SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)
13 ta’ Marzu 2025 ( *1 )
“Appell – Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Ġlieda kontra t-terroriżmu – Miżuri restrittivi meħuda fil-konfront ta’ ċerti persuni u entitajiet – Iffriżar ta’ fondi – Pożizzjoni komuni 2001/931/PESK – Artikolu 1(3), (4) u (6) – Regolament (KE) Nru 2580/2001 – Artikolu 2(3) – Żamma ta’ organizzazzjoni fil-lista ta’ persuni, gruppi u entitajiet involuti f’atti terroristiċi – Applikabbiltà għas-sitwazzjonijiet ta’ kunflitt armat – Grupp terroristiku – Natura tal-atti mwettqa u r-raġunijiet sottostanti għal dawn l-atti – Distanza ta’ żmien – Persistenza tar-riskju ta’ involviment f’attivitajiet terroristiċi – Proporzjonalità – Obbligu ta’ motivazzjoni”
Fil-Kawża C‑44/23 P,
li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, imressaq fis‑27 ta’ Jannar 2023,
Kurdistan Workers’ Party (PKK), irrappreżentat minn T. Buruma u A. M. van Eik, advocaten,
appellant,
il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:
Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn M.-C. Cadilhac, B Driessen u S. Van Overmeire, bħala aġenti,
Konvenut fl-ewwel istanza,
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn C. Giolito, J. Norris u L. Puccio, bħala aġenti,
Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata inizjalment minn J.‑L. Carré, B. Fodda u W. Zemamta, bħala aġenti, sussegwentement minn J.‑L. Carré u B. Fodda, bħala aġenti, u enfin minn B. Fodda u B. Travard, bħala aġenti,
Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, irrappreżentat minn M. K. Bulterman, J. M. Hoogveld u J. Langer, bħala aġenti,
intervenjenti fl-ewwel istanza,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),
komposta minn F. Biltgen (Relatur), President tal-Ewwel Awla, li qiegħed jaġixxi bħala President tas-Seba’ Awla, M. L. Arastey Sahún, President tal-Ħames Awla, u J. Passer, Imħallef,
Avukat Ġenerali: P. Pikamäe,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
Permezz tal-appell tiegħu, il-Kurdistan Workers’ Party (PKK) jitlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat‑30 ta’ Novembru 2022, PKK vs Il-Kunsill (T‑316/14 RENV u T‑148/19, iktar ’il quddiem is-sentenza appellata, EU:T:2022:727), li permezz tagħha hija ċaħdet ir-rikors tiegħu għall-annullament:
sa fejn dawn ir-regolamenti u dawn id-deċiżjonijiet (iktar ’il quddiem, flimkien, l-“atti kontenzjużi”) jikkonċernawh. |
Il-kuntest ġuridiku
Ir-Riżoluzzjoni 1373 (2001) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti.
|
2 |
Fit‑28 ta’ Settembru 2001, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti adotta r-Riżoluzzjoni 1373(2001) li tistabbilixxi strateġiji wiesgħa fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u b’mod partikolari l-ġlieda kontra l-iffinanzjar tat-terroriżmu. |
|
3 |
Il-preambolu ta’ din ir-riżoluzzjoni tafferma mill-ġdid “il-ħtieġa tal-ġlieda b’kull mezz, skont il-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, kontra theddid għall-paċi u għas-sigurtà internazzjonali kkawżati minn atti terroristiċi”. Huwa jenfasizza wkoll l-obbligu tal-Istati li “jikkompletaw il-kooperazzjoni internazzjonali billi jieħdu miżuri addizzjonali għall-prevenzjoni u l-eliminazzjoni fit-territorju tagħhom, b’kull mezz leċitu, tal-finanzjament u tal-preparazzjoni ta’ kull att ta’ terroriżmu”.[traduzzjoni mhux uffiċjali] |
|
4 |
Il-punt 1(c) tal-imsemmija riżoluzzjoni jipprevedi, b’mod partikolari, li l-Istati kollha għandhom jiffriżaw mingħajr dewmien il-fondi u assi finanzjarji jew riżorsi ekonomiċi oħra tal-persuni li jikkommettu, jew jippruvaw jikkommettu atti terroristiċi, jew li jiffaċilitaw jew jipparteċipaw fihom, tal-entitajiet li jappartjenu lil dawn il-persuni jew li huma kkontrollati minnhom, kif ukoll tal-persuni u tal-entitajiet li jaġixxu f’isem dawn il-persuni u entitajiet jew fuq struzzjoni tagħhom. |
|
5 |
L-istess riżoluzzjoni ma tipprevedix lista ta’ ismijiet ta’ persuni li fil-konfront tagħhom għandhom jiġu applikati dawn il-miżuri restrittivi. |
Id-dritt tal-Unjoni
Il-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK
|
6 |
Sabiex tiġi implimentata r-Riżoluzzjoni 1373 (2001) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta, fis‑27 ta’ Diċembru 2001, il-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri speċifiċi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 18, Vol. 1, p. 217). |
|
7 |
L-Artikolu 1(1), (3), (4) u (6) ta’ din il-pożizzjoni komuni huwa redatt kif ġej: “1. Din il-Pożizzjoni Komuni taħdem flimkien mad-disposizzjonijiet ta’ l-Artikoli li ġejjin lill-persuni, gruppi u entitajiet involuti f’atti terroristiċi u mniżżla fl-Anness. […] “3. Għall-fini ta’ din il-Pożizzjoni Komuni, att terroristiku għandu jfisser wieħed minn dawn l-azzjonijiet intenzjonati li ġejjin, li, jista’ joħloq dannu lil pajjiż jew organizzazzjoni internazzjonali, definit bħala offiża kontra ċ-ċittadini, fejn imwettaq bi skop li:
4. Il-lista f’dan l-Anness għandha tinbena fuq il-bażi ta’ informazzjoni preċiża jew materjali fir-relevanza li turi deċiżjoni ittieħdet minn awtorità kompetenti b’rispett ta’ nies, gruppi u entitajiet konċernati, irrispettivament minn jekk din tikkonċernax jew le x’ta bidu għall-investigazzjonijiet jew il-prosekuzzjoni għall-att terroristiku, attentat, tipparteċipa jew tiffaċilita dan it-tip ta’ att ibbażat fuq xhieda serja u kredibbli jew indikazzjonijiet jew kundanna għal dawn l-atti. Il-persuni, gruppi jew entitajiet identifikati mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti li huma relatati mat-terroriżmu u kontra min tkun ordnat is-sanzjonijiet jistgħu jkunu inklużi fil-lista. Għall-fini ta’ dan il-paragrafu, ‘awtorita kompetenti’ għandha tfisser awtorita ġudizzjarja, jew, fejn awtoritajiet ġudizzjarji li m’għandhomx kompetenza fil-qasam konċernat f’dan il-paragrafu, awtorità kompeteneti ekwivalenti f’dak il-qasam. […] 6. Għandha ssir reviżjoni ta’ l-ismijiet tal-persuni jew entitajiet fil-lista ta’ l-Anness, għall-inqas darba kull sitt xhur biex jiġi assigurat li hemm raġunijiet biex jinżammu fuq il-lista.” |
|
8 |
Skont l-Artikolu 2 tal-imsemmija deċiżjoni qafas: “Il-Komunità Ewropea, li taġixxu fil-limiti tal-poteri mogħtija lilha mit-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea għandha tordna l-iffriżar tal-fondi u assi finanzjarji u riżorsi ekonomiċi ta’ persuni, gruppi u u entitatjiet elenkati fl-Anness.” |
Ir-Regolament (KE) Nru 2580/2001
|
9 |
Peress li kien neċessarju regolament sabiex jiġu implimentati, fil-livell tal-Unjoni Ewropea, il-miżuri deskritti fil-Pożizzjoni Komuni 2001/931, il-Kunsill adotta r-Regolament (KE) Nru 2580/2001 tas‑27 ta’ Diċembru 2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 18, Vol. 1, p. 207). |
|
10 |
L-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament jipprevedi: “1. Ħlief kif permess taħt l-Artikoli 5 u 6:
2. Ħlief kif permess taħt l-Artikoli 5 u 6, għandu jkun projbit li tipprovdi servizzi finanzjarji lil, jew għall-benefiċċju ta’, persuna naturali jew legali, grupp jew entità inklużi fil-lista msemmija fil-paragrafu 3. 3. Il-Kunsill, jaġixxi b’unanimità, għandu jistabbilixxi, jirrevedi u jemenda l-lista ta’ persuni, gruppi jew entitajiet li għalihom japplika dan ir-Regolament, skond id-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 1(4), (5) u (6) tal-Pożizzjoni Komuni [2001/931/PESK]. Din il-lista għandha tinkludi:
|
Il-fatti li wasslu għall-kawża
|
11 |
Il-fatti li wasslu għall-kawża huma esposti fil-punti 3 sa 14 tas-sentenza appellata. Għal dak li jirrigwarda l-eżami ta’ dan l-appell, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni dan li ġej. |
|
12 |
Il-PKK, rikorrent fl-ewwel istanza u fl-appell, ġie stabbilit matul is-sena 1978 u beda ġlieda armata kontra l-Gvern Tork sabiex jiġi rrikonoxxut id-dritt tal-Kurdi għall-awtodeterminazzjoni. |
|
13 |
Isem l-appellant ma kienx jidher inizjalment la fil-lista li tinsab fl-Anness tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, u lanqas fil-lista msemmija fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001. |
|
14 |
Fit‑2 ta’ Mejju 2002, il-Kunsill adotta l-Pożizzjoni Komuni 2002/340/PESK li taġġorna l-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri speċifiċi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu (ĠU 2002, L 116, p. 75). L-anness għall-Pożizzjoni Komuni 2002/340 aġġorna l-lista ta’ persuni, gruppi u entitajiet li għalihom japplikaw il-miżuri restrittivi previsti mill-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u fiha inkluda b’mod partikolari isem l-appellant, identifikat bħala: “Il-Partit tal-Ħaddiema tal-Kurdistan (PKK)” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Dan it‑2 ta’ Mejju 2002, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2002/334/KE li timplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu u li jħassar u li tħassar id-Deċiżjoni 2001/927/KE (ĠU 2002, L 116, p. 33). Id-Deċiżjoni 2002/334 inkludiet isem l-appellant fil-lista prevista fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001, bl-istess kliem bħal dawk użati fl-anness għall-Pożizzjoni Komuni 2002/340. |
|
15 |
Dawn l-atti ġew minn dakinhar aġġornati regolament, skont l-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001. Isem l-appellant dejjem inżamm fil-listi tal-gruppi u tal-entitajiet li għalihom japplikaw il-miżuri restrittivi (iktar ’il quddiem il-“listi kontenzjużi”), u dan minkejja l-kontestazzjoni quddiem il-Qorti Ġenerali jew l-annullament minn din tal-aħħar ta’ diversi deċiżjonijiet u regolamenti li magħhom kienu annessi dawn il-listi. Mit‑2 ta’ April 2004, l-isem tal-entità mniżżla fil-listi kontenzjużi huwa “Il-Partit tal-Ħaddiema tal-Kurdistan (PKK) (magħruf ukoll bl-ismijiet ‘KADEK’ u ‘KONGRA-GEL’)”. |
|
16 |
B’hekk, il-miżuri restrittivi applikati għall-appellant inżammu sussegwenetment permezz ta’ atti adottati matul is-snin 2014 sa 2020, jiġifieri, b’mod partikolari:
|
|
17 |
Fl-espożizzjoni tal-motivi tal-atti tal‑2014, il-Kunsill iddeskriva lill-PKK bħala entità involuta f’atti terroristiċi li, sa mis-sena 1984, kien wettaq numru ta’ atti ta’ din in-natura. Il-Kunsill indika li l-attivitajiet terroristiċi tal-PKK komplew iseħħu, minkejja diversi waqfien mill-ġlied li dan tal-aħħar kien iddikjara unilateralment, b’mod partikolari, sa mis-sena 2009. F’dan ir-rigward, il-Kunsill ippreċiża li l-atti terroristiċi mwettqa mill-PKK kienu jinkludu attakki bil-bomba, attakki bir-rokit, l-użu ta’ splussivi, il-qtil u s-sekwestru ta’ ċittadini Torok u ta’ turisti barranin, it-teħid ta’ ostaġġi, attakki kontra l-forzi tas-sigurtà Torok u l-ġlied armat magħhom, attakki fuq il-faċilitajiet taż-żejt, trasport pubbliku, sedi diplomatiċi, kulturali u kummerċjali Torok f’pajjiżi differenti, l-estorsjoni taċ-ċittadini Torok li jgħixu barra mill-pajjiż kif ukoll atti kriminali oħra intiżi għall-finanzjament tal-attivitajiet tiegħu. Bħala eżempju, il-Kunsill fassal lista ta’ 69 avveniment li seħħew bejn l‑14 ta’ Novembru 2003 u d‑19 ta’ Ottubru 2011, ikklassifikati bħala atti terroristiċi fis-sens tal-Artikolu 1(3) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931. |
|
18 |
