet stabbiliti fil-paragrafi 2 u 3.

2.   Min-naħa tal-Unjoni:

—

il-Kummissjoni Ewropea

—

ESA LSO

—

ESA

—

EUSPA

—

il-Fornitur ta’ Servizz ta’ Llanċjar

—

il-Manifattur tas-Satelliti.

3.   Min-naħa tal-Istati Uniti:

—

l-Awtorità tas-Sigurtà tal-Bażi ta’ Llanċjar

—

l-Awtorità Għolja tal-Bażi ta’ Llanċjar

—

CBP

—

l-Amministrazzjoni Federali tal-Avjazzjoni.

Artikolu 10

Soluzzjoni tat-tilwim

Kwalunkwe tilwim bejn il-Partijiet li jinqala’ taħt jew li għandu x’jaqsam ma’ dan il-Ftehim għandu jiġi solvut biss permezz ta’ konsultazzjonijiet bejn il-Partijiet.

Artikolu 11

Ftehimiet oħra

Xejn f’dan il-Ftehim ma għandu jbiddel il-ftehimiet jew l-arranġamenti eżistenti bejn il-Partijiet.

Artikolu 12

Dħul fis-seħħ u terminazzjoni

1.   Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara d-data tal-wasla tal-aħħar nota fi skambju ta’ noti diplomatiċi fejn il-Partijiet ikunu nnotifikaw lil xulxin bit-tlestija tal-proċeduri interni rispettivi tagħhom għad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim u għandu jibqa’ fis-seħħ sal-1 ta’ Jannar 2027.

2.   L-Unjoni u l-Istati Uniti jistgħu japplikaw dan il-Ftehim b’mod proviżorju, kollu jew parti minnu, f’konformità mal-proċeduri u l-leġiżlazzjoni interni rispettivi tagħhom. L-applikazzjoni proviżorja għandha tibda fil-jum ta’ wara d-data li fiha:

a)

l-Unjoni tkun innotifikat lill-Istati Uniti dwar il-partijiet ta’ dan il-Ftehim li tipproponi li tapplika b’mod proviżorju; u

b)

l-Istati Uniti jikkonfermaw il-qbil tagħhom mal-partijiet tal-Ftehim li għandhom jiġu applikati b’mod proviżorju.

3.   Kull Parti tista’ tinnotifika bil-miktub lill-Parti l-oħra li hija jkun biħsiebha ttemm dan il-Ftehim. It-terminazzjoni għandha tidħol fis-seħħ tmien xhur wara d-data minn meta tasal in-notifika.

4.   Dan il-Ftehim jista’ jiġi emendat jew estiż bi ftehim reċiproku bil-miktub tal-Partijiet.

5.   L-Anness, li jistabbilixxi miżuri għall-protezzjoni ta’ informazzjoni RESTREINT UE/EU RESTRICTED, jikkostitwixxi parti integrali minn dan il-Ftehim.

Artikolu 13

Test Awtentiku

It-test bl-Ingliż iffirmat ta’ dan il-Ftehim għandu jkun it-test awtentiku. Dan il-Ftehim qiegħed jitfassal mill-Unjoni wkoll bil-Bulgaru, biċ-Ċek, bid-Daniż, bl-Estonjan, bil-Finlandiż, bil Franċiż, bil-Ġermaniż, bil-Grieg, bl-Irlandiż, bil-Kroat, bil-Latvjan, bil-Litwan, bil-Malti, bin Netherlandiż, bil-Pollakk, bil-Portugiż, bir-Rumen, bis-Slovakk, bis-Sloven, bl-Ispanjol, bl-Isvediż, bit-Taljan u bl-Ungeriż.

B’XHIEDA TA’ DAN, is-sottoskritti, li huma debitament awtorizzati sabiex jagħmlu dan mill-Awtoritajiet rispettivi tagħhom, iffirmaw dan il-Ftehim.

Magħmul fi Brussell, fil-ħamsa u għoxrin ta’ Marzu, elfejn u erbgħa u għoxrin, f’żewġ oriġinali bl-Ingliż.

