02016R0369 — MT — 01.02.2020 — 001.001
Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument
|
REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2016/369 tal-15 ta' Marzu 2016 dwar l-għoti ta' appoġġ ta' emerġenza fl-Unjoni (ĠU L 070 16.3.2016, p. 1) |
Emendat bi:
|
|
|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
||
|
Nru |
Paġna |
Data |
||
|
L 117 |
3 |
15.4.2020 |
||
REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2016/369
tal-15 ta' Marzu 2016
dwar l-għoti ta' appoġġ ta' emerġenza fl-Unjoni
Artikolu 1
Suġġett u kamp ta' applikazzjoni
1. Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-qafas li fih jista' jingħata appoġġ ta' emerġenza tal-Unjoni permezz ta' miżuri speċifiċi adatti għas-sitwazzjoni ekonomika fil-każ ta' diżastru naturali jew ikkawżat mill-bniedem, attwali jew potenzjali. Tali appoġġ ta' emerġenza jista' jingħata biss fejn l-iskala u l-impatt eċċezzjonali tad-diżastru jkunu tali li jwasslu għal firxa wiesgħa ta' konsegwenzi umanitarji serji fi Stat Membru wieħed jew aktar u unikament f'ċirkostanzi eċċezzjonali fejn ebda strument ieħor disponibbli għall-Istati Membri u għall-Unjoni ma jkun biżżejjed.
2. L-appoġġ ta' emerġenza mogħti taħt dan ir-Regolament għandu jkun ta' appoġġ għall-azzjonijiet tal-Istat Membru milqut u jikkomplementahom. Għal dan l-għan, għandhom jiġu żgurati kooperazzjoni u konsultazzjoni li jkunu mill-qrib mal-Istat Membru milqut.
Artikolu 2
Attivazzjoni tal-appoġġ ta' emerġenza
1. Id-deċiżjoni dwar l-attivazzjoni tal-appoġġ ta' emerġenza taħt dan ir-Regolament f'każ ta' diżastru attwali jew potenzjali għandha tittieħed mill-Kunsill abbażi ta' proposta mill-Kummissjoni, u għandha tispeċifika fejn xieraq il-perijodu tal-attivazzjoni.
2. Il-Kunsill għandu minnufih jeżamina l-proposta tal-Kummissjoni msemmija fil-paragrafu 1 u għandu jiddeċiedi, skont l-urġenza tas-sitwazzjoni, dwar l-attivazzjoni tal-appoġġ ta' emerġenza.
Artikolu 3
Azzjonijiet eliġibbli
1. L-appoġġ ta' emerġenza skont dan ir-Regolament għandu jagħti rispons ta' emerġenza bbażat fuq il-ħtiġijiet, li jikkomplimenta r-rispons tal-Istati Membri affettwati mmirat lejn il-preservazzjoni tal-ħajja, il-prevenzjoni u t-tnaqqis tas-sofferenza umana, u ż-żamma tad-dinjità tal-bniedem, kulfejn ikun meħtieġ minħabba xi diżastru msemmi fl-Artikolu 1(1). Mingħajr preġudizzju għall-perijodu ta’ attivazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 2(1), l-appoġġ ta' emerġenza jista’ jingħata wkoll bil-ħsieb li jiġu indirizzati l-ħtiġijiet wara diżastru jew biex jiġi evitat li jerġa’ jfeġġ.
2. L-appoġġ ta' emerġenza, kif imsemmi fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, jista' jinkludi kwalunkwe azzjoni ta' għajnuna umanitarja li tkun eliġibbli għall-finanzjament mill-Unjoni skont l-Artikoli 2, 3 u 4 tar-Regolament (KE) Nru 1257/96, u jista' konsegwentement jinkludi assistenza, sokkors u, fejn meħtieġ, operazzjonijiet ta' protezzjoni biex tiġi salvata u ppreżervata l-ħajja f'diżastri jew minnufih warajhom. Jista' jintuża wkoll biex tiġi ffinanzjata kull nefqa oħra marbuta direttament mal-implimentazzjoni tal-appoġġ ta' emerġenza skont dan ir-Regolament. B’mod partikolari, l-appoġġ ta' emerġenza jista’ jintuża biex jiġu ffinanzjati l-azzjonijiet stabbiliti fl-Anness.
3. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 4, l-appoġġ ta' emerġenza skont dan ir-Regolament għandu jingħata u jiġi implimentat f'konformità mal-prinċipji umanitarji fundamentali tal-umanità, in-newtralità, l-imparzjalità u l-indipendenza.
