European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/1956

28.11.2025

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/1956

tad-29 ta’ Settembru 2025

li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2023/2411 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi għall-prodotti artiġjanali u industrijali

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2023/2411 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ottubru 2023 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi għall-prodotti artiġjanali u industrijali u li jemenda r-Regolamenti (UE) 2017/1001 u (UE) 2019/1753 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(2), l-Artikolu 11(4), l-Artikolu 20(9), l-Artikolu 22(9), l-Artikolu 25(9), l-Artikolu 27(4), l-Artikolu 30(6), l-Artikolu 31(11), l-Artikolu 32(10), l-Artikolu 37(7), l-Artikolu 38(2), l-Artikolu 48(8), l-Artikolu 62(4) u l-Artikolu 65(6),

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/1754 tas-7 ta’ Ottubru 2019 dwar l-adeżjoni tal-Unjoni Ewropea mal-Att ta’ Ġinevra tal-Ftehim ta’ Lisbona dwar id-Denominazzjonijiet ta’ Oriġini u l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi (2),

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2023/2411 jistabbilixxi qafas komuni uniku tal-Unjoni għar-reġistrazzjoni u għall-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi għall-prodotti artiġjanali u industrijali.

(2)

Sabiex jiġi żgurat il-funzjonament bla xkiel tas-suq tal-indikazzjonijiet ġeografiċi għall-prodotti artiġjanali u industrijali, u li jkun hemm kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2023/2411, għandhom jiġu adottati ċerti regoli permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni. Dawn ir-regoli huma neċessarji fl-oqsma li ġejjin: l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni, il-proċedura ta’ oppożizzjoni, emendi tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott, il-proċedura ta’ kanċellazzjoni, ir-reġistru tal-Unjoni, is-sistema diġitali għas-sottomissjoni elettronika tal-applikazzjonijiet, l-użu ta’ simbolu, indikazzjoni u abbrevjazzjoni tal-Unjoni, it-tariffi li għandhom jiġu mitluba mill-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (l-“Uffiċċju”), l-assistenza reċiproka u l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri fil-kontrolli u l-infurzar u l-komunikazzjonijiet.

(3)

Għal raġunijiet ta’ ċarezza, konsistenza u trasparenza, jenħtieġ li jiġu stabbiliti l-formalitajiet għall-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni fil-fażi tal-Unjoni ta’ indikazzjoni ġeografika għal indikazzjonijiet ġeografiċi li joriġinaw fl-Unjoni u barra minnha.

(4)

Għall-finijiet tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ indikazzjoni ġeografika, jenħtieġ li jiġu ddefiniti l-kundizzjonijiet li fihom produttur uniku jista’ jikkwalifika bħala applikant eliġibbli. Il-produttur uniku jenħtieġ li jissostanzja li dawn il-kundizzjonijiet huma ssodisfati, dikjarazzjoni sempliċi ma hijiex biżżejjed. Jenħtieġ li l-produtturi uniċi ma jiġux esklużi mill-possibbiltà li japplikaw għar-reġistrazzjoni ta’ indikazzjoni ġeografika, jekk ċerti ċirkostanzi jżommuhom milli joħolqu grupp ta’ produtturi. Madankollu, jenħtieġ li jiġi ċċarat li dment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott, l-isem protett jista’ jintuża minn produtturi oħra stabbiliti fiż-żona ġeografika definita, anke fejn l-isem protett jinkludi jew jikkonsisti f’isem l-azjenda tal-produttur uniku.

(5)

Meta prodott artiġjanali jew industrijali li jkollu indikazzjoni ġeografika jkun jista’ jiġi imballat biss f’żona ġeografika definita skont l-ispeċifikazzjoni tal-prodott, dan jista’ jikkostitwixxi restrizzjoni fuq il-moviment liberu tal-merkanzija u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi kif previst fl-Artikoli 26, 36, 52 u 62 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, dawn ir-restrizzjonijiet jistgħu jiġu imposti biss jekk ikunu neċessarji u proporzjonali biex tiġi ssalvagwardjata l-kwalità, biex tiġi ċċertifikata l-oriġini tal-prodott jew biex jiġi żgurat il-kontroll. Għalhekk, huwa neċessarju li jiġi żgurat li kwalunkwe regola dwar l-imballaġġ tkun debitament ġustifikata.

(6)

L-applikazzjonijiet għall-protezzjoni jiġu eżaminati mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat permezz ta’ proċedura nazzjonali preliminari, ħlief fil-proċedura ta’ reġistrazzjoni diretta (“reġistrazzjonijiet diretti”), fejn l-applikazzjonijiet jiġu ppreżentati direttament lill-Uffiċċju. Skont l-Artikolu 9(1), il-punt (d), tar-Regolament (UE) 2023/2411, l-Istati Membri u, fil-każ ta’ reġistrazzjonijiet diretti, l-Uffiċċju għandhom jagħtu attenzjoni partikolari lid-deskrizzjoni tar-rabta bejn kwalità speċifika, reputazzjoni jew karatteristika oħra u l-oriġini ġeografika tal-prodott, filwaqt li jqisu ż-żona ġeografika definita u l-karatteristiċi tal-prodott. Għalhekk, id-definizzjoni taż-żona ġeografika definita jenħtieġ li tkun dettaljata biżżejjed, preċiża u mhux ambigwa sabiex il-produtturi, l-awtoritajiet kompetenti u l-korpi taċ-ċertifikazzjoni tal-prodotti u l-persuni fiżiċi maħtura għall-kompiti ta’ kontroll ikunu jistgħu jaċċertaw jekk l-operazzjonijiet humiex qegħdin jitwettqu fil-limiti tagħha.

(7)

L-Istati Membri għandhom għarfien, kompetenza esperta u aċċess għad-data u għall-fatti li jpoġġuhom fl-aħjar pożizzjoni biex jivvalutaw jekk applikazzjoni li tikkonċerna indikazzjoni ġeografika tissodisfax il-kundizzjonijiet għall-protezzjoni. Għalhekk, jenħtieġ li l-Istati Membri jiggarantixxu li r-riżultat ta’ din il-valutazzjoni, li għandu jiġi rreġistrat f’dokument uniku li jagħti sommarju tal-elementi rilevanti tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott, ikun affidabbli u akkurat. Wara li jikkunsidra l-prinċipju tas-sussidjarjetà, l-Uffiċċju sussegwentement jenħtieġ li jeżamina l-applikazzjonijiet biex jiżgura li ma jkun hemm l-ebda żball evidenti. Fi proċeduri standard, l-Uffiċċju jiffoka l-eżami tiegħu primarjament fuq id-dokument uniku. Madankollu, f’sitwazzjonijiet fejn id-dokument uniku ma jkunx ċar biżżejjed, jew meta jkun hemm dubji dwar jekk id-dokument uniku jkunx sommarju preċiż tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott, l-Uffiċċju jista’ jikkontroverifika d-dokument uniku mal-ispeċifikazzjoni tal-prodott fil-proċedura standard u, meta jkun neċessarju, jieħu passi biex jiżgura li tiġi indirizzata kwalunkwe inkonsistenza possibbli. Fil-każ ta’ applikazzjonijiet minn pajjiżi terzi u reġistrazzjonijiet diretti, l-Uffiċċju jenħtieġ li jikkontroverifika d-dokument uniku mal-ispeċifikazzjoni tal-prodott biex jiġu evitati differenzi possibbli. Meta l-applikazzjoni tkun għal reġistrazzjoni diretta, l-Uffiċċju jenħtieġ li jeżamina l-applikazzjonijiet diretti skont is-sustanza bl-għajnuna tal-punt uniku ta’ kuntatt maħtur mill-Istati Membri.

(8)

Fil-proċeduri standard, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru, f’reġistrazzjonijiet diretti, l-applikant u f’applikazzjonijiet minn pajjiżi terzi, l-applikant jew l-awtorità kompetenti fil-pajjiż terz, skont min ikun issottometta l-applikazzjoni, jenħtieġ li jiggarantixxu li d-dokument uniku jkun qiegħed jagħti sommarju preċiż tal-elementi rilevanti tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott.

(9)

Il-partijiet fil-proċedura ta’ oppożizzjoni jistgħu jaqblu li jużaw soluzzjoni alternattiva għat-tilwim, bħall-medjazzjoni, biex jilħqu soluzzjoni amikevoli. Huma liberi li jagħżlu l-medjatur, kemm jekk jiġi pprovdut mill-Uffiċċju u kemm jekk ikun medjatur ieħor. Il-partijiet għall-proċedura ta’ oppożizzjoni u, jekk ikun applikabbli, l-Istati Membri rispettivi, jistgħu jaqblu li jaqsmu l-kostijiet tat-tariffi, jekk ikun hemm, bona fide għas-soluzzjoni alternattiva għat-tilwim, bħall-medjazzjoni.

(10)

Fil-każ ta’ prodott li joriġina minn żona ġeografika transfruntiera, diversi applikanti minn Stati Membri differenti, minn Stati Membri u pajjiżi terzi, jew minn pajjiżi terzi jistgħu jissottomettu applikazzjoni konġunta għar-reġistrazzjoni ta’ indikazzjoni ġeografika għal tali prodott. F’dan il-każ, jenħtieġ li jiġi speċifikat fejn l-Uffiċċju jenħtieġ li jindirizza n-notifiki jew id-deċiżjonijiet.

(11)

Fl-interess taċ-ċarezza, jenħtieġ li jiġu stabbiliti fid-dettall ċerti passi tal-proċedura li tirregola applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ indikazzjoni ġeografika għall-prodotti artiġjanali u industrijali. Tali dettalji addizzjonali jenħtieġ li jipprovdu l-kjarifika meħtieġa għaċ-ċertezza legali u għat-trasparenza kif ukoll biex jiġi ggarantit it-twettiq bla xkiel tal-proċeduri differenti għall-benefiċċju tal-utenti tas-sistema għall-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi għall-prodotti artiġjanali u industrijali.

(12)

Jenħtieġ li tiġi evitata l-pubblikazzjoni ta’ data personali, sakemm dan ma jkunx neċessarju għall-eżerċizzju tad-drittijiet iggarantiti mill-proċeduri.

(13)

Jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli addizzjonali dwar l-applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni diretta u dwar il-kooperazzjoni tal-Uffiċċju mal-punti uniċi ta’ kuntatt indikati mill-Istati Membri.

(14)

Sabiex tiġi żgurata proċedura ta’ reġistrazzjoni uniformi u effiċjenti, huwa neċessarju li jiġi stabbilit kontenut uniformi għad-dokument uniku. Jenħtieġ li jiġi stabbilit limitu għat-tul tad-dokument uniku, inkluż fil-każ ta’ reġistrazzjonijiet diretti, sabiex ikun hemm proċess aktar issimplifikat biex tinkiseb l-istandardizzazzjoni. Madankollu, dan il-limitu għat-tul tad-dokument uniku ma jżommx lill-applikanti milli jmorru lil hinn minnu f’każijiet debitament ġustifikati, b’mod partikolari, fejn ikunu definiti diversi passi ta’ produzzjoni u passi kumplessi fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott.

(15)

L-ispeċifikazzjoni tal-prodott għall-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti jenħtieġ li tinkludi l-miżuri meħuda biex jiġi żgurat li l-prodott joriġina fiż-żona ġeografika definita. Dawk il-miżuri jenħtieġ li jkunu ċari, oġġettivi u xierqa sabiex il-prodott, l-għarfien prattiku, il-materja prima, jekk ikun applikabbli, u oġġetti oħra li jiġu miż-żona ġeografika definita jkunu jistgħu jiġu traċċati.

(16)

Għall-funzjonament bla xkiel tas-sistema, jenħtieġ li jiġu previsti proċeduri għall-applikazzjonijiet, għall-oppożizzjonijiet, għall-emendi tal-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott u għall-kanċellazzjonijiet.

(17)

Meta l-Kummissjoni tieħu f’idejha s-setgħa li tiddeċiedi dwar applikazzjoni individwali għar-reġistrazzjoni, talba għal emenda tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott jew talba għall-kanċellazzjoni, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 30 tar-Regolament (UE) 2023/2411, jenħtieġ li tiġi stabbilita proċedura.

(18)

Għall-finijiet taċ-ċertezza legali, jenħtieġ li jiġu stabbiliti l-format u l-preżentazzjoni online tad-dokumenti ta’ akkumpanjament meħtieġa.

(19)

L-emendi tal-Unjoni tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott jenħtieġ li jikkonformaw mutatis mutandis mal-proċedura li tirregola l-applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni biex jiġu żgurati l-istess effiċjenza u garanziji. Il-proċedura għall-emendi standard u għall-emendi temporanji jenħtieġ li tiġi stabbilita biex tippermetti lill-Istati Membri, u meta jkun applikabbli l-Uffiċċju, iwettqu valutazzjoni xierqa tal-applikazzjonijiet u jiggarantixxu approċċ konsistenti madwar l-Unjoni kollha. L-akkuratezza u l-eżawrjenza tal-valutazzjoni tal-emendi mill-Istati Membri u l-Uffiċċju jenħtieġ li jkunu ekwivalenti għall-akkuratezza u għall-eżawrjenza meħtieġa għall-proċess ta’ valutazzjoni fi ħdan il-proċedura li tirregola l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni.

(20)

Jenħtieġ li l-emendi standard u l-emendi temporanji relatati mal-indikazzjonijiet ġeografiċi ta’ pajjiżi terzi jsegwu l-approċċ li se jiġi previst għall-Istati Membri u għall-Uffiċċju, u jenħtieġ li d-deċiżjoni ta’ approvazzjoni ta’ dawn l-emendi tittieħed f’konformità mas-sistema fis-seħħ fil-pajjiż terz rilevanti.

(21)

Jenħtieġ li l-proċedura ta’ kanċellazzjoni tkun trasparenti u ċara. Għal dak il-għan, il-proċedura ta’ kanċellazzjoni jenħtieġ li ssegwi, mutatis mutandis, il-proċedura li tirregola l-applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni, u b’mod partikolari, jenħtieġ li jkun possibbli li t-talba għall-kanċellazzjoni tiġi opposta.

(22)

Fil-kuntest tal-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi għall-prodotti artiġjanali u industrijali, sistema unitarja u eżawrjenti ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi jenħtieġ li tikkontribwixxi b’mod sinifikanti għal aktar sensibilizzazzjoni, rikonoxximent u fehim tal-konsumaturi tas-simbolu, l-indikazzjonijiet u l-abbrevjazzjonijiet, kemm fl-Unjoni kif ukoll f’pajjiżi terzi. Sabiex jiġi żgurat li tiġi kkomunikata informazzjoni xierqa lill-konsumatur, jenħtieġ li jiġu speċifikati l-karatteristiċi tekniċi tas-simbolu tal-Unjoni mfassal biex jippubbliċizza l-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti, flimkien mal-abbrevjazzjoni korrispondenti u r-regoli tal-użu tagħhom.

(23)

Sabiex jiġi żgurat li jkun hemm stabbiliti proċeduri uniformi u effiċjenti, jenħtieġ li jiġu pprovduti formoli elettroniċi għas-sottomissjoni ta’ applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni, l-oppożizzjonijiet, l-avviż ta’ kummenti, l-emendi tal-Unjoni, l-emendi standard u l-emendi temporanji, in-notifika ta’ tmiem il-konsultazzjoni wara l-proċedura ta’ oppożizzjoni u t-talbiet għall-kanċellazzjoni ta’ reġistrazzjoni.

(24)

L-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti fl-Unjoni bis-saħħa ta’ reġistrazzjoni internazzjonali skont l-Att ta’ Ġinevra jew skont ftehimiet internazzjonali li l-Unjoni Ewropea hija parti minnhom jistgħu jiddaħħlu fir-reġistru tal-Unjoni, fejn il-Kummissjoni tiddeċiedi hekk f’konformità mal-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) 2023/2411.

(25)

Sabiex jiġu żgurati t-trasparenza u l-uniformità madwar l-Istati Membri, huwa neċessarju li jiġu adottati regoli dwar l-arkitettura tat-teknoloġija tal-informazzjoni (“IT”, Information Technology) u l-preżentazzjoni tar-reġistru tal-Unjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi għall-prodotti artiġjanali u industrijali (“ir-reġistru tal-Unjoni”).

