Brussell, 3.12.2025

COM(2025) 737 final

RIEŻAMI ANNWALI TAL-KUMMISSJONI

tar-Rapporti Annwali tal-Attività tal-Istati Membri dwar il-Krediti għall-Esportazzjoni skont it-tifsira tar-Regolament Nru (UE) 1233/2011


1. Introduzzjoni:

Dan ir-rieżami annwali għas-sena 2024 dwar l-attivitajiet ta’ kreditu għall-esportazzjoni uffiċjalment appoġġati huwa prodott skont ir-Regolament (UE) Nru 1233/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar l-applikazzjoni ta’ ċerti linji gwida fil-qasam tal-krediti għall-esportazzjoni uffiċjalment appoġġati. Dan ikopri attivitajiet ta’ kreditu għall-esportazzjoni uffiċjalment appoġġati mwettqa mill-aġenziji ta’ kreditu għall-esportazzjoni (ECAs, export credit agencies) tal-Istati Membri u huwa bbażat fuq l-informazzjoni mogħtija mill-Istati Membri fir-Rapporti Annwali tal-Attività li jqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni, li wkoll isir f’konformità mar-Regolament. Ir-rapporti jsegwu mudell standardizzat (imsejjaħ ukoll “mudell tal-lista ta’ kontroll”) maqbul mal-Istati Membri li ġie rieżaminat u arrikkit maż-żmien. Il-mudell ta’ bħalissa ilu jintuża mill-2023 u jinkludi dettalji addizzjonali, b’mod partikolari rieżami settur b’settur orjentat lejn il-klima tal-attivitajiet ta’ krediti għall-esportazzjoni uffiċjalment appoġġati, kif ukoll rapportar finanzjarju aktar armonizzat.

2. Rapporti Annwali tal-Attività li waslu għas-sena kalendarja 2024:

Fl-2024 wieħed u għoxrin Stat Membru setgħu jagħtu krediti għall-esportazzjoni uffiċjalment appoġġati fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Arranġament dwar il-Krediti għall-Esportazzjoni Uffiċjalment Appoġġati (‘‘l-Arranġament’’): l-Awstrija, il-Belġju, il-Kroazja, iċ-Ċekja, id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Greċja, il-Ġermanja, l-Ungerija, l-Italja, il-Lussemburgu, in-Netherlands, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovenja, is-Slovakkja, Spanja u l-Iżvezja. Dawn kollha ppreżentaw Rapport Annwali tal-Attività għas-sena 2024.

Il-bqija tal-Istati Membri — il-Bulgarija, Ċipru, l-Irlanda, il-Latvja, il-Litwanja u Malta — ikkonfermaw li ma għandhomx aġenzija li kapaċi jagħtu krediti għall-esportazzjoni uffiċjalment appoġġati.

3. Analiżi tar-Rapporti Annwali tal-Attività:

(a)Informazzjoni ġenerali:

Fl-2024, l-Istati Membri kollha b’mill-inqas ECA waħda minbarra l-Greċja (li l-ECA tagħha ma tagħti l-ebda appoġġ finanzjarju fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Arranġament) taw kopertura pura, jiġifieri krediti għall-esportazzjoni fis-sura ta’ garanziji u/jew prodotti tal-assigurazzjoni. Minn dawn, tnax-il Stat Membru (il-Belġju, iċ-Ċekja, id-Danimarka, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, l-Ungerija, l-Italja, il-Polonja, is-Slovakkja, Spanja u l-Iżvezja) kienu wkoll fornituri ta’ appoġġ ta’ finanzjament uffiċjali, jiġifieri l-finanzjament dirett, il-finanzjament mill-ġdid ta’ self kummerċjali għal tranżazzjonijiet ta’ esportazzjoni jew appoġġ għar-rata tal-imgħax. Għadd żgħir ta’ Stati Membri (l-Awstrija, id-Danimarka, Franza, l-Ungerija, il-Polonja u Spanja) jirrapportaw li huma fornituri ta’ għajnuna marbuta, forma ta’ krediti għall-esportazzjoni b’element konċessjonali, irregolata fil-kuntest tal-Arranġament tal-OECD.

L-Arranġament u t-tliet Rakkomandazzjonijiet tal-OECD dwar dixxiplini ta’ governanza tajba 1 jiżguraw l-armonizzazzjoni tal-prattiki fis-sħubija kollha tal-OECD u fl-UE. Madankollu, f’dan il-qafas, il-gvernijiet infushom ifasslu l-politiki tagħhom. Il-biċċa l-kbira tal-ECAs għandhom regoli addizzjonali għal dawk fil-linji gwida tal-OECD, bħal dwar il-kontenut nazzjonali u lokali, u standards aktar b’saħħithom fis-seħħ, inkluż biex jirriflettu l-politiki nazzjonali tagħhom stess u l-impenji internazzjonali bħall-Prinċipji tal-Ekwatur (qafas ta’ ġestjoni tar-riskju għall-istituzzjonijiet finanzjarji li jidentifikaw, jivvalutaw u jimmaniġġjaw ir-riskji ambjentali u soċjali meta jiffinanzjaw proġetti b’rabta mal-Korporazzjoni Finanzjarja Internazzjonali taħt il-Grupp tal-Bank Dinji). Xi ECAs jagħżlu li joffru programmi mfassla apposta għal setturi partikolari jew objettivi partikolari. Dan jista’ jirrifletti l-ispeċifiċitajiet ta’ ftehimiet settorjali separati fl-Arranġament, strutturi ta’ koassigurazzjoni, jew orjentazzjonijiet strateġiċi.

