European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/1809

27.6.2024

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2024/1809

tal-21 ta’ Ġunju 2024

dwar l-għoti ta’ allowances ta’ kuljum u r-rimborż tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar tal-membri tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u s-supplenti tagħhom, u li tħassar id-Deċiżjonijiet 2013/471/UE u (UE) 2023/1013

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari, l-Artikolu 301, it-tielet paragrafu, tiegħu,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/471/UE (1) stabbiliet regoli dwar l-għoti ta’ allowances ta’ kuljum u r-rimborż tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar tal-membri tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (il-“Kumitat”) u s-supplenti tagħhom.

(2)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2023/1013 (2) introduċiet deroga mill-Artikoli 2, 3 u 4 tad-Deċiżjoni 2013/471/UE fir-rigward tal-għoti ta’ allowances ta’ kuljum u r-rimborż tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar tal-membri tal-Kumitat u s-supplenti tagħhom (flimkien imsejħa “il-benefiċjarji”), biex b’hekk il-benefiċjarji li jattendu laqgħat mill-bogħod b’mezzi elettroniċi jkunu intitolati għal allowance ta’ kuljum. Barra minn hekk, kien meqjus adattat li l-għoti ta’ tali allowances ta’ kuljum ikunu parti minn reviżjoni komprensiva futura tad-Deċiżjoni 2013/471/UE, li għandha titwettaq qabel tmiem il-mandat attwali tal-Kumitat.

(3)

Id-Deċiżjoni (UE) 2023/1013 ipprevediet allowance ta’ kuljum għall-benefiċjarji li jattendu ċerti laqgħat tal-Kumitat mill-bogħod b’mezzi elettroniċi. B’mod speċifiku, dik id-Deċiżjoni pprevediet allowances ta’ kuljum għal- laqgħat li jkunu awtorizzati f’konformità mar-regoli interni tal-Kumitat, ħlief għal-laqgħat tal-Bureau, sessjonijiet plenarji tal-Assemblea, laqgħat tas-sezzjonijiet u laqgħat tal-Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali, u f’ċirkostanzi debitament ġustifikati u eċċezzjonali, għal laqgħat oħra debitament awtorizzati li huma impossibbli li jiġu organizzati kompletament bi presenza fiżika u li huma essenzjali biex tiġi ggarantita l-kontinwità istituzzjonali u tal-operat tal-Kumitat. Għal raġunijiet ta’ ċarezza u trasparenza, huwa xieraq li f’din id-Deċiżjoni jiġu inkorporati l-istess kundizzjonijiet li ilhom japplikaw mill-2023.

(4)

Fil-25 ta’ Awwissu 2023, il-Kumitat talab lill-Kunsill jadotta deċiżjoni ġdida dwar l-għoti ta’ allowances ta’ kuljum u r-rimborż tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar tal-membri tal-Kumitat u s-supplenti tagħhom, biex taġġusta l-ammonti tal-allowances ta’ kuljum stabbiliti fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 2013/471/UE sabiex jittieħed kont tal-bidliet fil-kapaċità tal-akkwist bejn l-2013 u l-2023 skont id-data tal-Eurostat. F’dak il-kuntest, huwa importanti wkoll li jinżamm il-bilanċ xieraq bejn id-diversi istituzzjonijiet u korpi konsultattivi tal-Unjoni, b’mod partikolari mal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni.

(5)

L-ammonti tal-allowances ta’ kuljum imħallsa lill-membri tal-Kumitat u lis-supplenti tagħhom ilhom ma jiġu aġġustati mill-2013 u jenħtieġ li jiġu adattati. Jenħtieġ li jsir rieżami tal-ammonti fuq bażi regolari. Skont dan, jenħtieġ li jsir rieżami fit-12-il xahar ta’ qabel il-bidu tal-mandat ta’ 5 snin tal-Kumitat. Barra minn hekk, jenħtieġ li jkun possibbli li jsir rieżami meta l-livelli tal-inflazzjoni jaqbżu perċentwal partikolari skont id-data tal-Eurostat. Jenħtieġ li tiġi prevista wkoll sistema għar-rimborż ta’ spejjeż tal-ivjaġġar abbażi tal-ispejjeż effettivi, kif ukoll għal allowances li jikkumpensaw għall-ħin użat min-membri tal-Kumitat u s-supplenti tagħhom fil-qadi ta’ dmirijiethom u għal spejjeż amministrattivi relatati.

