KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
NORKUS
ippreżentati fit‑30 ta’ Jannar 2025 ( 1 )
Kawża C‑364/23 P
ZR
vs
L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea
“Appell – Servizz pubbliku – Trasferiment interistituzzjonali – Talba għal trasferiment skont l-Artikolu 8 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea, imressqa bi tweġiba għal avviż ta’ pożizzjoni vakanti – Ċaħda ta’ din it-talba – Effett tal-ordni ta’ prijorità previst fl-Artikolu 29(1) ta’ dawn ir-regolamenti – Żball ta’ liġi”
|
1. |
Din il-kawża toffri okkażjoni sabiex tiġi analizzata l-problema, li tinsab fil-qalba tal-appell ippreżentat mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tad‑29 ta’ Marzu 2023, ZR vs EUIPO (T‑400/21, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2023:169), dwar il-mobbiltà interistituzzjonali u, b’mod partikolari, dwar l-artikolazzjoni tad-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw, minn naħa, it-talba ta’ trasferiment ta’ uffiċjal wara l-kollokament tiegħu ma’ istituzzjoni oħra tal-Unjoni ( 2 ) u, min-naħa l-oħra, il-proċedura li għandha tiġi segwita sabiex jimtlew il-pożizzjonijiet vakanti fi ħdanha. |
I. Il-kuntest ġuridiku
|
2. |
Il-kuntest ġuridiku ta’ din l-azzjoni huwa ddeterminat mid-dispożizzjonijiet li ġejjin tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea, kif emendati bir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1023/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2013 (ĠU 2013, L 287, p. 15 u rettifika fil-ĠU 2015, L 175, p. 126) (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”), fil-verżjoni tagħhom applikabbli għall-kawża prinċipali. |
|
3. |
Skont l-Artikolu 4 tar-Regolamenti tal-Persunal: “L-ebda ħatra jew promozzjoni m’għandha ssir għal xi skop ieħor barra dak biex jimtela post vojt kif provdut f’dawn ir-Regolament tal-Persunal. Postijiet vojta f’istituzzjoni għandhom ikunu notifikati lill-persunal ta’ dik l-istituzzjoni hekk kif l-awtorità tal-ħatra tiddeċiedi li l-post għandu jimtela. Jekk il-post battal ma jistax jimtela minn trasferiment, ħatra għal posizzjoni skond l-Artikolu 45a, jew promozzjoni, dan ikun notifikat lill-persunal ta’ istituzzjonijiet oħra, u/jew kompetizzjoni interna tkun organizzata.” |
|
4. |
L‑Artikolu 8 tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi: “Uffiċjal sekondat għal istituzzjoni oħra tal-Unjoni Ewropea jista’, wara perjodu ta’ sitt xhur, japplika biex ikun trasferit għal dik l-istituzzjoni. Jekk l-istituzzjon ewlenija ta’ l-uffiċjal u l-istituzzjoni li kien sekondat fiha t-tnejn jaċċettaw it-trasferiment, l-uffiċjal għandu jitqies li serva s-servizz kollu tal-karriera tiegħu fl-Unjoni f’din l-istituzzjoni l-aħħar imsemmija. Huwa m’għandux jirċievi bis-saħħa tat-tali trasferiment xi benefiċċju finanzjarju li uffiċjal huwa intitolat li jirċievi taħt dawn ir-Regolamenti tal-Persunal mat-tmiem tas-servizz minn ma’ waħda mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni. […]” |
|
5. |
L-Artikolu 29(1) tar-Regolamenti tal-Persunal jgħid: “Qabel ma timtela pożizzjoni battala f’istituzzjoni, l-awtorità tal-ħatra għandha l-ewwel tikkunsidra:
|
|
6. |
L-Artikolu 110(1) tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi: “Id-dispożizzjonijiet ġenerali li jimplimentaw dawn ir-Regolamenti tal-Persunal għandhom jiġu adottati mill-awtorità tal-ħatra ta’ kull istituzzjoni wara konsultazzjoni mal-Kumitat tal-Persunal u mal-Kumitat dwar ir-Regolamenti tal-Persunal.” |
II. Il‑fatti li wasslu għall-kawża
|
7. |
Il-fatti li wasslu għall-kawża, kif ippreżentati mill-Qorti Ġenerali fil-punti 2 sa 13 tas-sentenza appellata, jistgħu jinġabru fil-qosor, essenzjalment, kif ġej. |
|
8. |
L-appellanti, uffiċjal fil-grad AD 5 mal-Kummissjoni Ewropea, ġiet, fuq talba tagħha, ikkollokata mal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), konformement mal-Artikolu 39 tar-Regolamenti tal-Persunal, b’effett mis‑16 ta’ Settembru 2013. Hija eżerċitat il-funzjonijiet tagħha, l-ewwel, bħala assistenta fil-qasam tal-proprjetà intellettwali bħala membru tal-persunal temporanju skont l-Artikolu 2(a) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Unjoni Ewropea, sussegwentement, bħala speċjalista tal-proprjetà intellettwali fil-kwalità ta’ membru tal-persunal temporanju fil-grad AD 6 mill‑1 ta’ Marzu 2019. |
|
9. |
Fl‑10 ta’ Marzu 2020, l-EUIPO nieda, internament, sejħa għal espressjoni ta’ interess, intiża għall-ħatra bħala uffiċjali tal-EUIPO, b’mod partikolari, tal-membri tal-persunal ikkollokati miegħu (iktar ’il quddiem is-“sejħa għal espressjoni ta’ interess”) fil-kuntest tal-eżerċizzju annwali ta’ trasferimenti (iktar ’il quddiem l-“eżerċizzju annwali ta’ trasferimenti”). Din is-sejħa ppreċiżat li kienet miftuħa għall-profili professjonali kollha, inklużi dawk marbuta mal-proprjetà intellettwali. L-EUIPO indika li l-Awtorità tal-Ħatra (iktar ’il quddiem l-“Awtorità tal-Ħatra”) kienet ser tanalizza l-kandidaturi ppreżentati billi tieħu inkunsiderazzjoni l-interess tas-servizz u fid-dawl ta’ kriterji bħal: i) il-pożizzjonijiet jew l-għarfien ewlieni fi ħdan l-EUIPO, (ii) il-karriera u l-prestazzjoni fi ħdan l-EUIPO, (iii) l-opportunitajiet eżistenti fit-tabella tal-persunal, (iv) l-impatt baġitarju, u (v) it-tul li jifdal tal-kuntratt jew il-perijodu ta’ validità li jifdal tal-listi ta’ riżerva. |
|
10. |
L-appellanti wieġbet għas-sejħa għal espressjoni ta’ interess fit-terminu stabbilit, jiġifieri fil‑31 ta’ Marzu 2020, billi talbet it-trasferiment tagħha lill-EUIPO skont l-Artikolu 8 tar-Regolamenti tal-Persunal. Hija ppreċiżat li kienet tissodisfa l-imsemmija kriterji u li l-eventwali trasferiment tagħha kien konformi mal-interess tas-servizz tal-EUIPO. |
|
11. |
Fit‑28 ta’ April 2020, l-EUIPO ppubblika l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti IM/FT&TA/20/47/AD/OD indirizzat lil uffiċjali jew lil membri tal-persunal temporanju fil-grad AD 5 sa AD 8, bl-għan li timtela pożizzjoni ta’ speċjalista tal-proprjetà intellettwali (iktar ’il quddiem il‑“pożizzjoni vakanti”). |
|
12. |
Fit‑12 ta’ Mejju 2020, l-appellanti ppreżentat il-kandidatura tagħha bi tweġiba għal dan l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti. Permezz ta’ posta elettronika tal-istess jum, indirizzata lill-Awtorità tal-Ħatra, l-appellanti rreferiet għall-imsemmi avviż ta’ pożizzjoni vakanti u, abbażi tal-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, talbet li tiġi ttrasferita lill-EUIPO, konformement mal-Artikoli 8 u 29 tar-Regolamenti tal-Persunal (iktar ’il quddiem it-“talba kontenzjuża”). |
|
13. |
Permezz ta’ deċiżjoni tat‑8 ta’ Settembru 2020, l-Awtorità tal-Ħatra ċaħdet it-talba kontenzjuża (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”). |
|
14. |
Fil‑5 ta’ Novembru 2020, l-EUIPO rrekluta membru tal-persunal temporanju, magħżul wara l-pubblikazzjoni ta’ avviż ta’ reklutaġġ estern bl-għan li tiġi stabbilita lista ta’ riżerva ta’ kandidati, bid-data tal-bidu tar-reklutaġġ stabbilita għall-1 ta’ Diċembru 2020. |
|
15. |
Fit‑8 ta’ Diċembru 2020, l-appellanti ressqet ilment skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal kontra d-deċiżjoni kontenzjuża, li ġie miċħud permezz ta’ deċiżjoni tat‑22 ta’ Marzu 2021 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni li tiċħad l-ilment”). |
III. Il‑proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s‑sentenza appellata
|
16. |
Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑2 ta’ Lulju 2021, l-appellanti għamlet azzjoni intiża għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża u, sa fejn meħtieġ, tad-deċiżjoni li tiċħad l‑ilment. |
|
17. |
Insostenn tar-rikors tagħha, hija qajmet tliet motivi, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq ksur tal-Artikoli 4, 8, 27, 29 u 110 tar-Regolamenti tal-Persunal, kif ukoll tal-prinċipji ta’ kontinwità tal-karriera, ta’ eżami komparattiv tal-merti tal-uffiċjali tal-Unjoni u ta’ trasparenza, it-tieni wieħed, fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, u, it-tielet wieħed, fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u tad-dmir ta’ premura, li jirriżulta fi żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-bilanċ tal-interessi inkwistjoni. |
|
18. |
Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet dawn it-tliet motivi u, konsegwentement, ir-rikors kollu kemm hu. B’mod partikolari, fir-rigward tal-ewwel motiv, il-Qorti Ġenerali qieset, qabelxejn, fir-rigward tat-talba kontenzjuża, li, fid-dawl tal-kriterji relatati mal-formulazzjoni, mal-kontenut u mal-kuntest tagħha, din it-talba kellha tiġi kklassifikata bħala “talba għal trasferiment”, fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 tar-Regolamenti tal-Persunal. Sussegwentement, hija kkunsidrat, essenzjalment, li tali talba dwar trasferiment interistituzzjonali ma tistax titqies, min-natura tagħha, li hija intiża sabiex timtela pożizzjoni vakanti li hija s-suġġett ta’ avviż ta’ pożizzjoni vakanti. Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-EUIPO, fil-kuntest tal-eżami tal-imsemmija talba, la kien obbligat jieħu inkunsiderazzjoni l-Artikolu 29(1)(b) u lanqas l-Artikolu 4 tar-Regolamenti tal-Persunal, sa fejn dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet jikkonċernaw, fil-fehma tagħha, is-sempliċi fatt li l-persunal tal-istituzzjonijiet l-oħra ġie mgħarraf bil-pożizzjonijiet vakanti. Skont il-Qorti Ġenerali, l-ewwel motiv tal-appellanti kien infondat u parzjalment ineffettiv, sa fejn huma kkonċernati l-kontestazzjonijiet dwar l-eżerċizzju annwali ta’ trasferimenti. |
|
19. |
Fir-rigward tat-tieni u tat-tielet motiv, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, essenzjalment, minn naħa, li s-sitwazzjoni tal-appellanti ma kinitx paragunabbli, jew kienet differenti minn dawk imsemmija fl-argument tagħha. Fi kwalunkwe każ, l-eżami tat-talba tagħha, li saret barra mill-eżerċizzju annwali ta’ trasferimenti, ma jimplikax li l-amministrazzjoni kienet se tilqagħha. Min-naħa l-oħra, id-deċiżjoni kontenzjuża kienet suffiċjentement motivata, nieqsa minn kull żball manifest ta’ evalwazzjoni u adottata b’osservanza tad-dmir ta’ premura. |
IV. Il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal-Ġustizzja u t‑talbiet tal‑partijiet
|
20. |
Permezz tal-appell tagħha, l-appellanti titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
|
21. |
L-EUIPO jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
|
22. |
Skont l-Artikolu 76(2) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tipproċedi mingħajr seduta għas-sottomissjonijiet orali. |
V. Analiżi ġuridika
|
23. |
Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tqajjem tliet aggravji. Skont it-talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, dawn il-konklużjonijiet ser jiffokaw fuq l-ewwel tnejn. Madankollu, qabel ma tiġi analizzata l-fondatezza ta’ dawn l-aggravji, għandhom jiġu eżaminati d-dubji dwar l-ammissibbiltà ta’ dan l-appell imqajma mill-EUIPO. |
A. Fuq l‑ammissibbiltà
|
24. |
L-EUIPO jikkontesta l-ammissibbiltà ta’ dan l-appell minħabba li dan ma jindikax bi preċiżjoni l-elementi kkontestati tas-sentenza, ma jinkludix argumenti legali insostenn tal-aggravji tagħha, ma huwiex suffiċjentement koerenti u komprensibbli, u, għaldaqstant, huwa intiż sempliċement sabiex jikseb sempliċi eżami mill-ġdid tar-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali. Huwa jqis li l-appell kollu huwa bbażat fuq l-allegata interpretazzjoni żbaljata tat-talba kontenzjuża. Issa, permezz ta’ tali argument, l-appellanti tfittex li tbiddel is-suġġett tal-kawża billi tipprova tqajjem, għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, argumenti li hija ma kinitx ressqet quddiem il-Qorti Ġenerali. |
|
25. |
L-appellanti ssostni li l-appell tagħha huwa ammissibbli. |
|
26. |
F’dan ir-rigward, ma naqbilx mal-fehma tal-EUIPO li, essenzjalment, dan l-appell huwa, fl-intier tiegħu, inammissibbli. Fil-fatt, dan l-appell huwa intiż sabiex jikkontesta l-pożizzjoni meħuda mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata, billi jsemmi l-motivi u l-argumenti legali li permezz tagħhom l-appellanti għandha l-intenzjoni li tikkontesta din il-pożizzjoni. B’mod partikolari, hija tikkritika lill-Qorti Ġenerali bi żbalji ta’ liġi u żnaturament tal-fatti, imqajma meta semmiet b’mod konkret l-aspetti u l-punti ta’ din is-sentenza. Għandu jingħad ukoll li, meta parti tikkontesta l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali, bħalma huwa l-każ hawnhekk, fir-rigward ta’ diversi dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal, huwa evidentement possibbli li jitqajmu mill-ġdid, fil-proċedura ta’ appell, kwistjonijiet ta’ liġi li kienu ġew eżaminati quddiem din l-aħħar qorti ( 3 ), sa fejn, fin-nuqqas ta’ dan, il-proċedura tal-appell tiġi mċaħħda minn parti mis-sens tagħha. |
|
27. |
L-allegazzjonijiet tal-EUIPO dwar l-inammissibbiltà tal-argument “prinċipali” tal-appell dwar l-allegata interpretazzjoni żbaljata tat-talba tal-appellanti lanqas ma jidhirli li huma konvinċenti. Fil-fatt, kif jirriżulta mis-sottomissjonijiet bil-miktub tal-appellanti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, din tikkritika lill-Qorti Ġenerali li, essenzjalment, żnaturat l-elementi tal-proċess u, għaldaqstant, li wettqet żball ta’ liġi fil-klassifikazzjoni ġuridika tat-talba kontenzjuża u fil-konsegwenzi li hija siltet minnhom. Issa, tali kwistjonijiet huma suġġetti, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell ( 4 ). |
|
28. |
Barra minn hekk, huwa ċertament minnu li, skont l-Artikolu 170(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-appell ma jistax ibiddel is-suġġett tal-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali u li l-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-appell, hija fil-fatt limitata għall-evalwazzjoni tas-soluzzjoni legali li ngħatat għall-motivi diskussi quddiem il-qrati tal-ewwel istanza ( 5 ). Madankollu, mir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali jirriżulta b’mod ċar li l-appellanti kkontestat, essenzjalment, l-assenza ta’ eżami tal-kandidatura tagħha għal pożizzjoni vakanti, li s-sentenza appellata ppreċiżat il-klassifikazzjoni ġuridika tagħha. Din tal-aħħar issa hija kkontestata fil-kuntest ta’ dan l-appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li jsostni l-EUIPO, dan l-argument “prinċipali” tal-appellanti ma jistax jitqies li jbiddel is-suġġett tat-tilwima quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. |
|
29. |
Għalhekk inqis li ma hemm l-ebda dubju dwar l-ammissibbiltà tal-appell u dwar dik tal-argument “prinċipali” tagħha. Għaldaqstant, hemm lok li l-analiżi ġuridika fil-mertu titkompla. |
B. Fuq il-mertu
1. Osservazzjonijiet kuntestwali
|
30. |
Qabel ma nindirizza l-analiżi tal-kwistjonijiet legali mqajma iktar ’il fuq, nixtieq nagħmel xi osservazzjonijiet preliminari dwar il-kuntest, li huma neċessarji sabiex tinftiehem tajjeb il-kwistjoni li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-każ. |
|
31. |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-appellanti għamlet żewġ talbiet, kif deskritti fil-punti 10 u 12 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Għalhekk, tqum il-kwistjoni tal-artikolazzjoni ta’ diversi proċeduri li ngħaqdu f’dan il-każ, jiġifieri (i) kandidatura għal avviż ta’ pożizzjoni vakanti, skont ir-regoli li għandhom jiġu osservati sabiex jimtlew il-pożizzjonijiet vakanti, stabbiliti fl-Artikolu 29(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, (ii) talba għal trasferiment interistituzzjonali wara kollokament ta’ uffiċjal ma’ istituzzjoni ospitanti, fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 tar-Regolamenti tal-Persunal, u (iii) eżerċizzju annwali ta’ trasferimenti, li, kif jirriżulta mill-elementi tal-proċess, jikkostitwixxi proċedura sui generis interna u speċifika għall-EUIPO (iktar ’il quddiem il-“proċedura sui generis”), li ma hijiex prevista mir-Regolamenti tal-Persunal ( 6 ). |
|
32. |
Madankollu, id-deċiżjoni, li tat lok għar-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali, ittieħdet biss fid-dawl tat-tieni talba, deskritta fil-punt 12 ta’ dawn il-konklużjonijiet, li minnha jirriżulta, essenzjalment, li l-Awtorità tal-Ħatra ddeċidiet li ma teżaminax il-kandidatura tal-appellanti għall-avviż ta’ pożizzjoni vakanti minħabba, essenzjalment, li dan ma kienx indirizzat lil din tal-aħħar, uffiċjal ta’ istituzzjoni oħra tal-Unjoni. Madankollu, l-Awtorità tal-Ħatra analizzat din it-tieni talba bħala talba għal trasferiment fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 tar-Regolamenti tal-Persunal, abbażi tal-kriterji li jirriżultaw mill-eżerċizzju annwali ta’ trasferimenti ( 7 ), li l-legalità tiegħu ġiet approvata mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata. |
