18.5.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 139/218


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/780

tat-13 ta’ April 2022

dwar l-inkonsistenza ta’ ċerti miri tal-prestazzjoni li jinsabu fl-abbozz ta’ pjan tal-prestazzjoni ta’ blokk ta’ spazju tal-ajru funzjonali sottomess mill-Iżvizzera skont ir-Regolament (KE) Nru 549/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill mal-miri tal-prestazzjoni tal-Unjoni kollha għat-tielet perjodu referenzjarju u li tistabbilixxi rakkomandazzjonijiet għar-reviżjoni ta’ dawk il-miri

(notifikata bid-dokument C(2022) 2313)

(It-testi bil-Ġermaniż, bil-Franċiż u bit-Taljan biss huma awtentiċi)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar it-Trasport bl-Ajru (“il-Ftehim”) (1),

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 549/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2004 li jippreskrivi l-qafas għall-ħolqien tal-Ajru Uniku Ewropew (ir-Regolament qafas) (2) u, b’mod partikolari, it-tieni subparagrafu tal-punt (c) tal-Artikolu 11(3) tiegħu,

Wara li kkonsultat mal-Kumitat dwar l-Ajru Uniku,

Billi:

KUNSIDERAZZJONIJIET ĠENERALI

Sfond

(1)

Skont l-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 549/2004 għandha tiġi stabbilita skema ta’ prestazzjoni għas-servizzi ta’ navigazzjoni tal-ajru u għall-funzjonijiet tan-network. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 10 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/317 (3) l-Istati Membri għandhom ifasslu, fil-livell nazzjonali jew fil-livell tal-blokok ta’ spazju tal-ajru funzjonali (“FABs”), miri tal-prestazzjoni vinkolanti għal kull perjodu referenzjarju tal-iskema ta’ prestazzjoni għas-servizzi ta’ navigazzjoni bl-ajru u għall-funzjonijiet tan-network. Dawk il-miri tal-prestazzjoni għandhom ikunu konsistenti mal-miri għall-Unjoni kollha adottati mill-Kummissjoni għall-perjodu referenzjarju kkonċernat. Il-Kummissjoni hija responsabbli biex tivvaluta jekk il-miri tal-prestazzjoni proposti li jinsabu fl-abbozzi tal-pjanijiet tal-prestazzjoni humiex konsistenti mal-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha, abbażi tal-kriterji ta’ valutazzjoni stabbiliti fl-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317.

(2)

Sa mill-ewwel trimestru tas-sena kalendarja 2020, it-tifqigħa tal-pandemija tal-COVID-19 ħalliet impatt sinifikanti fuq is-settur tat-trasport bl-ajru u naqqset b’mod konsiderevoli l-volumi tat-traffiku tal-ajru meta mqabbla mal-livelli ta’ qabel il-pandemija, minħabba l-miżuri meħuda mill-Istati Membri u minn pajjiżi terzi biex titrażżan il-pandemija.

(3)

Il-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha għat-tielet perjodu referenzjarju (“RP3”) ġew stabbiliti għall-ewwel darba fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/903 (4). Billi dawk il-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha u l-abbozzi tal-pjanijiet tal-prestazzjoni tal-RP3 sussegwentement sottomessi mill-Istati Membri u mill-Iżvizzera tfasslu qabel ma faqqgħet il-pandemija tal-COVID-19, dawn ma setgħux iqisu ċ-ċirkostanzi li rriżultaw u li nbidlu b’mod sinifikanti għat-trasport bl-ajru.

(4)

B’rispons għall-impatt tal-pandemija tal-COVID-19 fuq il-forniment ta’ servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru, ġew stabbiliti miżuri eċċezzjonali għall-RP3, li jidderogaw mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1627 (5). Skont l-Artikolu 2(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1627, fit-2 ta’ Ġunju 2021, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/891 (6) li tistabbilixxi miri tal-prestazzjoni riveduti mal-Unjoni kollha għall-RP3 fl-oqsma ta’ prestazzjoni ewlenin tas-sikurezza, l-ambjent, il-kapaċità u l-kosteffiċjenza.

(5)

L-Istati Membri kollha u l-Iżvizzera żviluppaw u adottaw abbozzi ta’ pjanijiet tal-prestazzjoni li fihom miri tal-prestazzjoni lokali riveduti għall-RP3, li ġew sottomessi lill-Kummissjoni għall-valutazzjoni sal-1 ta’ Ottubru 2021. L-Iżvizzera ssottomettiet lill-Kummissjoni l-abbozz tal-pjan ta’ prestazzjoni tagħha fil-livell tal-FAB, f’dan il-każ fil-livell tal-Blokk tal-Ispazju tal-Ajru Funzjonali tal-Ewropa Ċentrali (“FABEC”). Wara l-verifika tal-kompletezza tal-abbozz tal-pjan ta’ prestazzjoni tal-FABEC, il-Kummissjoni talbet lill-FABEC biex jissottometti abbozz aġġornat ta’ pjan tal-prestazzjoni sas-17 ta’ Novembru 2021. Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni inkluża f’din id-Deċiżjoni hija bbażata fuq l-abbozz aġġornat ta’ pjan tal-prestazzjoni tal-FABEC sottomess mill-Iżvizzera u mill-Istati Membri li jinkludu l-FABEC.

