|
6.9.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 342/330 |
P9_TA(2022)0046
Protezzjoni tal-ħaddiema minn riskji relatati mal-espożizzjoni għal karċinoġeni jew mutaġeni fuq il-post tax-xogħol ***I
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Frar 2022 dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2004/37/KE dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema minn riskji relatati mal-espożizzjoni għal karċinoġeni jew mutaġeni fuq il-post tax-xogħol (COM(2020)0571 – C9-0301/2020 – 2020/0262(COD))
(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)
(2022/C 342/35)
Il-Parlament Ewropew,
|
— |
wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2020)0571), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2), u b’mod partikolari l-Artikolu 153(2)(b), flimkien ma’ l-Artikolu 153(1)(a) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C9-0301/2020), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, |
|
— |
wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tas-16 ta’ Frar 2021 (1), |
|
— |
wara li kkonsulta l-Kumitat tar-Reġjuni, |
|
— |
wara li kkunsidra l-ftehim proviżorju approvat mill-kumitat responsabbli fis-sens tal-Artikolu 74(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu u l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tat-22 ta’ Diċembru 2021 li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, |
|
— |
wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali, |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A9-0114/2021), |
|
1. |
Jadotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari li tidher hawn taħt; |
|
2. |
Japprova d-dikjarazzjoni konġunta tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill annessa ma' din ir-riżoluzzjoni, li se tiġi ppubblikata fis-serje L ta' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea; |
|
3. |
Jieħu nota tad-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni; |
|
4. |
Jitlob lill-Kummissjoni terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b'mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sustanzjali; |
|
5. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali. |
P9_TC1-COD(2020)0262
Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fis-17 ta’ Frar 2022 bil-ħsieb tal-adozzjoni tad-Direttiva (UE) 2022/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2004/37/KE dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema minn riskji relatati mal-espożizzjoni għal karċinoġeni jew mutaġeni fuq il-post tax-xogħol
(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament taqbel mal-att leġislattiv finali, d-Direttiva (UE) 2022/431.)
ANNESS GĦAR-RIŻOLUZZJONI LEĠISLATTIVA
Dikjarazzjoni konġunta tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill b'rabta mal-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 2004/37/KE
[li għandha tiġi ppubblikata fis-serje L immedjatament wara l-att leġiżlattiv]
Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill huma tal-istess fehma li l-prodotti mediċinali perikolużi li fihom sustanzi li jissodisfaw il-kriterji għall-klassifikazzjoni bħala karċinoġeniċi (il-kategoriji 1A jew 1B), mutaġeniċi (il-kategoriji 1A jew 1B) jew tossiċi għar-riproduzzjoni (il-kategoriji 1A jew 1B) skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 2004/37/KE. Ir-rekwiżiti kollha tad-Direttiva 2004/37/KE japplikaw għal prodotti mediċinali perikolużi skont dan.
Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni – Pjan ta’ azzjoni u proposti leġiżlattivi
L-obbligi imposti fuq il-Kummissjoni fl-Artikolu 18a, it-tielet paragrafu, rigward il-preżentazzjoni ta’ pjan ta’ azzjoni u l-preżentazzjoni ta’ proposta leġiżlattiva ma jistgħux imorru kontra l-prerogattivi istituzzjonali tal-Kummissjoni u d-dritt ta’ inizjattiva tagħha li jirriżulta direttament mit-Trattati.
L-Artikolu 18a, it-tielet paragrafu, jirreferi għall-Artikolu 16 tad-Direttiva 2004/37/KE, li jistabbilixxi obbligu li jiġu stabbiliti valuri ta’ limitu abbażi tal-informazzjoni disponibbli, inkluża data xjentifika u teknika, fir-rigward ta’ dawk is-sustanzi kollha li għalihom dan huwa possibbli. Fl-implimentazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, il-Kummissjoni hija mistiedna wkoll tippreżenta l-pjan ta’ azzjoni msemmi fl-Artikolu 18a, it-tielet paragrafu. Għal raġunijiet ta’ trasparenza, dan il-pjan ta’ azzjoni se jikkonsisti f’elenkar tal-25 sustanza ġdida jew riveduta li jmiss li għandhom jiġu evalwati xjentifikament. L-evalwazzjonijiet tas-sustanzi elenkati se jiffurmaw parti mill-proċedura stabbilita inkluża l-konsultazzjoni tas-sħab soċjali, l-opinjoni tal-ACSH u l-valutazzjoni tal-impatt li tħejji kwalunkwe proposta leġiżlattiva meħtieġa fi żmien dovut.