Brussell, 24.8.2020

COM(2020) 468 final

2020/0221(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

li tagħti appoġġ temporanju skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/672 lil-Latvja biex jittaffew ir-riskji tal-qgħad f’sitwazzjoni ta’ emerġenza wara t-tifqigħa tal-COVID-19


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

•Raġunijiet u għanijiet tal-proposta

Ir-Regolament tal-Kunsill 2020/672 (“ir-Regolament SURE”) jistabbilixxi l-qafas legali għall-għoti ta’ assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-Istati Membri, li qed jesperjenzaw taqlib ekonomiku sever ikkawżat mit-tifqigħa tal-COVID-19, jew huma mhedda serjament minn tali taqlib. L-appoġġ skont SURE jservi għall-finanzjament, primarjament, ta’ skemi ta’ xogħol b'ħinijiet iqsar jew miżuri simili mmirati biex jipproteġu l-impjegati u dawk li jaħdmu għal rashom u b’hekk inaqqsu l-inċidenza tal-qgħad u t-telf tad-dħul, kif ukoll għall-finanzjament, bħala anċillari, ta’ xi miżuri relatati mas-saħħa, b’mod partikolari fuq il-post tax-xogħol.

Fis-7 ta’ Awwissu 2020, il-Latvja talbet assistenza finanzjarja mill-Unjoni skont ir-Regolament SURE. Skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament SURE, il-Kummissjoni kkonsultat lill-awtoritajiet Latvjani biex tivverifika ż-żieda għal għarrieda qawwija fin-nefqa attwali u ppjanata direttament relatata ma’ skema għall-kumpens ta’ ħaddiema inattivi, u n-nefqa relatata tagħha — l-għotja għall żmien ta' waqfien mix-xogħol u l-bonus għall-ħaddiema għat-tfal, skema għal sussidji fuq il-pagi għall-industrija tal-esportazzjoni, pagamenti ta’ appoġġ għall-pagi għal professjonisti mediċi u ħaddiema fl-industrija kulturali, kif ukoll nefqa relatata mas-saħħa fuq tagħmir protettiv personali u benefiċċji tal-mard relatati mal-COVID-19 kkawżati mill-pandemija tal-COVID-19. B’mod partikolari, dan jikkonċerna:

(1)skema għall-kumpens tal-ħaddiema inattivi. L-iskema tħallas pagi lill-impjegati ta’ kumpaniji tas-settur privat li huma assenti bil-permess. Din tkopri bejn 50 % u 75 % tas-salarji tal-impjegati, skont id-daqs tan-negozju, b’limitu massimu ta’ EUR 700 għal kull impjegat fix-xahar. Marbuta mal-iskema tal-kumpens ta’ ħaddiema inattivi hemm l-iskema relatata ta’ għotja għal żmien ta' waqfien mix-xogħolu l-bonus tal-ħaddiema għal tfal. L-iskema ta’ għotjiet għal żmien ta' waqfien mix-xogħol tipprovdi benefiċċju minimu għall-ħaddiema impjegati jew għal dawk li jaħdmu għal rashom li jew ma jikkwalifikawx għal appoġġ skont l-iskema għall-kumpens ta’ ħaddiema inattivi minħabba raġunijiet mhux relatati mal-impjegat, jew jirċievu inqas minn EUR 180 minnha. Il-benefiċċju jiżgura livell minimu ta’ appoġġ, u jiżgura li l-impjegati kollha jew il-persuni li jaħdmu għal rashom jirċievu benefiċċju ta’ mhux inqas minn EUR 180 fix-xahar. Il-bonus għall-iskema tat-tfal jipprovdi appoġġ addizzjonali għall-impjegati assenti bil-permess li għandhom ulied dipendenti fuqhom.

