|
28.12.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 464/11 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/2313
tat-22 ta’ Diċembru 2021
dwar l-eżenzjoni mid-dazji fuq l-importazzjoni u l-eżenzjoni mill-VAT fuq l-importazzjonijiet tal-merkanzija meħtieġa biex jiġu miġġielda l-effetti tat-tifqigħa tal-COVID-19 matul l-2022
(notifikata bid-dokument C(2021) 9852)
(Il-testi bil-Bulgaru, bil-Kroat, biċ-Ċek, bid-Daniż, bin-Netherlandiż, bl-Ingliż, bl-Estonjan, bil-Finlandiż, bil-Franċiż, bil-Ġermaniż, bil-Grieg, bl-Ungeriż, bit-Taljan, bil-Latvjan, bil-Malti, bil-Pollakk, bil-Portugiż, bir-Rumen, bis-Sloven, bl-Ispanjol u bl-Iżvediż biss huma awtentiċi)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2009/132/KE tad-19 ta’ Ottubru 2009 li tiddetermina l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 143(b) u (c) tad-Direttiva 2006/112/KE dwar l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud fuq l-importazzjoni finali ta’ ċerti oġġetti (1), u b’mod partikolari l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53, tagħha,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1186/2009 tas-16 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ eżenzjonijiet mid-dazju doganali (2), u b’mod partikolari l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 76 tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/491 (3) tagħti eżenzjoni mid-dazji fuq l-importazzjoni u eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud (“il-VAT”) fuq l-importazzjonijiet tal-merkanzija meħtieġa biex jiġu miġġielda l-effetti tat-tifqigħa tal-COVID-19 sal-31 ta’ Diċembru 2021. |
|
(2) |
Fit-8 ta’ Novembru 2021, il-Kummissjoni kkonsultat lill-Istati Membri dwar jekk kinitx meħtieġa estensjoni, u wara dan saru talbiet għal applikazzjoni ulterjuri tal-miżura li tipprevedi eżenzjoni mid-dazji fuq l-importazzjoni u eżenzjoni mill-VAT fuq merkanzija importata mill-Awstrija, mill-Belġju, mill-Kroazja, mill-Greċja, mill-Ungerija, mil-Latvja, mill-Polonja, mill-Portugall, mir-Rumanija, mis-Slovenja u minn Spanja fit-12 ta’ Novembru 2021, mill-Irlanda fis-16 ta’ Novembru 2021, mill-Bulgarija, mill-Finlandja, mill-Ġermanja, mill-Italja, minn Malta, min-Netherlands u mill-Iżvezja fis-17 ta’ Novembru 2021, mill-Estonja fit-18 ta’ Novembru 2021, mid-Danimarka u mil-Lussemburgu fid-19 ta’ Novembru 2021 u miċ-Ċekja fit-23 ta’ Novembru 2021 (“l-Istati Membri li jagħmlu t-talba”). |
|
(3) |
L-importazzjonijiet magħmula mill-Istati Membri li għamlu t-talba skont id-Deċiżjoni (UE) 2020/491 kienu ta’ benefiċċju biex l-organizzazzjonijiet tal-Istat jew l-organizzazzjonijiet approvati mill-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri jingħataw aċċess għall-mediċini, għall-apparat mediku u għat-tagħmir ta’ sikurezza personali meħtieġa li hemm nuqqas tagħhom. L-istatistika kummerċjali għal tali merkanzija tindika li l-importazzjonijiet relatati qabdu xejra ’l isfel, iżda għadhom sinifikanti u jvarjaw wara d-domanda għall-merkanzija meħtieġa biex tiġi miġġielda l-pandemija tal-COVID-19. Minkejja t-tilqim li għaddej bħalissa fl-Istati Membri u l-għadd ta’ miżuri li ttieħdu biex il-virus ma jinfirixx, l-għadd ta’ infezzjonijiet tal-COVID-19 fl-Istati Membri għadu ta’ riskju għas-saħħa pubblika. Minħabba li l-Istati Membri li jagħmlu t-talba għadhom qed jirrapportaw nuqqas ta’ merkanzija meħtieġa biex tiġi miġġielda l-pandemija tal-COVID-19, jixraq li tingħata eżenzjoni mid-dazji fuq l-importazzjoni imponibbli fuq il-merkanzija importata għall-finijiet deskritti fl-Artikolu 74 tar-Regolament (KE) Nru 1186/2009 u eżenzjoni mill-VAT imponibbli fuq il-merkanzija importata għall-finijiet deskritti fl-Artikolu 51 tad-Direttiva 2009/132/KE. |
|
(4) |
Jenħtieġ li l-Istati Membri li jagħmlu t-talba jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar in-natura u l-kwantitajiet tal-oġġetti diversi ta’ merkanzija li ddaħħlu mingħajr dazju fuq l-importazzjoni u mingħajr VAT bil-għan li jiġu miġġielda l-effetti tat-tifqigħa tal-COVID-19, dwar l-organizzazzjonijiet li l-Istati Membri awtorizzaw għad-distribuzzjoni jew għall-forniment ta’ dik il-merkanzija, u dwar il-miżuri li ħadu biex il-merkanzija ma tkunx tista’ tintuża għal finijiet oħra għajr biex jiġu miġġielda l-effetti ta’ din it-tifqigħa. Jenħtieġ li l-Istati Membri li jagħmlu t-talba jiżguraw li tali eżenzjoni mid-dazju u eżenzjoni mill-VAT jiġu applikati b’mod korrett f’konformità mal-leġiżlazzjoni doganali u tal-VAT u biex jipprevjenu kwalunkwe frodi, evażjoni, evitar jew abbużi. |
|
(5) |
Filwaqt li jitqiesu l-isfidi estremi li jiffaċċjaw l-Istati Membri li jagħmlu t-talba, jenħtieġ li l-eżenzjoni mid-dazji fuq l-importazzjoni u l-eżenzjoni mill-VAT jingħataw għall-importazzjonijiet li jsiru mill-1 ta’ Jannar 2022. Jenħtieġ li l-eżenzjoni tibqa’ fis-seħħ sat-30 ta’ Ġunju 2022. |
