SENTENZA TAL‑QORTI ĠENERALI (is-Seba’ Awla)

13 ta’ Lulju 2022 ( *1 )

“Klawżola ta’ arbitraġġ – Membru tal-persunal bil-kuntratt internazzjonali ta’ EUCAP Somalia – Missjoni li taqa’ taħt il-politika estera u ta’ sigurtà komuni – Xoljiment tal-kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat matul il-perijodu ta’ prova – Komunikazzjoni tax-xoljiment tal-kuntratt permezz ta’ ittra rreġistrata b’konferma ta’ rċevuta – Bgħit lil indirizz inkomplet – Bidu tad-dekorrenza tat-terminu tar-rimedju intern qabel azzjoni ġudizzjarja – Determinazzjoni tad-dritt applikabbli – Dispożizzjonijiet imperattivi tad-dritt nazzjonali industrijali – Nullità tal-klawżola ta’ perijodu ta’ prova – Komunikazzjoni irregolari tal-avviż tat-temm ta’ impjieg – Allowance kumpensatorja minflok avviż tat-temm ta’ impjieg – Ħlas retroattiv tar-remunerazzjoni – Kontrotalba”

Fil-Kawża T‑165/20,

JC, irrappreżentat minn A. Van Himst, avukata,

rikorrent,

vs

EUCAP Somalia, irrappreżentata minn E. Raoult, avukata,

konvenuta,

IL‑QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla),

komposta minn R. da Silva Passos (Relatur), President, L. Truchot u M. Sampol Pucurull, Imħallfin,

Reġistratur: H. Eriksson, Amministratriċi,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

wara s-seduta tad‑19 ta’ Jannar 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza ( 1 )

1

Permezz tar-rikors tiegħu bbażat fuq l-Artikolu 272 TFUE, ir-rikorrent, JC, jitlob, minn naħa, li jiġu ddikjarati nulli l-ittra tal‑4 ta’ Novembru 2019 (iktar ’il quddiem l-“ittra tal‑4 ta’ Novembru 2019”) u l-ittra tat‑3 ta’ Diċembru 2019 (iktar ’il quddiem l-“ittra tat‑3 ta’ Diċembru 2019”) (iktar ’il quddiem, flimkien, l-“atti ta’ komunikazzjoni tal-avviż tat-temm ta’ impjieg”) li permezz tagħhom EUCAP Somalia kkomunikatlu d-deċiżjoni tagħha li xxolji l-kuntratt ta’ xogħol tiegħu kif ukoll, sa fejn meħtieġ, id-deċiżjoni tal‑24 ta’ Jannar 2020 li permezz tagħha hija ċaħdet ir-rimedju intern mhux dixxiplinari tiegħu (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal‑24 ta’ Jannar 2020”) kontra d-deċiżjoni li jiġi xolt il-kuntratt ta’ xogħol tiegħu kif ikkomunikata mill-ittra tat‑3 ta’ Diċembru 2019 u, min-naħa l-oħra, li EUCAP Somalia tiġi kkundannata tħallsu retroattivament ir-remunerazzjoni tiegħu sad-data tat-tmiem definittiv, regolari u legali tar-relazzjoni kuntrattwali ta’ xogħol tagħhom.

I. Il‑fatti li wasslu għall‑kawża

2

EUCAP Somalia, li kienet EUCAP NESTOR, hija missjoni tal-Unjoni li taqa’ taħt il-politika estera u ta’ sigurtà komuni (PESK) maħluqa permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/389/PESK tas‑16 ta’ Lulju 2012 dwar il-Missjoni tal-Unjoni Ewropea dwar il-Bini tal-Kapaċità fis-Somalja (EUCAP Somalia) (ĠU 2012, L 187, p. 40), meħuda b’applikazzjoni tal-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-Trattat UE, dwar il-PESK. Skont l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 2012/389, kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2020/663 tat‑18 ta’ Mejju 2020 (ĠU 2020, L 157, p. 1), EUCAP Somalia għandha l-għan li tgħin lis-Somalja ssaħħaħ il-kapaċitajiet tagħha fil-qasam tas-sigurtà marittima sabiex tkun tista’ tosserva d-dritt marittimu b’mod iktar effettiv.

3

Wara offerta ta’ reklutaġġ magħmula mid-Dipartiment tar-Riżorsi Umani ta’ EUCAP Somalia u indirizzata lir-rikorrent fil‑25 ta’ Lulju 2019, dan tal-aħħar ġie rreklutat bħala maniġer amministrattiv u finanzjarju permezz ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat iffirmat fl‑20 ta’ Awwissu 2019 mill-Kap tal-Missjoni ta’ EUCAP Somalia (iktar ’il quddiem il-“Kap tal-Missjoni”) u fil‑21 ta’ Awwissu segwenti mir-rikorrent (iktar ’il quddiem il-“kuntratt”).

4

L-Artikolu 17.1 tal-kuntratt kien jistabbilixxi d-dħul fil-kariga tar-rikorrent għat‑8 ta’ Settembru 2019 u kien jipprovdi tul ta’ tnax‑il xahar kif ukoll il-possibbiltà ta’ tiġdid bi ftehim taċitu. Barra minn hekk, l-Artikolu 17.2 tal-kuntratt kien jipprovdi klawżola ta’ perijodu ta’ prova fformulata kif ġej:

“Il-perijodu ta’ prova huwa ta’ tliet (3) xhur. Matul il-perijodu ta’ prova jew fl-iskadenza tiegħu[,] l-[i]mpjegat jitkeċċa jekk ma jkunx wera kwalitajiet professjonali suffiċjenti. Jekk l-[i]mpjegat kien jokkupa l-istess pożizzjoni fil-mument tal-iffirmar tal-kuntratt, ebda perijodu ta’ prova ma japplika.”

5

L-Artikolu 18.1 tal-kuntratt kien jipprovdi li “[i]l-kuntratt [jista’] jiġi xolt jew mill-[p]ersuna li timpjega jew mill-[i]mpjegat wara avviż tat-temm ta’ impjieg bil-miktub ta’ xahar, li jinkludi l-motiv tax-xoljiment. L-[i]mpjegat [għandu] jinstema’ mid-Deputat Kap tal-Missjoni qabel tittieħed tali deċiżjoni, u l-Kap tal-Missjoni għandu jinżamm dejjem informat”.

6

L-Artikolu 21.1 kien jistabbilixxi li “[l-i]mpjegat [jista’] jressaq rimedju intern kontra att li jaffettwa l-interessi tiegħu b’mod negattiv, f’terminu ta’ xahar mid-data ta’ dan l-att […] L-[i]mpjegat [għandu] jinstema’ mid-Deputat Kap tal-Missjoni qabel ma tittieħed deċiżjoni, u l-Kap tal-Missjoni għandu jinżamm dejjem informat”.

7

L-Artikolu 22.1 tal-kuntratt kien jipprovdi li “t-tilwim li jirriżulta mill-kuntratt jew li jirrigwardah [kien] suġġett għall-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea skont l-Artikolu 272 [TFUE]”. Barra minn hekk, l-Artikolu 22.2 tal-kuntratt kien jipprovdi li “l-proċedura ta’ rimedju intern mhux dixxiplinari prevista fl-Artikolu [21] tal-kuntratt [għandha] tiġi eżawrita qabel ma jiġi ppreżentat rikors quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea”.

8

Matul il-fażi preċedenti għall-istazzjonament tar-rikorrent, dan tal-aħħar, fid‑9 ta’ Awwissu 2019, ikkomunika lil EUCAP Somalia ċertifikat mediku tat-tabib tiegħu tal‑31 ta’ Lulju 2019, li jistabbilixxi “stat ta’ saħħa tajjeb” u l-kapaċità tiegħu “li jaħdem fi kwalunkwe parti tad-dinja”. Barra minn hekk, fl‑10 ta’ Awwissu 2019, huwa bagħat lil EUCAP Somalia diversi formoli amministrattivi mimlija bl-idejn u li jirrigwardaw, fir-rigward ta’ tnejn minnhom, minn naħa, id-data personali ta’ kuntatt tiegħu u, min-naħa l-oħra, l-istat tas-sitwazzjoni medika tiegħu.

9

B’mod partikolari, għal dak li jirrigwarda l-formola dwar l-istat tas-sitwazzjoni medika tiegħu, ir-rikorrent semma, fil-kwestjonarju mediku mehmuż ma’ din il-formola, li fl‑2016 kien is-suġġett ta’ trapjant tal-kliewi u li huwa suġġett għal segwitu mediku regolari kull tliet xhur. Barra minn hekk, huwa indika li r-rapport mediku tiegħu kien tajjeb ħafna u li huwa jieħu ħames mediċini. Imbagħad huwa ddikjara li ma sofriex u li lanqas isofri minn mard tal-kliewi u li għandu dijabete sekondarja ssorveljata medikament. Ir-rikorrent iċċertifika li wieġeb b’mod komplet, onest u skont l-aħjar għarfien tiegħu għall-mistoqsijiet tal-kwestjonarju mediku. Huwa impenja ruħu li jinforma immedjatament s-servizz mediku b’kull tibdil eventwali fid-data medika hekk mibgħuta.

10

Fis‑6 ta’ Settembru 2019, il-Kap tad-Dipartiment “Sostenn għall-missjoni” bagħat messaġġ elettroniku lir-rikorrent, sabiex jinformah bis-sospensjoni, minħabba ċirkustanzi imprevisti, tad-data tal-istazzjonament effettiv tiegħu. Fiha ġie ppreċiżat li l-ħlas tas-salarju korrispondenti għas-servizz miftiehem skont il-kuntratt kien żgurat.

11

Fis‑7 ta’ Settembru 2019, ir-rikorrent wieġbu permezz ta’ messaġġ elettroniku u enfasizza li raġunijiet mediċi ma jiġġustifikawx din is-sospensjoni. Ir-rikorrent innota li fl-istess ġurnata kien irċieva komunikazzjoni mill-Konsulent Mediku ta’ EUCAP Somalia, intiża sabiex jikkompleta l-informazzjoni obbligatorja meħtieġa fid-dawl tal-preparazzjoni medika tal-istazzjonament tiegħu, u li kien wieġeb għaliha. Huwa fakkar li fl‑10 ta’ Awwissu 2019, huwa kien diġà ssottometta l-kwestjonarju mediku mehmuż mal-formola dwar l-istat tas-sitwazzjoni medika tiegħu, debitament komplet. Huwa ppreċiża li matul il-proċedura ta’ reklutaġġ, li kienet bdiet f’Marzu 2019, huwa kien ikkomunika l-informazzjoni kollha mitluba minn EUCAP Somalia.

12

Permezz ta’ messaġġ elettroniku tal‑15 ta’ Settembru 2019, il-Kap tad-Dipartiment “Sostenn għall-missjoni” informa lir-rikorrent bl-impossibbiltà tiegħu li jipprovdilu spjegazzjonijiet iddettaljati, filwaqt li indika li l-Kap tal-Missjoni kien qed jipprevedi jikkunsidra mill-ġdid l-istazzjonament tiegħu sabiex josserva d-dmir tiegħu ta’ diliġenza fir-rigward tal-persunal ta’ EUCAP Somalia.

13

Fis‑17 ta’ Settembru 2019, l-avukat tar-rikorrent bagħat messaġġ elettroniku lil EUCAP Somalia intiż sabiex jikseb il-konferma mingħand din tal-aħħar li hija kienet ser tħallsu s-salarju u l-allowances ta’ kuljum korrispondenti sakemm tittieħed deċiżjoni finali dwar l-istazzjonament tiegħu.

14

Fl‑24 ta’ Settembru 2019, espert mediku kien ta opinjoni lill-Konsulent Mediku ta’ EUCAP Somalia dwar il-kundizzjonijiet sanitarji u dwar l-aċċess limitat għar-riżorsi mediċi fis-Somalja, li tinkludi kontraindikazzjoni medika li tintbagħat fit-territorju Somalu, u b’mod partikolari f’Garoowe (is-Somalja), kwalunkwe persuna suġġetta għal trattamenti farmaċewtiċi importanti għal ħajjitha, bħal mediċini immunosuppressivi, injezzjonijiet kwotidjani ta’ insulina minħabba dijabete jew kwalunkwe marda kronika oħra li teħtieġ konsultazzjonijiet mediċi regolari.