(26)

L-Uffiċċju għandu jistabbilixxi sistema diġitali għas-sottomissjoni elettronika tal-applikazzjonijiet lill-Uffiċċju, lir-reġistru tal-Unjoni u lill-portal diġitali bl-ismijiet u bid-dettalji ta’ kuntatt tal-awtoritajiet kompetenti u tal-korpi taċ-ċertifikazzjoni tal-prodotti u l-persuni fiżiċi maħtura għall-kompiti ta’ kontroll. L-Uffiċċju, l-Istati Membri, il-Kummissjoni u l-applikant jenħtieġ li jużaw din is-sistema diġitali għas-sottomissjoni elettronika tal-applikazzjonijiet fil-proċeduri stabbiliti permezz ta’ dan ir-Regolament.

(27)

Sabiex tiġi żgurata l-komunikazzjoni effettiva u effiċjenti fil-kuntest ta’ kooperazzjoni u assistenza reċiproċi bejn l-Istati Membri fil-kontrolli u fl-infurzar, jenħtieġ li jiġu definiti regoli dettaljati f’dan ir-Regolament, b’mod partikolari dwar l-informazzjoni li tista’ tiġi skambjata, il-modalitajiet tal-assistenza li l-awtoritajiet kompetenti jipprovdu lil xulxin, inkluża l-possibbiltà li jwettqu komunikazzjonijiet uffiċjali permezz ta’ sistema ta’ ġestjoni tal-informazzjoni. Fir-rigward ta’ din tal-aħħar, il-Kummissjoni tista’ tagħmel disponibbli sistema ta’ ġestjoni tal-informazzjoni.

(28)

Jenħtieġ li jiġi stabbilit il-mod li bih l-Uffiċċju għandu jagħmel l-informazzjoni dwar l-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti għall-prodotti artiġjanali u industrijali aċċessibbli għall-pubbliku biex jiġu żgurati t-trasparenza u ċ-ċertezza legali.

(29)

Jekk, fuq talba tal-Kummissjoni, il-Bord tat-Tmexxija u l-Kumitat tal-Baġit tal-Uffiċċju jiddeċiedu li jistabbilixxu mekkaniżmu ta’ rifużjoni tat-tariffi f’kooperazzjoni mal-Kummissjoni, dan jenħtieġ li jiġi stabbilit b’mod li jqis il-ħtiġijiet tal-intrapriżi mikro, żgħar jew ta’ daqs medju (“MSMEs”, Micro, Small or Medium-sized Enterprises). L-Uffiċċju jenħtieġ li jqis l-użu ta’ skema ta’ appoġġ tal-MSMEs eżistenti jew l-istabbiliment ta’ waħda ġdida f’kooperazzjoni mal-Kummissjoni, bil-għan li jiġu żgurati l-aċċessibbiltà u l-affordabbiltà tas-sistema għal dawn il-produtturi jew il-gruppi ta’ produtturi.

(30)

Sabiex jiġi żgurat approċċ uniformi għall-komunikazzjoni u l-pubblikazzjoni tan-notifiki, tal-komunikazzjonijiet, tad-dokumenti u tal-informazzjoni kollha meħtieġa għall-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2023/2411 u tad-dispożizzjonijiet relatati ta’ dan ir-Regolament u tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni C(2025) 9101 (3), jeħtieġ li jiġu stabbiliti ċerti regoli.

(31)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat għall-Indikazzjonijiet Ġeografiċi Artiġjanali u Industrijali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

TAQSIMA I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli li għandhom x’jaqsmu ma’:

(1)

l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni;

(2)

il-proċedura ta’ oppożizzjoni;

(3)

l-emendi tal-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott;

(4)

il-proċedura ta’ kanċellazzjoni;

(5)

ir-reġistru tal-Unjoni;

(6)

is-sistema diġitali għas-sottomissjoni elettronika tal-applikazzjonijiet;

(7)

l-użu tas-simbolu, l-indikazzjoni u l-abbrevjazzjoni tal-Unjoni;

(8)

it-tariffi;

(9)

l-assistenza u l-kooperazzjoni reċiproċi bejn l-Istati Membri fil-kontrolli u fl-infurzar;

(10)

il-komunikazzjonijiet.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“dokumentazzjoni ta’ akkumpanjament” tfisser id-dokumenti stabbiliti fl-Artikolu 11(1) tar-Regolament (UE) 2023/2411;

(2)

“sistema diġitali” kif imsemmija fl-Artikolu 67 tar-Regolament (UE) 2023/2411 tfisser is-sistema diġitali għas-sottomissjoni elettronika tal-applikazzjonijiet lill-Uffiċċju;

(3)

“deċiżjoni tal-fażi nazzjonali” tfisser deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) 2023/2411 meħuda mill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru;

(4)

“produttur” tfisser operatur involut fi stadju wieħed jew aktar tal-produzzjoni għall-prodotti artiġjanali u industrijali;

(5)

“grupp ta’ produtturi” tfisser kwalunkwe assoċjazzjoni, irrispettivament mill-forma legali tagħha, magħmula l-aktar minn produtturi li jaħdmu bl-istess prodott ikkonċernat;

(6)

“Ir-Regolament (UE) 2023/2411” tfisser ir-Regolament (UE) 2023/2411 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ottubru 2023 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi għall-prodotti artiġjanali u industrijali u li jemenda r-Regolamenti (UE) 2017/1001 u (UE) 2019/1753;

(7)

“dokument uniku” tfisser dokument imsemmi fl-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) 2023/2411 li huwa inkluż fl-applikazzjoni;

(8)

“produttur uniku” tfisser applikant li jikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) 2023/2411;

(9)

“emenda standard tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott” tfisser emenda tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott kif definita fl-Artikolu 31(5) tar-Regolament (UE) 2023/2411;

(10)

“emenda temporanja tal-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott” tfisser emenda tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott kif definita fl-Artikolu 31(6) tar-Regolament (UE) 2023/2411;

(11)

“emenda tal-Unjoni” tfisser emenda tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott kif definita fl-Artikolu 31(3) tar-Regolament (UE) 2023/2411.

TAQSIMA 2

APPLIKAZZJONI GĦAR-REĠISTRAZZJONI

Artikolu 3

Produttur uniku

1.   Meta jippreżenta applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ indikazzjoni ġeografika, il-produttur uniku msemmi fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) 2023/2411 għandu jipprovdi spjegazzjonijiet u evidenza xierqa biex juri li l-kundizzjonijiet kumulattivi speċifikati f’dak l-Artikolu huma ssodisfati.

2.   Jekk indikazzjoni ġeografika protetta, tikkonsisti minn, jew tinkludi l-isem tal-azjenda tal-produttur uniku, dan ma għandux iżomm lil produtturi oħra milli jużaw dak l-isem dment li jikkonformaw mal-ispeċifikazzjoni tal-prodott.

Artikolu 4

Notifika tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni

L-Uffiċċju għandu jinforma lill-Kummissjoni dwar l-applikazzjonijiet kollha għar-reġistrazzjoni riċevuti skont ir-Regolament (UE) 2023/2411 fi żmien xahar wara s-sottomissjoni tagħhom.

Artikolu 5

Ismijiet eżistenti

1.   L-obbligu ta’ informazzjoni ta’ Stat Membru interessat lejn l-Uffiċċju skont l-Artikolu 70(2) tar-Regolament (UE) 2023/2411 għandu jiġi ssodisfat billi jiġu sottomessi lill-Uffiċċju, permezz tas-sistema diġitali jew fil-kaxxa postali funzjonali speċifika tiegħu, l-ismijiet eżistenti li l-Istat Membru jixtieq jirreġistra u jipproteġi skont ir-Regolament (UE) 2023/2411 u l-applikazzjonijiet korrispondenti f’konformità mal-Artikolu 70(4) ta’ dak ir-Regolament.

2.   L-obbligu ta’ informazzjoni ta’ Stat Membru interessat lejn il-Kummissjoni skont l-Artikolu 70(2) tar-Regolament (UE) 2023/2411 għandu jiġi ssodisfat billi jissottometti lill-Kummissjoni, fil-kaxxa postali funzjonali speċifika tiegħu, l-ismijiet eżistenti li l-Istat Membru jixtieq jirreġistra u jipproteġi skont ir-Regolament (UE) 2023/2411.

3.   Jekk tonqos milli ssir xi waħda mis-sottomissjonijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 sat-2 ta’ Diċembru 2026, dan għandu jwassal biex l-informazzjoni speċifikata skont l-Artikolu 70(2) tar-Regolament (UE) 2023/2411 titqies bħala li ma ġietx ippreżentata.

4.   L-applikazzjonijiet li jakkumpanjaw l-ismijiet eżistenti se jiġu pproċessati f’konformità mal-Artikolu 70(4) tar-Regolament (UE) 2023/2411.

Artikolu 6

Applikazzjonijiet konġunti

1.   F’każ li l-applikazzjoni konġunta tikkonċerna biss l-Istati Membri li ngħataw deroga f’konformità mal-Artikolu 19(1) tar-Regolament (UE) 2023/2411, l-applikazzjoni konġunta għandha tiġi sottomessa lill-Uffiċċju minn wieħed mill-applikanti.

2.   F’każ li l-applikazzjoni konġunta tikkonċerna Stat Membru li jkun ngħata deroga f’konformità mal-Artikolu 19(1) tar-Regolament (UE) 2023/2411 u Stat Membru ieħor skont il-proċedura standard, l-applikazzjoni konġunta għandha tiġi sottomessa lill-Uffiċċju mill-awtorità kompetenti ta’ dak l-Istat Membru skont il-proċedura standard.

3.   F’każ li l-applikazzjoni konġunta tikkonċerna Stat Membru li jkun ngħata deroga f’konformità mal-Artikolu 19(1) tar-Regolament (UE) 2023/2411 u pajjiż terz, l-applikazzjoni konġunta għandha tiġi sottomessa lill-Uffiċċju mill-applikant fl-Istat Membru.

4.   L-Uffiċċju għandu jibgħat kwalunkwe notifika jew deċiżjoni lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru, lill-applikant fl-Istat Membru jew lill-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz jew lill-applikant f’pajjiż terz li jkun issottometta lill-Uffiċċju applikazzjoni konġunta għar-reġistrazzjoni f’konformità mal-Artikolu 22(4) tar-Regolament (UE) 2023/2411 u l-paragrafi 1, 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu.

Artikolu 7

Speċifikazzjoni tal-prodott

1.   L-ispeċifikazzjoni tal-prodott, imsemmija fl-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2023/2411, meta tiġi sottomessa lill-Uffiċċju skont l-Artikolu 22 ta’ dak ir-Regolament, meta jkun applikabbli, għandha tiġi pprovduta fuq il-formola magħmula disponibbli online mill-Uffiċċju u sottomessa lill-Uffiċċju permezz tas-sistema diġitali.

2.   Għall-proċeduri skont l-Artikolu 21, il-punti (b) u (c), tar-Regolament (UE) 2023/2411, l-Uffiċċju għandu jagħmel l-ispeċifikazzjoni tal-prodott pubblika fir-reġistru tal-Unjoni bil-lingwa tal-preżentazzjoni mill-applikant.

Artikolu 8

Prova tal-oriġini

1.   L-ispeċifikazzjoni tal-prodott għal indikazzjoni ġeografika protetta għandu jkun fiha l-proċeduri li l-produtturi jeħtiġilhom ikollhom stabbiliti fir-rigward tal-prova tal-oriġini li tikkonċerna:

(a)

il-prodott;

(b)

il-materja prima, jekk ikun applikabbli; u

(c)

affarijiet oħra li, skont l-ispeċifikazzjoni tal-prodott, huma meħtieġa li jiġu miż-żona ġeografika definita.

2.   Kull restrizzjoni fuq l-oriġini tal-materja prima, jekk ikun applikabbli, li tingħata fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott ta’ prodott li ismu huwa rreġistrat bħala indikazzjoni ġeografika protetta għandha tiġi ġġustifikata fir-rigward tar-rabta msemmija fl-Artikolu 9(1), il-punt (d), tar-Regolament (UE) 2023/2411.

3.   Il-produtturi għandhom ikunu kapaċi:

(a)

jidentifikaw il-fornitur, il-kwantità u l-oriġini tal-materja prima, jekk ikun applikabbli, u/jew il-prodotti riċevuti, jekk ikun hemm, u r-riċevitur, il-kwantità u d-destinazzjoni tal-prodotti fornuti; u

(b)

jipprovdu evidenza li l-prodott huwa manifatturat f’konformità mal-istadji tal-produzzjoni definiti fl-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott.

Artikolu 9

Deskrizzjoni ta’ bosta prodotti distinti

1.   Meta l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ isem jew approvazzjoni ta’ emenda tkun tirreferi għal żewġ prodotti distinti jew aktar li huma intitolati li jużaw dak l-isem, il-konformità mar-rekwiżiti għar-reġistrazzjoni għandha tintwera separatament għal kull wieħed mill-prodotti.

2.   Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, it-terminu “prodotti distinti” jfisser prodotti li, għalkemm jużaw l-istess isem irreġistrat, ivarjaw minn xulxin meta jiġu introdotti fis-suq jew jitqiesu bħala prodotti differenti mill-konsumaturi. Jista’ jirreferi wkoll għall-prodotti artiġjanali u industrijali koperti minn klassifikazzjonijiet differenti taħt in-Nomenklatura Magħquda msemmija fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 (4).

Artikolu 10

Preżentazzjoni tad-dokument uniku

1.   F’sitwazzjonijiet skont l-Artikolu 21, il-punt (a) tar-Regolament (UE) 2023/2411, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru, f’sitwazzjonijiet skont l-Artikolu 21, il-punt (b) tar-Regolament (UE) 2023/2411, l-applikant, u f’sitwazzjonijiet skont l-Artikolu 21, il-punt (c) tar-Regolament (UE) 2023/2411, l-applikant jew l-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz, li ssottomettew id-dokument uniku lill-Uffiċċju, għandhom jiżguraw u d-dokument uniku jkun sommarju preċiż tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott u li ma jkun hemm l-ebda diverġenza sostanzjali bejniethom. Meta tinstab inkonsistenza wara r-reġistrazzjoni tal-indikazzjoni ġeografika, f’sitwazzjonijiet skont l-Artikolu 21, il-punt (a) tar-Regolament (UE) 2023/2411, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru, f’sitwazzjonijiet skont l-Artikolu 21, il-punt (b) tar-Regolament (UE) 2023/2411, l-applikant, u f’sitwazzjonijiet skont l-Artikolu 21, il-punt (c) tar-Regolament (UE) 2023/2411, l-applikant jew l-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz, kif applikabbli, għandha tieħu l-miżuri neċessarji biex tirrimedja dik l-inkonsistenza.

2.   L-ismijiet tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi inklużi fid-dokument uniku għandhom jiġu ppubblikati.

3.   Id-dokument uniku għandu jkun konċiż u ma jaqbiżx l-2 500 kelma, għajr f’każijiet li jkunu debitament ġustifikati.

4.   Id-dokument uniku għandu jitfassal f’konformità mal-Anness II tar-Regolament (UE) 2023/2411 u jiġi sottomess permezz tas-sistema diġitali.

Artikolu 11

Dokumentazzjoni ta’ akkumpanjament

Id-dokumentazzjoni ta’ akkumpanjament għandha titfassal f’konformità mal-formola magħmula disponibbli online mill-Uffiċċju.

Artikolu 12

Definizzjoni taż-żona ġeografika fl-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni

Iż-żona ġeografika għandha tiġi ddefinita b’mod preċiż u mingħajr ambigwità, bl-akbar referenza possibbli għall-konfini fiżiċi jew amministrattivi u meta jkun possibbli billi tiġi pprovduta wkoll mappa.

Artikolu 13

Bidliet fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott matul il-proċedura ta’ applikazzjoni

1.   Jekk, wara l-iskambji msemmija fl-Artikolu 23(4) u 23(6) tar-Regolament (UE) 2023/2411 bejn l-Uffiċċju u l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat, isiru bidliet fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott, l-awtorità kompetenti ta’ dak l-Istat Membru għandha taġġorna d-dokument uniku u tiżgura li r-referenza elettronika għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott twassal għall-verżjoni aġġornata tiegħu.

2.   Jekk l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tqis li l-bidliet fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott huma sostanzjali, u b’hekk jaffettwaw l-interessi li ma kinux tqiesu fil-proċedura nazzjonali ta’ oppożizzjoni mwettqa f’konformità mal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) 2023/2411, dawk il-bidliet għandhom ikunu soġġetti għal proċedura nazzjonali ta’ oppożizzjoni addizzjonali. F’dik il-proċedura nazzjonali ta’ oppożizzjoni addizzjonali, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru għandha tiżgura li kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li jkollha interess leġittimu, li tkun stabbilita jew residenti fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru u li tkun affettwata minn dawk il-bidliet titħalla tissottometti oppożizzjoni qabel ma l-verżjoni aġġornata tad-dokument uniku, adattata għall-ispeċifikazzjoni tal-prodott aġġornata, tiġi kkomunikata lill-Uffiċċju.

