25.6.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 172/32


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tad-19 ta’ Ġunju 2013

li temenda l-Annessi II, III u IV tad-Deċiżjoni 2006/168/KE rigward ċerti rekwiżiti għaċ-ċertifikazzjoni veterinarja għall-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ embrijuni bovini

(notifikata bid-dokument C(2013) 3704)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2013/309/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 89/556/KEE tal-25 ta’ Settembru 1989 dwar kondizzjonijiet ta’ saħħa tal-annimali li jirregolaw il-kummerċ intra-Komunitarju fi u l-importazzjoni minn pajjiżi terzi ta’ embrijoni ta’ annimali domestiċi tal-ispeċi tal-ifrat (1), u b’mod partikolari il-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 9(1) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/168/KE tal-4 ta’ Jannar 2006 li tistabbilixxi l-ħtiġijiet tas-saħħa tal-annimali u taċ-ċertifikazzjoni veterinarja għall-importazzjoni fil-Komunità ta’ embrijuni bovini u li tirrevoka d-Deċiżjoni 2005/217/KE (2) tistabbilixxi fl-Anness I tagħha l-lista ta’ pajjiżi terzi li minnhom l-Istati Membri għandhom jawtorizzaw l-importazzjonijiet ta’embrijuni ta’ annimali domestiċi tal-ispeċi bovina (“l-embrijuni”). Din id-Deċiżjoni tistipula wkoll garanziji li għandhom jingħataw fir-rigward ta’ mard speċifiku tal-annimali minn ċerti pajjiżi terzi elenkati f’dak l-Anness.

(2)

Id-Deċiżjoni 2006/168/KE tipprevedi wkoll li l-Istati Membri jridu jawtorizzaw l-importazzjoni ta’ embrijuni li jikkonformaw mar-rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali stipulati fil-mudell taċ-ċertifikati veterinarji fl-Annessi II, III u IV ta’ dik id-Deċiżjoni.

(3)

L-Iżrael huwa elenkat fl-Anness I tad-Deċiżjoni 2006/168/KE bħala pajjiż awtorizzat għall-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ embrijuni bovini derivati in vivo u dawk prodotti in vitro. Madankollu, għal dawn l-aħħar snin m’hemmx dokumentazzjoni dwar l-importazzjonijiet fl-Unjoni.

(4)

F’Novembru 2012, l-Iżrael innotifika lill-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (OIE) bl-ewwel każijiet tal-marda tal-infafet fil-ġilda f’baqar tal-ħalib. F’Marzu 2013, l-Iżrael informa lill-OIE li l-marda kompliet tinfirex lejn in-nofsinhar u l-punent ta’ fejn seħħ it-tfaqqigħ inizjali u minn dak iż-żmien kompliet taffettwa aktar merħliet li jipproduċu l-ħalib.

(5)

Il-marda tal-infafet fil-ġilda hija marda virili elenkata bħala marda li għandha tiġi notifikata b’mod obbligatorju fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 92/119/KEE tas-17 ta’ Diċembru 1992 li tintroduċi miżuri ġenerali Komunitarji għall-kontroll ta’ ċertu mard tal-annimali u l-miżuri speċifiċi li għandhom x’jaqsmu mal-marda vexxikolari tal-ħnieżer (3). Il-marda tal-infafet fil-ġilda attwalment mhijiex preżenti fl-Unjoni.

(6)

Skont l-Artikolu 4.7.14 tal-Kodiċi tas-Saħħa tal-Annimali Terrestri tal-OIE, il-marda tal-infafet fil-ġilda hija inkluża fil-Kategorija 4, li telenka l-mard jew l-aġenti patoġeniċi li għalihom saru studji li jindikaw li r-riskju tat-trażmissjoni permezz ta’ trasferiment ta’ embrijuni jista’ ma jkunx negliġibbli anki jekk l-embrijuni jiġu ttrattati tajjeb bejn il-ġbir u t-trasferiment skont il-Manwal tas-Soċjetà Internazzjonali tat-Trasferiment tal-Embrijuni. Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-kummerċ tal-embrijuni bovini u l-importazzjonijiet tagħhom minn pajjiżi terzi hija konformi ma’ dak il-Manwal.

