European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2024/6820

29.11.2024

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

tal-21 ta' Ottubru 2024

dwar il-politiki ekonomiċi, baġitarji, tal-impjiegi u strutturali ta' Ċipru

(C/2024/6820)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 121(2) u l-Artikolu 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2024 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 3(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), li stabbilixxa l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (“il-Faċilità”), daħal fis-seħħ fid-19 ta' Frar 2021. Il-Faċilità tipprovdi appoġġ finanzjarju lill-Istati Membri għall-implimentazzjoni ta' riformi u investimenti, li jinvolvu impuls fiskali ffinanzjat mill-Unjoni. F'konformità mal-prijoritajiet tas-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika, il-Faċilità tgħin biex jinkiseb l-irkupru ekonomiku u soċjali u biex jiġu implimentati riformi u investimenti sostenibbli, b'mod partikolari riformi u investimenti biex tippromwovi t-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali u biex tagħmel l-ekonomiji tal-Istati Membri aktar reżiljenti. Tgħin ukoll biex issaħħaħ il-finanzi pubbliċi u tagħti spinta lit-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi fuq terminu medju u twil, ittejjeb il-koeżjoni territorjali fl-Unjoni u tappoġġa t-tkomplija tal-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.

(2)

Ir-Regolament (UE) 2023/435 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) (“ir-Regolament REPowerEU”), li ġie adottat fis-27 ta' Frar 2023, għandu l-għan li jelimina gradwalment id-dipendenza tal-Unjoni fuq l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili Russi. B'hekk tkun tista' tinkiseb is-sigurtà tal-enerġija u d-diversifikazzjoni tal-provvista tal-enerġija tal-Unjoni, filwaqt li jiżdied l-użu tal-enerġija rinnovabbli, il-kapaċitajiet tal-ħżin tal-enerġija u l-effiċjenza fl-enerġija. Ċipru żied kapitolu ġdid tar-REPowerEU mal-pjan nazzjonali tiegħu għall-irkupru u r-reżiljenza sabiex jiffinanzja riformi u investimenti ewlenin li ser jgħinu biex jintlaħqu l-objettivi tar-REPowerEU.

(3)

Fis-16 ta' Marzu 2023, il-Kummissjoni ħarġet komunikazzjoni intitolata “Il-kompetittività fit-tul tal-UE: inħarsu lil hinn mill-2030”, sabiex jiġu orjentati d-deċiżjonijiet politiċi u jinħolqu l-kundizzjonijiet qafas għal żieda fit-tkabbir. Il-komunikazzjoni tinkwadra l-kompetittività f'termini ta' disa' fatturi ewlenin li jsaħħu lil xulxin b'mod reċiproku. Fost dawk il-fatturi ewlenin, l-aċċess għall-kapital privat, ir-riċerka u l-innovazzjoni, l-edukazzjoni u l-ħiliet, u suq uniku funzjonanti jirriżultaw bħala prijoritajiet ta' politika ta' importanza kbira għar-riforma u l-investiment biex jiġu indirizzati l-isfidi attwali tal-produttività kif ukoll biex tinbena l-kompetittività fit-tul tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha. Fl-14 ta' Frar 2024, il-Kummissjoni ħarġet komunikazzjoni intitolata “Ir-Rapport Annwali dwar is-Suq Uniku u l-Kompetittività għall-2024”. Dik il-komunikazzjoni tagħti dettalji dwar il-punti b'saħħithom u l-isfidi tal-kompetittività tas-suq uniku Ewropew, filwaqt li ssegwi l-iżviluppi annwali skont id-disa' fatturi ewlenin tal-kompetittività identifikati.

(4)

Fil-21 ta' Novembru 2023, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli 2024, li ta bidu għas-Semestru Ewropew 2024 għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Fit-22 ta' Marzu 2024, il-Kunsill Ewropew approva l-prijoritajiet tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli 2024, li huma ffukati fuq l-erba' dimensjonijiet tas-sostenibbiltà kompetittiva. Fil-21 ta' Novembru 2023, fuq il-bażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ukoll ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija 2024, li fih identifikat lil Ċipru bħala wieħed mill-Istati Membri li jista' jiġi affettwat, jew li jista' jkun f'riskju li jiġi affettwat, minn żbilanċi u li għalih tkun meħtieġa analiżi fil-fond. Fl-istess data, il-Kummissjoni adottat ukoll opinjoni dwar l-abbozz ta' pjan baġitarju tal-2024 ta' Ċipru. Il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro u proposta għar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi 2024, li janalizza l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida dwar l-Impjiegi u l-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Il-Kunsill adotta r-Rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro (5) (“ir-Rakkomandazzjoni tal-2024 dwar iż-żona tal-euro”) fit-12 ta' April 2024 u r-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi fil-11 ta' Marzu 2024.

(5)