(6)

Il-korp ta’ analiżi tal-prestazzjoni, li jassisti lill-Kummissjoni fl-implimentazzjoni tal-iskema ta’ prestazzjoni skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 549/2004, issottometta lill-Kummissjoni rapport li fih il-parir tiegħu dwar il-valutazzjoni tal-abbozzi ta’ pjanijiet tal-prestazzjoni tal-RP3.

(7)

Din id-Deċiżjoni tkopri biss l-abbozzi tal-miri ta’ prestazzjoni u l-elementi relatati li jinsabu fl-abbozz tal-pjan ta’ prestazzjoni tal-FABEC li japplikaw direttament għall-fornitur tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru maħtur biex jipprovdi servizzi fl-ispazju tal-ajru tal-Iżvizzera.

Approċċ għall-valutazzjoni

(8)

F’konformità mal-Artikolu 14(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, il-Kummissjoni vvalutat il-konsistenza tal-miri nazzjonali jew tal-miri fil-livell tal-FABs abbażi tal-kriterji ta’ valutazzjoni stipulati fil-punt 1 tal-Anness IV ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni, u qieset iċ-ċirkostanzi lokali. Fir-rigward ta’ kull qasam ewlieni ta’ prestazzjoni u l-miri ta’ prestazzjoni relatati, il-Kummissjoni kkomplementat il-valutazzjoni billi rrieżaminat l-abbozzi tal-pjanijiet ta’ prestazzjoni fir-rigward tal-elementi stabbiliti fil-punt 2 tal-Anness IV ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni.

(9)

Fir-rigward tal-qasam ewlieni ta’ prestazzjoni tas-sikurezza, il-Kummissjoni vvalutat il-konsistenza tal-miri sottomessi mill-Iżvizzera, kif stipulati fl-abbozz tal-pjan ta’ prestazzjoni tal-FABEC, rigward l-effettività tal-ġestjoni tas-sikurezza tal-fornituri ta’ servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru abbażi tal-kriterju stipulat fil-punt 1.1 tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317. Dik il-valutazzjoni saret filwaqt li tqiesu ċ-ċirkostanzi lokali u ġiet ikkomplementata bir-rieżami tal-miżuri ppjanati għall-ilħuq tal-miri tas-sikurezza fir-rigward tal-elementi stabbiliti fil-punt 2.1.(a) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317. Il-Kummissjoni kkonkludiet li l-miri lokali tal-prestazzjoni tas-sikurezza proposti mill-Iżvizzera u mill-Istati Membri li huma parti mill-FABEC, kif stipulat fl-abbozz tal-pjan ta’ prestazzjoni tal-FABEC, ma wasslux għal tħassib fir-rigward tal-konsistenza tagħhom mal-miri ta’ prestazzjoni korrispondenti għall-Unjoni kollha u, għalhekk, ma ġiet stabbilita l-ebda sejba relatata f’din id-Deċiżjoni.

(10)

Fir-rigward tal-qasam ewlieni ta’ prestazzjoni tal-ambjent, il-konsistenza tal-miri sottomessi mill-Iżvizzera, kif stipulati fl-abbozz tal-pjan ta’ prestazzjoni tal-FABEC, rigward l-effiċjenza medja tat-titjir orizzontali en route tat-trajettorja effettiva, ġiet ivvalutata abbażi tal-kriterju stipulat fil-punt 1.2 tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317. Għaldaqstant, il-miri proposti li jinsabu fl-abbozz tal-pjan ta’ prestazzjoni tal-FABEC tqabblu mal-valuri referenzjarji rilevanti tal-effiċjenza tat-titjir orizzontali en route stabbiliti fil-Pjan ta’ Titjib tan-Network Ewropew tar-Rotot. Dik il-valutazzjoni saret filwaqt li tqiesu ċ-ċirkostanzi lokali u ġiet ikkomplementata bir-rieżami tal-miżuri ppjanati għall-ilħuq tal-miri tal-ambjent fir-rigward tal-elementi stabbiliti fil-punt 2.1(a) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317.