Il-Kunsill żied li l-PKK kien is-suġġett ta’ deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet nazzjonali kompetenti fis-sens tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, billi ċċita f’dan ir-rigward, b’mod partikolari, digriet tal-Ministru tal-Intern tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, tad‑29 ta’ Marzu 2001 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal‑2001 tar-Renju Unit”), intiż sabiex jipprojbixxi lill-PKK skont l-UK Terrorism Act 2000 (il-Liġi tar-Renju Unit tal‑2000 dwar it-Terroriżmu), kif ikkompletata b’digriet tal‑14 ta’ Lulju 2006, li kkunsidra li “KADEK” u “KONGRA-GEL” kienu jikkostitwixxu denominazzjonijiet oħra tal-PKK. |
|
19 |
Fl-espożizzjonijiet tal-atti adottati bejn l‑2015 u l‑2017, il-Kunsill irrileva li ż-żamma tal-inklużjoni ta’ isem l-appellant fil-listi kontenzjużi kienet ibbażata fuq, fost oħrajn, id-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet tar-Renju Unit adottati matul i-snin 2001 u 2006, diġà meħuda inkunsiderazzjoni, kif ikkompletati minn deċiżjoni tal-Ministru għall-Intern tar-Renju Unit tat‑3 ta’ Diċembru 2014 li żżomm fis-seħħ il-projbizzjoni tal-PKK, permezz ta’ sentenza tat‑2 ta’ Novembru 2011 tat-tribunal de grande instance de Paris (France) (il-Qorti Reġjonali ta’ Pariġi, Franza) li tikkundanna liċ-ċentru kulturali Kurd ta’ Ahmet Kayfaa għal parteċipazzjoni f’assoċjazzjoni ta’ kriminali biex jitħejja att terroristiku u għall-finanzjament ta’ organizzazzjoni terroristika, ikkonfermata fl-appell permezz ta’ sentenza tat‑23 ta’ April 2013 tal-cour d’appel de Paris (France) (il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi, Franza) u, fl-appell, permezz ta’ sentenza tal‑21 ta’ Mejju 2014 tal-Cour de cassation (France) (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Franza), u permezz ta’ reviżjoni mwettqa mill-awtoritajiet tal-Istati Uniti tal-Amerka u ffinalizzata fil‑21 ta’ Novembru 2013, li tikkonferma lill-PKK bħala “organizzazzjoni terroristika barranija”. |
|
20 |
L-espożizzjonijiet tal-motivi tal-atti adottati matul is-snin 2019 u 2020 jirriproduċu, essenzjalment, il-motivi preċedenti. |
Ir-rikorsi quddiem il-Qorti Ġenerali
Il-Kawża T-316/14 RENV
|
21 |
Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑1 ta’ Mejju 2014, il-PKK ippreżenta rikors intiż għall-annullament tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 125/2014, sa fejn dan jikkonċernah. |
|
22 |
Permezz ta’ noti ta’ adattament sussegwenti, l-appellant talab ukoll l-annullament tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 790/2014 kif ukoll tal-atti adottati matul is-snin 2015 sa 2017 (id-Deċiżjonijiet PESK mill‑2015 sal‑2017 u r-Regolamenti tal‑2015 sal‑2017), sa fejn dawn l-atti jikkonċernawh. |
|
23 |
Il-Kummissjoni Ewropea ġiet ammessa tintervjeni fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali insostenn tat-talbiet tal-Kunsill. |
|
24 |
Permezz ta’ sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2018, PKK vs Il-Kunsill (T‑316/14, EU:T:2018:788), il-Qorti Ġenerali annullat, minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni, l-atti kollha msemmija fir-rikors, sa fejn dawn jikkonċernaw lill-PKK. |
|
25 |
Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fil‑25 ta’ Jannar 2019, il-Kunsill ippreżenta appell intiż għall-annullament ta’ din is-sentenza. Ir-Repubblika Franċiża u r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi tħallew jintervjenu fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja insostenn tat-talbiet tal-Kunsill. |
|
26 |
Permezz ta’ sentenza tat‑22 ta’ April 2021, Il-Kunsill vs PKK (C‑46/19 P, EU:C:2021:316), il-Qorti tal-Ġustizzja annullat is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal‑15 ta’ Novembru 2018, PKK vs Il-Kunsill (T‑316/14, EU:T:2018:788), sa fejn din kienet laqgħet ir-rikors għal annullament, u bagħtet lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali. |
|
27 |
Insostenn tar-rikors tiegħu fil-Kawża T‑316/14 RENV, il-PKK qajjem, essenzjalment, seba’ motivi. Dawn il-motivi kienu bbażati, l-ewwel wieħed, fuq il-klassifikazzjoni żbaljata l-appellant bħala grupp terroristiku fis-sens tal-Artikolu 1(3) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, it-tieni wieħed, fuq l-assenza ta’ deċiżjoni meħuda minn awtorità kompetenti fis-sens tal-Artikolu 1(4) ta’ din il-Pożizzjoni Komuni 2001/931, it-tielet wieħed, fuq il-ksur tal-Artikoli 4 u 51 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea sa fejn l-atti tal‑2014 u l-atti adottati matul is-snin 2015 sa 2017 kienu parzjalment ibbażati fuq informazzjoni miksuba taħt it-tortura jew wara trattament ħażin, ir-raba’ wieħed, fuq l-assenza ta’ eżami mill-ġdid konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 1(6) tal-imsemmija pożizzjoni komuni, il-ħames wieħed, fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ sussidjarjetà, is-sitt wieħed, fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u, is-seba’ wieħed, fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva. |
Il-Kawża T-148/19
|
28 |
Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑7 ta’ Marzu 2019, il-PKK ippreżenta rikors intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni 2019/25, sa fejn din id-deċiżjoni tikkonċernah. |
|
29 |
Permezz ta’ noti ta’ adattament sussegwenti, ir-rikorrent talab ukoll l-annullament tal-atti l-oħra adottati matul is-sena 2019 (id-Deċiżjoni 2019/1341 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2019/1337), kif ukoll tal-atti adottati matul is-sena 2020 (id-Deċiżjoni 2020/1132, ir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni 2019/1337, 2020/19 u 2020/1128) sa fejn dawn l-atti jikkonċernawh |
|
30 |
L-appellant kien ressaq sitt motivi insostenn tar-rikors tiegħu. Dawn il-motivi kienu bbażati, l-ewwel wieħed, fuq il-klassifikazzjoni żbaljata tal-appellant bħala grupp terroristiku fis-sens tal-Artikolu 1(3) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, it-tieni wieħed, fuq l-assenza ta’ deċiżjoni meħuda minn awtorità kompetenti fis-sens tal-Artikolu 1(4) ta’ din il-Pożizzjoni Komuni, it-tielet wieħed, fuq l-assenza ta’ reviżjoni skont ir-rekwiżiti tal-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, ir-raba’ wieħed, fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ sussidjarjetà, il-ħames wieħed, fuq il-ksur u l-obbligu ta’ motivazzjoni u s-sitt wieħed, fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiżi u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva. |
|
31 |
Permezz ta’ deċiżjoni tat‑8 ta’ Frar 2022, il-Kawżi T‑316/14 RENV u T‑148/19 ingħaqdu għall-finijiet tal-fażi orali tal-proċedura u tad-deċiżjoni li tagħlaq l-istanza, |
Is-sentenza appellata
|
32 |
Il-Qorti Ġenerali ddikjarat inammissibbli r-rikorsi sa fejn dawn huma intiżi għall-annullament tad-Deċiżjonijiet PESK mill‑2015 sal‑2017 (Kawża T‑316/14 RENV), kif ukoll tad-Deċiżjoni 2020/1132 u tar-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni 2019/1337, 2020/19 u 2020/1128 (Kawża T‑148/19), b’tali mod li hija eżaminat il-fondatezza tal-imsemmija rikorsi biss sa fejn dawn jirrigwardaw l-atti tal‑2014 u l-atti kontenzjużi, jiġifieri r-Regolamenti tal‑2017 sal‑2015, kif ukoll id-Deċiżjonijiet 2019/25 u 2019/1341 (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjonijiet tal‑2019”). |
|
33 |
Fid-dawl tax-xebh li jeżisti bejn sitta mill-motivi mqajma f’kull waħda miż-żewġ Kawżi T‑316/14 RENV u T‑148/19, il-Qorti Ġenerali eżaminathom flimkien, billi għamlet distinzjoni bejn l-imsemmija kawżi biss meta l-argumenti speċifiċi mressqa insostenn ta’ dawn il-motivi u ċerti differenzi bejn l-atti kkontestati kienu jeħtieġu dan. |
|
34 |
Ħamsa minn dawn il-motivi huma rilevanti għall-finijiet ta’ dan l-appell. |
|
35 |
Għalhekk, fl-ewwel lok, fir-rigward tal-eżami tal-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, il-Qorti Ġenerali fakkret, fil-punt 43 tas-sentenza appellata, li kellha ssir distinzjoni bejn l-inklużjoni inizjali ta’ persuna jew ta’ entità fil-lista ta’ ffriżar tal-fondi, konformement ma’ din id-dispożizzjoni, u ż-żamma f’din il-lista tal-isem ta’ persuna jew ta’ entità diġà inkluża fiha, kif imsemmi fl-Artikolu 1(6) ta’ din il-pożizzjoni komuni. Filwaqt li l-inklużjoni inizjali ta’ persuna jew ta’ entità fil-lista tippreżupponi l-eżistenza ta’ deċiżjoni nazzjonali li toriġina minn awtorità kompetenti, tali kundizzjoni ma hijiex prevista għaż-żamma tal-isem ta’ din il-persuna jew ta’ din l-entità fil-lista, peress li din iż-żamma tikkostitwixxi, essenzjalment, l-estensjoni tal-inklużjoni inizjali u tippreżupponi l-persistenza tar-riskju ta’ involviment tal-persuna jew tal-entità kkonċernata f’attivitajiet terroristiċi. |
|
36 |
Fir-rigward tal-ilmenti tal-appellant li jikkontestaw il-klassifikazzjoni tad-deċiżjoni tal‑2001 tar-Renju Unit bħala deċiżjoni ta’ awtorità kompetenti fis-sens tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, il-Qorti Ġenerali analizzat il-klassifikazzjoni ta’ awtorità kompetenti, l-indikazzjonijiet meħtieġa sabiex jintwera li ttieħdet deċiżjoni u d-data tal-avvenimenti kkunsidrati minn din id-deċiżjoni, sabiex tikkonkludi, fil-punt 83 tas-sentenza appellata, li dawn l-ilmenti ma kinux fondati. |
|
37 |
Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-eżami tal-ilmenti bbażati fuq il-ksur tal-Artikolu 1(3) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 126 tas-sentenza appellata, li l-prinċipju konswetudinarju ta’ awtodeterminazzjoni ma jimplikax li, sabiex jiġi eżerċitat id-dritt għall-awtodeterminazzjoni, poplu jew l-abitanti ta’ territorju jistgħu jirrikorru għal mezzi li jaqgħu taħt din id-dispożizzjoni. Fil-punt 131 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li għandha ssir distinzjoni bejn, minn naħa, l-għanijiet li jixtiequ jilħqu poplu jew l-abitanti ta’ territorju u, min-naħa l-oħra, l-aġir li huma jadottaw sabiex jilħqu dan, b’tali mod li l-“għanijiet” imsemmija fil-punti (i) sa (iii) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(3) ta’ din il-pożizzjoni komuni ma jikkoinċidux ma’ dawn l-għanijiet, li jistgħu jiġu kklassifikati bħala finali jew sottostanti. Hija ppreċiżat, fil-punt 132 tal-imsemmija sentenza, li l-għan imfittex mill-attentati fuq l-istrutturi fundamentali tal-Istat Tork, li jikkonsisti f’li jinbidlu dawn l-istrutturi sabiex dawn isiru iktar demokratiċi, ma għandux jittieħed inkunsiderazzjoni, bl-istess mod li t-terminu “indebitament” għandu jinftiehem bħala li jirreferi għan-natura illegali tal-koerċizzjoni eżerċitata u ma għandux jiġi evalwat fid-dawl tan-natura allegatament leġittima tal-għan imfittex mill-eżerċizzju ta’ din il-koerċizzjoni. Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 133 tal-istess sentenza, li l-imsemmija pożizzjoni komuni u, b’mod iktar ġenerali, is-sistema kollha ta’ miżuri restrittivi tal-Unjoni ma jistgħux jitqiesu li jifformaw ostakolu għall-eżerċizzju tad-dritt għall-awtodeterminazzjoni ta’ popolazzjonijiet fi ħdan Stati oppressivi, peress li dawn l-istrumenti ma humiex intiżi li jiddeterminaw min, f’kunflitt bejn Stat u grupp, għandu raġun jew għandu żball, iżda li jiġġieldu kontra t-terroriżmu. Konsegwentement, l-argument dwar it-teħid inkunsiderazzjoni tal-kunflitt armat leġittimu għall-awtodeterminazzjoni tal-poplu Kurd għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-għanijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(3) tal-istess pożizzjoni komuni ġie miċħud bħala infondat. |
|
38 |
Fir-rigward tal-kontestazzjoni tan-natura terroristika tal-għanijiet imfittxija minn ċerti atti attribwiti lill-PKK, fir-rigward tal-allegat ksur tal-Artikolu 1(3) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, il-Qorti Ġenerali ċaħditha wkoll, billi enfasizzat, b’mod partikolari, fil-punt 144 tas-sentenza appellata, li d-diverġenza bejn id-definizzjoni tal-att terroristiku fil-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit u dik li tinsab f’dan l-Artikolu 1(3) hija nieqsa minn konsegwenzi, sa fejn iż-żewġ kunċetti jinkludu l-istess definizzjoni f’żewġ livelli ta’ atti terroristiċi. |