15

Fil‑25 ta’ Settembru 2019, id-Deputat Kap tal-Missjoni bagħat, permezz tal-posta elettronika, ittra lir-rikorrent, li fiha ppreċiża, essenzjalment, li l-Kap tal-Missjoni kellu, b’kunsiderazzjoni tal-informazzjoni mibgħuta dwar is-sitwazzjoni medika ġenerali fis-Somalja u tad-dmir ta’ diliġenza tiegħu fir-rigward tal-persunal ta’ EUCAP Somalia, biżgħat sinjifikattivi fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-kuntratt, fid-dawl tal-kundizzjonijiet fiżiċi tar-rikorrent deskritti fil-kwestjonarji mediċi mimlija minn tal-aħħar u tal-limitazzjoni kbira tal-assistenza medika disponibbli fit-Tramuntana tas-Somalja. Huwa stieden lir-rikorrent jiddiskuti matul laqgħa l-kundizzjonijiet tal-istazzjonament previst, li jistgħu jirrappreżentaw riskju reali u sinjifikattiv għas-saħħa tiegħu.

16

Fl-istess ġurnata, ir-rikorrent bagħat lid-Dipartiment tar-Riżorsi Umani ta’ EUCAP Somalia formola dwar id-dettalji bankarji tiegħu, sabiex jippermetti l-ħlas tas-salarji tiegħu, liema formola kienet tinkludi l-indirizz tiegħu flimkien man-numru tat-triq.

17

Fl‑14 ta’ Ottubru 2019, ġiet organizzata laqgħa bejn ir-rikorrent, l-avukat tar-rikorrent, id-Deputat Kap tal-Missjoni, il-Konsulent Mediku tal-Kapaċità Ċivili tal-Ippjanar u t-Tmexxija (iktar ’il quddiem is-“CPCC”), is-servizz legali taċ-CPCC u l-konsulent legali ta’ EUCAP Somalia, sabiex tiġi ppreżentata lir-rikorrent is-sitwazzjoni tal-infrastrutturi mediċi fis-Somalja kif ukoll id-dmir ta’ diliġenza tal-Missjoni u l-espożizzjoni tar-raġunijiet eventwali li jimmotivaw il-possibbiltà ta’ xoljiment tal-kuntratt. Fl-aħħar tal-laqgħa, ir-rikorrent kien informat bil-fatt li EUCAP Somalia kienet ser tikkuntattjah fi żmien ġimgħa.

18

Permezz tal-ittra tal‑4 ta’ Novembru 2019, mibgħuta fit‑8 ta’ Novembru segwenti permezz ta’ ittra rreġistrata b’konferma ta’ rċevuta, il-Kap tal-Missjoni kkomunika lir-rikorrent id-deċiżjoni li jiġi xolt il-kuntratt, wara avviż tat-temm ta’ impjieg ta’ tul ta’ ġimgħa, li beda jiddekorri mit-Tnejn 18 ta’ Novembru 2019. Din l-ittra ntbagħtet lir-rikorrent lill-indirizz li huwa kien semma, fl‑10 ta’ Awwissu 2019, fil-formola dwar id-data personali ta’ kuntatt tiegħu. Dan l-indirizz ma kienx jinkludi numru tat-triq.

19

Fid‑19 ta’ Novembru 2019, ir-rikorrent kiteb permezz ta’ messaġġ elettroniku lid-Deputat Kap tal-Missjoni, lill-Kap tad-Dipartiment “Sostenn għall-missjoni” u lid-Dipartiment tar-Riżorsi Umani ta’ EUCAP Somalia, sabiex jintbagħtulu ċertifikat ta’ impjieg u r-rendikont tal-paga tax-xahrejn preċedenti.

20

Fis‑26 ta’ Novembru 2019, ir-rikorrent, permezz tal-intervent tal-avukat tiegħu, indika lill-konsulent legali ta’ EUCAP Somalia li huwa kien diġà kkomunika lil EUCAP Somalia l-indirizz tiegħu b’mod komplet fil-formola dwar id-dettalji bankarji tiegħu, mibgħuta fil‑25 ta’ Settembru 2019.

21

Permezz tal-ittra tat‑3 ta’ Diċembru 2019, mibgħuta fl-istess ġurnata permezz ta’ ittra rreġistrata b’konferma ta’ rċevuta, u riċevuta mir-rikorrent fil‑5 ta’ Diċembru segwenti, il-Kap tal-Missjoni kkomunika lil dan tal-aħħar id-deċiżjoni ta’ EUCAP Somalia li jiġi xolt il-kuntratt, ifformulata kif ġej:

“Fid-dawl taż-żamma tad-drittijiet u tal-interessi ta’ [EUCAP Somalia] u fil-każ li tixtieq tinvoka l-assenza ta’ validità tal-ittra ta’ [xoljiment] datata 8 ta’ Novembru 2019, nikkomunikawlek pemezz tal-preżenti – mingħajr kwalunkwe preġudizzju u mingħajr rikonoxximent ta’ preġudizzju – id-deċiżjoni tagħna li ntemmu r-relazzjoni ta’ xogħol bejnek u EUCAP Somalia wara avviż tat-temm ta’ impjieg ta’ tul ta’ ġimgħa li ser jibda t-Tnejn 9 ta’ Diċembru 2019”.

22

Fl‑10 ta’ Diċembru 2019, il-konsulent legali ta’ EUCAP Somalia wieġeb għall-messaġġ elettroniku tal-avukat tar-rikorrent tas‑26 ta’ Novembru 2019. Din it-tweġiba kienet tippreċiża li għall-finijiet tal-korrispondenza bejn il-missjoni u l-impjegati tagħha, kienu jgħoddu biss id-dettalji indikati fil-formola dwar id-data personali ta’ kuntatt. Għalhekk, ġie indikat lir-rikorrent li EUCAP Somalia kellha raġun tibgħat fit‑8 ta’ Novembru 2019 l-ittra tal‑4 ta’ Novembru preċedenti abbażi ta’ dawn id-dettalji biss, mingħajr ma kienet ittieħdet inkunsiderazzjoni l-formola bankarja sussegwenti għal dan il-għan. Fil-messaġġ elettroniku tiegħu, il-konsulent legali ta’ EUCAP Somalia żied li, jekk ir-rikorrent ried jikkompleta d-dettalji tiegħu fil-formola dwar id-data personali ta’ kuntatt tiegħu, huwa kellu jibgħat mill-ġdid lill-missjoni din il-formola emendata. Għaldaqstant, skont l-istess messaġġ elettroniku, in-natura inkompleta tal-imsemmija dettalji kienet ġiet meqjusa bħala konsegwenza ta’ nuqqas imputabbli lir-rikorrent.

23

Fis‑16 ta’ Diċembru 2019, id-Dipartiment tar-Riżorsi Umani ta’ EUCAP Somalia bagħat lir-rikorrent ċertifikat ta’ impjieg li jindika, minn naħa, li kienet teżisti relazzjoni kuntrattwali ta’ xogħol bejn it‑8 ta’ Settembru u l‑25 ta’ Novembru 2019, u min-naħa l-oħra, li l-kuntratt ma kienx ġie eżegwit.

24

Fit‑23 ta’ Diċembru 2019, ir-rikorrent, bl-intervent tal-avukat tiegħu, ikkontesta l-perijodu ta’ impjieg imsemmi f’dan iċ-ċertifikat, billi enfasizza li huwa kien irċieva biss ittra datata 3 ta’ Diċembru 2019 li kienet tistabbilixxi avviż tat-temm ta’ impjieg ta’ ġimgħa li jibda jiddekorri mid‑9 ta’ Diċembru segwenti. Huwa enfasizza l-importanza ta’ din l-informazzjoni fir-rigward tal-utilità tagħha fid-dawl tad-dikjarazzjoni ta’ perijodu ta’ impjieg preċiż mal-Assigurazzjoni kontra l-Qgħad Belġjana. Barra minn hekk, huwa talab li tiġi kkomunikata lilu kopja tal-ittra tal‑4 ta’ Novembru 2019, li huwa ma rċeviex.

25

Fit‑2 ta’ Jannar 2020, ir-rikorrent, bl-intervent tal-avukat tiegħu, f’messaġġ elettroniku mibgħut, b’mod partikolari, lill-Kap tal-Persunal fil-kwalità ta’ Deputat Kap tal-Missjoni ta’ EUCAP Somalia, ressaq talba, skont l-Artikolu 21 tal-kuntratt, relatata mal-proċedura ta’ rimedju intern mhux dixxiplinari (iktar ’il quddiem, ir-“rimedju intern”), kontra d-deċiżjoni ta’ EUCAP Somalia li jiġi xolt il-kuntratt kif ikkomunikata bl-ittra tat‑3 ta’ Diċembru 2019.

26

Permezz ta’ ittra tal‑24 ta’ Jannar 2020, riċevuta mir-rikorrent fil‑31 ta’ Jannar segwenti, il-Kap tal-Persunal ta’ EUCAP Somalia ċaħad it-talba tar-rikorrent tat‑2 ta’ Jannar 2020, billi rrifjuta b’mod partikolari li jikklassifikaha bħala rimedju intern, peress li din tal-aħħar ma kinitx ippreżentata fit-terminu, previst fl-Artikolu 21.1 tal-kuntratt, ta’ xahar mill-att ikkontestat. Madankollu, billi argumenta “fini ta’ governanza tajba”, huwa indika li jaċċetta li jwieġeb għat-talba tar-rikorrent. Għalhekk, spjega li d-dmir ta’ diliġenza tiegħu kien jordna x-xoljiment tal-kuntratt b’kunsiderazzjoni tal-inadegwatezza fiżika tar-rikorrent mal-pożizzjoni fid-dawl tas-sitwazzjoni medika tiegħu u tal-istat tal-infrastrutturi mediċi fis-Somalja.

II. It‑talbiet tal‑partijiet

27

Ir-rikorrent jitlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–

tannulla l-ittra tal‑4 ta’ Novembru 2019;

–

tannulla l-ittra tat‑3 ta’ Diċembru 2019;

–

tannulla, sa fejn meħtieġ, id-deċiżjoni tal‑24 ta’ Jannar 2020;

–

tikkundanna lil EUCAP Somalia għall-ħlas retroattiv tar-remunerazzjoni tiegħu sad-data ta’ tmiem definittiv, regolari u legali tar-relazzjoni kuntrattwali;

–

iżżid dawn l-ammonti b’interessi bir-rata stabbilita mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) għall-operazzjonijiet prinċipali ta’ finanzjament mill-ġdid miżjuda b’3.5 punti perċentwali;

–

tikkundanna lil EUCAP għall-ispejjeż.

28

EUCAP Somalia titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–

prinċipalment, tiċħad ir-rikors kollu bħala inammissibbli, jew fi kwalunkwe każ, bħala manifestament nieqes minn kull bażi legali;

–

sussidjarjament u bħala kontrotalba, tiddikjara n-nullità tal-kuntratt minħabba vizzju ta’ kunsens;

–

b’mod iktar sussidjarju u bħala kontrotalba, ixxolji l-kuntratt minħabba forza maġġuri għal raġunijiet mediċi;

–

tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

III. Id‑dritt

29

Qabel ma jiġi analizzat ir-rikors u l-kontrotalba mressqa minn EUCAP Somalia, għandha tiġi eżaminata l-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi dwar din il-kawża u tiddetermina d-dritt applikabbli.