|
33. |
F’dan ir-rigward, huwa madankollu diffiċli li wieħed jifhem, minn naħa, jekk l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti kellux jiġi kkunsidrat bħala li jista’ jindirizza lill-appellanti ( 8 ) u jekk, min-naħa l-oħra, l-eżistenza ta’ relazzjoni bejn it-talba għal trasferiment fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 tar-Regolamenti tal-Persunal u l-eżerċizzju annwali ta’ trasferimenti kinitx ta’ natura li tiġġustifika l-applikazzjoni tal-kriterji li jirriżultaw minn dan l-eżerċizzju waqt l-analiżi tal-imsemmija talba, u dan, iktar u iktar, peress li din it-talba tressqet barra mill-kuntest ta’ dan l-istess eżerċizzju ( 9 ). L-assenza ta’ ċarezza fir-rigward ta’ dawn iż-żewġ aspetti msemmija iktar ’il fuq u s-silenzju tal-Qorti Ġenerali f’dan ir-rigward fis-sentenza appellata jidhirli li huma partikolarment spjaċevoli. |
|
34. |
Madankollu, minkejja l-konfużjoni li tirriżulta, li tikkomplika b’mod sinjifikattiv l-analiżi ġuridika ta’ din il-kawża, din l-analiżi għandha ssir kif ġej. |
2. Fuq l‑ewwel aggravju tal‑appell
|
35. |
Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, kompost minn tliet partijiet, l-appellanti tqajjem kontestazzjonijiet marbuta mal-artikolazzjoni f’dan il-każ tal-Artikoli 4, 8, 27, 29 u 110 tar-Regolamenti tal-Persunal. |
|
36. |
Huwa fil-kuntest ta’ dan l-aggravju, u b’mod iktar partikolari f’dak tal-ewwel parti tiegħu, li jkun xieraq li tiġi analizzata d-domanda li tikkostitwixxi l-kwistjoni f’din il-kawża, jiġifieri jekk il-Qorti Ġenerali ddeterminatx b’mod korrett, minn naħa, il-klassifikazzjoni ġuridika tat-talba kontenzjuża u, min-naħa l-oħra, siltitx b’mod korrett il-konsegwenzi ġuridiċi li jirriżultaw minnha. |
a) Fuq l‑ewwel parti tal‑ewwel aggravju
|
37. |
Fil-kuntest ta’ din l-ewwel parti tal-ewwel aggravju, l-appellanti ssostni li l-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali, dwar il-klassifikazzjoni tat-talba kontenzjuża u l-konsegwenzi li nsiltu minnha fis-sentenza appellata ( 10 ) hija vvizzjata bi żball ta’ liġi. Hija tqis li l-Artikoli 8 u 29 tar-Regolamenti tal-Persunal ma jirregolawx żewġ proċeduri distinti. L-Artikolu 8 tar-Regolamenti tal-Persunal ma jistax jiġi interpretat bħala li jirreferi għal sitwazzjoni mingħajr pożizzjoni vakanti, peress li tali approċċ imur kontra mhux biss il-kliem tal-Artikolu 4 tar-Regolamenti tal-Persunal, iżda wkoll l-għan tal-Artikoli 4 u 29 ta’ dawn tal-aħħar. Fil-fatt, huwa neċessarju li teżisti pożizzjoni vakanti li għaliha l-uffiċjal jista’ jiġi ttrasferit, peress li dan tal-aħħar ma jiġix ittrasferit bil-pożizzjoni li huwa jokkupa fl-istituzzjoni ta’ oriġini, u dan iktar u iktar peress li d-diversi pożizzjonijiet għandhom jiġu previsti fil-baġit ta’ kull istituzzjoni ospitanti. L-appellanti tikkritika wkoll lill-Qorti Ġenerali li żnaturat l-elementi tal-proċess u, b’mod partikolari, il-kliem stess tat-talba kontenzjuża, billi kkunsidrat li din kienet talba għal trasferiment fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 tar-Regolamenti tal-Persunal. |
|
38. |
F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja ser ikollha tiddetermina jekk il-Qorti Ġenerali setgħetx ġustament teskludi l-applikazzjoni konkomitanti, b’mod partikolari, tal-Artikolu 8 u tal-Artikolu 29(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, billi tqis, essenzjalment, li talba għal trasferiment interistituzzjonali, fis-sens tal-ewwel paragrafu ta’ dan l-Artikolu 8, ma tistax tirrigwarda direttament pożizzjoni vakanti speċifika, li hija s-suġġett ta’ avviż ta’ pożizzjoni vakanti ( 11 ). |
|
39. |
Fil-fehma tiegħi, ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali, b’mod partikolari fil-punti 60 sa 64 tas-sentenza appellata ( 12 ), fejn jingħad, essenzjalment, li għandha ssir distinzjoni b’mod assolut bejn talba għal trasferiment interistituzzjonali wara l-kollokament ta’ uffiċjal, fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 tar-Regolamenti tal-Persunal, u r‑regoli li jirregolaw il-possibbiltajiet li jimtlew il-pożizzjonijiet vakanti, b’mod partikolari, permezz ta’ talba għal trasferiment interistituzzjonali, fis-sens tal-Artikolu 29(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, huwa vvizzjat bi żball ta’ liġi għar-raġunijiet li ser nesponi iktar ’il quddiem. B’mod iktar partikolari, sa fejn din id-distinzjoni tidher li affettwat, sa mill-klassifikazzjoni ġuridika tat-talba kontenzjuża, ir-raġunament kollu tal-Qorti Ġenerali, jidhirli li huwa iktar opportun li din l-analiżi tinbeda bl-eżami tal-fondatezza ta’ din id-distinzjoni, qabel ma jiġi ttrattat dak tal-imsemmija klassifikazzjoni. |
|
40. |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, fl-ewwel lok, li l-interpretazzjoni testwali tal-Artikolu 8 u tal-Artikolu 29(1) tar-Regolamenti tal-Persunal tipprekludi d-distinzjoni assoluta, stabbilita mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata. Fil-fatt, l-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet tikkonċerna, b’mod partikolari, l-ipoteżi ta’ talba għal trasferiment ta’ uffiċjal wara l-kollokament tiegħu ma’ istituzzjoni oħra tal-Unjoni. Għalhekk, l-Artikolu 8 tar-Regolamenti tal-Persunal ma jipprevedi ebda limitazzjoni dwar il-possibbiltà offruta lill-uffiċjali li jiġu ttrasferiti abbażi, b’mod partikolari, tal-Artikolu 29(1)(b) tar-Regolamenti tal-Persunal. |
|
41. |
Fir-rigward tal-Artikolu 29(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, din id-dispożizzjoni tikkonċerna l-possibbiltajiet speċifiċi ta’ eżami min-naħa tal-Awtorità tal-Ħatra sabiex jimtlew il-pożizzjonijiet vakanti, jiġifieri t-trasferiment, il-ħatra skont l-Artikolu 45a tar-Regolamenti tal-Persunal jew il-promozzjoni fi ħdan l-istituzzjoni, it-trasferiment interistituzzjonali, u l-proċedura ta’ selezzjoni bbażata fuq l-eżami tal-listi ta’ kandidati xierqa u l-kompetizzjoni. |
|
42. |
B’hekk, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 29(1) tar-Regolamenti tal-Persunal jirriżulta li din id-dispożizzjoni tistabbilixxi l-ordni ta’ preferenza li għandha tiġi osservata mill-Awtorità tal-Ħatra sabiex timtela l-pożizzjoni vakanti, bil-prijorità tingħata lill-uffiċjali li diġà jservu fl-istituzzjoni, imbagħad lill-uffiċjali ta’ istituzzjonijiet oħra, segwiti minn kandidati mqiegħda fil-listi ta’ kandidati xierqa u, fl-aħħar nett, lill-kandidati fil-kuntest ta’ kompetizzjoni organizzata ( 13 ). Għaldaqstant, ma jistax jiġi kkontestat li, skont din id-dispożizzjoni tal-aħħar, l-Awtorità tal-Ħatra għandha teżamina bir-reqqa l-kandidaturi li ġew ippreżentati skont l-ordni ta’ preferenza stabbilita mill-imsemmija dispożizzjoni ( 14 ). |
|
43. |
Fit-tieni lok, l-interpretazzjoni kuntestwali tal-Artikolu 8 u tal-Artikolu 29(1) tar-Regolamenti tal-Persunal tipprekludi, hija wkoll, id-distinzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali dwar l-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. Fil-fatt, għandu jitfakkar li l-Artikolu 8, li jinsab fit-Titolu I, jintegra ruħu, kif jindika t-titolu tiegħu, fid-dispożizzjonijiet ġenerali tar-Regolamenti tal-Persunal. L-Artikolu 29 tar-Regolamenti tal-Persunal, min-naħa tiegħu, jaqa’ taħt il-Kapitolu 1, intitolat “Reklutaġġ”, tat-Titolu III, intitolat “Il-karriera ta’ l-uffiċjal”. |
|
44. |
Fid-dawl ta’ dan, jien inqis, kif diġà enfasizzat l-Avukata Ġenerali Kokott ( 15 ), li d-dispożizzjonijiet ġenerali tar-Regolamenti tal-Persunal huma intiżi li japplikaw b’mod trasversali fl-oqsma kollha tad-dritt tas-servizz pubbliku Ewropew. Din il-kunsiderazzjoni tista’ tiġi kkonfermata mill-ġurisprudenza ( 16 ). Għalhekk, in-natura ġenerali tad-dispożizzjoni msemmija fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 tar-Regolamenti tal-Persunal, dwar talba għal trasferiment ta’ uffiċjal wara l-kollokament tiegħu, timmilita favur qari konġunt ta’ dan tal-aħħar mal-Artikolu 29(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, li jikkonċerna, minn naħa, il-possibbiltajiet speċifiċi li timtela pożizzjoni fi ħdan l-istituzzjonijiet ospitanti u, min-naħa l-oħra, l-ordni ta’ preferenza li għandha tiġi osservata għal dan l-għan. |
|
45. |