|
39 |
Fit-tielet lok, fil-kuntest tal-eżami tal-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, il-Qorti Ġenerali fakkret, fil-punti 147 u 150 tas-sentenza appellata, li l-Kunsill jista’ jżomm l-isem ta’ persuna jew ta’ entità kkonċernata fil-lista ta’ ffriżar tal-fondi jekk jikkonkludi li kien għadu jippersisti r-riskju ta’ involviment tagħha fl-attivitajiet terroristiċi li ġġustifikaw l-inklużjoni inizjali, iżda li l-kundizzjonijiet relatati mal-mogħdija taż-żmien u mal-evoluzzjoni taċ-ċirkustanzi jikkostitwixxu elementi li jagħtu lok għal obbligu li jiġi aġġornat ir-riskju ta’ involviment. F’dan il-każ, wara li kkonstatat, fil-punt 167 ta’ din is-sentenza, evoluzzjoni taċ-ċirkustanzi li jiġġustifikaw evalwazzjoni aġġornata tas-sitwazzjoni, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 175 tal-imsemmija sentenza, li l-Kunsill kien naqas mill-obbligu tiegħu ta’ aġġornament li jirriżulta mill-Artikolu 1(6) ta’ din il-Pożizzjoni Komuni, li wassalha sabiex tannulla l-atti tal‑2014, sa fejn dawn l-atti jikkonċernaw lill-PKK. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tar-Regolamenti tal‑2015 sal‑2017 kif ukoll tal-atti adottati matul is-sena 2019, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, b’mod partikolari fil-punti 186 u 202 tal-istess sentenza, li l-Kunsill kien aġġorna b’mod validu l-evalwazzjoni tiegħu tar-riskju ta’ involviment terroristiku meta mqabbel mad-data ta’ dawn l-atti, b’tali mod li r-reviżjoni mwettqa skont l-Artikolu 1(6) tal-imsemmija pożizzjoni komuni kienet twettqet fil-forma xierqa u dovuta. |
|
40 |
Fir-raba’ lok, b’risposta għall-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-Qorti Ġenerali rrispondiet, fil-punti 207 sa 215 tas-sentenza appellata, li, b’mod ġenerali, il-miżuri restrittivi, minn naħa, isegwu għan ta’ interess ġenerali u, min-naħa l-oħra, ma humiex meqjusa li huma sproporzjonati u intollerabbli jew li jippreġudikaw is-sustanza tad-drittijiet fundamentali. Fir-rigward, b’mod iktar preċiż, tal-argument li l-miżuri restrittivi adottati f’dan il-każ jipprekludu riżoluzzjoni paċifika u demokratika tal-kunflitt bejn il-Kurdi u l-awtoritajiet Torok, jew saħansitra jkollhom effetti dannużi fuq il-Kurdi u fuq kull persuna li tixtieq tagħtihom l-appoġġ tagħha, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fil-punti 212 u 213 ta’ din is-sentenza, li l-atti kkontestati jsemmu b’mod ċar bħala għan il-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-PKK, b’tali mod li l-eżistenza ta’ kunflitt armat u l-aġir ikkritikat mill-appellant bħala mwettaq fir-rigward ta’ terzi ma setgħux jiġu kkunsidrati bħala li jirriżultaw mill-imsemmija atti u, konsegwentement, ma jippermettux li tiġi kkonstatata n-natura sproporzjonata ta’ dawn tal-aħħar. |
|
41 |
Fil-ħames u l-aħħar lok, fir-rigward tal-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, il-Qorti Ġenerali fakkret, fil-punti 216 sa 219 tas-sentenza appellata, il-ġurisprudenza li tipprovdi li, sabiex jiġi ssodisfatt l-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 296 TFUE, huwa l-Kunsill li għandu jipprovdi motivi suffiċjentement preċiżi u konkreti sabiex jippermettu lill-appellant ikkonċernat ikun jaf il-motivi insostenn taż-żamma tal-inklużjoni ta’ ismu fil-listi ta’ ffriżar ta’ fondi u lill-Qorti Ġenerali teżerċita l-istħarriġ tagħha. Fil-punti 221 sa 238 ta’ din is-sentenza, hija ħadet pożizzjoni fir-rigward tal-ilmenti differenti mqajma mill-appellant f’dan ir-rigward, billi enfasizzat, b’mod partikolari, fil-punt 234 tal-imsemmija sentenza, li l-obbligu ta’ motivazzjoni jikkostitwixxi formalità essenzjali li għandha tiġi distinta mill-kwistjoni tal-fondatezza tal-motivazzjoni, li taqa’ taħt il-legalità fil-mertu tal-att inkwistjoni, b’tali mod li l-ilmenti u l-argumenti intiżi sabiex jikkontestaw il-fondatezza ta’ att huma irrilevanti fil-kuntest ta’ motiv ibbażat fuq in-nuqqas jew l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni. |
|
42 |
Konsegwentement, permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, fil-Kawża T‑316/14 RENV, annullat l-atti tal‑2014, sa fejn dawn jikkonċernaw lill-PKK, u ċaħdet il-kumplament tar-rikors u, fil-Kawża T‑148/19, ċaħdet ir-rikors fl-intier tiegħu. |
Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet
|
43 |
Il-PKK jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
|
44 |
Il-Kunsill jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
|
45 |
Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
|
46 |
Ir-Repubblika Franċiża titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell. |
|
47 |
Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell u tikkundanna lill-PKK għall-ispejjeż. |
Fuq l-appell
|
48 |
L-appellant iqajjem ħames aggravji insostenn tal-appell tiegħu, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq żball ta’ liġi f’dak li jikkonċerna l-interpretazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(3) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, b’mod partikolari fir-rigward tal-interpretazzjoni mogħtija lill-kelma “skopijiet” li tinsab fiha u tal-applikazzjoni tagħha f’dan il-każ, it-tieni wieħed, fuq żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali sa fejn din ikkunsidrat li l-Kunsill seta’ jibbaża ruħu fuq id-deċiżjoni tal‑2001 tar-Renju Unit bi ksur tal-kundizzjonijiet tal-Artikolu 1(3) u (4) ta’ din il-pożizzjoni komuni, it-tielet, fuq żball imwettaq mill-Qorti Ġenerali fl-evalwazzjoni tal-eżami mill-ġdid imwettaq mill-Kunsill skont l-Artikolu 1(6) tal-imsemmija pożizzjoni komuni, ir-raba’, fuq żball imwettaq mill-Qorti Ġenerali fl-interpretazzjoni tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u, il-ħames, fuq żball imwettaq mill-Qorti Ġenerali fl-evalwazzjoni tan-natura adegwata tal-motivazzjoni pprovduta mill-Kunsill fl-espożizzjoni tal-motivi tal-atti kontenzjużi. |
Fuq l-ewwel aggravju
L-argumenti tal-partijiet
|
49 |
Permezz tal-ewwel aggravju tiegħu, l-appellant isostni li, fil-punti 126 sa 146 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tat interpretazzjoni żbaljata tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(3) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u wettqet applikazzjoni wkoll żbaljata ta’ din id-dispożizzjoni għal dan il-każ, meta ddeċidiet li l-“għanijiet” imsemmija fil-punti (i) sa (iii) tal-imsemmija dispożizzjoni jirrigwardaw in-natura stess tal-atti mwettqa. |
|
50 |
l-appellant iqis li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(3) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 jistabbilixxi distinzjoni bejn l-atti li l-grad ta’ gravità tagħhom jippermetti li jiġu kklassifikati bħala atti terroristiċi, kif elenkati fil-punti (a) sa (k) tiegħu, u l-għanijiet li fihom dawn l-atti għandhom jitwettqu, kif stabbiliti fil-punti (i) sa (iii) tiegħu. Peress li dawn il-kundizzjonijiet huma kumulattivi, huwa l-Kunsill li għandu jistabbilixxi, minn naħa, li organizzazzjoni wettqet wieħed jew iktar mill-atti elenkati fl-imsemmija punti (a) sa (k) u, min-naħa l-oħra, li dan jew dawn l-atti twettqu b’għan terroristiku, sabiex ikun jista’ jiġi konkluż li jeżisti att terroristiku, fis-sens ta’ din il-pożizzjoni komuni. Issa, billi indikat, fil-punt 131 tas-sentenza appellata, li l-“għanijiet” stabbiliti fil-punti (i) sa (iii) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(3) tal-imsemmija pożizzjoni komuni jirrigwardaw “in-natura stess tal-atti mwettqa”, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni ta’ din il-kundizzjoni doppja, billi neħħiet, de facto, il-kundizzjoni awtonoma dwar l-iskop terroristiku. |
|
51 |
Ċertament, wara li stabbilixxiet, fil-punt 131 tas-sentenza appellata, distinzjoni bejn l-għanijiet li jixtiequ jilħqu poplu jew l-abitanti ta’ territorju u l-aġir adottat sabiex jintlaħaq dan l-għan, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, ġustament, li l-“għanijiet” stabbiliti fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(3) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 ma jikkorrispondux mal-għanijiet li jistgħu jiġu kklassifikati bħala finali jew bħala sottostanti. Madankollu, minn dan ma jistax jiġi dedott li l-għan finali huwa “indifferenti” għall-interpretazzjoni tal-għan immedjat ta’ att. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali żbaljat meta ddeċidiet, fil-punt 132 ta’ din is-sentenza, li ma kienx hemm lok li tittieħed inkunsiderazzjoni. |
|
52 |
Barra minn hekk, l-appellant, li jirreferi għal dan l-istess punt 132 tas-sentenza appellata, iqis li t-terminu “indebitament” li jinsab fil-punt (ii) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(3) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 ma jirreferix biss għan-natura illegali tal-koerċizzjoni eżerċitata, u fin-nuqqas ta’ dan dan it-terminu jkun superfluwu peress li, sabiex jaqa’ taħt dan l-Artikolu 1(3), l-att għandu jkun illegali. Konsegwentement, l-imsemmi terminu għandu jinftiehem fis-sens li huwa intiż sabiex jirrendi iktar diffiċli l-klassifikazzjoni ta’ att bħala att terroristiku. |
|
53 |
Huwa wkoll żbaljat li l-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 131 tas-sentenza appellata, li l-“kliem użat (intimidazzjoni, koerċizzjoni, destabilizzazzjoni jew qerda)” jirreferu għan-“natura stess tal-atti mwettqa”, peress li ma jistax jiġi stabbilit jekk att huwiex destabbilizzanti jew distruttiv ta’ strutturi fundamentali ta’ Stat mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni l-għanijiet segwiti mill-organizzazzjoni kkonċernata fir-rigward ta’ dawn l-istrutturi fundamentali. B’hekk, għalkemm l-għan imfittex huwa li l-imsemmija strutturi fundamentali jsiru iktar konformi mal-prinċipji tad-dritt internazzjonali u tad-drittijiet tal-bniedem, dan l-att ma jistax jitqies li huwa intiż li jiddestabbilizzahom jew li jeqirhom. Peress li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat li l-prinċipju konswetudinarju ta’ awtodeterminazzjoni huwa “dritt opponibbli erga omnes kif ukoll prinċipju essenzjali tad-dritt internazzjonali” (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Il-Kunsill vs Front Polisario, C‑104/16 P, EU:C:2016:973, punt 88), il-Kunsill għandu jieħu dan inkunsiderazzjoni meta jiddeċiedi li jinkludi organizzazzjoni f’lista ta’ sanzjonijiet. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali żbaljat ukoll meta ddeċidiet, fil-punt 133 tas-sentenza appellata, li l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 ma tostakolax il-prinċipju konswetudinarju ta’ awtodeterminazzjoni. |
|
54 |
Skont l-appellant, jekk ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali kellu jiġi segwit, l-atti mwettqa minn persuna li, sabiex tippermetti lill-poplu tagħha jeżerċita d-dritt tagħha għall-awtodeterminazzjoni, ma għandha l-ebda għażla oħra ħlief li tirrikorri għall-forza armata, jissodisfaw id-definizzjoni tal-att ta’ terroriżmu. Dan iwassal sabiex tiġi miċħuda l-idea ta’ dritt umanitarju internazzjonali kollu kemm hu, li skontu diversi atti militari mwettqa f’kunflitt ta’ dan it-tip huma leġittimi. Minflok ma rreferiet, kif għamlet fil-punt 133 tas-sentenza appellata, għas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa rrikonoxxuta lill-Kunsill, il-Qorti Ġenerali kellha tieħu inkunsiderazzjoni l-prinċipju ta’ awtodeterminazzjoni fil-kuntest tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(3) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931. |