Fit-30 ta' April 2024, daħal fis-seħħ il-qafas il-ġdid ta' governanza ekonomika tal-Unjoni. Il-qafas jinkludi r-Regolament il-ġdid (UE) 2024/1263 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 (6) emendat dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv, u d-Direttiva tal-Kunsill 2011/85/UE (7) emendata dwar ir-rekwiżiti għal oqfsa baġitarji tal-Istati Membri. L-objettivi tal-qafas il-ġdid ta' governanza ekonomika huma li jippromwovi finanzi pubbliċi sodi u sostenibbli, tkabbir sostenibbli u inklużiv u reżiljenza permezz ta' riformi u investimenti, u jipprevjeni defiċits eċċessivi tal-gvernijiet. Il-qafas il-ġdid ta' governanza ekonomika jippromwovi ukoll is-sjieda nazzjonali u l-fokus jinsab aktar fuq it-terminu medju, flimkien ma' infurzar aktar effettiv u koerenti. Kull Stat Membru għandu jippreżenta lill-Kunsill u lill-Kummissjoni pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju. Pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju fih l-impenji fiskali, ta' riforma u ta' investiment ta' Stat Membru, li jkopru orizzont ta' ppjanar ta' erba' jew ħames snin, skont it-tul regolari tat-terminu leġiżlattiv nazzjonali. Il-perkors tan-nefqa netta (8) fil-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju għandu jkun konformi mar-rekwiżiti tar-Regolament (UE) 2024/1263, inkluż mar-rekwiżiti li d-dejn tal-gvern estiż jitqiegħed jew jinżamm fuq perkors plawżibbli 'l isfel sat-tmiem tal-perjodu ta' aġġustament, jew li jibqa' f'livelli prudenti taħt is-60 % tal-prodott domestiku gross (PDG), u li d-defiċit tal-gvern estiż jinġieb u/jew jinżamm taħt il-valur referenzjarju ta' 3 % tal-PDG skont it-Trattat fuq terminu medju. Meta Stat Membru jimpenja ruħu għal sett rilevanti ta' riformi u investimenti f'konformità mal-kriterji stipulati fir-Regolament (UE) 2024/1263, il-perjodu ta' aġġustament jista' jiġi estiż b'mhux aktar minn tliet snin. Għall-fini ta' appoġġ għat-tħejjija ta' dawk il-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju, fil-21 ta' Ġunju 2024, il-Kummissjoni ppubblikat gwida dwar l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta mill-Istati Membri fil-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju tagħhom u fir-rapporti ta' progress annwali tagħhom. F'konformità mal-Artikoli 5 u 36 tar-Regolament (UE) 2024/1263, il-Kummissjoni bagħtet lill-Istati Membri t-trajettorji referenzjarji u l-informazzjoni teknika, fejn applikabbli. L-Istati Membri għandhom jippreżentaw il-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju tagħhom sal-20 ta' Settembru 2024, sakemm l-Istat Membru u l-Kummissjoni ma jaqblux li jestendu l-iskadenza b'perjodu ta' żmien raġonevoli. F'konformità mal-oqfsa legali nazzjonali tagħhom, l-Istati Membri jistgħu jiddibattu l-abbozzi tal-pjanijiet tagħhom fuq terminu medju mal-parlamenti nazzjonali tagħhom, jistgħu jitolbu lill-istituzzjonijiet fiskali indipendenti biex joħorġu opinjoni, u jistgħu jwettqu konsultazzjoni mas-sħab soċjali u ma' partijiet ikkonċernati nazzjonali oħra.

(6)

Fl-2024, is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika qed ikompli jevolvi f'konformità mal-implimentazzjoni tal-Faċilità. L-implimentazzjoni sħiħa tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza tibqa' essenzjali għat-twettiq tal-prijoritajiet ta' politika taħt is-Semestru Ewropew, billi l-pjanijiet jgħinu biex jindirizzaw b'mod effettiv l-isfidi kollha jew subsett sinifikanti minnhom identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż maħruġa f'dawn l-aħħar snin. Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2019, l-2020, l-2022 u l-2023 jibqgħu ugwalment rilevanti għall-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza li ġew riveduti, aġġornati jew emendati f'konformità mal-Artikoli 14, 18 u 21 tar-Regolament (UE) 2021/241.

(7)

Fis-17 ta' Mejju 2021, Ċipru ppreżenta l-pjan nazzjonali tiegħu għall-irkupru u r-reżiljenza lill-Kummissjoni, f'konformità mal-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) 2021/241. Skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2021/241, il-Kummissjoni vvalutat ir-rilevanza, l-effettività, l-effiċjenza u l-koerenza tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, f'konformità mal-linji gwida tal-valutazzjoni stipulati fl-Anness V ta' dak ir-Regolament. Fit-28 ta' Lulju 2021, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tiegħu dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għal Ċipru (9), li ġiet emendata fit-8 ta' Diċembru 2023 skont l-Artikolu 18(2) tar-Regolament (UE) 2021/241 biex il-kontribuzzjoni finanzjarja massima għal appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli tiġi aġġornata, kif ukoll biex jiġi inkluż il-kapitolu REPowerEU (10). Ir-rilaxx tal-pagamenti parzjali jiddependi fuq l-adozzjoni ta' deċiżjoni mill-Kummissjoni, f'konformità mal-Artikolu 24(5) tar-Regolament (UE) 2021/241, li tiddikjara li Ċipru jkun laħaq b'mod sodisfaċenti l-istadji importanti u l-miri rilevanti stipulati fid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill. It-twettiq sodisfaċenti jippresupponi li l-kisba tal-istadji importanti u l-miri preċedenti ma tkunx treġġgħet lura.

(8)

Fit-30 ta' April 2024, Ċipru ppreżenta l-Programm Nazzjonali ta' Riforma tiegħu tal-2024 u l-Programm ta' Stabbiltà tiegħu tal-2024, f'konformità mal-Artikolu 4(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 (11). F'konformità mal-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) 2021/241, il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-2024 jirrifletti wkoll ir-rappurtar biannwali ta' Ċipru dwar il-progress li sar fil-kisba tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tiegħu.

(9)

Fid-19 ta' Ġunju 2024, il-Kummissjoni ppubblikat ir-rapport tal-pajjiż tal-2024 għal Ċipru. Huwa vvaluta l-progress ta' Ċipru fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti adottati mill-Kunsill bejn l-2019 u l-2023, u evalwa l-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza ta' Ċipru. Abbażi ta' dik l-analiżi, ir-rapport tal-pajjiż identifika lakuni fir-rigward ta' dawk l-isfidi li mhumiex indirizzati jew li huma indirizzati biss parzjalment mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, kif ukoll sfidi ġodda u emerġenti. Huwa vvaluta wkoll il-progress ta' Ċipru fl-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u fil-kisba tal-miri ewlenin tal-Unjoni dwar l-impjiegi, il-ħiliet u t-tnaqqis tal-faqar, kif ukoll il-progress fil-kisba tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti.