3.   Fil-każ ta’ reġistrazzjonijiet diretti, jekk, wara l-iskambji msemmija fl-Artikolu 14(8) u (9) ta’ dan ir-Regolament, isiru bidliet fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott, l-applikant għandu jaġġorna d-dokument uniku.

4.   Jekk, wara l-iskambji msemmija fil-paragrafu 1, ikunu meħtieġa bidliet fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott għal applikazzjoni li tikkonċerna indikazzjoni ġeografika li toriġina minn pajjiż terz, l-applikant jew l-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz, kif applikabbli, għandha taġġorna d-dokument uniku u l-ispeċifikazzjoni tal-prodott, u tikkomunika dawk il-bidliet lill-Uffiċċju.

Artikolu 14

Proċedura ta’ eżami tal-Uffiċċju

1.   Fi proċeduri standard, l-Uffiċċju għandu jiffoka l-eżami tiegħu primarjament fuq id-dokument uniku, madankollu, fil-każ ta’ applikazzjonijiet ta’ pajjiżi terzi u reġistrazzjonijiet diretti, l-Uffiċċju għandu jagħmel kontroverifika tad-dokument uniku mal-ispeċifikazzjoni tal-prodott biex jiġu evitati differenzi possibbli.

2.   F’reġistrazzjonijiet diretti, l-Uffiċċju għandu jeżamina l-applikazzjonijiet bl-għajnuna tal-punt uniku ta’ kuntatt maħtur mill-Istati Membri.

3.   Jekk applikazzjoni ma tissodisfax il-kriterji msemmija fl-Artikolu 23(1) tar-Regolament (UE) 2023/2411, fl-indirizzar tal-osservazzjonijiet skont l-Artikolu 23(6) tar-Regolament (UE) 2023/2411, l-Uffiċċju għandu jinnotifika lill-applikant u lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru minn fejn joriġina l-prodott, jew fil-każ ta’ reġistrazzjonijiet diretti, lill-applikant, jew, fil-każ ta’ applikazzjonijiet minn pajjiżi terzi, lill-applikant jew lill-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz, kif applikabbli, bil-lingwa li biha ġiet sottomessa l-applikazzjoni, dan li ġej:

(a)

ir-raġunijiet għal rifjut possibbli;

(b)

l-iskadenza msemmija fl-Artikolu 23(6) ta’ dak ir-Regolament għar-rifjut jew għall-korrezzjoni jew għat-tlestija tal-applikazzjoni jew għas-sottomissjoni tal-kummenti;

(c)

informazzjoni li l-applikazzjoni se tiġi rrifjutata jekk ma titlestiex jew ma tiġix ikkoreġuta sal-iskadenza.

4.   F’każ li l-applikant jiddeċiedi li jirtira l-applikazzjoni, fil-proċedura standard, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru, fil-każ ta’ reġistrazzjonijiet diretti, l-applikant, u fil-każ ta’ applikazzjonijiet minn pajjiżi terzi, l-applikant jew l-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz, kif applikabbli, għandhom jinfurmaw lill-Uffiċċju, permezz tas-sistema diġitali, dwar l-irtirar tal-applikazzjoni. L-applikazzjonijiet irtirati għandhom jitqiesu li ma ġewx ippreżentati.

5.   Id-deċiżjoni, f’konformità mal-Artikolu 29(1) tar-Regolament (UE) 2023/2411, li tiddikjara r-raġunijiet għar-rifjut għandha tiġi nnotifikata lill-applikant u lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru minn fejn joriġina l-prodott, jew fil-każ ta’ reġistrazzjonijiet diretti, lill-applikant, u fil-każ ta’ applikazzjonijiet minn pajjiżi terzi, lill-applikant jew lill-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz, kif applikabbli.

6.   Jekk id-Diviżjoni tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi, kif stabbilita mill-Artikolu 34 tar-Regolament (UE) 2023/2411 (“id-Diviżjoni tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi”) tiddeċiedi li tikkonsulta lill-Bord Konsultattiv matul il-proċedura ta’ eżami kif imsemmi fl-Artikolu 23(5) ta’ dak ir-Regolament, l-applikant u l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru u l-applikant jew l-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz, kif applikabbli, minn fejn joriġina l-prodott, għandhom jiġu nnotifikati permezz tas-sistema diġitali dwar tali konsultazzjoni u dwar is-sospensjoni tal-perjodu ta’ eżami kif imsemmi fl-Artikolu 23(5) tar-Regolament (UE) 2023/2411.

7.   Id-Diviżjoni tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi għandha tinnotifika l-opinjoni tal-Bord Konsultattiv lill-applikant u lill-awtorità kompetenti jew lill-punt uniku ta’ kuntatt tal-Istat Membru, bil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni tal-Istati Membri rispettivi u lill-applikant jew lill-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz, kif applikabbli, minn fejn joriġina l-prodott bil-lingwa uffiċjali tal-Unjoni tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni.

8.   Minbarra l-paragrafu 3, fil-każ ta’ reġistrazzjonijiet diretti, l-Uffiċċju għandu jeżamina jekk l-applikazzjoni tikkonformax mar-rekwiżiti msemmija fl-Artikoli 6 u 8 tar-Regolament (UE) 2023/2411.

9.   Fil-każ ta’ reġistrazzjonijiet diretti, skont l-Artikolu 20(2) tar-Regolament (UE) 2023/2411, fl-indirizzar tal-osservazzjonijiet skont l-Artikolu 23(6) tar-Regolament (UE) 2023/2411, meta jkun meħtieġ, l-Uffiċċju għandu jibgħat it-talba lill-applikant biex jipprovdi informazzjoni supplimentari. L-Uffiċċju għandu jinnotifika wkoll lill-punt uniku ta’ kuntatt dwar it-talba.

10.   Fil-każ ta’ reġistrazzjonijiet diretti, skont l-Artikolu 20(5) tar-Regolament (UE) 2023/2411, l-Uffiċċju għandu jibgħat permezz tas-sistema diġitali lill-punt uniku ta’ kuntatt it-talbiet speċifiċi tiegħu għal kjarifika, għandu jindika l-aspetti speċifiċi li l-punt uniku ta’ kuntatt għandu jeżamina u/jew jivverifika u għandu jindika meta għandha tinħareġ dikjarazzjoni biex tiġi vverifikata dik l-informazzjoni. Fl-eżami tiegħu, l-Uffiċċju għandu jibbaża fuq id-dikjarazzjonijiet magħmula mill-punt uniku ta’ kuntatt.

11.   Fil-każ ta’ reġistrazzjonijiet diretti, skont l-Artikolu 20 tar-Regolament (UE) 2023/2411, l-Uffiċċju għandu jarkivja l-komunikazzjonijiet kollha bil-miktub mal-punt uniku ta’ kuntatt, li għandhom x’jaqsmu mal-eżami mwettaq mill-Uffiċċju.

Artikolu 15

Kontestazzjonijiet tad-deċiżjoni tal-fażi nazzjonali

L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jibagħtu l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 24(1) tar-Regolament (UE) 2023/2411 lill-Uffiċċju permezz tas-sistema diġitali bi kwalunkwe waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni.

TAQSIMA 3

PROĊEDURA TA’ OPPOŻIZZJONI

Artikolu 16

Regoli proċedurali għall-oppożizzjoni

1.   L-oppożizzjoni kif imsemmija fl-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 2023/2411 għandu jkun fiha:

(a)

id-dikjarazzjoni motivata ta’ oppożizzjoni msemmija fl-Anness III tar-Regolament (UE) 2023/2411;

(b)

in-nazzjonalità tal-opponent, jekk ikun persuna fiżika; u

(c)

awtorizzazzjoni lill-Uffiċċju biex jinnotifika l-oppożizzjoni lill-applikant u lill-awtorità kompetenti jew lill-punt uniku ta’ kuntatt tal-Istat Membru jew tal-pajjiż terz minn fejn joriġina l-prodott u, jekk ikun applikabbli, lill-awtorità kompetenti jew lill-punt uniku ta’ kuntatt tal-Istat Membru jew tal-pajjiż terz fejn ikun stabbilit jew jirrisjedi l-opponent, inkluża kwalunkwe data personali.

2.   L-oppożizzjoni kif imsemmija fl-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 2023/2411 tista’ tinkludi wkoll dokumenti ta’ sostenn, meta jkun rilevanti.

3.   L-oppożizzjoni għandha tiġi sottomessa lill-Uffiċċju permezz tas-sistema diġitali tiegħu. L-Uffiċċju għandu jinforma lill-Kummissjoni dwar l-oppożizzjoni fi żmien xahar wara l-iskadenza tal-perjodu ta’ oppożizzjoni.

4.   Jekk l-oppożizzjoni ma jkunx fiha l-awtorizzazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, il-punt (c) jew l-oppożizzjoni tiġi riċevuta mill-Uffiċċju barra mill-perjodu msemmi fl-Artikolu 25(1) tar-Regolament (UE) 2023/2411, l-Uffiċċju għandu jinnotifika lill-opponent dwar dan in-nuqqas u l-opponent għandu jkollu 7 ijiem kalendarji biex jikkompleta l-oppożizzjoni, inkella l-oppożizzjoni titqies li ma ġietx ippreżentata.

5.   Meta l-Uffiċċju jirċievi oppożizzjoni skont l-Artikolu 25(1) tar-Regolament (UE) 2023/2411, għandu jinnotifika l-oppożizzjoni mill-aktar fis possibbli lill-applikant u lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru minn fejn joriġina l-prodott, fil-każ ta’ reġistrazzjonijiet diretti, lill-applikant u lill-punt uniku ta’ kuntatt, bil-lingwa kif ippreżentata, flimkien ma’ traduzzjoni awtomatika vverifikata tagħha għal-lingwi uffiċjali rilevanti tal-Unjoni. Fil-każ ta’ applikazzjonijiet minn pajjiżi terzi, l-Uffiċċju għandu jinnotifika l-oppożizzjoni lill-applikant jew lill-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz, kif applikabbli, bil-lingwa li biha ġiet ippreżentata, flimkien ma’ traduzzjoni awtomatika vverifikata tiegħu għal-lingwa uffiċjali tal-Unjoni li biha tkun ġiet ippreżentata l-applikazzjoni.

6.   Il-perjodu ta’ 3 xhur imsemmi fl-Artikolu 25(4) tar-Regolament (UE) 2023/2411 għandu jibda mid-data li fiha l-istedina għall-parteċipazzjoni fil-konsultazzjonijiet tiġi nnotifikata lill-partijiet permezz tas-sistema diġitali. L-Uffiċċju għandu jinnotifika wkoll lill-awtorità kompetenti jew lill-punt uniku ta’ kuntatt tal-Istat Membru jew, kif applikabbli, lill-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz, minn fejn joriġina l-prodott u, jekk ikun applikabbli, fejn ikun stabbilit jew jirrisjedi l-opponent, dwar il-konsultazzjoni. L-opponent u l-applikant għandhom jibdew tali konsultazzjonijiet mingħajr dewmien żejjed.

7.   Meta jkun applikabbli, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru jew tal-pajjiż terz minn fejn joriġina l-prodott u l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru jew tal-pajjiż terz fejn ikun stabbilit jew jirrisjedi l-opponent jistgħu jingħaqdu mal-konsultazzjonijiet, u jassistu lill-applikant jew lill-opponent.

8.   L-Uffiċċju għandu jipprovdi informazzjoni dettaljata permezz tas-sistema diġitali lill-applikant, lill-opponent u lill-awtorità kompetenti u lill-punt uniku ta’ kuntatt tal-Istat Membru jew, kif applikabbli, lill-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz, minn fejn joriġina l-prodott u fejn ikun stabbilit jew jirrisjedi l-opponent, dwar id-disponibbiltà ta’ soluzzjoni alternattiva għat-tilwim, bħal medjazzjoni, għall-konsultazzjonijiet bejn l-applikant u l-opponent, kif imsemmi fl-Artikolu 170 tar-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5). Barra minn hekk, l-Uffiċċju għandu jipprovdi informazzjoni dwar il-possibbiltà li jsir użu minn servizzi ta’ medjazzjoni għajr dawk offruti mill-Uffiċċju. L-informazzjoni għandha tiġi pprovduta bil-lingwa uffiċjali rilevanti tal-Istati Membri minn fejn joriġina l-prodott u fejn ikun stabbilit jew jirrisjedi l-opponent jew fil-każ ta’ applikant jew opponent minn pajjiż terz, bil-lingwa uffiċjali tal-Unjoni li biha l-applikant jew l-opponent minn pajjiż terz ippreżenta l-applikazzjoni jew l-oppożizzjoni tiegħu.

9.   Jekk id-Diviżjoni tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi tiddeċiedi li tikkonsulta lill-Bord Konsultattiv matul il-proċedura ta’ oppożizzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 25(6) tar-Regolament (UE) 2023/2411, l-applikant, l-opponent u l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru, u l-punt uniku ta’ kuntatt jew l-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz, kif applikabbli, minn fejn joriġina l-prodott u fejn huwa stabbilit jew jirrisjedi l-opponent, għandhom jiġu nnotifikati permezz tas-sistema diġitali, dwar tali konsultazzjoni u dwar is-sospensjoni tal-perjodu tal-konsultazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 25(6) tar-Regolament (UE) 2023/2411.

10.   Id-Diviżjoni tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi għandha tinnotifika l-opinjoni tal-Bord Konsultattiv lill-applikant, lill-opponent u lill-awtorità kompetenti jew lill-punt uniku ta’ kuntatt tal-Istat Membru, bil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni tal-Istati Membri rispettivi, u lill-applikant u lill-opponent jew lill-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz, kif applikabbli, minn fejn joriġina l-prodott u fejn huwa stabbilit jew jirrisjedi l-opponent, bil-lingwa uffiċjali tal-Unjoni tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni.

11.   L-applikant għandu jikkomunika l-eżitu tal-konsultazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 25(7) tar-Regolament (UE) 2023/2411 lill-Uffiċċju permezz tas-sistema diġitali tiegħu bl-użu tal-formola disponibbli fis-sistema diġitali. L-Uffiċċju għandu jinnotifika lill-awtorità kompetenti u lill-punt uniku ta’ kuntatt tal-Istat Membru jew, kif applikabbli, lill-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz, minn fejn joriġina l-prodott u fejn ikun stabbilit jew jirrisjedi l-opponent, dwar l-eżitu tal-konsultazzjonijiet. Bin-notifika, l-Uffiċċju għandu jistieden lill-Istat Membru, minn fejn joriġina l-prodott, biex jindika jekk iqisx li huwa neċessarju li titwettaq proċedura nazzjonali ta’ oppożizzjoni addizzjonali f’konformità mal-Artikolu 16(15) ta’ dan ir-Regolament.

12.   In-notifika tal-eżitu tal-konsultazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 25(7) tar-Regolament (UE) 2023/2411 għandu jkun fiha:

(a)

l-isem ippubblikat fir-reġistru tal-Unjoni li l-oppożizzjoni tirreferi għalih;

(b)

in-numru tal-fajl u l-isem fir-reġistru tal-Unjoni li l-oppożizzjoni tirreferi għalih;

(c)

l-isem tal-opponent jew tal-opponenti;

(d)

l-eżitu dokumentat tal-konsultazzjonijiet;

(e)

indikazzjoni dwar jekk ikunx ġie emendat id-dokument uniku jew l-ispeċifikazzjoni tal-prodott u deskrizzjoni ta’ tali emendi.

13.   Jekk l-ispeċifikazzjoni tal-prodott tkun ġiet emendata, ir-referenza elettronika għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott ippubblikata f’konformità mal-Artikolu 23(7) tar-Regolament (UE) 2023/2411 għandha twassal għall-ispeċifikazzjoni tal-prodott aġġornata. Fil-każ ta’ reġistrazzjonijiet diretti u applikazzjonijiet minn pajjiżi terzi, l-ispeċifikazzjoni tal-prodott aġġornata għandha tiġi nnotifikata lill-Uffiċċju.

14.   Jekk id-dokument uniku jkun ġie emendat, id-dokument uniku emendat għandu jiġi sottomess mill-ġdid permezz tas-sistema diġitali.