[omissis]

A. Fuq id‑dritt applikabbli

33

Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu u fi tweġiba għal mistoqsija bil-miktub tal-Qorti Ġenerali dwar dan il-punt, ir-rikorrent jenfasizza li, meta rikors jiġi ppreżentat b’applikazzjoni ta’ klawżola ta’ arbitraġġ, id-dritt applikabbli għalih huwa d-dritt nazzjonali magħżul mill-kuntratt jew mill-partijiet. Barra minn hekk, huwa jargumenta li t-talba tiegħu, sa fejn tirrigwarda deċiżjoni li jiġi xolt kuntratt ta’ xogħol, għandha tkun suġġetta għad-dritt sostantiv industrijali applikabbli. F’dan ir-rigward, huwa josserva li EUCAP Somalia rreferiet, fid-deċiżjoni tal‑24 ta’ Jannar 2020, għad-dritt Belġjan. Huwa jżid li ma jopponix l-applikazzjoni ta’ dan id-dritt għar-relazzjoni kuntrattwali inkwistjoni, skont l-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 8(1) tar-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Ġunju 2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I) (ĠU 2008, L 177, p. 6, rettifika fil-ĠU 2009, L 309, p. 87, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Ruma I”) u, tal-inqas, skont l-Artikolu 3(2) u l-Artikolu 8(4) ta’ dan ir-regolament. Għalhekk, ir-rikorrent jinvoka l-applikazzjoni, prinċipalment, ta’ dispożizzjonijiet kuntrattwali u tad-dritt tal-Unjoni u, b’mod supplimentari, tad-dritt Belġjan u, b’mod partikolari, tal-loi relative aux contrats de travail (il-Liġi dwar il-Kuntratti ta’ Xogħol) tat‑3 ta’ Lulju 1978 (Moniteur belge tat‑22 ta’ Awwissu 1978, p. 9277) (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Kuntratti ta’ Xogħol”). Barra minn hekk, ir-rikorrent jiddikjara li d-dispożizzjonijiet imperattivi tad-dritt Belġjan għandu jkollhom preċedenza fuq id-dispożizzjonijiet kuntrattwali kuntrarji għalihom.

34

Min-naħa tagħha, EUCAP Somalia ssostni li għandu japplika, prinċipalment, id-dritt awtonomu tal-missjonijiet ċivili tal-Unjoni li jaqgħu taħt il-PESK, jiġifieri l-kuntratt, il-Kodiċi ta’ Kondotta u Dixxiplina, u l-proċeduri operattivi standard, skont l-Artikolu 1.1 tal-kuntratt. Hija tinvoka wkoll l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u, b’mod supplimentari, id-dritt sostantiv nazzjonali applikabbli għall-kuntratt, jiġifieri f’dan il-każ id-dritt Belġjan, li huwa d-dritt tar-residenza permanenti tar-rikorrent, b’applikazzjoni tar-Regolament Ruma I, u b’mod partikolari, tal-Artikolu 8(4) ta’ dan ir-regolament. Barra minn hekk, EUCAP Somalia ddikjarat, essenzjalment, li l-applikazzjoni tal-kuntratt fil-każ ta’ sitwazzjoni li huwa ppreveda għandu jkollha l-ewwel preċedenza, b’tali mod li l-Qorti Ġenerali ma tistax, meta l-ġurisdizzjoni tagħha hija bbażata fuq l-Artikolu 272 TFUE, tonqos milli tapplika klawżola tal-kuntratt anki meta din il-klawżola tkun kuntrarja għad-dispożizzjonijiet imperattivi tad-dritt nazzjonali applikabbli għall-kuntratt.

35

Il-partijiet ikkonfermaw li d-dritt sostantiv nazzjonali applikabbli għall-kuntratt kien id-dritt Belġjan u li sabiex tiġi eżaminata r-responsabbiltà kuntrattwali eventwali ta’ EUCAP Somalia, għandhom japplikaw, prinċipalment, id-dispożizzjonijiet tal-kuntratt u tal-annessi tiegħu, u b’mod supplimentari, id-dritt Belġjan għal dak li jirrigwarda l-kwistjonijiet mhux ittrattati mill-kuntratt. Madankollu, il-partijiet sostnew in-nuqqas ta’ qbil tagħhom dwar is-supremazija tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet imperattivi tad-dritt nazzjonali applikabbli għall-kuntratt fuq id-dispożizzjonijiet li jkunu kuntrarji għalihom.

36

Qabelxejn, għandu jitfakkar li skont l-Artikolu 340(1) TFUE, ir-responsabbiltà kuntrattwali tal-Unjoni hija rregolata mil-liġi applikabbli għall-kuntratt inkwistjoni.

37

It-tilwim imnissel waqt l-eżekuzzjoni ta’ kuntratt għandu jiġi deċiż, bħala prinċipju, abbażi tal-klawżoli kuntrattwali (ara s-sentenza tat‑18 ta’ Novembru 2015, Synergy Hellas vs Il-Kummissjoni, T‑106/13, EU:T:2015:860, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata). L-interpretazzjoni tal-kuntratt fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali applikabbli għall-kuntratt hija ġġustifikata biss f’każ ta’ dubju dwar il-kontenut tal-kuntratt jew dwar is-sinjifikat ta’ wħud mill-klawżoli tiegħu, jew meta l-kuntratt waħdu ma jippermettix li jiġu riżolti l-aspetti kollha tat-tilwima. Għalhekk, l-evalwazzjoni tal-fondatezza tar-rikors għandha ssir fid-dawl tad-dispożizzjonijiet kuntrattwali biss u wieħed għandu jirrikorri għad-dritt nazzjonali applikabbli għall-kuntratt biss jekk dawn id-dispożizzjonijiet ma jippermettux li t-tilwima tiġi deċiża (ara f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2017, Talanton vs Il-Kummissjoni, T‑65/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:491, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38

Madankollu, dan il-prinċipju ma jistax iwassal sabiex l-applikazzjoni ta’ klawżoli ta’ kuntratt tippermetti lill-partijiet jevitaw id-dispożizzjonijiet imperattivi tad-dritt sostantiv nazzjonali applikabbli, li minnhom ma tistax issir deroga u li b’konformità magħhom l-obbligi li jirriżultaw mill-kuntratt għandhom jiġu jew ġew eżegwiti.

39

Barra minn hekk, meta l-istituzzjonijiet, korpi jew organi tal-Unjoni jeżegwixxu kuntratt, huma jibqgħu suġġetti għall-obbligi imposti fuqhom skont il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) u l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni (ara f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, ADR Center vs Il-Kummissjoni, C‑584/17 P, EU:C:2020:576, punt 86). Għalhekk, jekk il-partijiet jiddeċiedu, fil-kuntratt tagħhom, permezz ta’ klawżola ta’ arbitraġġ, li jattribwixxu lill-qorti tal-Unjoni l-ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni ta’ tilwim marbut ma’ dan il-kuntratt, din il-qorti jkollha ġurisdizzjoni, indipendentement mid-dritt applikabbli stipulat fl-imsemmi kuntratt, sabiex teżamina l-possibbiltà ta’ ksur tal-Karta u tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni (sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Inclusion Alliance for Europe vs Il-Kummissjoni, C‑378/16 P, EU:C:2020:575, punt 81).

40

Fil-każ li l-kuntratt ikun sieket dwar dan, il-qorti tal-Unjoni għandha, jekk ikun il-każ, tiddetermina d-dritt applikabbli billi tuża r-regoli previsti mir-Regolament Ruma I (ara f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Frar 2016, Calberson GE vs Il-Kummissjoni, T‑164/14, EU:T:2016:85, punt 25).

41

F’dan ir-rigward, l-Artikolu 3(1) u (2) tar-Regolament Ruma I jipprovdi dan li ġej:

“1.   Kuntratt għandu jkun regolat mil-liġi magħżula mill-partijiet. L-għażla għandha ssir espressament jew tkun manifestata b’mod ċar permezz tat-termini tal-kuntratt jew taċ-ċirkostanzi tal-każ. Bl-għażla tagħhom, il-partijiet jistgħu jagħżlu l-liġi applikabbli għat-totalità jew għal parti biss tal-kuntratt.

2.   Il-partijiet jistgħu jiftiehmu f’kull mument li jissuġġettaw il-kuntratt għal liġi diversa minn dik li preċedentement kienet tirregolah, kemm jekk bħala riżultat ta’ għażla preċedenti taħt dan l-Artikolu kif ukoll bħala riżultat ta’ dispożizzjonijiet oħra ta’ dan ir-Regolament. Kwalunkwe bidla, fir-rigward tal-liġi applikabbli, li ssir wara l-konklużjoni tal-kuntratt, m’għandhiex tippreġudika l-validità formali tal-kuntratt taħt l-Artikolu 11 jew tinċidi fuq id-drittijiet ta’ persuni terzi”.

42

L-Artikolu 8 tar-Regolament Ruma I applikabbli għall-kuntratti individwali ta’ xogħol, huwa fformulat kif ġej:

“1.   Kuntratt individwali ta’ impjieg għandu jkun regolat mil-liġi magħżula mill-partijiet skond l-Artikolu 3. Madankollu, tali għażla ma tistax twassal li ċċaħħad l-impjegat mill-protezzjoni mogħtija lilu permezz ta’ dispożizzjonijiet li ma jistgħux jiġu derogati bi ftehim taħt il-liġi li, fin-nuqqas ta’ għażla, kienet tkun applikabbli skond il-paragrafi 2, 3 u 4 ta’ dan l-Artikolu.

2.   Sa fejn il-liġi applikabbli għall-kuntratt individwali ta’ l-impjieg ma ntgħażlitx mill-partijiet, il-kuntratt għandu jkun regolat mil-liġi tal-pajjiż li fih jew, fin-nuqqas ta’ dan, li minnu l-impjegat abitwalment jeżerċita l-impjieg tiegħu fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt. Il-pajjiż li fih ix-xogħol abitwalment jitwettaq m’għandux jitqies li nbidel jekk il-persuna tiġi impjegata temporanjament f’pajjiż ieħor.

3.   Fejn il-liġi applikabbli ma tkunx tista’ tiġi determinata skond il-paragrafu 2, il-kuntratt għandu jkun regolat mil-liġi tal-pajjiż fejn ikun jinsab in-negozju li fih ġie impjegat.

4.   Fejn mit-totalità taċ-ċirkostanzi jirriżulta li l-kuntratt ta’ impjieg ikun aktar marbut ma’ pajjiż divers minn dak indikat fil-paragrafu 2 jew 2a [3], għandha tapplika l-liġi ta’ dak il-pajjiż l-ieħor”.

43

F’dan il-każ, il-kuntratt ma jispeċifikax il-liġi li tapplika għalih. Madankollu, il-partijiet jaqblu fuq l-għażla tad-dritt Belġjan bħala d-dritt nazzjonali applikabbli għall-kuntratt. Għalhekk, skont il-prinċipji li jirriżultaw mill-Artikolu 3 tar-Regolament Ruma I, li għalih jirreferi l-Artikolu 8(1) ta’ dan l-istess regolament, id-dritt Belġjan huwa d-dritt nazzjonali applikabbli għall-kuntratt.

44

Fi kwalunkwe każ, kif ġustament targumenta EUCAP Somalia, mingħajr kontestazzjoni tar-rikorrent, miċ-ċirkustanzi kollha jirriżulta li l-kuntratt għandu rabtiet iktar stretti mal-Belġju. Huwa minnu li l-post ta’ eżekuzzjoni previst fl-Artikolu 5.1 tal-kuntratt kienet il-Belt ta’ Garoowe. Madankollu, huwa stabbilit li l-kuntratt ma kienx eżegwit fil-post ta’ stazzjonament effettiv fis-Somalja, li r-rikorrent baqa’ fil-Belġju matul il-perijodu ta’ impjieg, li huwa għandu nazzjonalità Belġjana u huwa resident permanenti fil-Belġju, li l-proċedura ta’ reklutaġġ u l-iffirmar tal-kuntratt seħħew fil-Belġju, u fl-aħħar nett li l-kriterju ta’ residenza permanenti għad-determinazzjoni tad-dritt applikabbli għall-obbligi ta’ sigurtà soċjali b’applikazzjoni tal-Artikolu 13 tal-kuntratt jimplika l-għażla tal-Belġju. Għalhekk, jekk jiġi preżunt li għandu japplika l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Ruma I minflok id-dispożizzjonijiet tiegħu msemmija fil-punt 43 iktar ’il fuq, id-dritt Belġjan jibqa’ d-dritt nazzjonali applikabbli għall-kuntratt.