(10)

Il-Kummissjoni wettqet analiżi fil-fond skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 għal Ċipru. Is-sejbiet ewlenin tal-valutazzjoni tal-persunal mill-Kummissjoni tal-vulnerabbiltajiet makroekonomiċi għal Ċipru għall-finijiet ta' dak ir-Regolament ġew ippubblikati f'Marzu 2024. Fid-19 ta' Ġunju 2024, il-Kummissjoni kkonkludiet li Ċipru qiegħed jesperjenza żbilanċi makroekonomiċi. B'mod partikolari, Ċipru qed jiffaċċa vulnerabbiltajiet relatati mad-dejn privat, tal-gvern u estern. B'mod ġenerali, dawk il-vulnerabbiltajiet naqsu iżda għadhom rilevanti, filwaqt li d-defiċit kbir fil-kont kurrenti kompla jikber. Kemm il-proporzjon tad-dejn tal-unitajiet domestiċi kif ukoll dak korporattiv mhux finanzjarju għall-PDG komplew jonqsu, filwaqt li baqgħu għoljin. Madankollu, id-dejn korporattiv u estern jinsab minfuħ bid-dejn ta' entitajiet bi skop speċjali, li joħloq riskji limitati għall-ekonomija domestika. L-istokk kbir ta' self improduttiv miżmum mill-banek naqas b'mod sinifikanti f'dawn l-aħħar snin, inkluż fl-2023, u r-riżoluzzjoni ta' self improduttiv minn kumpaniji akkwirenti ta' kreditu hija mistennija li tnaqqas aktar id-dejn privat. Madankollu, il-kundizzjonijiet finanzjarji aktar stretti x'aktarx li jżidu l-pressjoni fuq unitajiet domestiċi u kumpaniji b'dejn għoli. Il-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż għall-PDG qed jonqos b'mod rapidu, u huwa mbassar li Ċipru ser isostni surpluses baġitarji fl-2024 u l-2025, li ser jimmotivaw aktar tnaqqis fil-proporzjon tad-dejn. Id-defiċit kbir fil-kont kurrenti kompla jikber fl-2023, fil-biċċa l-kbira minħabba d-domanda domestika robusta kontinwa u r-ripatrijazzjoni tal-profitti. Dan mistenni li jibqa' kbir fl-2024 u l-2025. Il-pożizzjoni ta' investiment internazzjonali netta negattiva ħafna ma tjibitx fl-2023 li għaddiet u hija mistennija li tiddeterjora sakemm il-kont kurrenti ma jitjiebx b'mod sinifikanti. Saru sforzi ta' politika estensivi biex jiġu indirizzati l-vulnerabbiltajiet identifikati. L-implimentazzjoni sħiħa u f'waqtha tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza u miżuri ulterjuri huma mistennija li jgħinu fl-espansjoni tal-esportazzjonijiet u jtaffu d-dipendenza żejda fuq l-importazzjonijiet taż-żejt.

(11)

Skont id-data vvalidata mill-Eurostat, is-surplus tal-gvern estiż ta' Ċipru żdied minn 2,7 % tal-PDG fl-2022 għal 3,1 % fl-2023, filwaqt li d-dejn tal-gvern estiż naqas minn 85,6 % tal-PDG fi tmiem l-2022 għal 77,3 % fi tmiem l-2023.

(12)

Fit-12 ta' Lulju 2022, il-Kunsill irrakkomanda (12) li Ċipru jieħu azzjoni biex fl-2023 jiżgura li t-tkabbir tan-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali jkun konformi ma' pożizzjoni ta' politika fiskali newtrali ġenerali (13), u jqis l-appoġġ temporanju u mmirat kontinwu lill-unitajiet domestiċi u d-ditti l-aktar vulnerabbli għaż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija u għan-nies li qed jaħarbu mill-Ukrajna. Fl-istess ħin, il-Kunsill irrakkomanda li Ċipru jaġġusta l-infiq attwali għas-sitwazzjoni li qed tevolvi. Huwa rrakkomandat ukoll li Ċipru għandu jespandi l-investiment pubbliku għat-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali, u għas-sigurtà tal-enerġija filwaqt li jqis l-inizjattiva REPowerEU, inkluż billi juża l-Faċilità u fondi oħra tal-Unjoni. Fl-2023, skont l-estimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali (14) kienet espansjonarja, b'1 % tal-PDG, f'kuntest ta' inflazzjoni għolja. It-tkabbir fin-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali (netta minn miżuri diskrezzjonali relatati mad-dħul) fl-2023 ipprovda kontribuzzjoni espansjonarja ta' 0,2 % tal-PDG għall-pożizzjoni fiskali. Dan jinkludi t-tnaqqis ta' 0,1 % tal-PDG fil-kost tal-miżuri ta' appoġġ ta' emerġenza mmirati għall-enerġija għall-unitajiet domestiċi u d-ditti l-aktar vulnerabbli għaż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija, kif ukoll iż-żieda ta' 0,2 % tal-PDG fil-kost tal-offerta ta' protezzjoni temporanja lill-persuni spostati mill-Ukrajna. It-tkabbir fin-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali fl-2023 kien konformi mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta' Lulju 2022. In-nefqa ffinanzjata minn appoġġ mhux ripagabbli (“għotjiet”) fl-ambitu tal-Faċilità u minn fondi oħra tal-Unjoni ammontat għal 1,3 % tal-PDG fl-2023. L-investiment iffinanzjat fil-livell nazzjonali kien jammonta għal 3,2 % tal-PDG fl-2023, li jirrappreżenta żieda ta' 1,3 punti perċentwali meta mqabbel mal-2022. Ċipru ffinanzja investiment addizzjonali permezz tal-Faċilità u ta' fondi oħra tal-Unjoni. Huwa ffinanzja l-investiment pubbliku għat-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali, u għas-sigurtà tal-enerġija, bħal: l-installazzjoni ta' sistemi ta' iżolazzjoni termika u fotovoltajċi f'bini pubbliku; rinnovazzjonijiet enerġetiċi f'għadd ta' stazzjonijiet urbani u rurali tat-tifi tan-nar; titjib tal-awtoritajiet rilevanti f'Ċipru biex ilaħħqu mal-perikli ta' nirien u biex isaħħu l-protezzjoni kontra r-riskji li jiffaċċaw iċ-ċittadini, l-infrastruttura u l-foresti; id-diġitalizzazzjoni tal-flussi tax-xogħol ewlenin f'għadd ta' ministeri u servizzi tal-gvern ċentrali; u l-espansjoni tal-ambjent tal-applikazzjoni elettronika għal finijiet ta' ppjanar u ta' permessi għall-bini. Dak l-investiment pubbliku huwa parzjalment iffinanzjat mill-Faċilità u minn fondi oħra tal-Unjoni.