L-istruttura organizzazzjonali tal-ECAs u l-governanza rigward l-għoti ta’ appoġġ tvarja minn Stat Membru għall-ieħor. Il-krediti għall-esportazzjoni uffiċjalment appoġġati huma ġestiti minn sebgħa u għoxrin korp madwar l-Istati Membri, jew aġenziji pubbliċi inkella kumpaniji privati, li joperaw skont mandat pubbliku u bis-superviżjoni tal-gvern. Dawn jinsabu elenkati fl-Anness 1. L-Istati Membri li jagħtu kemm kopertura kif ukoll finanzjament, normalment ikollhom istituzzjoni separata u dedikata biex tittratta ma’ dan tal-aħħar, li xi drabi tissejjaħ bank EXIM (qasir għal “export-import”).

(b)Volum ta’ appoġġ uffiċjali:

Ir-Rapporti Annwali tal-Attività jagħti l-informazzjoni finanzjarja rilevanti dwar l-appoġġ uffiċjali li jingħata mill-ECAs, f’konformità mal-oqfsa leġiżlattivi nazzjonali u l-istruttura organizzazzjonali rispettivi tal-Istati Membri. Il-Kummissjoni ma għandha l-ebda osservazzjoni dwar l-aspetti finanzjarji tar-Rapporti Annwali tal-Attività tal-2024.

Għall-appoġġ uffiċjali fl-għamla ta’ kopertura pura, kif inhu definit fl-Artikolu 5.1 tal-Arranġament, it-tabella ta’ hawn taħt telenka l-iskopertura aggregata għar-riskju nominali rrapportata mill-31 ta’ Diċembru 2024 għall-akbar fornituri fl-UE:

Tabella 1. Total tal-portafolli tal-UE u tal-Istat Membri ta’ appoġġ uffiċjali fl-għamla ta’ kopertura pura fl-2024 (f’miljuni ta’ EUR)

L-akbar kontributuri tal-UE skont l-iskopertura aggregata għar-riskju nominali

Skopertura totali għall-kopertura pura fl-UE

370 060

L-Italja

93 606

Il-Ġermanja

73 800

Franza

66 872

L-Iżvezja

42 900

In-Netherlands

25 292

Fir-rigward tal-appoġġ ta’ finanzjament uffiċjali, kif inhu definit fl-Artikolu 5.2 tal-Arranġament, it-tabella ta’ hawn taħt telenka l-valur nominali rrapportat tal-portafoll ta’ self uffiċjalment appoġġat mill-31 ta’ Diċembru 2024 għall-akbar fornituri fl-UE:

Tabella 2. Total tal-portafoll tal-UE u tal-Istati Membri ta’ appoġġ uffiċjali fl-għamla ta’ appoġġ ta’ finanzjament uffiċjali fl-2024 (f’miljuni ta’ EUR)

L-akbar kontributuri tal-UE skont il-valur nominali tal-portafoll ta’ self uffiċjalment appoġġat

Total tal-portafoll ta’ self fl-UE

103 618

L-Italja

43 528

Franza

17 192

Il-Ġermanja

15 991

L-Iżvezja

8 853

Il-Finlandja

6 583

Tajjeb li jiġi nnotat li l-kumulazzjoni taċ-ċifri fit-Tabelli 1 u 2 ma tagħtix stampa preċiża tal-valur totali tal-appoġġ ipprovdut għal tranżazzjoni ta’ esportazzjoni, peress li Stat Membru jista’ jappoġġa l-istess tranżazzjonijiet ta’ esportazzjoni kemm b’finanzjament dirett kif ukoll b’kopertura pura. Barra minn hekk, dawn it-tabelli jqisu biss il-prodotti finanzjarji li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Arranġament, u jeskludu prodotti finanzjarji potenzjali oħra offruti mill-ECAs, pereżempju krediti għall-esportazzjoni fuq terminu qasir jew appoġġ uffiċjali għal tagħmir militari u esportazzjonijiet ta’ komoditajiet agrikoli.