45

F’dawn iċ-ċirkustanzi, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 37 iktar ’il fuq, din it-tilwima għandha tiġi eżaminata, prinċipalment, abbażi tal-kuntratt, u b’mod supplimentari, abbażi tad-dritt nazzjonali Belġjan, f’każ ta’ dubju dwar il-kontenut tal-kuntratt jew dwar is-sinjifikat ta’ wħud mill-klawżoli tiegħu, jew meta l-kuntratt waħdu ma jippermettix li jiġu riżolti l-aspetti kollha tat-tilwima. Barra minn hekk, l-applikazzjoni tal-klawżoli tal-kuntratt ma tistax tippermetti lill-partijiet jevitaw id-dispożizzjonijiet imperattivi tad-dritt Belġjan, li minnhom ma tistax issir deroga u li b’konformità magħhom l-obbligi li jirriżultaw mill-kuntratt għandhom jiġu jew ġew eżegwiti.

B. Fuq ir‑rikors

46

It-talbiet ippreżentati mir-rikorrent jinkludu, minn naħa, talba intiża sabiex l-atti ta’ komunikazzjoni tal-avviż tat-temm ta’ impjieg u, sa fejn meħtieġ, id-deċiżjoni tal‑24 ta’ Jannar 2020 jiġu ddikjarati nulli, u min-naħa l-oħra, talba għad-danni.

1.   Fuq l‑ammissibbiltà tar‑rikors

47

EUCAP Somalia tqajjem żewġ eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà, l-ewwel waħda bbażata fuq nuqqas ta’ ċarezza u preċiżjoni tar-rikors, u t-tieni bbażata fuq l-assenza ta’ eżawriment tal-proċedura ta’ rimedju intern prevista fil-kuntratt.

[omissis]

a)   Fuq l‑eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq l‑assenza ta’ eżawriment tal‑proċedura ta’ rimedju intern

58

EUCAP Somalia tqajjem l-inammissibbiltà ta’ dan ir-rikors għar-raġuni li r-rikorrent ma ppreżentax preliminarjament rimedju intern fit-terminu ta’ xahar previst fl-Artikolu 21.1 tal-kuntratt, li beda mit‑8 ta’ Novembru 2019, meta ntbagħtet l-ittra tal‑4 ta’ Novembru 2019. Għaldaqstant, ir-rikorrent baqa’ fin-nuqqas li jeżawrixxi l-proċedura kuntrattwali ta’ rimedju intern prevista fl-Artikolu 22.2 tal-kuntratt.

59

Għandu jitfakkar li l-Artikolu 22.2 tal-kuntratt jissuġġetta t-tressiq ta’ kawża quddiem il-qorti tal-Unjoni għall-kundizzjoni tal-eżawriment tal-proċedura ta’ rimedju intern prevista fl-Artikolu 21.1 tal-kuntratt, li għandha bilfors tiġi introdotta f’terminu ta’ xahar mid-data tal-att li jaffettwa b’mod negattiv l-interessi tar-rikorrent.

60

Għalhekk, l-ammissibbiltà ta’ dan ir-rikors għandha tiġi evalwata fid-dawl ta’ qari konġunt tal-Artikoli 21.1 u 22 tal-kuntratt. Hija l-Qorti Ġenerali li għandha tivverifika, b’applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, l-osservanza mir-rikorrent tal-eżawriment tal-proċedura kuntrattwali ta’ rimedju intern. B’mod partikolari, huwa neċessarju li jiġi ddeterminat jekk ir-rikorrent ippreżentax dan ir-rimedju fit-terminu ta’ xahar mid-data tad-deċiżjoni li taffettwa l-interessi tiegħu b’mod negattiv.

61

Kif ġie indikat fil-punt 39 iktar ’il fuq, waqt li teżegwixxi kuntratt, l-amministrazzjoni tal-Unjoni tibqa’ suġġetta għall-obbligi li hija għandha skont il-Karta.

62

F’dan ir-rigward, huwa neċessarju li jiġi żgurat li l-kwistjonijiet kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti għal tilwima jiġu eżaminati sabiex tiġi ggarantita protezzjoni ġudizzjarja effettiva prevista fl-Artikolu 47 tal-Karta (ara f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Inclusion Alliance for Europe vs Il-Kummissjoni, C‑378/16 P, EU:C:2020:575, punt 79), li jipprovdi li “[k]ull persuna għandha d-dritt għal smigħ […] minn qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita […] bil-liġi”.

63

Għalhekk, meta kuntratt li jinkludi klawżola ta’ arbitraġġ għall-benefiċċju tal-qorti tal-Unjoni skont l-Artikolu 272 TFUE jinkludi dispożizzjoni li, qabel tiġi adita l-Qorti Ġenerali, parti għandha teżawrixxi rimedju intern, għandu jiġi żgurat li dan tal-aħħar seta’ jiġi eżerċitat f’kundizzjonijiet li ma jċaħħdux lill-persuna kkonċernata mid-dritt tagħha għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

64

Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jeżisti prinċipju fundamentali fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni li jeħtieġ li att li jirriżulta minn awtoritajiet pubbliċi ma jistax jiġi invokat kontra individwi qabel ma tkun teżisti l-possibbiltà li dawn ikollhom għarfien tiegħu (ara f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Jannar 1979, Racke, 98/78, EU:C:1979:14, punt 15).

65

Għalhekk, ir-referenza għad-data tal-att ikkonċernat, prevista fl-Artikolu 21.1 tal-kuntratt u li tikkostitwixxi l-bidu tad-dekorrenza tat-terminu ta’ xahar li jikkundizzjona l-introduzzjoni regolari fis-sens tal-kuntratt ta’ rimedju intern, għandha tiġi interpretata bħala d-data li fiha r-rikorrent tqiegħed f’pożizzjoni li jkun jaf b’mod utli bil-kontenut ta’ dan l-att.

66

Għall-finijiet tad-determinazzjoni tad-data ta’ li fiha r-rikorrent sar jaf bid-deċizjoni li jiġi xolt il-kuntratt, għandu jitfakkar li hija l-parti li tinvoka t-tardività ta’ rikors li għandha tipproduċi l-prova tad-data li fiha d-deċiżjoni kkontestata kienet ikkomunikata, u fi kwalunkwe każ, tad-data li fiha l-persuna kkonċernata saret taf biha jekk tkun miżura ta’ natura individwali (ara b’analoġija, is-sentenza tad‑29 ta’ Novembru 2018, WL vs ERCEA, T‑493/17, mhux ippubblikata, EU:T:2018:852, punt 59). Għalhekk, f’dan il-każ hija EUCAP Somalia li għandha turi dan.

67

Permezz ta’ ittra tat‑2 ta’ Jannar 2020, ir-rikorrent introduċa, abbażi tal-Artikolu 21.1 tal-kuntratt, rimedju intern kontra l-ittra tat‑3 ta’ Diċembru 2019 ekwivalenti għall-komunikazzjoni tad-deċiżjoni li jiġi xolt il-kuntratt, li sar jaf biha effettivament fil‑5 ta’ Diċembru segwenti.

68

Madankollu, EUCAP Somalia ssostni li r-rikorrent kien diġà jaf bid-deċiżjoni li jiġi xolt il-kuntratt sa mill-komunikazzjoni magħmula bil-bgħit fit‑8 ta’ Novembru 2019 fir-residenza tiegħu permezz ta’ ittra rreġistrata b’konferma ta’ rċevuta tal-ittra tal‑4 ta’ Novembru 2019. Għalhekk, b’applikazzjoni tal-Artikoli 21.1 u 22.2 tal-kuntratt, ir-rikorrent kellu jintroduċi rimedju intern kontra din id-deċiżjoni sa mhux iktar tard mit‑8 ta’ Diċembru 2019 u l-ittra tiegħu tat‑2 ta’ Jannar 2020 ma tistax titqies bħala att li introduċa rimedju intern regolari.

69

F’dan ir-rigward, EUCAP Somalia tesponi li diversi elementi inkoerenti jirriżultaw mill-fajl relatat mat-talba għal għajnuna legali mressqa mir-rikorrent qabel il-preżentazzjoni ta’ dan ir-rikors u miċħuda mill-President tal-Qorti Ġenerali permezz ta’ digriet tad‑9 ta’ Settembru 2020. Dawn l-elementi juru li huwa kien jaf bid-deċiżjoni li jiġi xolt il-kuntratt sa mix-xhur ta’ Novembru u Diċembru 2019. B’mod partikolari, ir-rikorrent kien irċieva allowances tal-qgħad sa mill‑1 ta’ Diċembru 2019, wara talba li huwa kien għamel lil EUCAP Somalia fid‑19 ta’ Novembru 2019 sabiex jikseb ċertifikat ta’ impjieg. Skont EUCAP Somalia, ir-reġistrazzjoni mal-awtoritajiet Belġjani kompetenti fil-qasam tal-qgħad għandha bħala prinċipju sseħħ fi żmien tmint ijiem mill-ewwel ġurnata ta’ qgħad u teħtieġ li tiġi prodotta lil dawn l-awtoritajiet il-prova tad-deċiżjoni li jiġi xolt il-kuntratt, li jimplika għarfien ta’ din id-deċiżjoni.

70

Barra minn hekk, EUCAP Somalia tikkontesta li r-rikorrent jista’ jinvoka li ma rċeviex l-ittra tal‑4 ta’ Novembru 2019 għar-raġuni li din intbagħtet lil indirizz inkomplet. Fil-fatt, din l-ittra kienet mibgħuta lill-indirizz indikat mir-rikorrent fil-formola dwar id-data personali ta’ kuntatt tiegħu, l-unika formola li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni għall-korrispondenza postali bejn il-partijiet. Għalhekk, l-eventwali bgħit lil indirizz inkomplet kien il-konsegwenza ta’ nuqqas mhux skużabbli tar-rikorrent, li ma jistax jiġi attribwit lil EUCAP Somalia.

71

Fl-ewwel lok, għal dak li jirrigwarda l-allegat għarfien tar-rikorrent, f’Novembru 2019, tal-kontenut tal‑ittra tal‑4 ta’ Novembru 2019, għandu jiġi rrilevat li, minkejja li EUCAP Somalia għażlet li tikkomunika l-ittra tal‑4 ta’ Novembru 2019 billi tibgħat ittra rreġistrata fit‑8 ta’ Novembru segwenti, hija ma tipproducix il-prova ta’ din il-komunikazzjoni, b’mod partikolari bil-produzzjoni tal-konferma ta’ rċevuta tal-ittra rreġistrata debitament iffirmata mir-rikorrent jew bid-depożitu ta’ avviż ta’ passaġġ għall-aħħar indirizz indikat minn dan tal-aħħar. Għalhekk, ma jistax jiġi stabbilit li l-ittra tal‑4 ta’ Novembru 2019 waslet lir-rikorrent f’Novembru 2019, u għalhekk, li f’din id-data huwa seta’ jkun jaf b’mod utli bid-deċiżjoni li jiġi xolt il-kuntratt.

72

Barra minn hekk, il-fatt li r-rikorrent kien ikkontesta, fit‑23 ta’ Diċembru 2019, il-perijodu ta’ impjieg imsemmi fiċ-ċertifikat ta’ impjieg tas‑16 ta’ Diċembru 2019 (ara l-punt 24 iktar ’il fuq), sa fejn id-data ta’ terminazzjoni tal-kuntratt li kienet indikata fih, jiġifieri l‑25 ta’ Novembru 2019, ma kinitx tikkorrispondi għad-data tat-terminazzjoni tal-avviż tat-temm ta’ impjieg indikata fl-ittra tat‑3 ta’ Diċembru 2019, u kien talab f’dik l-okkażjoni li tiġi kkomunikata lilu kopja tal-ittra tal‑4 ta’ Novembru 2019, li għaliha kienet saret referenza fl-ittra tat‑3 ta’ Diċembru 2019, jikkorrobora l-fatt li huwa ma kienx jaf bil-kontenut ta’ din l-ewwel ittra f’Diċembru 2019.