(11)

Fir-rigward tas-sena kalendarja 2020, il-mira tal-prestazzjoni għall-Unjoni kollha għall-RP3 fil-qasam ewlieni ta’ prestazzjoni tal-ambjent, li inizjalment ġiet stabbilita fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/903, ma ġietx riveduta bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/891, meta wieħed iqis li l-perjodu ta’ żmien għall-applikazzjoni ta’dik il-mira kien skada u li, b’hekk, l-implimentazzjoni tagħha kienet saret definittiva, b’mod li ma tħalli l-ebda possibbiltà għal aġġustament retroattiv. Għaldaqstant, ma kienx xieraq li l-Istati Membri u l-Iżvizzera jirrevedu, fl-abbozz tal-pjanijiet ta’ prestazzjoni sottomessi sal-1 ta’ Ottubru 2021, il-miri ta’ prestazzjoni lokali tagħhom għas-sena kalendarja 2020 fil-qasam ewlieni ta’ prestazzjoni tal-ambjent. Fid-dawl ta’ dawk il-kunsiderazzjonijiet, il-konsistenza tal-miri tal-prestazzjoni ambjentali lokali mal-miri ta’ prestazzjoni korrispondenti għall-Unjoni kollha ġiet ivvalutata fir-rigward tas-snin kalendarji 2021, 2022, 2023 u 2024. Fuq dik il-bażi, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-miri tal-prestazzjoni ambjentali lokali proposti mill-Iżvizzera u mill-Istati Membri li huma parti mill-FABEC, kif stipulati fl-abbozz tal-pjan ta’ prestazzjoni tal-FABEC, ma qajmux tħassib fir-rigward tal-konsistenza tagħhom mal-miri tal-prestazzjoni korrispondenti għall-Unjoni kollha u, għalhekk, ma hemm l-ebda sejba relatata stabbilita f’din id-Deċiżjoni.

(12)

Fir-rigward tal-qasam ewlieni ta’ prestazzjoni tal-kapaċità, il-konsistenza tal-miri sottomessi mill-Iżvizzera, kif stipulat fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni tal-FABEC, rigward id-dewmien medju tal-ġestjoni tal-fluss tat-traffiku tal-ajru (“ATFM”) en route għal kull titjira, ġiet ivvalutata abbażi tal-kriterju stipulat fil-punt 1.3 tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317. Għaldaqstant, il-miri proposti li jinsabu fl-abbozz tal-pjan ta’ prestazzjoni tal-FABEC tqabblu mal-valuri referenzjarji rilevanti stabbiliti fil-Pjan Operattiv tan-Network. Dik il-valutazzjoni saret filwaqt li tqiesu ċ-ċirkostanzi lokali u ġiet ikkomplementata bir-rieżami tal-miżuri ppjanati għall-ilħuq tal-miri tal-kapaċità en route, inkluż, b’mod partikolari, ir-rieżami tal-investimenti maġġuri ppjanati u r-rieżami tal-iskema jew tal-iskemi ta’ inċentivi fir-rigward tal-elementi stabbiliti fil-punt 2.1(a) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317.

(13)

Fir-rigward tas-sena kalendarja 2020, il-mira ta’ prestazzjoni għall-Unjoni kollha għall-RP3 fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-kapaċità, li inizjalment ġiet stabbilita fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/903, ma ġietx riveduta bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/891, meta wieħed iqis li l-perjodu ta’ żmien għall-applikazzjoni ta’ dik il-mira kien skada u li, b’hekk, l-implimentazzjoni tagħha kienet saret definittiva, b’mod li ma tħalli l-ebda possibbiltà għal aġġustament retroattiv. Għaldaqstant, ma kienx xieraq li l-Istati Membri u l-Iżvizzera jirrevedu, fl-abbozzi tal-pjanijiet ta’ prestazzjoni sottomessi sal-1 ta’ Ottubru 2021, il-miri tal-prestazzjoni lokali tagħhom għas-sena kalendarja 2020 fil-qasam ewlieni ta’ prestazzjoni tal-kapaċità. Fid-dawl ta’ dawk il-kunsiderazzjonijiet, il-konsistenza tal-miri ta’ prestazzjoni tal-kapaċità lokali mal-miri ta’ prestazzjoni korrispondenti għall-Unjoni kollha ġiet ivvalutata fir-rigward tas-snin kalendarji 2021, 2022, 2023 u 2024. Fuq dik il-bażi, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-miri tal-prestazzjoni tal-kapaċità lokali proposti mill-Iżvizzera u mill-Istati Membri li huma parti mill-FABEC, kif stipulati fl-abbozz tal-pjan ta’ prestazzjoni tal-FABEC, ma qajmux tħassib fir-rigward tal-konsistenza tagħhom mal-miri tal-prestazzjoni korrispondenti għall-Unjoni kollha u, għalhekk, ma hemm l-ebda sejba relatata stabbilita f’din id-Deċiżjoni.

(14)

Barra minn hekk, b’rabta mal-valutazzjoni tal-abbozzi ta’ miri tal-kapaċità, għall-ajruporti li huma fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317 f’konformità mal-Artikolu 1(3) u (4) ta’ dak ir-Regolament, il-Kummissjoni kkomplementat il-valutazzjoni tagħha bir-rieżami tal-abbozzi ta’ miri tal-kapaċità tal-Iżvizzera, kif stipulati fl-abbozz tal-pjan ta’ prestazzjoni tal-FABEC, għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru fit-terminal f’konformità mal-punt 2.1(b) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317. Billi dawk l-abbozzi ta’ miri ma nstabux li jqajmu tħassib fir-rigward tal-Iżvizzera, ma huwiex meħtieġ li tiġi stabbilita kwalunkwe sejba relatata f’din id-Deċiżjoni.