|
55 |
Fl-aħħar nett, billi jirreferi għall-argumenti mressqa fl-ewwel istanza, l-appellant jikkritika lill-Qorti Ġenerali talli rrifjutat li tiddeċiedi, fil-punt 126 tas-sentenza appellata, dwar l-applikazzjoni f’dan il-każ tal-prinċipju ta’ awtodeterminazzjoni u dwar il-kwistjoni tal-legalità tal-użu tal-forza armata sabiex tintlaħaq l-awtodeterminazzjoni. |
|
56 |
Il-Kunsill, sostnut mir-Repubblika Franċiża, mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u mill-Kummissjoni, jitlob li l-ewwel aggravju jiġi miċħud. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
57 |
L-ewwel aggravju jirrigwarda l-interpretazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali, fil-punti 126 sa 146 tas-sentenza appellata, tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(3) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, interpretazzjoni li tgħid li l-“għanijiet” imsemmija f’din id-dispożizzjoni jirrigwardaw in-“natura stess tal-atti mwettqa” u ma jistgħux jieħdu inkunsiderazzjoni l-eżistenza eventwali ta’ kunflitt armat li għandu bħala għan l-awtodeterminazzjoni ta’ poplu. |
|
58 |
F’dan ir-rigward, għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-formulazzjoni tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet li għandhom jiġu segwiti mil-leġiżlazzjoni li minnha tifforma parti. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Diċembru 2021, Il-Kummissjoni u GMB Glasmanufaktur Brandenburg vs Xinyi PV Products (Anhui) Holdings, C‑884/19 P u C‑888/19 P, EU:C:2021:973, punt 70). |
|
59 |
Fir-rigward tal-kliem tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(3) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, għandu jiġi rrilevat li d-definizzjoni ta’ att bħala “att terroristiku” hija bbażata fuq żewġ kundizzjonijiet kumulattivi, jiġifieri, minn naħa, li dan l-att jinsab fost dawk elenkati fil-punti (a) sa (k) tiegħu, u, min-naħa l-oħra, li l-għan li fih jitwettaq jaqa’ taħt wieħed mill-għanijiet imsemmija fil-punti (i) sa (iii) tiegħu. |
|
60 |
Huwa għalhekk ġustament li, kif barra minn hekk ammetta l-appellant, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fil-punt 144 tas-sentenza appellata, li din il-pożizzjoni komuni tiddefinixxi l-atti terroristiċi kemm mill-għanijiet imfittxija kif ukoll mill-mezzi użati għal dawn il-finijiet. |
|
61 |
Min-naħa l-oħra, kuntrarjament għal dak li ssostni l-appellant, it-termini tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(3)tal-imsemmija pożizzjoni komuni bl-ebda mod ma jippermettu li jiġi kkunsidrat li għan politiku segwit mill-att inkwistjoni jew in-natura tat-talbiet tal-awtur tiegħu jista’ jkollhom xi rilevanza għall-finijiet tad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “att terroristiku”. |
|
62 |
Dan il-qari tal-Artikolu 1(3) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 huwa kkonfermat mill-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni kif ukoll mill-għanijiet imfittxija mill-Kunsill waqt l-adozzjoni ta’ din il-pożizzjoni komuni. |
|
63 |
Fil-fatt, kif jirriżulta mill-premessi 5 sa 7 tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u mill-premessi 3, 5 u 6 tar-Regolament Nru 2580/2001, il-Kunsill adotta din il-pożizzjoni komuni u sussegwentement, konformement magħha, dan ir-regolament sabiex, b’mod partikolari, jimplimenta, fil-livell tal-Unjoni, ir-Riżoluzzjoni 1373 (2001) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, li “[kienet] tafferma mill-ġdid il-ħtieġa tal-ġlieda b’kull mezz, skont il-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, kontra theddid għall-paċi u għas-sigurtà internazzjonali kkawżati minn atti terroristiċi” u kienet titlob “lill-Istati Membri jikkompletaw il-kooperazzjoni internazzjonali billi jieħdu miżuri supplimentari sabiex jevitaw u jeliminaw fit-territorju tagħhom, permezz tal-mezzi liċiti kollha, il-finanzjament u l-preparazzjoni ta’ kull att ta’ terroriżmu”. |
|
64 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar ukoll li l-Pożizzjoni Komuni 2001/931 essenzjalment issegwi dan l-għan preventiv tal-ġlieda kontra t-terroriżmu internazzjonali billi teħilsu mir-riżorsi finanzjarji tiegħu permezz tal-iffriżar tal-fondi u tar-riżorsi ekonomiċi tal-persuni jew tal-entitajiet issuspettati li huma involuti f’attivitajiet li huma marbuta miegħu. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2012, Al-Aqsa vs Il-Kunsill u Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Al-Aqsa (C‑539/10 P u C-550/10 P, EU:C:2012:711, punt 67). |
|
65 |
Għalhekk, l-atti intenzjonali elenkati fil-punti (a) sa (k) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(3) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 huma kkunsidrati bħala li huma atti terroristiċi jekk jitwettqu bl-għan li jintimidaw serjament popolazzjoni, li jġiegħlu indebitament lill-awtoritajiet pubbliċi jew lil organizzazzjoni internazzjonali jwettqu jew jastjenu milli jwettqu kwalunkwe att, jew li jiddestabbilizzaw jew jeqirdu l-istrutturi fundamentali politiċi, kostituzzjonali, ekonomiċi jew soċjali ta’ pajjiż jew ta’ organizzazzjoni internazzjonali, mingħajr ma jkun hemm lok li jittieħed inkunsiderazzjoni l-għan, politiku jew ieħor, tal-awtur tal-att terroristiku inkwistjoni. |
|
66 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u r-Regolament Nru 2580/2001 ma għandhomx l-għan li jissanzjonaw l-atti terroristiċi, iżda li jiġġieldu kontra t-terroriżmu billi jipprevjenu l-finanzjament tal-atti terroristiċi (sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2017, A et, C‑158/14, EU:C:2017:202, punt 96). |
|
67 |
Min-naħa l-oħra, ebda waħda mill-premessi jew għanijiet imsemmija ma tista’ tinftiehem fis-sens li l-atti li jsegwu għan allegatament leġittimu għandhom jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, b’tali mod li l-argument tal-appellant li jgħid li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-eżistenza eventwali ta’ għan ta’ awtodeterminazzjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk att twettaqx b’għan terroristiku għandu jiġi miċħud. |
|
68 |
Il-Qorti Ġenerali, fil-punti 122 u 124 tas-sentenza appellata, ħadet pożizzjoni fuq dan l-argument billi fakkret, fatt li barra minn hekk ma huwiex ikkontestat mill-appellant, li l-eżistenza ta’ kunflitt armat fis-sens tad-dritt umanitarju internazzjonali ma teskludix l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar il-prevenzjoni tat-terroriżmu, bħall-Pożizzjoni Komuni 2001/931, għall-eventwali atti terroristiċi mwettqa f’dan il-kuntest (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2017, A et, C‑158/14, EU:C:2017:202, punti 97 u 98), u billi tippreċiża li din il-pożizzjoni komuni ma tagħmel ebda distinzjoni fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni tagħha skont jekk l-att inkwistjoni twettaqx jew le fil-kuntest ta’ kunflitt armat fis-sens tad-dritt umanitarju internazzjonali. |
|
69 |
Għalkemm il-Qorti Ġenerali, fil-punt 125 tas-sentenza appellata, irrilevat li l-prinċipju konswetudinarju ta’ awtodeterminazzjoni, imfakkar, b’mod partikolari, fl-Artikolu 1 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, huwa prinċipju tad-dritt internazzjonali applikabbli għat-territorji kollha mhux awtonomi u għall-popli kollha li għadhom ma kisbux l-indipendenza (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Il-Kunsill vs Front Polisario, C‑104/16 P, EU:C:2016:973, punt 88), dan il-prinċipju madankollu ma jimplikax li, sabiex jeżerċitaw id-dritt għall-awtodeterminazzjoni, poplu jew l-abitanti ta’ territorju jistgħu jirrikorru għal mezzi li jaqgħu taħt l-Artikolu 1(3) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931. |
|
70 |
Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li d-dritt internazzjonali umanitarju u l-Pożizzjoni Komuni 2001/931 isegwu għanijiet differenti u jistabbilixxu mekkaniżmi distinti, b’tali mod li l-applikazzjoni ta’ din il-pożizzjoni komuni ma tiddependix fuq il-klassifikazzjonijiet li jirriżultaw mid-dritt internazzjonali umanitarju. Minn dan il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet li l-imsemmija pożizzjoni komuni u r-Regolament Nru 2580/2001 għandhom jiġu interpretati fis-sens li attivitajiet ta’ forzi armati f’perijodi ta’ kunflitt armat, skont it-tifsira mogħtija mid-dritt umanitarju internazzjonali, jistgħu jikkostitwixxu “atti terroristiċi” fis-sens ta’ dawn l-atti tal-Unjoni. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2017, A et, C‑158/14, EU:C:2017:202, punti 89, 91 u 97). |
|
71 |
Huwa f’dan il-kuntest li l-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punt 131 tas-sentenza appellata, li għandha tiġi stabbilita distinzjoni bejn, minn naħa, l-għanijiet li jixtiequ jilħqu poplu jew l-abitanti ta’ territorju u, min-naħa l-oħra, l-aġir li huma jimplimentaw sabiex jilħqu dan l-għan, b’tali mod li l-“għanijiet” imsemmija fil-punti (i) sa (iii) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(3) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 ma jikkorrispondux għal tali għanijiet, li jistgħu jiġu kklassifikati bħala finali jew bħala sottostanti. |
|
72 |
Minkejja li l-appellant jammetti li l-Qorti Ġenerali kkonstatat b’mod korrett li teżisti differenza bejn l-għan aħħari jew sottostanti li għalih l-entità timpenja ruħha f’kunflitt armat u l-għan li fih jitwettqu l-azzjonijiet speċifiċi fil-kuntest ta’ dan il-kunflitt, huwa ma jressaq ebda argument legali validu li jippermetti li jiġi konkluż li l-għan aħħari jew sottostanti huwa rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-għan ta’ dawn l-azzjonijiet speċifiċi. |
|
73 |
Minn dan isegwi li atti mwettqa f’wieħed mit-tliet finijiet imsemmija fil-punti (i) sa (iii) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(3) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 jistgħu jiġu kklassifikati bħala atti terroristiċi, fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(3) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, anki jekk l-għan aħħari jew sottostanti tagħhom huwa, pereżempju, li l-istrutturi fundamentali ta’ Stat isiru iktar demokratiċi. Huwa għalhekk ġustament li, fil-punt 132 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, għalkemm l-atti jitwettqu b’wieħed mit-tliet għanijiet imsemmija fil-punti (i) sa (iii) ta’ din id-dispożizzjoni, ma hemmx lok li jiġi mistħarreġ liema huma l-għanijiet imfittxija mill-organizzazzjoni kkonċernata, ħlief sabiex titneħħa waħda miż-żewġ kundizzjonijiet kumulattivi meħtieġa sabiex att ikun jista’ jiġi kklassifikat bħala att terroristiku. L-imsemmija għanijiet, li jikkonsistu fil-karatterizzazzjoni tal-atti elenkati fil-punti (a) sa (k) fl-ewwel subparagrafu ta’ dan l-Artikolu 1(3) u li għalhekk huma ta’ natura purament funzjonali, ma għandhom ebda rabta ma’ għan politiku jew ma’ pretensjonijiet stabbiliti mill-awturi ta’ att, b’tali mod li l-għan aħħari jew sottostanti ta’ dan l-att huwa nieqes minn kull effett fir-rigward tal-klassifikazzjoni tiegħu bħala “att terroristiku”. |
|