(6)

Fejn xieraq, jenħtieġ li jiġu stabbiliti fil-livell tal-Kumitat regoli dettaljati rigward l-għoti ta’ allowances, ir-rimborż tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar u l-iffissar ta’ limiti massimi ’ għar-rimborż tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar. Barra minn hekk, tali regoli dettaljati dwar l-allowances jenħtieġ li jkollhom l-għan li jimmassimizzaw il-benefiċċji li jirriżultaw mill-attendenza mill-bogħod filwaqt li fl-istess ħin jiżguraw li ma jkun hemm l-ebda żieda mhux ġustifikata fl-għadd ta’ laqgħat organizzati mill-Kumitat. Jenħtieġ li r-regoli ta’ implimentazzjoni jagħtu preferenza lil modi ta’ trasport aktar ekoloġiċi, b’mod partikolari l-ivvjaġġar bil-ferrovija għal distanzi iqsar, u lil arranġamenti tal-ivvjaġġar li jnaqqsu l-impronta tal-karbonju tal-benefiċjarji f’konformità mal-għanijiet klimatiċi tal-UE għall-2050. Mill-ewwel jum tal-mandat li jmiss tal-Kumitat, jenħtieġ li, bħala regola ġenerali, ir-regoli ta’ implimentazzjoni jistabbilixxu ammonti ta’ referenza għar-rimborż massimu tal-ivjaġġar bl-ajru, li għandhom ikunu komparabbli għat-tariffa tal-klassi ekonomika.

(7)

Jenħtieġ li l-Kumitat jippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapporti regolari dwar ir-rimborż tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar u l-allowances imħallsa lill-benefiċjarji fis-sena preċedenti. Jenħtieġ li dawk ir-rapporti jindikaw, b’mod partikolari, l-impatt baġitarju u l-ispejjeż tal-ivvjaġġar imġarrba u rimborżati, l-allowances imħallsa kemm għall-attendenza fiżika kif ukoll dik mill-bogħod għal-laqgħat, l-evoluzzjoni fl-għadd ta’ laqgħat tal-Kumitat li attendew għalihom mill-bogħod b’mezzi elettroniċi, it-tul ta’ tali laqgħat, u kwalunkwe ffrankar baġitarju u benefiċċju ambjentali assoċjati mal-attendenza mill-bogħod.

(8)

Il-Kumitat jenħtieġ li jippreżenta lill-Kunsill rapport ta’ evalwazzjoni dwar l-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, u b’mod partikolari dwar l-impatt baġitarju tagħha. Dak ir-rapport ta’ evalwazzjoni jenħtieġ li jinkludi l-elementi li ser jippermettu lill-Kunsill jiddetermina, kif meħtieġ, l-allowances tal-benefiċjarji.

(9)

Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjonijiet 2013/471/UE u (UE) 2023/1013 jitħassru,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-membri tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (“il-Kumitat”) u s-supplenti tagħhom (flimkien imsejħa l-“benefiċjarji”) għandhom ikunu intitolati għal allowance ta’ kuljum għall-jiem ta’ laqgħat, għar-rimborż tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar tagħhom u għal allowances għad-distanza u t-tul ta’ żmien, f’konformità ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

1.   L-allowance ta’ kuljum għall-benefiċjarji li jattendu l-laqgħat fiżikament għandha tiġi ffissata għal EUR 367.

Il-Kumitat jista’ jiddeċiedi li jżid l-allowance ta’ kuljum b’massimu ta’ 50 %:

(a)

meta benefiċjarju debitament mistieden għal laqgħa waħda jew aktar ikun obbligat iħallas għal akkomodazzjoni għal lejl fil-post tal-laqgħa kemm qabel l-ewwel laqgħa kif ukoll wara l-aħħar laqgħa; jew

(b)

fil-każ ta’ missjoni barra minn Brussell, fejn ir-rati tal-lukandi magħżula bħala akkomodazzjoni għall-benefiċjarji ikunu aktar minn EUR 190 għal kull lejl.

