17.6.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 193/3


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/789

tad-9 ta’ Ġunju 2020

dwar it-tiġdid tal-Ftehim għall-kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika tal-Indja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 186 flimkien mal-punt (a)(v) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(6) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

Bid-Deċiżjoni 2002/648/KE (2), il-Kunsill approva l-konklużjoni tal-Ftehim ta’ kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika tal-Indja (3). Dan il-Ftehim ġie ffirmat f’New Delhi fit-23 ta’ Novembru 2001 u daħal fis-seħħ fl-14 ta’ Ottubru 2002. Bid-Deċiżjoni 2009/501/KE (4), il-Kunsill approva l-konklużjoni ta’ Ftehim li jġedded il-Ftehim għall-kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika tal-Indja (5), li ġedded u mmodifika kemmxejn il-Ftehim iffirmat fl-2001. Huwa ġie ffirmat f’New Delhi fit-30 ta’ Novembru 2007 u daħal fis-seħħ fis-17 ta’ Mejju 2010. Dan il-Ftehim flimkien mal-Ftehim iffirmat fl-2001 qed jissejħu bħala “l-Ftehim”.

(2)

F’konformità mal-punt (b) tal-Artikolu 11 tal-Ftehim, il-Ftehim kien ġie konkluż għal perjodu ta’ ħames snin u jkun jista’ jiġġedded bi ftehim reċiproku bejn il-Partijiet wara valutazzjoni matul l-aħħar sena tal-perjodu ta’ ħames snin.

(3)

Permezz tad-Deċiżjoni (UE) 2015/1788 (6), il-Kunsill kien approva t-tiġdid tal-Ftehim għal perjodu addizzjonali ta’ ħames snin. Il-Ftehim jiskadi fis-17 ta’ Mejju 2020.

(4)

Il-valutazzjoni li wettqu s-servizzi tal-Kummissjoni turi li l-Ftehim jipprovdi qafas importanti biex tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni bejn l-Unjoni u l-Indja f’oqsma prijoritarji komuni tax-xjenza u t-teknoloġija u li dan iwassal għal benefiċċji reċiproki għall-Partijiet. Għalhekk huwa fl-interess tal-Unjoni li l-Ftehim jiġġedded għal perjodu addizzjonali ta’ ħames snin.

(5)

Iż-żewġ Partijiet ikkonfermaw l-intenzjoni tagħhom li jġeddu l-Ftehim għal perjodu addizzjonali ta’ ħames snin mingħajr ma ssir ebda emenda fil-Ftehim.

(6)

Għaldaqstant jenħtieġ li t-tiġdid tal-Ftehim jiġi approvat f’isem l-Unjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

It-tiġdid tal-Ftehim għal perjodu addizzjonali ta’ ħames snin huwa b’dan approvat f’isem l-Unjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill għandu jaħtar lill-persuna jew persuni mogħtija s-setgħa li, f’konformità mal-punt (a) tal-Artikolu 11 tal-Ftehim, f’isem l-Unjoni jinnotifikaw lill-Gvern tar-Repubblika tal-Indja li l-Unjoni lestiet il-proċeduri interni tagħha li huma meħtieġa għat-tiġdid tal-Ftehim.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Ġunju 2020.

Għall-Kunsill

Il-President

A. METELKO-ZGOMBIĆ


(1)  Approvazzjoni mogħtija fit-13 ta’ Mejju 2020.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/648/KE tal-25 ta’ Ġunju 2002 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta’ kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika tal-Indja (ĠU L 213, 9.8.2002, p. 29).

(3)   ĠU L 213, 9.8.2002, p. 30.

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/501/KE tad-19 ta’ Jannar 2009 dwar il-konklużjoni ta’ Ftehim li jġedded il-Ftehim għall-kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika tal-Indja (ĠU L 171, 1.7.2009, p. 17).

(5)   ĠU L 171, 1.7.2009, p. 19.

(6)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1788 tal-1 ta’ Ottubru 2015 li tikkonċerna t-tiġdid tal-Ftehim għall-kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika tal-Indja (ĠU L 260, 7.10.2015, p. 18).