Interpretazzjoni kuntrarja, kif tirriżulta, b’mod partikolari, mill-punti 62 u 63 tas-sentenza appellata, li tgħid li talba għal trasferiment imressqa abbażi tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 tar-Regolamenti tal-Persunal ma tistax tirrigwarda direttament pożizzjoni vakanti speċifika ppubblikata mill-Awtorità tal-Ħatra, ikollha l-konsegwenza li tillimita l-possibbiltajiet għall-uffiċjali kkollokati li japplikaw għall-pożizzjonijiet ta’ impjieg speċifiċi, filwaqt li tali limitazzjoni ma teżistix għall-uffiċjali mhux ikkollokati. Issa, minflok ma jagħti lill-uffiċjali kkollokati dritt addizzjonali għat-trasferiment, dan l-artikolu, kif interpretat mill-Qorti Ġenerali, jirriżulta f’limitazzjoni tad-dritt tagħhom. Mill-perspettiva teleoloġika niddubita kemm din setgħet kienet l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni. |
|
46. |
L-argument tal-Qorti Ġenerali, li jgħid li esklużjoni tal-uffiċjali f’kollokament mill-proċedura prevista fl-Artikolu 29(1)(b) tar-Regolamenti tal-Persunal hija ġġustifikata min-neċessità tal-Awtorità tal-Ħatra li twessa’ l-għażla lil hinn mill-possibbiltajiet offruti mill-Artikolu 29(1)(a) tar-Regolamenti tal-Persunal ( 17 ) billi tiffavorixxi l-mobbiltà tal-uffiċjali tal-Unjoni, kif ukoll l-interess tas-servizz ( 18 ) lanqas ma jikkonvinċini. Nifhem li t-trasferiment ta’ uffiċjal ikkollokat, wara t-talba tiegħu skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 tar-Regolamenti tal-Persunal ma joffrix riżorsi umani addizzjonali lill-istituzzjoni tal-Unjoni kkonċernata meta mqabbla mar-reklutaġġ ta’ persuni li ma jaħdmux diġà fi ħdan l-istess istituzzjoni, kif indikat fil-punt 43 tas-sentenza appellata, u għalhekk interess eventwali li tiġi limitata l-possibbiltà għall-uffiċjali kkollokati li japplikaw għal pożizzjonijiet vakanti skont l-Artikolu 29(1)(b) tar-Regolamenti tal-Persunal. |
|
47. |
Madankollu, it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ tali konstatazzjoni jfisser, essenzjalment, li l-interess tas-servizz li jwessa’ l-effettività tiegħu billi jirrikorri għal uffiċjali li jaħdmu fi ħdan istituzzjonijiet oħra jipprevali fuq l-għan li jiġu rreklutati l-persuni li għandhom l-ogħla livell ta’ kapaċità, ta’ effiċjenza u ta’ integrità ( 19 ) peress li jċaħħad uffiċjal issekondat mill-possibbiltà stess li jikkonvinċi lill-Awtorità tal-Ħatra bil-kwalitajiet tiegħu b’paragun mal-uffiċjali li ma humiex ikkollokati. Konsegwentement, minflok ma jestendiha, fir-realtà, dan it-teħid inkunsiderazzjoni jillimita l-għażla ta’ Awtorità tal-Ħatra. |
|
48. |
Finalment, mill-perspettiva prattika, l-interpretazzjoni li tgħid li talba għal trasferiment interistituzzjonali, fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 tar-Regolamenti tal-Persunal, ma tistax tirrigwarda direttament pożizzjoni vakanti speċifika, li tkun is-suġġett ta’ avviż ta’ pożizzjoni vakanti, tirriskja li ċċaħħad il-possibbiltà ta’ trasferiment prevista f’din id-dispożizzjoni minn kull effett utli. |
|
49. |
F’dan ir-rigward, jidhirli li l-esklużjoni, b’mod partikolari, tal-applikazzjoni konkomitanti tal-Artikoli 8 u 29 tar-Regolamenti tal-Persunal, deċiża mill-Qorti Ġenerali, ma tantx hija loġika. Fil-fatt, jekk it-talba għal trasferiment ma hijiex marbuta ma’ pożizzjoni vakanti li hija s-suġġett ta’ avviż ta’ pożizzjoni vakanti, fejn jiġi ttrasferit l-uffiċjal inkwistjoni ( 20 )? Iktar minn hekk, tali esklużjoni tirriskja li taħbat mar-restrizzjonijiet baġitarji sa fejn kull pożizzjoni li għaliha l-awtoritajiet baġitarji taw natura permanenti fi ħdan kull istituzzjoni tal-Unjoni għandha tkun prevista bir-reqqa minn tabella tal-persunal annessa mat-taqsima tal-baġit relatata magħha ( 21 ). Issa, kif tirrileva ġustament l-appellanti, uffiċjal ma jiġix ittrasferit lill-istituzzjoni ospitanti bil-pożizzjoni tiegħu tal-istituzzjoni tal-oriġini. Fi kliem ieħor, uffiċjal jista’ jiġi ttrasferit lil istituzzjoni ospitanti biss jekk pożizzjoni vakanti permanenti li għandha timtela hija prevista u jekk ir-regoli tar-Regolamenti tal-Persunal sabiex din timtela jiġu osservati. |
|
50. |
B’dan premess, tista’ tinftiehem il-kunsiderazzjoni tal-Qorti Ġenerali, imfakkra fil-punt 38 ta’ dawn il-konklużjonijiet, fis-sens li t-talba għal trasferiment tista’ tirrigwarda biss il-pożizzjonijiet speċifikament previsti mill-istituzzjoni ospitanti, fil-kuntest ta’ proċedura interna maħsuba għal dan l-għan, li ma hijiex prevista mir-Regolamenti tal-Persunal, jiġifieri l-eżerċizzju annwali tat-trasferimenti. Madankollu, hemm lok li jitqies li tali interpretazzjoni, li bl-ebda mod ma tirriżulta b’mod espliċitu mis-sentenza appellata, tikser in-natura ġenerali tad-dispożizzjoni relatata mat-trasferiment interistituzzjonali ta’ uffiċjal wara l-kollokament tiegħu, prevista fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 tar-Regolamenti tal-Persunal. |
|
51. |
Barra minn hekk, ma nara ebda raġuni oġġettiva li teżiġi li talba għat-trasferiment ta’ uffiċjal wara l-kollokament tiegħu tkun limitata biss għall-pożizzjonijiet speċifikament maħsuba fi ħdanu minn proċedura interna tal-istituzzjoni ospitanti. Issa, l-eżerċizzju annwali ta’ trasferimenti, proċedura sui generis li tistabbilixxi possibbiltà addizzjonali ta’ trasferimenti interistituzzjonali meta mqabbla ma’ dik prevista mir-Regolamenti tal-Persunal sabiex wieħed jaċċedi għall-pożizzjonijiet ta’ uffiċjal fi ħdan l-EUIPO, ma jistax jipprevali fuq is-sistema tar-Regolamenti tal-Persunal dwar it-trasferimenti wara l-kollokament ta’ uffiċjal, li l-applikazzjoni tagħha għall-EUIPO hija meħtieġa bis-saħħa tal-atti li jistabbilixxuha ( 22 ). Din is-sistema, sabiex tagħtiha l-effett utli kollu tagħha, għandha tinqara flimkien mal-Artikoli 4 u 29 tar-Regolamenti tal-Persunal ( 23 ). Fi kwalunkwe każ, tali limitazzjoni tirriskja li tistabbilixxi trattament iddifferenzjat bejn l-uffiċjali kkollokati li jitolbu li jiġu ttrasferiti, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 tar-Regolamenti tal-Persunal, lill-EUIPO, li għandu proċedura interna speċifika, u dawk ikkollokati ma’ istituzzjoni oħra tal-Unjoni li ma tipprevedix tali proċedura u li jitolbu li jiġu ttrasferiti fiha, mingħajr ġustifikazzjoni oġġettiva. |
|
52. |
Din il-konklużjoni tapplika iktar u iktar fid-dawl tal-fatt li l-eżerċizzju annwali ta’ trasferimenti jidher li għandu, kif jirriżulta mill-atti tal-proċess quddiem il-Qorti Ġenerali, kamp ta’ applikazzjoni differenti minn dak tal-proċedura relatata ma’ talba għal trasferiment fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 tar-Regolamenti tal-Persunal ( 24 ). Issa, kif jirriżulta mis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonfermat l-analiżi mwettqa fid-deċiżjoni kontenzjuża, ibbażata fuq il-kriterji ta’ evalwazzjoni li jirriżultaw mill-imsemmi eżerċizzju, applikati għat-talba kontenzjuża, mingħajr ma eżaminat, filwaqt li ġiet mistiedna tagħmel dan mill-appellanti, jekk kinitx teżisti relazzjoni bejn dan l-istess eżerċizzju u l-proċedura msemmija fl-ewwel paragrafu ta’ dan l-Artikolu 8, moqri flimkien mal-Artikolu 29 tar-Regolamenti tal-Persunal. |
|
53. |
B’mod purament komplementari, huwa utli li jiġi enfasizzat li l-esklużjoni tal-applikazzjoni konkomitanti, b’mod partikolari, tal-Artikoli 8 u 29 tar-Regolamenti tal-Persunal, tirriżulta kuntrarja għar-raġunament espost fid-deċiżjoni kontenzjuża stess. Skont dan ir-raġunament, l-eżami tal-kandidatura tal-appellanti għall-avviż ta’ pożizzjoni vakanti ġie eskluż minħabba li dan l-avviż ma kienx indirizzat lilha fil-kwalità tagħha ta’ uffiċjal ta’ istituzzjoni oħra, u dan ġie ppreċiżat ukoll waqt id-deċiżjoni li tiċħad l-ilment. Madankollu, ebda element tad-deċiżjoni kontenzjuża ma jagħti x’jifhem li din it-talba fl-ebda każ ma setgħet tirreferi għal pożizzjoni ta’ impjieg vakanti ( 25 ). F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-konklużjoni tal-EUIPO dwar id-destinatarji legali tal-avviż ta’ pożizzjoni vakanti, li hija kkontestata mill-appellanti quddiem il-Qorti Ġenerali, ma ġietx eżaminata fis-sentenza appellata. Għaldaqstant, l-argumenti kuntrarji tal-EUIPO, li jirriżultaw minn qari żbaljat tal-punti 62 u 64 ta’ din is-sentenza, ma jistgħux jinvalidaw dak li ntqal iktar ’il fuq. |
|
54. |
Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, inqis li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fis-sentenza appellata, sa fejn iddeċidiet li t-talba kontenzjuża, ikklassifikata bħala talba għal trasferiment, fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 tar-Regolamenti tal-Persunal, min-natura tagħha stess, ma setgħetx tirrigwarda pożizzjoni vakanti speċifika u, konsegwentement, ċaħdet b’mod żbaljat bħala ineffettivi l-argumenti tal-appellanti dwar, essenzjalment, l-assenza ta’ applikazzjoni konkomitanti mad-dispożizzjoni ċċitata iktar ’il fuq ta’ dik imsemmija, b’mod partikolari, fl-Artikolu 29 tar-Regolamenti tal-Persunal. |
|
55. |
F’dan ir-rigward, għandu jitqies, kif diġà ġie rrilevat fil-bidu ta’ din l-analiżi, li dan l-iżball jaffettwa l-bqija tar-raġunament tal-Qorti Ġenerali ddedikat għall-eżami tal-fondatezza tar-rikors. Dan jgħodd ukoll għall-klassifikazzjoni ġuridika tat-talba kontenzjuża, li għall-finijiet tagħha l-Qorti Ġenerali qieset neċessarju li tikklassifika din it‑talba b’mod binarju jew bħala talba għal trasferiment, jew bħala att ta’ kandidatura bi tweġiba għall-avviż ta’ pożizzjoni vakanti. Issa, kif jirriżulta mill-punti preċedenti, iż-żewġ proċeduri setgħu jiġu applikati b’mod parallel u, konsegwentement, talba għal trasferiment skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 tar-Regolamenti tal-Persunal setgħet tabilħaqq tirrigwarda l-pożizzjoni vakanti mħabbra mill-avviż ta’ pożizzjoni vakanti interna. Meta qasmet it-talba kontenzjuża, waqt il-klassifikazzjoni ġuridika tagħha, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi. |
|
56. |
Għall-finijiet ta’ kompletezza, nirrileva li, sa fejn mit-talba kontenzjuża jirriżulta li l-appellanti kellha l-intenzjoni li tiġi ttrasferita lill-EUIPO u li ssir uffiċjal hemmhekk billi tirrispondi għall-pubblikazzjoni tal-avviż ta’ pożizzjoni vakanti, il-mod eżatt kif ġiet ifformulata din it-talba kontenzjuża, fil-fehma tiegħi, ma huwiex rilevanti. Fil-fatt, hija l-Awtorità tal-Ħatra li għandha tipproċedi għall-klassifikazzjoni ġuridika tat-talba b’mod li tirrifletti s-sens mixtieq mill-awtur tagħha ( 26 ). Issa, huwa eżattament l-oppost li ġara f’dan il-każ: l‑avviż tal-pożizzjoni vakanti fi ħdan l-EUIPO ma kienet tindika ebda bażi legali, filwaqt li l-fatt li l-appellanti, fit-talba kontenzjuża tagħha, invokat żewġ bażijiet legali, jiġifieri l-Artikoli 8 u 29 tar-Regolamenti tal-Persunal, fil-fehma tiegħi, b’mod kompletament korrett, ġie interpretat kontra tagħha. |
|
57. |
Minn dan isegwi li l-ewwel parti tal-ewwel aggravju għandha, fil-fehma tiegħi, tintlaqa’. Għaldaqstant, huwa biss għal finijiet ta’ kompletezza li ser neżamina l-partijiet li fadal tal-ewwel aggravju u tat-tieni aggravju. |
b) Fuq it‑tieni parti tal-ewwel aggravju
|
58. |
Fir-rigward tat-tieni parti tal-ewwel aggravju, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali kisret id-drittijiet tad-difiża tagħha jew, tal-inqas, interpretat b’mod żbaljat l-ewwel motiv tagħha u ħalliet barra wħud mill-argumenti tagħha, billi kkonċentrat fuq l-argumenti tal-EUIPO dwar ir-rapporti ta’ evalwazzjoni mingħajr ma bbilanċjathom ma’ dawk ifformulati minnha, iktar u iktar peress li dawn ir-rapporti ma kinux jinsabu fil-proċess quddiem il-Qorti Ġenerali. |
|
59. |
Dawn l-argumenti ma jidhirlix li huma konvinċenti. Fil-fatt, huwa minnu li l-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq l-argumenti tal-EUIPO dwar ir-rapporti ta’ evalwazzjoni li jikkonċernawha. Madankollu, l-appellanti, li ma ssostnix li hija ma kinitx taf il-kontenut tagħhom, setgħet teżerċita b’mod effettiv id-drittijiet tad-difiża tagħha f’dak li jirrigwarda l-evalwazzjonijiet li saru minnhom. B’hekk, l-allegat ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha ma jistax jirriżulta mill-assenza ta’ dawn ir-rapporti fil-proċess quddiem il-Qorti Ġenerali, u dan iktar u iktar peress li l-appellanti stess ma kkunsidratx opportun li tipproduċi dawn id-dokumenti quddiemha. |
|
60. |
Barra minn hekk, mill-punti 52 u 53 tas-sentenza appellata jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li tallega l-appellanti, fl-evalwazzjoni tagħha, il-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni mhux biss ir-rapporti ta’ evalwazzjoni, iżda wkoll elementi oħra, bħall-kompetenzi tal-appellanti u l-pożizzjonijiet li hija kienet okkupat matul il-karriera tagħha fi ħdan l-EUIPO. Fi kwalunkwe każ, il-fatt li l-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argumenti tal-appellanti ma jistax ifisser li din kisret id-drittijiet tad-difiża tagħha jew, tal-inqas, interpretat b’mod żbaljat l-ewwel motiv tagħha u naqset milli teżamina wħud mill-argumenti tagħha. Għaldaqstant, it-tieni parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda. |
c) Fuq it‑tielet parti tal‑ewwel aggravju
|
61. |
Fil-kuntest tat-tielet parti tal-ewwel aggravju, l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali bi żbalji ta’ liġi sa fejn, minn naħa, hija ċaħdet il-kontestazzjonijiet tagħha dwar l-eżerċizzju annwali ta’ trasferimenti bħala irrilevanti, minkejja li l-kriterji li jirriżultaw minn din il-proċedura ġew applikati waqt l-eżami tat-talba tagħha u, min-naħa l-oħra, hija żnaturat l-elementi tal-proċess, billi qieset li t-talba kontenzjuża ma ġietx eżaminata fil-kuntest tal-eżerċizzju annwali ta’ trasferimenti. Iktar minn hekk, hija takkużaha li kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha, billi rrispondiet biss parzjalment għall-argumenti tagħha. |
|
62. |
Infakkar li, fil-punt 69 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset, essenzjalment, li kull argument tal-appellanti marbut mal-eżerċizzju annwali ta’ trasferimenti kien irrilevanti fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjoni kontenzjuża li kien jirrigwarda talba oħra ta’ trasferiment. Fil-punti 70 u 71 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-argument tal-appellanti, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 110 tar-Regolamenti tal-Persunal, kien inammissibbli, minħabba, essenzjalment, l-assenza ta’ indikazzjonijiet ċari u preċiżi dwar l-effett ta’ dan il-ksur fuq is-sitwazzjoni personali tagħha jew fuq il-kontenut tad-deċiżjoni kontenzjuża. |
|
63. |
Preliminarjament, ma naqbilx mal-fehma tal-EUIPO, ippreżentata bi tweġiba għall-argument tal-appellanti, miġbur fil-qosor fil-punt 61 ta’ dawn il-konklużjonijiet, li din tal-aħħar ma tibbaża ruħha fuq ebda punt ta’ liġi, iżda sempliċement tirriproduċi l-argumenti li hija diġà ressqet quddiem il-Qorti Ġenerali, u b’hekk allegatament tipprova tikkontesta l-evalwazzjoni tagħha tal-fatti. Fil-fatt, jekk is-sempliċi repetizzjoni tal-argumenti diġà mressqin quddiem il-Qorti Ġenerali setgħet twassal għall-konstatazzjoni taċ-ċaħda tagħhom ( 27 ) għandu jitfakkar li, meta parti tikkontesta l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, magħmula mill-Qorti Ġenerali, bħalma huwa l-każ hawnhekk f’dak li jirrigwarda l-legalità tal-proċedura applikata waqt l-eżami tat-talba kontenzjuża fid-dawl tad-diversi dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal, huwa ċertament possibbli li jitqajmu mill-ġdid, fil-proċedura ta’ appell, punti ta’ liġi li kienu ġew eżaminati quddiem din il-qorti tal-aħħar ( 28 ), sakemm dan ma jċaħħadx il-proċedura tal-appell minn parti mis-sens tagħha. Għaldaqstant, l-argument tal-EUIPO dwar l-inammissibbiltà tat-tielet parti tal-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud. |
|
64. |
B’dan premess, fuq il-mertu tal-argument tal-appellanti, għandu jiġi rrilevat dan li ġej. Qabel kollox, għandu jitfakkar li t-talba inkwistjoni ġiet evalwata fid-dawl tal-kriterji li jirriżultaw mill-proċedura tal-eżerċizzju annwali ta’ trasferimenti. Għalhekk, huwa abbażi ta’ din l-istess evalwazzjoni li l-Qorti Ġenerali qieset li t-talba kontenzjuża kienet ġiet debitament eżaminata mill-EUIPO ( 29 ). |
|
65. |
Fil-fehma tiegħi, il-Qorti Ġenerali ma setgħetx, mingħajr ma tivvizzja s-sentenza appellata bi żball ta’ liġi, tiċħad bħala irrilevanti l-argumenti tal-appellanti relatati, essenzjalment, mal-eżerċizzju annwali ta’ trasferimenti abbażi biss tal-fatt li s-suġġett tar-rikors quddiemha kien jikkonċerna talba oħra għal trasferiment imressqa barra mit-terminu stabbilit għall-espressjoni ta’ interess. Fil-fatt, din il-kunsiderazzjoni tal-Qorti Ġenerali titbiegħed b’mod sinjifikattiv mir-realtà tal-evalwazzjoni tat-talba kontenzjuża sa fejn, minkejja t-tressiq ta’ din it-talba bi tweġiba għall-avviż ta’ pożizzjoni vakanti, din saret fid-dawl tal-kriterji li jirriżultaw minn proċedura oħra tal-eżerċizzju annwali ta’ trasferimenti u ġiet approvata abbażi ta’ din l-evalwazzjoni mill-Qorti Ġenerali ( 30 ). |