2.   L-allowance ta’ kuljum tista’ titħallas lill-benefiċjarji għal massimu ta’ jumejn bejn żewġ laqgħat, meta dik l-allowance tkun inqas mir-rimborż tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar li l-benefiċjarju altrimenti jġarrab għal vjaġġ bir-ritorn bejn dawk il-laqgħat.

Artikolu 3

1.   L-allowance ta’ kuljum għall-benefiċjarji li jattendu l-laqgħat mill-bogħod b’mezzi elettroniċi għandha tiġi ffissata għal EUR 149.

2.   L-għoti tal-allowance ta’ kuljum imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jkun applikabbli biss għal laqgħat li jkunu ġew awtorizzati f’konformità mar-regoli interni tal-Kumitat, ħlief għal-laqgħat tal-Bureau, sessjonijiet plenarji tal-Assemblea, laqgħat tas-sezzjonijiet u laqgħat tal-Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali.

3.   F’ċirkostanzi debitament ġustifikati u eċċezzjonali, l-allowance ta’ kuljum imsemmija fil-paragrafu 1 għandha tingħata wkoll għal kwalunkwe laqgħa oħra debitament awtorizzata għajr għal dawk li għalihom tingħata l-allowance ta’ kuljum f’konformità mal-paragrafu 2, dment li tali laqgħa ma tkunx tista’ tiġi organizzata kompletament bi preżenza fiżika u li tkun essenzjali biex tiggarantixxi l-kontinwità istituzzjonali u tal-operat tal-Kumitat.

Artikolu 4

L-ispejjeż tal-ivjaġġar tal-benefiċjarji għandhom jiġu rimborżati abbażi tal-ispejjeż li effettivament ikunu ġġarrbu. Il-Kumitat għandu jiffissa limiti massimi adatti ta’ rimborż, bl-għan li jiżgura li n-nefqa tiegħu relatata mal-ispejjeż tal-ivvjaġġar ma taqbiżx il-livell li qiegħed fil-baġit annwali vvotat tiegħu.

Artikolu 5

Il-benefiċjarji għandhom ikunu intitolati għal allowances għad-distanza u t-tul ta’ żmien. Fil-każ ta’ vjaġġi bejn il-post tar-residenza tal-benefiċjarju u Brussell, il-benefiċjarju għandu jkun intitolat għal allowances fir-rigward ta’ vjaġġ wieħed lejn Brussell u vjaġġ wieħed lura minn Brussell għal kull ġimgħa ta’ xogħol fil-Kumitat.

Artikolu 6

Il-Kumitat għandu jadotta regoli dettaljati li jimplimentaw l-Artikoli 2, 3, 4 u 5 sat-2 ta’ Diċembru 2024.

Artikolu 7

L-allowance għad-distanza msemmija fl-Artikolu 5 għandha tiġi kkalkolata kif ġej:

(a)

għall-parti tal-vjaġġ bejn 0 u 50 km: EUR 18,98;

(b)

għall-parti tal-vjaġġ bejn 51 u 500 km: EUR 0,10/km;

(c)

għall-parti tal-vjaġġ bejn 501 u 1 000 km: EUR 0,05/km;

(d)

għall-parti tal-vjaġġ bejn 1 001 u 3 000 km: EUR 0,03/km;

(e)

għall-parti tal-vjaġġ li taqbeż it-3 000 km: l-ebda allowance.