(7)

L-Artikolu 11.12.10 tal-Kodiċi tas-Saħħa tal-Annimali Terrestri tal-OIE jistabbilixxi rakkomandazzjonijiet rigward l-importazzjoni ta’ embrijuni u ooċiti ta’ annimali bovini minn pajjiżi meqjusa infettati mill-marda tal-infafet fil-ġilda.

(8)

Bħalissa ma hemm l-ebda rekwiżit li jikkonċerna l-marda tal-infafet fil-ġilda fil-mudelli taċ-ċertifikati veterinarji stabbiliti fl-Annessi II, III u IV tad-Deċiżjoni 2006/168/KE. Għaldaqstant jeżisti r-riskju li l-marda tista’ tiġi introdotta fl-Unjoni permezz tal-importazzjoni tal-embrijuni minn pajjiżi terzi fejn il-marda tal-infafet fil-ġilda hija preżenti.

(9)

Huwa għaldaqstant xieraq li r-rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali li huma marbuta mal-marda tal-infafet fil-ġilda, f’konformità mar-rakkomandazzjonijiet stabbiliti fil-Kodiċi tas-Saħħa tal-Annimali Terrestri tal-OIE, ikunu inklużi fil-mudelli taċ-ċertifikati veterinarji stipulati fl-Annessi II, III u IV tad-Deċiżjoni 2006/168/KE.

(10)

L-Annessi II, III u IV tad-Direttiva 2006/168/KE għandhom għalhekk jiġu emendati skont dan.

(11)

Biex jiġi evitat kull tfixkil tal-kummerċ, l-użu ta’ ċertifikati veterinarji maħruġa skont id-Deċiżjoni 2006/168/KE fil-verżjoni tagħha qabel l-emendi introdotti b’din id-Deċiżjoni għandu jkun awtorizzat matul perjodu tranżitorju, suġġett għal ċerti kundizzjonijiet.

(12)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Annessi II u III tad-Deċiżjoni 2006/168/KE huma mibdula bit-test fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Għal perjodu tranżitorju sal-1 ta’ Settembru 2013, l-Istati Membri għandhom ikomplu jawtorizzaw l-importazzjonijiet ta’ kunsinni ta’ embrijuni ta’ annimali domestiċi tal-ispeċi bovina minn pajjiżi terzi li jkollhom magħhom ċertifikat veterinarju maħruġ mhux aktar tard mill-31 ta’ Lulju 2013 skont il-mudelli stabbiliti fl-Annessi II, III u IV tad-Deċiżjoni 2006/168/KE fil-verżjoni tagħha qabel l-emendi introdotti b’din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Awwissu 2013.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Ġunju 2013.

Għall-Kummissjoni

Tonio BORG

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 302, 19.10.1989, p. 1.

(2)   ĠU L 57, 28.2.2006, p. 19.

(3)   ĠU L 62, 15.3.1993, p. 69.


ANNESS

“ANNESS II

Mudell taċ-ċertifikat veterinarju għall-importazzjonijiet ta’ embrijuni derivati in vivo ta’ annimali domestiċi tal-ispeċi bovina miġbura b’konformità mad-Direttiva tal-Kunsill 89/556/KEE

Image 1

Test ta 'immaġni

Image 2

Test ta 'immaġni

Image 3

Test ta 'immaġni

“ANNESS III

Mudell taċ-ċertifikat veterinarju għall-importazzjonijiet ta’ embrijuni prodotti in vitro ta’ annimali domestiċi tal-ispeċi bovina kkonċepiti bl-użu ta’ semen konformi mad-Direttiva tal-Kunsill 88/407KEE

Image 4

Test ta 'immaġni

Image 5

Test ta 'immaġni

Image 6

Test ta 'immaġni

Image 7

Test ta 'immaġni

“ANNESS IV

Mudell ta’ ċertifikat veterinarju għall-importazzjonijiet ta’ embrijuni prodotti in vitro ta’ annimali domestiċi tal-ispeċi bovina konċepiti bl-użu ta’ semen li ġejja minn ċentri ta’ ġbir jew ħżin tas-semen approvati mill-awtorità kompetenti tal-pajjiż esportatur

Image 8

Test ta 'immaġni

Image 9

Test ta 'immaġni

Image 10

Test ta 'immaġni

Image 11

Test ta 'immaġni
”