Biex tirrappreżenta l-fluss ta’ appoġġ uffiċjali, it-tabella ta’ hawn taħt tirreferi għall-valur tat-tranżazzjonijiet appoġġati minn impenji ġodda ta’ kreditu għall-esportazzjoni, appoġġati skont l-Arranġament, matul is-sena kalendarja 2024, għall-akbar fornituri fl-UE:

Tabella 3. Impenji ġodda mill-Istati Membri tal-UE nnotifikati lill-OECD matul l-2024 (f’miljuni ta’ EUR)

L-akbar kontributuri tal-UE tal-kreditu għall-esportazzjoni tal-OECD

Għadd totali ta’ tranżazzjonijiet ta’ krediti għall-esportazzjoni

Total tal-valur tal-kreditu aggregat ta’ proġetti appoġġati bi kreditu għall-esportazzjoni

Total ta’ impenji ġodda nnotifikati fl-UE

1 568

53 007

Franza

168

18 756

L-Italja

371

11 368

L-Iżvezja

344

8 075

Il-Ġermanja

254

6 800

Il-Finlandja

14

2 092

(c)Kunsiderazzjoni tal-objettivi tal-klima:

Fil-15 ta’ Marzu 2022, il-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar il-krediti għall-esportazzjoni 2 , iddeskrivew “patt tal-UE dwar il-klima għall-finanzjament tal-esportazzjoni”, li kien jinkludi għadd ta’ impenji. Fost dawn, l-Istati Membri indikaw “ir-rieda tagħhom li jarrikkixxu r-rapportar annwali tagħhom” fil-kuntest ta’ dan ir-Rieżami Annwali “b’rieżami orjentat lejn il-klima tal-attivitajiet rispettivi tagħhom ta’ kreditu għall-esportazzjoni uffiċjalment appoġġati, settur b’settur”, li issa ilu jsir mill-2023. Element ieħor kien l-impenn, fl-istess sett ta’ konklużjonijiet, li l-Istati Membri jiddeterminaw sa tmiem l-2023 fil-politiki nazzjonali tagħhom, “l-iskadenzi tagħhom ibbażati fuq ix-xjenza għat-tmiem tal-krediti għall-esportazzjoni uffiċjalment appoġġati għal proġetti fis-settur tal-enerġija mill-fjuwils fossili, sakemm mhux f’ċirkostanzi limitati u definiti b’mod ċar li huma konsistenti ma’ limitu ta’ tisħin ta’ 1.5C u l-għanijiet tal-Ftehim ta’ Pariġi.”.

Fir-Rapporti Annwali tal-Attività tagħhom, 16-il Stat Membru (l-Awstrija, il-Belġju, il-Kroazja, id-Danimarka, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, l-Ungerija, l-Italja, il-Lussemburgu, in-Netherlands, ir-Rumanija, is-Slovakka, is-Slovenja, Spanja u l-Iżvezja) irrapportaw li kienu ppubblikaw tali politika. Il-bqija tal-Istati Membri jew iddikjaraw li ma għandhom l-ebda interess fis-settur tal-enerġija mill-fjuwils fossili inkella li ma jagħtux krediti għall-esportazzjoni uffiċjalment appoġġati.

Rigward is-settur tal-faħam, skont l-Arranġament, kwalunkwe appoġġ għal proġetti relatati ma’ impjanti elettriċi tal-faħam b’emissjonijiet mhux imnaqqsa huwa pprojbit mill-2021, b’eċċezzjonijiet għal proġetti li jnaqqsu t-tniġġis jew jinstallaw sistemi ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2, li la jwasslu għal estensjoni tat-tul tal-ħajja utli tal-impjant u lanqas għal żieda fil-kapaċità. Fil-politiki tagħhom relatati mal-klima, il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri daħħlu fis-seħħ politika aktar stretta ta’ eliminazzjoni gradwali tal-faħam mill-projbizzjoni tal-Arranġament, inkluż li ma jitħalla jsir l-ebda finanzjament tul il-katina tal-valur kollha kemm hi. Fl-2024, l-ECAs ma rrapportaw l-ebda tranżazzjoni għal proġetti relatati mas-settur tal-enerġija mill-faħam (li jinkludi l-esplorazzjoni, il-produzzjoni, it-trasport, il-ħżin relatat mal-infrastruttura tad-distribuzzjoni, ir-raffinar, id-distribuzzjoni u l-ġenerazzjoni tal-enerġija).

Fir-rigward tas-settur taż-żejt, l-16-il Stat Membru stabbilew diversi skedi ta’ żmien biex jintemm l-appoġġ. 11 impenjaw ruħhom li ma jibqgħux jappoġġaw dawn il-proġetti (il-Belġju, id-Danimarka, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, l-Ungerija, l-Italja, il-Lussemburgu, in-Netherlands, Spanja u l-Iżvezja). Il-bqija tal-Istati Membri żammew il-possibbiltà li jiffinanzjaw tali tranżazzjonijiet, b’data tat-tmiem bejn issa u l-2030, għalkemm l-ebda wieħed ma nnotifika tranżazzjonijiet relatati maż-żejt f’dawn is-setturi fl-2024.