(2)skema għas-sussidji tal-pagi għall-industriji tat-turiżmu u tal-esportazzjoni, li hija kontinwazzjoni tal-iskema tal-ħaddiema inattivi mmirata speċifikament lejn l-industriji tat-turiżmu u tal-esportazzjoni. Il-miżura tiddependi fuq min jirċievi l-prova li r-riżorsi se jintużaw biex ikopru l-ispejjeż tas-salarji.

(3)żewġ pagamenti ta’ appoġġ għall-paga mmirati lejn il-professjonisti mediċi u l-ħaddiema fl-industrija kulturali. Il-pagamenti ta’ appoġġ għall-paga jipprovdu għotjiet lill-industriji mediċi u kulturali sabiex jappoġġaw il-ħlas tal-pagi waqt li l-ħaddiema huma assenti bil-permess. Iż-żewġ skemi jiddependu fuq l-użu ta’ dawn l-għotjiet biex ikopru l-ispejjeż tas-salarji.

(4)in-nefqa relatata mas-saħħa fit-tagħmir ta’ protezzjoni personali u provvisti mediċi oħra sabiex jiġu żgurati s-saħħa u s-sikurezza tal-impjegati tas-settur pubbliku, b’mod partikolari, il-ħaddiema tal-kura tas-saħħa.

(5)Benefiċċji tal-mard relatati mal-COVID-19, fejn il-gvern ħallas l-appoġġ tal-liv tal-mard li ttieħed minħabba l-ħtieġa għal awtoiżolament jew awtokwarantina. Normalment, parti mill-benefiċċji tal-mard ikollha titħallas minn min iħaddem, filwaqt li skont din l-iskema l-istat ħallas l-ispejjeż kollha.

Il-Latvja tat l-informazzjoni rilevanti lill-Kummissjoni.

Wara li qieset l-evidenza disponibbli, il-Kummissjoni qed tipproponi lill-Kunsill biex jadotta Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni biex tingħata assistenza finanzjarja lil-Latvja skont ir-Regolament SURE b’appoġġ għall-miżuri ta’ hawn fuq.

•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

Il-proposta preżenti hija kompletament konsistenti mar-Regolament tal-Kunsill 2020/672, li bis-saħħa tiegħu qed issir il-proposta.

Din il-proposta ġejja apparti strument ieħor tal-liġi tal-Unjoni li jipprovdi appoġġ lill-Istati Membri f’każ ta’ emerġenza, jiġifieri r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 tal-11 ta’ Novembru 2002 li jistabbilixxi l-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (FSUE) (“ir-Regolament (KE) Nru 2012/2002”). Ir-Regolament (UE) 2020/461 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li jemenda dak l-istrument biex jestendi l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu biex ikopri emerġenzi kbar ta’ saħħa pubblika u jiddefinixxi operazzjonijiet speċifiċi eliġibbli għall-finanzjament, ġie adottat fit-30 ta’ Marzu.

•Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Il-proposta hija parti minn firxa ta’ miżuri żviluppati b’reazzjoni għall-pandemija attwali tal-COVID-19 bħall-“Inizjattiva ta’ Investiment fir-Rispons għall-Coronavirus”, u tikkomplementa strumenti oħra li jappoġġjaw l-impjiegi bħall-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi/InvestEU. Bl-użu ta’ għoti u teħid b’self f’dan il-każ partikolari tat-tifqigħa tal-COVID-19 għall-appoġġ tal-Istati Membri, din il-proposta taġixxi bħala t-tieni linja ta’ difiża biex jiġu ffinanzjati skemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar u miżuri simili, biex jiġu protetti l-impjiegi u b’hekk l-impjegati u l-persuni li jaħdmu għal rashom kontra r-riskju tal-qgħad.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

•Bażi ġuridika

Il-bażi ġuridika għal dan l-istrument hija r-Regolament tal-Kunsill 2020/672.

