Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

16 ta’ Lulju 2026 (*)

“Appell – Miżuri restrittivi meħuda fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Bjelorussja u tal-involviment tal-Bjelorussja fl-aggressjoni Russa kontra l-Ukraina – Listi ta’ persuni, ta’ entitajiet u ta’ korpi li għalihom japplika ffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi – Kriterju ta’ inklużjoni f’dawn il-listi marbut mal-benefiċċju miksub mir-reġim ta’ Lukashenko jew mal-appoġġ tiegħu – Żamma ta’ isem l-appellanti f’dawn il-listi – Kumpannija Bjelorussa attiva fis-settur tal-iżvilupp u tal-kostruzzjoni ta’ proprjetà immobiljari – Raġunijiet għaż-żamma tal-inklużjoni – Is-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE – Terminu għall-preżentata ta’ rikors – Bidu tad-dekorrenza – Komunikazzjoni tal-miżuri restrittivi inkwistjoni lill-avukati tal-appellanti – Inammissibbiltà tar-rikors minħabba tardività – Eżami tal-mertu tar-rikors għal raġunijiet ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja – Motiv ibbażat fuq żbalji ta’ evalwazzjoni li jivvizzjaw ir-raġunijiet taż-żamma tal-inklużjoni”

Fil-Kawża C‑363/25 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fit‑28 ta’ Mejju 2025,

Dana Astra IOOO, stabbilita f’Minsk (il-Bjelorussja), irrappreżentata minn M. Birdling, BL, M. Lester, BL u K.  Van Maldegem, advocaat,

appellanti,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn L. Berger u S. Van Overmeire, bħala aġenti,

konvenut fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il‑Ħames Awla),

komposta minn M. L. Arastey Sahún, Presidenta tal-Awla, J. Passer, E. Regan, D. Gratsias u B. Smulders (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstemgħet l-Avukata Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appell tagħha, Dana Astra IOOO titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tad‑19 ta’ Marzu 2025, Dana Astra vs Il‑Kunsill (T‑281/23, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2025:315), li permezz tagħha hija ċaħdet ir-rikors tagħha intiż għall-annullament, l-ewwel, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/421 tal‑24 ta’ Frar 2023 li temenda d-Deċiżjoni 2012/642/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Belarussja u l-involviment tal-Belarussja fl-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna (ĠU 2023, L 61, p. 41), u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2023/419 tal‑24 ta’ Frar 2023 li jimplimenta l-Artikolu 8a tar-Regolament (KE) Nru 765/2006 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Belarussja u l-involviment tal-Belarussja fl-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna (ĠU 2023, L 61, p. 20, rettifiki fil-ĠU 2023, L 71, p. 45 u fil-ĠU 2023, L 90, p. 65) (iktar ’il quddiem, flimkien, l-“atti ta’ żamma kontenzjużi tal-2023”), u, it-tieni, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2024/769 tas‑26 ta’ Frar 2024 li temenda d-Deċiżjoni 2012/642/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Belarussja u l-involviment tal-Belarussja fl-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna (ĠU L, 2024/769), u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2024/768 tas‑26 ta’ Frar 2024 li jimplimenta l-Artikolu 8a tar-Regolament (KE) Nru 765/2006 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Belarussja u l-involviment tal-Belarussja fl-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna (ĠU L, 2024/768) (iktar ’il quddiem, flimkien, l-“atti ta’ żamma kontenzjużi tal‑2024”), sa fejn dawn l-erba’ atti (iktar ’il quddiem, flimkien, l-“atti kontenzjużi”) jikkonċernawha.

 Il-kuntest ġuridiku u l-fatti li wasslu għall-kawża

2        Għall-finijiet ta’ dan l-appell, il-kuntest fattwali u ġuridiku ta’ din il-kawża, kif espost fil-punti 2 sa 20 tas-sentenza appellata, jista’ jinġabar fil-qosor kif ġej.

3        Din il-kawża tressqet fil-kuntest tal-miżuri restrittivi adottati mill-Unjoni Ewropea sa mill‑2004 minħabba s-sitwazzjoni fil-Bjelorussja fir-rigward tad-demokrazija, tal-Istat tad-dritt u tad-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll, sa mill‑2022, minħabba l-involviment tal-Bjelorussja fl-aggressjoni Russa kontra l-Ukraina.

4        Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta, fit‑18 ta’ Mejju 2006, ir-Regolament (KE) Nru 765/2006 dwar miżuri restrittivi kontra l-President Lukashenko u ċerti uffiċjali tal-Belarus (ĠU 2008, L 352M, p. 432), li t-titolu tiegħu ġie ssostitwit, skont l-Artikolu 1(1) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 588/2011 tal‑20 ta’ Ġunju 2011 (ĠU 2011, L 161, p. 1), b’dak ta’ “Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 765/2006 tat‑18 ta’ Mejju 2006 dwar miżuri restrittivi fir-rigward tal-Bjelorussja”.

5        Fil‑15 ta’ Ottubru 2012, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2012/642/PESK, dwar miżuri restrittivi kontra l-Bjelorussja (ĠU 2012, L 285, p. 1).

6        L-Artikolu 4(1) ta’ din id-deċiżjoni jinqara kif ġej:

“Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu lil, huma l-proprjetà ta’, huma miżmuma minn jew huma kkontrollati minn:

a)      persuni, entitajiet jew korpi responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem jew għar-repressjoni tas-soċjetà ċivili u tal-oppożizzjoni demokratika, jew li l-attivitajiet tagħhom ikunu serjament jipperikolaw id-demokrazija jew l-istat tad-dritt fil-Bjelorussja, jew kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp assoċjati magħhom, kif ukoll persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi li huma proprjetà ta’, jew ikkontrollati minnhom;

b)      persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi li jibbenefikaw mir-reġim ta’ Lukashenk[o] jew jappoġġawh, kif ukoll persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi li huma proprjetà tagħhom jew ikkontrollati minnhom,

kif elenkat fl-Anness għandhom jiġu ffriżati.”

7        L-Artikolu 2(4) u (5) tar-Regolament Nru 765/2006, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1014/2012 tas‑6 ta’ Novembru 2012 (ĠU 2012, L 307, p. 1), jirreferi għall-Artikolu 4(1)(a) u (b) tad-Deċiżjoni 2012/642 u jipprevedi l-istess kriterji ta’ inklużjoni fil-listi ta’ persuni, ta’ entitajiet u ta’ korpi li għalihom japplika l-iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi bħal dawk stabbiliti minn din l-aħħar dispożizzjoni, b’mod partikolari, il-kriterju li jikkorrispondi għall-fatt li “jappoġaw lir-reġim ta’ Lukashenko” jew li “jibbenfikaw” minn dan ir-reġim (iktar ’il quddiem il-“kriterju b)”).

8        Hekk kif jirriżulta mill-premessi tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/2130 tas‑17 ta’ Diċembru 2020 li timplimenta d-Deċiżjoni 2012/642/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Belarussja (ĠU 2020, L 426 I, p. 14), u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/2129 tas‑17 ta’ Diċembru 2020 li jimplimenta l-Artikolu 8a(1) tar-Regolament (KE) Nru 765/2006 dwar miżuri restrittivi fir-rigward tal-Belarussja (ĠU 2020, L 426 I, p. 1), kif ukoll mill-premessi tal-atti kontenzjużi, din il-kawża hija speċifikament marbuta mal-intensifikazzjoni tal-ksur persistenti tad-drittijiet tal-bniedem u tar-repressjoni eżerċitata b’mod brutali fil-konfront tal-opponenti tar-reġim tal-President Lukashenko wara l-elezzjonijiet presidenzjali tad‑9 ta’ Awwissu 2020, li tqiesu inkompatibbli mal-istandards internazzjonali mill-Unjoni, kif ukoll mal-involviment tal-Bjelorussja fl-aggressjoni tal-Federazzjoni Russa kontra l-Ukraina, li tqieset bħala ksur flagranti tal-integrità territorjali, tas-sovranità u tal-indipendenza ta’ dan l-Istat.