Fis-settur tal-gass, l-istess 11 Stati Membri ħadu impenji ċari biex jieqfu jiffinanzjaw proġetti tal-impjanti tal-enerġija u tal-katina tal-valur. Madankollu, xi ECAs (id-Danimarka, il-Finlandja, il-Ġermanja, il-Lussemburgu u n-Netherlands) iżommu l-possibbiltà ta’ għoti ta’ appoġġ taħt ċirkostanzi limitati, bħall-ġenerazzjoni tal-enerġija b’emissjonijiet imnaqqsa, l-iżvilupp tal-ifqar pajjiżi jew fejn il-gass naturali huwa parti minn soluzzjoni tranżizzjonali, konsistenti ma’ perkors ta’ 1.5 C: xi wħud minnhom jispeċifikaw li l-Kontribut Stabbilit fil-Livell Nazzjonali tal-pajjiż riċevitur ma għandux ikun kriterju, il-konsistenza mal-perkors ta’ 1.5 °C tiġi vvalutata mill-ECA. Min-naħa l-oħra, Spanja implimentat restrizzjonijiet aktar b’saħħithom fuq l-attivitajiet upstream u midstream. Il-bqija tal-Istati Membri, fir-rigward taż-żejt, iżommu l-possibbiltà li jiffinanzjaw tali tranżazzjonijiet, b’data tat-tmiem bejn issa u l-2030, għalkemm l-ebda wieħed minnhom ma nnotifika xi tranżazzjoni relatata mal-gass f’dawn is-setturi fl-2024.

Fil-prattika, fl-2024 ħames ECAs tal-UE nnotifikaw erbatax-il proġett appoġġati mill-kreditu għall-esportazzjoni fis-setturi taż-żejt u tal-gass, b’valur tal-kreditu totali li jilħaq il-EUR 1 176.2 miljun:

Stat Membru fornitur

Valur tat-tranżazzjonijiet

Tip ta’ proġett

Il-Belġju u l-Ġermanja

EUR 138,7 miljun (il-Belġju) u EUR 265,2 miljun (il-Ġermanja)

Ġeneraturi u turbina tal-fwar għal impjant tal-enerġija tal-gass b’ċiklu kkombinat

Il-Finlandja (żewġ proġetti)

EUR 73,8 miljun

Modernizzazzjoni u rinnovazzjoni ta’ impjant tal-enerġija tal-gass eżistenti (mingħajr ebda bidla fl-output tal-impjant)

Il-Ġermanja (żewġ proġetti)

EUR 21,3 miljun

żewġ proġetti tal-gass upstream

Il-Ġermanja

EUR 21,4 miljun

Installazzjoni ta’ pipeline tal-gass mobbli

L-Italja

EUR 605,8 miljun

Installazzjoni ta’ pipeline taħt l-ilma għall-estrazzjoni tal-gass

In-Netherlands (erba’ proġetti)

EUR 20,9 miljun

Erba’ proġetti taż-żejt upstream

In-Netherlands (tliet proġetti)

EUR 29,1 miljun

Tliet proġetti taż-żejt midstream

Il-Finlandja (għall-ewwel proġett tagħha) u l-Ġermanja setgħu jagħtu appoġġ għal dawn il-proġetti, peress li l-impenji kienu ttieħdu qabel l-introduzzjoni tal-istrateġiji klimatiċi tagħhom; konsegwentement, ir-rekwiżiti kienu għadhom mhux applikabbli. Il-Belġju u l-Italja ġġustifikaw l-appoġġ tagħhom għar-raġuni li ma kienet teżisti l-ebda projbizzjoni fuq l-attività speċifika fiż-żmien tal-approvazzjoni, u l-politiki klimatiċi tagħhom jippermettu tali appoġġ sa tmiem l-2025. It-tieni proġett Finlandiż u l-biċċa l-kbira tal-proġetti Netherlandiżi (kollha ħlief wieħed) tqiesu aċċettabbli bħala eċċezzjoni, sa fejn dawn kienu jikkonċernaw il-provvista ta’ oġġetti għall-infrastruttura eżistenti, dment li tali provvista rriżultat f’titjib fil-prestazzjoni ambjentali u/jew fis-sigurtà u/jew fis-saħħa, mingħajr ma ġiet estiża l-ħajja ekonomika tal-infrastruttura. Il-proġett Netherlandiż li jifdal ġie approvat taħt eċċezzjoni applikabbli għal bastimenti speċifiċi li jipprovdu servizzi ta’ appoġġ għall-infrastruttura fossili eżistenti.

L-Istati Membri relaturi nnotaw li wettqu proċess ta’ diliġenza dovuta għat-tranżazzjonijiet kollha, simili għal dak li użaw għal impatti soċjali u ambjentali oħra.

Minbarra dawn ir-restrizzjonijiet għas-settur tal-enerġija mill-fjuwils fossili, l-ECAs adottaw programmi ta’ inċentivi għal tranżazzjonijiet li ma jagħmlux ħsara lill-klima, minbarra t-termini massimi itwal ta’ ripagament permessi skont il-Ftehim Settorjali dwar it-Tibdil fil-Klima tal-Arranġament. Pereżempju, xi ECAs joffru regoli ta’ kontenut nazzjonali aktar flessibbli, bħal ammont massimu akbar ta’ self, proporzjon akbar ta’ kopertura, rata ta’ primjum minima applikata b’mod awtomatiku jew rifużjoni ta’ spejjeż ta’ studju għal tranżazzjoni li ma tagħmilx ħsara lill-klima.