4. L-azzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 2 għandhom jitwettqu mill-Kummissjoni jew minn organizzazzjonijiet sħab magħżula mill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni tista’ tagħżel, b’mod partikolari, bħala organizzazzjonijiet sħab, organizzazzjonijiet mhux governattivi, servizzi speċjalizzati ta' Stati Membri, awtoritajiet nazzjonali u korpi pubbliċi oħra, organizzazzjonijiet internazzjonali u l-aġenziji tagħhom u, fejn xieraq u meħtieġ għall-implimentazzjoni ta’ azzjoni, organizzazzjonijiet u entitajiet oħrajn li għandhom l-għarfien espert meħtieġ jew li huma attivi fis-setturi rilevanti għall-għajnuna f’każ ta’ diżastru, bħall-fornituri ta’ servizzi privati, il-manifatturi ta’ tagħmir kif ukoll ix-xjentisti u l-istituzzjonijiet ta’ riċerka. B'hekk, il-Kummissjoni għandha żżomm kooperazzjoni mill-qrib mal-Istat Membru milqut.
Artikolu 4
Tipi ta' intervent finanzjarju u proċeduri ta' implimentazzjoni
1. Il-Kummissjoni għandha timplimenta l-appoġġ finanzjarju tal-Unjoni f’konformità mar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 1 ). B'mod partikolari, il-finanzjament mill-Unjoni għal azzjonijiet ta' appoġġ skont dan ir-Regolament għandu jkun implimentat permezz ta' ġestjoni diretta jew indiretta f’konformità mal-punti (a) u (c), rispettivament, tal-Artikolu 62(1) ta’ dak ir-Regolament.
2. L-appoġġ ta’ emerġenza skont dan ir-Regolament għandu jkun iffinanzjat mill-baġit ġenerali tal-Unjoni u mill-kontribuzzjonijiet li jistgħu jsiru mill-Istati Membri u minn donaturi oħra pubbliċi jew privati bħala dħul assenjat estern f’konformità mal-Artikolu 21(5) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046.
3. Il-finanzjament mill-Unjoni għal azzjonijiet ta’ appoġġ skont dan ir-Regolament li għandu jiġi implimentat permezz ta' ġestjoni diretta jista’ jingħata direttament mill-Kummissjoni mingħajr sejħa għal proposti, f'konformità mal-Artikolu 195 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046. Għal dan l-għan il-Kummissjoni tista' tidħol fi ftehimiet qafas ta' sħubija jew tibbaża fuq ftehimiet qafas ta' sħubija li diġà jeżistu u li ġew konklużi f'konformità mar-Regolament (KE) Nru 1257/96.
4. Meta l-Kummissjoni timplimenta operazzjonijiet ta' appoġġ ta' emerġenza permezz ta' organizzazzjonijiet mhux governattivi, il-kriterji li jikkonċernaw il-kapaċità finanzjarja u operazzjonali għandhom jitqiesu bħala ssodisfati fejn ikun hemm fis-seħħ ftehim qafas ta' sħubija bejn dik l-organizzazzjoni u l-Kummissjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 1257/96.
5. L-appoġġ ta’ emerġenza skont dan ir-Regolament jista’ jingħata fi kwalunkwe waħda mill-forom li ġejjin:
akkwist konġunt ma' Stati Membri kif imsemmi fl-Artikolu 165(2) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 li bih l-Istati Membri jistgħu jakkwistaw, jikru jew jieħdu b’lokazzjoni b'mod sħiħ il-kapaċitajiet akkwistati b’mod konġunt;
akkwist mill-Kummissjoni f’isem Stati Membri abbażi ta' ftehim bejn il-Kummissjoni u Stati Membri.
akkwist mill-Kummissjoni, bħala bejjiegħ bl-ingrossa, permezz tax-xiri, l-istokkjar u l-bejgħ mill-ġdid jew l-għoti ta’ provvisti u servizzi, inkluż kirjiet, lil Stati Membri jew lill-organizzazzjonijiet sħab magħżula mill-Kummissjoni.
6. Fil-każ ta’ proċedura ta’ akkwist kif imsemmi fil-punt (b) tal-paragrafu 5, il-kuntratti li jirriżultaw għandhom jiġu konklużi minn wieħed minn dawn li ġejjin:
il-Kummissjoni, li permezz tagħha s-servizzi jew l-oġġetti jridu jingħataw jew jiġu kkonsenjati lil Stati Membri jew lill-organizzazzjonijiet sħab magħżula mill-Kummissjoni;
l-Istati Membri parteċipanti li permezz tagħhom huma jridu jakkwistaw, jikru jew jieħdu b’lokazzjoni l-kapaċitajiet akkwistati għalihom mill-Kummissjoni.
7. Fil-każ ta’ proċeduri ta’ akkwist kif imsemmi fil-punti (b) u (c) tal-paragrafu 5, il-Kummissjoni għandha ssegwi r-regoli stabbiliti fir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 għall-akkwist tagħha stess.