9        Permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2020/2130 u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2020/2129, l-entità identifikata bħala “Dana Holdings/Dana Astra” ġiet inkluża fil-listi ta’ persuni, ta’ entitajiet u ta’ korpi suġġetti għall-miżuri restrittivi li jinsabu fl-Anness tad-Deċiżjoni 2012/642 u fl-Anness I tar-Regolament Nru 765/2006 (iktar ’il quddiem, flimkien, il-“listi inkwistjoni”) għar-raġunijiet li ġejjin:

“Dana Holdings/Dana Astra hija waħda mill-iżviluppaturi u l-kostrutturi ewlenin tal-proprjetà immobbli fil-Belarussja. Il-kumpannija rċeviet plottijiet ta’ art għall-iżvilupp ta’ diversi kumplessi residenzjali kbar u ċentri tan-negozju.

Is-sidien ta’ Dana Holdings/Dana Astra għandhom relazzjonijiet mill-qrib ma’ [il-President Loukachenko]. Liliya Lukashenko, bint tar-rispett tal-President, għandha pożizzjoni ta’ kariga għolja fil-kumpannija.

Bħala tali Dana Holdings/Dana Astra qed tibbenefika mir-reġim ta’ [il-President Loukachenko] u qed tappoġġah.”

10      Fil‑25 ta’ Frar 2021, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2021/353, li temenda d-Deċiżjoni 2012/642 (ĠU 2021, L 68, p. 189), u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/339, li jimplimenta l-Artikolu 8a tar-Regolament Nru 765/2006 (ĠU 2021, L 68, p. 29) (iktar ’il quddiem, flimkien, l-“atti ta’ żamma tal‑2021”), li permezz tagħhom l-inklużjoni tal-entità identifikata bħala “Dana Holdings/Dana Astra” fil-listi inkwistjoni nżammet sat‑28 ta’ Frar 2022, peress li r-raġunijiet li jiġġustifikaw din iż-żamma kienu analogi għal dawk li kienu ġġustifikaw l-imsemmija inklużjoni, kif imfakkra fil-punt 9 ta’ din is-sentenza.

11      Fl‑24 ta’ Frar 2022, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2022/307, li temenda d-Deċiżjoni 2012/642 (ĠU 2022, L 46, p. 97), u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/300, li jimplimenta l-Artikolu 8a tar-Regolament Nru 765/2006 (ĠU 2022, L 46, p. 3) (iktar’ il quddiem, flimkien, l-“atti ta’ żamma tal‑2022”), li permezz tagħhom il-miżuri restrittivi fir-rigward tal-appellanti nżammu sat‑28 ta’ Frar 2023 abbażi tar-raġunijiet li ġejjin:

“Dana Astra, preċedentement sussidjarja ta’ Dana Holdings, hija waħda mill-iżviluppaturi u l-kostrutturi ewlenin tal-proprjetà immobbli fil-Belarussja. Il-kumpannija rċeviet drittijiet ta’ żvilupp għal irqajja’ ta’ art u qed tiżviluppa ċ-ċentru multifunzjonali Minsk World, li huwa rreklamat mill-kumpannija bħala l-akbar investiment tat-tip tiegħu fl-Ewropa.

Huwa rrappurtat li l-individwi li jirrappreżentaw lil Dana Astra jżommu relazzjonijiet mill-qrib mal-President [Loukachenko]. Liliya [Loukachenka], bint tar-rispett tal-President, kellha kariga għolja fil-kumpannij.

Għaldaqstant Dana Astra qed tibbenefika mir-reġim ta’ Lukashenka u qed tappoġġah.”

12      L-appellanti ppreżentat rikors kontra l-atti ta’ żamma tal‑2021 u tal‑2022, sa fejn dawn l-atti kienu jikkonċernawha. Dan ir-rikors ġie miċħud bis-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat‑28 ta’ Ġunju 2023, Dana Astra vs Il‑Kunsill (T‑239/21, EU:T:2023:364), u ma kienx is-suġġett ta’ appell. Fil-punt 79 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, wara l-eżami tal-provi prodotti mill-Kunsill, li l-ewwel motiv ta’ żamma ta’ isem tal-appellanti fil-listi inkwistjoni, li jgħid li l-appellanti hija waħda mill-iżviluppaturi prinċipali u kostrutturi tal-proprjetà immobbli fil-Bjelorussja li tiżviluppa ċ-ċentru Minsk World, li hija tippreżenta bħala l-ikbar investiment ta’ dan it-tip fl-Ewropa, fuq irqajja’ ta’ art li għalihom hija rċeviet drittijiet ta’ żvilupp ta’ proprjetà immobbli u f’dan ir-rigward hija tibbenefika mir-reġim tal-President Lukashenko u tappoġġah, huwa sostnut b’mod suffiċjenti fid-dritt.

13      Fl‑24 ta’ Frar 2023, il-Kunsill adotta l-atti ta’ żamma kontenzjużi tal‑2023, li permezz tagħhom l-inklużjoni ta’ isem tal-appellanti fil-listi inkwistjoni nżammet sat‑28 ta’ Frar 2024 għall-istess raġunijiet bħal dawk li ġġustifikaw l-adozzjoni tal-atti ta’ żamma tal‑2022, imsemmija fil-punt 11 ta’ din is-sentenza.

14      Fis‑26 ta’ Frar 2024, il-Kunsill adotta l-atti ta’ żamma kontenzjużi tal‑2024, li permezz tagħhom il-miżuri restrittivi meħuda fil-konfront tal-appellanti ġew estiżi sat‑28 ta’ Frar 2025. F’dawn l-atti, il-Kunsill iġġustifika l-estensjoni ta’ dawn il-miżuri għall-istess raġunijiet bħal dawk imsemmija fil-punt 11 ta’ din is-sentenza.

 Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

15      Permezz ta’ rikors tat‑23 ta’ Mejju 2023, kif sussegwentement adattat, l-appellanti talbet lill-Qorti Ġenerali tannulla l-atti kontenzjużi, sa fejn jikkonċernawha, billi bbażat ruħha fuq motiv uniku, li permezz tiegħu hija sostniet, essenzjalment, li l-motivi msemmija f’dawn l-atti, sa fejn jikkonċernawha, huma vvizzjati bi żbalji ta’ evalwazzjoni u għalhekk ma jistgħux jiġġustifikaw iż-żamma ta’ isimha fil-listi inkwistjoni.

16      Fis-sentenza kkontestata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors tal-appellanti. Għall-finijiet ta’ dan l-appell, din is-sentenza tista’ tinġabar fil-qosor kif ġej.

17      Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali eżaminat, fil-punti 29 sa 62 tas-sentenza appellata, il-kwistjoni dwar jekk, kif sostna l-Kunsill mingħajr madankollu ma qajjem formalment eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, ir-rikors ippreżentat kontra l-atti ta’ żamma kontenzjużi tal‑2023 kien inammissibbli sa fejn ma kienx ġie ppreżentat fit-terminu ta’ xahrejn previst fl-Artikolu 263 TFUE, miżjud bit-terminu wieħed ta’ għaxart ijiem għal raġuni ta’ distanza, li kien wassal ukoll għall-inammissibbiltà tar-rikors sa fejn kien intiż, wara l-adattament tat-talbiet tagħha mill-appellanti, għall-annullament tal-atti ta’ żamma kontenzjużi tal‑2024.

18      Fil-punt 34 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali fakkret li, skont il-ġurisprudenza, bħala prinċipju, il-Kunsill ma jistax jissodisfa l-obbligu ta’ komunikazzjoni lill-persuna kkonċernata ta’ att li jinkludi miżuri restrittivi fir-rigward tagħha billi jindirizza n-notifika ta’ dan l-att lill-avukati li jirrappreżentawha. In-notifika lir-rappreżentant ta’ rikorrent tiswa bħala notifika lid-destinatarju biss meta tali forma ta’ notifika tkun speċifikament prevista minn leġiżlazzjoni, meta jeżisti ftehim f’dan is-sens bejn il-partijiet, jew meta l-avukat ikun debitament awtorizzat sabiex jirċievi tali notifika f’isem il-klijent tiegħu (sentenza tal‑21 ta’ April 2021, El-Qaddafi vs Il‑Kunsill, T‑322/19, EU:T:2021:206, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).

19      Fil-punti 46 sa 60 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżaminat jekk, f’dan il-każ, l-avukati tal-appellanti setgħux jitqiesu li kienu debitament awtorizzati sabiex jirċievu n-notifika tal-atti ta’ żamma kontenzjużi tal‑2023 f’isem din tal-aħħar u kkonkludiet li dan kien il-każ.

20      Sabiex waslet għal din il-konklużjoni, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq interpretazzjoni ta’ mandat tal‑1 ta’ Novembru 2021 li permezz tiegħu r-rappreżentanti tal-appellanti ġew awtorizzati jaġixxu f’isimha fir-rigward tal-miżuri restrittivi adottati fil-konfront tagħha.