(13)

Fil-Programm ta' Stabbiltà tal-2024, ix-xenarju makroekonomiku li jirfed il-projezzjonijiet baġitarji jipprojetta tkabbir tal-PDG reali ta' 2,9 % fl-2024 u 3,1 % fl-2025, filwaqt li jipprojetta inflazzjoni mkejla skont l-indiċi armonizzat tal-prezzijiet għall-konsumatur (HICP) ta' 2,5 % fl-2024 u 2,0 % fl-2025. Is-surplus tal-gvern estiż huwa mistenni li jonqos għal 2,9 % tal-PDG fl-2024 u 2,8 % tal-PDG fl-2025, filwaqt li l-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż għall-PDG huwa mistenni li jonqos għal 70,6 % sa tmiem l-2024 u 65,5 % sa tmiem l-2025. Wara l-2025, is-surplus tal-gvern estiż huwa pprojettat li jonqos għal 2,6 % tal-PDG fl-2026 u għal 2,1 % fl-2027. Għaldaqstant, il-bilanċ tal-gvern estiż huwa ppjanat li jibqa' taħt il-valur referenzjarju tad-defiċit ta' 3 % tal-PDG skont it-Trattat matul il-perjodu tal-programm. Min-naħa tiegħu, wara l-2025, il-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż għall-PDG huwa pprojettat li jonqos għal 59,2 % tal-PDG fl-2026 u 54,2 % tal-PDG fl-2027.

(14)

It-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni jipprojetta li l-PDG reali jikber b'2,8 % fl-2024 u 2,9 % fl-2025, u l-inflazzjoni imkejla skont l-HICP ser tkun ta' 2,4 % fl-2024 u 2,1 % fl-2025.

(15)

It-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni jipprojetta surplus tal-gvern ta' 2,9 % tal-PDG fl-2024, filwaqt li l-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż għall-PDG huwa mistenni li jonqos għal 70,6 % sa tmiem l-2024. Skont l-estimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali hija pprojettata li tkun newtrali f'livell ta' 0,0 % tal-PDG fl-2024.

(16)

In-nefqa li tammonta għal 0,7 % tal-PDG hija mistennija li tiġi ffinanzjata minn għotjiet fl-ambitu tal-Faċilità fl-2024, meta mqabbla ma' 0,3 % tal-PDG fl-2023, skont it-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni. L-infiq iffinanzjat mill-għotjiet fl-ambitu tal-Faċilità ser jippermetti investiment ta' kwalità għolja u riformi li jtejbu l-produttività mingħajr ma jħalli impatt dirett fuq il-bilanċ jew id-dejn tal-gvern estiż ta' Ċipru. In-nefqa li tammonta għal 0,2 % tal-PDG hija mistennija tiġi appoġġata minn self mill-Faċilità, fl-2024, meta mqabbla ma' 0,0 % tal-PDG fl-2023, skont it-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni.

(17)

Fl-14 ta' Lulju 2023, il-Kunsill irrakkomanda (15) li Ċipru jżomm pożizzjoni fiskali soda fl-2024. Meta jeżegwixxu l-baġits tagħhom għall-2023 u jħejju l-abbozzi tal-pjanijiet baġitarji tagħhom għall-2024, l-Istati Membri ġew mistiedna jqisu li l-Kummissjoni ser tipproponi lill-Kunsill il-ftuħ ta' proċeduri ta' defiċit eċċessiv ibbażati fuq id-defiċit abbażi tad-data tal-eżitu għall-2023. Skont it-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni, il-bilanċ strutturali ta' Ċipru huwa pprojettat li jkun 2,1 % tal-PDG fl-2024, minn 1,8 % fl-2023, u b'hekk ogħla mill-objettiv baġitarju ta' terminu medju tal-pajjiż li jkollu bilanċ strutturali ta' 0 % tal-PDG. Dan huwa konformi ma' dak li ġie rrakkomandat mill-Kunsill.

(18)

Barra minn hekk, il-Kunsill irrakkomanda li Ċipru jieħu azzjoni biex jelimina gradwalment il-miżuri ta' appoġġ ta' emerġenza għall-enerġija fis-seħħ kemm jista' jkun malajr fl-2023 u fl-2024. Il-Kunsill irrakkomanda wkoll li, jekk iż-żidiet mill-ġdid fil-prezzijiet tal-enerġija jkunu jeħtieġu li jitkomplew il-miżuri ta' appoġġ jew li jkun hemm miżuri ġodda ta' appoġġ, Ċipru jiżgura li tali miżuri ta' appoġġ ikunu mmirati lejn il-protezzjoni tal-unitajiet domestiċi u d-ditti vulnerabbli, ikunu fiskalment affordabbli, u jippreservaw l-inċentivi għall-iffrankar tal-enerġija. Skont it-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni, il-kost baġitarju nett (16) tal-miżuri ta' appoġġ ta' emerġenza għall-enerġija huwa stmat fil-livell ta' 0,4 % tal-PDG fl-2023 u pprojettat li jkun fil-livell ta' 0,3 % fl-2024 u 0,0 % fl-2025. B'mod partikolari, id-dazji tas-sisa aktar baxxi fuq il-prodotti taż-żejt skadew f'Marzu 2024 u s-sussidji fuq il-kontijiet tal-elettriku huma preżunti li jibqgħu fis-seħħ fl-2024 iżda huma mistennija li jitneħħew gradwalment matul l-istess sena. Il-miżuri ta' appoġġ ta' emerġenza għall-enerġija mhumiex ipprojettati li jiġu eliminati gradwalment malajr kemm jista' jkun fl-2023 u l-2024. Hemm riskju li dan ma jkunx f'konformità ma' dak li kien irrakkomandat mill-Kunsill. Il-kost baġitarju tal-miżuri ta' appoġġ ta' emerġenza għall-enerġija mmirati lejn il-protezzjoni tal-unitajiet domestiċi u d-ditti vulnerabbli huwa stmat għal 0,0 % tal-PDG fl-2024 (0,0 % fl-2023), skont it-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni.