|
66. |
Issa, minbarra l-fatt li l-Qorti Ġenerali bl-ebda mod ma analizzat ir-relazzjoni bejn il-proċedura tal-eżerċizzju annwali ta’ trasferimenti, li hija proċedura sui generis u dik imsemmija fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8, moqri flimkien mal-Artikolu 29 tar-Regolamenti tal-Persunal sabiex tiġi evalwata l-fondatezza tal-applikazzjoni tal-kriterji li jirriżultaw mill-ewwel waħda minn dawn il-proċeduri matul it-tieni waħda minn dawn il-proċeduri ( 31 ) b’mod iktar ġenerali, hija ċaħħdet lill‑appellanti mill-possibbiltà li tikkontesta r-rilevanza ta’ din l-applikazzjoni fl-analiżi tat-talba tagħha. F’dan ir-rigward, jiena partikolarment sensibbli għall-allegazzjoni tal-appellanti li hija ma kellha ebda influwenza fuq il-proċedura jew fuq il-kriterji applikati għall-evalwazzjoni tal-applikazzjoni tagħha. |
|
67. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-proċedura tal-eżerċizzju annwali ta’ trasferimenti hija, fil-fehma tiegħi, inseparabbli minn dawn il-kriterji ( 32 ). Għalhekk, għandu jiġi kkunsidrat li l-applikazzjoni tal-kriterji li jirriżultaw minn din il-proċedura, waqt l-eżami tat-talba kontenzjuża, tippermetti lill-appellanti tikkontesta l-legalità ta’ din il-proċedura li minnha jirriżultaw l-imsemmija kriterji. |
|
68. |
Għaldaqstant, il-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali dwar iċ-ċaħda tal-argumenti tal-appellanti dwar il-legalità tal-eżerċizzju annwali ta’ trasferimenti fid-dawl tal-Artikoli 4 u 29 tar-Regolamenti tal-Persunal bħala irrilevanti hija, fil-fehma tiegħi, żbaljata fid-dritt. |
|
69. |
Minn dan isegwi li t-tielet parti tal-ewwel aggravju hija fondata. |
3. Fuq it‑tieni aggravju tal‑appell
|
70. |
Fil-kuntest tat-tieni aggravju tal-appell, artikolat fi tliet partijiet, l-appellanti tqis li, billi ċaħdet il-motiv tagħha, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali, il-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi, kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni u d-drittijiet tad-difiża tagħha, u żnaturat elementi tal-proċess. |
a) Fuq l‑ewwel parti tat‑tieni aggravju
|
71. |
Fil-kuntest tal-ewwel parti tat-tieni aggravju, l-appellanti tressaq żewġ argumenti prinċipali. Fl-ewwel lok, hija tikkontesta l-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali li l-argumenti tagħha dwar in-nuqqas ta’ osservanza tal-ordni ta’ prijorità tal-Artikolu 29(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, li ta lok għal inugwaljanza fit-trattament bejn il-kandidati esterni u l-uffiċjali li jridu li jiġu ttrasferiti, kienu irrilevanti. Fit-tieni lok, l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli qieset li l-pożizzjoni tagħha, dik ta’ uffiċjal ma’ istituzzjoni oħra, li talbet li tiġi ttrasferita b’mod permanenti lill-EUIPO, ma kinitx paragunabbli ma’ dik ta’ kandidat irreklutat b’mod temporanju, billi sostniet l-inkompatibbiltà ta’ din il-kunsiderazzjoni mal-avviż ta’ pożizzjoni vakanti inkwistjoni u li, fil-każ li kellha tiġi adottata differenza fit-trattament, il-prijorità ggarantita mill-Artikolu 29(1) tar-Regolamenti tal-Persunal kellha twassal sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni t-talba tagħha. |
|
72. |
Preliminarjament, għandu jitfakkar li, fil-punti 76 sa 79 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument tal-appellanti bħala irrilevanti, minn naħa, u, fi kwalunkwe każ, infondat, min-naħa l‑oħra. |
|
73. |
Huwa utli li jitfakkar ukoll li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jeżiġi li sitwazzjonijiet komparabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat. L-elementi li jiddistingwu sitwazzjonijiet differenti, kif ukoll in-natura eventwalment komparabbli tagħhom, għandhom jiġu ddeterminati u evalwati fid-dawl tas-suġġett u tal-għan imfittex mid-dispożizzjoni inkwistjoni, filwaqt li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, għal dan l-għan, il-prinċipji u l-għanijiet tal-qasam inkwistjoni ( 33 ). |
|
74. |
Wara li ġie ppreċiżat dan, fir-rigward, minn naħa, tal-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali, fil-punt 76 tas-sentenza appellata, li tirrigwarda, essenzjalment, in-natura ineffettiva tal-argument tal-appellanti, sa fejn din kienet ibbażata fuq in-nuqqas ta’ osservanza tal-ordni ta’ prijorità, fis-sens tal-Artikolu 29(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, huwa biżżejjed li jitfakkar li, għar-raġunijiet esposti fil-punti 39 sa 57 ta’ dawn il-konklużjonijiet, din il-konklużjoni għandha titqies li hija vvizzjata bi żball ta’ liġi. |
|
75. |
Min-naħa l-oħra, jidhirli li r-raġunament tal-Qorti Ġenerali, li jinsab fil-punti 77 sa 79 tas-sentenza appellata, dwar iċ-ċaħda tal-argument tal-appellanti, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament waqt l-eżami tat-talba kontenzjuża, bħala infondat, huwa wkoll żbaljat. |
|
76. |
Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali ma setgħetx, mingħajr ma twettaq żball ta’ liġi, tiffoka fuq is-sitwazzjoni ta’ persuna wara r-reklutaġġ tagħha bħala membru tal-persunal temporanju sabiex tqabbel is-sitwazzjoni tagħha ma’ dik tal-appellanti, sa fejn tali paragun ma jiħux inkunsiderazzjoni r-realtà tas-sitwazzjonijiet koperti mill-argumenti tagħha ( 34 ). Fil-fehma tiegħi, sabiex eventwalment jitqabblu jew jiġu ddifferenzjati s-sitwazzjonijiet imsemmija, wieħed kellu jqiegħed lilu nnifsu fl-istadju tal-eżami tal-kandidaturi, sabiex b’hekk jipparaguna l-kandidati għall-pożizzjoni vakanti, jiġifieri kandidat estern, inkluż f’lista ta’ riżerva, mal-appellanti, uffiċjal tal-Kummissjoni, ikkollokata mal-EUIPO u dan, kif issostni din tal-aħħar, fid-dawl tar-regoli marbuta mal-ordni ta’ prijorità prevista fl-Artikolu 29(1) tar-Regolamenti tal-Persunal. |
|
77. |
Għaldaqstant, l-ewwel parti tat-tieni aggravju għandha tintlaqa’. |
b) Fuq it‑tieni parti tat‑tieni aggravju
|
78. |
L-appellanti tqis li l-Qorti Ġenerali ċaħdet b’mod żbaljat it-tieni parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn il-kandidaturi tal-kandidati li ma għandhomx profil ta’ speċjalista fil-proprjetà intellettwali u dawk li għandhom tali profil. |
|
79. |
Dawn l-argumenti ma jidhirlix li huma konvinċenti. Fil-fatt, minkejja li jidhirli li huwa utli li jiġi rrilevat li l-Qorti Ġenerali bbażat ruħha, waqt l-evalwazzjoni tal-komparabbiltà tas-sitwazzjonijiet, fuq il‑“qasam ta’ trasferimenti”, minkejja li l-argument tal-appellanti kien jirrigwarda, b’mod iktar ġenerali, ir-reklutaġġ ( 35 ), din l-evalwazzjoni ġiet ifformulata korrettament, essenzjalment, abbażi tal-kwalifiki u tal-kompetenzi tal-kandidati, jiġifieri, f’dan il-każ, l-ispeċjalizzazzjoni tagħhom fid-dritt tal-proprjetà intellettwali jew f’qasam ieħor, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-prinċipji u tal-għanijiet tal-qasam inkwistjoni ( 36 ). |
|
80. |
Għalhekk, bħall-punti 82 u 83 tas-sentenza appellata, għandu jiġi kkunsidrat li d-differenza li kienet teżisti bejn uffiċjal bi profil mhux speċjalizzat fil-proprjetà intellettwali u dak speċjalizzat f’dan il-qasam tinsab fil-pussess tal-kompetenzi distinti tagħhom. Issa, għalhekk, ma jidhirlix li t-trattament differenti jew, kif tallega l-appellanti, iktar favorevoli tal-ewwel waħda minn dawn is-sitwazzjonijiet, imur kontra l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, sa fejn tali sitwazzjonijiet huma, huma wkoll, differenti. Barra minn hekk, l-appellanti tenfasizza hija stess id-differenza bejn il-kandidati, li għandhom jew le l-profil tal-proprjetà intellettwali, u l-impossibbiltà li l-merti tagħhom jiġu pparagunati. |
|
81. |
Għaldaqstant, il-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali li tiċħad it-tieni parti tat-tieni motiv jidhirli li ma fihiex żball. |
c) Fuq it‑tielet parti tat‑tieni aggravju
|
82. |
Fil-kuntest tat-tielet parti tat-tieni aggravju, l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali li wettqet żbalji ta’ liġi, li adottat raġunament inkoerenti u li żnaturat l-elementi tal-proċess meta ċaħdet l-argument ibbażat fuq il-fatt li uffiċjali oħra bbenefikaw minn trasferiment barra mill-kuntest tal-eżerċizzju annwali ta’ trasferimenti, bi ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. L-appellanti tikkritika wkoll lill-Qorti Ġenerali li kisret id-drittijiet tad-difiża tagħha, billi ċaħdet it-talba tagħha għal miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura intiża sabiex tinkiseb il-produzzjoni tal-listi tad-deċiżjonijiet li jikkonċernaw is-sitwazzjoni amministrattiva tal-persunal statutorju sa mill-2013. |