21      Fil-punti 50 sa 52 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li, għalkemm dan il-mandat kien ingħata fil-kuntest tal-Kawża T‑239/21, li kienet tikkonċerna l-atti ta’ żamma tal‑2021 u tal‑2022, mill-kliem tiegħu kien jirriżulta, sa fejn kien jawtorizza lill-avukati tal-appellanti jwettqu “kull azzjoni oħra li tista’ tkun neċessarja jew utli fil-kuntest tat-tkomplija ta’ din il-proċedura”, li l-imsemmi mandat ma kienx limitat għar-rappreżentanza tagħha quddiem il-qrati tal-Unjoni fil-kuntest tat-talba tagħha għall-annullament tal-atti ta’ żamma tal‑2021.

22      Fil-punti 56 sa 59 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali żiedet li din l-interpretazzjoni tat-termini tal-mandat tal‑1 ta’ Novembru 2021 hija sostnuta mill-kuntest li fih tagħmel parti l-adozzjoni tal-atti kontenzjużi kif ukoll mill-mod kif il-partijiet aġixxew wara l-komunikazzjoni ta’ dan il-mandat.

23      F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tirrileva, minn naħa, li, wara l-produzzjoni tal-mandat tal‑1 ta’ Novembru 2021, il-korrispondenza kollha skambjata bejn l-appellanti u l-Kunsill dwar l-inklużjoni ta’ isimha fil-listi inkwistjoni saret, fir-rigward tal-appellanti, permezz tal-avukati tagħha u, min-naħa l-oħra, li l-atti ta’ żamma kontenzjużi tal‑2024 ġew innotifikati lilha bl-istess mod bħal dawk tal‑2023, jiġifieri, b’mod partikolari, permezz ta’ ittra rreġistrata b’konferma ta’ rċevuta mibgħuta lill-avukati tagħha, mingħajr ma dan il-metodu ta’ aġir ġie kkontestat mill-appellanti.

24      Minn dan il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punti 60 sa 62 tas-sentenza appellata, minn naħa, li r-rikors, sa fejn kien inizjalment ippreżentat kontra l-atti ta’ żamma kontenzjużi tal‑2023, kellu jiġi miċħud bħala inammissibbli, għaliex tardiv u, min-naħa l-oħra, li r-rikors kellu wkoll jiġi miċħud bħala inammissibbli sa fejn kien dirett kontra l-atti ta’ żamma kontenzjużi tal‑2024, peress li rikorrent jista’ jiġi awtorizzat jadatta t-talbiet u l-motivi tiegħu, quddiem l-okkorrenza ta’ atti ġodda matul l-istanza, biss sa fejn it-talba tiegħu għall-annullament tal-att ikkontestat preċedentement kienet hija stess ammissibbli fid-data tat-tressiq tagħha.

25      Fit-tieni lok, fil-punti 63 sa 110 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali madankollu qieset opportun, għal raġunijiet ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, li tiddeċiedi fuq il-mertu tal-kawża, billi qieset li l-iżvolġiment tal-proċedura kien ippermetta l-istruttorja tal-kawża fuq il-mertu u li l-partijiet kienu nstemgħu dwar dan is-suġġett waqt is-seduta għas-sottomissjonijiet orali.

26      Għalhekk, il-Qorti Ġenerali eżaminat il-motiv uniku mressaq mill-appellanti insostenn tar-rikors tagħha li permezz tiegħu hija sostniet, essenzjalment, li l-motivi tal-atti kontenzjużi li jikkonċernawha kienu vvizzjati bi żbalji ta’ evalwazzjoni u għalhekk ma setgħux jiġġustifikaw iż-żamma ta’ isimha fil-listi inkwistjoni.

27      Fi tmiem dan l-eżami, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 110 tas-sentenza appellata, minn naħa, li l-ewwel motiv ta’ żamma tal-isem tal-appellanti fil-listi inkwistjoni li jinsabu fl-atti kontenzjużi, li jipprovdi li hija waħda mill-iżviluppaturi prinċipali u kostrutturi tal-proprjetà immobiljari fil-Bjelorussja li tiżviluppa ċ-ċentru Minsk World, li hija tippreżenta bħala l-ikbar investiment ta’ dan it-tip fl-Ewropa, fuq irqajja’ ta’ art li għalihom hija rċeviet drittijiet ta’ żvilupp immobiljaru u, f’dan ir-rigward, hija tibbenefika mir-reġim tal-President Lukashenko u tappoġġah, huwa sostnut b’mod suffiċjenti fid-dritt u, min-naħa l-oħra, li l-konstatazzjoni li dan il-motiv huwa sostnut b’mod suffiċjenti fid-dritt u jikkostitwixxi fih innifsu bażi suffiċjenti sabiex jiġġustifika ż-żamma tal-isem l-appellanti f’dawn il-listi hija biżżejjed sabiex jiġi miċħud il-motiv uniku invokat mill-appellanti mingħajr ma hemm bżonn li jiġu eżaminati l-argumenti l-oħra li hija invokat u li huma diretti kontra t-tieni u t-tielet motiv li jinsabu fl-atti kontenzjużi.

28      Għalhekk, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors.

 Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

29      Dana Astra titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza appellata;

–        tannulla l-atti kontenzjużi sa fejn jikkonċernawha;

–        sussidjarjament, tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali.

30      Il-Kunsill jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad l-appell u

–        tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż kemm tal-proċedura fl-ewwel istanza kif ukoll tal-proċedura preżenti ta’ appell.

 Fuq l-appell

31      L-appellanti tqajjem żewġ aggravji insostenn tal-appell tagħha, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonkludiet li r-rikors kien inammissibbli u, it-tieni wieħed, fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonkludiet li l-atti kontenzjużi ma kinux ivvizzjati bi żbalji ta’ evalwazzjoni.

 Fuq l-ewwel aggravju

 L-argumenti tal-partijiet

32      Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali li wettqet żball ta’ liġi meta kkonkludiet li r-rikors kien inammissibbli minħabba tardività peress li kien b’mod żbaljat li hija qieset li l-Kunsill seta’ validament jinnotifikaha bl-atti ta’ żamma kontenzjużi tal‑2023 permezz ta’ ittra indirizzata lill-avukati tagħha, b’mod li t-terminu ta’ xahrejn previst fl-Artikolu 263 TFUE kien beda jiddekorri mid-data ta’ din in-notifika u kien skada qabel il-preżentata tar-rikors.

33      Din l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali fir-rigward tan-notifika ta’ dawn l-atti hija vvizzjata minn żewġ żbalji ta’ liġi. L-ewwel wieħed huwa marbut mal-fatt li notifika postali lill-avukati kkonċernati ma tistax, fi kwalunkwe każ, tikkostitwixxi notifika valida tal-imsemmija atti lill-appellanti. It-tieni żball jinsab fil-fatt li l-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 55 tas-sentenza appellata, li l-mandat ta’ rappreżentanza tal‑1 ta’ Novembru 2021, li l-portata tiegħu kienet madankollu espressament, b’mod ċar u inkontestabbilment limitata għal proċedura oħra eżaminata mill-Qorti Ġenerali, jiġifieri dik relatata mal-Kawża T‑239/21, kien jawtorizza lill-Kunsill jinnotifika l-atti ta’ żamma kontenzjużi tal‑2023, li ma kinux jikkonċernaw din il-proċedura, permezz ta’ ittra indirizzata lill-avukati tal-appellanti.

34      Il-Kunsill isostni li dan l-ewwel aggravju huwa infondat u li t-talba ta’ tardività tar-rikors għandha tiġi kkonfermata.

35      B’mod partikolari, il-Kunsill jirrileva li huwa kien informa lill-appellanti bl-atti inkwistjoni permezz ta’ erba’ kanali distinti, jiġifieri avviż ippubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fis‑27 ta’ Frar 2023 u, fit‑28 ta’ Frar 2023, notifika permezz ta’ posta elettronika kemm lill-appellanti kif ukoll lir-rappreżentanti tagħha u notifika permezz ta’ ittra rreġistrata lir-rappreżentanti tal-appellanti. Notifika permezz ta’ ittra rreġistrata lill-appellanti stess kienet impossibbli, peress li, fil-mument tal-adozzjoni tal-atti kontenzjużi, il-Bjelorussja kienet “destinazzjoni magħluqa”, li jfisser li ebda distribuzzjoni postali ma setgħet issir mis-servizzi postali Belġjani. Il-Kunsill għalhekk uża u għaqqad il-kanali ta’ komunikazzjoni kollha għad-dispożizzjoni tiegħu u ma ppruvax jevita l-obbligu tiegħu ta’ komunikazzjoni individwali.