(19)

Barra minn hekk, il-Kunsill irrakkomanda wkoll li Ċipru jippreserva l-investiment pubbliku ffinanzjat fil-livell nazzjonali u jiżgura l-assorbiment effettiv tal-għotjiet fl-ambitu tal-Faċilità u ta' fondi oħra tal-Unjoni, b'mod partikolari biex irawwem it-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali. Skont it-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni, l-investiment pubbliku ffinanzjat fil-livell nazzjonali huwa pprojettat li jibqa' ġeneralment stabbli għal 3,1 % tal-PDG fl-2024 meta mqabbel ma' 3,2 % tal-PDG fl-2023. Dan huwa konformi ma' dak li ġie rrakkomandat mill-Kunsill. Barra minn hekk, in-nefqa pubblika ffinanzjata mid-dħul mill-fondi tal-Unjoni, inkluż l-għotjiet fl-ambitu tal-Faċilità, hija mistennija tibqa' stabbli fil-livell ta' 1,3 % tal-PDG fl-2024. Dan huwa mmotivat minn infiq ogħla ffinanzjat mill-għotjiet fl-ambitu tal-Faċilità wara tnaqqis f'għotjiet oħra tal-Unjoni wara tmiem il-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020 tal-fondi strutturali tal-Unjoni, li għalihom kienu disponibbli fondi sal-2023.

(20)

Abbażi tal-miżuri ta' politika magħrufa fid-data limitu tat-tbassir, u ta' suppożizzjoni ta' ebda bidla fil-politika, it-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni jipprojetta surplus tal-gvern ta' 2,9 % tal-PDG fl-2025. Il-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż għall-PDG huwa mistenni li jonqos għal 65,4 % sa tmiem l-2025. Politika fiskali prudenti jenħtieġ li tikkontribwixxi wkoll għat-tisħiħ tal-pożizzjoni esterna.

(21)

F'konformità mal-Artikolu 19(3), il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2021/241 u l-kriterju 2.2 tal-Anness V ta' dak ir-Regolament, il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza jinkludi sett estensiv ta' riformi u investimenti li jsaħħu lil xulxin li għandhom jiġu implimentati sal-2026. Dawk ir-riformi u l-investimenti huma mistennijin jgħinu biex jiġu indirizzati b'mod effettiv l-isfidi kollha jew subsett sinifikanti minnhom identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti. F'dan il-perjodu ta' żmien strett, it-tkomplija rapida tal-implimentazzjoni effettiva tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, inkluż il-kapitolu REPowerEU, hija essenzjali biex tingħata spinta lill-kompetittività fit-tul ta' Ċipru permezz tat-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali, filwaqt li tiġi żgurata l-ġustizzja soċjali. Biex iwettaq l-impenji tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza sa Awwissu 2026, huwa essenzjali li Ċipru jkompli jimplimenta r-riformi u jaċċellera l-investimenti billi jindirizza l-isfidi rilevanti filwaqt li jiżgura kapaċità amministrattiva b'saħħitha.

(22)

Bħala parti mir-rieżami ta' nofs it-terminu tal-fondi tal-programmi tal-politika ta' koeżjoni, f'konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (17), Ċipru huwa meħtieġ li jagħmel rieżami ta' kull programm appoġġat mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), mill-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+), mill-Fond ta' Koeżjoni u mill-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta (JTF) sa Marzu 2025, billi jqis, fost affarijiet oħra, l-isfidi identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2024, kif ukoll tal-pjan nazzjonali tiegħu dwar l-enerġija u l-klima. Dak ir-rieżami jifforma l-bażi għall-allokazzjoni definittiva tal-finanzjament tal-Unjoni inkluża f'kull programm. Ċipru għamel progress fl-implimentazzjoni tal-programmi tal-politika ta' koeżjoni u l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, iżda għad hemm sfidi u għad hemm disparitajiet soċjoekonomiċi bejn iż-żoni urbani u dawk mhux urbani. Hu kruċjali li tiġi aċċellerata l-implimentazzjoni tal-programm tal-politika ta' koeżjoni. Barra minn hekk, huwa importanti li tiġi żgurata l-kapaċità amministrattiva tal-awtoritajiet tal-gvern lokali b'antiċipazzjoni għar-riforma leġiżlattiva ta' Ċipru fil-gvern lokali, skedata għall-1 ta' Lulju 2024. Il-prijoritajiet miftiehma fil-programmi tal-politika ta' koeżjoni “Thalia” jibqgħu rilevanti. Iż-żieda fl-użu tal-enerġija rinnovabbli u soluzzjonijiet tal-ħżin, u t-titjib tal-effiċjenza enerġetika u t-trasport urban huma kruċjali biex tinkiseb it-tranżizzjoni ekoloġika. It-titjib tal-ġestjoni tal-ilma, speċjalment it-trattament tal-ilma mormi, huwa meħtieġ biex ikun hemm konformità mad-Direttiva tal-Kunsill 91/271/KEE (18). Il-progress lejn ekonomija ċirkolari fil-ġestjoni tal-iskart għadu kritiku u jeħtieġ titjib fir-riċiklaġġ u t-tnaqqis tal-iskart. L-investimenti fl-attivazzjoni tas-suq tax-xogħol u l-integrazzjoni soċjali ta' gruppi vulnerabbli jenħtieġ li jkomplu jiġu implimentati. L-implimentazzjoni tal-kontijiet individwali tal-apprendiment u tal-Garanzija Ewropea għat-Tfal tibqa' importanti. Barra minn hekk, l-investiment f'servizzi tal-kura fit-tul u akkomodazzjoni soċjali ta' kwalità tajba u affordabbli jibqa' prijorità. Barra minn hekk, jenħtieġ li jitkomplew l-isforzi biex jiġi indirizzat il-faqar enerġetiku u tiġi żviluppata l-ekonomija soċjali. Bħala parti mir-rieżami ta' nofs it-terminu tal-programm tal-politika ta' koeżjoni, “Thalia”, il-ħtiġijiet dejjem aktar konvinċenti fir-rigward tal-prevenzjoni tar-riskji relatati mat-tibdil fil-klima u t-tħejjija għalihom jistħoqqilhom aktar attenzjoni. Ċipru jista' jagħmel użu wkoll mill-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa, stabbilita bir-Regolament (UE) 2024/795 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (19), biex jappoġġa it-tranżizzjoni tal-enerġija permezz ta' teknoloġiji nodfa u effiċjenti fir-riżorsi, inkluż teknoloġiji b'emissjonijiet żero netti.

(23)

Lil hinn mill-isfidi ekonomiċi u soċjali indirizzati mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza u fondi oħra tal-Unjoni, Ċipru qed jiffaċċa diversi sfidi addizzjonali relatati mal-governanza tal-intrapriżi tal-istat, l-eżiti edukattivi u l-ispariġġ fil-ħiliet, l-introduzzjoni ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli, l-espansjoni u l-aġġornament tal-grilja tal-elettriku, u l-adattament għat-tibdil fil-klima.