Artikolu 5
Spejjeż eliġibbli
1. Il-finanzjament mill-Unjoni jista’ jkopri kwalunkwe kost dirett meħtieġ għall-implimentazzjoni tal-azzjonijiet eliġibbli stabbiliti fl-Artikolu 3, inkluż ix-xiri, il-preparazzjoni, il-ġbir, it-trasport, il-ħażna u d-distribuzzjoni ta’ oġġetti u servizzi taħt dawk l-azzjonijiet kif ukoll kostijiet ta’ investiment ta’ azzjonijiet jew proġetti relatati direttament mal-kisba tal-objettivi tal-appoġġ ta’ emerġenza attivat f'konformità ma' dan ir-Regolament.;
2. Il-kostijiet indiretti tal-organizzazzjonijiet sħab jistgħu jkunu koperti wkoll f'konformità mar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046.
3. Il-finanzjament mill-Unjoni jista' jkopri wkoll spejjeż marbutin ma' attivitajiet ta' preparazzjoni, ta' monitoraġġ, ta' kontroll, ta' awditjar u ta' evalwazzjoni li jkunu meħtieġa għall-ġestjoni tal-appoġġ ta' emerġenza li għandu jingħata taħt dan ir-Regolament.
4. Il-finanzjament mill-Unjoni għall-azzjonijiet ta' appoġġ ta' emerġenza taħt dan ir-Regolament jista' jkopri sa 100 % tal-ispejjeż eliġibbli.
5. Nefqa mġarrba minn organizzazzjoni sieħba qabel id-data ta' sottomissjoni ta' applikazzjoni għal finanzjament tista' tkun eliġibbli għal finanzjament mill-Unjoni.
Artikolu 6
Komplementarjetà u konsistenza tal-azzjoni tal-Unjoni
Għandhom jiġu mfittxija sinerġiji u komplementarjetà ma' strumenti oħra tal-Unjoni, b'mod partikolari fir-rigward ta' dawk l-istrumenti li taħthom tista' tiġi offruta xi forma ta' assistenza jew appoġġ ta' emerġenza, bħar-Regolament (KE) Nru 2012/2002, id-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE, ir-Regolament (KE) Nru 1257/96, ir-Regolament (UE) Nru 223/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 2 ), ir-Regolament (UE) Nru 513/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 3 ), ir-Regolament (UE) Nru 514/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 4 ), ir-Regolament (UE) Nru 515/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 5 ) u r-Regolament (UE) Nru 516/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 6 ).
Artikolu 7
Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni
1. Il-Kummissjoni għandha tieħu miżuri adatti li jiżguraw li, meta jiġu implimentati azzjonijiet iffinanzjati taħt dan ir-Regolament, l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jiġu protetti permezz tal-applikazzjoni ta' miżuri preventivi kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe attività illegali oħra, permezz ta' kontrolli effettivi u, jekk jinstabu irregolaritajiet, permezz tal-irkupru tal-ammonti mħallsa bi żball u fejn xieraq, permezz ta' penali amministrattivi u finanzjarji li jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.
2. Il-Kummissjoni jew ir-rappreżentanti tagħha u l-Qorti tal-Awdituri huma mogħtija s-setgħa tal-awditjar, abbażi ta' dokumenti u fuq il-post, fuq il-benefiċjarji kollha ta' għotjiet finanzjarji, il-kuntratturi u s-sottokuntratturi kollha, li rċevew fondi mill-Unjoni taħt dan ir-Regolament.
3. L-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) jista' jwettaq investigazzjonijiet, inklużi verifiki u ispezzjonijiet fuq il-post, f'konformità mad-dispożizzjonijiet u l-proċeduri stabbiliti fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 ( 7 ) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 ( 8 ) bil-ħsieb li jiġi stabbilit jekk kienx hemm frodi, korruzzjoni jew kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni b'rabta ma' ftehim dwar għotja jew deċiżjoni dwar għotja jew kuntratt iffinanzjat taħt dan ir-Regolament.
4. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 1, 2 u 3, il-kuntratti u ftehimiet ta' għotja kif ukoll ftehimiet ma' organizzazzjonijiet internazzjonali u ma' servizzi speċjalizzati tal-Istati Membri, li jirriżultaw mill-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament għandhom jinkludu dispożizzjonijiet li b'mod espliċitu jagħtu s-setgħa lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Awdituri u lill-OLAF biex jagħmlu tali awditi u investigazzjonijiet, skont il-kompetenzi rispettivi tagħhom.
Artikolu 8
Monitoraġġ u evalwazzjoni
1. L-azzjonijiet li jirċievu appoġġ finanzjarju taħt dan ir-Regolament għandhom jiġu mmonitorjati b'mod regolari. Sa mhux aktar tard minn 12-il xahar wara l-attivazzjoni tal-appoġġ ta' emerġenza għal sitwazzjoni speċifika f'konformità mal-Artikolu 2, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Kunsill u, fejn xieraq, proposti biex jiġi terminat l-appoġġ.