|
(6) |
Fit-3 ta’ Diċembru 2021, l-Istati Membri ġew ikkonsultati f’konformità mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 76 tar-Regolament (KE) Nru 1186/2009 u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tad-Direttiva 2009/132/KE, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
1. Il-merkanzija għandha tiddaħħal mingħajr dazji fuq l-importazzjoni skont it-tifsira tal-punt (a) tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament (KE) Nru 1186/2009 u tkun eżentata mit-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) fuq l-importazzjonijiet skont it-tifsira tal-punt (a) tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2009/132/KE, meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:
|
(a) |
il-merkanzija tkun maħsuba għal wieħed minn dawn l-użi li ġejjin:
|
|
(b) |
il-merkanzija tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 75, 78, 79 u 80 tar-Regolament (KE) Nru 1186/2009 u fl-Artikoli 52, 55, 56 u 57 tad-Direttiva 2009/132/KE; |
|
(c) |
il-merkanzija hija importata għar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera mill-organizzazzjonijiet tal-Istat, fosthom korpi tal-Istat, korpi pubbliċi u korpi oħra rregolati mil-liġi pubblika jew f’isimhom, jew minn organizzazzjonijiet approvati mill-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri jew f’isimhom. |
2. Il-merkanzija għandha tiddaħħal ukoll mingħajr dazji fuq l-importazzjoni skont it-tifsira tal-punt (a) tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament (KE) Nru 1186/2009 u tkun eżentata mill-VAT fuq l-importazzjonijiet skont it-tifsira tal-punt (a) tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2009/132/KE, meta din tkun importata għar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera minn aġenziji li jagħtu l-għajnuna f’każ ta’ diżastru jew f’isimhom, sabiex tissodisfa l-ħtiġijiet tagħhom f’każ ta’ diżastru matul il-perjodu li fih jagħtu l-għajnuna lill-persuni affettwati mill-COVID-19 jew lil dawk li jinsabu f’riskju li jiġu affettwati minnha jew li huma involuti fil-ġlieda kontra t-tifqigħa tal-COVID-19.
Artikolu 2
L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni informazzjoni rigward in-natura u l-kwantitajiet tal-oġġetti diversi ta’ merkanzija li jkunu ddaħħlu kull xahar mingħajr dazji fuq l-importazzjoni u mingħajr VAT skont l-Artikolu 1, fil-ħmistax-il jum tax-xahar ta’ wara x-xahar ta’ rappurtar.
L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-informazzjoni li ġejja sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Ottubru 2022:
|
(a) |
lista tal-organizzazzjonijiet approvati mill-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri kif imsemmi fil-punt (c) tal-Artikolu 1(1); |
|
(b) |
l-informazzjoni kkonsolidata dwar in-natura u l-kwantitajiet tal-oġġetti diversi ta’ merkanzija li jkunu ddaħħlu mingħajr dazji fuq l-importazzjoni u mingħajr VAT skont l-Artikolu 1; |
|
(c) |
il-miżuri li ttieħdu biex jiżguraw konformità mal-Artikoli 78, 79, u 80 tar-Regolament (KE) Nru 1186/2009 u mal-Artikoli 55, 56 u 57 tad-Direttiva 2009/132/KE fir-rigward tal-merkanzija li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni. |
Artikolu 3
L-Artikolu 1 għandu japplika għall-importazzjonijiet lejn l-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, il-Kroazja, iċ-Ċekja, id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, il-Greċja, il-Ġermanja, l-Ungerija, l-Irlanda, l-Italja, il-Latvja, il-Lussemburgu, Malta, in-Netherlands, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovenja, Spanja u l-Iżvezja mill-1 ta’ Jannar 2022 sat-30 ta’ Ġunju 2022.
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tal-Belġju, lir-Repubblika tal-Bulgarija, lir-Repubblika Ċeka, lir-Renju tad-Danimarka, lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, lir-Repubblika tal-Estonja, lill-Irlanda, lir-Repubblika Ellenika, lir-Renju ta’ Spanja, lir-Repubblika tal-Kroazja, lir-Repubblika Taljana, lir-Repubblika tal-Latvja, lill-Gran Dukat tal-Lussemburgu, lill-Ungerija, lir-Repubblika ta’ Malta, lir-Renju tan-Netherlands, lir-Repubblika tal-Awstrija, lir-Repubblika tal-Polonja, lir-Repubblika Portugiża, lir-Rumanija, lir-Repubblika tas-Slovenja, lir-Repubblika tal-Finlandja u lir-Renju tal-Iżvezja.
Għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2022.
Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Diċembru 2021.
Għall-Kummissjoni
Paolo GENTILONI
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 292, 10.11.2009, p. 5.
(2) ĠU L 324, 10.12.2009, p. 23.
(3) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/491 tat-3 ta’ April 2020 dwar l-eżenzjoni mid-dazji fuq l-importazzjoni u l-eżenzjoni mill-VAT fuq l-importazzjonijiet tal-merkanzija meħtieġa biex jiġu miġġielda l-effetti tat-tifqigħa tal-COVID-19 matul l-2020 (ĠU L 103, 3.4.2020, p. 1).