(24)

Ambjent tan-negozju kompetittiv u li jiffunzjona tajjeb huwa kruċjali għall-effiċjenza u għat-tkabbir ekonomiku. F'dan ir-rigward, il-governanza tal-intrapriżi tal-istat f'Ċipru mhijiex kompletament konformi mal-istandards internazzjonali. F'dawn l-aħħar snin, ġew introdotti xi miżuri ta' politika biex tittejjeb is-sorveljanza finanzjarja tal-entitajiet pubbliċi, iżda n-nuqqas ta' inventarju sħiħ u l-obbligu ta' rapportar regolari jillimita l-monitoraġġ effettiv tal-prestazzjoni u l-ippjanar tal-intrapriżi tal-Istat. Barra minn hekk, aspetti importanti tal-prattiki ta' governanza korporattiva, bħan-nomina bbażata fuq il-mertu tal-bordijiet, il-politika tas-sjieda, il-ġestjoni bbażata fuq il-prestazzjoni, it-trasparenza u r-responsabbiltà tal-prestazzjoni finanzjarja, għadhom insuffiċjenti. F'dak l-isfond, hemm tħassib dwar il-kwalità u l-prezzijiet tas-servizzi f'setturi ddominati minn intrapriżi tal-istat, bħas-settur tal-elettriku.

(25)

Il-prestazzjoni dgħajfa ħafna ta' Ċipru fil-Programm għall-Valutazzjoni Internazzjonali tal-Istudenti (PISA) tal-2022 turi li n-nuqqas ta' kisba fil-ħiliet bażiċi (jiġifieri, il-litteriżmu, in-numeriżmu u x-xjenza) joħloq sfida kbira. Minkejja l-kwalifiki formali adegwati tal-persunal tat-tagħlim, it-taħriġ kontinwu tal-għalliema, inkluż metodi ta' tagħlim u apprendiment ibbażati fuq il-kompetenza, mhuwiex biżżejjed. Fl-2021, il-biċċa l-kbira tal-kandidati għalliema ma għaddewx mill-eżami li kien meħtieġ biex jinħatru. Is-sistema edukattiva ma vvalutatx u ma adattatx biżżejjed ir-riżorsi edukattivi għall-ħtiġijiet tal-istudenti, li huma meħtieġa biex jiġu żviluppati l-kompetenzi ewlenin. Fis-suq tax-xogħol, l-ispariġġ fil-ħiliet qed isir dejjem aktar prevalenti, filwaqt li l-parteċipazzjoni fil-programmi tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (VET) għadha ferm aktar baxxa mill-medja tal-Unjoni. Ir-rata baxxa ta' parteċipazzjoni fil-programmi tal-VET hija marbuta kemm mal-kapaċità kif ukoll ma' restrizzjonijiet ta' attraenza peress li l-biċċa l-kbira tal-iskejjel tal-VET jinsabu f'żoni urbani, li jagħmilha diffiċli għall-istudenti li jgħixu f'żoni rurali biex jirreġistraw, filwaqt li l-biċċa l-kbira tal-istudenti għandhom preferenza qawwija li minflok jidħlu fl-edukazzjoni terzjarja. It-tagħlim għall-adulti għandu potenzjal limitat li jikkoreġi din is-sitwazzjoni peress li s-sehem tal-adulti ta' bejn il-25 u l-64 sena li jipparteċipaw fl-apprendiment fit-12-il xahar preċedenti kien ta' 28,3 % fl-2022 (meta mqabbel ma' 39,5 % fl-Unjoni). Dan huwa tnaqqis sostanzjali minn 44,8 % fl-2016 u jimmina l-potenzjal ta' Ċipru li jtejjeb il-kompetittività ekonomika tiegħu.

(26)

Minkejja l-passi konsiderevoli li ttieħdu biex titħaffef l-introduzzjoni tal-enerġija rinnovabbli, għad fadal sfidi sinifikanti. L-enerġija rinnovabbli kienet tirrappreżenta biss 17 % tat-taħlita tal-elettriku ta' Ċipru fl-2022. Dan għadu ferm taħt l-għan ta' ġenerazzjoni tal-elettriku rinnovabbli ta' 31,5 % sal-2030, kif indikat minn Ċipru fl-abbozz tal-pjan nazzjonali tiegħu għall-enerġija u l-klima. Minħabba d-dipendenza ta' Ċipru fuq il-prodotti petroliferi, li huma importati fl-intier tagħhom u jservu biex jissodisfaw aktar minn 80 % tal-ħtiġijiet tal-enerġija tiegħu, Ċipru jibqa' vulnerabbli għall-fluttwazzjonijiet fil-prezzijiet globali tal-enerġija. Għad hemm sfidi konsiderevoli fl-aġġornament u l-espansjoni tal-grilja tal-elettriku eżistenti biex takkomoda l-użu ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli. Ċipru qed jiffaċċa ostakli sinifikanti fil-kapaċità tal-grilja tal-enerġija fuq terminu qasir tiegħu biex jakkomoda żieda fl-enerġija rinnovabbli, li jwassal għal nuqqasijiet rikorrenti. Dak il-fenomenu huwa evidenti meta wieħed iħares lejn id-data uffiċjali mill-Awtorità Regolatorja tal-Enerġija ta' Ċipru. Sal-aħħar ta' Novembru 2023, is-sistema Ċiprijotta kellha total ta' 782,57 MW ta' impjanti tal-enerġija rinnovabbli operazzjonali, inkluż 157,50 MW mir-riħ, 625,93 MW mill-fotovoltajka, u 9,15 MW mill-bijomassa. Fl-istess ħin, l-Awtorità Regolatorja tal-Enerġija approvat permessi tal-kostruzzjoni għal total ta' 2 383 MW fi proġetti tal-enerġija rinnovabbli. Strateġija globali għall-ħżin tal-enerġija tista' żżid il-flessibbiltà u l-istabbiltà tal-provvista, u tnaqqas il-kostijiet taż-żieda u t-tnaqqis fl-impjanti tal-enerġija konvenzjonali.