 

 


ANNESS

Miżuri ta’ protezzjoni għal informazzjoni RESTREINT UE/EU RESTRICTED

Informazzjoni RESTREINT UE/EU RESTRICTED tista’ tkun f’forma verbali, viżiva, elettronika, manjetika jew dokumentarja, jew fil-forma ta’ materjal, inkluż tagħmir jew teknoloġija.

Informazzjoni RESTREINT UE/EU RESTRICTED tista’ tiġi rreġistrata fuq kwalunkwe tip ta’ mezz fiżiku.

1.   Kamp ta’ applikazzjoni u responsabbiltajiet

Il-miżuri stabbiliti f’dan l-Anness japplikaw fil-każ li l-Awtorità tas-Sigurtà tal-Bażi tal-Llanċjar tal-Istati Uniti jew awtorità xierqa oħra tal-Istati Uniti tiġi pprovduta jew inkella tirċievi informazzjoni RESTREINT UE/EU RESTRICTED skont dan il-ftehim. Il-Gvern tal-Istati Uniti jew partijiet terzi awtorizzati msemmija fl-Artikolu 5(4) jew kwalunkwe parti terza oħra deċiża b’mod reċiproku mill-Partijiet li jaċċessaw informazzjoni RESTREINT UE/EU RESTRICTED skont dan il-Ftehim huma responsabbli għat-trattament, il-ħżin u r-reġistrazzjoni ta’ tali informazzjoni kif deskritt hawnhekk.

2.   Livelli ta’ permess

L-informazzjoni RESTREINT UE/EU RESTRICTED tista’ tiġi aċċessata biss minn persunal awtorizzat tal-Istati Uniti jew minn parti terza li jkollu l-“ħtieġa ta’ tagħrif” meħtieġa kif definit mill-ESA LSO u mill-Awtorità tas-Sigurtà tal-Bażi ta’ Llanċjar tal-Istati Uniti. Qabel ma jingħata l-aċċess, l-individwi għandhom jiġu infurmati dwar ir-regoli u l-istandards ta’ sigurtà u l-linji gwida rilevanti għall-protezzjoni tal-informazzjoni RESTREINT UE/EU RESTRICTED; u għandhom jirrikonoxxu r-responsabbiltajiet tagħhom għall-protezzjoni ta’ din l-informazzjoni.

Approvazzjoni tas-Sigurtà tal-Persunal mhijiex meħtieġa għal persunal awtorizzat tal-Istati Uniti jew ta’ parti terza li jaċċessa informazzjoni RESTREINT UE/EU RESTRICTED.

3.   Trattament

Informazzjoni RESTREINT UE/EU RESTRICTED tista’ tiġi ttrattata f’Żoni Sikuri tal-Bażi ta’ Llanċjar kif ġej. Persunal awtorizzat tal-Istati Uniti jew ta’ parti terza:

a)

għandu jagħlaq il-bieb tal-uffiċċju meta jittratta informazzjoni RESTREINT UE/EU RESTRICTED,

b)

għandu jaħbi jew jgħatti kwalunkwe informazzjoni RESTREINT UE/EU RESTRICTED jekk jilqa’ viżitatur;

c)

ma għandux iħalli informazzjoni RESTREINT UE/EU RESTRICTED viżibbli meta ma jkun hemm ħadd fl-uffiċċju;

d)

għandu jdawwar b’mod permanenti l-iskrins li juru informazzjoni RESTREINT UE/EU RESTRICTED mit-twieqi u l-bibien biex jipprevjeni l-possibbiltà li wieħed jinjora. Il-laptops użati fil-laqgħat għandu jkollhom film kontra d-dija/privatezza fuq l-iskrin.

Informazzjoni RESTREINT UE/EU RESTRICTED tista’ tiġi ttrattata barra Żona Sikura, dment li l-persuna fil-pussess tal-informazzjoni (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ id-“detentur”) tkun impenjat ruħha li tikkonforma ma’ miżuri ta’ kumpens biex tipproteġiha minn aċċess minn persuni mhux awtorizzati. Il-miżuri ta’ kumpens għandhom jinkludu minn tal-anqas dan li ġej:

a)

L-informazzjoni RESTREINT UE/EU RESTRICTED ma għandhiex tinqara f’postijiet pubbliċi, u lanqas ma għandha titħalla waħedha fil-kmamar tal-lukandi jew fil-vetturi,

b)