36      Fir-replika tagħha, l-appellanti tenfasizza li l-Kunsill jallega għall-ewwel darba, fl-istadju tal-appell u għalhekk tardivament, li ma kienx possibbli li ssir in-notifika tal-atti bil-mod meħtieġ, jiġifieri permezz ta’ ittra postali fl-indirizz tas-sede tagħha, billi jinvoka dokumenti li huma inammissibbli, peress li ma ġewx prodotti quddiem il-Qorti Ġenerali.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

37      Skont is-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorsi previsti f’dan l-artikolu għandhom jiġu ppreżentati f’terminu ta’ xahrejn mill-pubblikazzjoni tal-att, jew minn meta dan jibda jiddekorri, skont il-każ, mill-pubblikazzjoni tal-att, min-notifika tiegħu lir-rikorrent jew, fin-nuqqas ta’ dan, mill-ġurnata minn meta r-rikorrent ikun sar jaf bih.

38      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, b’mod partikolari mill-espressjonijiet “skond il-każ” u “fin-nuqqas ta’ dan”, jirriżulta b’mod ċar li l-bidu tad-dekorrenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors huwa ddeterminat skont is-sitwazzjoni inkwistjoni u li l-ewwel u t-tieni kriterju li jistgħu jagħtu lok għal dan it-terminu huma ġerarkiċi meta mqabbla mat-tielet. Għalhekk, it-terminu għall-preżentata tar-rikors għal annullament jibda jiddekorri, prinċipalment, mill-pubblikazzjoni tal-att jew min-notifika tiegħu lir-rikorrent. Dawn iż-żewġ kriterji prinċipali jinsabu, fl-istruttura tal-imsemmija dispożizzjoni, fuq l-istess livell fis-sens li ebda wieħed minn dawn iż-żewġ kriterji ma huwa sussidjarju għall-ieħor. Min-naħa l-oħra, il-kriterju tad-data ta’ għarfien tal-att ikkontestat bħala l-bidu ta’ dekorrenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors huwa ta’ natura sussidjarja meta mqabbel ma’ dawk tal-pubblikazzjoni jew tan-notifika ta’ dan l-att (sentenza tal‑10 ta’ Frar 2026, WhatsApp Ireland vs Il‑Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad‑Data, C‑97/23 P, EU:C:2026:81, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39      F’dan il-każ, l-atti ta’ żamma kontenzjużi tal‑2023 ġew ippubblikati, fis‑27 ta’ Frar 2023, f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, Serje L, iżda kellhom ukoll, skont l-Artikolu 8a(2) tar-Regolament Nru 765/2006, jiġu kkomunikati mill-Kunsill “[li] għandu jikkomunika d-deċiżjoni tiegħu, inklużi r-raġunijiet għall-elenkar, lill-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp [li huwa jiddeċiedi li jinkludi l-isem fl-Anness I ta’ dan ir-regolament], jekk l-indirizz ikun magħruf, jew permezz tal-pubblikazzjoni ta’ avviż”.

40      Tali sistema li teżiġi kemm il-pubblikazzjoni kif ukoll il-komunikazzjoni tal-atti inkwistjoni tirriżulta min-natura partikolari tal-atti li jimponu miżuri restrittivi fir-rigward ta’ persuna jew ta’ entità, li huma simili, kemm għal atti ta’ portata ġenerali, sa fejn dawn jipprojbixxu kategorija ta’ destinatarji ddeterminati b’mod ġenerali u astratt, b’mod partikolari, milli jqiegħdu fondi u riżorsi ekonomiċi għad-dispożizzjoni tal-persuni u tal-entitajiet li isimhom jidher fil-listi stabbiliti fl-annessi tagħhom, kif ukoll għal sensiela ta’ deċiżjonijiet individwali fir-rigward ta’ dawn il-persuni u entitajiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ April 2013, Gbagbo et vs Il‑Kunsill (C‑478/11 P sa C‑482/11 P, EU:C:2013:258, punt 56 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

41      Minbarra dan, għandu jitfakkar li, fir-rigward tal-atti adottati fuq il-bażi ta’ dispożizzjonijiet li jikkonċernaw il-politika barranija u ta’ sigurtà komuni, bħalma huma l-atti ta’ żamma kontenzjużi tal‑2023, hija n-natura individwali ta’ dawn l-atti li tiftaħ, konformement mat-termini tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE u tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, l-aċċess għall-qorti tal-Unjoni (sentenza tat‑23 ta’ April 2013, Gbagbo et vs Il‑Kunsill, C‑478/11 P sa C‑482/11 P, EU:C:2013:258, punt 57).

42      Minn dan jirriżulta li, għalkemm, ċertament, id-dħul fis-seħħ ta’ tali atti seħħ skont il-pubblikazzjoni tagħhom, it-terminu għall-preżentata ta’ rikors għal annullament kontra dawn l-atti skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE jibda jiddekorri, għal kull waħda minn dawn il-persuni u entitajiet, mid-data tal-komunikazzjoni li għandha ssirilha (sentenza tat‑23 ta’ April 2013, Gbagbo et vs Il‑Kunsill, C‑478/11 P sa C‑482/11 P, EU:C:2013:258, punt 59).

43      F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li, għalkemm l-Artikolu 8a(2) tar-Regolament Nru 765/2006 jipprevedi l-possibbiltà ta’ komunikazzjoni permezz tal-pubblikazzjoni ta’ avviż, kif ikkonstatat ġustament il-Qorti Ġenerali fil-punt 33 tas-sentenza appellata, l-użu ta’ dan ir-rimedju ta’ komunikazzjoni jista’ madankollu jiġi previst biss fil-każ li jkun impossibbli li ssir komunikazzjoni diretta lill-persuna jew lill-entità kkonċernata, meta, pereżempju, l-indirizz tagħha ma jkunx magħruf (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ April 2013, Gbagbo et vs Il‑Kunsill, C‑478/11 P sa C‑482/11 P, EU:C:2013:258, punt 61).

44      F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali, billi bbażat ruħha fuq mandat ta’ rappreżentazzjoni tal‑1 ta’ Novembru 2021, qieset, fil-punti 60 u 61 tas-sentenza appellata, li n-notifika tal-atti ta’ żamma kontenzjużi tal‑2023 permezz ta’ ittra rreġistrata b’konferma ta’ rċevuta li saret, fit‑28 ta’ Frar 2023, mill-Kunsill lill-avukati tal-appellanti kienet ekwivalenti għal notifika lill-appellanti stess u li, għaldaqstant, id-data tar-riċezzjoni ta’ din l-ittra kienet tikkostitwixxi l-bidu tad-dekorrenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors ta’ xahrejn previst fis-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

45      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, hekk kif iddeċidiet ġustament il-Qorti Ġenerali fil-punt 34 tas-sentenza appellata, mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 42 u 43 ta’ din is-sentenza jirriżulta li, bħala prinċipju, ma huwiex permess li l-Kunsill jissodisfa l-obbligu ta’ komunikazzjoni lill-persuna kkonċernata ta’ att li jimponilha miżuri restrittivi billi jindirizza n-notifika ta’ dan l-att lill-avukati li jirrappreżentawha. Fil-fatt, il-komunikazzjoni lir-rappreżentanti ta’ persuna, bħall-avukat tagħha, ta’ att li jimponilha miżuri restrittivi ma tistax tiġi kklassifikata bħala “komunikazzjoni diretta” lil din il-persuna, fis-sens tal-Artikolu 8a(2) tar-Regolament Nru 765/2006, sabiex tikkostitwixxi l-bidu tad-dekorrenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors ta’ xahrejn previst fis-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, peress li tali komunikazzjoni għandha, min-natura tagħha stess, natura indiretta.