15.   F’każ li l-awtorità kompetenti tal-Istati Membri tqis li l-bidliet konsegwenti fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott magħmula waqt il-konsultazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 25(4) tar-Regolament (UE) 2023/2411 huma sostanzjali, u b’hekk jaffettwaw l-interessi li ma kinux tqiesu fil-proċedura nazzjonali ta’ oppożizzjoni mwettqa f’konformità mal-Artikolu 15 ta’ dak ir-Regolament, dawk il-bidliet għandhom ikunu soġġetti għal proċedura ta’ oppożizzjoni addizzjonali. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri minn fejn joriġina l-prodott, għandhom jitħallew iwettqu l-proċedura ta’ oppożizzjoni addizzjonali wara li jiġu nnotifikati dwar l-eżitu tal-konsultazzjoni msemmija fl-Artikolu 25(7) tar-Regolament (UE) 2023/2411. F’dik il-proċedura ta’ oppożizzjoni addizzjonali, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru għandha tiżgura li kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li jkollha interess leġittimu, li tkun affettwata minn dawk il-bidliet, u li tkun stabbilita jew residenti fit-territorju tal-Istat Membru inkwistjoni titħalla tissottometti oppożizzjoni qabel ma l-verżjoni emendata tad-Dokument Uniku u tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott tiġi kkomunikata lill-Uffiċċju, bil-ħsieb li jiġi ripetut l-eżami kif imsemmi fl-Artikolu 25(8) tar-Regolament (UE) 2023/2411. Għall-perjodu tal-proċedura nazzjonali ta’ oppożizzjoni addizzjonali, il-proċedura fil-fażi tal-Unjoni tkun sospiża. Jekk wara l-oppożizzjoni addizzjonali, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tirrifjuta l-applikazzjoni, l-awtorità kompetenti għandha tinforma lill-Uffiċċju, permezz tas-sistema diġitali, dwar l-irtirar tal-applikazzjoni.

Artikolu 17

Sottomissjoni ta’ avviż ta’ kummenti

1.   L-avviż ta’ kummenti msemmi fl-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) 2023/2411 għandu jitfassal f’konformità mal-formola magħmula disponibbli online mill-Uffiċċju u jiġi sottomess lill-Uffiċċju permezz tas-sistema diġitali.

2.   L-avviż ta’ kummenti għandu jkun fih mill-inqas l-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-isem tal-indikazzjoni ġeografika kif ippubblikat fir-reġistru tal-Unjoni;

(b)

in-numru tal-fajl kif imdaħħal fir-reġistru tal-Unjoni;

(c)

l-isem u d-dettalji ta’ kuntatt tal-persuna fiżika jew ġuridika jew tal-awtorità li tissottometti l-avviż ta’ kummenti;

(d)

osservazzjonijiet li jindikaw l-ineżattezzi fl-applikazzjoni, fl-opinjoni tal-persuna jew tal-awtorità li tissottometti l-avviż ta’ kumment; u

(e)

l-awtorizzazzjoni lill-Uffiċċju biex jibgħat l-avviż ta’ kummenti kollu lill-applikant, lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru minn fejn joriġina l-prodott, u, fil-każ ta’ applikazzjonijiet minn pajjiżi terzi, lill-applikant jew lill-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz, kif applikabbli, bid-data personali inkluża, jekk ikun hemm.

3.   Meta l-avviż ta’ kummenti ma jkunx fih l-informazzjoni elenkata fil-paragrafu 2, dan għandu jitqies li ma ġiex ippreżentat.

4.   Meta l-Uffiċċju jirċievi avviż ta’ kummenti skont l-Artikolu 27(1) tar-Regolament (UE) 2023/2411, għandu jinnotifika l-avviż ta’ kummenti lill-applikant, lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru minn fejn joriġina l-prodott u fil-każ ta’ reġistrazzjonijiet diretti, lill-applikant u lill-punt uniku ta’ kuntatt, bil-lingwa kif ippreżentat, flimkien ma’ traduzzjoni awtomatika vverifikata tiegħu għal-lingwa uffiċjali rilevanti tal-Unjoni ta’ dak l-Istat Membru. Fil-każ ta’ applikazzjonijiet minn pajjiżi terzi, l-Uffiċċju għandu jinnotifika l-avviż ta’ kummenti lill-applikant jew lill-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz, kif applikabbli, bil-lingwa li biha ġie ppreżentat, flimkien ma’ traduzzjoni awtomatika vverifikata tiegħu għal-lingwa uffiċjali tal-Unjoni li biha tkun ġiet ippreżentata l-applikazzjoni.

5.   L-osservazzjoni msemmija fil-punt (d) tal-paragrafu 2 għandha tikkonforma mar-rekwiżiti tal-Artikolu 27(2) tar-Regolament (UE) 2023/2411.

6.   L-Uffiċċju jista’, abbażi tal-informazzjoni li tinsab fl-avviż ta’ kummenti, jissospendi l-proċedura ta’ oppożizzjoni, jekk ikun applikabbli, u, meta jkun xieraq, jipproċedi f’konformità mal-Artikolu 23(6) tar-Regolament (UE) 2023/2411.

7.   F’każ li, wara l-avviż ta’ kummenti, ikun hemm bidla fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott jew fid-dokument uniku, l-Uffiċċju għandu jinforma lill-opponent, jekk ikun hemm, u, jekk ikun applikabbli, lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru jew lill-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz fejn ikun stabbilit jew jirrisjedi l-opponent, b’tali bidla u jitlob lill-opponent jirtira l-oppożizzjoni jew ikompli bil-proċedimenti.

8.   F’każ ta’ bidliet sostanzjali fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott jew fid-dokument uniku, għandha tapplika l-proċedura prevista fl-Artikolu 25(8) tar-Regolament (UE) 2023/2411.

TAQSIMA 4

EMENDI TAL-ISPEĊIFIKAZZJONI TAL-PRODOTT

Artikolu 18

Talba għal emendi tal-Unjoni

1.   Talba għal emendi tal-Unjoni tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott, kif imsemmija fl-Artikolu 31 tar-Regolament (UE) 2023/2411, għandu jkun fiha:

(a)

l-isem protett li l-emenda tirreferi għalih;

(b)

l-isem tal-Istat Membru jew tal-pajjiż terz li għalih tappartjeni ż-żona ġeografika;

(c)

indikazzjoni dwar jekk l-applikant huwiex f’konformità mal-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2023/2411 kif previst fir-reġistru tal-Unjoni jew produttur li juża l-indikazzjoni ġeografika f’konformità mal-Artikolu 47(1) tar-Regolament (UE) 2023/2411 li qiegħed jitlob l-emenda tal-Unjoni;

(d)

l-intestaturi fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott u fid-dokument uniku affettwati mill-emenda;

(e)

ir-raġunijiet għaliex l-emenda taqa’ taħt l-Artikolu 31(3) tar-Regolament (UE) 2023/2411;

(f)

deskrizzjoni tal-emendi mitluba u r-raġunijiet għal kull emenda;

(g)

indikazzjoni ta’ kwalunkwe emenda standard marbuta b’mod inseparabbli mal-emendi tal-Unjoni;

(h)

id-dokument uniku konsolidat, kif emendat;

(i)

għal talbiet skont l-Artikolu 21, il-punt (a) tar-Regolament (UE) 2023/2411, ir-referenza elettronika għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott konsolidata kif emendata;

(j)

għal talbiet skont l-Artikolu 21, il-punti (b) u (c), tar-Regolament (UE) 2023/2411, l-ispeċifikazzjoni tal-prodott konsolidata, kif emendata;

(k)

għal talbiet skont l-Artikolu 21, il-punt (c) tar-Regolament (UE) 2023/2411, prova li l-emenda mitluba tikkonforma mal-liġijiet dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi fis-seħħ fil-pajjiż terz rilevanti;

(l)

id-dikjarazzjoni mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li hija tqis li t-talba tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament (UE) 2023/2411.

2.   L-Uffiċċju għandu jirċievi separatament u ma għandux jippubblika bħala parti mill-applikazzjoni:

(a)

l-isem u d-dettalji ta’ kuntatt tal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru, jew tal-applikant jew tal-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz, li fil-fażi tal-Unjoni talab l-approvazzjoni ta’ emenda tal-Unjoni tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott;

(b)

l-isem u d-dettalji ta’ kuntatt tal-applikant li fil-fażi nazzjonali tal-proċedura talab l-approvazzjoni ta’ emenda tal-Unjoni tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott, b’indikazzjoni ta’ jekk huwiex grupp ta’ produtturi;

(c)

kwalunkwe dokumentazzjoni ta’ akkumpanjament, kif xieraq.

3.   Talba għal emenda tal-Unjoni għall-ispeċifikazzjoni tal-prodott u d-dokument uniku emendat għandha titfassal f’konformità mal-formola magħmula disponibbli online mill-Uffiċċju u tiġi sottomessa lill-Uffiċċju permezz tas-sistema diġitali.

4.   L-awtorità kompetenti tal-Istati Membri, f’każ ta’ reġistrazzjonijiet diretti, l-applikant, u f’każ ta’ talbiet minn pajjiżi terzi, l-applikant jew l-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz, kif applikabbli, għandhom jiżguraw il-konsistenza bejn it-talba għall-approvazzjoni ta’ emenda tal-Unjoni u l-ispeċifikazzjoni tal-prodott konsolidata u li ma jkun hemm l-ebda diverġenza sostanzjali bejniethom. L-emendi elenkati fit-talba għall-approvazzjoni ta’ emenda tal-Unjoni għandhom jikkorrispondu għall-emendi li jkunu saru fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott. Meta tinstab inkonsistenza wara l-approvazzjoni ta’ emenda tal-Unjoni, fil-proċedura standard, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru, fil-każ ta’ reġistrazzjonijiet diretti, l-applikant, u fil-każ ta’ applikazzjonijiet minn pajjiżi terzi, l-applikant jew l-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz, kif applikabbli, għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jirrimedjaw dik l-inkonsistenza.

5.   Talba għal emenda tal-Unjoni għandha tkun konċiża u ma taqbiżx il-5 000 kelma, inkluż dokument uniku, ħlief f’każijiet debitament ġustifikati.

6.   Għall-finijiet tal-Artikolu 31(2) ta’ dan ir-Regolament, minbarra d-dokumenti u l-informazzjoni msemmija fihom, kif emendati, l-Uffiċċju għandu jippubblika fir-reġistru tal-Unjoni t-talba għal emenda tal-Unjoni tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott.

7.   L-Artikolu 4, l-Artikoli 6-17 u l-Artikoli 27-28 ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw mutatis mutandis għat-talba għal emenda tal-Unjoni tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott.

8.   Dan l-Artikolu għandu japplika, mutatis mutandis, għal talbiet għal emendi standard tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott irreġistrati skont l-Artikolu 21, il-punt (b) tar-Regolament (UE) 2023/2411.

Artikolu 19

Emendi standard tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott

1.   It-talbiet għall-approvazzjoni ta’ emenda standard tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott għandhom jiġu sottomessi lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tinsab iż-żona ġeografika tal-prodott ikkonċernat.

2.   L-awtorità kompetenti tal-Istati Membri tista’ tipprovdi li t-talba għal emenda standard tiġi ppubblikata għal oppożizzjoni fil-livell nazzjonali. Jekk ma tkunx prevista oppożizzjoni nazzjonali, u jekk it-talba għall-approvazzjoni ta’ emenda standard tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott ma tiġix mill-applikant li jkun issottometta l-applikazzjoni għall-protezzjoni tal-isem jew ismijiet li għalih(om) tirreferi l-ispeċifikazzjoni tal-prodott, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru għandha tagħti lil dak l-applikant l-opportunità li jikkummenta dwar it-talba.

3.   It-talba għall-approvazzjoni ta’ emenda standard għandha tipprovdi deskrizzjoni tal-emendi standard, sommarju tar-raġunijiet li għalihom huma meħtieġa l-emendi u r-raġunijiet għaliex l-emendi proposti jikkwalifikaw bħala standard f’konformità mal-Artikolu 31(5) tar-Regolament (UE) 2023/2411.

4.   Meta l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tqis li r-rekwiżiti tar-Regolament (UE) 2023/2411 u d-dispożizzjonijiet adottati skont dak ir-Regolament huma ssodisfati, hija tista’ tapprova l-emenda standard. Id-deċiżjoni ta’ approvazzjoni għandha tinkludi, meta jkun rilevanti, l-ispeċifikazzjoni tal-prodott konsolidata emendata u, meta jkun rilevanti, id-dokument uniku konsolidat emendat.

5.   Id-deċiżjoni ta’ approvazzjoni għandha tiġi ppubblikata mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat. L-emenda standard approvata għandha tkun applikabbli fl-Istat Membru skont ir-regoli nazzjonali applikabbli għad-dħul fis-seħħ.

6.   F’każ li l-emenda standard tkun tirrikjedi emenda tad-dokument uniku, l-Uffiċċju għandu jippubblika fir-reġistru tal-Unjoni fi żmien 3 xhur wara d-data li fiha jkun irċieva l-komunikazzjoni ta’ emenda standard:

(a)

id-deskrizzjoni tal-emenda standard; u

(b)

id-dokument uniku emendat.

7.   F’każ li l-emenda standard ma tirrikjedix emenda tad-dokument uniku, l-Uffiċċju għandu jippubblika fir-reġistru tal-Unjoni, bil-lingwa li biha jkun irċeviha, id-deskrizzjoni tal-emenda standard, fi żmien 3 xhur wara d-data li fiha jkun irċieva l-komunikazzjoni ta’ dik l-emenda standard.

8.   L-emendi standard għandhom ikunu applikabbli fit-territorju tal-Unjoni mid-data li fiha jkunu saru pubbliċi skont il-paragrafi 6 u 7, kif applikabbli.

9.   Meta ż-żona ġeografika tkun tkopri aktar minn Stat Membru wieħed, l-awtorità kompetenti ta’ kull Stat Membru kkonċernat għandha tapplika l-proċedura għall-emenda standard separatament. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri rilevanti għandhom jinnotifikaw lil xulxin dwar id-deċiżjoni ta’ approvazzjoni nazzjonali u, fuq talba, jaġġornaw lil xulxin dwar il-progress tal-proċedura nazzjonali. L-emenda standard għandha tkun applikabbli fit-territorju tal-Istati Membri kkonċernati biss wara li ssir applikabbli l-aħħar deċiżjoni ta’ approvazzjoni nazzjonali. L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li tapprova l-emenda standard l-aħħar għandha tibgħat lill-Uffiċċju l-komunikazzjoni rilevanti sa mhux aktar tard minn xahar wara d-data li fiha tkun ġiet ippubblikata d-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tagħha.

10.   Meta ż-żona ġeografika tkun tkopri aktar minn Stat Membru wieħed, jekk waħda jew aktar mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati jirrifjutaw it-talba għal emenda standard jew ma jieħdu l-ebda azzjoni biex jadottaw id-deċiżjoni ta’ approvazzjoni nazzjonali għall-adozzjoni ta’ emendi standard mill-Istat Membru jew l-Istati Membri rispettivi, l-awtoritajiet kompetenti ta’ kwalunkwe wieħed mill-Istati Membri kkonċernati miż-żona ġeografika transfruntiera jistgħu jissottomettu dik it-talba skont il-proċedura ta’ emenda tal-Unjoni biex l-Uffiċċju jieħu deċiżjoni. F’dan il-każ, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li tkun issottomettiet it-talba għall-approvazzjoni tal-emenda tal-Unjoni għandha turi li l-proċedura ta’ emenda standard ma ġietx konkluża f’wieħed jew aktar mill-Istati Membri minn fejn toriġina l-indikazzjoni ġeografika. Il-proċedura ta’ oppożizzjoni tal-Unjoni relatata għandha tkun miftuħa għall-Istati Membri u għall-persuni fiżiċi u ġuridiċi residenti jew stabbiliti f’dawk l-Istati Membri, ħlief għall-Istat Membru li jkun issottometta t-talba għall-approvazzjoni tal-emenda tal-Unjoni u għall-persuni fiżiċi u ġuridiċi residenti jew stabbiliti f’dak l-Istat Membru.

11.   Il-paragrafi 9 u 10 għandhom japplikaw mutatis mutandis fejn parti miż-żona ġeografika kkonċernata tkun tinsab fit-territorju ta’ pajjiż terz. Madankollu, meta l-emenda standard tikkonċerna t-territorju ta’ Stat Membru u pajjiż terz, l-obbligu li tintbagħat il-komunikazzjoni lill-Uffiċċju jibqa’ fl-Istat Membru.

