European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/1296

7.5.2024

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/1296

tat-28 ta’ Frar 2024

li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’dak li jikkonċerna eżenzjoni mill-applikazzjoni tal-obbligu ta’ ħatt l-art fir-rigward tas-salamun fil-Baħar Baltiku għall-perjodu 2024-2026

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Lulju 2016 li jistabbilixxi pjan pluriennali għall-istokkijiet tal-bakkaljaw, l-aringi u l-laċċ ikħal fil-Baħar Baltiku u s-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet, li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2187/2005 u li jirrevoka r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1098/2007 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 7(1)(a),

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2016/1139 jistabbilixxi pjan pluriennali għall-istokkijiet mistada fil-Baħar Baltiku u jispeċifika d-dettalji tal-obbligu ta’ ħatt l-art ta’ dawk l-istokkijiet, inkluż is-salamun. L-Artikolu 7(1)(a) ta’ dak ir-Regolament jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni, abbażi ta’ rakkomandazzjonijiet konġunti żviluppati mill-Istati Membri, li tadotta atti delegati biex tissupplimenta dak ir-Regolament billi tagħti eżenzjonijiet mill-applikazzjoni tal-obbligu ta’ ħatt l-art għal speċijiet li għalihom l-evidenza xjentifika turi rati għoljin ta’ sopravivenza għall-istokkijiet kollha tal-ispeċijiet fil-Baħar Baltiku li għalihom japplika l-obbligu ta’ ħatt l-art skont l-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2).

(2)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/1417 (3) jispeċifika d-dettalji tal-implimentazzjoni tal-obbligu ta’ ħatt l-art għas-sajd tas-salamun fil-Baħar Baltiku għall-perjodu 2021–2023. Dak ir-regolament delegat ġie adottat abbażi ta’ rakkomandazzjoni konġunta sottomessa mid-Danimarka, mill-Ġermanja, mill-Estonja, mil-Latvja, mil-Litwanja, mill-Polonja, mill-Finlandja u mill-Iżvezja (l-Istati Membri tal-Baħar Baltiku, minn hawn ’il quddiem “BALTFISH”), li għandhom interess ta’ ġestjoni tas-sajd dirett fil-Baħar Baltiku.

(3)

Fit-28 ta’ Ottubru 2022, BALTFISH, wara konsultazzjoni mal-Kunsill Konsultattiv għall-Baħar Baltiku, issottmetta rakkomandazzjoni konġunta inizjali lill-Kummissjoni. Inkisbu kontribuzzjonijiet xjentifiċi mill-korpi xjentifiċi rilevanti.

(4)

Il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF) ivvaluta r-rakkomandazzjoni konġunta inizjali matul il-Plenarja tal-14–18 ta’ Novembru 2022 (4) u kkonkluda li xi data nieqsa u difetti żammew lill-STECF milli jasal għal konklużjonijiet finali.

(5)

BALTFISH issottometta informazzjoni xjentifika addizzjonali fit-28 ta’ Frar 2023 u rakkomandazzjoni konġunta aġġornata fit-22 ta’ Ġunju 2023.

(6)

Ir-rakkomandazzjoni konġunta aġġornata titlob li l-eżenzjoni mill-obbligu ta’ ħatt l-art għas-salamun jenħtieġ tkompli għax-xbieki nases, inkluż in-nases pontun li huma mgħammra b’borża mingħajr għoqiedi (“Vittjanpåse”) u n-nases pontun li huma kkombinati bi stiva tal-ilma fil-bastiment tas-sajd li fih jista’ jiġi żvojtat is-salamun; u x-xbieki fyke. Madankollu, jenħtieġ li x-xbieki mirfuda f’post fiss ma jibqgħux jiġu eżentati. Ir-rakkomandazzjoni konġunta tissuġġerixxi wkoll li fis-subdiviżjonijiet 22–31 tal-ICES u fis-subdiviżjoni 32 tal-ICES rispettivament, il-qbid skartat tas-salamun ikompli jiġi limitat għal 8 % tal-qabdiet annwali totali tas-salamun mill-Istat Membru kkonċernat.

(7)

L-STECF ivvaluta l-evidenza addizzjonali fil-Plenarja tal-20–24 ta’ Marzu 2023 (5) u r-rakkomandazzjoni konġunta aġġornata fil-Plenarja tal-10–14 ta’ Lulju 2023 (6). L-STECF ikkonkluda li l-mortalità mar-rilaxx hija ta’ 24 % minn nases pontun ikkombinati bi stiva tal-ilma u ta’ 13 % minn nases pontun b’borża mingħajr għoqiedi (7). Għas-salamun maqbud permezz ta’ xbieki nases u ta’ xbieki fyke oħra, l-STECF ikkonkluda f’rapporti preċedenti li l-mortalità kienet ta’ inqas minn 10 % (8). Madankollu, l-STECF osserva wkoll li r-rakkomandazzjoni konġunta aġġornata kienet tinkludi l-qbid skartat awtodikjarat (fil-ġurnal ta’ abbord) bħala l-aħjar evidenza disponibbli. L-STECF ikkonkluda li, ukoll jekk titqies il-possibbiltà li l-qbid skartat irrapportat ikun sottovalutat, tibqa’ l-probabbiltà li l-effett tal-eżenzjoni mill-obbligu ta’ ħatt l-art f’termini ta’ mortalità huwa baxx, kif ġie osservat b’mod simili għal sajd ieħor bin-nases li fih il-kapaċità ta’ sopravivenza hija għolja u r-rati ta’ skartar normalment ikunu baxxi, għalkemm ir-rakkomandazzjoni konġunta inkludiet il-qbid skartat awtodikjarat (fil-ġurnal ta’ abbord) bħala l-aħjar evidenza disponibbli.