46      Madankollu, kif irrilevat ġustament ukoll il-Qorti Ġenerali fil-punti 34 u 44 tas-sentenza appellata, hemm lok li tiġi ammessa eċċezzjoni għal dan il-prinċipju meta l-avukat ikun debitament ingħata mandat sabiex jirċievi tali komunikazzjoni. Fil-fatt, f’tali każ, l-avukat, bħala mandatarju tal-persuna kkonċernata, jirċievi din il-komunikazzjoni f’isem u għan-nom ta’ din tal-aħħar, b’tali mod li l-imsemmija komunikazzjoni hija ekwivalenti għal komunikazzjoni lill-persuna kkonċernata stess.

47      Madankollu, fid-dawl tan-natura derogatorja tagħha għall-imsemmi prinċipju, il-komunikazzjoni ta’ tali att lill-avukat tal-persuna jew entità msemmija minn dan l-att tista’ tikkostitwixxi “komunikazzjoni diretta”, fis-sens tal-Artikolu 8a(2) tar-Regolament Nru 765/2006, ta’ natura li tagħti lok għad-dekorrenza tat-terminu msemmi fis-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE biss jekk it-termini tal-mandat ta’ rappreżentanza inkwistjoni juru b’mod ċar u inekwivoku, mingħajr ma jħallu lok għal ebda interpretazzjoni oħra, li dan l-avukat huwa awtorizzat jirċievi tali komunikazzjoni.

48      Għalhekk, għandu jiġi vverifikat jekk il-mandat tal‑1 ta’ Novembru 2021, kif deskritt fis-sentenza appellata, kienx jagħti b’mod ċar u inekwivoku, mingħajr ma jħalli lok għal ebda interpretazzjoni oħra, awtorizzazzjoni lill-avukati tal-appellanti li jirċievu l-komunikazzjoni tal-atti ta’ żamma kontenzjużi tal‑2023.

49      F’dan il-każ, skont il-kliem stess tal-mandat tal‑1 ta’ Novembru 2021, l-avukati tal-appellanti kienu awtorizzati, “fil-kuntest tal-Kawża T‑239/21”, li jirrappreżentawha quddiem il-qrati tal-Unjoni, bl-għan tal-annullament tal-atti ta’ żamma tal‑2021. Minn qari ta’ dan il-mandat, għandu jiġi kkonstatat li din l-awtorizzazzjoni tinkludi l-“firma u s-sottomissjoni tad-dokumenti proċedurali kollha”, kif ukoll “kull azzjoni oħra li tista’ tkun neċessarja jew utli fil-kuntest tat-tkomplija ta’ din il-proċedura”.

50      Issa, għandu jiġi kkonstatat li dawn it-termini tal-mandat tal‑1 ta’ Novembru 2021, b’mod partikolari dawk li jagħtu lill-avukati tal-appellanti l-awtorizzazzjoni li jwettqu “kull azzjoni oħra li tista’ tkun neċessarja jew utli fil-kuntest tat-tkomplija ta’ din il-proċedura”, ma kinux suffiċjentement ċari u preċiżi sabiex jippermettu li jiġi konkluż li dan il-mandat kien jawtorizza lil dawn l-avukati jirċievu l-komunikazzjoni tal-atti ta’ żamma kontenzjużi tal‑2023 f’isem u għan-nom tal-mandant tagħhom.

51      Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-punt 55 tas-sentenza appellata, il-kombinazzjoni tar-riferiment espliċitu għall-Kawża T‑239/21 u tal-użu tal-espressjoni “fil-kuntest tat-tkomplija ta’ din il-proċedura” iwasslu għal interpretazzjoni tal-imsemmi mandat fis-sens li dan jawtorizza lill-avukati tal-appellanti jirrappreżentawha biss fil-kuntest ta’ din il-Kawża T‑239/21, li fiha ma kinux inkwistjoni l-atti ta’ żamma kontenzjużi tal‑2023 li, min-naħa tagħhom, kienu s-suġġett tal-proċedura fil-Kawża T‑281/23 li tat lok għas-sentenza appellata.

52      Għaldaqstant, minn qari tat-termini tal-mandat ta’ rappreżentazzjoni inkwistjoni, għandu jitqies li dan ma jagħtix b’mod ċar u inekwivoku awtorizzazzjoni lill-avukati tal-appellanti li jirċievu l-komunikazzjoni tal-atti ta’ żamma kontenzjużi tal‑2023.

53      Minn dan isegwi li dawn l-atti ma ġewx debitament ikkomunikati lill-appellanti permezz tal-avukati tagħha u li, għaldaqstant, it-terminu ta’ xahrejn previst fis-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE ma bediex jiddekorri mid-data li fiha dawn l-atti ġew innotifikati permezz ta’ ittra rreġistrata lil dawn l-avukati.

54      Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-elementi kuntestwali mressqa mill-Qorti Ġenerali fil-punti 56 sa 59 tas-sentenza appellata.

55      Fil-fatt, il-kwistjoni dwar jekk avukat huwiex debitament mogħti mandat sabiex jirċievi, f’isem u għan-nom tal-klijent tiegħu, il-komunikazzjoni tal-atti li jimponu miżuri restrittivi fuq dan tal-aħħar, b’tali mod li din il-komunikazzjoni tista’ tagħti bidu għat-terminu previst fis-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, għandha tiġi eżaminata biss abbażi tat-termini tal-mandat ikkonċernat u mhux skont il-mod kif il-Kunsill u l-persuna kkonċernata kkorrispondew rigward atti li jimponu miżuri restrittivi.

56      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li jiġi konkluż li l-ewwel aggravju huwa fondat.

57      Madankollu, sa fejn il-Qorti Ġenerali eżaminat il-motiv uniku invokat mill-appellanti fil-mertu, ċaħditu u bbażat ruħha wkoll fuq ir-raġunijiet li jiċħdu dan il-motiv sabiex tiċħad ir-rikors ippreżentat fl-ewwel istanza, hemm lok, qabel ma tingħata deċiżjoni dwar dan l-appell, li jiġi eżaminat it-tieni aggravju ta’ din tal-aħħar li jirreferi wkoll għal dawn ir-raġunijiet.

 Fuq it-tieni aggravju

 L-argumenti tal-partijiet

58      Permezz tat-tieni aggravju tagħha, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet disa’ żbalji ta’ liġi meta kkonkludiet li l-atti kontenzjużi ma kinux ivvizzjati bi żbalji ta’ evalwazzjoni.

59      Il-Kunsill jikkontesta l-argumenti mressqa mill-appellanti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

60      Qabel ma jiġu eżaminati d-disa’ lmenti mqajma mill-appellanti fil-kuntest tat-tieni aggravju tagħha, għandu jitfakkar, l-ewwel, li, skont l-Artikolu 256 TFUE u l-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-appell għandu jkun limitat għal kwistjonijiet ta’ liġi u li l-Qorti Ġenerali biss għandha kompetenza, minn naħa, sabiex tikkonstata l-fatti, ħlief fil-każ fejn l-ineżattezza materjali tal-konstatazzjonijiet tagħha tirriżulta mill-atti tal-proċess li kienu ġew ippreżentati quddiemha, u, min-naħa l-oħra, sabiex tevalwa dawn il-fatti. Din l-evalwazzjoni ma tikkostitwixxix, bla ħsara għall-każ taż-żnaturament tal-provi prodotti quddiem il-Qorti Ġenerali, kwistjoni ta’ liġi suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja. Meta l-Qorti Ġenerali tkun ikkonstatat jew evalwat il-fatti, il-Qorti tal-Ġustizzja jkollha l-kompetenza li teżerċita, skont l-Artikolu 256 TFUE, stħarriġ fuq il-klassifikazzjoni ġuridika ta’ dawn il-fatti u l-konsegwenzi ta’ dritt li tkun siltet minnhom il-Qorti Ġenerali (sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2026, Pumpyanskiy et vs Il‑Kunsill, C‑696/23 P, C‑704/23 P, C‑711/23 P, C‑35/24 P u C‑111/24 P, EU:C:2026:245, punt 158 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

61      It-tieni, meta jallega żnaturament ta’ fatti jew tal-provi mill-Qorti Ġenerali, appellant għandu, skont l-Artikolu 256 TFUE, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, u l-Artikolu 168(1)(d) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, jindika b’mod preċiż l-elementi li ġew żnaturati minnha u juri l-iżbalji ta’ analiżi li, fl-evalwazzjoni tiegħu, kienu wasslu lill-Qorti Ġenerali għal dan l-iżnaturament. Barra minn hekk, hija ġurisprudenza stabbilita li żnaturament għandu jidher b’mod manifest mill-atti tal-proċess, mingħajr ma jkun meħtieġ li ssir evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi (sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2026, Pumpyanskiy et vs Il‑Kunsill, C‑696/23 P, C‑704/23 P, C‑711/23 P, C‑35/24 P u C‑111/24 P, EU:C:2026:245, punt 378 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