(27)

Ċipru qed jiffaċċa diversi sfidi fl-isforzi tiegħu biex jindirizza r-reżiljenza għat-tibdil fil-klima, bħal qafas istituzzjonali dgħajjef għall-adattament għat-tibdil fil-klima, u n-nuqqas ta' prattiki ta' ġestjoni sostenibbli tal-ilma biex jappoġġa agrikoltura reżiljenti. Il-vulnerabbiltà tal-pajjiż għat-tibdil fil-klima hija evidenti, u l-politiki u l-miżuri ta' adattament nazzjonali tiegħu mhumiex żviluppati biżżejjed. Ċipru jbati minn livelli baxxi ta' xita u temperaturi għoljin, li jikkontribwixxu għall-ogħla livell ta' stress idriku fl-Unjoni. Għalkemm is-settur agrikolu Ċiprijott jibbenefika minn sistemi ta' irrigazzjoni dejjem aktar effiċjenti fl-użu tal-ilma, xorta għandu l-ogħla rata ta' konsum tal-ilma minħabba telf sinifikanti ta' riżorsi tal-ilma f'networks ta' distribuzzjoni u ħżin insuffiċjenti. Barra minn hekk, is-settur agrikolu Ċiprijott diġà qed jiffaċċa l-effetti tat-tibdil fil-klima, inkluż id-degradazzjoni tal-ħamrija u d-deżertifikazzjoni, li jwasslu għal tnaqqis fir-rendimenti tal-għelejjel. Il-ġestjoni u l-ħżin effettivi tal-ilma, kif ukoll l-adozzjoni ta' għelejjel effiċjenti fl-użu tal-ilma, issa saru prijorità. Il-pressjoni antropoġenika fuq il-ħabitats u l-ekosistemi, b'mod partikolari fiż-żoni kostali, qed taggrava s-sitwazzjoni. L-approċċ attwali tal-pajjiż għall-adattament għat-tibdil fil-klima għadu fil-biċċa l-kbira tiegħu mhux vinkolanti. Dan jitlob arranġamenti istituzzjonali mtejba biex jissaħħu r-reżiljenza għall-klima u l-kompetittività fit-tul.

(28)

Fid-dawl tal-interkonnessjonijiet mill-qrib bejn l-ekonomiji tal-Istati Membri taż-żona tal-euro u l-kontribuzzjoni kollettiva tagħhom għall-funzjonament tal-unjoni ekonomika u monetarja, fl-2024 il-Kunsill irrakkomanda li l-Istati Membri taż-żona tal-euro jieħdu azzjoni, inkluż permezz tal-pjanijiet tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza, biex jimplimentaw ir-Rakkomandazzjoni tal-2024 dwar iż-żona tal-euro. Fil-każ ta' Ċipru, ir-rakkomandazzjonijiet (1), (2), (3) u (4) jgħinu fl-implimentazzjoni tal-ewwel, it-tieni, it-tielet u r-raba' rakkomandazzjoni stipulati fir-Rakkomandazzjoni tal-2024 dwar iż-żona tal-euro.

(29)

Fid-dawl tar-rieżami fil-fond tal-Kummissjoni u l-konklużjonijiet tagħha dwar l-eżistenza ta' żbilanċi, ir-rakkomandazzjonijiet skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 huma riflessi fir-rakkomandazzjoni (1). Il-politiki msemmija fir-rakkomandazzjoni (1) jgħinu biex jiġu indirizzati l-vulnerabbiltajiet marbuta mad-dejn pubbliku u estern. Il-politiki msemmija fir-rakkomandazzjoni (4) jikkontribwixxu għall-indirizzar tar-rakkomandazzjoni (1) billi jnaqqsu d-domanda għall-importazzjonijiet tal-enerġija u b'estensjoni jgħinu biex jissaħħaħ il-bilanċ estern. Ir-Rakkomandazzjoni (1) tikkontribwixxi kemm biex jiġu indirizzati l-iżbilanċi kif ukoll għall-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-2024 dwar iż-żona tal-euro, f'konformità mal-premessa 28,

B'DAN JIRRAKKOMANDA li Ċipru jieħu azzjoni fl-2024 u fl-2025 biex:

1.

Jippreżenta l-pjan fiskali-strutturali fuq terminu medju f'waqtu. F'konformità mar-rekwiżiti tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir riformat, jillimita t-tkabbir fin-nefqa netta (20) fl-2025 għal rata konsistenti ma', fost oħrajn, it-tqegħid tad-dejn tal-gvern estiż fuq perkors plawżibbli ta' tnaqqis fuq terminu medju u r-rispett tal-valur referenzjarju ta' 3 % tal-PDG skont it-Trattat.

2.

Isaħħaħ il-kapaċità amministrattiva biex jimmaniġġja l-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, jaċċellera l-investimenti u jżomm ir-ritmu fl-implimentazzjoni tar-riformi. Jindirizza l-isfidi rilevanti biex jippermetti l-implimentazzjoni kontinwa, rapida u effettiva tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, inkluż tal-kapitolu REPowerEU, filwaqt li jiżgura t-tlestija tar-riformi u l-investimenti sa Awwissu 2026. Jaċċellera l-implimentazzjoni tal-programmi tal-politika ta' koeżjoni. Fil-kuntest tar-rieżami ta' nofs it-terminu ta' dawk il-programmi, ikompli jiffoka fuq il-prijoritajiet maqbula, jieħu azzjoni biex jindirizza aħjar il-ħtiġijiet fir-rigward tal-prevenzjoni tar-riskji relatati mat-tibdil fil-klima u t-tħejjija għalihom, filwaqt li jikkunsidra l-opportunitajiet ipprovduti mill-inizjattiva tal-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa biex tittejjeb il-kompetittività.

3.

Isaħħaħ il-kompetittività tal-ekonomija billi jaċċellera l-isforzi biex itejjeb il-governanza tal-intrapriżi tal-istat f'konformità mal-istandards internazzjonali u jtejjeb aktar il-livelli tal-ħiliet u l-eżiti edukattivi. Isaħħaħ it-taħriġ kontinwu tal-għalliema u jindirizza l-iżbilanċi bejn il-provvista u d-domanda tax-xogħol billi jkompli jżid l-kapaċità u l-attraenza tal-programmi tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali u billi jrawwem it-tagħlim għall-adulti.

4.