Fid-dettall, kif definit fil-Ftehim Settorjali dwar it-Tibdil fil-Klima, fl-2024 ġew iffinanzjati 53 proġett fis-setturi tal-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u tal-adattament għalih minn sitt pajjiżi differenti, b’ammont totali ta’ EUR 4 247 miljun (kważi erba’ darbiet aktar mill-valur tal-kreditu mogħti għal proġetti relatati mal-fjuwils fossili). Fost dawk il-proġetti, il-biċċa l-kbira tagħhom kienu relatati mal-enerġija rinnovabbli (42 tranżazzjoni għal valur tal-kreditu ta’ EUR 2 928 miljun).

(d)Trattament ta’ riskji ambjentali oħrajn:

Ir-Rakkomandazzjoni tal-OECD dwar Approċċi Komuni għal Krediti għall-Esportazzjoni Uffiċjalment Appoġġati u Diliġenza Dovuta Ambjentali u Soċjali tistabbilixxi prinċipji komuni għat-twettiq tad-diliġenza dovuta ambjentali u soċjali. L-Istati Membri kollha jaderixxu mar-Rakkomandazzjoni, li skontha jidentifikaw u jindirizzaw l-impatti u r-riskji potenzjali assoċjati mal-applikazzjonijiet għal appoġġ uffiċjali. Din ir-Rakkomandazzjoni tiddependi fuq standards stabbiliti sew bħall-Istandards ta’ Prestazzjoni Ambjentali u Soċjali tal-Korporazzjoni Finanzjarja Internazzjonali, il-Linji Gwida Ambjentali, tas-Saħħa u tas-Sikurezza tal-Grupp tal-Bank Dinji, il-Politiki ta’ Salvagwardja tal-Bank Dinji u l-Istandards Ambjentali u Soċjali tal-Bank Dinji. Ir-Rakkomandazzjoni tkopri kwistjonijiet ambjentali ewlenin, bħall-emissjonijiet tal-arja, inklużi l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, l-effiċjenza fir-riżorsi, l-immaniġġjar tal-iskart, l-istorbju u l-vibrazzjonijiet, il-ġestjoni tal-materjali perikolużi, l-impatti fuq l-ekosistemi, il-protezzjoni tal-bijodiversità, u l-użu sinifikanti tar-riżorsi naturali. Tinkludi wkoll rekwiżiti għall-preparatezza u r-rispons għall-emerġenzi, sabiex is-sidien tal-proġetti jkunu jistgħu jirrispondu għal inċidenti u sitwazzjonijiet ta’ emerġenza b’mod xieraq biex jiġu evitati u mitigati impatti ambjentali.

Il-politiki ta’ diliġenza dovuta u l-proċeduri ta’ valutazzjoni tar-riskju tal-ECAs huma primarjament ibbażati fuq ir-Rakkomandazzjoni, anki jekk din għandha rwol mhux esklużiv u l-politiki huma infurmati minn standards oħra u mill-acquis tal-UE. L-Istati Membri kollha li jagħtu krediti għall-esportazzjoni uffiċjalment appoġġati jirrapportaw il-konformità mad-dimensjoni ambjentali tar-Rakkomandazzjoni, u li din hija parti integrali mis-sistemi tagħhom ta’ diliġenza dovuta u ġestjoni tar-riskju u tal-proċessi tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tagħhom. Il-proċeduri ta’ valutazzjoni ex ante jiddependu fuq it-tip, id-daqs u l-kategorija ta’ applikazzjoni partikolari għal krediti għall-esportazzjoni uffiċjalment appoġġati. Ir-riskji jiġu identifikati, klassifikati u evalwati, u jista’ jkollhom riperkussjonijiet fuq l-eliġibbiltà għall-appoġġ. L-ECAs tal-UE kollha kkonfermaw li skrinjaw l-applikazzjonijiet kollha għal krediti għall-esportazzjoni uffiċjalment appoġġati bl-għan li jidentifikaw jekk għandhiex issir analiżi ambjentali.