62      It-tielet, għandu jitfakkar, minn naħa, li, fir-rigward ta’ miżuri restrittivi, il-qrati tal-Unjoni għandhom, konformement mal-kompetenzi li huma għandhom bis-saħħa tat-Trattati, jiżguraw stħarriġ, bħala prinċipju komplet, tal-legalità tal-atti tal-Unjoni inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Lulju 2025, Grodno Azot u Khimvolokno Plant vs Il‑Kunsill, C‑326/24 P, EU:C:2025:522, punt 34 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

63      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-istħarriġ tal-legalità tal-motivi li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni li l-isem ta’ persuna jiġi inkluż jew miżmum fil-lista ta’ persuni suġġetti għal miżuri restrittivi, l-effettività tal-istħarriġ ġudizzjarju ggarantit fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea teżiġi li l-qorti tal-Unjoni tivverifika, minbarra n-natura suffiċjentement preċiża u konkreta tal-motivi invokati, il-kwistjoni dwar jekk dawn il-motivi jew, tal-inqas, wieħed minnhom, jikkostitwixxux fihom infushom bażi suffiċjenti sabiex din id-deċiżjoni tiġi sostnuta. Barra minn hekk, il-qorti tal-Unjoni hija obbligata tiżgura ruħha li din tal-aħħar, li għandha portata individwali għall-persuna kkonċernata, tistrieħ fuq bażi fattwali suffiċjentement solida. Dan jimplika verifika tal-fatti allegati fl-espożizzjoni tal-motivi li hija l-bażi tal-imsemmija deċiżjoni, b’mod li l-istħarriġ ġudizzjarju ma jkunx limitat għall-evalwazzjoni tal-probabbiltà astratta tal-motivi invokati, iżda jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk dawn il-motivi, jew tal-inqas, wieħed minnhom ikkunsidrat bħala suffiċjenti minnu nnifsu sabiex isostni l-istess deċiżjoni, humiex sostnuti (sentenza tal‑1 ta’ Awwissu 2025, Timchenko vs Il‑Kunsill, C‑703/23 P, EU:C:2025:608, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

64      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li hemm lok li jiġu eżaminati d-disa’ lmenti mqajma mill-appellanti insostenn tat-tieni aggravju tagħha.

65      Permezz tal-ewwel ilment tagħha, li huwa dirett kontra l-punt 85 tas-sentenza appellata, l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali li wettqet żball fil-klassifikazzjoni ġuridika tal-fatti kkonstatati. Peress li, fil-punt 84 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali stabbilixxiet li, fil-mument tal-adozzjoni tal-atti ta’ żamma kontenzjużi tal‑2023, l-appellanti kienet milquta minn sensiela ta’ miżuri sfavorevoli meħuda mir-reġim tal-President Lukashenko, kien b’mod żbaljat li hija kkonkludiet, fil-punt 85 tas-sentenza appellata, li l-fatti hekk ikkonstatati ma kinux “ta’ natura” li jikkontestaw, minn perspettiva legali, l-applikabbiltà għall-appellanti tal-kriterju (b) li jiġġustifika ż-żamma tal-inklużjoni ta’ isimha fil-listi inkwistjoni.

66      Dan l-ilment għandu jiġi miċħud, peress li huwa bbażat fuq qari manifestament żbaljat tal-punt 85 tas-sentenza appellata.

67      Fil-fatt, f’dan il-punt 85, il-Qorti Ġenerali qieset li l-appellanti ma rnexxilhiex tasal turi kif dawn il-miżuri kienu ekwivalenti għal trattament sfavorevoli fir-rigward tagħha u lanqas kif, anki jekk jitqies li tali trattament sfavorevoli kien ipprovat, dan tal-aħħar huwa ta’ natura li jikkontesta l-evalwazzjoni li tgħid li, fil-mument tal-adozzjoni tal-atti kontenzjużi, l-appellanti kompliet tibbenefika mir-reġim tal-President Lukashenko u tappoġġah billi żviluppat il-proġett Minsk World, meqjus bħala l-ikbar investiment ta’ dan it-tip fl-Ewropa u li għandu importanza partikolari għal dan ir-reġim.

68      L-appellanti tallega wkoll, iżda mingħajr ma turi, li l-punt 85 tas-sentenza appellata huwa vvizzjat bi żball ta’ klassifikazzjoni tal-fatti magħmul mill-Qorti Ġenerali. Barra minn hekk, billi dan il-punt 85 jinkludi evalwazzjoni essenzjalment fattwali magħmula mill-Qorti Ġenerali, dan jista’ jiġi kkritikat fl-istadju tal-appell biss jekk jiġi allegat u pprovat żnaturament tal-punti ta’ fatt. Issa, l-appellanti ma sostnietx tali żnaturament.

69      Permezz tat-tieni lment tagħha, l-appellanti ssostni li, billi ddikjarat, fil-punt 86 tas-sentenza appellata, li hija “ma [sostnietx] li l-miżuri meħuda mir-reġim tal-President Lukashenko fil-konfront tagħha [kienu] affettwaw il-kundizzjonijiet stess li fihom hija [kienet] kisbet u [kompliet] tiżviluppa ċ-ċentru Minsk World”, il-Qorti Ġenerali ppreżentat b’mod żbaljat u/jew żnaturat il-provi li hija pproduċiet. Mill-punti 23 u 24 tar-rikors kif ukoll mill-pariri legali annessi mar-replika u man-nota ta’ adattament jirriżulta li l-appellanti spjegat sew ir-raġunijiet li għalihom il-miżuri sfavorevoli meħuda fir-rigward tagħha mill-imsemmi reġim kellhom effettivament effett negattiv fuq il-kundizzjonijiet stess li fihom hija kienet qiegħda tkompli t-twettiq tal-proġett Minsk World.

70      Dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

71      Fil-fatt, minn naħa, il-punt 86 tas-sentenza appellata għandu jinqara flimkien ma’ punti oħra ta’ din is-sentenza. Fil-punt 67 ta’ din tal-aħħar, il-Qorti Ġenerali, l-ewwel nett, tirreferi għall-argument tal-appellanti li l-miżuri meħuda fil-konfront tagħha mir-reġim tal-President Lukashenko kellhom effett negattiv fuq it-twettiq taċ-ċentru Minsk World, li ġie mdewwem, mhedded u in fine ma ġġenerax profitt. Sussegwentement, fil-punti 87 u 88 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali qieset li, fid-dawl tal-provi prodotti mill-Kunsill, ma kienx stabbilit li dawn il-miżuri kellhom tali effett u li, għall-kuntrarju, dawn il-provi żvelaw tkomplija tal-implimentazzjoni taċ-ċentru Minsk World mill-appellanti, l-uniku żviluppatur immobiljari responsabbli għall-proġett, f’kundizzjonijiet dejjem vantaġġużi għaliha, peress li dan il-proġett jikkostitwixxi operazzjoni ta’ portata kbira li għandha importanza partikolari għal dan ir-reġim. Fl-aħħar nett, fil-punti 94 sa 105 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżaminat provi prodotti mill-appellanti u ċaħdet id-diversi allegazzjonijiet tagħha dwar l-effetti speċifiċi li l-miżuri meħuda kellhom fil-konfront tagħha mir-reġim tal-President Lukashenko fuq l-iżvilupp ta’ Minsk World.

72      Min-naħa l-oħra, għalkemm l-appellanti ssostni li l-punt 86 tas-sentenza appellata jinkludi żnaturament ta’ ċerti provi li hija pproduċiet, għandu jiġi rrilevat li hija ma turix li l-Qorti Ġenerali wettqet żnaturament tagħhom fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mfakkra fil-punt 61 ta’ din is-sentenza. L-appellanti ma turix fuq liema elementi preċiżi l-Qorti Ġenerali bbażat ruħha, f’dan il-punt 86, fuq qari manifestament żbaljat tal-atti tal-proċess li għalihom hija tirreferi. Għalhekk, ebda żnaturament ma jidher b’mod manifest mill-atti tal-proċess. Għall-kuntrarju, jidher li l-appellanti tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja twettaq evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi fl-istadju tal-appell, ħaġa li hija eskluża skont din il-ġurisprudenza.