74 |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, l-argument tal-appellant kontra l-punt 126 tas-sentenza appellata għandu wkoll jiġi miċħud mhux biss għaliex dan l-argument jillimita ruħu li jikkontesta f’termini ġenerali l-affermazzjoni tal-Qorti Ġenerali li tinsab fih, iżda wkoll għaliex huwa bbażat fuq qari żbaljat ta’ dan il-punt. Fil-fatt, fl-imsemmi punt, il-Qorti Ġenerali qieset li ma kienx neċessarju li tittieħed pożizzjoni dwar l-applikazzjoni f’dan il-każ tal-prinċipju ta’ awtodeterminazzjoni sabiex tingħata risposta għall-argument dwar l-interpretazzjoni tal-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 1(3) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u, kuntrarjament għal dak li jsostni l-appellant, ma rrifjutatx li tiddeċiedi dwar l-applikabbiltà ta’ dan il-prinċipju. |
|
75 |
Il-fatt li jiġi aċċettat ir-raġunament tal-appellant, li jgħid li organizzazzjoni jew entità għandha d-dritt li twettaq wieħed mill-atti elenkati fil-punti (a) sa (k) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(3) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, sakemm dawn l-atti jitwettqu b’għan ġenerali ta’ awtodeterminazzjoni, iwassal barra minn hekk għal riżultat imur kontra t-termini u l-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni kif ukoll mal-għanijiet tal-leġiżlazzjoni li din tifforma parti minnha, u jmur kontra l-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 68 sa 70 ta’ din is-sentenza. |
|
76 |
Fl-aħħar nett, għal dawn l-istess raġunijiet, il-Qorti Ġenerali lanqas ma wettqet żball ta’ liġi, fil-punt 132 tas-sentenza appellata, meta ddeċidiet li l-kelma “indebitament” li tinsab fil-punt (ii) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(3) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 ma għandhiex tiġi evalwata fid-dawl tan-natura allegatament leġittima tal-għan imfittex mill-eżerċizzju tal-forza inkwistjoni. |
|
77 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud. |
Fuq it-tieni aggravju
L-argumenti tal-partijiet
|
78 |
Permezz tat-tieni aggravju tiegħu, l-appellant isostni li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta qieset li l-Kunsill seta’ jibbaża ruħu fuq id-Deċiżjoni tal‑2001 tar-Renju Unit bħala “deċiżjoni” fis-sens tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, peress li l-fatti indikati fil-motivi ta’ din id-deċiżjoni kienu skaduti ratione temporis u għalhekk ma setgħux jiġġustifikaw li jitqies li l-appellant kien wettaq atti terroristiċi li jippermettu li jiġi kklassifikat bħala “grupp terroristiku”. |
|
79 |
L-appellant iqis li l-Qorti Ġenerali wettqet żball meta semmiet, fil-punt 142 tas-sentenza appellata, il-fatti li fuqhom kienet ibbażata d-deċiżjoni tal‑2001 tar-Renju Unit, jiġifieri l-ħtif ta’ turisti tal-Punent fil-bidu tas-snin 1990, l-attakk fuq raffinerija matul il-perijodu 1993/1994, kampanja ta’ attentati fuq installazzjonijiet turistiċi f’dawn l-istess snin u theddid ta’ attakki fuq installazzjonijiet turistiċi matul is-snin 1995 sa 1999, billi analizzat dawn il-fatti u billi kkonkludiet li l-Kunsill seta’ jikklassifikahom bħala atti terroristiċi fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(3) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931. Fil-fatt, peress li, fil-punti 77 sa 83 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni biss il-fatti li seħħew bejn is-sena 1995 u s-sena 1999, minn dan għandu jiġi dedott li l-fatti l-oħra, iktar antiki, ma humiex rilevanti. Konsegwentement, dawn l-aħħar fatti ma setgħux isostnu l-konklużjoni li l-appellant kellu jitqies bħala grupp terroristiku fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(3) ta’ din il-pożizzjoni komuni, iktar u iktar peress li l-Qorti Ġenerali waslet, fil-punt 72 tal-imsemmija sentenza, għall-konklużjoni li l-PKK “deher li abbanduna l-kampanja [terroristika] [tiegħu]”. |
|
80 |
Fi kwalunkwe każ, il-Qorti Ġenerali żbaljat meta qieset, fil-punti 80 sa 83 tas-sentenza appellata, li t-theddid ta’ attakki fuq installazzjonijiet turistiċi bejn is-sena 1995 u s-sena 1999 seta’ jittieħed inkunsiderazzjoni fid-dawl tad-distanza fiż-żmien tagħhom. Anki jekk jiġi aċċettat li l-Kunsill ma għandux jivverifika jekk il-fatti kkonstatati fid-deċiżjonijiet nazzjonali ta’ kundanna effettivament seħħewx, huwa għandu jivverifika li l-awtorità nazzjonali kompetenti qieset li dawn seħħew, billi jiġġustifika l-konstatazzjoni tiegħu b’mod ċar u koerenti fl-espożizzjoni tal-motivi. |
|
81 |
Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat, fil-punt 98 tas-sentenza appellata, li l-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 kellu jiġi miċħud, sa fejn l-atti kontenzjużi ttieħdu abbażi tad-deċiżjoni tal-2001 tar-Renju Unit, u, fil-punt 146 ta’ din is-sentenza, li kien hemm lok li jiġi miċħud il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 1(3) ta’ din il-pożizzjoni komuni. |
|
82 |
Barra minn hekk, la l-Kunsill u lanqas il-Qorti Ġenerali ma setgħu jqisu li t-theddid allegat kien jissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(3) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931. Fil-fatt, dan l-allegat theddid ma setax jitqies bħala atti terroristiċi, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, peress li l-kampanja ta’ attentati li wasslu għall-mewt ta’ persuni kienet ġiet abbandunata. |
|
83 |
Skont l-appellant, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll id-diverġenzi li jeżistu bejn id-definizzjoni tal-att terroristiku prevista fil-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit u dik stabbilita fil-Pożizzjoni Komuni 2001/931. Il-Qorti Ġenerali b’hekk wettqet żball, fil-punt 144 tas-sentenza appellata, meta kkunsidrat bħala nieqes minn konsegwenzi l-fatt li l-kriterju ta’ gravità huwa marbut mal-“mezzi” fil-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit u mal-“għanijiet” f’din il-pożizzjoni komuni, peress li d-differenza hija sinjifikattiva, speċjalment fir-rigward tat-theddid. |
|
84 |
Il-Kunsill, sostnut mir-Repubblika Franċiża, mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u mill-Kummissjoni, jikkontesta l-argumenti tal-appellant. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
85 |
It-tieni aggravju jirrigwarda l-allegat żball imwettaq mill-Qorti Ġenerali, fil-punti 77 sa 83, 98 u 136 sa 146 tas-sentenza appellata, sa fejn ħadet inkunsiderazzjoni d-deċiżjoni tal‑2001 tar-Renju Unit sabiex tistabbilixxi, minn naħa, li l-Kunsill kien issodisfa l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u, min-naħa l-oħra, li l-atti mwettqa kienu atti terroristiċi fis-sens tal-Artikolu 1(3) ta’ din il-pożizzjoni komuni. |
|
86 |
Sabiex tingħata deċiżjoni dwar il-fondatezza ta’ dan il-motiv, għandha qabelxejn issir distinzjoni bejn, minn naħa, il-kwistjoni dwar jekk id-deċiżjoni tal‑2001 tar-Renju Unit tistax tiġi kklassifikata bħala deċiżjoni ta’ awtorità kompetenti, fis-sens tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, b’mod partikolari fid-dawl tad-data ta’ okkorrenza tal-inċidenti li fuqhom hija bbażata u, min-naħa l-oħra, il-kwistjoni dwar jekk dawn l-inċidenti jistgħux jiġu kklassifikati, fid-dawl b’mod partikolari tan-natura tagħhom, bħala atti terroristiċi, fis-sens tal-Artikolu 1(3) ta’ din il-pożizzjoni komuni. |
|
87 |
Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, dan jipprovdi, fl-ewwel subparagrafu tiegħu, li l-lista kontenzjuża “hija stabbilita fuq il-bażi ta’ informazzjoni preċiża jew ta’ elementi tal-proċess li juru li ittieħdet deċiżjoni minn awtorità kompetenti fir-rigward tal-persuni, gruppi u entitajiet previsti, kemm fil-każ ta’ ftuħ ta’ investigazzjoni jew ta’ azzjonijiet penali għal att terroristiku, jew it-tentattiv li jitwettaq, jew il-parteċipazzjoni għal, jew l-iffaċilitar ta’ att bħal dan, ibbażati fuq provi jew indizji serji u kredibbli, jew ta’ kundanna għal fatti bħal dawn”. |
|
88 |
Fir-rigward tal-obbligi tal-Kunsill waqt l-inklużjoni ta’ persuna jew ta’ entità fil-lista, mir-riferiment għal deċiżjoni nazzjonali kif ukoll mill-kliem “informazzjoni preċiża” u “xhieda jew indizji serji u kredibbli ”, li jinsabu fl-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, jirriżulta li din id-dispożizzjoni għandha l-għan li tipproteġi l-persuni kkonċernati billi tiżgura li l-inklużjoni tagħhom fil-lista ta’ ffriżar ta’ fondi sseħħ biss fuq bażi fattwali suffiċjentement solida, u li din il-pożizzjoni komuni hija intiża li tilħaq dan l-għan billi tirrikorri għar-rekwiżit ta’ deċiżjoni meħuda minn awtorità nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2012, Al-Aqsa vs Il-Kunsill u Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Al-Aqsa (C‑539/10 P u C-550/10 P, EU:C:2012:711, punt 68). |
|
89 |
Fil-fatt, fin-nuqqas tal-motivi tal-Unjoni sabiex hija stess twettaq investigazzjonijiet li jirrigwardaw l-implikazzjoni ta’ persuna f’atti terroristiċi, l-użu ta’ tali rekwiżit għandu bħala funzjoni li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ provi jew indizzji serji u kredibbli tal-implikazzjoni ta’ din il-persuna f’attivitajiet terroristiċi, kkunsidrati bħala li huma affidabbli mill-awtoritajiet nazzjonali u li wassluhom jieħdu, għall-inqas, miżuri ta’ investigazzjoni, mingħajr ma jkun meħtieġ li d-deċiżjoni nazzjonali tkun ittieħdet f’forma ġuridika partikolari jew li ġiet ippubblikata jew notifikata (sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2012, Al-Aqsa vs Il-Kunsill u l-Pajjiżi l-Baxxi vs Al-Aqsa, C‑539/10 P u C‑550/10 P, EU:C:2012:711, punt 69). |
|
90 |
F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 72 tas-sentenza appellata, li l-Kunsill kien ibbaża ruħu fuq l-eżistenza ta’ deċiżjonijiet li huwa kklassifika bħala deċiżjonijiet ta’ awtorità kompetenti fis-sens tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, fosthom id-Deċiżjoni tal‑2001 tar-Renju Unit. Il-Qorti Ġenerali, l-ewwel nett, elenkat għal dan l-għan il-provi u l-indizji serji u kredibbli, kif indikati mill-Kunsill u kkunsidrati bħala affidabbli mill-awtoritajiet nazzjonali u li kienu jinkludu attakki terroristiċi imputati lill-PKK sa mis-sena 1984, kampanja terroristika fil-bidu tas-snin 1990, li kienet tinkludi l-ħtif ta’ turisti tal-Punent, l-attakk ta’ raffinerija u attakki fuq installazzjonijiet turistiċi li wasslu għall-mewt ta’ turisti barranin matul is-snin 1993–1994. Il-Qorti Ġenerali indikat, dejjem fil-punt 72 ta’ din is-sentenza u kuntrarjament għal dak li jsostni l-appellant, li l-Kunsill kien irrileva li, anki jekk il-PKK kien jidher li abbanduna din il-kampanja matul is-snin 1995 sa 1999, huwa kien kompla jhedded li jattakka l-faċilitajiet turistiċi matul dan il-perijodu. Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali fakkret, fil-punt 73 tal-imsemmija sentenza, li, skont il-ġurisprudenza, l-“informazzjoni korretta jew […] elementi tal‑proċess” meħtieġa mill-Artikolu 1(4) ta’ din il-pożizzjoni komuni għandhom juru li deċiżjoni tal-awtorità nazzjonali li tissodisfa d-definizzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ttieħdet fir-rigward tal-persuni jew tal-entitajiet ikkonċernati, b’mod partikolari sabiex dawn tal-aħħar ikunu jistgħu jidentifikaw din id-deċiżjoni, mingħajr madankollu ma din l-informazzjoni jew dawn l-elementi jkunu relatati mal-kontenut tal-imsemmija deċiżjoni. Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali, fil-punt 74 tal-istess sentenza, ikkonkludiet li l-Kunsill kien ta informazzjoni suffiċjentement preċiża dwar id-deċiżjoni tal‑2001 tar-Renju Unit, fis-sens tal-Artikolu 1(4) tal-imsemmija pożizzjoni komuni. |
|