|
83. |
Ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali li permezz tiegħu din ċaħdet l-argument tal-appellanti jinsab fil-punti 86 sa 90 tas-sentenza appellata. Skont dan ir-raġunament, it-talba għal trasferiment, imressqa barra mill-eżerċizzju annwali ta’ trasferimenti, li kienet is-suġġett ta’ eżami ddettaljat, ġiet segwita mill-adozzjoni ta’ deċiżjoni espliċita ta’ ċaħda. Issa, peress li r-Regolamenti tal-Persunal ma jagħtu ebda dritt għal trasferiment interistituzzjonali skont l-Artikolu 8 tagħhom u peress li d-dritt tal-appellanti li t-talba tagħha għal trasferiment tiġi eżaminata ma jimplikax li l-amministrazzjoni tilqa’ din it-talba, il-Qorti Ġenerali qieset li t-tielet parti tat-tieni motiv tal-appellanti kellha tiġi miċħuda. Konsegwentement, hija qieset li lanqas ma kien opportun li tilqa’ t-talba tagħha intiża sabiex tinkiseb miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura dwar il-produzzjoni tad-dokumenti quddiem l-EUIPO. |
|
84. |
F’dan ir-rigward, f’dak li jirrigwarda l-formulazzjoni tar-raġunijiet għaċ-ċaħda tal-argument tal-appellanti, li l-parti prinċipali tiegħu tinsab fil-punt 86 tas-sentenza appellata, li għandhom jinqraw flimkien mal-punti 51 sa 55 tagħha, il-Qorti Ġenerali qieset li “t-talba għal trasferiment tal-appellanti, imressqa barra mill-eżerċizzju annwali ta’ trasferimenti […], kienet is-suġġett ta’ eżami ddettaljat segwit mill-adozzjoni ta’ deċiżjoni espliċita ta’ ċaħda mid-deċiżjoni [kontenzjuża]”. Dawn il-punti għandhom jinqraw flimkien ma’ dawk ikkontestati mill-appellanti bħala inkoerenti fil-kuntest tal-appell tagħha. |
|
85. |
B’mod partikolari, fil-punt 47 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li “r-rikorrenti kienet diġà ressqet talba għal trasferiment fil-kuntest tas-sejħa għal espressjoni ta’ interess, b’tali mod li t-talba kontenzjuża għandha tiġi kkunsidrata bħala kontinwazzjoni tal-approċċ tagħha […], intiż sabiex tikseb it-trasferiment tagħha bħala uffiċjal”. Fil-punt 51 ta’ din is-sentenza, hija qieset li “l-EUIPO [kien] analizza t-talba kontenzjuża fid-dawl tal-kriterji fil-qasam ta’ trasferimenti […] [u li] it-talba kontenzjuża [kienet] tinkludi diversi riferimenti għall-imsemmija kriterji”. Fil-punti 52 u 53 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali esponiet ir-raġunijiet li jippermettulha tikkonkludi li l-Awtorità tal-Ħatra kienet ħadet inkunsiderazzjoni dawn il-kriterji, jiġifieri l-kompetenzi tal-appellanti, il-pożizzjonijiet li hija kienet okkupat matul il-karriera tagħha fi ħdan l-EUIPO kif ukoll ir-rapporti ta’ evalwazzjoni tagħha li, kif jirriżulta mill-punt 9 ta’ dawn il-konklużjonijiet, jaqgħu tabilħaqq taħt il-kriterji applikati matul l-eżerċizzju annwali ta’ trasferimenti. Għandu jitfakkar li, fil-punt 69 tas-sentenza appellata, “kull argument marbut mal-eżerċizzju annwali ta’ trasferimenti”, imressaq mill-appellanti, ġie miċħud bħala irrilevanti. |
|
86. |
Issa, kif jirriżulta mid-dikjarazzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq, moqrija flimkien, l-ewwel, it-talba kontenzjuża, li ġiet analizzata fid-dawl tal-kriterji applikabbli fil-kuntest tal-eżerċizzju annwali ta’ trasferimenti, ġiet ikkunsidrata bħala fformulata barra minn dan il-kuntest, it-tieni, l-eżami tagħha fid-dawl tal-imsemmija kriterji kien jippermetti madankollu li jiġi konkluż li ma kienx hemm ksur tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 tar-Regolamenti tal-Persunal u, it-tielet, l-argument tal-appellanti fformulat fil-kuntest tat-tielet parti tat-tieni aggravju sa fejn kien ibbażat fuq l-affermazzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq, dan kellu jiġi miċħud. Għar-raġunijiet esposti fl-analiżi tal-ewwel u tat-tielet parti tal-ewwel aggravju ( 37 ), dawn id-dikjarazzjonijiet huma vvizzjati bi żball ta’ liġi, u dan iktar u iktar fid-dawl tal-konfużjoni kuntestwali, esposta, b’mod partikolari, fil-punt 33 ta’ dawn il-konklużjonijiet. |
|
87. |
Il-konklużjoni preċedenti ma tistax tiġi invalidata mill-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali, magħmula fil-punt 87 tas-sentenza appellata, li r-Regolamenti tal-Persunal ma jagħtu ebda dritt li t-trasferiment interistituzzjonali fil-fatt jingħata lil min japplika għalih, u dan anki lill-uffiċjali li jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha sabiex ikunu jistgħu jiġu ttrasferiti. Filwaqt li tagħmel din il-konstatazzjoni, il-Qorti Ġenerali ma teżaminax l-argument tal-appellanti dwar it-trattament inugwali tagħha meta mqabbel mal-uffiċjali l-oħra li bbenefikaw minn trasferiment barra mill-kuntest tal-eżerċizzju annwali ta’ trasferimenti. |
|
88. |
Għalhekk, minħabba l-iżball ikkonstatat fil-punt 86 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-Qorti Ġenerali ma eżaminatx is-sustanza tal-argument tal-appellanti dwar il-possibbiltà għal uffiċjali oħra li jibbenefikaw minn trasferiment barra mill-kuntest tal-eżerċizzju annwali ta’ trasferimenti. Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex f’pożizzjoni li tevalwa eventwali ksur tad-drittijiet tad-difiża tal-appellanti fid-dawl taċ-ċaħda tat-talba tagħha għal miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, deskritta fil-punt 82 ta’ dawn il-konklużjonijiet. |
|
89. |
Għaldaqstant, it-tielet parti tat-tieni aggravju għandha tintlaqa’ wkoll. |
VI. Deċiżjoni finali fuq il‑fondatezza tar‑rikors
|
90. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li l-ewwel parti tal-ewwel aggravju hija fondata. Għall-finijiet ta’ kompletezza, jiena tal-fehma wkoll li t-tielet parti tal-ewwel aggravju u l-ewwel u t-tielet partijiet tat-tieni aggravju huma fondati. Madankollu, fid-dawl taċ-ċaħda bħala ineffettivi ta’ diversi argumenti tal-appellanti mill-Qorti Ġenerali, minħabba l-iżball ikkonstatat fil-kuntest tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju, il-kawża ma hijiex fi stat li tiġi deċiża fuq il-mertu. F’dawn iċ-ċirkustanzi, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li tannulla s-sentenza appellata, nipproponi li l-kawża tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali għall-finijiet tal-eżami mill-ġdid tagħha, f’liema każ nipproponi wkoll li l-ispejjeż jiġu rriżervati. |
VII. Konklużjoni
|
91. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja:
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
( 2 ) Ir-riferiment għal istituzzjoni f’dawn il-konklużjonijiet għandu jinftiehem bħala li jirreferi wkoll għall-organi l-oħra tal-Unjoni.
( 3 ) Sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2000, Salzgitter vs Il-Kummissjoni (C‑210/98 P, EU:C:2000:397, punt 43).
( 4 ) Ara s-sentenzi tat‑28 ta’ Jannar 2021, Qualcomm u Qualcomm Europe vs Il-Kummissjoni (C‑466/19 P, EU:C:2021:76, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata) u, f’dan is-sens, tat‑28 ta’ Lulju 2011, Diputación Foral de Vizcaya et vs Il-Kummissjoni (C‑474/09 P sa C‑476/09 P, EU:C:2011:522, punt 58).
( 5 ) Ara s-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2019, VG vs Il-Kummissjoni (C‑19/18 P, EU:C:2019:578, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 6 ) Fir-rigward b’mod iktar partikolari ta’ din l-aħħar proċedura, nifhem, minn qari tal-elementi tal-proċess, li din, għall-kuntrarju tal-proċedura msemmija fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 tar-Regolamenti tal-Persunal, li hija indirizzata biss lill-uffiċjali tal-Unjoni, tinkludi mhux biss l-uffiċjali tal-istituzzjonijiet l-oħra li jesprimu l-interess tagħhom li jiġu ttrasferiti, iżda wkoll il-membri tal-persunal bil-kuntratt u temporanji kif ukoll il-persuni li jinsabu fil-lista ta’ riżerva tal-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO). Barra minn hekk, din il-proċedura tikkonsisti fit-tqabbil tal-kandidati li l-profili u s-sitwazzjonijiet amministrattivi tagħhom huma varji, skont il-kriterji deskritti fil-punt 9 ta’ dawn il-konklużjonijiet, sabiex jiġi ddeterminat liema minnhom jistgħu jinħatru uffiċjali tal-EUIPO għall-pożizzjonijiet irriżervati għal dan l-għan fil-baġit, li jistgħu jimtlew permezz ta’ din il-proċedura interna biss, mingħajr pubblikazzjoni ta’ avviż ta’ pożizzjoni vakanti.