73      Permezz tat-tielet ilment tagħha, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddikjarat fil-punt 86 tas-sentenza appellata li kienet diġà eżaminat l-effett tal-miżuri sfavorevoli meħuda fil-konfront tagħha mir-reġim tal-President Lukashenko fis-sentenza tagħha tat‑28 ta’ Ġunju 2023, Dana Astra vs Il‑Kunsill (T‑239/21, EU:T:2023:364). Fil-fatt, din is-sentenza tikkonċerna l-atti ta’ żamma tal‑2021 u tal‑2022 adottati qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dawn il-miżuri fl‑1 ta’ Jannar 2022, b’tali mod li l-Qorti Ġenerali ma ħadithomx inkunsiderazzjoni f’din is-sentenza.

74      Dan l-argument għandu jiġi miċħud, peress li jirriżulta minn qari żbaljat ta’ dan il-punt 86.

75      Fil-fatt, ir-riferiment magħmul fil-punt 86 tas-sentenza appellata għas-sentenza tat‑28 ta’ Ġunju 2023, Dana Astra vs Il‑Kunsill (T‑239/21, EU:T:2023:364), li effettivament kienet tikkonċerna l-atti ta’ żamma tal‑2021 u tal‑2022, adottati qabel id-dħul fis-seħħ tal-miżuri meħuda mir-reġim tal-President Lukashenko kontra l-appellanti, iservi esklużivament sabiex jitfakkar li l-kundizzjonijiet għat-twettiq tal-proġett Minsk World mill-appellanti kienu diġà tqiesu li jiżvelaw il-profitt li hija tikseb minn dan ir-reġim u l-appoġġ mogħti lilu.

76      Permezz tar-raba’ lment tagħha, l-appellanti ssostni li, fil-punti 87 sa 94 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ppreżentat b’mod żbaljat u/jew żnaturat il-provi u/jew naqset milli twettaq l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha. Il-Qorti Ġenerali ssemmi ċerti provi li hija tqis li juru li l-appellanti kompliet bit-twettiq tal-proġett Minsk World f’kundizzjonijiet vantaġġużi, mingħajr madankollu ma ħadet inkunsiderazzjoni la t-tweġibiet u lanqas il-provi kuntrarji pprovduti mill-appellanti.

77      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, fil-punti 87 sa 92 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali wettqet evalwazzjoni fattwali ta’ provi prodotti mill-Kunsill, jiġifieri artikoli ppubblikati fis-sit internet tal-aġenzija tal-istampa Bjelorussa uffiċjali, sabiex minn dan tikkonkludi, fil-punt 93 ta’ din is-sentenza, li dawn il-provi kienu juru b’mod kredibbli li, fil-mument tal-adozzjoni tal-atti kontenzjużi, l-appellanti kompliet tipproċedi b’suċċess għat-twettiq taċ-ċentru Minsk World taħt l-istess kundizzjonijiet bħal dawk li l-Qorti Ġenerali qieset bħala li jiżvelaw profitt miksub mir-reġim tal-President Lukashenko u appoġġ mogħti lilu, u dan minkejja miżuri meħuda minn din is-sistema kontra tagħha.

78      Għalkemm l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali li wettqet żnaturament tal-provi, hija ma turix, kif teżiġi l-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 61 ta’ din is-sentenza, li din il-qorti, billi wettqet tali evalwazzjonijiet fattwali, kienet żnaturat b’mod manifest l-atti tal-proċess, mingħajr ma huwa neċessarju li ssir evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi.

79      Fir-rigward tal-allegazzjoni tal-appellanti li l-Qorti Ġenerali naqset milli teżamina ċerti provi li hija kienet ipproduċiet u li jikkontradixxu l-konklużjoni li tinsab fil-punt 93 tas-sentenza appellata, għandu jiġi kkonstatat li, fil-punti 94 sa 104 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali eżaminat fid-dettall, u sussegwentement ċaħdet, provi prodotti mill-appellanti li, fil-fehma tagħha, kienu juru li l-miżuri meħuda mir-reġim tal-President Lukashenko fir-rigward tagħha kellhom tabilħaqq effetti negattivi fuq it-twettiq tal-proġett Minsk World.

80      Jekk, permezz tal-argumenti tagħha, l-appellanti għandha l-intenzjoni li tikkritika lill-Qorti Ġenerali li ma mmotivatx is-sentenza tagħha b’mod suffiċjenti fid-dritt, għandu jitfakkar li l-motivazzjoni ta’ sentenza jew ta’ digriet tal-Qorti Ġenerali għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-Qorti Ġenerali, b’mod li jippermetti lill-persuni kkonċernati jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet tad-deċiżjoni meħuda u lill-Qorti tal-Ġustizzja teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha. Madankollu, l-obbligu ta’ motivazzjoni li għandha l-Qorti Ġenerali ma jobbligahiex tipprovdi espożizzjoni li ssegwi, b’mod eżawrjenti u wieħed wieħed, ir-raġunamenti kollha mqajma mill-partijiet fit-tilwima, u għalhekk din il-motivazzjoni tista’ tkun impliċita kemm-il darba tippermetti lill-partijiet ikkonċernati jidentifikaw ir-raġunijiet għaliex il-Qorti Ġenerali ma laqgħetx l-argumenti tagħhom u lill-Qorti tal-Ġustizzja li jkollha elementi suffiċjenti sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha (sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2026, Pumpyanskiy et vs Il‑Kunsill, C‑696/23 P, C‑704/23 P, C‑711/23 P, C‑35/24 P u C‑111/24 P, EU:C:2026:245, punt 101 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

81      Fid-dawl tal-eżami ddettaljat tal-provi prodotti kemm mill-Kunsill kif ukoll mill-appellanti li l-Qorti Ġenerali wettqet fil-punti 87 sa 105 tas-sentenza appellata, għandu jitqies li din il-qorti mmotivat b’mod suffiċjenti fid-dritt is-sentenza appellata, li jippermetti lill-appellanti tifhem, inkluż b’mod impliċitu, ir-raġunijiet li għalihom il-Qorti Ġenerali ma laqgħetx l-argumenti tagħha intiżi sabiex juru li l-miżuri meħuda mir-reġim tal-President Lukashenko fir-rigward tagħha kellhom effetti negattivi fuq it-twettiq tal-proġett Minsk World u lill-Qorti tal-Ġustizzja li jkollha elementi suffiċjenti sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha.

82      Permezz tal-ħames ilment tagħha, l-appellanti ssostni li, fil-punt 89 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali żnaturat jew ippreżentat b’mod żbaljat il-provi li hija kienet ipproduċiet meta l-Qorti Ġenerali ddikjarat li l-miżuri li hija kienet is-suġġett tagħhom min-naħa tar-reġim tal-President Lukashenko kienu ġew adottati fir-rigward ta’ 190 impriża Bjelorussa b’kapital barrani, b’tali mod li ma jistax jiġi dedott biss mill-adozzjoni tagħhom “trattament speċifiku sfavorevoli rriżervat għar-rikorrenti min-naħa tar-reġim tal-President Lukashenko”.

83      Dan l-ilment ma jistax jintlaqa’ peress li huwa ineffettiv.

84      Fil-fatt, il-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali li l-appellanti ma ġarrbitxs “trattament speċifiku sfavorevoli” sempliċement minħabba l-adozzjoni tal-miżuri imposti fuqha mir-reġim tal-President Lukashenko hija ta’ natura superfluwa. B’mod partikolari, din il-konstatazzjoni ma kellha ebda effett fuq ir-raġunament li sar sussegwentement fis-sentenza appellata dwar il-konsegwenzi li dawn il-miżuri kellhom, skont l-appellanti, fuq it-twettiq tal-proġett Minsk World, raġunament li jwassal għall-konklużjoni, li tinsab fil-punt 105 ta’ din is-sentenza, li, fid-data tal-adozzjoni tal-atti ta’ żamma kontenzjużi, hija kompliet tiżviluppa dan il-proġett f’kundizzjonijiet li jiżvelaw il-profitt li hija tikseb mill-imsemmi reġim u l-appoġġ mogħti lilu. Din il-konklużjoni hija għalhekk nieqsa minn kwalunkwe riferiment jew rabta kawżali mal-imsemmija konstatazzjoni. B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali impliċitament, iżda neċessarjament qieset, mingħajr ma wettqet żball ta’ liġi, li l-fatt li l-imsemmija miżuri ma kinux jirriżervaw għall-appellanti “trattament speċifiku sfavorevoli” kien legalment irrilevanti fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk l-appellanti ssodisfatx il-kriterju (b) li jiġġustifika ż-żamma tagħha fil-listi inkwistjoni.