•Sussidjarjetà (għal kompetenza mhux esklużiva)

Il-proposta ssegwi talba tal-Istati Membri u turi solidarjetà Ewropea billi tipprovdi assistenza finanzjarja tal-Unjoni fil-forma ta’ self temporanju lil Stat Membru affettwat mit-tifqigħa tal-COVID-19. Bħala t-tieni linja ta’ difiża, tali assistenza finanzjarja tappoġġja ż-żieda fin-nefqa pubblika tal-gvern fuq bażi temporanja fir-rigward tal-iskemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar u miżuri simili biex tgħinhom jipproteġu l-impjiegi u b’hekk lill-impjegati u lill-persuni li jaħdmu għal rashom kontra r-riskju ta’ qgħad u t-telf ta’ introjtu.

Tali appoġġ se jgħin lill-popolazzjoni affettwata u jgħin biex itaffi l-impatt soċjali u ekonomiku dirett ikkawżat mill-kriżi attwali tal-COVID-19.

•Proporzjonalità

Il-proposta tosserva l-prinċipju tal-proporzjonalità. Ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jinkisbu l-għanijiet tal-istrument.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Minħabba l-urġenza biex titħejja l-proposta u biex tkun tista’ tiġi adottata fil-ħin mill-Kunsill, ma setgħetx titwettaq konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati.

•Valutazzjoni tal-impatt

Minħabba n-natura urġenti tal-proposta, ma saret l-ebda valutazzjoni tal-impatt.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista’ tieħu self fis-swieq finanzjarji bil-għan li tagħtih b’self lill-Istat Membru li jitlob assistenza finanzjarja skont l-istrument SURE.

Minbarra l-provvediment tal-garanziji tal-Istati Membri, jiddaħħlu salvagwardji oħra fil-qafas sabiex tiġi żgurata s-solidità finanzjarja tal-iskema:

·Approċċ rigoruż u konservattiv għal ġestjoni finanzjarja;

·Kostruzzjoni tal-portafoll ta’ self li jillimita r-riskju ta’ konċentrazzjoni, skopertura annwali u skopertura eċċessiva għal Stati Membri individwali, filwaqt li jiġu żgurati riżorsi suffiċjenti li jistgħu jingħataw lill-Istati Membri li huma l-aktar fil-bżonn; kif ukoll

·Possibbiltajiet ta’ riportament tad-dejn.

2020/0221 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

li tagħti appoġġ temporanju skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/672 lil-Latvja biex jittaffew ir-riskji tal-qgħad f’sitwazzjoni ta’ emerġenza wara t-tifqigħa tal-COVID-19

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/672 tad-19 ta’ Mejju 2020 dwar l-istabbiliment ta’ Strument Ewropew għal appoġġ temporanju biex jittaffew ir-riskji ta’ qgħad f’emerġenza (SURE) wara t-tifqigħa tal-COVID-19 1 , u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Fis-7 ta’ Awwissu 2020, il-Latvja talbet assistenza finanzjarja mill-Unjoni bil-ħsieb li tikkomplementa l-isforzi nazzjonali tagħha biex tindirizza l-impatt tat-tifqigħa tal-COVID-19 u l-konsegwenzi soċjo-ekonomiċi tagħha għall-ħaddiema.

(2)It-tifqigħa tal-COVID-19 u l-miżuri straordinarji implimentati mil-Latvja biex titrażżan it-tifqigħa u l-impatt soċjo-ekonomiku u marbut mas-saħħa tagħha huma mistennija li jkollhom impatt drammatiku fuq il-finanzi pubbliċi. Skont il-previżjoni tar-rebbiegħa 2020 tal-Kummissjoni, kien mistenni li l-Latvja jkollha defiċit u dejn tal-amministrazzjoni pubblika ta’ 7,3 % u 43,1 % tal-prodott domestiku gross (PDG) rispettivament sa tmiem l-2020. Skont il-previżjoni interim tas-sajf tal-2020 tal-Kummissjoni, il-PDG tal-Latvja huwa previst li jonqos b’7 % fl-2020.