73

Huwa minnu li EUCAP Somalia bagħtet din l-ittra lill-indirizz imsemmi mir-rikorrent fil-formola dwar id-data personali ta’ kuntatt tiegħu u l-partijiet jaqblu li dan l-indirizz huwa ta’ natura inkompleta, peress li r-rikorrent naqas milli jsemmi n-numru tat-triq.

74

Madankollu, minn naħa, mill-fajl jirriżulta li r-rikorrent kien, qabel il-bgħit kontenzjuż, bagħat lil EUCAP Somalia indirizz komplet, li jinkludi n-numru tat-triq, f’żewġ formoli oħra, waħda dwar l-indikazzjoni tal-identità ta’ aventi kawża f’każ ta’ mewt, mibgħuta fl-istess ħin tal-formola dwar id-data personali ta’ kuntatt tiegħu, u l-oħra dwar id-dettalji bankarji tiegħu, mibgħuta permezz ta’ messaġġ elettroniku fil‑25 ta’ Settembru 2019.

75

Għalhekk, EUCAP Somalia setgħet, billi taġixxi b’mod diliġenti, tqiegħed lir-rikorrent f’pożizzjoni li jkun jaf b’mod utli bil-kontenut tal-ittra tal‑4 ta’ Novembru 2019 billi tfittex l-indirizz komplet tiegħu, li kien jinsab fl-informazzjoni li huwa kien ipprovda. Għaldaqstant, fiċ-ċirkustanzi partikolari ta’ dan il-każ, EUCAP Somalia ma tistax tinvoka l-fatt li r-rikorrent bagħtilha, fil-formola dwar id-data personali ta’ kuntatt tiegħu, indirizz li ma jsemmix in-numru tat-triq.

76

Barra minn hekk, fir-rigward tal-argumenti ta’ EUCAP Somalia bbażati fuq il-fajl tal-għajnuna legali tar-rikorrent, huwa minnu li minn dan il-fajl jirriżulta li r-rikorrent ibbenefika minn allowance tal-qgħad imħallsa mill-awtoritajiet Belġjani kompetenti għax-xahar ta’ Diċembru kollu. Madankollu, id-dokument li jikkostitwixxi l-prova ta’ dan il-ħlas huwa datat 16 ta’ Jannar 2020. Barra minn hekk, mill-qari tar-rimedju intern introdott mir-rikorrent fit‑2 ta’ Jannar 2020 jidher li, f’din id-data, huwa kien indika li ma kienx ibbenefika minn dawn l-allowances minħabba n-natura inkompleta tal-fajl amministrattiv tiegħu. Għaldaqstant, ma jistax jiġi eskluż li l-allowance tal-qgħad tħallset b’mod retroattiv sa minn data sussegwenti għat‑2 ta’ Jannar 2020, u abbażi taċ-ċertifikat ta’ impjieg mibgħut minn EUCAP Somalia lir-rikorrenti fis‑16 ta’ Diċembru 2019, li jsemmi data ta’ terminazzjoni tal-perijodu ta’ impjieg identika għal dik tat-terminazzjoni tal-avviż tat-temm ta’ impjieg imsemmija fl-ittra tal‑4 ta’ Novembru 2019. Għalhekk, minn dan il-ħlas retroattiv, ma jistax jiġi dedott b’ċertezza suffiċjenti li r-rikorrent seta’, qabel is‑16 jew it‑23 ta’ Diċembru 2019 jew saħansitra qabel it‑2 ta’ Jannar 2020, jinforma lill-awtoritajiet Belġjani bid-deċiżjoni li jiġi xolt il-kuntratt kif ikkomunikata bl-ittra tal‑4 ta’ Novembru 2019.

77

Bl-istess mod, il-komunikazzjoni mir-rikorrent lil EUCAP Somalia tad-dettalji kompleti tiegħu, fis‑26 ta’ Novembru 2019, ma tippermettix li jitqies li, f’din id-data, huwa kien jaf bl-ittra tal‑4 ta’ Novembru 2019. Din it-tfakkira tar-rikorrent lil EUCAP Somalia sabiex jiżgura li kull komunikazzjoni kienet jew ser tkun mibgħuta lill-indirizz it-tajjeb, tista’ tiġi spjegata mill-kontenut tal-informazzjoni li huwa kien irċieva matul il-laqgħa tal‑14 ta’ Ottubru 2019, li kien jimplika l-istennija tal-komunikazzjoni ulterjuri fir-residenza tiegħu ta’ deċiżjoni ta’ EUCAP Somalia. Fil-fatt, waqt din il-laqgħa, EUCAP Somalia informat lir-rikorrent li dan l-istadju ma kellux l-iskop, min-naħa tagħha, li tittieħed immedjatament deċiżjoni dwar il-kuntratt, iżda pjuttost kienet intiża sabiex tagħtih l-okkażjoni li jirċievi spjegazzjonijiet dwar il-kundizzjonijiet tal-ħajja fil-post tax-xogħol, sabiex tiġbor il-kummenti u l-mistoqsijiet tiegħu u tinformah li EUCAP Somalia kienet ser terġa’ tagħmel kuntatt miegħu fi żmien ġimgħa. Għalhekk, din il-komunikazzjoni ma tistax fiha nnifisha turi li r-rikorrent kien jaf bl-ittra tal‑4 ta’ Novembru 2019 fid-data tas‑26 ta’ Novembru segwenti.

78

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandu jiġi konkluż li EUCAP Somalia ma tipproduċix il-prova li r-rikorrent kien jaf b’mod utli, f’Novembru 2019, bil-kontenut tal-ittra tal‑4 ta’ Novembru 2019. Barra minn hekk mill-fajl jirriżulta li r-rikorrent tqiegħed f’pożizzjoni li jkun jaf b’mod utli biha fid-data tal‑31 ta’ Jannar 2020, data li fiha l-imsemmija ittra ġiet effettivament ikkomunikata lilu minn EUCAP Somalia bħala anness tad-deċiżjoni tal‑24 ta’ Jannar 2020.

79

Fit-tieni lok, fir-rigward tad-data li fiha r-rikorrent sar jaf effettivament bil-kontenut tal-ittra tat‑3 ta’ Diċembru 2019, il-partijiet jaqblu li d-deċiżjoni li jiġi xolt il-kuntratt ġiet ikkomunikata lir-rikorrent bil-bgħit, lill-indirizz komplet tiegħu, ta’ din l-ittra, debitament riċevuta u miġjuba għall-għarfien tiegħu fil‑5 ta’ Diċembru segwenti.

80

Għaldaqstant, peress li d-deċiżjoni li jiġi xolt il-kuntratt, kif ikkomunikata bl-ittra tat‑3 ta’ Diċembru 2019, kienet miżura individwali li taffettwa sfavorevolment lir-rikorrent, dan tal-aħħar seta’ jipprevali mill-Artikolu 21.1 tal-kuntratt u jintroduċi rikors permezz ta’ ittra tat‑2 ta’ Jannar 2020, liema rikors għandu jiġi kklassifikat bħala rimedju intern kontra din id-deċiżjoni.

81

Peress li dan ir-rimedju intern ġie introdott mir-rikorrent fi żmien xahar minn meta sar jaf bl-ittra tat‑3 ta’ Diċembru 2019 li tikkawżalu preġudizzju, b’konformità mal-Artikolu 21.1 tal-kuntratt, dan ir-rikors, ippreżentat b’konformità mal-Artikolu 22.2 tal-kuntratt, huwa ammissibbli. Għaldaqstant, għandha tiġi miċħuda l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma minn EUCAP Somalia f’dan ir-rigward.

2.   Fuq il‑ksur li jaffettwa l‑atti ta’ komunikazzjoni tal‑avviż tat‑temm ta’ impjieg u d‑deċiżjoni tal‑24 ta’ Jannar 2020

82

Fil-kuntest tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent ma jikkontestax id-deċiżjoni li jiġi xolt il-kuntratt fiha nnifisha, jew fi kliem ieħor, id-dritt ta’ EUCAP Somalia li tittermina r-relazzjoni ta’ xogħol.

83

Mill-banda l-oħra, ir-rikorrent jitlob li l-atti ta’ komunikazzjoni tal-avviż tat-temm ta’ impjieg, u sa fejn meħtieġ, id-deċiżjoni tal‑24 ta’ Jannar 2020, jiġu ddikjarati nulli sa fejn jiksru diversi dispożizzjonijiet tal-kuntratt kif ukoll id-dritt tal-Unjoni, u jekk ikun il-każ, id-dritt nazzjonali applikabbli.

a)   Fuq l‑atti ta’ komunikazzjoni tal‑avviż tat‑temm ta’ impjieg

84

Insostenn tat-talba tiegħu li l-atti ta’ komunikazzjoni tal-avviż tat-temm ta’ impjieg jiġu ddikjarati nulli, ir-rikorrent jinvoka, essenzjalment, l-ewwel, il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, it-tieni, għal dak li jirrigwarda b’mod partikolari l-ittra tal‑4 ta’ Novembru 2019, l-“assenza ta’ effett u ta’ validità” ta’ din l-ittra kif ukoll il-ksur tal-Artikolu 21 tal-kuntratt u tad-dritt għal smigħ waqt il-proċedura ta’ rimedju intern, it-tielet, il-ksur tal-Artikolu 18.1 u tal-Artikolu 17.2 tal-kuntratt, u r-raba’, il-ksur tal-Liġi dwar il-Kuntratti ta’ Xogħol fil-każ li japplika d-dritt Belġjan.

85

Il-Qorti Ġenerali ser teżamina suċċessivament l-ewwel tliet motivi tar-rikorrent. Fir-rigward tar-raba’ motiv, dan ġie invokat, essenzjalment, insostenn tat-tieni u tat-tielet motiv u ser jiġi eżaminat f’dan il-kuntest.

[omissis]

1) Fuq l‑assenza ta’ validità u ta’ effett tal‑komunikazzjoni tad‑deċiżjoni li jiġi xolt il‑kuntratt permezz tal‑ittra tal‑4 ta’ Novembru 2019 u l‑ksur tad-dritt għal smigħ previst fl‑Artikolu 21 tal‑kuntratt

99

Ir-rikorrent iqajjem in-nullità tal-ittra tal‑4 ta’ Novembru 2019 peress li din kienet ikkomunikata lilu biss permezz tad-deċiżjoni li ċaħdet ir-rimedju intern tiegħu. Insostenn ta’ dan l-argument, minn naħa, huwa jinvoka li din l-ittra ma kinitx ikkomunikata lilu b’mod regolari u ma tissodisfax il-kundizzjonijiet ta’ validità formali imposti f’dan ir-rigward mid-dritt Belġjan. Min-naħa l-oħra, huwa jinvoka ksur minn EUCAP Somalia tal-Artikolu 21 tal-kuntratt u tad-dritt għal smigħ waqt il-proċedura ta’ rimedju intern.

100

Fir-rigward tar-regolarità tal-komunikazzjoni tal-ittra tal‑4 ta’ Novembru 2019, ir-rikorrent isostni li l-bgħit ta’ din l-ittra huwa irregolari sa fejn dan seħħ fit‑8 ta’ Novembru segwenti permezz ta’ ittra rreġistrata mibgħuta lil indirizz inkomplet. Huwa jżid li s-sempliċi prova tal-ħlas ta’ ittra rreġistrata ma hijiex suffiċjenti sabiex tistabbilixxi l-prova tal-bgħit, iżda li hija l-prova li l-ittra ġiet riċevuta li hija ta’ prova fid-dritt Belġjan. Barra minn hekk, il-komunikazzjoni sussegwenti minn EUCAP Somalia, f’Jannar 2020, tal-ittra tal‑4 ta’ Novembru 2019 ma tiswiex bħala regolarizzazzjoni tal-bgħit inizjali ta’ din l-ittra lil indirizz żbaljat u għalhekk ma tistax tiġġustifika applikazzjoni retroattiva tal-avviż tat-temm ta’ impjieg li hija tistabbilixxi.