85      Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, l-ilmenti mqajma kontra motivi superfluwi ta’ deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali huma ineffettivi peress li ma jistgħux iwasslu għall-annullament ta’ dik id-deċiżjoni (sentenzi tat‑3 ta’ Lulju 2025, Grodno Azot u Khimvolokno Plant vs IlKunsill, C‑326/24 P, EU:C:2025:522, punt 59, u tas-26 ta’ Marzu 2026, Pumpyanskiy et vs IlKunsill, C‑696/23 P, C‑704/23 P, C‑711/23 P, C‑35/24 P u C‑111/24 P, EU:C:2026:245, punt 240 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

86      Permezz tas-sitt ilment tagħha, l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali li wettqet, fil-punt 89 tas-sentenza appellata, żball meta tat valur legali għall-fatt li entitajiet oħra setgħu wkoll jiġu ttrattati b’mod sfavorevoli mir-reġim tal-President Lukashenko minħabba miżuri jew sanzjonijiet imposti fuq il-kumpanniji Bjelorussi b’kapital barrani. Dan l-element ma għandux effett fuq il-punt dwar jekk l-appellanti ssodisfatx il-kriterju (b) li jiġġustifika ż-żamma tagħha fil-listi inkwistjoni.

87      Mill-punt 84 ta’ din is-sentenza jirriżulta li dan l-ilment ma huwiex fondat u għandu, konsegwentement, jiġi miċħud.

88      Permezz tas-seba’ lment tagħha dwar il-punti 94 sa 97 tas-sentenza appellata, l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali li ppreżentat b’mod żbaljat u/jew li żnaturat provi u/jew naqset mill-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha. Fil-fatt, l-appellanti kienet ipprovdiet elementi li juru li sieħba kummerċjali importanti kienu temmew ir-relazzjonijiet tagħhom magħha minħabba miżuri li kien impona fuqha r-reġim Bjelorussu, inkluż billi ffriża l-kontijiet bankarji tagħha u billi annulla kuntratti. Din is-sitwazzjoni hija kkonfermata minn ħames eżempji preċiżi u probatorji, esposti fl-Annessi A.22 sa A.26 tar-rikors, li ma kinux ġew eżaminati mill-Qorti Ġenerali.

89      Dan l-ilment ma jistax jintlaqa’.

90      Fil-fatt, sa fejn, permezz ta’ dan l-argument, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali ma eżerċitatx debitament l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha, sa fejn injorat provi li hija kienet ipproduċiet, għandu jiġi rrilevat, kif isostni l-Kunsill mingħajr ma ġie kkontestat fuq dan il-punt mill-appellanti, li dawn il-provi jikkorrispondu għall-ħames eżempji mressqa fir-rikors, riprodotti fl-appell ippreżentat mill-appellanti, li l-Qorti Ġenerali eżaminat fil-punti 94 sa 97 tas-sentenza appellata.

91      Għaldaqstant, l-appellanti fir-realtà tfittex li tikkontesta evalwazzjonijiet ta’ fatti mwettqa mill-Qorti Ġenerali u tipprova tikseb evalwazzjoni ġdida tagħhom, billi tissottometti mill-ġdid lill-Qorti tal-Ġustizzja dawn l-istess ħames eżempji. Issa, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mfakkra fil-punti 60 u 61 ta’ din is-sentenza, tali argument huwa inammissibbli fl-istadju tal-appell.

92      Permezz tat-tmien ilment tagħha, li jirrigwarda l-punti 95 sa 102 kif ukoll il-punti 105 u 106 tas-sentenza appellata, l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali li wettqet żball ta’ liġi billi bbażat ruħha fuq il-prinċipju li hija kellha tipprova l-portata tal-konsegwenzi tal-miżuri u tas-sanzjonijiet li kienu ġew imposti fuqha mir-reġim tal-President Lukashenko, filwaqt li kien il-Kunsill li kellu jipprova li hija kienet tieħu benefiċċju minn dan ir-reġim. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali żbaljat meta ddeċidiet li kien biżżejjed għall-Kunsill li jiddikjara li “ma [setax] jiġi eskluż” li fatturi oħra “setgħu” jidħlu inkwistjoni f’dak li jirrigwarda dawn il-konsegwenzi.

93      Tali argument huwa, kuntrarjament għal dak li jsostni l-Kunsill, ammissibbli peress li huwa jitlob mill-Qorti tal-Ġustizzja li teżerċita stħarriġ fuq eventwali ksur tar-regoli fil-qasam tal-oneru u tal-amministrazzjoni tal-prova mill-Qorti Ġenerali, li jaqa’ taħt il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell (sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2026, Pumpyanskiy et vs Il‑Kunsill, C‑696/23 P, C‑704/23 P, C‑711/23 P, C‑35/24 P u C‑111/24 P, EU:C:2026:245, punt 226 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

94      Madankollu, dan l-argument ma jistax jintlaqa’.

95      Fil-fatt, huwa, ċertament, minnu li, skont il-prinċipju actori incumbit probatio, huwa l-Kunsill li għandu jistabbilixxi, fil-każ ta’ kontestazzjoni, il-fondatezza tal-motivi kkunsidrati fir-rigward tal-persuna kkonċernata abbażi tal-kriterju (b), anki jekk ma huwiex meħtieġ li huwa jipproduċi quddiem il-qorti tal-Unjoni l-provi kollha inerenti għal dawn il-motivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2026, UC vs Il‑Kunsill, C‑455/24 P, EU:C:2026:253, punt 115 u l-ġurisprudenza ċċitata).

96      Madankollu, peress li, quddiem il-Qorti Ġenerali, il-Kunsill ipproduċa sensiela ta’ informazzjoni u ta’ provi rilevanti li juru li dan il-kriterju kien effettivament issodisfatt, kienet l-appellanti, b’applikazzjoni ta’ dan l-istess prinċipju, meta hija kienet qiegħda tikkontesta din l-informazzjoni jew provi billi invokat it-trattament sfavorevoli li kien ġie rriżervat lilha mir-reġim tal-President Lukashenko minħabba l-miżuri jew sanzjonijiet li hija kienet suġġetta għalihom, li kellha tistabbilixxi li dan it-trattament ippreġudika t-twettiq tal-proġett Minsk World u, għaldaqstant, il-benefiċċju li hija kisbet minn dan ir-reġim sabiex tiżgura din l-operazzjoni.

97      Fir-rigward tad-disa’ lment, li permezz tiegħu l-appellanti ssostni li l-evalwazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-punti 107 sa 110 tas-sentenza appellata hija vvizzjata bi żbalji ta’ liġi diġà identifikati, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-iżbalji ta’ liġi allegati f’dan l-ilment huma identiċi għal dawk li huma s-suġġett tal-ewwel sat-tmien ilment, b’tali mod li dan l-ilment għandu jiġi miċħud għall-istess raġunijiet bħal dawk li għalihom dawn l-ewwel sat-tmien ilment ġew miċħuda.

98      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, li minnhom jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ċaħdet, ġustament, ir-rikors fuq il-mertu, it-tieni aggravju għandu jiġi miċħud.

99      Peress li l-motivi tas-sentenza appellata msemmija f’dan l-aggravju huma suffiċjenti sabiex jiġġustifikaw id-dispożittiv ta’ din is-sentenza, b’tali mod li l-iżbalji ta’ liġi kkonstatati waqt l-eżami tal-ewwel aggravju ma jinfluwenzawx dan id-dispożittiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, United Parcel Service vs Il‑Kummissjoni, C‑297/22 P, EU:C:2023:1027, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata), l-appell għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

100    Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ma jkunx fondat, din tal-aħħar tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-Regoli, applikabbli għall-proċedura tal-appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tagħhom, jipprovdi li l-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

101    Peress li l-Kunsill talab li l-appellanti tiġi kkundannata għall-ispejjeż u peress li din tal-aħħar tilfet il-kawża, hija għandha tiġi kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħha, dawk sostnuti mill-Kunsill.

Għal dawn il-motivi, Il‑Qorti tal-Ġustizzja (Il‑Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-appell huwa miċħud.

2)      Dana Astra IOOO hija kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħha, dawk sostnuti mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.