(15)

Fir-rigward tal-qasam ewlieni ta’ prestazzjoni tal-kosteffiċjenza, il-konsistenza tal-miri sottomessi mill-Iżvizzera, kif stipulati fl-abbozz tal-pjan ta’ prestazzjoni tal-FABEC, rigward il-kostijiet iddeterminati għal kull unità (“DUC”) għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru en route ġiet ivvalutata abbażi tal-kriterji stipulati fil-punti 1.4(a), 1.4(b) u 1.4(c) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317. Dawk il-kriterji jikkonsistu prinċipalment fix-xejra tal-kost iddeterminat għal kull unità matul l-RP3, ix-xejra fit-tul tal-kost iddeterminat għal kull unità matul it-tieni perjodu referenzjarju (“RP2”) u l-RP3 (2015-2024), u l-valur bażi għall-kost iddeterminat għal kull unità fil-livell taż-żona tal-imposti meta mqabbel mal-valur medju taż-żoni tal-imposti, fejn il-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru jkollhom ambjent operattiv u ekonomiku simili. Fejn il-miri ta’ kosteffiċjenza en route nstabu li kienu inkonsistenti mal-kriterji stipulati fil-punt 1.4(a), (b) u (c) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, il-Kummissjoni eżaminat ulterjorment jekk devjazzjoni tistax titqies bħala meħtieġa u proporzjonata abbażi tal-punt 1.4(d) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317.

(16)

Fuq dik il-bażi, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-miri lokali tal-prestazzjoni tal-kosteffiċjenza proposti għaż-żona tal-imposti en route tal-Iżvizzera, kif stipulati fl-abbozz tal-pjan ta’ prestazzjoni tal-FABEC, ma jwasslux għal tħassib fir-rigward tal-konsistenza tagħhom mal-miri ta’ prestazzjoni korrispondenti għall-Unjoni kollha u, għalhekk, ma hemm l-ebda sejba relatata stabbilita f’din id-Deċiżjoni.

(17)

Il-valutazzjoni tal-miri tal-kosteffiċjenza en route saret filwaqt li tqiesu ċ-ċirkostanzi lokali. Hija ġiet ikkomplementata bir-rieżami tal-elementi stipulati fil-punt 2 tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, jiġifieri l-fatturi u l-parametri ewlenin li fuqhom huma bbażati dawk il-miri kif speċifikat taħt il-punt 2.1(d) ta’ dak l-Anness. Billi nstab li ċerti fatturi u parametri ewlenin li fuqhom huma bbażati dawk il-miri jqajmu tħassib fir-rigward tal-Iżvizzera, is-sejbiet relatati huma stabbiliti f’din id-Deċiżjoni.

(18)

Barra minn hekk, b’rabta mal-valutazzjoni tal-abbozzi ta’ miri tal-kosteffiċjenza, għall-ajruporti li huma fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317 f’konformità mal-Artikolu 1(3) u (4) ta’ dak ir-Regolament, il-Kummissjoni kkomplementat ir-rieżami tagħha bil-valutazzjoni tal-abbozzi ta’ miri tal-kosteffiċjenza tal-Iżvizzera, kif stipulati fl-abbozz tal-pjan ta’ prestazzjoni tal-FABEC, għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru fit-terminal f’konformità mal-punt 2.1(c) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317. Billi dawk l-abbozzi ta’ miri nstabu li jqajmu tħassib fir-rigward tal-Iżvizzera, is-sejbiet relatati huma stabbiliti f’din id-Deċiżjoni.

(19)

F’konformità mal-punt 2(f) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, b’rabta mal-valutazzjoni tal-abbozzi ta’ miri tal-kapaċità, il-Kummissjoni kkomplementat ir-rieżami tagħha b’valutazzjoni tal-abbozzi ta’ skemi ta’ inċentivi msemmija fl-Artikolu 11 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317. F’dak ir-rigward, il-Kummissjoni eżaminat jekk l-abbozzi ta’ skemi ta’ inċentivi jissodisfawx ir-rekwiżiti sostantivi stabbiliti taħt il-paragrafi 1 u 3 tal-Artikolu 11 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317. Billi dawk l-abbozzi ta’ skemi ta’ inċentivi nstabu li jqajmu tħassib fir-rigward tal-Iżvizzera, is-sejbiet relatati huma stabbiliti f’din id-Deċiżjoni.