Informazzjoni RESTREINT UE/EU RESTRICTED għandha tinżamm fil-kontroll personali tad-detentur f’kull ħin,

c)

L-informazzjoni RESTREINT UE/EU RESTRICTED, filwaqt li tkun barra miż-Żona Sikura, għandha tinġarr bil-mod deskritt fit-Taqsima 7 ta’ dan l-Anness.

d)

id-dokumenti għandhom jitpoġġew f’għamara xierqa msakkra meta ma jkunux qegħdin jinqraw jew jiġu diskussi,

e)

il-bibien tal-kamra għandhom jingħalqu waqt li d-dokument ikun qed jinqara jew jiġi diskuss,

f)

id-dettalji tad-dokument ma għandhomx jiġu diskussi fuq it-telefown fuq linja mhux sigura, jew fuq Vuċi/Vidjo fuq IP permezz ta’ konnessjoni li ma tkunx kriptata b’soluzzjoni approvata, jew f’email mhux kriptata jew f’email kriptata b’soluzzjoni mhux approvata,

g)

l-apparati mobbli għandhom jintfew (jew jitqiegħdu fil-modalità tat-titjira) waqt li jkun qed jiġi diskuss id-dokument,

h)

id-dokument jista’ jiġi fotokopjat jew skennjat biss fuq tagħmir awtonomu (mhux konness ma’ xi network) jew tagħmir akkreditat,

i)

id-dokument għandu jiġi trattat jew jinżamm barra Żona Sikura biss għaż-żmien minimu meħtieġ,

j)

id-detentur ma għandux jarmi d-dokument klassifikat iżda għandu jroddu lura biex jinżamm f’Żona Sikura, jew jiżgura li d-dokument jinqered fi shredder approvat.

4.   Ħżin

Kopja stampata ta’ informazzjoni RESTREINT UE/EU RESTRICTED, inkluż mezz movibbli għall-ħżin tad-data b’informazzjoni mhux kriptata jew b’informazzjoni kriptata b’soluzzjoni ta’ kriptaġġ mhux approvata, għandha tinħażen f’għamara tal-uffiċċju msakkra f’Żona Sikura. Tista’ tinħażen temporanjament barra Żona Sikura dment li d-detentur ikun impenja ruħu li jikkonforma mal-miżuri ta’ kumpens rilevanti kif previst fit-tieni parti tat-Taqsima 3 ta’ dan l-Anness.

5.   Distribuzzjoni u rilaxx

It-trattament u l-ġestjoni, inkluża d-distribuzzjoni ta’ informazzjoni RESTREINT UE/EU RESTRICTED, huma responsabbiltà tal-persuna fil-pussess tal-informazzjoni.

L-ebda rilaxx ta’ informazzjoni RESTREINT UE/EU RESTRICTED mhuwa permess mingħajr il-kunsens bil-miktub minn qabel tal-Kummissjoni Ewropea.

6.   Trażmissjoni elettronika

Il-modalitajiet tat-trażmissjoni elettronika ta’ informazzjoni RESTREINT UE/EU RESTRICTED fin-netwerks interni tal-gvern tal-Istati Uniti għandhom jiġu deċiżi fuq bażi ta’ każ b’każ permezz ta’ konsultazzjoni bejn il-Partijiet.

7.   It-trasport ta’ informazzjoni RESTREINT UE/EU RESTRICTED

Skont il-mezzi disponibbli jew iċ-ċirkostanzi partikolari, l-informazzjoni RESTREINT UE/EU RESTRICTED tista’ tiġi trasportata fiżikament fil-forma ta’ dokumenti stampati jew fuq mezz movibbli għall-ħżin tad-data.

Kunsinna jista’ jkun fiha aktar minn informazzjoni waħda bħala RESTREINT UE/EU RESTRICTED, dment li jiġi rispettat il-prinċipju tal-ħtieġa ta’ tagħrif.

