31997D0132



Official Journal L 057 , 26/02/1997 P. 0004 - 0004


Id-Deċiżjoni tal-Kunsill

tas-17 ta’Diċembru 1996

dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u New Zealand dwar miżuri sanitarji applikabbli għal-kummerċ f’annimali ħajjin u prodotti ta’ l-annimali

(97/132/KE)

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 113 li hemm fih,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Billi l-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u New Zealand dwar miżuri sanitarji applikabbli għall-kummerċ f’annimali ħajjin u prodotti ta’ l-annimali jipprovdi mezz adegwat biex jitpoġġew fil-prattika d-disposizzjonijiet tal-Ftehim ta’ l-WTO dwar l-Applikazzjoni ta’ Miżuri Sanitarji u Fitosanitarji fir-rigward ta’ miżuri tas-saħħa ta’ l-annimali;

Billi l-Ftehim se jikkontribwixxi biex jiġi faċilitat il-kummerċ bejn il-Komunità Ewropea u New Zealand f’annimali ħajjin u prodotti ta’ l-annimali permezz tar-rikonoxximent progressiv ta’ l-ekwivalenza tal-miżuri sanitarji, l-aċċettazzjoni ta’ l-applikar tar-reġjonaliżazzjoni u t-titjib tal-komunikazzjoni u l-koperazzjoni;

Billi l-Ftehim għandu jiġi approvat f’isem il-Komunità,

IDDEĊIEDA DAN LI ĠEJ:

Artikolu 1

Il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u New Zealand dwar miżuri sanitarji applikabbli għall-kummerċ f’annimali ħajjin u prodotti ta’ l-annimali qiegħed hawnhekk jiġi approvat f’isem il-Komunità.

It-test tal-Ftehim u l-Anness għall-istess huma mehmuża ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill huwa hawnhekk awtorizzat li jinnomina l-persuna bil-poter li tiffirma l-Ftehim sabiex jorbot lill-Komunità.

Artikolu 3

Il-Kummissjoni, assistita minn rappreżentanti tas-servizzi veterinarji ta’ l-Istati Membri, għandha tirrapreżenta lill-Komunità fil-Kumitat Konġunt ta’ Ġestjoni msemmi fl-Artikolu 16(1) tal-Ftehim.

Il-pożizzjoni tal-Komunità fir-rigward ta’ materji li jkunu se jiġu trattati minn dak il-Kumitat, kif msemmi fl-aħħar sentenza ta’ l-Artikolu 16(2) tal-Ftehim, għandha tiġi stabbilita mill-Kunsill li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni.

Artikolu 4

Fir-rigward ta’ laħam frisk u prodotti bażati fuq il-laħam, garanziji ekwivalenti għal dawk stipulati bid-Direttiva 72/462/KEE [1] għandhom jiġu stabbiliti skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 29 ta’ dik id-Direttiva sabiex jiġi implementat il-Ftehim.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Din id-Deċiżjoni għandha tibda sseħħ fid-data meta tiġi ppubblikata.

Magħmul fi Brussel, fis-17 ta’ Diċembru 1996.

F’isem il-Kunsill

Il-President

I. Yates

[1] ĠU Nru L 302, tal-31.12.1972, p. 28. Direttiva kif l-aħħar emendata bir-Regolament (KEE) Nru 1601/92 (ĠU L 173, tas-27.6.1992, p. 13).

--------------------------------------------------