(3)It-tifqigħa tal-COVID-19 ipparalizzat parti sostanzjali tal-forza tax-xogħol fil-Latvja. Dan wassal għal żieda għal għarrieda qawwija fin-nefqa pubblika mil-Latvja fir-rigward tal-iskema għall-kumpens tal-ħaddiema inattivi u l-iskemi ta’ appoġġ relatati - l-allowance għal waqfien u l-bonus għall-ħaddiema għat-tfal, skema ta’ sussidji tal-pagi għall-industrija tal-esportazzjoni, pagamenti ta’ appoġġ għall-pagi għal professjonisti mediċi u ħaddiema fl-industrija kulturali, kif ukoll nefqa relatata mas-saħħa fuq tagħmir personali protettiv u benefiċċji tal-mard relatati mal-COVID-19, kif stabbilit fil-premessi 4 sa 7.

(4)“Ir-Regolament Nru 179 (Adottat fil-31 ta’ Marzu 2020) Regolamenti rigward l-Għotja għall-Inattività għall-Persuni li Jaħdmu għal Rashom affettwati mill-firxa tal-COVID-19” u “Ir-Regolament Nru 165 (Adottat fis-26 ta’ Marzu 2020) Regolamenti rigward l-impjegaturi affettwati mill-kriżi kkawżata mill-COVID-19 li huma eliġibbli għall-għotja għall-inattività u diviżjoni tat-taxxa li tħallset tard fi ħlasijiet parzjali jew differiment tagħhom għal sa tliet snin”, kif inhuma msejħa fit-talba tal-Latvja tas-7 ta’ Awwissu 2020, introduċew skema għall-kumpens tal-ħaddiema inattivi. L-iskema tħallas pagi lill-impjegati ta’ kumpaniji tas-settur privat li huma assenti bil-permess. Din tkopri bejn 50 % u 75 % tas-salarji tal-impjegati, skont id-daqs tan-negozju, b’limitu massimu ta’ EUR 700 għal kull impjegat fix-xahar. Marbuta mal-iskema tal-kumpens ta’ ħaddiema inattivi hemm l-iskema relatata ta’ għotja għal żmien ta' waqfien mix-xogħolu l-bonus tal-ħaddiema għal tfal. Abbażi tal-“Kabinett tal-Ministri Nru 236 'Dwar l-allokazzjoni tar-riżorsi finanzjarji mill-programm tal-baġit tal-istat "Fondi għal emerġenzi nazzjonali'”, kif inhu msemmi fit-talba tal-Latvja tas-7 ta’ Awwissu 2020, l-iskema ta’ għotja għaż-żmien ta' waqfien mix-xogħol tipprovdi benefiċċju minimu għall-ħaddiema impjegati assenti bil-permess jew għal dawk li jaħdmu għal rashom li jew ma jikkwalifikawx għal appoġġ skont l-iskema għall-kumpens ta’ ħaddiema inattivi minħabba raġunijiet mhux relatati mal-impjegat, jew jirċievu inqas minn EUR 180 minnha. Il-benefiċċju jiżgura livell minimu ta’ appoġġ, u jiżgura li l-impjegati kollha jew il-persuni li jaħdmu għal rashom jirċievu benefiċċju ta’ mhux inqas minn EUR 180 fix-xahar. Il-bonus għall-iskema tat-tfal jipprovdi appoġġ addizzjonali għall-impjegati assenti bil-permess li għandhom ulied dipendenti fuqhom. Il-miżura tista’ titqies bħala miżura simili għal skemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar, kif imsemmi fir-Regolament (UE) 2020/672, peress li tipprovdi appoġġ għad-dħul għall-impjegati u għal dawk li jaħdmu għal rashom, li se jgħin ikopri l-ispejjeż tal-indukrar tat-tfal matul l-għeluq tal-iskejjel u b’hekk jgħin lill-ġenituri biex ikomplu jaħdmu, u r-relazzjoni tax-xogħol ma tkunx f’riskju.