91 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Qorti Ġenerali setgħet tqis, fil-punt 76 tas-sentenza appellata, li l-Kunsill kellu informazzjoni preċiża u elementi tal-proċess li jirriżultaw minn deċiżjoni ta’ awtorità kompetenti, fis-sens tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931. Peress li l-appellant ma jikkontestax din il-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali u, fi kwalunkwe każ, ma jipproduċi ebda prova li tista’ tinvalidaha, il-Qorti Ġenerali ġustament iddeċidiet li l-Kunsill seta’ jibbaża ruħu fuq id-deċiżjoni tal‑2001 tar-Renju Unit. |
|
92 |
Fir-rigward tal-argument ibbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali, fil-punti 77 sa 83, 143, 144 u 146 tas-sentenza appellata, ikkunsidrat b’mod żbaljat li atti preċedenti għas-sena 1995 setgħu validament jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-verifika skont l-Artikolu 1(3) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 meta dawn ma setgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-Artikolu 1(4) ta’ din il-pożizzjoni komuni, għandha ssir distinzjoni bejn, minn naħa, ir-rekwiżiti dwar l-inklużjoni inizjali ta’ persuna jew ta’ entità, stabbiliti fl-Artikolu 1(4) tal-imsemmija pożizzjoni komuni, f’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, il-kundizzjonijiet ta’ distanza fiż-żmien, u, min-naħa l-oħra, ir-rekwiżiti relatati mad-definizzjoni ta’ “att terroristiku”, li jinsabu fl-Artikolu 1(3) tal-istess pożizzjoni komuni. |
|
93 |
Fil-fatt, l-inklużjoni inizjali ta’ persuna jew ta’ entità, fis-sens tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, teħtieġ li l-atti li fuqhom hija bbażata tali deċiżjoni jkunu suffiċjentement reċenti, b’mod partikolari fid-dawl tal-għan ta’ din id-dispożizzjoni li, kif tfakkar fil-punt 88 ta’ din is-sentenza, huwa intiż li jipproteġi l-persuni jew l-entitajiet ikkonċernati. |
|
94 |
Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 1(3) ta’ din il-pożizzjoni komuni sempliċement jistabbilixxi d-definizzjoni ta’ “att terroristiku” fis-sens tal-imsemmija pożizzjoni komuni. F’dan il-kuntest, il-Kunsill jista’ jieħu inkunsiderazzjoni elementi oħra iktar antiki li jistgħu jkunu rilevanti sabiex tiġi evalwata l-istorja u l-portata tal-attivitajiet terroristiċi tal-persuna jew tal-entità kkonċernata, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. |
|
95 |
Minn dan jirriżulta li, f’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali setgħet ġustament tieħu inkunsiderazzjoni atti preċedenti għas-sena 1995, li seħħew matul is-snin 1990, 1993 u 1994, sabiex tiddetermina n-natura terroristika tal-għanijiet imfittxija mill-atti attribwiti lill-appellant, skont l-Artikolu 1(3) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, u li kien ukoll ġustament li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li d-“distanza fiż-żmien” ta’ madwar sentejn bejn l-aħħar fatti meħuda inkunsiderazzjoni, li jmorru lura għas-sena 1999, u d-deċiżjoni tal‑2001 tar-Renju Unit ma setgħetx titqies bħala eċċessiva, li tippermetti konsegwentement li din id-deċiżjoni tiġi kklassifikata bħala deċiżjoni ta’ awtorità kompetenti, fis-sens tal-Artikolu 1(4) ta’ din il-pożizzjoni komuni. |
|
96 |
Fir-rigward tar-riferiment magħmul mill-Qorti Ġenerali, fil-punt 81 tas-sentenza appellata, għal distanza fiż-żmien ta’ inqas minn ħames snin, sa fejn hija ħadet inkunsiderazzjoni biss l-aħħar fatti li fuqhom kienet ibbażata d-deċiżjoni tal‑2001 tar-Renju Unit, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti Ġenerali rreferiet għal dan it-terminu ta’ ħames snin billi ċċitat ġurisprudenza li tgħid li terminu ta’ ħames snin ma huwiex eċċessiv. Madankollu, mis-sentenza appellata bl-ebda mod ma jirriżulta li l-Qorti Ġenerali, permezz tar-riferiment għal dan it-terminu ta’ ħames snin, qieset li l-fatti l-oħra indikati fid-deċiżjoni tal‑2001 tar-Renju Unit kienu qodma wisq sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni. L-argument tal-appellant jirriżulta minn qari żbaljat tal-imsemmija sentenza u għalhekk għandu jiġi miċħud. |
|
97 |
Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-argument li l-Qorti Ġenerali kkonkludiet b’mod żbaljat li t-theddid ta’ attakki kontra installazzjonijiet turistiċi Torok kien jissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(3) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, dan għandu wkoll jiġi miċħud. |
|
98 |
Fil-fatt, minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li din tirreferi espliċitament, fil-punt (i) tagħha, għat-“theddida li jitwettaq xi aġir elenkat fil-punti (a) sa (h)”, bħal attakki fuq il-ħajja ta’ persuna jew il-fatt li tiġi kkawżata distruzzjoni massiva. |
|
99 |
L-eżistenza ta’ theddid li jitwettaq aġir elenkat f’dawn il-punti (a) sa (h) hija għalhekk suffiċjenti sabiex tiġġustifika ffriżar ta’ fondi u l-fatt li l-PKK abbanduna l-kampanji ta’ attakki tiegħu bejn is-snin 1995 u 1999 ma jaffettwax il-klassifikazzjoni tat-theddid bħala att terroristiku. |
|
100 |
Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet ġustament li l-fatt li ma wettqitx attakki matul ċertu perijodu ma kienx jipprekludi li t-theddid ta’ attakki jkun jista’ jippersisti, peress li dan jikkostitwixxi għalhekk atti terroristiċi, fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(3) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931. |
|
101 |
Fir-rigward tal-argument tal-appellant dwar id-diverġenzi bejn id-definizzjoni tal-att terroristiku fil-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit u dik li tinsab fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(3) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, għandu jitfakkar li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fil-punt 144 tas-sentenza appellata, li l-fatt li l-kriterju ta’ gravità huwa marbut mal-“mezzi” fil-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit u mal-“għanijiet” f’din il-pożizzjoni komuni huwa nieqes minn konsegwenzi. |
|
102 |
F’dan ir-rigward, mill-punt 73 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-għanijiet elenkati fil-punti (i) sa (iii) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(3) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 huma ta’ natura purament funzjonali u jippermettu li l-atti msemmija fil-punti (a) sa (k) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(3) ta’ din il-pożizzjoni komuni jiġu kkaratterizzati bħala atti terroristiċi. Għaldaqstant, ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali ma huwa vvizzjat b’ebda inkoerenza fid-dawl tal-fatt li kemm id-dritt tal-Unjoni kif ukoll id-deċiżjoni tal‑2001 tar-Renju Unit jadottaw definizzjoni f’żewġ stadji tal-atti terroristiċi, billi jiddefinixxuhom kemm mill-għanijiet imfittxija kif ukoll mill-mezzi użati għal dawn il-finijiet. |
|
103 |
Konsegwentement, it-tieni aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat. |
Fuq it-tielet aggravju
L-argumenti tal-partijiet
|
104 |
Permezz tat-tielet aggravju tiegħu, l-appellant isostni li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat b’mod żbaljat, fil-punti 182 sa 188 u 191 sa 203 tas-sentenza appellata, li l-eżami mill-ġdid imwettaq mill-Kunsill fir-rigward tar-Regolamenti tal‑2015 sa 2017 u tad-deċiżjonijiet tal‑2019 kien jissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa mill-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931. |
|
105 |
L-appellant jenfasizza li l-Qorti Ġenerali kkonstatat li kien għadda perijodu ta’ żmien sinjifikattiv bejn l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal‑2001 tar-Renju Unit u l-okkorrenza tal-atti tal‑2014, li matulu seħħew diversi avvenimenti li jindikaw evoluzzjoni taċ-ċirkustanzi, b’tali mod li l-Kunsill kien kiser l-obbligu tiegħu li jaġġorna l-evalwazzjoni tiegħu tar-riskju ta’ involviment terroristiku għas-sena 2014. Issa, l-appellant iqis li l-Qorti Ġenerali kellha tasal għall-istess konklużjoni dwar ir-Regolamenti tal‑2015 sal‑2017 u d-deċiżjonijiet tal‑2019. |
|
106 |
Filwaqt li jirreferi għall-argumenti tiegħu li jinsabu fil-kuntest tat-tieni aggravju, l-appellant jirrileva li d-deċiżjoni tal‑2001 tar-Renju Unit ma tissodisfax il-kundizzjonijiet meħtieġa mill-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931. L-appellant iqis ukoll li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat b’mod żbaljat, fil-punt 185 tas-sentenza appellata, li l-Kunsill seta’ jibbaża ruħu fuq l-attakk ta’ sit ta’ kostruzzjoni ta’ post militari ġdid avvanzat Tork fix-xahar ta’ Mejju 2014 u jikklassifika dan l-attakk bħala att terroristiku. Fil-fatt, tali att jikkostitwixxi eżempju tipiku ta’ att li wieħed ma jistax jakkuża lill-appellant li wettaq b’għan terroristiku, peress li kien risposta diretta għall-ksur, mill-Gvern Tork, tan-negozjati ta’ paċi u għandu jitqies, fid-dritt umanitarju internazzjonali, bħala att militari leġittimu. |
|
107 |
Anki jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tikkonkludi li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(3) u (4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, fir-rigward tad-deċiżjoni tal‑2001 tar-Renju Unit, l-appellant isostni li, fid-dawl tan-natura nettament differenti tal-attakk imwettaq fix-xahar ta’ Mejju 2014 meta mqabbel mal-inċidenti li kienu tressqu b’rabta ma’ din id-deċiżjoni, l-imsemmi attakk ma kienx jippermetti li tiġi ġġustifikata b’mod suffiċjenti l-persistenza ta’ riskju ta’ atti terroristiċi. |
|
108 |
Fil-fatt, peress li s-sitwazzjoni tal-appellant evolviet b’mod radikali matul is-sittax-il sena li segwew l-arrest, matul is-sena 1999, ta’ Abdullah Öcalan, fundatur u mexxej tal-PKK, ma jistax jiġi kkunsidrat li dan l-attakk ta’ post militari avvanzat Tork li kien qed jinbena bi ksur tan-negozjati ta’ paċi kien jammonta għat-theddida ta’ attakki fuq faċilitajiet turistiċi Torok matul is-snin 1990. |
|
109 |
Fir-rigward tal-inċident tat‑23 ta’ Ottubru 2017, li matulu vettura militari kienet is-suġġett ta’ attakk, l-appellant isostni li huwa b’mod żbaljat li, fil-kuntest tal-klassifikazzjoni tagħha bħala att terroristiku, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 191 tas-sentenza appellata, bħala irrilevanti l-fatt li dan l-att kien jaqa’ fil-kuntest tal-kunflitt armat bejn il-PKK u r-Repubblika tat-Turkija, filwaqt li mill-ewwel motiv jirriżulta b’mod ċar li operazzjoni militari neċessarja u proporzjonata ma tistax titqies li għandha għan terroristiku. |
|
110 |
Billi kkunsidrat, essenzjalment, fil-punti 198 sa 200 tas-sentenza appellata, li t-tkomplija tal-kunflitt armat kienet tippermetti lill-Kunsill li jżomm il-persistenza ta’ riskju ta’ atti terroristiċi, il-Qorti Ġenerali injorat ir-rwol tar-Repubblika tat-Turkija, filwaqt li l-PKK biddel il-mod operattiv tiegħu b’mod sinjifikattiv. |
|
111 |
Il-Kunsill, sostnut mir-Repubblika Franċiża, mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u mill-Kummissjoni, jikkunsidra li t-tielet aggravju għandu jiġi miċħud. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
112 |
Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, il-Kunsill jista’ jżomm lill-persuna jew lill-entità kkonċernata f’lista ta’ ffriżar ta’ fondi jekk jikkonkludi li għadu jeżisti r-riskju tal-involviment tagħha f’attivitajiet terroristiċi li ġġustifikaw l-inklużjoni inizjali tagħha f’din il-lista (sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2020, Hamas vs Il-Kunsill, C‑386/19 P, EU:C:2020:691, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
113 |