101

Għaldaqstant, l-ittra tal‑4 ta’ Novembru 2019 għandha titqies nulla u bla effett u l-avviż tat-temm ta’ impjieg ta’ tul ta’ ġimgħa li hija tistabbilixxi huwa vvizzjat minn nullità assoluta, u għalhekk mingħajr ma jista’ jkollu effett fid-data prevista, b’applikazzjoni tar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 37(1) tal-Liġi dwar il-Kuntratti ta’ Xogħol. Ir-rikorrent jippreċiża wkoll li din in-nullità tirrigwarda biss il-komunikazzjoni tat-tkeċċija permezz ta’ avviż tat-temm ta’ impjieg, mingħajr madankollu ma taffettwa l-eżistenza tat-tkeċċija, b’tali mod li l-ittra tal‑4 ta’ Novembru 2019 ma tistax tiġi invokata sabiex tikkontesta t-talba tiegħu sabiex jingħata allowance kumpensatorja minflok avviż tat-temm ta’ impjieg.

102

Min-naħa tagħha, EUCAP Somalia tqis li r-rikorrent kien informat formalment bix-xoljiment tal-kuntratt peress li probabbilment kien irċieva l-ittra tal‑4 ta’ Novembru 2019 wara l-bgħit tat‑8 ta’ Novembru segwenti. Barra minn hekk, hija targumenta li din l-ittra kienet ġiet ikkomunikata lir-rikorrent permezz ta’ ittra rreġistrata b’konferma ta’ rċevuta mibgħuta fl-indirizz li huwa stess kien indika fil-formola dwar id-data personali ta’ kuntatt mimlija fl‑10 ta’ Awwissu 2019. Għalhekk, skont id-dritt industrijali Belġjan, u b’mod partikolari l-Artikolu 37(1) tal-Liġi dwar il-Kuntratti ta’ Xogħol, il-komunikazzjoni tal-imsemmija ittra kienet valida, sa fejn in-natura inkompeta tal-indirizz użat fuqha kien imputabbli lil nuqqas mhux skużabbli tar-rikorrent. Fi kwalunkwe każ, EUCAP Somalia ssostni li permezz tal-bgħit tal-ittra tat‑3 ta’ Diċembru 2019, hija rregolarizzat, b’konformità mad-dritt Belġjan, il-komunikazzjoni tal-avviż tat-temm ta’ impjieg.

103

F’dan il-każ, il-kuntratt ma jinkludix dispożizzjonijiet apposta sabiex jirregola direttament il-parti tat-tilwima dwar l-osservanza ta’ regoli ta’ validità formali applikabbli għall-komunikazzjoni minn EUCAP Somalia lir-rikorrent tad-deċiżjoni li jiġi xolt il-kuntratt. Għaldaqstant, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 37 iktar ’il fuq, għandhom jiġu applikati r-regoli tad-dritt Belġjan sabiex tiġi eżaminata l-fondatezza tal-argumenti li r-rikorrent iressaq fil-kuntest ta’ dan il-motiv.

104

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 40(2) tal-Liġi dwar il-Kuntratti ta’ Xogħol, moqri flimkien mal-Artikolu 37(1) ta’ din il-liġi, jipprovdi b’mod partikolari, li meta t-tkeċċija tingħata mill-persuna li timpjega, il-komunikazzjoni tagħha tista’ issir biss, taħt piena ta’ nullità, permezz ta’ ittra rreġistrata bil-posta, li tipproduċi l-effetti tagħha fil-jum ta’ xogħol segwenti għad-data li fiha tintbagħat, jew permezz ta’ marixxall.

105

F’dan ir-rigward, qabelxejn, hija l-persuna li timpjega li għandha tipprova li l-ittra rreġistrata tkun waslet lid-destinatarju tagħha. Meta l-komunikazzjoni tal-avviż tat-temm ta’ impjieg isir permezz ta’ ittra rreġistrata bil-posta, l-ittra għandha tintbagħat lill-indirizz preċiż. Jekk tintbagħat lil indirizz żbaljat, l-ittra rreġistrata ma jistax ikollha effett. L-ineffettività tal-komunikazzjoni ma tistax tkun koperta billi tintbagħat kopja tal-ittra lill-ħaddiem. Għalhekk, il-komunikazzjoni tal-avviż tat-temm ta’ impjieg imwettqa permezz ta’ ittra rreġistrata hija nulla jekk l-indirizz li jinsab fuq l-irċevuta ta’ depożitu ma huwiex preċiż (cour du travail de Bruxelles (il-Qorti Industrijali ta’ Brussell, il-Belġju), sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2016, Nru 2015/AB/742). Barra minn hekk, il-produzzjoni mill-persuna li timpjega ta’ prova ta’ ħlas ta’ ittra rreġistrata biss ma hijiex suffiċjenti (ara, f’dan is-sens, cour du travail de Bruxelles (il-Qorti Industrijali ta’ Brussell), sentenza tat‑22 ta’ April 2016, Nru 2014/AB/765).

106

Sussegwentement, l-avviż tat-temm ta’ impjieg għandu, taħt piena ta’ nullità, jiġi kkomunikat fl-aħħar indirizz li l-persuna li timpjega tkun taf bih (arbeidshof Brussel (il-Qorti Industrijali ta’ Brussell), sentenza tad‑19 ta’ Ottubru 2012, Nru 2011/AB/1014). Fi kliem ieħor, jekk il-komunikazzjoni tal-avviż tat-temm ta’ impjieg saret f’indirizz żbaljat minkejja li l-persuna li timpjega kienet taf jew kellha tkun taf bl-indirizz il-ġdid, din il-komunikazzjoni hija irregolari u l-persuna li timpjega hija responsabbli għall-ħlas ta’ allowance minflok avviż tat-temm ta’ impjieg (cour du travail de Gand (il-Qorti Industrijali ta’ Gent, il-Belġju), sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2011, J.T.T. 2012, 1124, 1589). Madankollu, ma jistax jiġi allegat li persuna li timpjega ma kkonformatx ruħha mal-obbligu li tikkomunika l-avviż tat-temm ta’ impjieg lill-indirizz korrett meta l-bgħit twettaq lil indirizz żbaljat minħabba nuqqas jew negliġenza tal-ħaddiem (cour du travail de Liège (il-Qorti Industrijali ta’ Liège, il-Belġju), sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2005, J.T.T. 2005, 926, 383). F’dan ir-rigward, l-impjegat għandu jinforma fi żmien xieraq lill-persuna li timpjegah bi bdil tal-indirizz. Għalhekk, ġie deċiż li f’każ fejn il-ħaddiem ma pproduċiex il-prova li huwa kien avża lill-persuna li timpjegah bil-bdil tal-indirizz tiegħu, l-avviż tat-temm ta’ impjieg ikkomunikat lill-indirizz qadim tal-ħaddiem kien validu, b’tali mod li t-terminu tal-avviż tat-temm ta’ impjieg seta’ jiskadi fid-data stabbilita mill-persuna li timpjega (cour du travail de Liège (il-Qorti Industrijali ta’ Liège), sentenza tal‑14 ta’ Jannar 2004, Nru 27.452-98). Madankollu, ma huwiex eskluż li l-persuna li timpjega tista’ tieħu inkunsiderazzjoni indikazzjonijiet jew indirizzi oħra pprovduti mill-impjegat f’kuntest ieħor (ara, f’dan is-sens, cour du travail de Liège (il-Qorti Industrijali ta’ Liège), sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2005, J.T.T. 2005, 926, 383).

107

Barra minn hekk, il-konsegwenza, fid-dritt Belġjan, ta’ żball imwettaq mill-persuna li timpjega fl-indirizz tal-impjegat użat waqt il-bgħit ta’ ittra ta’ xoljiment ta’ kuntratt ta’ xogħol hija n-nullità assoluta tal-avviż tat-temm ta’ impjieg indikat f’din l-ittra, li ma tistax tkun koperta mill-ħaddiem. F’dan il-każ, it-tkeċċija hija immedjata, ħlief jekk il-qorti tqis li l-partijiet irrinunzjaw għad-dritt tagħhom li jinvokaw it-tkeċċija immedjata (Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, il-Belġju), sentenza tat‑28 ta’ Jannar 2008, R.G. Nru S.07.0056.N; ara wkoll, cour du travail de Bruxelles (il-Qorti Industrijali ta’ Brussell), sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2016, Nru 2015/AB/742). Fi kliem ieħor, in-nullità tal-avviż tat-temm ta’ impjieg ma taffettwax l-eżistenza tat-tkeċċija (Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni), sentenza tas‑6 ta’ Jannar 1997, J.T.T. 1997, 119). Il-ħaddiem fil-pussess ta’ avviż tat-temm ta’ impjieg null jista’, minn meta jsir jaf bin-nullità tal-avviż tat-temm ta’ impjieg, b’mod partikolari, jinvoka t-tkeċċija u jeħtieġ il-ħlas immedjat tal-allowance kumpensatorja minflok avviż tat-temm ta’ impjieg, jew inkella jkompli bl-eżekuzzjoni tal-kuntratt sat-terminu tal-avviż tat-temm ta’ impjieg ikkomunikat irregolarment u jinvoka fl-iskadenza tiegħu d-dritt għal allowance kumpensatorja minflok avviż tat-temm ta’ impjieg (cour du travail de Liège (il-Qorti Industrijali ta’ Liège), sentenza tal‑15 ta’ Jannar 2008, J.T.T. 2008, 1004, 160).

108

Fl-aħħar nett, sakemm il-ħaddiem ma jkunx invoka n-nullità tal-avviż tat-temm ta’ impjieg sabiex jinvoka t-tkeċċija immedjata, il-persuna li timpjega tista’ tikkomunikalu avviż tat-temm ta’ impjieg ġdid konformi mar-rekwiżiti legali (cour du travail de Liège (il-Qorti Industrijali ta’ Liège), sentenzi tal‑15 ta’ Jannar 2008, R.G. Nru 8356/2007 u tas‑17 ta’ Ottubru 2013, Nru 2012/AL/332). Fil-każ parallel, b’konformità mal-Artikolu 37/1 tal-Liġi dwar il-Kuntratti ta’ Xogħol, it-terminu tal-avviż tat-temm ta’ impjieg jibda jiddekorri mit-Tnejn ta’ wara l-ġimgħa li matulha l-avviż il-ġdid tat-temm ta’ impjieg ikun ġie kkomunikat.

109

L-ewwel, f’dan il-każ, ġie kkonstatat fil-punti 67 sa 78 iktar ’il fuq, minn naħa, li EUCAP Somalia ma pproduċietx il-prova tas-segwitu effettiv tal-komunikazzjoni tal-ittra tal‑4 ta’ Novembru 2019, b’mod partikolari bil-produzzjoni ta’ konferma ta’ rċevuta debitament iffirmata mir-rikorrent jew bid-depożitu ta’ avviż ta’ passaġġ għall-aħħar indirizz indikat minn dan tal-aħħar, u min-naħa l-oħra, li ma jistax jiġi stabbilit li din l-ittra ppermettiet lir-rikorrent ikollu għarfien utli, fid-data tat‑8 ta’ Novembru segwenti, tad-deċiżjoni li jiġi xolt il-kuntratt u tal-avviż tat-temm ta’ impjieg stabbilit għal dan il-għan.

110

F’dawn iċ-ċirkustanzi, b’applikazzjoni tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 105 iktar ’il fuq, il-komunikazzjoni tal-ittra tal‑4 ta’ Novembru 2019, mibgħuta lil indirizz żbaljat, kif turi l-irċevuta ta’ bgħit li turi indirizz inkomplet, hija vvizzjata b’irregolarità li twassal għan-nullità assoluta tal-avviż tat-temm ta’ impjieg indikat f’din l-ittra, li ma tistax tiġi rregolarizzata bil-komunikazzjoni sussegwenti tal-imsemmija ittra minn EUCAP Somalia lir-rikorrent, fl‑24 ta’ Jannar 2020.