Kunsiderazzjonijiet speċjali dwar l-evoluzzjoni tat-traffiku

(20)

It-tbassir tat-traffiku bażi ta’ STATFOR ta’ Ottubru 2021 jipproġetta li t-traffiku tal-ajru fil-livell tal-Unjoni kollha se jilħaq il-livelli tiegħu ta’ qabel il-pandemija matul l-2023 u se jaqbeż dawk il-livelli fl-2024. Madankollu, il-livell ta’ inċertezza fir-rigward tal-iżvilupp tat-traffiku għadu partikolarment għoli minħabba r-riskji relatati mal-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni epidemjoloġika tal-COVID-19. Il-Kummissjoni tinnota li l-irkupru tat-traffiku huwa mistenni li jkun irregolari madwar l-Istati Membri.

(21)

Għaldaqstant, it-tkabbir imbassar tat-traffiku tal-RP3 f’diversi Stati Membri huwa previst li jkun ferm aktar baxx mit-tkabbir medju tat-traffiku fil-livell tal-Unjoni kollha, u l-volumi tat-traffiku tal-RP3 huma mbassra li jibqgħu taħt il-livelli ta’ qabel il-pandemija f’numru minn dawk l-Istati Membri. Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li dan jagħmel l-ilħuq tal-miri tal-kosteffiċjenza għall-Unjoni kollha aktar esiġenti għall-Istati Membri kkonċernati, u qieset dan il-punt meta rrieżaminat iċ-ċirkostanzi lokali rilevanti għall-valutazzjoni ta’ kull abbozz ta’ pjan ta’ prestazzjoni.

VALUTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

Valutazzjoni tal-abbozzi ta’ miri tal-prestazzjoni fil-qasam ewlieni ta’ prestazzjoni tal-kosteffiċjenza

(22)

Fir-rigward tar-rieżami tal-fatturi u l-parametri ewlenin imsemmija fil-punt 2.1.(d) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317 li fuqhom huma bbażati l-abbozzi ta’ miri tal-prestazzjoni tal-FABEC għall-Iżvizzera fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-kosteffiċjenza, il-valutazzjoni tal-Kummissjoni rriżultat fis-sejbiet li ġejjin relatati mal-kostijiet iddeterminati u l-allokazzjoni tagħhom.

(23)

Fir-rigward tal-kostijiet iddeterminati, il-Kummissjoni tosserva li, fl-abbozz tal-pjan ta’ prestazzjoni tal-FABEC, l-Iżvizzera tirrapporta li l-fornitur ta’ servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru en route (Skyguide) applika bidliet fir-rigward tar-regoli ta’ kapitalizzazzjoni ta’ Skyguide, li għandhom l-effett li jżidu l-kostijiet tal-persunal u l-kostijiet operatorji tiegħu, filwaqt li jnaqqsu l-kostijiet tad-deprezzament matul l-RP3. Fil-parir tiegħu lill-Kummissjoni, il-korp ta’ rieżami tal-prestazzjoni huwa tal-fehma li din il-bidla tista’ potenzjalment tfixkel l-implimentazzjoni tal-mekkaniżmu għall-kondiviżjoni tar-riskju tal-kostijiet fir-rigward tal-Iżvizzera. Għalhekk, jenħtieġ li l-motiv u l-implikazzjonijiet tal-metodu applikat jiġu spjegati u ġġustifikati ulterjorment fl-abbozz rivedut tal-pjan ta’ prestazzjoni tal-FABEC f’termini tal-konformità tagħhom mad-dispożizzjonijiet legali rilevanti, inkluż l-Artikolu 28(4) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317.

(24)

Fir-rigward tal-allokazzjoni tal-kostijiet bejn is-servizzi en route u fit-terminal, l-Iżvizzera tintroduċi bidla fil-metodoloġija applikata fir-rigward tat-trattament tal-kostijiet indiretti tal-OPEX. Madankollu, il-Kummissjoni tinnota li, fl-abbozz tal-pjan ta’ prestazzjoni tal-FABEC, l-Iżvizzera ma ddeskrivietx jew ma ġġustifikatx din il-bidla fl-allokazzjoni tal-kostijiet indiretti tal-OPEX bejn is-servizzi en route u fit-terminal. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li jenħtieġ li dan jiġi spjegat u ġġustifikat ulterjorment fl-abbozz rivedut tal-pjan ta’ prestazzjoni.

(25)

Abbażi tas-sejbiet stabbiliti fil-premessi minn (21) sa (41) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni C(2022) 2283 (7), il-miri proposti inklużi fl-abbozz tal-pjan ta’ prestazzjoni tal-FABEC, fir-rigward taż-żona tal-imposti en route tal-Belġju u tal-Lussemburgu, ġew ivvalutati bħala inkonsistenti mal-miri tal-prestazzjoni għall-Unjoni kollha fil-qasam ewlieni ta’ prestazzjoni tal-kosteffiċjenza. Għalhekk, l-Iżvizzera, li flimkien mal-Belġju, Franza, il-Ġermanja, il-Lussemburgu u n-Netherlands żviluppat u ssottomettiet abbozz ta’ pjan ta’ prestazzjoni tal-RP3 fil-livell tal-FAB, jenħtieġ li tissottometti b’mod konġunt abbozz ta’ pjan ta’ prestazzjoni rivedut għall-FABEC li jindirizza r-rakkomandazzjonijiet stabbiliti f’din id-Deċiżjoni u fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni C(2022) 2283.