Artikolu 20

Relazzjoni bejn l-emendi tal-Unjoni u l-emendi standard

1.   Meta tiġi approvata emenda standard li tirrikjedi emenda tad-dokument uniku filwaqt li jkun hemm talba għall-approvazzjoni ta’ emenda tal-Unjoni pendenti, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat għandha taġġorna d-dokument uniku inkluż fit-talba għall-approvazzjoni ta’ emenda tal-Unjoni kif xieraq.

2.   Jekk l-emenda tal-Unjoni pendenti tkun ġiet ippubblikata fir-reġistru tal-Unjoni, għal oppożizzjoni, il-verżjoni aġġornata tad-dokument uniku għandha tiġi ppubblikata wkoll fir-reġistru tal-Unjoni bħala anness tad-deċiżjoni li tapprova l-emenda tal-Unjoni.

3.   Meta l-verżjoni emendata tad-dokument uniku inkluż f’applikazzjoni għal emenda standard approvata fil-livell nazzjonali ma tqisx l-aħħar emendi tal-Unjoni li jkunu ġew approvati, dik il-verżjoni emendata ma għandhiex tiġi ppubblikata mill-Uffiċċju. L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li tkun approvat dik l-emenda standard għandha tibgħat lill-Uffiċċju l-verżjoni konsolidata tad-dokument uniku kif emendat kemm mill-emendi tal-Unjoni kif ukoll mill-emendi standard għall-pubblikazzjoni fir-reġistru tal-Unjoni.

4.   Dan l-artikolu japplika wkoll mutatis mutandis għall-applikazzjonijiet sottomessi skont l-Artikolu 21, il-punt (c), tar-Regolament (UE) 2023/2411.

Artikolu 21

Emendi standard marbuta ma’ emendi tal-Unjoni

Emenda standard inkluża f’applikazzjoni għal emenda tal-Unjoni li hija marbuta b’mod inseparabbli mal-emenda tal-Unjoni pendenti għandha titqies bħala parti minn dik l-emenda tal-Unjoni u għandha tiġi approvata mill-Uffiċċju flimkien mal-emenda tal-Unjoni skont l-istess proċedura.

Artikolu 22

Emendi temporanji tal-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott

1.   L-emendi temporanji tal-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott għandhom jiġu approvati u ppubblikati mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tinsab iż-żona ġeografika definita tal-isem ikkonċernat. L-emendi temporanji jistgħu jikkonċernaw parti miż-żona ġeografika.

2.   L-emendi temporanji għandhom jiġu kkomunikati lill-Uffiċċju sa mhux aktar tard minn xahar wara d-data li fiha d-deċiżjoni ta’ approvazzjoni nazzjonali tkun ġiet ippubblikata. Dik il-komunikazzjoni għandha tindika r-raġunijiet għall-emendi temporanji.

3.   L-emenda temporanja għandha tkun applikabbli fl-Istat Membru skont ir-regoli nazzjonali applikabbli.

4.   Kull emenda temporanja għandha tapplika għal perjodu limitat ta’ żmien stabbilit mill-awtorità kompetenti li tapprova dik l-emenda. Tista’ tiġġedded biss jekk ikunu għadhom jeżistu ċ-ċirkostanzi eċċezzjonali, imsemmija fl-Artikolu 31(6) tar-Regolament (UE) 2023/2411, u r-raġunijiet li tkun ġiet approvata għalihom. Tiġdid ta’ emendi temporanji għandu jiġi kkomunikat lill-Uffiċċju skont il-proċedura prevista għall-komunikazzjoni ta’ emendi temporanji msemmija fl-Artikolu 24.

5.   Meta ż-żona ġeografika tkun tkopri aktar minn Stat Membru wieħed, il-proċedura għall-emendi temporanji għandha tapplika separatament fl-Istati Membri kkonċernati għall-parti taż-żona li taqa’ fit-territorju rispettiv tagħhom.

6.   L-emendi temporanji li jikkonċernaw indikazzjonijiet ġeografiċi li joriġinaw minn pajjiżi terzi għandhom jiġu kkomunikati lill-Uffiċċju sa mhux aktar tard minn xahar wara l-approvazzjoni tagħhom. Dik il-komunikazzjoni għandha tindika r-raġunijiet għall-emendi temporanji.

7.   L-Uffiċċju għandu jippubblika l-komunikazzjoni ta’ emenda temporanja permezz tas-sistema diġitali tiegħu fi żmien 3 xhur wara d-data li fiha jkun irċieva l-komunikazzjoni ta’ dik l-emenda temporanja, bil-lingwa li jkun irċeviha biha. Emenda temporanja għandha tkun applikabbli fit-territorju tal-Unjoni mid-data li fiha tkun ġiet ippubblikata mill-Uffiċċju.

8.   Dan l-Artikolu ma japplikax għall-proċeduri msemmija fl-Artikolu 21, il-punt (b) tar-Regolament (UE) 2023/2411.

Artikolu 23

Komunikazzjonijiet ta’ emendi standard

1.   Il-komunikazzjoni ta’ emenda standard approvata tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott għandu jkun fiha:

(a)

l-isem protett li l-emenda standard tirreferi għalih;

(b)

l-Istat Membru jew il-pajjiż terz li għalih tappartjeni ż-żona ġeografika;

(c)

l-isem tal-Istat Membru jew tal-pajjiż terz li jikkomunika l-emenda standard tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott lill-Uffiċċju;

(d)

ir-raġunijiet għaliex l-emenda taqa’ taħt l-Artikolu 31(2), il-punt (b) tar-Regolament (UE) 2023/2411;

(e)

deskrizzjoni tal-emenda approvata, li tindika jekk l-emenda twassalx għal emenda tad-dokument uniku;

(f)

id-deċiżjoni li tapprova l-emenda standard kif imsemmi fl-Artikolu 31(5) tar-Regolament (UE) 2023/2411;

(g)

meta jkun rilevanti, id-dokument uniku konsolidat, kif emendat;

(h)

ir-referenza elettronika għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott konsolidata, kif emendata.

2.   Meta l-komunikazzjoni ssir mill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru, din għandha tinkludi dikjarazzjoni msemmija fl-Artikolu 22(1), il-punt (c) tar-Regolament (UE) 2023/2411.

3.   Fil-każ ta’ talbiet minn pajjiżi terzi, il-komunikazzjoni, minbarra l-informazzjoni elenkata fil-paragrafu 1, għandha tinkludi prova li l-emenda hija applikabbli fil-pajjiż terz. Għandha tinkludi l-ispeċifikazzjoni tal-prodott kif ippubblikata minflok ir-referenza elettronika għall-pubblikazzjoni tagħha.

4.   Komunikazzjoni ta’ emenda standard approvata għandha titfassal f’konformità mal-formola magħmula disponibbli online mill-Uffiċċju u tiġi sottomessa lill-Uffiċċju permezz tas-sistema diġitali.

5.   Id-dettalji ta’ kuntatt tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru jew tal-pajjiż terz li jikkomunikaw l-emenda standard lill-Uffiċċju, għandhom jiġu kkomunikati separatament. Id-dettalji ta’ kuntatt tal-awtoritajiet kompetenti ma għandhomx jiġu ppubblikati bħala parti mill-komunikazzjoni. Madankollu, għandhom jiġu ppubblikati ismijiethom.

6.   L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru għandha tikkomunika, mingħajr dewmien żejjed, lill-Uffiċċju:

(a)

kwalunkwe sentenza nazzjonali finali li tannulla deċiżjoni li tapprova emenda standard.

(b)

id-dokument uniku konsolidat emendat, inkluża referenza elettronika tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott, jew fil-każ ta’ emenda li ma timmodifikax id-dokument uniku, din tal-aħħar biss, aġġornata wara l-annullament ta’ dik l-emenda standard.

7.   L-Uffiċċju għandu jippubblika fir-reġistru tal-Unjoni informazzjoni li d-deċiżjoni nazzjonali li tapprova l-emenda standard ġiet annullata. Din l-informazzjoni għandha tkun akkumpanjata minn verżjoni aġġornata tad-dokument uniku, ippubblikata bil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni, kif ikkomunikata mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru f’konformità mal-paragrafu 6, il-punt (b) ta’ dan l-Artikolu.

8.   Id-deċiżjonijiet li japprovaw emendi standard li jikkonċernaw prodotti li joriġinaw minn pajjiżi terzi għandhom jiġu kkomunikati lill-Uffiċċju mill-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz ikkonċernat, sa mhux aktar tard minn xahar wara d-data li fiha tkun ġiet ippubblikata d-deċiżjoni rilevanti.

9.   Il-komunikazzjoni ta’ emenda standard approvata tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott lill-Uffiċċju għandha titqies li tkun saret kif xieraq meta tikkonforma ma’ dan l-Artikolu. L-Uffiċċju ma għandux jippubblika komunikazzjoni ta’ approvazzjoni ta’ emenda standard li ma tkunx saret kif xieraq f’konformità ma’ dan l-Artikolu. L-Uffiċċju għandu jinforma lill-awtorità kompetenti u lill-applikant, meta jkun applikabbli, li l-komunikazzjoni tal-emenda standard ma saritx kif xieraq fi żmien 3 xhur. Meta ma jkun wasal l-ebda rispons fi żmien xahrejn mid-data tal-wasla tal-ittra tal-Uffiċċju, il-komunikazzjoni magħmula b’mod żbaljat għandha titqies li ma ġietx ippreżentata.

10.   L-awtorità kompetenti li tkun ikkomunikat emenda standard tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott lill-Uffiċċju għandha tibqa’ responsabbli għall-kontenut tagħha.

11.   Dan l-Artikolu ma japplikax għall-proċeduri msemmija fl-Artikolu 21, il-punt (b) tar-Regolament (UE) 2023/2411.

Artikolu 24

Komunikazzjoni ta’ emendi temporanji

1.   Il-komunikazzjoni ta’ emenda temporanja approvata tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott għandu jkun fiha:

(a)

ir-referenza għall-isem protett li hija tirreferi għalih;

(b)

l-isem tal-Istat Membru jew tal-pajjiż terz li jikkomunika l-emenda temporanja lill-Uffiċċju;

(c)

deskrizzjoni tal-emenda temporanja approvata flimkien mar-raġunijiet li jsostnuha;

(d)

deċiżjoni tal-awtoritajiet li formalment tirrikonoxxi diżastru naturali jew kundizzjonijiet ħżiena tat-temp, jew diżastru kkawżat mill-bniedem, bħal gwerra, theddida ta’ gwerra jew attakk terroristiku, jew, meta jkun applikabbli, l-impożizzjoni ta’ miżuri sanitarji u fitosanitarji obbligatorji;

(e)

id-deċiżjoni li tapprova l-emenda temporanja jew ir-referenza tal-pubblikazzjoni elettronika.

2.   Meta l-komunikazzjoni ssir mill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru, din għandha tinkludi dikjarazzjoni msemmija fl-Artikolu 22(1), il-punt (c) tar-Regolament (UE) 2023/2411.

3.   Fil-każ ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi li joriġinaw minn pajjiżi terzi, il-komunikazzjoni għandha tinkludi prova li l-emenda hija applikabbli fil-pajjiż terz. Din għandha tinkludi d-deċiżjoni nazzjonali li tapprova l-emenda temporanja kif ippubblikata minflok ir-referenza elettronika għar-referenza tal-pubblikazzjoni tagħha.

4.   Komunikazzjoni ta’ emenda temporanja approvata għandha titfassal f’konformità mal-formola magħmula disponibbli online mill-Uffiċċju u tiġi sottomessa lill-Uffiċċju permezz tas-sistema diġitali.

5.   Id-dettalji ta’ kuntatt tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru jew tal-pajjiż terz, għandhom jiġu kkomunikati separatament. Id-dettalji ta’ kuntatt tal-awtoritajiet kompetenti ma għandhomx jiġu ppubblikati bħala parti mill-komunikazzjoni. Madankollu, għandhom jiġu ppubblikati ismijiethom.

6.   Il-komunikazzjoni ta’ emenda temporanja approvata lill-Uffiċċju għandha titqies li tkun saret kif xieraq meta tikkonforma ma’ dan l-Artikolu. L-Uffiċċju ma għandux jippubblika komunikazzjoni ta’ approvazzjoni ta’ emenda temporanja li ma tkunx saret kif xieraq f’konformità ma’ dan l-Artikolu. L-Uffiċċju għandu jinforma lill-awtorità kompetenti u lill-applikant, meta jkun applikabbli, li l-komunikazzjoni tal-emenda temporanja ma saritx kif xieraq fi żmien 3 xhur. Meta ma jkun wasal l-ebda rispons fi żmien xahrejn mid-data tal-wasla tal-ittra tal-Uffiċċju, il-komunikazzjoni magħmula b’mod żbaljat għandha titqies li ma ġietx ippreżentata.

7.   L-awtorità kompetenti li tkun ikkomunikat il-kontenut lill-Uffiċċju għandha tibqa’ responsabbli għall-kontenut tagħha.

8.   Dan l-Artikolu ma japplikax għall-proċeduri msemmija fl-Artikolu 21, il-punt (b) tar-Regolament (UE) 2023/2411.

TAQSIMA 5

PROĊEDURA TA’ KANĊELLAZZJONI

Artikolu 25

Kanċellazzjoni

1.   Talba biex tiġi kkanċellata l-protezzjoni ta’ indikazzjoni ġeografika kif imsemmija fl-Artikolu 32 tar-Regolament (UE) 2023/2411 għandu jkun fiha:

(a)

l-isem irreġistrat propost għall-kanċellazzjoni;

(b)

l-isem tal-Istat Membru jew tal-pajjiż terz li minnu toriġina l-indikazzjoni ġeografika kkonċernata mill-kanċellazzjoni;

(c)

l-isem ta’ Stat Membru jew ta’ pajjiż terz, jew, għall-finijiet tal-paragrafi 10 u 11 ta’ dan l-Artikolu, l-isem tal-persuna fiżika jew ġuridika li qiegħda tissottometti t-talba għall-kanċellazzjoni;

(d)

għal talbiet minn pajjiżi terzi, l-isem u l-indirizz tal-awtoritajiet jew, jekk disponibbli, il-korpi jew il-persuni fiżiċi li jivverifikaw il-konformità mal-forniment tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott;

(e)

l-isem tal-persuna fiżika jew ġuridika li qiegħda titlob il-kanċellazzjoni fil-fażi nazzjonali tal-proċedura, jekk ikun hemm;

(f)

deskrizzjoni tal-interess leġittimu tal-persuna fiżika jew ġuridika li qiegħda titlob li tiġi kkanċellata r-reġistrazzjoni;

(g)

indikazzjoni tar-raġunijiet għall-kanċellazzjoni, kif imsemmi fl-Artikolu 32 tar-Regolament (UE) 2023/2411;

(h)

l-ispjegazzjonijiet u r-raġunijiet għall-kanċellazzjoni;

(i)

għal talba għall-kanċellazzjoni sottomessa minn Stat Membru, id-dikjarazzjoni msemmija fl-Artikolu 22(1), il-punt (c), tar-Regolament (UE) 2023/2411;

(j)

prova li tħallsu t-tariffi, jekk ikun applikabbli.

2.   Meta t-talba għall-kanċellazzjoni tiġi sottomessa f’konformità mal-Artikolu 32(3) tar-Regolament (UE) 2023/2411, l-informazzjoni fil-paragrafu 1, il-punt (g) ma għandhiex tapplika.

3.   L-indikazzjoni ġeografika għandha titqies li ma pproduċietx l-effetti msemmija fir-Regolament (UE) 2023/2411 mill-bidu nett, sa fejn l-indikazzjoni ġeografika tkun ġiet ikkanċellata abbażi tar-raġunijiet stabbiliti fl-Artikolu 32(1) tar-Regolament (UE) 2023/2411.

4.   L-indikazzjoni ġeografika għandha titqies li ma pproduċietx l-effetti msemmija fir-Regolament (UE) 2023/2411, sa fejn l-indikazzjoni ġeografika tkun ġiet ikkanċellata abbażi tar-raġunijiet stabbiliti fl-Artikolu 32(2) tar-Regolament (UE) 2023/2411. Dan huwa applikabbli wkoll għal kanċellazzjonijiet mibdija skont l-Artikolu 32(3) tar-Regolament (UE) 2023/2411.