111

It-tieni, mill-punt 73 iktar ’il fuq jirriżulta wkoll li EUCAP Somalia bagħtet l-ittra tal‑4 ta’ Novembru 2019 lil indirizz inkomplet, minħabba ommissjoni żbaljata, mir-rikorrent, li jsemmi n-numru tat-triq fil-formola dwar id-data personali ta’ kuntatt tiegħu.

112

Huwa minnu li, skont id-dritt Belġjan imsemmi fil-punt 106 iktar ’il fuq, din l-ommissjoni żbaljata tar-rikorrent tista’ tkun ta’ natura li teżonera lil EUCAP Somalia mir-responsabbiltà tagħha li ma kkonformatx ruħha mal-obbligu li tikkomunika l-avviż tat-temm ta’ impjieg lill-indirizz preċiż tar-rikorrent. Madankollu, kif ġie kkonstatat fil-punt 74 iktar ’il fuq, ir-rikorrent kien, wara l-bgħit kontenzjuż, ikkomunika lil EUCAP Somalia l-indirizz komplet tiegħu f’formola dwar l-indikazzjoni tal-identità ta’ aventi kawża f’każ ta’ mewt, mibgħuta fl-istess ħin bħall-formola dwar id-data personali ta’ kuntatt tiegħu, kif ukoll f’formola dwar id-dettalji bankarji tiegħu. F’dawn iċ-ċirkustanzi, EUCAP Somalia, li kellha aċċess għal din l-informazzjoni, setgħet tfittex l-indirizz l-iktar komplet tar-rikorrent fost l-informazzjoni l-oħra pprovduta minn dan tal-aħħar. Għalhekk, in-negliġenza tar-rikorrent ma hijiex, f’dawn iċ-ċirkustanzi, ta’ natura li teżonera lil EUCAP Somalia mir-responsabbiltà tagħha fl-irregolarità tal-komunikazzjoni tal-ittra tal‑4 ta’ Novembru 2019, u għaldaqstant, li tostakola n-nullità tal-avviż tat-temm ta’ impjieg stabbilit minn din l-ittra.

113

It-tielet, għandu jiġi enfasizzat li EUCAP Somalia indirizzat lir-rikorrent it-tieni ittra ta’ komunikazzjoni, fit‑3 ta’ Diċembru 2019, li kienet tinformah bid-deċiżjoni li jiġi xolt il-kuntratt “wara li tagħti avviż tat-temm ta’ impjieg ta’ tul ta’ ġimgħa u li [kien ser] jibda t-Tnejn 9 ta’ Diċembru 2019”. Ir-rikorrent ma jikkontestax li rċieva u sar jaf bil-kontenut ta’ din l-ittra, mibgħuta b’ittra rreġistrata lill-indirizz komplet tiegħu. Għalhekk, b’applikazzjoni tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 108 iktar ’il fuq, għandu jitqies li l-ittra tat‑3 ta’ Diċembru 2019 tikkostitwixxi, fid-data li fiha rċevieha r-rikorrent, fil‑5 ta’ Diċembru segwenti, rettifika minn EUCAP Somalia tal-iżball li hija wettqet waqt il-komunikazzjoni tal-avviż tat-temm ta’ impjieg permezz tal-ittra tal‑4 ta’ Novembru 2019.

114

Fir-rigward tal-argument tar-rikorrent, imqajjem fl-istadju tat-tweġibiet bil-miktub tiegħu għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali u li permezz tiegħu jikkontesta r-regolarità tat-tieni avviż tat-temm ta’ impjieg minħabba n-natura kundizzjonali tiegħu, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 84(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-produzzjoni ta’ motivi ġodda matul l-istanza hija pprojbita, sa fejn dawn il-motivi ma jkunux ibbażati fuq elementi ta’ liġi u ta’ fatt li joħorġu matul il-proċedura. Skont il-ġurispudenza, din id-dispożizzjoni tapplika wkoll għall-ilmenti u għall-argumenti (ara s-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2021, AQ vs eu‑LISA, T‑164/19, mhux ippubblikata, EU:T:2021:456, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata). Madankollu, motiv jew argument, li jikkostitwixxu estensjoni ta’ motiv imressaq preċedentement, direttament jew impliċitament, fir-rikors promotur u li jkunu marbuta mill-qrib miegħu, għandhom jiġu ddikjarati ammissibbli (ara s-sentenza tal‑15 ta’ Diċembru 2021, Oltchim vs Il-Kummissjoni, T‑565/19, EU:T:2021:904, punt 87 u l-ġurisprudenza ċċitata).

115

F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li l-argument fuq imsemmi ma huwiex ibbażat fuq elementi li ħarġu matul il-proċedura, u min-naħa l-oħra, li ma jippreżentax rabta stretta ma’ argument imressaq fir-rikors. Barra minn hekk, minkejja li dan l-argument tressaq fil-kuntest tat-tweġiba tar-rikorrent għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali, huwa għandu jitqies li jeċċedi l-iskop ta’ din il-mistoqsija (ara f’dan is-sens u b’analoġija, is-7 ta’ Frar 2019, RK vs Il-Kunsill, T‑11/17, EU:T:2019:65, punt 54). Għalhekk, dan l-argument għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

116

Minn dawn l-elementi kollha jirriżulta li l-ittra tal‑4 ta’ Novembru 2019 kienet ikkomunikata irregolarment minn EUCAP Somalia lir-rikorrent, sa fejn hija ma osservatx il-kundizzjonijiet ta’ validità formali stabbiliti f’dan ir-rigward mid-dritt Belġjan, li jwassal għan-nullità assoluta tal-avviż tat-temm ta’ impjieg li hija tistabbilixxi. Mill-banda l-oħra, jirriżulta wkoll li EUCAP Somalia rrettifikat dan l-iżball bil-komunikazzjoni, regolari, tal-ittra tat‑3 ta’ Diċembru 2019, li għalhekk tipproduċi l-effetti kollha tagħha fil-konfront tar-rikorrent.

117

Għaldaqstant, għandu jintlaqa’ l-motiv tar-rikorrent ibbażat fuq l-assenza ta’ validità u ta’ effett tal-komunikazzjoni permezz tal-ittra tal‑4 ta’ Novembru 2019 tad-deċiżjoni li jiġi xolt il-kuntratt, insostenn tal-ewwel talba tiegħu, mingħajr il-bżonn li jiġi deċiż dwar l-argument ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 21 tal-kuntratt u fuq id-dritt kuntrattwali tiegħu għal smigħ. Fil-fatt, dan l-argument kien ġie mressaq insostenn tal-ewwel talba, li hija milqugħa. Barra minn hekk, ebda talba għad-danni ma hija marbuta ma’ dan l-allegat ksur.

2) Fuq il‑ksur tal‑Artikoli 17.2 u 18.1 tal‑kuntratt

118

Minn naħa, ir-rikorrent iqis li, ladarba huwa ma ġiex offrut il-possibbiltà li jaħdem effettivament, il-provvista ta’ xogħol tiegħu ma tistax titqies inadegwata u ma jistax jiġi konkluż li ma pproduċiex prova ta’ kwalitajiet professjonali suffiċjenti għall-pożizzjoni fis-sens tal-Artikolu 17.2 tal-kuntratt. Għalhekk, EUCAP Somalia kellha tapplika mhux l-Artikolu 17.2 tal-kuntratt, iżda l-Artikolu 18.1 tiegħu li jipprovdi d-dritt lil kull waħda mill-partijiet li ttemm il-kuntratt f’kull mument, bl-osservanza ta’ avviż tat-temm ta’ impjieg ta’ xahar. Billi ddeċidiet li tapplika avviż tat-temm ta’ impjieg ta’ ġimgħa, EUCAP Somalia kisret kemm it-termini tal-Artikolu 17.2 tal-kuntratt, li ma jipprovdix avviż tat-temm ta’ impjieg obbligatorju, kif ukoll tal-Artikolu 18.1 tiegħu, li jipprovdi avviż tat-temm ta’ impjieg ta’ xahar.

119

Min-naħa l-oħra, ir-rikorrent jenfasizza li d-dritt Belġjan jipprojbixxi, taħt piena ta’ nullità, deroga mill-projbizzjoni ta’ klawżoli ta’ perijodu ta’ prova fil-kuntratti ta’ xogħol sa mill‑1 ta’ Jannar 2014. Applikat għal dan il-każ, bħala prinċipju jwassal għan-nullità tal-Artikolu 17.2 tal-kuntratt, li fuqu bbażat ruħha EUCAP Somalia sabiex ixxolji l-kuntratt. Għaldaqstant, il-klawżola ta’ perijodu ta’ prova prevista fl-Artikolu 17.2 tal-kuntratt ma kellux ikollu effett u huwa biss l-Artikolu 18.1 tal-kuntratt, li jipprovdi avviż tat-temm ta’ impjieg ta’ xahar, li kellu jiġi applikat. Barra minn hekk, ir-rikorrent ifakkar li l-allegata irregolarità tal-komunikazzjoni tal-ittra tal‑4 ta’ Novembru 2019 kellha l-konsegwenza li twassal, b’applikazzjoni tad-dritt Belġjan, għan-nullità tal-avviż tat-temm ta’ impjieg ta’ tul ta’ ġimgħa li hija tistabbilixxi. Ir-rikorrent isostni li, f’każ parallel, dan id-dritt jimplika t-terminazzjoni immedjata tal-kuntratt wara l-ħlas ta’ allowance kumpensatorja minflok avviż tat-temm ta’ impjieg.

120

Għalhekk, id-deċiżjoni li jiġi xolt il-kuntratt kif ikkomunikata mill-ittri tal‑4 ta’ Novembru u tat‑3 ta’ Diċembru 2019 hija nulla għall-ksur kemm ta’ klawżoli kuntrattwali kif ukoll ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt Belġjan.

121

Min-naħa tagħha, EUCAP Somalia tfakkar li fil-mument tad-deċiżjoni li jiġi xolt il-kuntratt, ir-rikorrent kien jinsab f’perijodu ta’ prova għal tul ta’ tliet xhur, mit‑8 ta’ Settembru sat‑8 ta’ Diċembru 2019. Għaldaqstant, l-Artikolu 17.2 tal-kuntratt kien jikkostitwixxi l-unika bażi kuntrattwali tad-deċiżjoni li jiġi xolt il-kuntratt.

122

F’dan ir-rigward, qabelxejn, minkejja li EUCAP Somalia tirrikonoxxi li d-dritt industrijali Belġjan ma għadux jinkludi dispożizzjonijiet dwar il-perijodu ta’ prova, madankollu hija tqis li l-Qorti Ġenerali ma tkunx fondata, meta l-ġurisdizzjoni tagħha tkun ibbażata fuq l-Artikolu 272 TFUE, li ma tapplikax klawżola tal-kuntratt, anki jekk din il-klawżola tirriżulta kuntrarja għad-dritt nazzjonali applikabbli għall-kuntratt, peress li l-applikazzjoni ta’ klawżoli liberament konklużi bejnha u r-rikorrent għandhom jingħataw preċedenza. Għalhekk, għandu jiġi applikat l-Artikolu 17.2 tal-kuntratt minkejja l-għażla tad-dritt Belġjan bħala d-dritt applikabbli għall-kuntratt.

123

Sussegwentement, EUCAP Somalia tqis li ma wettqet ebda żball meta hija qieset li, abbażi ta’ dan l-artikolu, minħabba kontraindikazzjonijiet mediċi, ir-rikorrent ma kellux il-kapaċità fiżika neċessarja għall-eżekuzzjoni tajba tal-kuntratt.

124

Fl-aħħar nett, hija tenfasizza li madankollu applikat id-dritt Belġjan fuq bażi supplimentarja u stabbilixxiet, f’dan il-kuntest, terminu ta’ avviż tat-temm ta’ impjieg ta’ ġimgħa, skont l-Artikolu 37(2) u l-Artikolu 40(2) tal-Liġi dwar il-Kuntratti ta’ Xogħol, minkejja li l-Artikolu 17.2 tal-kuntratt ma jimponilhiex dan. EUCAP Somalia ppreċiżat ukoll li l-mekkaniżmu stabbilit fl-Artikolu 17.2 tal-kuntratt, sa fejn jipprovdi l-possibbiltà li l-kuntratt jiġi tterminat unilateralment matul l-ewwel tliet xhur tar-relazzjoni kuntrattwali, jixbah id-dritt Belġjan li jippermetti t-terminazzjoni unilaterali ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat matul l-ewwel nofs taż-żmien miftiehem bil-kuntratt, b’limitu tal-ewwel sitt xhur.