Rieżami tal-abbozzi tal-miri tal-kosteffiċjenza għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru fit-terminal

(26)

Il-Kummissjoni għandha tħassib fir-rigward tal-abbozzi tal-miri ta’ prestazzjoni sottomessi mill-Iżvizzera, kif stipulati fl-abbozz tal-pjan ta’ prestazzjoni tal-FABEC, dwar ix-xejra tal-kostijiet iddeterminati għal kull unità fit-terminal f’konformità mal-punt 2(c) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317.

(27)

L-ewwel nett, meta qabblet ix-xejra tal-kostijiet iddeterminati għal kull unità fit-terminal matul l-RP3 max-xejra tal-kostijiet iddeterminati għal kull unità en route, il-Kummissjoni sabet li x-xejra tal-kostijiet iddeterminati għal kull unità fit-terminal taż-żona tal-imposti fit-terminal tal-Iżvizzera ta’ +2,7 % hija ogħla mix-xejra tal-kostijiet iddeterminati għal kull unità en route tal-Iżvizzera fil-livell taż-żona tal-imposti ta’ -0,5 % matul l-RP3.

(28)

It-tieni nett, il-Kummissjoni tqis li l-abbozz tal-miri għax-xejra tal-kostijiet iddeterminati għal kull unità fit-terminal għaż-żona tal-imposti fit-terminal tal-Iżvizzera ta’ +2,7 % matul l-RP3 huwa ogħla mix-xejra attwali tal-kostijiet iddeterminati għal kull unità fit-terminal ta’ -3,4 % osservata matul l-RP2. Dik id-differenza tidher li hija dovuta għal żidiet sinifikanti fil-kostijiet iddeterminati fit-terminal matul l-RP3, speċjalment fir-rigward ta’ kostijiet operazzjonali u ta’ deprezzament oħrajn.

(29)

It-tielet, meta tqabbel l-abbozz tal-miri tal-kosteffiċjenza fit-terminal mal-prestazzjoni f’ajruporti simili għall-RP3, il-Kummissjoni tosserva li l-kost iddeterminat għal kull unità għall-ajruporti ta’ Ġinevra u ta’ Zurich huwa stmat li huwa ferm ogħla mill-kost medjan iddeterminat għal kull unità tal-grupp komparatur rilevanti matul l-RP2 u l-RP3.

(30)

Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li jenħtieġ li l-Iżvizzera tiġġustifika ulterjorment il-miri tal-kosteffiċjenza fit-terminal fid-dawl tal-osservazzjonijiet fil-premessi minn (26) sa (29), jew jenħtieġ li tirrevedi ’l isfel l-abbozz ta’ miri dwar il-kost iddeterminat għal kull unità fit-terminal.

Rieżami tal-iskemi ta’ inċentivi msemmija fl-Artikolu 11 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317 li jikkomplementa l-valutazzjoni mill-Kummissjoni tal-abbozz ta’ miri tal-kapaċità

(31)

B’rabta mal-elementi għal rieżami stabbiliti fil-punt 2.1(f) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, il-Kummissjoni tosserva li l-abbozz ta’ skema ta’ inċentivi tal-kapaċità en route proposta fl-abbozz tal-pjan ta’ prestazzjoni tal-FABEC jinkludi vantaġġ finanzjarju massimu ugwali għall-iżvantaġġ finanzjarju massimu, li t-tnejn jammontaw għal 0,5 % tal-kostijiet iddeterminati. Il-Kummissjoni tosserva wkoll li l-abbozz tal-iskema ta’ inċentivi tal-kapaċità fit-terminal, proposta mill-Iżvizzera fl-abbozz tal-pjan ta’ prestazzjoni tal-FABEC jinkludi vantaġġ finanzjarju massimu ugwali għall-iżvantaġġ finanzjarju massimu, li t-tnejn jammontaw għal 0,5 % tal-kostijiet iddeterminati.

(32)

Abbażi tal-parir espert ipprovdut mill-korp ta’ rieżami tal-prestazzjoni, il-Kummissjoni għandha dubji kbar dwar jekk l-iżvantaġġi finanzjarji massimi proposti li jirriżultaw minn dawk l-iskemi ta’ inċentivi, li jammontaw għal 0,5 % tal-kostijiet iddeterminati, ikollhomx xi impatt materjali fuq id-dħul f’riskju, kif meħtieġ skont il-punt (a) tal-Artikolu 11(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317.