(5)Ir-“Rapport ta’ informazzjoni dwar miżuri biex tingħeleb il-kriżi tal-COVID-19 u l-irkupru ekonomiku” stabbilixxa skema ta’ sussidji fuq il-pagi għall-industriji tat-turiżmu u tal-esportazzjoni, li hija kontinwazzjoni tal-iskema tal-ħaddiema inattivi mmirata speċifikament lejn l-industriji tat-turiżmu u tal-esportazzjoni.. Il-miżura tiddependi fuq min jirċievi l-prova li r-riżorsi se jintużaw biex ikopru l-ispejjeż tas-salarji.

(6)L-awtoritajiet introduċew żewġ pagamenti ta’ appoġġ għall-paga mmirati lejn il-professjonisti mediċi u l-ħaddiema fl-industrija kulturali. Abbażi tal-“Liġi dwar miżuri għall-prevenzjoni u t-trażżin tat-theddida għall-istat u l-konsegwenzi tagħha għall-firxa tal-COVID-19 u għad-Dritt dwar it-Trażżin tal-Konsegwenzi tal-Firxa tal-Infezzjoni tal-COVID-19” u l-“Kabinett tal-Ministri Nru 303 'Dwar l-Allokazzjoni tar-Riżorsi Finanzjarji mill-Programm tal-Programm tal-Baġit tal-Istat'” rispettivament, kif imsemmija fit-talba tal-Latvja tas-7 ta’ Awwissu 2020, il-pagamenti ta’ appoġġ għall-paga jipprovdu għotjiet lill-industriji mediċi u kulturali sabiex jappoġġaw il-ħlas tal-pagi filwaqt li l-ħaddiema huma assenti bil-permess. Iż-żewġ skemi jiddependu fuq l-użu ta’ dawn l-għotjiet biex ikopru l-ispejjeż tas-salarji.

(7)Fl-aħħar nett, il-Latvja introduċiet żewġ miżuri relatati mas-saħħa. Abbażi tal-“Kabinett tal-Ministri Nru 79, 118 u 220 'L-allokazzjoni tar-riżorsi finanzjarji mill-programm tal-baġit tal-istat 'fondi għall-emerġenzi'”, kif inhu msemmi fit-talba tal-Latvja tas-7 ta’ Awwissu 2020, l-awtoritajiet żiedu n-nefqa relatata mas-saħħa fit-tagħmir ta' protezzjoni personali u provvisti mediċi oħra biex jiżguraw is-saħħa u s-sikurezza tal-impjegati tas-settur pubbliku, b’mod partikolari, il-ħaddiema tal-kura tas-saħħa. Barra minn hekk, abbażi ta’ “09.06.2020. Regolament tal-Kabinett Nru 380 'regolamenti dwar ir-riżorsi biex tiġi żgurata s-sikurezza epidemjoloġika meħtieġa għall-istituzzjonijiet inklużi fil-lista ta’ istituzzjonijiet u ħtiġijiet ta’ prijorità'”, kif issir referenza għalih fit-talba tal-Latvja tas-7 ta’ Awwissu 2020, l-awtoritajiet ħallsu l-benefiċċji tal-mard relatati mal-COVID-19, filwaqt li l-gvern ħallas l-appoġġ tal-liv tal-mard li ttieħed minħabba l-ħtieġa għal awtoiżolament jew awtokwarantina. Normalment, parti mill-benefiċċji tal-mard ikollha titħallas minn min iħaddem, filwaqt li skont din l-iskema l-istat ħallas l-ispejjeż kollha.

(8)Il-Latvja tissodisfa l-kundizzjonijiet għat-talba ta’ assistenza finanzjarja stabbiliti fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2020/672. Il-Latvja pprovdiet lill-Kummissjoni b’evidenza xierqa li n-nefqa pubblika attwali u ppjanata żdiedet b’EUR 212 808 280 mill-1 ta’ Frar 2020 minħabba l-ammont miżjud relatat direttament mal-iskema għall-kumpens tal-ħaddiema inattivi u skemi ta’ appoġġ relatati, l-iskema tas-sussidji tal-pagi għall-industrija tal-esportazzjoni, il-professjonisti mediċi u l-industrija kulturali. Din tikkostitwixxi żieda għal għarrieda qawwija minħabba li l-miżuri l-ġodda jkopru proporzjon sinifikanti ta’ impriżi u tal-forza tax-xogħol fil-Latvja. Il-Latvja biħsiebha tiffinanzja EUR 20 108 280 tal-ammont miżjud tan-nefqa permezz tal-fondi tagħha stess.