L-envelop li jintuża għandu jiżgura li l-kontenuti ma jkunux jidhru minn barra. Informazzjoni RESTREINT UE/EU RESTRICTED għandha tiġi trasportata f’envelop opak, bħal envelop, jew folder opak jew bagalja opaka. Il-parti ta’ barra tal-envelop ma għandu jkollha ebda indikazzjoni dwar in-natura jew il-livell ta’ klassifikazzjoni tal-kontenut tiegħu. Jekk tintuża, is-saff ġewwieni tal-envelop għandu jiġi mmarkat bħala RESTREINT UE/EU RESTRICTED. Iż-żewġ saffi għandhom jindikaw isem ir-riċevitur, il-kariga u l-indirizz tiegħu, kif ukoll indirizz tar-ritorn fil-każ li ma tkunx tista’ ssir il-konsenja.

Kwalunkwe inċident ta’ sigurtà li jinvolvi informazzjoni RESTREINT UE/EU RESTRICTED li tinġarr minn persunal awtorizzat jew kurrieri għandu jiġi rrapportat għal investigazzjoni sussegwenti lill-ESA LSO u lill-Awtorità tas-Sigurtà tal-Bażi ta’ Llanċjar tal-Istati Uniti.

Il-mezzi movibbli għall-ħżin tad-data li jintużaw għat-trasport ta’ informazzjoni RESTREINT UE/EU RESTRICTED għandhom jiġu akkumpanjati minn nota ta’ dispaċċ, li tispeċifika l-mezz movibbli għall-ħżin tad-data li jkun fih l-informazzjoni klassifikata, kif ukoll il-fajls kollha li jkun hemm fih, biex ir-riċevitur ikun jista’ jagħmel il-verifiki meħtieġa.

Id-dokumenti meħtieġa biss għandhom jinħażnu fuq il-mezz. Pereżempju, l-informazzjoni klassifikata kollha fuq USB stick waħda, għandha tkun maħsuba għall-istess riċevitur. L-ispeditur għandu jżomm f’moħħu li ammont kbir ta’ informazzjoni klassifikata maħżun fuq tali apparat jista’ jirrikjedi l-livell ogħla ta’ klassifikazzjoni għall-apparat kollu kemm hu.

Huma biss il-mezzi movibbli għall-ħżin tad-data bil-marka xierqa ta’ klassifikazzjoni li jistgħu jintużaw għat-trasport ta’ informazzjoni RESTREINT UE/EU RESTRICTED. Jekk l-informazzjoni tiġi kriptata b’soluzzjoni approvata, ma hemm l-ebda rekwiżit li jiġi mmarkat il-mezz movibbli.

8.   Riproduzzjoni

Ir-riproduzzjoni ta’ informazzjoni RESTREINT UE/EU RESTRICTED għandha titwettaq minn min jittrattaha u tkun limitata għall-ħtiġijiet operazzjonali stretti, u dment li l-oriġinatur ma jkun impona l-ebda twissija. Min jittratta d-dokument iżomm rekord tad-distribuzzjoni mwettqa minnu.

9.   Qerda u tħassir ta’ informazzjoni RESTREINT UE/EU RESTRICTED

Shredders fil-Livell 4 tad-DIN 32757 u fil-Livell 5 tad-DIN 66399 biss, jew ekwivalenti, huma adattati biex jinqerdu dokumenti RESTREINT UE/EU RESTRICTED. Il-materjal li jirriżulta mix-shredder jista’ jintrema bħala skart normali tal-uffiċċju.

Il-mezzi u l-apparat kollha li jkunu jinkludu informazzjoni RESTREINT UE/EU RESTRICTED għandhom jiġu sanitizzati kif xieraq meta jaslu fi tmiem iċ-ċiklu tal-użu tagħhom. Id-data elettronika għandha tinqered jew titħassar mir-riżorsi tat-teknoloġija tal-informazzjoni u mill-mezzi ta’ ħżin assoċjati b’mod li jagħti assigurazzjoni raġonevoli li ma tkunx tista’ tiġi rkuprata l-informazzjoni. Is-sanitizzazzjoni għandha tneħħi d-data kollha mill-apparat tal-ħżin, u tneħħi wkoll it-tikketti, il-marki u l-logs tal-attività kollha.

10.   Deklassifikazzjoni

Informazzjoni RESTREINT UE/EU RESTRICTED ma għandhiex tiġi deklassifikata mingħajr il-permess tal-Kummissjoni Ewropea.


ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2024/1214/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)