Skont ir-Rakkomandazzjoni, l-ECAs huma meħtieġa jikklassifikaw dawk l-applikazzjonijiet, skont l-impatt ambjentali negattiv potenzjali, fi tliet kategoriji ta’ riskju: għolja (Kategorija A), medja (Kategorija B) jew baxxa (Kategorija C). Bosta Stati Membri jirrapportaw li japplikaw ir-Rakkomandazzjoni b’mod aktar wiesa’ mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. Dan jinkludi l-klassifikazzjoni tat-tranżazzjonijiet kollha, inklużi dawk li fihom jappoġġaw sehem b’valur ta’ anqas minn SDR 10 miljun, li fil-prinċipju ma jinqabdux fil-fażi tal-iskrinjar. L-Istati Membri jirrapportaw li saret Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali u Soċjali (ESIA, Environmental and Social Impact Assessment) f’konformità mal-Artikolu 18 tar-Rakkomandazzjoni għall-applikazzjonijiet kollha tal-Kategorija A li l-ECA tkun ħadet impenn finali għalihom. Għall-applikazzjonijiet tal-Kategorija B, l-Istati Membri jirrapportaw li l-applikanti dejjem ipprovdew biżżejjed informazzjoni dwar l-impatti ambjentali rilevanti tal-proġett f’konformità mal-Artikolu 19 tar-Rakkomandazzjoni. Qabel ma tittieħed deċiżjoni biex jingħata appoġġ għall-proġetti tal-Kategorija A jew B, l-ECAs kollha li ffinanzjaw tali proġetti rrapportaw li huma dejjem evalwaw l-informazzjoni li tirriżulta mill-iskrinjar u r-rieżami tat-tranżazzjonijiet, permezz ta’ rapport ta’ diliġenza dovuta mwettaq minn korp indipendenti intern jew konsulent estern, li l-opinjoni pożittiva tiegħu hija rekwiżit għall-ħruġ. L-informazzjoni rilevanti waslet permezz ta’ rapporti tal-ESIA, iżda nġabret ukoll bis-saħħa tal-formoli ta’ applikazzjoni u l-kwestjonarji tal-ECAs, ir-riċerka bbażata biss fuq id-dokumentazzjoni, iż-żjarat fuq il-post, ir-riċerka ta’ konsulenti esterni u l-kuntatti diretti mal-applikanti.

L-Iżvezja biss irrapportat li rrifjutat applikazzjoni għal proġett ta’ estrazzjoni minerarja, minħabba ġestjoni inadegwata tar-riskji fir-rigward ta’ żoni naturali protetti u d-drittijiet tal-bniedem. L-Iżvezja wkoll irrapportat li rrifjutat proġetti oħra bħala mhux kompatibbli mal-politiki dwar il-fjuwils fossili. Barra minn hekk, jista’ jseħħ nuqqas ta’ konformità minuri, bħal skadenzi maqbuża għas-sottomissjoni ta’ informazzjoni jew rapporti. Is-sitwazzjonijiet ta’ nuqqas ta’ konformità jiġu solvuti f’koordinazzjoni mal-isponsors tal-proġetti u xi drabi bl-appoġġ tal-ambaxxata tal-Istat Membru, billi jitfasslu azzjonijiet korrettivi u miżuri ta’ mitigazzjoni li jiġu mmonitorjati maż-żmien, jew billi jiġi sospiż l-appoġġ jew irrifjutat l-indennizz, għalkemm dawn l-għodod tal-aħħar ma ntużawx matul il-perjodu ta’ rapportar.

(e)Diliġenza dovuta soċjali u tad-drittijiet tal-bniedem:

Minbarra d-dimensjoni ambjentali tagħha, sa mill- 2012 ir-Rakkomandazzjoni tal-OECD dwar l-Approċċi Komuni fasslet prinċipji għat-twettiq tad-diliġenza dovuta soċjali. Hija tkopri l-impatti soċjali potenzjali ewlenin relatati mal-proġetti inkluż fir-rigward tax-xogħol u l-kundizzjonijiet tax-xogħol (pereż. it-trattament ġust, id-diskriminazzjoni, il-libertà ta’ assoċjazzjoni, in-negozjar kollettiv, l-akkomodazzjoni tal-ħaddiema), is-saħħa, is-sikurezza u s-sigurtà tal-komunità (pereż. l-esponiment komunitarju għall-mard, l-użu tal-persunal tas-sigurtà), l-akkwist tal-art u r-risistemazzjoni involontarja (pereż. l-ispostament fiżiku, l-ispostament ekonomiku), l-involviment adegwat mal-komunitajiet milquta (pereż. il-proċess infurmat ta’ konsultazzjoni u parteċipazzjoni, il-mekkaniżmu ta’ lmentar), mal-popli indiġeni (pereż. il-proċess ta’ kunsens liberu, minn qabel u infurmat) u mal-wirt kulturali. Tkopri wkoll l-impatti ewlenin fuq id-drittijiet tal-bniedem relatati mal-proġetti, inkluż ix-xogħol furzat, it-tħaddim tat-tfal, kwistjonijiet ta’ ugwaljanza bejn il-ġeneri u s-sitwazzjonijiet tas-saħħa u s-sigurtà okkupazzjonali li jkunu ta’ theddida għall-ħajja. Tingħata attenzjoni partikolari lill-gruppi vulnerabbli.