(9)Il-Kummissjoni kkonsultat lil-Latvja u vverifikat iż-żieda għal għarrieda qawwija fin-nefqa pubblika reali u ppjanata direttament relatata mal-iskemi tax-xogħol għal żmien qasir u miżuri simili, kif ukoll ir-rikors għal miżuri rilevanti relatati mas-saħħa marbuta mat-tifqigħa tal-COVID-19 imsemmija fit-talba tas-7 ta’ Awwissu 2020, skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2020/672.

(10)Għalhekk jenħtieġ li tingħata assistenza finanzjarja bil-għan li l-Latvja tiġi megħjuna tindirizza l-effetti soċjo-ekonomiċi tat-taqlib ekonomiku gravi kkawżat mit-tifqigħa tal-COVID-19.

(11)Jenħtieġ li din id-deċiżjoni tkun mingħajr preġudizzju għall-eżitu ta’ kwalunkwe proċedura relatata ma’ distorsjonijiet tal-operat tas-suq intern li tista' ssir, b’mod partikolari skont l-Artikoli 107 u 108 tat-TFUE. Hija ma twarrabx il-ħtieġa li l-Istati Membri jinnotifikaw każijiet ta’ għajnuna potenzjali mill-Istat lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 108 TFUE.

(12)Jenħtieġ li l-Latvja tinforma lill-Kummissjoni regolarment dwar l-implimentazzjoni tan-nefqa pubblika ppjanata, sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tivvaluta l-punt sa fejn il-Latvja implimentat dik in-nefqa.

(13)Id-deċiżjoni li tingħata assistenza finanzjarja ttieħdet wara li tqiesu l-ħtiġijiet eżistenti u dawk mistennija tal-Latvja, kif ukoll it-talbiet għal assistenza finanzjarja skont ir-Regolament (UE) 2020/672 diġà ppreżentati jew ippjanati li jiġu ppreżentati minn Stati Membri oħra, filwaqt li jiġu applikati l-prinċipji ta’ trattament ugwali, solidarjetà, proporzjonalità u trasparenza.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Latvja tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2020/672.

Artikolu 2

1.L-Unjoni għandha tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Latvja self li jammonta għal massimu ta’ EUR 192 700 000. Is-self għandu jkollu maturità medja massima ta’ 15-il sena.

2.Il-perjodu ta’ disponibbiltà għall-għajnuna finanzjarja mogħtija b’din id-Deċiżjoni għandu jkun ta’ 18 xahar li jibdew mill-ewwel jum wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni.

3.L-assistenza finanzjarja tal-Unjoni għandha ssir disponibbli mill-Kummissjoni lil-Latvja f’massimu ta’ tmien ħlasijiet parzjali. Ħlas parzjali jista’ jingħata f’parti waħda jew iktar. Il-maturitajiet tal-partijiet taħt l-ewwel ħlas parzjali jistgħu jkunu itwal mill-maturità medja massima msemmija fil-paragrafu 1. F’każijiet bħal dawn, il-maturitajiet ta’ segmenti oħrajn għandhom ikunu stabbiliti b’tali mod li l-maturità medja massima msemmija fil-paragrafu 1 tiġi rispettata ladarba jsir l-iżborż tal-ħlasijiet parzjali kollha.

4.L-ewwel pagament għandu jiġi rilaxxat soġġett għad-dħul fis-seħħ tal-ftehim tas-self previst fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) 2020/672.