(33)

Għalhekk, jenħtieġ li fir-rigward tal-abbozz tal-pjan ta’ prestazzjoni sottomess mill-FABEC, l-Iżvizzera tirrevedi l-abbozzi ta’ skemi ta’ inċentivi tagħha biex jintlaħqu l-miri ta’ kapaċità tat-terminal u en route sabiex l-iżvantaġġi finanzjarji massimi li jirriżultaw minn dawk l-iskemi ta’ inċentivi jiġu stabbiliti f’livell li jkollu impatt materjali fuq id-dħul f’riskju, kif meħtieġ espressament taħt il-punt (a) tal-Artikolu 11(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, li fil-fehma tal-Kummissjoni jenħtieġ li jwasslu għal żvantaġġ finanzjarju massimu ugwali għal jew ogħla minn 1 % tal-kostijiet iddeterminati.

KONKLUŻJONIJIET

(34)

B’referenza għad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni C(2022) 2283, il-Kummissjoni sabet li l-abbozz tal-pjan ta’ prestazzjoni sottomess mill-Iżvizzera, bħala parti mill-FABEC, fih ċerti miri ta’ prestazzjoni fir-rigward tal-Belġju u tal-Lussemburgu li huma inkonsistenti mal-miri ta’ prestazzjoni għall-Unjoni kollha.

(35)

Għalhekk, f’konformità mal-Artikolu 14(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, l-Iżvizzera u l-Istati Membri tal-FABEC iridu jissottomettu l-abbozz tal-pjan ta’ prestazzjoni rivedut tagħhom lill-Kummissjoni fi żmien tliet xhur mid-data tal-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, filwaqt li jqisu r-rakkomandazzjonijiet imressqa mill-Kummissjoni.

(36)

Sussegwentement, il-Kummissjoni se tivvaluta l-abbozz rivedut tal-pjan ta’ prestazzjoni fl-intier tiegħu f’konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 15 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, u bħala riżultat ta’ dik il-valutazzjoni sussegwenti, hija tista’ tieħu kwalunkwe pożizzjoni fir-rigward tal-abbozz ta’ miri tal-prestazzjoni u ta’ elementi oħrajn tal-pjanijiet ta’ prestazzjoni li għalihom ma tqajmet l-ebda oġġezzjoni f’din id-Deċiżjoni.

(37)

Skont l-Artikolu 17 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, il-miri stabbiliti fl-aktar verżjoni reċenti tal-abbozz tal-pjan ta’ prestazzjoni għandhom japplikaw fuq bażi provviżorja sakemm il-Kummissjoni tkun ħarġet deċiżjoni dwar il-konsistenza tal-miri tal-prestazzjoni jew tal-miri tal-prestazzjoni riveduti, u wara dan, l-Iżvizzera u l-Istati Membri tal-FABEC huma meħtieġa jadottaw il-pjan ta’ prestazzjoni finali tagħhom.

(38)

Fir-rigward tal-qasam ewlieni ta’ prestazzjoni tal-kosteffiċjenza, l-Artikolu 17 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317 ta effett retroattiv lill-miri li jinsabu fil-pjan ta’ prestazzjoni finali. B’riżultat ta’ dan, kwalunkwe differenza fid-dħul minħabba l-applikazzjoni tar-rata unitarja jew tar-rati unitarji kkalkolati abbażi tal-abbozz tal-pjan ta’ prestazzjoni, minflok ir-rata unitarja jew ir-rati unitarji kkalkolati abbażi tal-pjan ta’ prestazzjoni finali, għandha tiġi saldata permezz tal-aġġustamenti tar-rati unitarji sussegwenti matul l-RP3 li huma regolati ulterjorment mill-miżuri eċċezzjonali għall-RP3 stabbiliti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1627. Konsegwentement, il-Kummissjoni ma hijiex se tikkonkludi dwar il-konformità tar-rati unitarji f’konformità mal-Artikolu 29(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317 qabel ma jkunu ġew adottati l-pjanijiet ta’ prestazzjoni finali rilevanti.

(39)

Il-Kummissjoni tinnota li xi Stati Membri indikaw l-intenzjoni tagħhom li jinkludu elementi ta’ kost relatati mad-detezzjoni tad-droni tal-ajruport fil-bażijiet tal-kostijiet tal-RP3 tagħhom. Ma kienx possibbli li jiġi stabbilit b’mod preċiż, abbażi tal-elementi li jinsabu fl-abbozzi tal-pjanijiet ta’ prestazzjoni, sa liema punt l-Istati Membri inkludew tali kostijiet iddeterminati fil-bażijiet tal-kostijiet tagħhom tal-RP3 u, fejn ikunu ġew inklużi tali kostijiet, sa liema punt jiġu mġarrba b’rabta mal-forniment ta’ servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru u, b’hekk, jistgħu jitqiesu bħala eliġibbli taħt l-iskema ta’ prestazzjoni u ta’ imposti. Is-servizzi tal-Kummissjoni bagħtu talba għal informazzjoni ad hoc lill-Istati Membri kollha sabiex jiġbru l-informazzjoni rilevanti, u se jkomplu jeżaminaw il-kostijiet irrapportati ta’ detezzjoni tad-droni tal-ajruport fil-kuntest tal-verifika tal-konformità tar-rata unitarja. Din id-Deċiżjoni hija mingħajr preġudizzju għas-sejbiet u għall-konklużjonijiet tal-Kummissjoni dwar is-suġġett tal-kostijiet tad-detezzjoni tad-droni.