125

F’dan il-każ, fir-rigward tad-dritt Belġjan, applikabbli għall-kuntratt (ara l-punt 45 iktar ’il fuq), minn naħa, il-loi concernant l’introduction d’un statut unique entre ouvriers et employés en ce qui concerne les délais de préavis et le jour de carence ainsi que de mesures d’accompagnement (il-Liġi dwar l-Introduzzjoni ta’ Status Uniku bejn Ħaddiema u Persuni li Jimpjegaw Għal Dak li Jirrigwarda t-Termini ta’ Avviż tat-Temm ta’ Impjieg u l-Jum ta’ Stennija kif ukoll Miżuri ta’ Akkumpanjament), tas‑26 ta’ Diċembru 2013 (Moniteur belge tal‑31 ta’ Diċembru 2013, p. 104147), ipprojbixxiet id-dritt li tiġi pprovduta, sa mill‑1 ta’ Jannar 2014, klawżola ta’ perijodu ta’ prova fil-kuntratti ta’ xogħol. Din il-projbizzjoni tapplika taħt piena ta’ nullità fir-rigward ta’ kull klawżola kuntrarja abbażi tal-Artikolu 6 tal-Liġi dwar il-Kuntratti ta’ Xogħol, li jipprovdi li kull dispożizzjoni kuntrarja għad-dispożizzjonijiet tal-liġi u għad-digriet ta’ implimentazzjoni tagħha hija nulla sa fejn tkun intiża sabiex tirrestrinġi d-drittijiet tal-ħaddiema jew taggrava l-obbligi tagħhom. Min-naħa l-oħra, hija introduċiet il-possibbiltà kemm għall-persuna li timpjega kif ukoll għall-ħaddiem, matul l-ewwel nofs tat-terminu previst minn kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat u f’limitu ta’ sitt xhur, li jitterminaw il-kuntratt wara l-osservanza tat-termini ta’ avviż tat-temm ta’ impjieg il-ġodda, previsti fl-Artikolu 37/2(1) tal-Liġi dwar il-Kuntratti ta’ Xogħol.

126

Dawn id-dispożizzjonijiet legali Belġjani li jorganizzaw u jiżguraw il-protezzjoni tal-ħaddiema, huma għalhekk ta’ natura imperattiva.

127

It-tielet, huwa minnu li l-partijiet qablu liberament dwar l-eżistenza ta’ perijodu ta’ prova ta’ tliet xhur, mit‑8 ta’ Settembru sat‑8 ta’ Diċembru 2019, u għal dan il-għan, ipprovdew fit-termini tal-Artikolu 17.2 tal-kuntratt, klawżola ta’ perijodu ta’ prova.

128

Madankollu, għandu jiġi rrilevat li din il-klawżola ta’ perijodu ta’ prova liberament maqbula bejn il-partijiet ma tipprovdix avviż tat-temm ta’ impjieg f’każ ta’ xoljiment tal-kuntratt matul il-perijodu ta’ prova kkunsidrat, u għalhekk tirrestrinġi d-drittijiet tar-rikorrent u testendi l-obbligi tiegħu bi ksur tal-Artikoli 6 u 37/2 tal-Liġi dwar il-Kuntratti ta’ Xogħol.

129

Issa, kif jirriżulta mill-punt 45 iktar ’il fuq, l-imsemmija klawżola ta’ perijodu ta’ prova ma tistax, taħt piena ta’ nullità, tevita d-dispożizzjonijiet imperattivi tad-dritt sostantiv industrijali Belġjan applikabbli għall-kuntratt.

130

Għaldaqstant, kif essenzjalment jitlob ir-rikorrent, hemm lok li l-klawżola ta’ perijodu ta’ prova prevista bejn il-partijiet fl-Artikolu 17.2 tal-kuntratt tiġi ddikjarata nulla u tiġi eskluża l-applikazzjoni tagħha għall-finijiet li tiġi riżolta din it-tilwima.

131

Għalhekk, minkejja li huwa minnu li l-applikazzjoni f’dan il-każ tal-Artikolu 40(2) tal-Liġi dwar il-Kuntratti ta’ Xogħol, moqri flimkien mal-Artikolu 37(1) u l-Artikoli 37/1 u 37/2 tal-imsemmija liġi, jimponu li EUCAP Somalia tosserva terminu ta’ avviż tat-temm ta’ impjieg ta’ tul ta’ ġimgħa, ir-rikorrent jappartjeni għall-kategorija ta’ ħaddiema b’inqas minn tliet xhur ta’ anzjanità.

132

Madankollu, mill-qari konġunt tal-Artikoli 6, 37/2 u 40 tal-Liġi dwar il-Kuntratti ta’ Xogħol jirriżulta li l-partijiet kontraenti ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat jistgħu jipprevedu klawżola li tipprovdi li x-xoljiment ta’ dan il-kuntratt jibqa’ suġġett għal avviż tat-temm ta’ impjieg derogatorju itwal minn dak previst b’applikazzjoni tal-Artikolu 37/2 ta’ din il-liġi, peress li tali klawżola żżid id-drittijiet u tnaqqas l-obbligi tal-ħaddiem.

133

Dan huwa l-każ f’dan il-każ. Fil-fatt, għandu jitfakkar li l-Artikolu 18.1 tal-kuntratt, li t-termini tiegħu huma riprodotti fil-punt 5 iktar ’il fuq, kien jipprovdi l-possibbiltà ta’ terminazzjoni unilaterali tal-kuntratt wara l-osservanza ta’ terminu ta’ avviż tat-temm ta’ impjieg ta’ tul ta’ xahar.

134

Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li EUCAP Somalia kellha tapplika l-avviż tat-temm ta’ impjieg ipprovdut fl-Artikolu 18.1 tal-kuntratt, peress li dan l-avviż tat-temm ta’ impjieg jagħti protezzjoni ikbar lir-rikorrent minn dak ta’ ġimgħa previst b’applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Liġi dwar il-Kuntratti ta’ Xogħol.

135

Għalhekk, il-motiv tar-rikorrent ibbażat fuq il-ksur tal-Artikoli 17.2 u 18.1 tal-kuntratt għandu jiġi milqugħ, mingħajr ma huwa neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar l-argumenti supplimentari tar-rikorrent imressqa f’dan ir-rigward.

136

Għal dak li jirrigwarda l-konsegwenzi ta’ dan il-ksur fuq l-ittra tat‑3 ta’ Diċembru 2019, għandu jitfakkar li EUCAP Somalia kkomunikat b’mod regolari d-deċiżjoni li jiġi xolt il-kuntratt b’bgħit tal-ittra tat‑3 ta’ Diċembru 2019 riċevuta mir-rikorrent fil‑5 ta’ Diċembru segwenti (ara l-punt 113 iktar ’il fuq). Għalhekk, id-deċiżjoni li jiġi xolt il-kuntratt saret regolari, valida u vinkolanti għar-rikorrent fil‑5 ta’ Diċembru 2019, u din id-deċiżjoni saret definittiva fl-aħħar tal-avviż tat-temm ta’ impjieg applikabbli. Barra minn hekk, jirriżulta, essenzjalment, mill-Artikolu 40(2) tal-Liġi dwar il-Kuntratti ta’ Xogħol li, fid-dritt Belġjan, meta tkeċċija permezz ta’ avviż tat-temm ta’ impjieg hija kkomunikata b’mod validu bil-miktub li jsemmi t-tul tal-avviż tat-temm ta’ impjieg, iżda dan it-tul huwa insuffiċjenti, l-avviż tat-temm ta’ impjieg ma huwiex null. Għalhekk, in-nuqqas ta’ osservanza tal-avviż tat-temm ta’ impjieg kuntrattwali jwassal għall-applikazzjoni taż-żmien ta’ avviż tat-temm ta’ impjieg ta’ xahar kuntrattwalment previst fl-Artikolu 18.1 tal-kuntratt, minflok l-avviż tat-temm ta’ impjieg legali ta’ ġimgħa stabbilit minn din l-ittra.

[omissis]

IV. Konklużjoni dwar il‑kawża kollha

170

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, minn naħa, għandhom jintlaqgħu l-motivi tar-rikorrent ibbażati fuq l-assenza ta’ validità u ta’ effett tal-komunikazzjoni permezz tal-ittra tal‑4 ta’ Novembru 2019 tad-deċiżjoni li jiġi xolt il-kuntratt u fuq il-ksur tal-Artikoli 17.2 u 18.1 tal-kuntratt. Għalhekk, għandu jiġi konkluż li r-rikorrent għandu dritt għar-remunerazzjoni tiegħu għall-perijodu ta’ bejn is‑26 ta’ Novembru u t‑8 ta’ Diċembru 2019 u għal allowance kumpensatorja minflok avviż tat-temm ta’ impjieg fuq din il-bażi. Għaldaqstant, ir-rikors huwa milqugħ għal dak li jirrigwarda l-ewwel u r-raba’ talba u miċħud għall-bqija. Min-naħa l-oħra, il-kontrotalba ta’ EUCAP Somalia, ippreżentata sussidjarjament, hija miċħuda.

V. Fuq l‑ispejjeż

171

Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, kull parti telliefa għandha tbati l-ispejjeż, jekk issir talba f’dan is-sens. Peress li essenzjalment, EUCAP Somalia tilfet, hija għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, skont it-talbiet tar-rikorrent.

 

Għal dawn il-motivi,

IL‑QORTI ĠENERALI (is-Seba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Il-komunikazzjoni tal-avviż tat-temm ta’ impjieg li jinsab fl‑ittra tal‑4 ta’ Novembru 2019 hija nulla.

 

2)

Ix-xoljiment tal-kuntratt konkluż bejn EUCAP Somalia u JC fil‑21 ta’ Awwissu 2019 huwa regolari, validu u vinkolanti għal dan tal-aħħar mid-data tal‑5 ta’ Diċembru 2019 u jieħu effett definittiv fit-tmiem tal-avviż tat-temm ta’ impjieg ta’ xahar mid‑9 ta’ Diċembru 2019 skont l-Artikolu 18.1 ta’ dan il-kuntratt.

 

3)

EUCAP Somalia hija kkundannata tħallas lil JC, minn naħa, somma korrispondenti għar-remunerazzjoni tiegħu, kif stabbilita fl-Artikolu 12.2 tal-imsemmi kuntratt, bl-esklużjoni tal-allowances ta’ kuljum previsti fl-Artikolu 15 tal-kuntratt, fir-rigward tal-perijodu ta’ bejn is‑26 ta’ Novembru u t‑8 ta’ Diċembru 2019 inklużi, u min-naħa l-oħra, somma korrispondenti għal allowance kumpensatorja minflok avviż tat-temm ta’ impjieg ta’ xahar ugwali għal din ir-remunerazzjoni, fir-rigward tal-perijodu ta’ bejn id‑9 ta’ Diċembru 2019 u d‑9 ta’ Jannar 2020, fejn dawn is-somom huma miżjuda bl-interessi bir-rata legali skont id-dritt Belġjan.

 

4)

Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

 

5)

Il-kontrotalba ta’ EUCAP Somalia hija miċħuda.

 

6)

EUCAP Somalia hija kkundannata għall-ispejjeż.

 

Da Silva Passos

Truchot

Sampol Pucurull

Mogħtija f’qorti bil-mifuħ fil-Lussemburgu, fit‑13 ta’ Lulju 2022.


( *1 ) Lingwa tal-proċedura: il-Franċiż.

( 1 ) Huma riprodotti biss il-punti ta’ din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali tqis li l-pubblikazzjoni tagħhom hija utli.