5.   Id-dettalji ta’ kuntatt tal-persuna fiżika jew ġuridika jew tal-awtoritajiet jew tal-korpi tal-Istat Membru jew tal-pajjiż terz imsemmija fil-paragrafu 1, il-punti (c), (d) u (e), għandhom jiġu kkomunikati separatament, permezz tas-sistema diġitali. Id-dettalji ta’ kuntatt ta’ dawk il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-awtoritajiet jew il-korpi ma għandhomx jiġu ppubblikati bħala parti mit-talba għall-kanċellazzjoni. Madankollu, għandhom jiġu ppubblikati ismijiethom.

6.   Talba biex tiġi kkanċellata l-protezzjoni ta’ indikazzjoni ġeografika kif imsemmija fl-Artikolu 32 tar-Regolament (UE) 2023/2411 għandha titfassal f’konformità mal-formola magħmula disponibbli online mill-Uffiċċju u tiġi sottomessa lill-Uffiċċju permezz tas-sistema diġitali.

7.   L-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru, inkluż l-Istat Membru minn fejn joriġina l-prodott, tista’ tibda l-fażi nazzjonali tal-proċedura ta’ kanċellazzjoni fuq inizjattiva proprja. F’dak il-każ, l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, il-punti (e) u (f), tista’ titħalla barra. L-Istat Membru għandu jlesti l-passi tal-fażi nazzjonali skont l-Artikolu 32(6) tar-Regolament (UE) 2023/2411 qabel ma jissottometti t-talba għall-kanċellazzjoni lill-Uffiċċju, sakemm l-Istat Membru ma jkunx kiseb deroga skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2023/2411.

8.   Kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li jkollha interess leġittimu, li tkun stabbilita jew residenti fi Stat Membru, tista’ tissottometti talba għall-kanċellazzjoni mal-Istat Membru li fih tkun stabbilita jew residenti, li tippermetti lil dak l-Istat Membru jeżamina din it-talba u jiddeċiedi jekk jippreżentahiex lill-Uffiċċju.

9.   Meta t-talba għall-kanċellazzjoni tkun ibbażata fuq raġuni msemmija fl-Artikolu 32(1) tar-Regolament (UE) 2023/2411 u r-raġuni indikata tapplika esklużivament barra mill-kompetenza territorjali tal-Istat Membru fejn ikun stabbilit jew residenti min jagħmel it-talba jew fejn l-indikazzjoni ġeografika li għaliha tintalab il-kanċellazzjoni toriġina minn Stat Membru ieħor għajr l-Istat Membru fejn ikun stabbilit jew residenti min jagħmel it-talba jew minn pajjiż terz, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn ikun stabbilit jew residenti min jagħmel it-talba, għandha tivverifika biss jekk it-talba għall-kanċellazzjoni hijiex kompluta u jekk ġietx sottomessa f’konformità mal-paragrafi 1, 2, 5 u 6 ta’ dan l-Artikolu. F’sitwazzjonijiet bħal dawn, ma għandha ssir l-ebda oppożizzjoni nazzjonali. Wara l-verifika tal-formalità msemmija fl-ewwel sentenza ta’ dan il-paragrafu, jekk it-talba għall-kanċellazzjoni tkun ammissibbli, l-awtorità kompetenti għandha tippreżentaha lill-Uffiċċju għall-eżami.

10.   Kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li jkollha interess leġittimu, li tkun stabbilita jew residenti fi Stat Membru u li tkun kisbet deroga skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2023/2411 tista’ tissottometti talba għall-kanċellazzjoni direttament mal-Uffiċċju.

11.   Kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li jkollha interess leġittimu, u li tkun stabbilita jew residenti f’pajjiż terz, tista’ tissottometti talba għall-kanċellazzjoni mal-Uffiċċju, direttament jew permezz tal-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz.

12.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 9, l-Artikolu 4, 6, l-Artikoli 14-17 u l-Artikoli 27-28 ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-proċedura ta’ kanċellazzjoni.

Artikolu 26

Kanċellazzjoni mibdija mill-Kummissjoni jew mill-Uffiċċju

1.   F’każ ta’ kanċellazzjonijiet fuq inizjattiva proprja tal-Kummissjoni, il-proċedura għandha tibda direttament fil-fażi tal-Unjoni. Il-Kummissjoni għandha tibgħat it-talba għall-kanċellazzjoni lill-Uffiċċju u l-Uffiċċju għandu jippubblikaha għall-oppożizzjoni f’konformità mal-Artikolu 23(7) tar-Regolament (UE) 2023/2411. It-talba għall-kanċellazzjoni għandu jkun fiha l-elementi msemmija fl-Artikolu 25(1), mutatis mutandis.

2.   F’każ ta’ kanċellazzjonijiet fuq inizjattiva proprja tal-Uffiċċju, il-proċedura għandha tibda direttament fil-fażi tal-Unjoni. F’konformità mal-Artikolu 23(7) tar-Regolament (UE) 2023/2411, l-Uffiċċju għandu jippubblika għall-oppożizzjoni l-proposta tiegħu stess ta’ kanċellazzjoni, li għandu jkun fiha l-elementi msemmija fl-Artikolu 25(1), mutatis mutandis.

3.   Il-proposta jew it-talba għall-kanċellazzjoni ppubblikata għall-oppożizzjoni għandha tindika r-raġunijiet għall-kanċellazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 32(2) tar-Regolament (UE) 2023/2411.

TAQSIMA 6

DEĊIŻJONIJIET

Artikolu 27

Pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet

1.   L-Uffiċċju, wara li jinforma lill-Kummissjoni, għandu jagħmel l-arranġamenti biex ir-referenza għal deċiżjoni tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mill-aktar fis possibbli wara li d-deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 29 tar-Regolament (UE) 2023/2411 tiġi ppubblikata fir-reġistru tal-Unjoni.

2.   Ir-referenza għandha tinkludi n-numru tad-deċiżjoni, l-isem (jew l-ismijiet) irreġistrat(i), emendat(i) jew imħassar/imħassra tal-prodott, it-tip ta’ prodott, il-pajjiż ta’ oriġini u d-data tar-reġistrazzjoni, tal-emenda jew tal-kanċellazzjoni.

Artikolu 28

Deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni

1.   It-talba mill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru jew mill-Uffiċċju lill-Kummissjoni biex tieħu f’idejha s-setgħa li tiddeċiedi fi proċedura, kif imsemmi fl-Artikolu 30 tar-Regolament (UE) 2023/2411, għandha tiġi sottomessa lill-Kummissjoni b’mod elettroniku f’kaxxa postali funzjonali speċifika, indirizzata lill-kap tal-unità responsabbli għall-indikazzjonijiet ġeografiċi tal-prodotti artiġjanali u industrijali fis-suq intern, permezz tal-formola magħmula disponibbli online mill-Uffiċċju, u għandha tindika r-raġunijiet li fuqhom hija bbażata t-talba.

2.   Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Uffiċċju permezz tas-sistema diġitali u permezz tal-posta elettronika lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li jagħmel it-talba, fi żmien xahrejn wara li tirċievi t-talba msemmija fil-paragrafu 1 dwar id-deċiżjoni tagħha dwar jekk hijiex se tieħu f’idejha s-setgħa li tiddeċiedi fi proċedura msemmija fl-Artikolu 30(1) tar-Regolament (UE) 2023/2411. Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni għandha tindika r-raġunijiet u tipprovdi ġustifikazzjoni.

3.   Meta l-Kummissjoni jkollha l-ħsieb li tieħu f’idejha s-setgħa li tiddeċiedi fi proċedura kif imsemmi fl-Artikolu 30(1) tar-Regolament (UE) 2023/2411 fuq inizjattiva proprja, hija għandha tinforma lill-Uffiċċju permezz tas-sistema diġitali u permezz tal-posta elettronika lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru minn fejn joriġina l-prodott. Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni għandha tindika r-raġunijiet u tipprovdi ġustifikazzjoni.

4.   Informazzjoni li l-Kummissjoni ħadet f’idejha l-proċedura, ir-raġuni invokata u l-ġustifikazzjoni għandhom jiġu ppubblikati fir-reġistru tal-Unjoni mill-Uffiċċju fi żmien ġimagħtejn wara li l-Kummissjoni tkun informat lill-Uffiċċju li se teħodha f’idejha, bil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni.

5.   Il-proċedura quddiem l-Uffiċċju għandha tiġi sospiża mid-data tas-sottomissjoni tat-talba lill-Kummissjoni sakemm il-Kummissjoni tinforma lill-Uffiċċju u lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru rikjedenti jekk hijiex se tieħu f’idejha s-setgħa li tiddeċiedi. F’każ li l-Kummissjoni tiddeċiedi li ma tiħux il-proċedura f’idejha, l-Uffiċċju għandu jkompli l-proċedura mingħajr dewmien.

6.   Meta l-Kummissjoni tieħu f’idejha l-proċedura mill-Uffiċċju kif imsemmi fl-Artikolu 30 tar-Regolament (UE) 2023/2411, l-Uffiċċju għandu jipprovdi lill-Kummissjoni abbozz ta’ deċiżjoni kif imsemmi fl-Artikolu 30(2) tar-Regolament (UE) 2023/2411 f’forma elettronika.

7.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tadotta l-att ta’ implimentazzjoni dwar id-deċiżjoni finali fi proċedura partikolari skont l-Artikolu 30(1) tar-Regolament (UE) 2023/2411 fi żmien 9 xhur wara s-sottomissjoni tat-talba msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jew wara li tkun informat lill-Uffiċċju li se taġixxi fuq inizjattiva proprja. L-att ta’ implimentazzjoni għandu jkun fih informazzjoni li l-Kummissjoni ħadet il-każ f’idejha, ir-raġunijiet u l-ġustifikazzjoni.

TAQSIMA 7

UŻU TAS-SIMBOLI TAL-UNJONI

Artikolu 29

L-użu tas-simbolu, l-indikazzjoni u l-abbrevjazzjoni tal-Unjoni

1.   Meta jintużaw, is-simbolu tal-Unjoni, l-indikazzjoni “INDIKAZZJONI ĠEOGRAFIKA PROTETTA” fis-simbolu kif ukoll l-abbrevjazzjoni “IĠP” imsemmija fl-Artikolu 48 tar-Regolament (UE) 2023/2411 u stabbilita mill-Artikolu 34 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/26 (6) għandhom jiġu riprodotti kif stabbilit fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament biex jindikaw indikazzjoni ġeografika protetta għal prodott artiġjanali u industrijali. Is-simbolu, l-indikazzjoni u l-abbrevjazzjoni tal-Unjoni jistgħu jintużaw bi kwalunkwe waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni.

2.   Is-simbolu, l-indikazzjoni u l-abbrevjazzjoni tal-Unjoni li jirreferu għall-indikazzjoni ġeografika protetta jistgħu jintużaw biss b’rabta ma’ prodotti koperti mir-regoli tar-Regolament (UE) 2023/2411.

3.   Is-simbolu, l-indikazzjoni jew l-abbrevjazzjoni tal-Unjoni jistgħu jidhru fuq it-tikkettar ta’ prodott biss wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni li tirreġistra dik l-indikazzjoni ġeografika. Jekk jidhru fuq it-tikkettar ta’ prodott, dawn għandhom ikunu akkumpanjati mill-isem irreġistrat.

4.   Is-simbolu, l-indikazzjoni u l-abbrevjazzjoni tal-Unjoni jistgħu jintużaw fil-media jew f’materjali ta’ reklamar għall-finijiet tad-divulgazzjoni tal-protezzjoni tal-indikazzjoni ġeografika jew tar-reklamar tal-ismijiet irreġistrati.

TAQSIMA 8

TARIFFI

Artikolu 30

Tariffi

1.   L-Uffiċċju għandu jistabbilixxi l-mezzi ta’ pagament għat-tariffi skont l-Artikolu 157(4), il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2017/1001.

2.   Il-pagamenti kollha msemmija fl-Anness II ta’ dan ir-Regolament, għandhom isiru f’euro fi żmien 10 ijiem kalendarji wara li tiġi ppreżentata l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni, it-talba għal emenda tal-Unjoni, it-talba għall-kanċellazzjoni jew l-avviż tal-appell.

3.   Kull pagament għandu jindika l-indikazzjoni ġeografika korrispondenti, u l-isem tal-persuna li tkun qiegħda tagħmel il-pagament u għandu jkun fih l-informazzjoni neċessarja biex l-Uffiċċju jkun jista’ jistabbilixxi minnufih l-għan tal-pagament.

4.   Jekk l-għan tal-pagament imsemmi fil-paragrafu 3 ma jkunx jista’ jiġi stabbilit immedjatament, l-Uffiċċju għandu jeżiġi lill-persuna li tkun qiegħda tagħmel il-pagament tinnotifikah b’mezzi ta’ komunikazzjoni elettroniċi, f’perjodu partikolari raġonevoli indikat fin-notifika. Jekk il-persuna ma tikkonformax ma’ din in-notifika fil-perjodu preskritt, il-pagament għandu jiġi kkunsidrat li ma sarx. Kwalunkwe ammont li jkun tħallas għandu jiġi rimborżat.

5.   It-tariffa tal-appell għandha tiġi rimborżata fuq ordni tal-Bord tal-Appell fi kwalunkwe wieħed minn dawn il-każijiet:

(a)

meta d-Diviżjoni tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi tirrevoka d-deċiżjoni kkontestata skont l-Artikolu 103 tar-Regolament (UE) 2017/1001;

(b)

meta l-appell jitqies li ma ġiex ippreżentat f’konformità mal-Artikolu 5(3), it-tieni sentenza, tar-Regolament Delegat C(2025) 9101;

(c)

meta l-Bord tal-Appell iqis li t-tali rimborż huwa ekwu minħabba ksur proċedurali sostanzjali.

6.   Fuq talba tal-Kummissjoni, l-Uffiċċju għandu jivvaluta l-possibbiltà li jiġi adottat mekkaniżmu ta’ rifużjoni tat-tariffi għall-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju (“MSMEs”, Micro, Small and Medium-Sized Enterprises) f’kooperazzjoni mal-Kummissjoni.

7.   Għandhom japplikaw it-tariffi msemmija fl-Anness II ta’ dan ir-Regolament.

TAQSIMA 9

REĠISTRU TAL-UNJONI

Artikolu 31

Reġistru tal-Unjoni

1.   Ir-reġistru tal-Unjoni msemmi fl-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) 2023/2411 għandu jiġi stabbilit bħala soluzzjoni diġitali li tippermetti l-ħżin tekniku tal-entrati kollha li jikkonċernaw l-indikazzjonijiet ġeografiċi u l-aċċess pubbliku għalihom, inkluż l-applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni, għall-emenda tal-Unjoni u għall-kanċellazzjoni, ir-rifjuti, il-pubblikazzjonijiet għall-oppożizzjoni, ir-reġistrazzjonijiet, l-approvazzjonijiet tal-emendi tal-Unjoni, il-pubblikazzjonijiet ta’ emendi standard u temporanji, u l-kanċellazzjonijiet. Ir-reġistru tal-Unjoni għandu jkun disponibbli bil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni.

2.   Minbarra d-data msemmija fl-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) 2023/2411 u r-referenzi speċifiċi f’dan ir-Regolament u fir-Regolament Delegat C(2025) 9101, id-data li ġejja għandha tiġi rreġistrata fir-reġistru tal-Unjoni:

(a)

l-isem (jew l-ismijiet) irreġistrati tal-prodott, inkluż it-traskrizzjonijiet jew it-translitterazzjonijiet tagħhom f’karattri Latini, meta jkun applikabbli; ismijiet multipli, traskrizzjonijiet u translitterazzjonijiet għandhom jiġu rreġistrati bħala ismijiet alternattivi, separati bi spazju, żbarra mmejla ’l quddiem u spazju ieħor;

(b)

id-data tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni lill-Uffiċċju;

(c)

id-data tal-pubblikazzjoni fir-reġistru tal-Unjoni;

(d)

id-data tar-reġistrazzjoni;

(e)

id-deċiżjoni li tirreġistra l-indikazzjoni ġeografika;

(f)

ir-referenza elettronika għal Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea skont l-Artikolu 29(6) tar-Regolament (UE) 2023/2411;

(g)

in-numru tal-fajl;

(h)

id-dokument uniku, inkluża r-referenza elettronika għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott;

(i)

jekk referenza elettronika għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott ma tkunx disponibbli, l-ispeċifikazzjoni tal-prodott;

(j)

l-opinjonijiet tal-Bord Konsultattiv mogħtija fir-rigward ta’ applikazzjonijiet individwali, jekk ikun applikabbli;

(k)

indikazzjoni tal-awtorità ta’ kontroll fil-każ ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi li joriġinaw minn pajjiż terz.