Il-prattiki ta’ diliġenza dovuta rrapportati tal-ECAs huma simili għal dawk tar-riskji ambjentali. L-għoxrin Stat Membru kollha li qed jirrapportaw li jipprovdu appoġġ uffiċjali jindikaw il-konformità mad-dimensjoni soċjali u tad-drittijiet tal-bniedem tar-Rakkomandazzjoni tal-OECD dwar l-Approċċi Komuni, u li din tifforma parti integrali mit-teħid ta’ deċiżjonijiet, id-diliġenza dovuta u s-sistemi ta’ ġestjoni tar-riskju tagħhom. Kollha kkonfermaw li skrinjaw l-applikazzjonijiet kollha bl-għan li jidentifikaw jekk għandhiex issir analiżi soċjali u tad-drittijiet tal-bniedem. Huma rrapportaw li twettqet ESIA għall-applikazzjonijiet kollha tal-Kategorija A. B’rabta mal-applikazzjonijiet tal-Kategorija B, irrapportaw li l-applikanti dejjem taw biżżejjed informazzjoni biex jindirizzaw l-impatti rilevanti tal-proġett. L-Istati Membri jirrapportaw li, qabel ma tittieħed deċiżjoni biex jingħata appoġġ uffiċjali għal proġetti tal-Kategorija A jew B li jkollhom impatt potenzjali negattiv soċjali u fuq id-drittijiet tal-bniedem, l-ECAs tagħhom dejjem evalwaw l-informazzjoni li tirriżulta mill-iskrinjar u mir-rieżami, bl-istess mod bħal fir-rigward tar-riskju ambjentali.

L-Istati Membri ma rrapportawx sitwazzjonijiet ta’ nuqqas ta’ konformità permanenti fil-proċessi ta’ diliġenza dovuta soċjali u tad-drittijiet ta’ bniedem matul l-2024, għajr għall-proġett Żvediż tal-estrazzjoni minerarja li ssemma qabel (li wasslu għar-rifjut tal-proġett). Xi ECAs irrapportaw li ffaċċjaw sitwazzjonijiet ta’ devjazzjonijiet minn azzjonijiet miftiehma u standards internazzjonali matul il-fażi ta’ monitoraġġ ta’ ċerti tranżazzjonijiet u li stabbilew miżuri skont il-każ (bħal enfasi akbar fuq kwistjonijiet speċifiċi u posponiment tal-iskadenzi tar-riżultati).

L-ECAs kollha minbarra tnejn għandhom proċess parteċipattiv ta’ konsultazzjoni jew mekkaniżmu ta’ lmentar għall-komunitajiet affettwati. Fil-każijiet kollha, l-isponsors tal-proġetti huma mitluba jistabbilixxu mekkaniżmi irrispettivament mill-involviment tal-ECA. L-Istati Membri ma rrapportaw l-ebda lment lill-Kummissjoni fir-Rapporti Annwali tal-Attività tagħhom għall-2024.

(f)Miżuri kontra t-tixħim:

L-Istati Membri kollha li jipprovdu krediti għall-esportazzjoni uffiċjalment appoġġati jirrapportaw konformità mar-Rakkomandazzjoni tal-OECD dwar it-Tixħim u l-Krediti għall-Esportazzjoni Uffiċjalment Appoġġati. Din ir-rakkomandazzjoni tinkludi miżuri għall-iskrinjar, it-twettiq tad-diliġenza dovuta, l-evalwazzjoni u d-deċiżjoni dwar l-eliġibbiltà għall-appoġġ bl-għan li jitnaffar it-tixħim fil-krediti għall-esportazzjoni uffiċjalment appoġġati. B’mod partikolari, dan ifisser il-verifika li l-partijiet involuti fit-tranżazzjonijiet ma jkunux elenkati fil-listi ta’ esklużjoni tal-Istituzzjonijiet Finanzjarji Multilaterali.

(g)Prattiki ta’ self sostenibbli:

L-Istati Membri kollha li jagħtu krediti għall-esportazzjoni uffiċjalment appoġġati jirrapportaw il-konformità tagħhom mar-Rakkomandazzjoni tal-OECD dwar il-Prattiki ta’ Self Sostenibbli u l-Krediti għall-Esportazzjoni Uffiċjalment Appoġġati. Ir-Rakkomandazzjoni tfittex li tiżgura li l-finanzjament tal-ħtiġijiet tal-iżvilupp ta’ pajjiżi bi dħul aktar baxx jiġi mobilizzat mingħajr ma dawk il-pajjiżi jakkumulaw dejn eċċessiv fil-futur. L-aderenza mar-Rakkomandazzjoni timxi id f’id ma’ aderenza mill-qrib mal-politiki tal-Bank Dinji u l-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) tal-kundizzjonalità fuq il-limiti tad-dejn għal self mhux aġevolanti, u fir-rigward ta’ self sostenibbli. Skont ir-Rakkomandazzjoni, l-aderenti qablu wkoll dwar miżuri importanti ta’ trasparenza li jinkludu l-informazzjoni lill-Bank Dinji u lill-FMI. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, il-valutazzjonijiet tas-sostenibbiltà tad-dejn huma parti mill-valutazzjonijiet tar-riskju ġenerali tal-pajjiżi li jaffettwaw il-politiki ta’ kopertura tal-pajjiżi tal-ECAs.