2. Sas-17 ta' Marzu 2019, il-Kummissjoni għandha tissottometti evalwazzjoni tal-operazzjoni ta' dan ir-Regolament lill-Kunsill, flimkien ma' suġġerimenti għall-ġejjieni ta' dan ir-Regolament u, fejn xieraq, proposti biex jiġi emendat jew imħassar.
Artikolu 9
Dħul fis-seħħ u attivazzjoni
1. Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
2. Il-Kunsill b'dan jiddeċiedi li jattiva l-appoġġ ta' emerġenza taħt dan ir-Regolament mill-jum tad-dħul fis-seħħ tiegħu għall-influss attwali ta' refuġjati u migranti fl-Unjoni, għal perijodu ta' tliet snin.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
ANNESS
Azzjonijiet eliġibbli
L-azzjonijiet li ġejjin jistgħu jiġu ffinanzjati fil-każ ta’ pandemiji li jkollhom effett fuq skala kbira:
it-tisħiħ temporanju tal-forza tax-xogħol medika, l-iskambju ta’ professjonisti mediċi, l-ospitar ta’ pazjenti barranin jew tip ieħor ta’ appoġġ reċiproku;
l-iskjerament ta’ faċilitajiet tal-kura tas-saħħa temporanji u l-estensjoni temporanja ta’ faċilitajiet tal-kura tas-saħħa eżistenti biex tittaffa l-pressjoni fuq l-istrutturi eżistenti u tiżdied il-kapaċità ġenerali tal-kura tas-saħħa;
attivitajiet biex tiġi appoġġata l-amministrazzjoni tal-applikazzjoni fuq skala kbira ta’ testijiet mediċi u biex jitħejjew l-istrateġiji u l-protokolli meħtieġa għall-ittestjar xjentifiku;
l-istabbiliment ta’ faċilitajiet ta’ kwarantina temporanji u miżuri oħra xierqa fil-fruntieri tal-Unjoni;
l-iżvilupp, il-produzzjoni jew l-akkwist u d-distribuzzjoni ta’ prodotti mediċi;
żidiet u konverżjonijiet tal-kapaċitajiet ta’ produzzjoni għall-prodotti mediċi kif imsemmi fil-punt (e) biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet ta’ provvista;
il-manutenzjoni tal-istokk ta’ prodotti mediċi kif imsemmi fil-punt (e) u r-rimi tagħhom;
azzjonijiet biex jiġu appoġġati l-passi meħtieġa biex tinkiseb l-approvazzjoni għall-użu tal-prodotti mediċi kif imsemmi fil-punt (e) jekk meħtieġ;
azzjonijiet biex jiġu żviluppati metodi xierqa għall-intraċċar tal-iżvilupp tal-pandemja u r-riżultati tal-miżuri implimentati biex jindirizzawha;
l-organizzar ta’ provi kliniċi ad hoc ta’ terapiji jew ta’ dijanjostika potenzjali skont l-istandards ta’ prova maqbula fil-livell tal-Unjoni;
il-validazzjoni xjentifika ta’ prodotti mediċi, inklużi metodi ġodda ta’ ttestjar potenzjali.
Il-lista ta’ hawn fuq mhijiex eżawrjenti.
( 1 ) Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).
( 2 ) Regolament (UE) Nru 223/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 dwar il-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn (ĠU L 72, 12.3.2014, p. 1).
( 3 ) Regolament (UE) Nru 513/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 li jistabbilixxi, bħala parti mill-Fond għas-Sigurtà Interna, l-istrument għal appoġġ finanzjarju għall-kooperazzjoni tal-pulizija, il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità, u l-ġestjoni tar-riskji u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/125/JHA (ĠU L 150, 20.5.2014, p. 93).
( 4 ) Regolament (UE) Nru 514/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni u dwar l-istrument għal appoġġ finanzjarju għall-kooperazzjoni tal-pulizija, il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità, u l-ġestjoni tal-kriżijiet (ĠU L 150, 20.5.2014, p. 112).
( 5 ) Regolament (UE) Nru 515/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 li jistabbilixxi, bħala parti mill-Fond għas-Sigurtà Interna, l-istrument għall-appoġġ finanzjarju għall-fruntieri esterni u l-viża u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 574/2007/KE (ĠU L 150, 20.5.2014, p. 143).
( 6 ) Regolament (UE) Nru 516/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 li jistabbilixxi l-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/381/KE u li tħassar id-Deċiżjonijiet Nru 573/2007/KE u Nru 575/2007/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/435/KE (ĠU L 150, 20.5.2014, p. 168).
( 7 ) Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1073/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1).
( 8 ) Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta' Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolarijiet oħra (ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2).