5.Il-Latvja għandha tħallas l-ispiża tal-finanzjament tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2020/672 għal kull pagament parzjali flimkien ma’ kwalunkwe tariffa, kost u spiża tal-Unjoni li jirriżultaw minn kwalunkwe finanzjament.

6.Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar id-daqs u r-rilaxx tal-pagamenti parzjali, kif ukoll dwar id-daqs tal-partijiet.

Artikolu 3

Il-Latvja tista’ tiffinanzja l-miżuri li ġejjin:

(a)l-iskema għall-kumpens ta’ ħaddiema inattivi, kif previst mir-Regolament Nru 179 (Adottat fil-31 ta’ Marzu 2020) Regolamenti rigward l-Għotja għall-Inatttività għall-Persuni li Jaħdmu għal Rashom affettwati mill-firxa tal-COVID-19 u r-Regolament Nru 165 (adottat fis-26 ta’ Marzu 2020) regolamenti rigward l-impjegaturi affettwati mill-kriżi kkawżata mill-COVID-19 li huma eliġibbli għall-għotja għall-inattività u diviżjoni tat-taxxa li tħallset tard fi Ħlasijiet Parzjali jew Differiment Tagħhom għal sa Tliet Snin;

(b)l-għotja għal żmien ta' waqfien mix-xogħol kif previst fil-Kabinett tal-Ministri Nru 236 "Dwar l-Allokazzjoni tar-Riżorsi Finanzjarji mill-Programm tal-Baġit tal-Istat "Fondi għal emerġenzi nazzjonali";

(c)il-bonus tal-ħaddiema għat-tfal, kif previst fil-Kabinett tal-Ministri Nru 178 "Dwar l-allokazzjoni tar-riżorsi finanzjarji għall-programm tal-baġit tal-istat 'Fondi għal emerġenzi nazzjonali';

(d)l-iskema għas-sussidji tal-pagi għall-industriji tat-turiżmu u tal-esportazzjoni, kif previst fir-rapport ta’ Informazzjoni dwar miżuri biex tingħeleb il-kriżi tal-COVID-19 u l-irkupru ekonomiku;

(e)pagamenti ta’ appoġġ għall-paga għal professjonisti mediċi u l-industrija kulturali, kif previst mil-Liġi dwar il-miżuri għall-prevenzjoni u t-trażżin ta’ theddid għall-istat u l-konsegwenzi tagħha minħabba l-Firxa tal-COVID-19 u l-Liġi dwar it-trażżin tal-konsegwenzi tal-infezzjoni tal-COVID-19 u l-Kabinett tal-Ministri Nru 303 'Dwar l-Allokazzjoni tar-Riżorsi Finanzjarji mill-Programm tal-Programm tal-Baġit tal-Istat "Fondi ta’ Kontinġenza'" rispettivament;

(f)in-nefqa relatata mas-saħħa fit-tagħmir ta' protezzjoni personali, kif previst mill-Ordni tal-Kabinett tal-Ministri Nru 79, 118 u 220 “Dwar l-Allokazzjoni tar-Riżorsi Finanzjarji mill-Programm tal-Baġit tal-Istat 'fondi għall-emerġenzi'";

(g)Benefiċċji tal-mard relatati mal-COVID-19, kif previst sad-09.06.2020. Ir-Regolament tal-Kabinett Nru 380 "regolamenti dwar ir-riżorsi biex tiġi żgurata s-sikurezza epidemjoloġika meħtieġa għall-istituzzjonijiet inklużi fil-lista ta’ istituzzjonijiet u ħtiġijiet ta’ prijorità".

Artikolu 4

Il-Latvja għandha tinforma lill-Kummissjoni sa [DATA: 6 xhur wara d-data ta’ pubblikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni], u kull sitt (6) xhur wara l-implimentazzjoni tan-nefqa pubblika ppjanata sa dak iż-żmien li n-nefqa pubblika ppjanata tkun ġiet implimentata b’mod sħiħ.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Latvja.

Artikolu 6

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    ĠU L 159, 20.5.2020, p.1.