3.   Meta l-Uffiċċju japprova emenda tal-Unjoni ta’ speċifikazzjoni ta’ prodott jew jirċievi komunikazzjoni ta’ emenda standard approvata, jew annullata, tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott li teħtieġ bidla fl-informazzjoni rreġistrata fir-reġistru tal-Unjoni, huwa għandu jaġġorna d-data elenkata fil-paragrafu 2 kif xieraq, b’effett mid-data li fiha l-emenda tkun applikabbli fl-Unjoni. L-Uffiċċju għandu jirreġistra r-referenzi elettroniċi għall-pubblikazzjoni ta’ komunikazzjonijiet ta’ emendi standard u ta’ emendi temporanji. Fil-każ ta’ reġistrazzjonijiet diretti, l-emenda b’effett mid-data tad-deċiżjoni tal-Uffiċċju dwar l-emenda standard u l-emenda temporanja għandha tiġi rreġistrata fir-reġistru tal-Unjoni.

4.   Meta r-reġistrazzjoni ta’ indikazzjoni ġeografika tkun ġiet ikkanċellata, ir-reġistru tal-Unjoni għandu jindika l-ismijiet kif ikkanċellati f’konformità mal-Artikolu 25(3) u (4) ta’ dan ir-Regolament. Ir-reġistru tal-Unjoni għandu jżomm rekord tal-kanċellazzjoni, inkluża r-referenza elettronika għad-deċiżjoni ta’ kanċellazzjoni.

5.   Meta l-Uffiċċju jirċievi applikazzjoni għar-reġistrazzjoni, jew talba għall-approvazzjoni ta’ emenda tal-Unjoni jew talba għall-kanċellazzjoni, skont l-Artikolu 22(7) tar-Regolament (UE) 2023/2411, l-isem, in-numru tal-fajl, it-tip tal-prodott, il-pajjiż ta’ oriġini, it-tip ta’ applikazzjoni, id-data tal-applikazzjoni u l-istatus tal-applikazzjoni jew tat-talba riċevuta, għandhom jiġu rreġistrati fir-reġistru tal-Unjoni. Id-data tal-pubblikazzjoni u r-referenza elettronika għal dik il-pubblikazzjoni għandhom jiġu rreġistrati wkoll ladarba l-applikazzjoni tiġi ppubblikata fir-reġistru tal-Unjoni. Ir-reġistru tal-Unjoni għandu jżomm rekord tad-deċiżjoni ta’ rifjut ta’ applikazzjoni.

6.   Id-data msemmija fil-paragrafi 2 sa 5 għandha tibqa’ fir-reġistru tal-Unjoni.

7.   L-Istati Membri għandhom ikunu responsabbli biex iżommu r-referenza elettronika għall-ispeċifikazzjoni tal-prodott attiva u taħdem kif suppost sakemm l-indikazzjoni ġeografika tibqa’ protetta. Ir-referenza elettronika għandha twassal direttament għall-aħħar verżjoni aġġornata tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott individwali.

8.   L-ipproċessar tad-data dwar l-entrati stabbiliti fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu u fl-Artikolu 37(2) tar-Regolament (UE) 2023/2411, inkluż kwalunkwe data personali, għandu jsir għall-finijiet ta’:

(a)

l-amministrazzjoni tal-applikazzjonijiet u/jew ir-reġistrazzjonijiet kif previst f’dan ir-Regolament u f’atti adottati skontu;

(b)

iż-żamma ta’ reġistru pubbliku għall-ispezzjoni mill-awtoritajiet pubbliċi u mill-operaturi ekonomiċi, u għall-informazzjoni tagħhom, biex ikunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet mogħtija lilhom b’dan ir-Regolament u jkunu informati dwar l-eżistenza ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi preċedenti; u

(c)

il-produzzjoni ta’ rapporti u statistika li jippermettu lill-Uffiċċju jottimizza l-operazzjonijiet tiegħu u jtejjeb l-funzjonament tas-sistema għall-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi.

9.   Id-data kollha, inkluża d-data personali, dwar l-entrati msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu u fl-Artikolu 37(2) tar-Regolament (UE) 2023/2411, hija ta’ interess pubbliku u tista’ tiġi aċċessata minn kwalunkwe parti terza. L-entrati fir-reġistru tal-Unjoni għandhom jinżammu għal mhux aktar milli jkun neċessarju għall-finijiet li għalihom tiġi pproċessata d-data personali.

Artikolu 32

Silta mir-reġistru tal-Unjoni

1.   Is-silta mir-reġistru tal-Unjoni għandha tinkludi d-data msemmija fl-Artikolu 31(2), il-punti minn (a) sa (g) ta’ dan ir-Regolament u fl-Artikolu 37(2) tar-Regolament (UE) 2023/2411.

2.   Il-formola u l-preżentazzjoni online tas-silta mir-reġistru tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 38(1) tar-Regolament (UE) 2023/2411 għandhom jitfasslu f’konformità mal-formola magħmula disponibbli online mill-Uffiċċju.

TAQSIMA 10

ASSISTENZA REĊIPROKA U KOOPERAZZJONI FIL-KONTROLL U FL-INFURZAR

Artikolu 33

Regoli ġenerali

1.   L-awtoritajiet kompetenti msemmija fit-Taqsima 10 ta’ dan ir-Regolament jirreferu għall-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri deżinjati skont l-Artikolu 50 tar-Regolament (UE) 2023/2411.

2.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jagħtu assistenza reċiproka lil xulxin f’konformità ma’ din it-Taqsima, sabiex jiżguraw l-applikazzjoni korretta tar-regoli tar-Regolament (UE) 2023/2411 f’każijiet li jkollhom rilevanza f’aktar minn Stat Membru wieħed.

3.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom, fuq talba, jikkomunikaw lil xulxin informazzjoni rilevanti dwar il-kontrolli mwettqa skont it-Titolu IV tar-Regolament (UE) 2023/2411.

4.   It-talbiet għal assistenza reċiproka kif imsemmija fl-Artikolu 62 tar-Regolament (UE) 2023/2411 għandhom jiġu sottomessi mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u sottomessi lilhom.

5.   L-informazzjoni li għandha tiġi skambjata bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri bl-intenzjoni li jappoġġaw l-attivitajiet ta’ kontroll u infurzar tista’ tinkludi:

(a)

l-eżitu tal-kontrolli mwettqa skont l-Artikolu 51(5) tar-Regolament (UE) 2023/2411 u skont l-Artikolu 54(2) ta’ dak ir-Regolament;

(b)

l-awtodikjarazzjonijiet kif imsemmija fl-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) 2023/2411;

(c)

iċ-ċertifikat ta’ awtorizzazzjoni għall-użu kif imsemmi fl-Artikolu 52(2) tar-Regolament (UE) 2023/2411, u kif imsemmi fl-Anness III ta’ dan ir-Regolament;

(d)

il-miżuri meħuda biex jiġi rrimedjat in-nuqqas ta’ konformità kif imsemmi fl-Artikolu 52(4) tar-Regolament (UE) 2023/2411;

(e)

il-miżuri kif imsemmi fl-Artikolu 54(2) tar-Regolament (UE) 2023/2411.

6.   Il-komunikazzjoni uffiċjali kollha bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandha ssir bil-miktub, permezz ta’ mezzi elettroniċi. Il-Kummissjoni tista’ tagħmel disponibbli sistema kompjuterizzata ta’ ġestjoni tal-informazzjoni, għall-operat integrat tal-mekkaniżmi li permezz tagħhom id-data, l-informazzjoni u d-dokumenti dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra jiġu skambjati awtomatikament. Is-sistema ta’ ġestjoni tal-informazzjoni tista’ tkun interkonnessa ma’ bażijiet ta’ data rilevanti oħra tal-Kummissjoni użati mill-awtoritajiet tal-infurzar fl-Unjoni għas-sikurezza u għall-konformità tal-prodotti.

7.   L-assistenza għandha tinkludi, meta jkun xieraq, u soġġett għall-ftehim tal-awtoritajiet kompetenti kkonċernati, il-parteċipazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru f’kontrolli uffiċjali fuq il-post li jwettqu l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru ieħor.

8.   Din it-Taqsima għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-dritt nazzjonali:

(a)

applikabbli għall-ħruġ ta’ dokumenti u informazzjoni li jkunu s-suġġett ta’ investigazzjonijiet ġudizzjarji u proċedimenti tal-qorti, inklużi investigazzjonijiet kriminali, jew li jkunu marbuta magħhom; u

(b)

il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi.

9.   L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri biex jiffaċilitaw it-trażmissjoni, minn awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, prosekuturi pubbliċi u awtoritajiet ġudizzjarji lil dawk kompetenti, ta’ informazzjoni dwar in-nuqqas ta’ konformità possibbli mar-regoli msemmija fit-Titolu IV tar-Regolament (UE) 2023/2411 li tkun rilevanti għall-applikazzjoni ta’ din it-Taqsima u li tista’ tikkostitwixxi riskju għas-saħħa tal-bniedem, jew għall-ambjent.

Artikolu 34

Assistenza fuq talba

1.   Meta l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru jqisu li, għat-twettiq ta’ kontrolli uffiċjali jew għas-segwitu effettiv ta’ tali kontrolli fit-territorju tagħhom, jirrikjedu data jew informazzjoni mingħand l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru ieħor, għandhom jibagħtu talba motivata għall-assistenza reċiproka lill-awtoritajiet kompetenti ta’ dak l-Istat Membru. Dawn l-awtoritajiet kompetenti tal-aħħar għandhom:

(a)

jirrikonoxxu l-wasla tat-talba mingħajr dewmien;

(b)

meta l-awtorità kompetenti li tagħmel it-talba tispeċifika dan, jindikaw, fi żmien 10 ijiem tax-xogħol mid-data tal-wasla tat-talba, iż-żmien neċessarju stmat biex jagħtu rispons informat għat-talba; u

(c)

iwettqu l-kontrolli uffiċjali jew l-investigazzjonijiet neċessarji biex jipprovdu lill-awtoritajiet kompetenti li jagħmlu t-talba, mingħajr dewmien, l-informazzjoni u d-dokumenti kollha neċessarji biex ikunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet informati u jivverifikaw il-konformità mar-regoli tal-Unjoni fil-ġuriżdizzjoni tagħhom.

2.   Bi qbil bejn l-awtoritajiet kompetenti li jagħmlu t-talba u l-awtoritajiet kompetenti li jirċevuha, il-persunal maħtur minn tal-ewwel jista’ jkun preżenti matul il-kontrolli uffiċjali u l-investigazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1, il-punt (c), imwettqa mill-awtoritajiet kompetenti li jirċievu t-talba.

3.   F’tali każijiet, il-persunal tal-awtoritajiet kompetenti li jagħmlu t-talba għandu:

(a)

ikun kapaċi jipproduċi, f’kull ħin, awtorità bil-miktub li tiddikjara l-identità u l-kapaċità uffiċjali tiegħu;

(b)

jingħata aċċess mill-operatur għall-istess proprjetà u dokumenti bħall-persunal tal-awtoritajiet kompetenti li jirċievu t-talba, permezz tal-intermedjarju tiegħu, u għall-għan uniku tal-istħarriġ amministrattiv li jkun qiegħed isir; u

(c)

ma għandux, fuq l-inizjattiva tiegħu stess, jeżerċita s-setgħat ta’ stħarriġ mogħtija lill-uffiċjali tal-awtoritajiet kompetenti li jirċievu t-talba.

Artikolu 35

Assistenza mhux fuq talba fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità

1.   Meta l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru jsiru jafu b’nuqqas ta’ konformità, u jekk tali nuqqas ta’ konformità jkollu implikazzjonijiet għal Stat Membru ieħor, għandhom jinnotifikaw tali informazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti ta’ dak l-Istat Membru l-ieħor mingħajr ma jintalbu dan u mingħajr dewmien żejjed.

2.   L-awtoritajiet kompetenti nnotifikati f’konformità mal-paragrafu 1 għandhom:

(a)

jirrikonoxxu l-wasla tan-notifika mingħajr dewmien żejjed;

(b)

meta l-awtorità kompetenti li tibgħat in-notifika tispeċifika dan, jindikaw fi żmien 10 ijiem tax-xogħol mid-data tal-wasla tan-notifika:

(i)

liema investigazzjonijiet ikunu beħsiebhom iwettqu; jew

(ii)

ir-raġunijiet għala jqisu li mhi neċessarja l-ebda investigazzjoni; u

(c)

meta l-investigazzjonijiet imsemmija fil-punt (b) jitqiesu neċessarji, jinvestigaw il-kwistjoni u jinfurmaw lill-awtoritajiet kompetenti, mingħajr dewmien, li jkunu bagħtu n-notifika bir-riżultati, u meta jkun xieraq, bil-miżuri li jkunu ttieħdu.

3.   L-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandha tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni f’kaxxa postali funzjonali speċifika ġestita mid-Direttorat responsabbli għall-iskema tal-indikazzjonijiet ġeografiċi tal-prodotti artiġjanali u industrijali.

Artikolu 36

Nuqqas ta’ konformità li joħloq riskju jew ksur ripetut jew potenzjalment serju

1.   Meta, matul kontrolli uffiċjali mwettqa fuq oġġetti li joriġinaw minn Stat Membru ieħor, l-awtoritajiet kompetenti jistabbilixxu li tali oġġetti ma humiex konformi mar-regoli msemmija fir-Regolament (UE) 2023/2411 b’tali mod li joħolqu riskju għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent, jew b’tali mod li jikkostitwixxu ksur potenzjalment serju ta’ dawk ir-regoli, huma għandhom jinnotifikaw mingħajr dewmien lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru rilevanti u ta’ kwalunkwe Stat Membru ieħor ikkonċernat sabiex dawk l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jwettqu l-investigazzjonijiet xierqa.

2.   L-awtoritajiet kompetenti nnotifikati għandhom, mingħajr dewmien:

(a)

jirrikonoxxu l-wasla tan-notifika;

(b)

meta l-awtorità kompetenti li tibgħat in-notifika tispeċifika dan, jindikaw l-investigazzjonijiet li jkunu beħsiebhom iwettqu; u

(c)

jinvestigaw il-kwistjoni, jieħdu l-miżuri kollha neċessarji li jeżistu fl-Istat Membru kkonċernat biex jinforzaw ir-Regolament (UE) 2023/2411 u jinfurmaw lill-awtoritajiet kompetenti li jibagħtu n-notifika bin-natura tal-investigazzjonijiet u l-kontrolli uffiċjali mwettqa, bid-deċiżjonijiet meħuda u bir-raġunijiet għal tali deċiżjonijiet.

3.   Jekk l-awtoritajiet kompetenti li jibagħtu n-notifika jkollhom raġuni għal xiex jemmnu li l-investigazzjonijiet imwettqa jew il-miżuri meħuda mill-awtoritajiet kompetenti nnotifikati ma jindirizzawx b’mod adegwat in-nuqqas ta’ konformità stabbilit, meta jkun raġonevoli, għandhom jitolbu lill-awtoritajiet kompetenti nnotifikati biex jikkomplementaw il-kontrolli uffiċjali mwettqa jew il-miżuri meħuda. F’każijiet bħal dawn, kemm l-awtoritajiet kompetenti li jibagħtu n-notifika kif ukoll l-awtoritajiet kompetenti notifikati għandhom ifittxu approċċ miftiehem bil-għan li jindirizzaw b’mod xieraq in-nuqqas ta’ konformità, inkluż permezz ta’ kontrolli u investigazzjonijiet uffiċjali konġunti mwettqa f’konformità mal-Artikolu 34(2) u (3).

4.   Meta l-kontrolli uffiċjali mwettqa fuq oġġetti li joriġinaw minn Stat Membru ieħor juru każijiet ripetuti ta’ nuqqas ta’ konformità kif imsemmi fil-paragrafu 1, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ destinazzjoni għandhom jinfurmaw lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħra mingħajr dewmien.

Artikolu 37

Assistenza abbażi ta’ informazzjoni pprovduta minn pajjiżi terzi

1.   Meta l-awtoritajiet kompetenti jirċievu informazzjoni minn pajjiż terz li tindika nuqqas ta’ konformità fl-Unjoni mar-Regolament (UE) 2023/2411 jew riskju għall-bnedmin jew għall-ambjent, dawn għandhom, mingħajr dewmien:

(a)

jinnotifikaw tali informazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stati Membri kkonċernati oħra; u

(b)

jikkomunikaw tali informazzjoni lill-Kummissjoni fejn tkun jew tista’ tkun rilevanti fil-livell tal-Unjoni.