Artikolu 8

L-allowance għat-tul ta’ żmien imsemmija fl-Artikolu 5 għandha tiġi kkalkolata kif ġej:

(a)

għal vjaġġ ta’ tul ta’ żmien totali ta’ bejn sagħtejn u erba’ sigħat: ammont ekwivalenti għal wieħed minn tmienja tal-allowance ta’ kuljum prevista fl-Artikolu 2;

(b)

għal vjaġġ ta’ tul ta’ żmien totali ta’ bejn erba’ u sitt sigħat: ammont ekwivalenti għal kwart tal-allowance ta’ kuljum prevista fl-Artikolu 2;

(c)

għal vjaġġ ta’ tul ta’ żmien totali ta’ aktar minn sitt sigħat u li ma jirrikjedix waqfa għal lejl: ammont ekwivalenti għal nofs l-allowance ta’ kuljum prevista fl-Artikolu 2;

(d)

għal vjaġġ ta’ tul ta’ żmien totali ta’ aktar minn sitt sigħat u li jirrikjedi waqfa għal-lejl: ammont ekwivalenti għall-allowance ta’ kuljum prevista fl-Artikolu 2, soġġett għall-preżentazzjoni ta’ evidenza dokumentata.

Artikolu 9

1.   Fi żmien 12-il xahar qabel il-bidu tal-mandat ta’ 5 snin tal-Kumitat, il-Kunsill għandu jikkunsidra aġġustament tal-ammonti msemmija fl-Artikolu 2(1), l-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 7.

2.   Wara talba mill-Kumitat, il-Kunsill jista’ jikkunsidra wkoll aġġustament tal-ammonti msemmija fl-Artikolu 2(1), l-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 7 meta l-inflazzjoni annwali akkumulata tkun qabżet 6 % skont l-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur (HICP) tal-Eurostat għall-UE27 mill-aħħar aġġustament miftiehem mill-Kunsill.

Artikolu 10

Sat-30 ta’ April ta’ kull sena, il-Kumitat għandu jressaq quddiem il-Parlament Ewropew u l-Kunsill rapport dettaljat dwar ir-rimborż tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tal-allowances imħallsa lill-benefiċjarji fis-sena ta’ qabel. Dak ir-rapport għandu jindika fid-dettall in-numru ta’ benefiċjarji, in-numru ta’ vjaġġi, id-destinazzjonijiet, il-klassi tal-ivvjaġġar u l-ispejjeż tal-ivvjaġġar imġarrba u rimborżati, kif ukoll l-allowances imħallsa, inkluż kemm għall-attendenza fiżika kif ukoll dik mill-bogħod tal-laqgħat. Ir-rapport għandu jinkludi wkoll kwalunkwe ffrankar baġitarju u benefiċċju ambjentali assoċjati mal-attendenza mill-bogħod.

Artikolu 11

Sal-31 ta’ Diċembru 2026, il-Kumitat għandu jressaq quddiem il-Kunsill rapport ta’ evalwazzjoni dwar l-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, u partikolarment dwar l-impatt baġitarju tagħha.

Dak ir-rapport ta’ evalwazzjoni għandu jinkludi l-elementi li jippermettu lill-Kunsill jiddetermina, kif neċessarju, l-allowances tal-benefiċjarji.

Artikolu 12

Id-Deċiżjonijiet 2013/471/UE u (UE) 2023/1013 huma mħassra b’effett mill-1 ta’ Settembru 2024.

Artikolu 13

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Settembru 2024.

L-Artikolu 9 għandu jkun applikabbli mill-1 ta’ Jannar 2026.

Magħmul fil-Lussemburgu, il-21 ta’ Ġunju 2024.

Għall-Kunsill

Il-President

V. VAN PETEGHEM


(1)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/471/UE tat-23 ta’ Settembru 2013 dwar l-għoti ta’ allowances ta’ kuljum u r-rimborż tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar tal-membri tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u s-supplenti tagħhom (ĠU L 253, 25.9.2013, p. 22).

(2)  Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2023/1013 tas-16 ta’ Mejju 2023 dwar deroga mid-Deċiżjoni 2013/471/UE dwar l-għoti ta’ allowances ta’ kuljum u r-rimborż tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar tal-membri tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u s-supplenti tagħhom, u li tħassar id-Deċiżjoni (UE) 2021/1072 (ĠU L 136, 24.5.2023, p. 69).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/1809/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)