(40)

Bi tweġiba għall-aggressjoni militari tar-Russja kontra l-Ukrajna, li bdiet fl-24 ta’ Frar 2022, l-Unjoni adottat miżuri restrittivi li jipprojbixxu lit-trasportaturi tal-ajru Russi, lil kwalunkwe inġenju tal-ajru rreġistrat fir-Russja u lil kwalunkwe inġenju tal-ajru mhux irreġistrat fir-Russja li huwa proprjetà ta’ jew mikri b’lokazzjoni, jew inkella li huwa kkontrollat minn kwalunkwe persuna, entità jew korp fiżiku jew ġuridiku Russu milli jinżel fi, jitlaq minn, jew itir fuq it-territorju tal-Unjoni. Dawk il-miżuri qed iwasslu għal tnaqqis fit-traffiku tal-ajru fl-ispazju tal-ajru fuq it-territorju tal-Unjoni. Madankollu, jenħtieġ li l-impatt fil-livell tal-Unjoni ma jkunx komparabbli mat-tnaqqis tat-traffiku tal-ajru li rriżulta mit-tifqigħa tal-pandemija tal-COVID-19 f’Marzu 2020. Għalhekk, huwa xieraq li l-miżuri u l-proċessi eżistenti għall-implimentazzjoni tal-iskema ta’ prestazzjoni u imposti jinżammu fl-RP3. Meta jirrevedu l-miri tal-prestazzjoni lokali li jinsabu fl-abbozz tal-pjan ta’ prestazzjoni tal-FABEC, jenħtieġ li l-Iżvizzera u l-Istati Membri tal-FABEC iqisu kif xieraq l-effetti operazzjonali u finanzjarji tal-bidliet rilevanti fit-traffiku.

(41)

Il-Kummissjoni kkonsultat mal-Iżvizzera dwar ir-rakkomandazzjonijiet stabbiliti f’din id-Deċiżjoni, f’konformità mal-Artikolu 19(2) tal-Ftehim,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-miri ta’ prestazzjoni li jinsabu fl-abbozz tal-pjan ta’ prestazzjoni tal-FABEC sottomess mill-Belġju, mill-Ġermanja, minn Franza, mil-Lussemburgu, min-Netherlands, u mill-Iżvizzera skont ir-Regolament (KE) Nru 549/2004, elenkati fl-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni C(2022) 2283, huma inkonsistenti mal-miri ta’ prestazzjoni għall-Unjoni kollha għat-tielet perjodu referenzjarju stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/891.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Konfederazzjoni Żvizzera.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ April 2022.

Għall-Kummissjoni

Adina VĂLEAN

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 114, 30.4.2002, p. 73.

(2)   ĠU L 96, 31.3.2004, p. 1.

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/317 tal-11 ta’ Frar 2019 li jistabbilixxi skema ta’ prestazzjoni u imposti fl-Ajru Uniku Ewropew u li jħassar ir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 390/2013 u (UE) Nru 391/2013 (ĠU L 56, 25.2.2019, p. 1).

(4)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/903 tad-29 ta’ Mejju 2019 li tistabbilixxi l-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha għan-network tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru għat-tielet perjodu ta’ referenza li jibda fl-1 ta’ Jannar 2020 u li jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2024 (ĠU L 144, 3.6.2019, p. 49).

(5)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1627 tat-3 ta’ Novembru 2020 dwar miżuri eċċezzjonali għat-tielet perjodu ta’ referenza (2020-2024) tal-iskema ta’ prestazzjoni u imposti tal-ajru uniku Ewropew minħabba l-pandemija tal-COVID-19 (ĠU L 366, 4.11.2020, p. 7).

(6)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/891 tat-2 ta’ Ġunju 2021 li tistabbilixxi l-miri tal-prestazzjoni riveduti mal-Unjoni kollha għan-network tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru għat-tielet perjodu referenzjarju (2020-2024) u li tħassar id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/903 (ĠU L 195, 3.6.2021, p. 3).

(7)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-inkonsistenza ta’ ċerti miri tal-prestazzjoni li jinsabu fl-abbozzi tal-pjanijiet tal-prestazzjoni tal-blokok ta’ spazju tal-ajru nazzjonali u funzjonali ppreżentati mill-Belġju, mill-Ġermanja, mill-Greċja, minn Franza, minn Ċipru, mil-Latvja, mil-Lussemburgu, minn Malta, min-Netherlands, mir-Rumanija, u mill-Iżvezja skont ir-Regolament (KE) Nru 549/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill mal-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha għat-tielet perjodu referenzjarju u li tistabbilixxi rakkomandazzjonijiet għar-reviżjoni ta’ dawk il-miri.