( 7 ) Ara l-punt 9 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 8 ) Għall-finijiet utli kollha, għandu jiġi osservat li, kif jirriżulta mill-avviż ta’ pożizzjoni vakanti inkwistjoni, dan ma jsemmi ebda dispożizzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal li sservi ta’ bażi legali, iżda kien jirreferi biss għall-“mobbiltà interna”. Issa, quddiem il-Qorti Ġenerali, l-appellanti kkontestat dawn l-aspetti ta’ dan l‑avviż, u żiedet tgħid li, fi kwalunkwe każ, bħala membru tal-persunal temporanju tal-EUIPO, hija kienet eliġibbli biex tapplika għall-pożizzjoni vakanti kkonċernata.
( 9 ) Fil-kuntest ta’ dan l-appell (ara l‑punti 61 sa 69 ta’ dawn il-konklużjonijiet), l-appellanti trid tinvalida l-pożizzjoni tal-Qorti Ġenerali li l-argumenti tagħha li jikkontestaw il-bażi legali tal-eżerċizzju annwali ta’ trasferimenti u l-applikazzjoni tal-kriterji li jirriżultaw mill-imsemmi eżerċizzju fuq talba tagħha kienu infondati jew irrilevanti, u b’hekk issostni li t-talba tagħha kellha tiġi eżaminata għall-finijiet tal-pożizzjoni vakanti ppubblikata u fid-dawl tal-merti tagħha.
( 10 ) Ara l-punt 18 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 11 ) Punti 61 u l-ewwel inċiż tal-punt 63 tas-sentenza appellata.
( 12 ) Il-premessa marbuta mad-distinzjoni diġà ġiet esposta fil-punt 39 tas-sentenza appellata, qabel il-klassifikazzjoni ġuridika tat-talba kontenzjuża u sussegwentement ġiet żviluppata iktar fil-punti 60 sa 64 ta’ din is-sentenza, skont din l-istess klassifikazzjoni.
( 13 ) Din il-konklużjoni kienet tapplika wara s-sentenza tat‑18 ta’ Marzu 1999, Carbajo Ferrero vs Il-Parlament (C‑304/97 P, EU:C:1999:152, punti 29 u 30, kif ukoll il‑ġurisprudenza ċċitata). Huwa minnu li din is-sentenza ngħatat b’riferiment għall-verżjoni oriġinali tal-Artikolu 29(1) tar-Regolamenti tal-Persunal li kienet tistabbilixxi ordni ta’ preferenza kkonċentrata ħafna fuq l-uffiċjali u l-membri tal-persunal l-oħra li kienu diġà jservu fl-istituzzjoni, sa fejn il-punti (a) u (b) tagħha kienu jipprevedu, rispettivament, fl-ewwel lok, il-possibbiltajiet ta’ promozzjoni jew ta’ trasferiment fi ħdan l-istituzzjoni u, fit-tieni lok, il-possibbiltajiet ta’ organizzazzjoni ta’ kompetizzjonijiet interni għall-istituzzjoni, segwiti, biss fit-tielet lok, mill-eżami tat-talbiet ta’ trasferiment ta’ uffiċjali ta’ istituzzjonijiet oħra. Madankollu, il-konklużjoni relatata mal-ordni ta’ prijorità, stabbilita mill-imsemmija sentenza, issir iktar konvinċenti wara l-verżjoni l-ġdida tal-Artikolu 29(1) tar-Regolamenti tal-Persunal applikabbli f’dan il-każ, li issa tqiegħed, fl-ewwel post, l-uffiċjali tal-istituzzjoni kkonċernata u, fit-tieni post, dawk ta’ istituzzjonijiet oħra, u b’hekk tenfasizza l-prijorità mogħtija lill-uffiċjali, waqt l-eżami tal-assenjazzjoni eventwali tagħhom f’pożizzjoni vakanti, segwit biss sussegwentement mill-possibbiltajiet li jiġu eżaminati l-listi ta’ kandidati xierqa jew li tiġi organizzata kompetizzjoni interna.
( 14 ) Madankollu, l-użu tal-kliem “jekk il-pożizzjoni tistax timtela” fl‑Artikolu 29(1) tar-Regolamenti tal-Persunal ifisser b’mod ċar li l-Awtorità tal-Ħatra ma hijiex marbuta b’dan b’mod assolut (sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2000, Il-Parlament vs Richard (C‑174/99 P, EU:C:2000:412, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 15 ) Teħid ta’ pożizzjoni mill-Avukata Ġenerali Kokott fil-kawża Reviżjoni tal-Kummissjoni vs Strack (C‑579/12 RX‑II, EU:C:2013:573, punt 30).
( 16 ) Ara, fir-rigward tal-applikazzjoni konkomitanti tal-Artikoli 4, tal-Artikolu 29 u, essenzjalment, tal-Artikolu 7, sa fejn jirrigwarda t-“trasferiment”, tar-Regolamenti tal-Persunal, is-sentenza tal‑24 ta’ Frar 1981, Carbognani u Coda Zabetta vs Il-Kummissjoni (161/80 u 162/80, EU:C:1981:51, punt 19), u, fir-rigward tal-applikazzjoni konkomitanti tal-Artikoli 4 u 29 tar-Regolamenti tal-Persunal, is-sentenza tat‑2 ta’ Ottubru 1986, R. vs Il-Kummissjoni (75/85, EU:C:1986:347, punt 18).
( 17 ) It-tieni inċiż tal-punt 60 tas-sentenza appellata.
( 18 ) Punt 61 tas-sentenza appellata.
( 19 ) Artikolu 27 tar-Regolamenti tal-Persunal.
( 20 ) Jekk kellu jinftiehem li l-uffiċjal kien ser jiġi ttrasferit għal pożizzjoni rriżervata għal dan l-għan fil-kuntest tal-eżerċizzju annwali ta’ trasferimenti, ara l-punt 50 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 21 ) Artikolu 6(1) tar-Regolamenti tal-Persunal.
( 22 ) Artikolu 1a(2) tar-Regolamenti tal-Persunal.
( 23 ) Fil-fatt, mis-sistema tar-Regolamenti tal-Persunal jirriżulta li, meta tkun ikkonċernata pożizzjoni vakanti, japplikaw l-Artikoli 4 u 29 tar-Regolamenti tal-Persunal (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Frar 1981, Carbognani u Coda Zabetta vs Il-Kummissjoni, 161/80 u 162/80, EU:C:1981:51, punt 19), peress li l-Artikolu 4 jistabbilixxi obbligu ta’ pubblikazzjoni ta’ kull pożizzjoni vakanti u l-Artikolu 29 tar-Regolamenti tal-Persunal jipprevedi l-ordni prijoritarja tal-użu ta’ possibbiltajiet speċifiċi sabiex timtela din il-pożizzjoni vakanti.
( 24 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 6 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 25 ) Ara l-punt 32 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 26 ) F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-persuna li tagħmel it-talba, li tindirizza lill-Awtorità tal-Ħatra, tista’ saħansitra twettaq żball fir-rigward tal-bażi legali fit-talba tagħha. Madankollu, tali ċirkustanza ma għandhiex tkun ta’ detriment għaliha, sa fejn l-Awtorità tal-Ħatra, li għandha l-obbligu li tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha li jistgħu jiddeterminaw id-deċiżjoni tagħha, hija obbligata tipproċedi għall-klassifikazzjoni ġuridika korretta tal-atti ppreżentati quddiemha.
( 27 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ Novembru 1998, Il-Parlament vs Gutiérrez de Quijano y Lloréns (C‑252/96 P, EU:C:1998:551, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tal‑15 ta’ Lulju 2021, DK vs SEAE (C‑851/19 P, EU:C:2021:607, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 28 ) Sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2000, Salzgitter vs Il-Kummissjoni (C‑210/98 P, EU:C:2000:397, punt 43).
( 29 ) Ara l-punt 32 ta’ dawn il-konklużjonijiet u l-punti 51 sa 55, moqrija flimkien mal-punt 5 tas-sentenza appellata.
( 30 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 29 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 31 ) Ara l-punti 33 u 52 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 32 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, BP vs FRA (C‑601/19 P, EU:C:2020:1048, punt 38).
( 33 ) Ara s-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, DK vs SEAE (C‑851/19 P, EU:C:2021:607, punti 47 u 48 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
( 34 ) F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, minn naħa, l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti estern imsemmi fil-punt 79 tas-sentenza appellata, b’riferiment għall-punt 12 ta’ din tal-aħħar, kien intiż, fir-realtà, sabiex jistabbilixxi lista ta’ riżerva ta’ kandidati sabiex timtela pożizzjoni ta’ speċjalista fil-proprjetà intellettwali permezz ta’ reklutaġġ ta’ membru tal-persunal temporanju. Min-naħa l-oħra, l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti li għalih l-appellanti wieġbet kien intiż għar-reklutaġġ ta’ uffiċjal jew ta’ membru tal-persunal temporanju.
( 35 ) Barra minn hekk, jista’ jitqies li huwa loġiku, sa fejn l-appellanti ressqet it-talba tagħha għal trasferiment bi tweġiba għall-avviż ta’ pożizzjoni vakanti, u dan, iktar u iktar peress li, kif jirriżulta mill-kuntest ta’ din il-kawża, it-“trasferimenti” fi ħdan l-EUIPO, imwettqa fil-kuntest tal-proċedura tal-eżerċizzju annwali ta’ trasferimenti, setgħu jikkonċernaw ir-reklutaġġ innifsu ta’ wħud mill-kandidati tagħha li ma kinux uffiċjali tal-Unjoni.
( 36 ) Ara l-ġurisprudenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 33 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 37 ) Ara l-punti 39 sa 57 u 64 sa 69 ta’ dawn il-konklużjonijiet.