27.3.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 85/1


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 274/2008

tas-17 ta’ Marzu 2008

li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 918/83 li jwaqqaf sistema Komunitarja ta’ eżenzjoniiet minn dazju doganali

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 26 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Billi:

(1)

Oġġetti importati b’eżenzjoni mid-dazji tat-Tariffi Doganali Komuni (TDK) kif previst mir-Regolament (KEE) Nru 918/83 (1), m’għandhomx ikollhom effetti inġurjużi sinifikanti fuq l-industrija Komunitarja minħabba r-restrizzjonijiet dwar il-kwantitajiet jew valuri importati, l-użu tagħhom u/jew għal kontrolli doganali wara l-importazzjoni. Huwa għalhekk xieraq li l-importazzjonijiet ta’ oġġetti li jibbenefikaw minn eżenzjoni mid-dazju jkunu esklużi mill-applikazzjoni ta’ miżuri li jipproteġu l-kummerċ imposta abbażi ta’ l-Artikolu 133 tat-Trattat.

(2)

Importazzjonijiet ta’ affarijiet tad-dar biex jgħammru residenza sekondarja huma soġġetti għall-istess restrizzjonijiet u kontrolli bħall-istess oġġetti importati minn persuni fiżiċi li jitrasferixxu l-post ta’ residenza normali tagħhom minn pajjiż terz. Għalkemm jinħoloq l-istess piż amministrattiv għall-persuni li jimportaw u l-amministrazzjonijiet doganali fl-Istati Membri, il-forom ta’ importazzjonijiet ta’ qabel ma jibbenefikawx mill-eżenzjoni fuq taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) waqt dawk ta’ l-aħħar jibbenefikaw. Barra minn hekk, il-benefiċċji ekonomiċi ta’ ħelsien mid-dazju fuq importazzjonijiet ta’ affarijiet tad-dar biex jgħammru residenza sekondarja huma żgħar meta mqabbla ma’ l-infiq supplimentari tal-kontrolli. Huwa għalhekk xieraq li jitħassru d-dispożizzjonijiet dwar il-ħelsien mid-dazju doganali għal dawk l-oġġetti.

(3)

Il-limitu tal-valur ta’ ECU 22 li huwa stabbilit fl-Artikolu 27 tar-Regolament (KEE) Nru 918/83 ma ġiex miżjud mill-1991, waqt li fl-istess ħin id-dazji doganali tnaqqsu b’mod sinifikattiv jew anke kienu aboliti. Għalhekk, huwa xieraq li l-limitu tal-valur għal konsenji ta’ valur żgħir jiġi miżjud.

(4)

Sabiex jiġi żgurat li l-ebda importazzjoni ta’ oġġetti eżentati mill-VAT li jinsabu fil-bagalji personali ta’ vjaġġaturi ma tkun soġġetta għal dazji doganali, id-dispożizzjonijiet għal dawk l-importazzjonijiet tar-Regolament (KEE) 918/83 għandhom jiġu emendati biex iqisu d-Direttiva tal-Kunsill 2007/74/KE ta’ l-20 ta’ Diċembru 2007 dwar l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud u d-dazju tas-sisa fuq oġġetti importati minn persuni li qed jivvjaġġaw minn pajjiżi terzi (2). Huwa għalhekk xieraq li tingħata eżenzjoni minn dazji doganali fejn il-liġi nazzjonali tal-VAT implimentata skond id-Direttiva 2007/74/KE, tipprovdi għal eżenzjoni mill-VAT. F’dan il-kuntest jeħtieġ li jkun żgurat li l-istess dispożizzjonijiet għal ħelsien mid-dazju japplikaw fit-territorji stipulati fl-Artikolu 6 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (3).

(5)

Ir-Regolament (KEE) Nru 918/83 għandu għalhekk jiġi emendat kif xieraq,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KEE) Nru 918/83 huwa b’dan emendat kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 1, il-paragrafu 1 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Dan ir-Regolament jistipula dawk il-każijiet li fihom, minħabba ċirkustanzi speċjali, ħelsien minn dazji ta’ importazzjoni u esportazzjoni u miżuri adottati abbażi l-Artikolu 133 tat-Trattat għandhom jingħataw rispettivament meta oġġetti huma rilaxxati għal ċirkolazzjoni libera jew jiġu esportati mit-territorju doganali tal-Komunità.”;

(2)

fil-Kapitolu I, it-Titolu IV għandu jiġi mħassar;

(3)

fl-Artikolu 27 il-valur ta’ l-ECU 22 għandu jiġi sostitwit b’EUR 150;

(4)

l-Artikolu 45 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 45

Oġġetti li jinstabu fil-bagalji personali ta’ vjaġġaturi li ġejjin minn pajjiż terz għandhom jiddaħlu ħielsa minn dazji ta’ importazzjoni, sakemm dawn l-importazzjonijiet huma eżentati minn taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) skond id-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali adottata skond id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 2007/74/KE ta’ l-20 ta’ Diċembru 2007 dwar l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud u d-dazju tas-sisa fuq oġġetti importati minn persuni li jkunu qed jivvjaġġaw minn pajjiżi terzi (*1).

Oġġetti importati f’territorji elenkati fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (*2) għandhom ikunu soġġetti għall-istess dispożizzjonijiet dwar ħelsien mid-dazju bħall-oġġetti importati fi kwalunkwe parti tat-territorju ta’ l-Istat Membru kkonċernat.

(*1)   ĠU L 346, 29.12.2007, p. 6."

(*2)   ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2008/78/KE (ĠU L 44, 20.2.2008, p. 11).”;"

(5)

l-Artikoli 46 sa 49 għandhom jiġu mħassra;

(6)

fl-Artikolu 127, għandu jiżdied il-paragrafu li ġej:

“3.   Oġġetti li jistgħu jiġu importati taħt ħelsien minn dazji skond dan ir-Regolament ma għandhomx ikunu soġġetti għal restrizzjonijiet kwantitattivi applikati skond il-miżuri adottati abbażi ta’ l-Artikolu 133 tat-Trattat.”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Dan għandu japplika mill-1 ta’ Diċembru 2008.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 17 ta’ Marzu 2008.

Għall-Kunsill

Il-President

I. JARC


(1)   ĠU L 105, 23.4.1983, p. 1. Ir-Regolament kif l-aħħar emendat mill-Att ta’ Adeżjoni ta’ l-2003

(2)   ĠU L 346, 29.12.2007, p. 6.

(3)   ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 2008/8/KE (ĠU L 44, 20.2.2008, p. 11).