L-unika kwistjoni rilevanti sabiex tiġi evalwata l-opportunità ta’ tali żamma hija, bħala prinċipju, dik dwar jekk, mill-inklużjoni inkwistjoni jew mill-eżami mill-ġdid preċedenti, is-sitwazzjoni fattwali nbidlitx b’tali mod li ma tippermettix iktar li tinsilet l-istess konklużjoni dwar dan ir-riskju. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Il-Kunsill vs LTTE, C-599/14 P, EU:C:2017:583, punt 46). |
|
114 |
Il-persistenza ta’ tali riskju tista’ tiġi stabbilita b’mod partikolari permezz tar-riferiment għad-deċiżjoni nazzjonali li ġġustifikat l-inklużjoni inizjali, meta din id-deċiżjoni kienet reċentement is-suġġett ta’ eżami mill-ġdid li warajh ġie konkluż li ż-żamma tagħha hija ġġustifikata minħabba inċidenti reċenti li juru li l-persuna jew l-organizzazzjoni inkwistjoni għadha involuta f’attivitajiet terroristiċi. Fil-fatt, tali eżami mill-ġdid huwa intiż li jiżgura li d-deċiżjoni tal-Kunsill tittieħed fuq bażi fattwali suffiċjenti li tippermetti lil dan tal-aħħar jikkonkludi li jeżisti tali riskju (sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2020, Hamas vs Il-Kunsill, C‑386/19 P, EU:C:2020:691, punt 39). |
|
115 |
Fil-kuntest tal-verifika tal-persistenza tar-riskju ta’ involviment tal-persuna, tal-grupp jew tal-entità kkonċernata f’attivitajiet terroristiċi, għandhom b’mod partikolari jittieħdu inkunsiderazzjoni, minbarra l-eżitu sussegwenti rriżervat għad-deċiżjoni nazzjonali li serviet bħala bażi għall-inklużjoni inizjali ta’ din il-persuna, ta’ dan il-grupp jew ta’ din l-entità fil-lista ta’ ffriżar ta’ fondi, elementi fattwali iktar reċenti, li juru li l-imsemmi riskju għadu jeżisti (sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2020, Hamas vs Il-Kunsill, C‑122/19 P, EU:C:2020:690, punt 38). |
|
116 |
F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali ma ddevjatx minn din il-ġurisprudenza. |
|
117 |
F’dan ir-rigward, għandu, l-ewwel nett, jitqies li l-argumenti tal-appellant intiżi sabiex jikkontestaw il-klassifikazzjoni ta’ atti terroristiċi, fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(3) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, tal-attakk ta’ sit ta’ kostruzzjoni ta’ post ġdid militari avvanzat Tork fix-xahar ta’ Mejju 2014 u tal-attakk ta’ vettura militari fit‑23 ta’ Ottubru 2017 huma ineffettivi fil-kuntest tal-eżami mill-ġdid imwettaq skont l-Artikolu 1(6) ta’ din il-pożizzjoni komuni u għandhom jiġu miċħuda abbażi tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 112 ta’ din is-sentenza. Fil-fatt, sabiex tinżamm l-inklużjoni ta’ persuna jew ta’ entità fil-lista ta’ ffriżar ta’ fondi, il-Kunsill għandu jistabbilixxi mhux li din il-persuna jew din l-entità wettqet att terroristiku, fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(3) tal-imsemmija pożizzjoni komuni, iżda biss li r-riskju li hija tkun involuta f’attivitajiet terroristiċi jippersisti. |
|
118 |
It-tieni nett, għandhom jiġu miċħuda wkoll l-argumenti tal-appellant ibbażati fuq l-allegazzjoni li l-atti li fuqhom il-Kunsill ibbaża ruħu waqt l-eżami mill-ġdid tiegħu tal-persistenza tar-riskju ta’ involviment terroristiku tal-PKK ma jistabbilixxux b’mod suffiċjenti l-eżistenza ta’ dan ir-riskju minħabba n-natura kunsiderevolment differenti ta’ dawn l-atti u minħabba l-fatt li s-sitwazzjoni tiegħu evolviet b’mod radikali, peress li issa qiegħed jimmilita favur soluzzjonijiet paċifiċi. |
|
119 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, minn naħa, l-argument li l-attakk fuq sit ta’ kostruzzjoni ta’ post militari ġdid avvanzat Tork, li seħħ fix-xahar ta’ Mejju 2014, huwa ġġustifikat huwa inammissibbli. Fil-fatt, billi jillimita ruħu li jirreferi għall-eżistenza ta’ kunflitt armat li allegatament jippermetti li jiġi ġġustifikat l-att imwettaq, li huwa jqis li huwa ta’ natura sostanzjalment differenti minn dik tal-inċidenti invokati fid-deċiżjoni tal-2001 tar-Renju Unit, u billi jsostni li dan l-att huwa risposta diretta għall-ksur tan-negozjati ta’ paċi mill-Gvern Tork, l-appellant ma jinvokax żball ta’ liġi li kien imwettaq mill-Qorti Ġenerali, iżda jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha ta’ din il-prova ma’ dik tal-Qorti Ġenerali. |
|
120 |
Issa, mill-Artikolu 256(1) TFUE u mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jsegwi li l-appell huwa limitat għall-kwistjonijiet ta’ liġi u li l-Qorti Ġenerali hija, għalhekk, unikament kompetenti sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti rilevanti kif ukoll il-provi. L-evalwazzjoni tal-fatti u tal-provi għaldaqstant ma tikkostitwixxix, ħlief fil-każ ta’ żnaturament, kwistjoni ta’ liġi suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell (digriet tas‑27 ta’ Jannar 2022, FT et vs Il-Kummissjoni, C‑518/21 P, mhux ippubblikat, EU:C:2022:70, punt 12 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
121 |
Min-naħa l-oħra, l-argument tal-appellant li l-inċident tat‑23 ta’ Ottubru 2017 għandu jitqies bħala operazzjoni militari manifestament neċessarja u proporzjonata għandu jiġi miċħud bħala infondat. |
|
122 |
Kif jirriżulta mill-punt 191 tas-sentenza appellata, l-appellant la jikkontesta l-materjalità ta’ dan l-attakk militari, u lanqas il-fatt li dan l-attakk militari huwa imputabbli lilu, peress li huwa jindika li dan jaqa’ fil-kuntest tal-kunflitt armat kontra r-Repubblika tat-Turkija. |
|
123 |
Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li, fil-kuntest tat-tielet aggravju tal-appell tiegħu, l-appellant ma jressaq ebda argument ta’ natura li jikkontesta l-evalwazzjoni ġuridika tal-Qorti Ġenerali li tgħid li dawn l-atti, li l-materjalità tagħhom ma ġietx ikkontestata, kienu jippermettu lill-Kunsill jaġġorna b’mod validu l-evalwazzjoni tiegħu tar-riskju ta’ involviment terroristiku tal-appellant. |
|
124 |
Konsegwentement, it-tielet aggravju għandu jiġi miċħud billi huwa parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat. |
Fuq ir-raba’ aggravju
L-argumenti tal-partijiet
|
125 |
Permezz tar-raba’ aggravju tiegħu, l-appellant jinvoka żball imwettaq mill-Qorti Ġenerali, fil-punti 207 sa 215 tas-sentenza appellata, fl-interpretazzjoni tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. |
|
126 |
Fl-ewwel lok, l-appellant isostni li l-Qorti Ġenerali kisret, fil-punti 211 sa 213 tas-sentenza appellata, il-prinċipju ta’ proporzjonalità li jeżiġi li l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma jaqbżux il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju għat-twettiq tal-għanijiet leġittimi mfittxija mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, peress li meta jkun hemm possibbiltà ta’ għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel l-inqas waħda restrittiva, u l-inkonvenjenzi li jinħolqu ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet mixtieqa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Jannar 2013, Sky Österreich,C‑283/11, EU:C:2013:28, punt 50). |
|
127 |
Barra minn hekk, billi qieset in-natura irrilevanti ta’ soluzzjoni paċifika u demokratika tal-kunflitt, il-Qorti Ġenerali kkontradixxiet il-konstatazzjoni magħmula fil-punt 198 tas-sentenza appellata, li l-Kunsill ġustament ikkunsidra li ma kien seħħ ebda bdil fiċ-ċirkustanzi matul is-sena 2019. Jekk, fil-kuntest tal-eżami mill-ġdid skont l-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, it-tfittxija ta’ soluzzjoni paċifika kienet ikkunsidrata bħala rilevanti, l-appellant iqis li l-istess għandu japplika għall-eżami tal-proporzjonalità, iktar u iktar peress li l-għan aħħari tal-kunflitt armat huwa l-awtodeterminazzjoni ta’ poplu. Anki jekk, fil-kuntest tal-ewwel aggravju, ma jistax jiġi aċċettat dan l-argument, dan għandu jintlaqa’ fil-kuntest tal-eżami tar-raba’aggravju, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. |
|
128 |
Kif jirriżulta mill-punt 207 tas-sentenza appellata, l-atti kontenzjużi jsegwu għan ta’ interess ġenerali, li huwa dak li jikkontribwixxi għall-paċi u għas-sigurtà internazzjonali. Issa, iż-żamma tal-inklużjoni tal-PKK fil-listi kontenzjużi xxekkel fil-fatt il-proċess ta’ paċi, b’tali mod li l-miżuri restrittivi previsti minn dawn l-atti għandhom jitqiesu li ma humiex xierqa fid-dawl tal-għanijiet imfittxija. |
|
129 |
Fit-tieni lok, billi sempliċement eżaminat, b’mod restrittiv, l-għan imfittex mill-atti kontenzjużi, il-Qorti Ġenerali ma vverifikatx b’mod korrett, fil-punti 206 sa 215 tas-sentenza appellata, jekk l-inkonvenjenzi kkawżati, li jinkludu wkoll il-konsegwenzi prevedibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Marzu 2019, Tjebbes et, C‑221/17, EU:C:2019:189, punt 40), ma humiex sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet imfittxija. Fil-fatt, ma jistax jiġi aċċettat li, sabiex jiġi ddeterminat jekk l-inkonvenjenzi kkawżati minn att humiex sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet imfittxija, huma biss l-għanijiet speċifiċi ta’ dan l-att li jittieħdu inkunsiderazzjoni u mhux il-konsegwenzi prevedibbli tiegħu. |
|
130 |
F’dan il-kuntest, l-appellant ifakkar li, għalkemm il-Kunsill ma jistax jieħu inkunsiderazzjoni kull konsegwenza possibbli ta’ att, huwa xorta waħda kellu għarfien, f’dan il-każ, anki jekk biss minħabba r-rikors għal annullament ippreżentat fl‑1 ta’ Mejju 2014 fil-Kawża PKK vs Il-Kunsill (T‑316/14), tal-effetti prodotti mill-atti kontenzjużi fuq il-Kurdi, b’tali mod li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta affermat, fil-punti 212 u 213 tas-sentenza appellata, li dawn l-effetti kienu irrilevanti. |
|
131 |
Il-Kunsill, sostnut mir-Repubblika Franċiża, mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u mill-Kummissjoni, jikkunsidra li r-raba’ aggravju għandu jiġi miċħud. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
132 |
Qabelxejn, sa fejn l-appellant jillimita ruħu li jirreferi għall-għan aħħari tal-miżuri restrittivi, jiġifieri l-preżervazzjoni tal-paċi u t-tisħiħ tas-sigurtà internazzjonali, fis-sens tal-Artikolu 21(2)(c) TUE, u sa fejn isostni, billi jirriproduċi argumenti invokati fl-ewwel istanza, li ż-żamma tal-inklużjoni tal-PKK fil-listi kontenzjużi tostakola l-proċess ta’ paċi u għandha riperkussjonijiet fuq il-Kurdi, peress li l-għan aħħari tal-kunflitt armat li fih huwa impenjat il-PKK huwa l-awtodeterminazzjoni tal-poplu Kurd, ir-raba’ aggravju huwa inammissibbli. Fil-fatt, f’dan ir-rigward, l-appell huwa intiż fir-realtà sabiex jikseb sempliċi eżami mill-ġdid tar-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali, li ma jaqax taħt il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-appell. |
|
133 |
Sussegwentement, il-PKK bl-ebda mod ma jsostni l-ilment tiegħu bbażat fuq ir-rilevanza tal-prinċipju ta’ awtodeterminazzjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-proporzjonalità tal-miżuri restrittivi deċiżi mill-atti kontenzjużi, b’tali mod li għandu, huwa wkoll, jiġi ddikjarat inammissibbli. |
|
134 |
Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-għan tal-miżuri restrittivi ordnati u injorat il-konsegwenzi prevedibbli tagħhom billi naqset milli tiddetermina jekk l-inkonvenjenzi kkawżati humiex sproporzjonati meta mqabbla mal-għan imfittex, għandu jitfakkar li, fir-rigward tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, hija biss in-natura manifestament inadegwata ta’ miżura adottata fid-dawl tal-għan li l-istituzzjoni kompetenti tixtieq tilħaq li tista’ taffettwa l-legalità ta’ tali miżura. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2020, Vnesheconombank vs Il-Kunsill, C‑731/18 P, EU:C:2020:500, punt 84). |
|
135 |
Għandu jitfakkar ukoll li l-miżuri restrittivi għandhom, mid-definizzjoni tagħhom stess, effetti negattivi, b’mod partikolari għall-entitajiet koperti minnhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2020, Vnesheconombank vs Il-Kunsill, C‑731/18 P, EU:C:2020:500, punt 86). |