Jaġġorna u jespandi l-grilja u l-ħżin biex jakkomoda sehem dejjem akbar ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli. Itejjeb l-implimentazzjoni tal-miżuri ta' adattament għat-tibdil fil-klima, billi jiffoka fuq it-trawwim tal-qafas istituzzjonali li jirregola l-adattament għat-tibdil fil-klima u l-implimentazzjoni ta' prattiki ta' ġestjoni sostenibbli tal-ilma fl-agrikoltura.

Magħmul fil-Lussemburgu, il-21 ta’ Ottubru 2024.

Għall-Kunsill

Il-President

NAGY I.


(1)   ĠU L, 2024/1263, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1263/oj.

(2)   ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2011/1176/oj.

(3)  Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/241/oj).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2023/435 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Frar 2023 li jemenda r-Regolament (UE) 2021/241 fir-rigward tal-kapitoli REPowerEU fil-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza u li jemenda r-Regolamenti (UE) 1303/2013, (UE) 2021/1060 u (UE) 2021/1755, u d-Direttiva 2003/87/KE (ĠU L 63, 28.2.2023, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/435/oj).

(5)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta' April 2024 dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro (ĠU C, C/2024/2807, 23.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/2807/oj).

(6)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv (ĠU L 209, 2.8.1997, p. 6, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1997/1467/oj).

(7)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2011/85/UE tat-8 ta' Novembru 2011 dwar ir-rekwiżiti għal oqfsa baġitarji tal-Istati Membri (ĠU L 306, 23.11.2011, p. 41, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2011/85/oj).

(8)  Nefqa netta kif definita fl-Artikolu 2, il-punt (2) tar-Regolament (UE) 2024/1263: “nefqa netta” tfisser in-nefqa tal-gvern netta minn (i) in-nefqa fuq l-imgħax, (ii) il-miżuri diskrezzjonali relatati mad-dħul, (iii) in-nefqa fuq programmi tal-Unjoni ffinanzjati bis-sħiħ mid-dħul tal-fondi tal-Unjoni, (iv) in-nefqa nazzjonali fuq il-kofinanzjament ta' programmi ffinanzjati mill-Unjoni, (v) l-elementi ċikliċi tan-nefqa fuq il-benefiċċji tal-qgħad, u (vi) miżuri ta' darba u miżuri temporanji oħra.

(9)  ST 10686/21 INIT u ST 10686/21 ADD 1.

(10)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta' Diċembru 2023 li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tat-28 ta' Lulju 2021 dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għal Ċipru (ST 15571/23 INIT u ST 15571/23 ADD 1).

(11)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika (ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1997/1466/oj).

(12)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta' Lulju 2022 dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-2022 ta' Ċipru u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Stabbiltà tal-2022 ta' Ċipru, (ĠU C 334, 1.9.2022, p. 104).

(13)  Abbażi tat-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni, it-tkabbir tal-output potenzjali fuq terminu medju ta' Ċipru fl-2023, li jintuża biex titkejjel il-pożizzjoni fiskali, huwa stmat għal 8,5 % f'termini nominali, fuq il-bażi tar-rata ta' tkabbir potenzjali reali medja ta' 10 snin u d-deflatur tal-PDG tal-2023.

(14)  Il-pożizzjoni fiskali hija definita bħala kejl tal-bidla annwali fil-pożizzjoni baġitarja sottostanti tal-gvern estiż. Hija għandha l-għan li tivvaluta l-impuls ekonomiku li jirriżulta mill-politiki fiskali, kemm dawk li huma ffinanzjati fil-livell nazzjonali kif ukoll dawk li huma ffinanzjati mill-baġit tal-Unjoni. Il-pożizzjoni fiskali titkejjel bħala d-differenza bejn (i) it-tkabbir potenzjali fuq terminu medju u (ii) il-bidla fin-nefqa primarja netta minn miżuri diskrezzjonali relatati mad-dħul (u bl-esklużjoni tal-miżuri ta' emerġenza temporanji relatati mal-kriżi tal-COVID-19) u bl-inklużjoni tan-nefqa ffinanzjata minn appoġġ mhux ripagabbli (għotjiet) fl-ambitu tal-Faċilità u fondi oħra tal-Unjoni.

(15)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-14 ta' Lulju 2023 dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-2023 ta' Ċipru u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Stabbiltà tal-2023 ta' Ċipru (ĠU C 312, 1.9.2023, p. 116).

(16)  Iċ-ċifra tirrappreżenta l-livell tal-kost baġitarju annwali ta' dawk il-miżuri, inkluż id-dħul u n-nefqa u, meta jkun applikabbli, nett mid-dħul mit-taxxi fuq il-profitti mhux mistennija tal-fornituri tal-enerġija.

(17)  Ir-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ġunju 2021 li jistipula dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura u r-regoli finanzjarji għalihom u għall-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, il-Fond għas-Sigurtà Interna u l-Istrument għall-Appoġġ Finanzjarju għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u l-Politika dwar il-Viżi (ĠU L 231, 30.6.2021, p. 159, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/1060/oj).

(18)  Id-Direttiva tal-Kunsill 91/271/KEE tal-21 ta' Mejju 1991 dwar it-trattament tal-ilma urban mormi (ĠU L 135, 30.5.1991, p. 40, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1991/271/oj).

(19)  Ir-Regolament (UE) 2024/795 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' Frar 2024 li jistabbilixxi l-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa (“STEP”), u li jemenda d-Direttiva 2003/87/KE u r-Regolamenti (UE) 2021/1058, (UE) 2021/1056, (UE) 2021/1057, (UE) 1303/2013, (UE) 223/2014, (UE) 2021/1060, (UE) 2021/523, (UE) 2021/695, (UE) 2021/697 u (UE) 2021/241 (ĠU L, 2024/795, 29.2.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/795/oj).

(20)  Skont l-Artikolu 2, (2) tar-Regolament (UE) 2024/1263, “nefqa netta” tfisser in-nefqa tal-gvern, netta min-nefqa fuq l-imgħax, mill-miżuri diskrezzjonali relatati mad-dħul, min-nefqa fuq programmi tal-Unjoni ffinanzjati bis-sħiħ mid-dħul tal-fondi tal-Unjoni, min-nefqa nazzjonali fuq il-kofinanzjament ta' programmi ffinanzjati mill-Unjoni, mill-elementi ċikliċi tan-nefqa fuq il-benefiċċji tal-qgħad, u minn miżuri ta' darba u miżuri temporanji oħra.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/6820/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)