(h)Informazzjoni oħra li tinsab fir-Rapporti Annwali tal-Attività:

L-Istati Membri jirrapportaw li jieħdu ħsieb li jiżguraw li l-ECAs joperaw bl-aktar mod trasparenti possibbli filwaqt li jirrispettaw il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni sensittiva għan-negozju. Skont ir-Rakkomandazzjoni tal-OECD dwar l-Approċċi Komuni, il-proċedura armonizzata fl-UE kollha hija d-divulgazzjoni pubblika ta’ informazzjoni dettaljata għal proġetti li jistgħu potenzjalment iħallu impatti ambjentali jew soċjali negattivi. L-ECAs dejjem iddivulgaw l-informazzjoni kollha meħtieġa skont l-Artikoli 39 u 41 tar-Rakkomandazzjoni, jiġifieri informazzjoni ex ante rilevanti għal proġetti tal-Kategorija A, inklużi ESIAs, u informazzjoni ex post għall-proġetti kollha appoġġati tal-Kategoriji A u B, permezz ta’ paġni dedikati fuq is-siti web tagħhom irreferenzjati fl-Anness 2.

Ħafna ECAs tal-UE għandhom politika ta’ responsabbiltà soċjali korporattiva li tipikament tinvolvi mhux biss l-isforzi interni iżda wkoll djalogu mill-qrib mal-klijenti tal-ECA. F’dan il-kuntest, l-ECAs qed jevalwaw dejjem aktar il-prattiki tagħhom stess u jiżviluppaw pjanijiet biex inaqqsu l-impatt ambjentali tagħhom stess inklużi l-istimi tal-impronta tal-karbonju.

4. Konformità tal-ECAs mal-objettivi u l-obbligi tal-Unjoni:

L-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) jelenka l-objettivi ġenerali tal-Unjoni Ewropea; l-Artikolu 21 jistabbilixxi l-prinċipji u l-objettivi tal-Azzjoni Esterna tal-Unjoni. Skont l-Artikolu 3, il-paragrafu 5 TUE, fir-relazzjonijiet tagħha mal-bqija tad-dinja, l-Unjoni Ewropea “għandha tikkontribwixxi […] għall-iżvilupp sostenibbli tal-pjaneta, is-solidarjetà u r-rispett reċiproku bejn il-popli, il-kummerċ liberu u ġust, il-qerda tal-faqar u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem b’mod partikolari dawk tat-tfal, kif ukoll għar-rispett sħiħ u għall-iżvilupp tad-dritt internazzjonali, partikolarment ir-rispett għall-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti”. Fir-rigward tal-politika kummerċjali komuni tal-UE, issir referenza għall-prinċipji u l-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni fl-Artikolu 206 fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 207 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Il-Parlament Ewropew talab lill-Kummissjoni għal dikjarazzjoni dwar jekk l-Istati Membri jkunux konformi mal-objettivi u l-obbligi tal-UE meta jagħtu krediti għall-esportazzjoni uffiċjalment appoġġati. Il-Kummissjoni għamlet ir-rieżami annwali tagħha f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 1233/2011. Bħala tali, ir-rieżami tal-Kummissjoni huwa bbażat fuq ir-Rapporti Annwali tal-Attività ppreżentati mill-Istati Membri u ma jistax jitqies bħala eżawrjenti.

Il-Kummissjoni tqis li l-informazzjoni disponibbli tipprovdi evidenza li l-attivitajiet ta’ kreditu għall-esportazzjoni uffiċjalment appoġġati fl-UE jikkonformaw mal-Artikoli 3 u 21 TUE. Ir-rakkomandazzjonijiet tal-OECD jagħtu qafas għall-ġestjoni tal-programmi ta’ kreditu għall-esportazzjoni tal-Istati Membri. Barra minn hekk l-Istati Membri jistabbilixxu il-politiki tagħhom abbażi ta’ dawk ir-rakkomandazzjonijiet u f’konformità mal-objettivi tal-UE. L-Istati Membri qed jistabbilixxu wkoll firxa ta’ politiki biex jappoġġaw it-tranżizzjoni klimatika u jnaqqsu l-appoġġ għal proġetti tal-fjuwils fossili filwaqt li jżidu l-appoġġ għal proġetti li jappoġġaw it-tranżizzjoni. Il-Kummissjoni tappoġġa aktar progress f’dan il-qasam, inkluż it-tisħiħ ulterjuri tal-impenji tal-Istati Membri rigward l-eliminazzjoni gradwali tal-fjuwils fossili. Fir-rigward tal-konformità mal-obbligi internazzjonali u dawk skont id-dritt tal-kompetizzjoni tal-UE, ma kien hemm l-ebda tilwima rigward l-attivitajiet ta’ kreditu għall-esportazzjoni ta’ Stat Membru tal-UE għall-2024 fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ u l-Kummissjoni ma rċeviet ebda lment dwar ksur potenzjali tar-regolamentazzjoni tal-UE li tinvolvi l-ECAs.

(1)   Recommendation on Common Approaches for Officially Supported Export Credits and Environmental and Social Due Diligence ; Recommendation on Sustainable Lending Practices and Officially Supported Export Credits ; Recommendation on Bribery and Officially Supported Export Credits .
(2)   Il-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2022 dwar il-Krediti għall-Esportazzjoni