(8)

Il-Grupp ta’ Esperti għas-Sajd u l-Akkwakultura ta l-opinjoni tiegħu dwar abbozz ta’ att delegat fil-15 ta’ Novembru 2023 f’laqgħa li l-Parlament Ewropew attenda bħala osservatur. Il-Grupp ta’ Esperti ġie kkonsultat dwar abbozz rivedut permezz ta’ proċedura bil-miktub tas-16 ta’ Jannar 2024.

(9)

Għal dawk ir-raġunijiet, il-Kummissjoni tqis li l-eżenzjoni mitluba jenħtieġ li tingħata minn tat-8 ta' Mejju 2024 sal-31 ta’ Diċembru 2026.

(10)

Il-miżuri fir-rakkomandazzjonijiet konġunti aġġornati huma f’konformità mal-Artikolu 15(4)(b), l-Artikolu 18(3) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, u l-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament (UE) 2016/1139.

(11)

Jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ mill-aktar fis possibli, billi l-miżuri previsti f’dan ir-Regolament għandhom impatt dirett fuq l-ippjanar tal-istaġun tas-sajd tal-bastimenti tal-Unjoni u fuq l-attivitajiet ekonomiċi relatati.

(12)

Peress li l-istaġun tas-salamun iseħħ fir-rebbiegħa u fis-sajf, jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika minn tat-8 ta' Mejju 2024,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

Dan ir-Regolament jipprevedi eżenzjoni mill-obbligu ta’ ħatt l-art fir-rigward tas-salamun (Salmo salar) maqbud fil-Baħar Baltiku.

Artikolu 2

Definizzjoni

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, “Baħar Baltiku” tfisser id-diviżjonijiet IIIb, IIIc u IIId tal-ICES.

Artikolu 3

Eżenzjoni mill-obbligu ta’ ħatt l-art għas-salamun b’rati għoljin ta’ sopravivenza

1.   L-obbligu ta’ ħatt l-art previst fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 ma għandux japplika għas-salamun maqbud fil-Baħar Baltiku b’wieħed mill-irkapti li ġejjin:

(a)

ix-xbieki nases kollha, bl-eċċezzjoni tal-kategoriji li ġejjin:

(i)

xbieki mirfuda f’post fiss;

(ii)

nases pontun sakemm ma jkunux:

—

mgħammra b’borża mingħajr għoqiedi tal-pontun imwaħħla li fiha jiġi dirett is-salamun mingħajr ma jintrefa’ ’l fuq mill-wiċċ tal-ilma, jew

—

ikkombinati bi stiva tal-ilma fil-bastiment tas-sajd fejn is-salamun jitqiegħed direttament; l-istiva tal-ilma għandha timtela bl-ilma u tkun kbira biżżejjed biex iżżomm u biex jinżamm mgħaddes fl-ilma s-salamun kollu li jkun ġej min-nassa;

(b)

xbieki fyke.

2.   L-eżenzjoni prevista fil-paragrafu 1 għandha, għal kull Stat Membru kkonċernat, tapplika għal massimu ta’ 8 % tal-qabdiet annwali totali tas-salamun fis-subdiviżjonijiet 22–31 tal-ICES u fis-subdiviżjoni 32 tal-ICES rispettivament.

3.   Meta jiġi skartat is-salamun li jinqabad bix-xbieki nases u bix-xbieki fyke, is-salamun għandu minnufih jinħeles lura fil-baħar.

Artikolu 4

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika minn tat-8 ta' Mejju 2024 sal-31 ta’ Diċembru 2026.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Frar 2024.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 191, 15.7.2016, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22).

(3)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/1417 tat-22 ta’ Ġunju 2021 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/1139 fir-rigward tal-ispeċifikazzjonijiet tal-obbligu ta’ ħatt l-art fir-rigward tas-salamun fil-Baħar Baltiku għall-perjodu 2021-2023 (ĠU L 305, 31.8.2021, p. 3).

(4)   https://stecf.jrc.ec.europa.eu/documents/43805/43440856/STECF+PLEN+22-03.pdf/d0acb3d4-6b6a-4067-9d08-0b6004660e25

(5)   https://stecf.jrc.ec.europa.eu/documents/43805/55639782/STECF+PLEN+23-01.pdf/bb78d95d-735e-429c-b639-5d2b1a060600

(6)   https://stecf.jrc.ec.europa.eu/documents/43805/67497497/STECF+PLEN+23-02.pdf/94846c76-e677-408e-b23c-ec0d572a9bca

(7)   https://stecf.jrc.ec.europa.eu/documents/43805/67497497/STECF+PLEN+23-02.pdf/94846c76-e677-408e-b23c-ec0d572a9bca

(8)   https://stecf.jrc.ec.europa.eu/documents/43805/812327/STECF+PLEN+14-02.pdf/e29cf181-8d63-40ef-8050-6d980b12528f


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2024/1296/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)