2.   L-informazzjoni miksuba permezz ta’ kontrolli uffiċjali u investigazzjonijiet imwettqa f’konformità ma’ dan ir-Regolament tista’ tiġi kkomunikata lill-pajjiż terz imsemmi fil-paragrafu 1, dment li:

(a)

l-awtoritajiet kompetenti li jkunu pprovdew l-informazzjoni jaqblu ma’ tali komunikazzjoni;

(b)

il-pajjiż terz ikun impenja ruħu li jipprovdi l-assistenza neċessarja biex jiġbor evidenza ta’ prattiki li huma, jew jidhru li ma humiex konformi mar-regoli tal-Unjoni jew li huma ta’ riskju għall-bniedem jew għall-ambjent; u

(c)

ikun hemm konformità mar-regoli tal-Unjoni u nazzjonali rilevanti applikabbli għall-komunikazzjoni tad-data personali lill-pajjiżi terzi.

TAQSIMA 11

KOMUNIKAZZJONI U PUBBLIKAZZJONI

Artikolu 38

Regoli ġenerali dwar il-komunikazzjonijiet

1.   In-notifiki, il-komunikazzjonijiet, id-dokumenti u l-informazzjoni kollha meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 20(4) u tal-Kapitolu 3, it-Taqsima 1 tar-Regolament (UE) 2023/2411, tar-Regolament Delegat C(2025) 9101 u ta’ dan ir-Regolament għandhom jiġu kkomunikati lill-Uffiċċju u minnu permezz tas-sistema diġitali, sakemm ma jkunx previst mod ieħor b’mod espliċitu f’dawn ir-regolamenti. It-twettiq ta’ dawn in-notifiki, il-komunikazzjonijiet, id-dokumenti u l-informazzjoni mill-Uffiċċju permezz tas-sistema diġitali għandu jsir billi jiġi pprovdut aċċess elettroniku għalihom. L-Uffiċċju għandu jibgħat twissija bil-posta elettronika lid-destinatarji dwar in-notifika, il-komunikazzjoni, id-dokument u l-informazzjoni l-ġodda li jkunu saru disponibbli fis-sistema diġitali mill-Uffiċċju, u jikkomunikalhom ukoll id-data biex jaċċessawhom.

2.   Kwalunkwe notifika, komunikazzjoni, dokument jew informazzjoni li ma hijiex koperta mill-paragrafu 1 għandha tiġi kkomunikata lill-Uffiċċju u minnu permezz tal-posta elettronika, bl-użu tal-kaxxa postali funzjonali speċifika.

3.   Għall-komunikazzjonijiet tekniċi uffiċjali dwar indikazzjonijiet ġeografiċi ta’ prodotti artiġjanali u industrijali, kull Stat Membru għandu jikkomunika lill-Uffiċċju u lill-Kummissjoni, sat-2 ta’ Diċembru 2025, fil-kaxxi postali funzjonali speċifiċi rispettivi tagħhom, punt ta’ kuntatt wieħed li jikkonsisti minn dipartiment u indirizz, kaxxa postali funzjonali speċifika, u numru tat-telefown dipartimentali. L-Istati Membri għandhom iżommu l-lista tal-punti ta’ kuntatt aġġornata. Din id-data għandha tidentifika biss il-funzjonijiet, l-uffiċċji u d-dipartimenti uffiċjali. L-ebda data ma għandha tidentifika xi persuna fiżika, numru ta’ kuntatt jew element ta’ data ieħor.

4.   L-Istati Membri li jkunu ngħataw deroga mill-fażi nazzjonali, f’konformità mal-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2023/2411, għandhom, minbarra l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, jikkomunikaw lill-Uffiċċju u lill-Kummissjoni, fil-kaxxi postali funzjonali speċifiċi rispettivi tagħhom, informazzjoni dwar il-punt uniku ta’ kuntatt imsemmi fl-Artikolu 19(5) tar-Regolament (UE) 2023/2411 sat-2 ta’ Diċembru 2025. Din għandha tinkludi dipartiment u indirizz, indirizz ta’ kaxxa postali elettronika funzjonali, u numru tat-telefown dipartimentali. L-Istati Membri għandhom iżommu l-informazzjoni dwar dawn il-punti uniċi ta’ kuntatt aġġornata. Din id-data għandha tidentifika biss il-funzjonijiet, l-uffiċċji u d-dipartimenti uffiċjali. L-ebda data ma għandha tidentifika xi persuna fiżika, numru ta’ kuntatt jew element ta’ data ieħor.

5.   L-Uffiċċju u l-Kummissjoni jistgħu jżommu, jaħżnu, jikkondividu, jippubblikaw u jiċċirkolaw perjodikament il-lista sħiħa ta’ dawn il-punti ta’ kuntatt, inkluż billi jikkondividuha mas-servizzi tagħhom stess, lil istituzzjonijiet u korpi oħra tal-Unjoni, u lill-punti ta’ kuntatt kollha fil-lista. L-Uffiċċju jista’ jirrikjedi li din id-data tiġi sottomessa permezz tas-sistema diġitali tiegħu.

Artikolu 39

Sottomissjoni u wasla tal-komunikazzjonijiet

1.   Kwalunkwe komunikazzjoni u sottomissjoni msemmija fir-Regolament (UE) 2023/2411, fir-Regolament Delegat C(2025) 9101 u f’dan ir-Regolament għandha titqies li tkun saret fid-data li fiha tiġi riċevuta mill-Uffiċċju permezz tas-sistema diġitali tiegħu jew, meta jkun rilevanti, mill-Kummissjoni fil-kaxxa postali funzjonali speċifika tagħha.

2.   Meta komunikazzjoni li tiġi riċevuta ma tkunx kompluta jew ma tkunx tista’ tinqara jew meta l-Uffiċċju jkollu dubji raġonevoli dwar l-akkuratezza tat-trażmissjoni, l-Uffiċċju għandu jinforma lill-emittent dwar dan u għandu jistieden lill-emittent biex, fi żmien perjodu li jispeċifika l-Uffiċċju, jerġa’ jibgħatha permezz tas-sistema diġitali. Meta dik it-talba tiġi rrispettata fil-perjodu speċifikat, id-data tal-wasla tat-trażmissjoni inizjali għandha titqies li hija d-data tal-preżentazzjoni jew tas-sottomissjoni.

3.   L-Uffiċċju għandu jikkonferma l-wasla tan-notifiki, tal-komunikazzjonijiet, tad-dokumenti u tal-informazzjoni kollha riċevuti permezz tas-sistema diġitali lill-partijiet ikkonċernati permezz ta’ dik is-sistema diġitali.

4.   L-Uffiċċju għandu jassenja numru tal-fajl għal kull applikazzjoni ġdida għar-reġistrazzjoni, għal kull emenda, jew għal kull sottomissjoni ta’ oppożizzjoni, avviż ta’ kummenti, kanċellazzjoni jew appell.

5.   Il-konferma tal-wasla għandha tinkludi tal-inqas dawn li ġejjin:

(a)

in-numru tal-fajl;

(b)

l-isem ikkonċernat;

(c)

it-tip ta’ prodott;

(d)

id-data tal-wasla.

Artikolu 40

Eżenzjoni mill-obbligu ta’ traduzzjoni

1.   L-awtorità kompetenti jew il-punt uniku ta’ kuntatt ta’ Stat Membru jista’ jitlob lill-Uffiċċju, permezz ta’ kaxxa postali funzjonali speċifika, biex ma jipprovdix it-traduzzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 16(5) u fl-Artikolu 17(4). Din it-talba għandha tiġi sottomessa qabel l-1 ta’ Mejju 2026. Fit-talba, l-Istat Membru għandu jindika b’mod ċar b’referenza għall-artikoli rilevanti t-traduzzjonijiet li ma jkunx jixtieq jirċievi.

2.   It-talba għal eżenzjoni msemmija fil-paragrafu 1 tista’ tiġi rtirata kompletament jew parzjalment, bl-istess mod kif deskritt f’dak il-paragrafu.

Artikolu 41

Informazzjoni li għandha ssir disponibbli għall-pubbliku

L-informazzjoni li l-Uffiċċju għandu jagħmel pubblika, f’konformità mar-Regolament (UE) 2023/2411, mar-Regolament Delegat C(2025) 9101 u ma’ dan ir-Regolament, għandha tiġi ppubblikata permezz tas-sistema tal-IT skont l-Artikolu 67 tar-Regolament (UE) 2023/2411, sakemm ma jkunx espressament previst mod ieħor.

TAQSIMA 12

DĦUL FIS-SEĦĦ U APPLIKAZZJONI

Artikolu 42

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ Settembru 2025.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L, 2023/2411, 27.10.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/2411/oj.

(2)   ĠU L 271, 24.10.2019, p. 12, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2019/1754/oj.

(3)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni C(2025) 9101 tad-29 ta’ Settembru 2025 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2023/2411 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi għall-prodotti artiġjanali u industrijali (għadu mhux ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali).

(4)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1987/2658/oj).

(5)  Ir-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 154, 16.6.2017, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2017/1001/oj).

(6)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/26 tat-30 ta’ Ottubru 2024 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2024/1143 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-reġistrazzjonijiet, l-emendi, il-kanċellazzjonijiet, l-infurzar tal-protezzjoni, it-tikkettar u l-komunikazzjoni fir-rigward tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u l-ispeċjalitajiet tradizzjonali garantiti, u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/34 fir-rigward tal-indikazzjonijiet ġeografiċi fis-settur tal-inbid, u li jħassar ir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 668/2014 u (UE) 2021/1236 (ĠU L, 2025/26, 15.1.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/26/oj).


ANNESS I

IR-RIPRODUZZJONI TAS-SIMBOLI TAL-UNJONI U TAL-INDIKAZZJONIJIET GĦALL-IĠP

1.   Is-simboli tal-Unjoni bil-kulur

Meta jintużaw bil-kulur, jistgħu jintużaw kuluri diretti (Pantone) jew proċess ta’ erba’ kuluri. Il-kuluri ta’ referenza huma indikati hawn taħt.

Is-simboli tal-Unjoni bis-sistema tal-pantone:

Image 1

Is-simboli tal-Unjoni bil-proċess ta’ erba’ kuluri:

Image 2

Il-kuntrast mal-kuluri tal-isfond

Jekk simbolu jintuża bil-kulur fuq sfond ikkulurit, li jagħmilha diffiċli biex jintgħaraf, jenħtieġ li jintuża ċirku estern ta’ delinjazzjoni madwar is-simbolu sabiex jinqala’ iktar minn mal-isfond:

Image 3

2.   Is-simboli tal-Unjoni bl-abjad u iswed

L-użu tas-simboli bl-abjad u iswed huwa permess biss meta l-iswed u l-abjad ikunu l-uniċi kuluri tal-linka li jintużaw fuq l-imballaġġ.

Meta jintużaw bl-abjad u iswed, is-simboli tal-Unjoni jiġu riprodotti kif ġej:

Image 4

Is-simboli tal-Unjoni bl-abjad u iswed bħala negattiva

Jekk l-isfond fuq l-imballaġġ jew fuq it-tikketta jkun skur, is-simboli jistgħu jintużaw fil-format ta’ negattiva, kif ġej:

Image 5

3.   It-tipografija

Għat-test għandhom jintużaw ittri kapitali tat-Times Roman.

4.   Tnaqqis

Id-daqs minimu tas-simboli tal-Unjoni huwa dijametru ta’ 15-il mm, iżda dan jista’ jiċċekken għal 10 mm f’każ ta’ pakketti jew prodotti żgħar.

5.    “Indikazzjoni Ġeografika Protetta” u t-taqsira tagħha bil-lingwi tal-UE

Lingwa tal-UE | Terminu | Taqsira |

BG | защитено географско указание | ЗГУ |

ES | indicación geográfica protegida | IGP |

CS | chráněné zeměpisné označení | CHZO |

DA | beskyttet geografisk betegnelse | BGB |

DE | geschützte geografische Angabe | g.g.A. |

ET | kaitstud geograafiline tähis | KGT |

EL | προστατευόμενη γεωγραφική ένδειξη | ΠΓΕ |

EN | protected geographical indication | PGI |

FR | indication géographique protégée | IGP |

GA | tásc geografach faoi chosaint | TGFC |

HR | zaštićena oznaka zemljopisnog podrijetla | ZOZP |

IT | indicazione geografica protetta | IGP |

LV | aizsargāta ģeogrāfiskās izcelsmes norāde | AĢIN |

LT | saugoma geografinė nuoroda | SGN |

HU | oltalom alatt álló földrajzi jelzés | OFJ |

MT | indikazzjoni ġeografika protetta | IĠP |

NL | beschermde geografische aanduiding | BGA |

PL | chronione oznaczenie geograficzne | CHOG |

PT | indicação geográfica protegida | IGP |

RO | indicație geografică protejată | IGP |

SK | chránené zemepisné označenie | CHZO |

SL | zaščitena geografska označba | ZGO |

FI | suojattu maantieteellinen merkintä | SMM |

SV | skyddad geografisk beteckning | SGB |


ANNESS II

IT-TARIFFI

1.   L-ammonti tat-tarifi kif imsemmi fl-Artikolu 65 (3) u (4) tar-Regolament (UE) 2023/2411

It-tariffi li għandhom jitħallsu lill-Uffiċċju skont ir-Regolament (UE) 2023/2411 għandhom ikunu kif ġej (f’EUR):

1.

It-tariffa għall-ipproċessar ta’ reġistrazzjoni diretta (Artikolu 65(3)(a)):

EUR 1 500

2.

It-tariffa għall-ipproċessar ta’ applikazzjoni għal indikazzjoni ġeografika li tikkonċerna prodotti li joriġinaw minn pajjiż terz (Artikolu 65(3)(b)):

EUR 1 500

3.

It-tariffa għall-ipproċessar ta’ applikazzjoni għal emenda tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott (l-Artikolu 65(4)):

EUR 750

4.

It-tariffa għal talba għall-kanċellazzjoni (l-Artikolu 65(4)), ħlief għas-sitwazzjonijiet imsemmijin fl-Artikolu 32(3) jew fl-Artikolu 32(5) tar-Regolament (UE) 2023/2411:

EUR 630

5.

It-tariffa tal-appelli (Artikolu 65(3(c)):

EUR 720


ANNESS III

IĊ-ĊERTIFIKAT TA’ AWTORIZZAZZJONI

Ċertifikat ta’ awtorizzazzjoni jew elenkar tal-produtturi konformi ma’ speċifikazzjoni tal-prodott ta’ indikazzjoni ġeografika għall-prodotti artiġjanali u industrijali, skont l-Artikoli 32 u 36 ta’ dan ir-Regolament:

Dan id-dokument jattesta li l-produttur jew proċessur huwa ċċertifikat biex jiddeżinja prodott bħala Indikazzjoni Ġeografika (IĠ) protetta f’konformità mar-Regolament (UE) 2023/2411

1.

Indikazzjoni Ġeografika (IĠ) Protetta (*1)

[IĠ kif imniżżla fir-reġistru tal-Unjoni]

 

2.

Il-kategorija tal-prodott artiġjanali u industrijali (*1)

 

3.

Il-produttur (*1) li għalih japplika ċ-ċertifikat

[l-isem kummerċjali, id-dettalji ta’ kuntatt, u n-numru tal-produttur]

 

4.

Il-korp taċ-ċertifikazzjoni tal-prodotti jew l-awtorità tal-ħruġ (*1)

[l-isem kummerċjali u d-dettalji ta’ kuntatt]

 

5.

Referenza

[fakultattiva għall-korp taċ-ċertifikazzjoni tal-prodotti jew għall-awtorità tal-ħruġ]

 

6.

In-negozju tal-produttur jew proċessur li għalihom tapplika ċ-ċertifikazzjoni (*1)

[“produzzjoni”, “ipproċessar”, “(ippakkjar)”, jew “ieħor (speċifika)”– inkludi dak kollu li japplika]

 

7.

Id-data tal-ħruġ taċ-ċertifikat jew id-data li fiha tfasslet il-lista (il-lista tista’ tkun l-estratt rilevanti) (*1)

[jj.xx.ssss]

 

8.

Il-firma, is-siġill jew il-marka tal-korp taċ-ċertifikazzjoni tal-prodotti jew tal-awtorità tal-ħruġ (*1)

 


(*1)  Obbligatorji.


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/1956/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)