|
136 |
Issa, l-importanza tal-għan imfittex mill-atti kontenzjużi, jiġifieri, b’mod partikolari, il-ġlieda kontra t-terroriżmu, li taqa’ taħt l-għan iktar wiesa’ taż-żamma tal-paċi u tas-sigurtà internazzjonali, konformement mal-għanijiet tal-azzjoni esterna tal-Unjoni stabbiliti fl-Artikolu 21 TUE, hija ta’ natura li tiġġustifika konsegwenzi negattivi (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2020, Vnesheconombank vs Il-Kunsill, C‑731/18 P, EU:C:2020:500, punt 87). |
|
137 |
Fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 134 sa 136 preċedenti, il-Qorti Ġenerali ġustament qieset, fil-punt 209 tas-sentenza appellata, li, sa fejn l-għan imfittex mill-Kunsill meta adotta l-atti kontenzjużi kien, b’mod partikolari, il-ġlieda kontra t-terroriżmu, dawn kienu jissodisfaw, b’mod koerenti, dan l-għan u ma jistgħux, fi kwalunkwe każ, jitqiesu li huma manifestament inadegwati fid-dawl tal-imsemmi għan. |
|
138 |
Peress li l-appellant ma ressaqx argument ġuridikament rilevanti insostenn ta’ dan l-ilment, dan għandu jiġi miċħud. |
|
139 |
Minn dan isegwi li r-raba’ aggravju għandu jiġi miċħud bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat. |
Fuq il-ħames aggravju
L-argumenti tal-partijiet
|
140 |
Permezz tal-ħames aggravju tiegħu, l-appellant isostni li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta qieset, fil-punti 221 sa 238 tas-sentenza appellata, li l-Kunsill kien issodisfa l-obbligu ta’ motivazzjoni tiegħu, filwaqt li, kif ġie indikat fl-aggravji preċedenti ta’ dan l-appell, mill-espożizzjonijiet tal-motivi tal-atti kontenzjużi ma jirriżultax b’mod ċar li l-avvenimenti li seħħew bejn is-sena 2015 u s-sena 2019, invokati b’rabta mad-deċiżjoni tal‑2001 tar-Renju Unit, isostnu effettivament din id-deċiżjoni. |
|
141 |
Għall-appellant, il-Qorti Ġenerali żbaljat meta kkunsidrat li l-Kunsill kien issodisfa l-obbligu ta’ motivazzjoni tiegħu. Fil-fatt, dan tal-aħħar ma ħax inkunsiderazzjoni l-għan ta’ awtodeterminazzjoni u tal-kuntest tal-kunflitt armat. Huwa bbaża ruħu b’mod żbaljat fuq l-inċidenti msemmija fid-deċiżjoni tal‑2001 tar-Renju Unit. Fil-kuntest tar-reviżjoni tagħha, hija kklassifikat b’mod żbaljat l-inċidenti msemmija fl-atti kontenzjużi bħala atti terroristiċi mingħajr ma ressqet b’mod suffiċjenti r-raġunijiet li jiġġustifikaw li l-eżistenza ta’ operazzjoni militari tista’ tistabbilixxi l-persistenza ta’ riskju ta’ involviment f’attivitajiet terroristiċi. Huwa ma mmotivax b’mod suffiċjenti r-raġunijiet li għalihom l-atti kontenzjużi kellhom jitqiesu li huma proporzjonati, minkejja li kien ġie informat bil-konsegwenzi li l-inklużjoni tal-PKK fil-listi kontenzjużi seta’ jkollha fuq il-paċi kif ukoll fuq is-sitwazzjoni tal-Kurdi u tas-sostenituri tagħhom. |
|
142 |
Barra minn hekk, l-appellant iqis li l-Qorti Ġenerali wettqet żball meta kkonstatat, fil-punti 232 sa 238 tas-sentenza appellata, li, peress li dawn kienu jirrigwardaw il-kwistjoni tal-fondatezza tal-motivazzjoni, kellhom jiġu miċħuda l-argumenti mressqa sabiex jiġi pprovat li l-Kunsill kien kiser l-obbligu ta’ motivazzjoni tiegħu billi ma vverifikax jekk l-inċidenti eżaminati mill-awtoritajiet nazzjonali setgħux jiġu kklassifikati bħala atti terroristiċi, fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(3) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u billi ma weriex ir-rilevanza tad-deċiżjonijiet tar-Renju Unit fid-dawl tal-paragrafi 4 u 6 tal-Artikolu 1 ta’ din il-Pożizzjoni Komuni. Din il-verifika ma tikkonċernax biss il-bażi tal-motivazzjoni, iżda wkoll l-obbligu ta’ motivazzjoni stess. |
|
143 |
Il-Kunsill, sostnut mir-Repubblika Franċiża, mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u mill-Kummissjoni, jikkunsidra li l-ħames aggravju huwa inammissibbli u, fi kwalunkwe każ, infondat. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
144 |
F’dak li jirrigwarda l-ammissibbiltà tal-ħames aggravju, għandu jiġi kkonstatat li l-appellant, meta indirizza l-ilmenti tiegħu kontra l-punti 221 sa 238 tas-sentenza appellata, la jindika b’mod ċar is-siltiet li huwa jqis li huma vvizzjati bi żball ta’ liġi, bl-eċċezzjoni tal-ilmenti diretti kontra l-punti 232 sa 238 ta’ din is-sentenza, u lanqas l-argumenti legali invokati insostenn tal-pożizzjoni tiegħu. B’mod partikolari, huwa ma jippreċiżax kif il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, iċċitata mill-Qorti Ġenerali, hija żbaljata. Għalhekk, l-argumenti tal-appellant huma intiżi sabiex jinkiseb sempliċi eżami mill-ġdid tar-rikorsi ppreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali, minflok ma huma diretti kontra s-sentenza appellata sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ twettaq l-istħarriġ tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Parlament u l-Kunsill, C‑583/11 P, EU:C:2013:625, punt 48). |
|
145 |
Fil-fatt, uħud mill-argumenti invokati mill-appellant fil-kuntest ta’ dan l-aggravju huma fir-realtà intiżi sabiex jikkontestaw l-evalwazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali mhux dwar il-motivazzjoni tal-atti kontenzjużi, iżda dwar l-adegwatezza tal-miżuri restrittivi inkwistjoni għall-għanijiet tagħhom. Issa, dawn l-argumenti, relatati mal-għan ta’ awtodeterminazzjoni u mal-kuntest li fih jaqa’ l-kunflitt armat, mal-inċidenti msemmija fid-deċiżjoni tal‑2001 tar-Renju Unit, mal-klassifikazzjoni ta’ dawk imsemmija fl-atti kontenzjużi bħala atti terroristiċi u mar-raġunijiet li għalihom l-atti kontenzjużi għandhom jitqiesu li huma proporzjonati, jaqgħu taħt aggravji oħra tal-appell li għalihom l-appellant jirreferi espressament u li ġew miċħuda. Konsegwentement, dawn huma irrilevanti fil-kuntest tal-ħames aggravju, li huwa bbażat fuq motivazzjoni insuffiċjenti. |
|
146 |
Għandu jitfakkar ukoll li l-motivazzjoni ta’ att tal-Kunsill li jimponi miżura restrittiva għandha, kif ġie ġustament indikat mill-Qorti Ġenerali fil-punt 216 tas-sentenza appellata, jidentifika r-raġunijiet speċifiċi u konkreti li abbażi tagħhom il-Kunsill jikkunsidra, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali ta’ evalwazzjoni tiegħu, li l-persuna kkonċernata għandha tkun is-suġġett ta’ tali miżura. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ April 2021, Il-Kunsill vs PKK, C‑46/19 P, EU:C:2021:316, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
147 |
Madankollu, kif fakkret il-Qorti Ġenerali fil-punt 217 tas-sentenza appellata, il-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għall-kuntest li fih ikun ġie adottat. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari tal-kontenut tal-att, tan-natura tal-motivi invokati u tal-interess li jista’ jkollhom id-destinatarji jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment mill-att li jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti kollha, sa fejn in-natura suffiċjenti ta’ motivazzjoni għandha tiġi evalwata fid-dawl mhux biss tal-formulazzjoni tagħha iżda wkoll tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat. Konsegwentement, att li jikkawża preġudizzju jkun immotivat b’mod suffiċjenti jekk jiġi adottat f’kuntest magħruf mill-persuna kkonċernata li permezz tiegħu tkun tista’ tifhem il-portata tal-miżura meħuda fil-konfront tagħha (sentenza tat‑22 ta’ April 2021, Il-Kunsill vs PKK, C-46/19 P, EU:C:2021:316, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
148 |
F’dak li jirrigwarda, b’mod iktar partikolari, l-atti li jirrigwardaw iż-żamma tal-inklużjoni ta’ persuna jew ta’ entità fil-lista li tirrigwarda l-iffriżar ta’ fondi, il-Kunsill huwa obbligat li jivverifika jekk, mill-inklużjoni inizjali jew mill-eżami mill-ġdid preċedenti, is-sitwazzjoni fattwali nbidlitx b’tali mod li ma tippermettix iktar li tinsilet l-istess konklużjoni dwar l-involviment ta’ din il-persuna jew ta’ din l-entità f’attivitajiet terroristiċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ April 2021, Il-Kunsill vs PKK, C-46/19 P, EU:C:2021:316, punti 49 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
149 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li, fir-rigward ta’ tali atti, il-qorti tal-Unjoni hija obbligata tivverifika, minn naħa, l-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 296 TFUE u, għaldaqstant, in-natura suffiċjentement preċiża u konkreta tal-motivi invokati, fatt li l-Qorti Ġenerali barra minn hekk fakkret fil-punt 218 tas-sentenza appellata, kif ukoll, min-naħa l-oħra, il-punt dwar jekk dawn il-motivi humiex sostnuti, li jimplika li din il-qorti għandha tiżgura, fir-rigward tal-istħarriġ tal-legalità fil-mertu ta’ dawn il-motivi, li dawn l-atti huma bbażati fuq bażi fattwali suffiċjentement solida u jivverifikaw il-fatti allegati fl-espożizzjoni tal-motivi li huma l-bażi tal-imsemmija atti (sentenza tat‑22 ta’ April 2021, Il-Kunsill vs PKK (C‑46/19 P, EU:C:2021:316, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
150 |
Madankollu, il-kwistjoni tal-motivazzjoni, li tikkonċerna formalità essenzjali, hija distinta minn dik tal-prova tal-imġiba allegata, li taqa’ taħt il-legalità fil-mertu tal-att inkwistjoni u timplika l-verifikazzjoni tar-realtà tal-fatti msemmija f’dak l-att kif ukoll il-kwalifika ta’ dawn il-fatti bħala li jikkostitwixxu elementi li jiġġustifikaw l-applikazzjoni ta’ miżuri restrittivi fil-konfront tal-persuna kkonċernata(ara, f’dan is-sens is-sentenza tat‑22 ta’ April 2021, Il-Kunsill vs PKK, C‑46/19 P, EU:C:2021:316, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
151 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali ġustament ikkunsidrat, fil-punt 236 tas-sentenza appellata, li l-osservanza mill-Kunsill tal-obbligu tiegħu li jivverifika li l-fatti kkunsidrati mill-awtoritajiet nazzjonali setgħu jiġu kklassifikati bħala atti terroristiċi, fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(3) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, ġiet eżaminata b’risposta għall-motiv ibbażat fuq il-ksur ta’ din id-dispożizzjoni. |
|
152 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-argumenti intiżi sabiex jikkontestaw il-fondatezza tal-imsemmija fatti huma, fil-kuntest tal-ħames aggravju, ibbażat fuq insuffiċjenza ta’ motivazzjoni, irrilevanti, b’tali mod li dan l-aggravju għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli u, fi kwalunkwe każ, bħala infondat. |
|
153 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li, peress li ebda aggravju ma ntlaqa’, l-appell għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu. |
Fuq l-ispejjeż
|
154 |
Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-proċedura tal-appell bis-saħħa tal-Artikolu 184, tal-istess Regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. |
|
155 |
Skont it-talbiet tal-Kunsill, peress li l-appellant tilef l-aggravji kollha, hemm lok li dan tal-aħħar jiġi kkundannat ibati l-ispejjeż tiegħu stess kif ukoll dawk sostnuti mill-Kunsill. |
|
156 |
Skont l-Artikolu 140(1) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli, mutatis mutandis, għall-proċedura tal-appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) ta’ dawn ir-regoli, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet intervenjenti fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom. Konsegwentement, il-Kummissjoni, ir-Repubblika Franċiża u r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, li pparteċipaw fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.