KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
EMILIOU
ippreżentati fis‑27 ta’ Novembru 2025 ( 1 )
Kawża C‑412/24
Fauré Le Page Maroquinier SAS,
Fauré Le Page Paris SAS
vs
Goyard ST-Honoré SAS
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Franza)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trade marks – Direttiva 2008/95/KE – Artikolu 3 – Raġunijiet għar-rifjut jew ta’ invalidità ta’ trade mark – Artikolu 3(1)(g) – Trade marks qarrieqa – Trade marks li jsemmu sena – Prodotti tal-ġilda ta’ lussu bħal basktijiet tal-idejn – Trade marks li allegatament iqarrqu lill-pubbliku fir-rigward tas-sena tal-istabbiliment tal-proprjetarju tagħhom”
I. Introduzzjoni
|
1. |
Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(1)(g) tad-Direttiva 2008/95/KE biex jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-trade marks ( 2 ). Dik id-dispożizzjoni tobbliga lill-Istati Membri jirrifjutaw ir-reġistrazzjoni jew jiddikjaraw invalidi t-trade marks li “jkunu ta’ tali natura li jqarrqu l-pubbliku, per eżempju dwar in-natura, kwalità jew oriġini ġeografika tal-merkanzija jew servizz”. |
|
2. |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn tliet kumpanniji Franċiżi li jimmanifatturaw u jbigħu basktijiet tal-idejn u oġġetti oħra tal-ġilda – Fauré Le Page Maroquinier SAS u Fauré Le Page Paris SAS (iktar ’il quddiem, flimkien, “Fauré Le Page”), minn naħa, u Goyard ST‑Honoré SAS (iktar ’il quddiem “Goyard”), min-naħa l-oħra, dwar il-validità ta’ żewġ trade marks nazzjonali semi-figurattivi, miżmuma minn Fauré Le Page Paris fosthom is-sena “1717”. |
|
3. |
Skont Goyard, it-trade marks ikkontestati jistgħu jqarrqu bil-pubbliku, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(g) tad-Direttiva 2008/95, u għandhom, għaldaqstant, jiġu ddikjarati invalidi b’applikazzjoni ta’ dik id-dispożizzjoni. F’dak ir-rigward, hija ssostni li l-inklużjoni tas-sena “1717” fl-imsemmija trade marks tagħti l-impressjoni li l-proprjetarju tagħhom kien stabbilit fl‑1717 u, konsegwentement, li l-prodotti koperti minn dawk it-trade marks huma prodotti skont l-għarfien espert ta’ kumpannija li għandha iktar minn mitt sena u għandhom livell ta’ kwalità partikolari. Issa, fir-realtà, dak ma huwiex il-każ, peress li Fauré Le Page Paris u Fauré Le Page Maroquinier inħolqu biss fl‑2009 u fl‑2011 rispettivament. |
|
4. |
Sa fejn naf jien, sa issa ngħatat sentenza waħda biss mill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni ta’ verżjoni preċedenti ta’ dik id-dispożizzjoni ( 3 ). Din il-kawża toffri lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità li tippreċiża iktar il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tagħha. |
II. Il-kuntest ġuridiku
A. Id‑dritt tal‑Unjoni
|
5. |
L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/95, intitolat “Raġunijiet għal rifjut jew nullità [invalidità]”, jiddisponi: “1. Is-segwenti m’għandhomx jiġu reġistrati jew, jekk jiġu reġistrati, għandhom ikunu suxxettibbli għal dikjarazzjoni ta’ nullità: […] (g) trade marks li jkunu ta’ tali natura li jqarrqu l-pubbliku, per eżempju dwar in-natura, kwalità jew oriġini ġeografika tal-merkanzija jew servizz; […]” |
B. Id‑dritt Franċiż
|
6. |
Skont l-Artikolu L. 711‑3(c) tal-Code de la propriété intellectuelle (il-Kodiċi tal-Proprjetà Intellettwali), fil-verżjoni applikabbli għall-fatti tal-kawża, ebda sinjal ta’ natura li jqarraq bil-pubbliku, inkluż dwar in-natura, il-kwalità jew l-oriġini ġeografika tal-prodott jew tas-servizz, ma jista’ jitqies bħala trade mark jew element ta’ trade mark. |
III. Il-fatti, il-proċedura nazzjonali u d-domandi preliminari
|
7. |
Sal‑1992, Saillard Paris Sàrl (iktar ’il quddiem “Saillard”), kumpannija Franċiża, kienet l-unika azzjonista ta’ Maison Fauré Le Page, kumpannija Franċiża oħra li kellha bħala attività x-xiri u l-bejgħ ta’ armi, munizzjon u aċċessorji tal-ġilda f’Pariġi sa mill‑1716. Fis‑27 ta’ Novembru 1992, dik l-aħħar kumpannija ġiet xolta u l-attiv u l-passiv kollu tagħha ġie ttrasferit lil Saillard. |
|
8. |
Fauré Le Page Paris, waħda mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, hija kumpannija Franċiża, irreġistrata fir-registre du commerce et des sociétés (ir-Reġistru tal-Kummerċ u tal-Kumpanniji, Pariġi) fl‑14 ta’ Ottubru 2009. Fid‑29 ta’ Ottubru 2009, hija akkwistat mingħand Saillard it-trade mark Franċiża “Fauré Le Page” Nru 134782, sabiex tindika, inter alia, l-“armi b’xafra; armi tan-nar u l-partijiet tagħhom; munizzjon u projettili; splussivi; għajnuna għall-isparar; kaxxi tal-munizzjon; ġilda u imitazzjoni tal-ġilda; bagolli u bagalji”. |
|
9. |
Fis‑17 ta’ Ġunju 2011, Fauré Le Page Paris applikat għar-reġistrazzjoni tat-trade marks Franċiżi “Fauré Le Page Paris 1717” Nri 3839809 u 3839811 sabiex tindika, inter alia, il-prodotti “ġilda u imitazzjonijiet tal-ġilda; bagolli u bagalji; basktijiet tal-ivvjaġġar; basktijiet tal-idejn”. Dawk it-trade marks ġew sussegwentement irreġistrati. |
|
10. |
Fauré Le Page Marroquinier, ir-rikorrenti l-oħra fil-kawża prinċipali, hija kumpannija Franċiża li, fl‑2012, fetħet ħanut fiżiku f’Pariġi (Franza) għall-bejgħ ta’ prodotti bit-trade marks ikkontestati. Mill‑2013, hija topera wkoll post ta’ bejgħ f’ħanut kbir Franċiż, fejn tali prodotti jinbiegħu wkoll. |
|
11. |
Fis‑26 ta’ Ottubru 2012, Goyard ħarrket lil Fauré Le Page billi talbet, inter alia, dikjarazzjoni tal-invalidità fir-rigward tat-trade marks ikkontestati minħabba li dawk setgħu jqarrqu bil-pubbliku fis-sens tal-Artikolu L. 711‑3(c) tal-Kodiċi tal-Proprjetà Intellettwali. Permezz ta’ sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2015, it-Tribunal de Grande Instance de Paris (il-Qorti Reġjonali ta’ Pariġi, Franza) ċaħdet it-talba ta’ Goyard fuq dak il-punt. Goyard appellat minn dik id-deċiżjoni quddiem il-Cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi, Franza). |
|
12. |
Permezz ta’ sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2016, il-Cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi) ċaħdet l-appell ta’ Goyard dwar in-natura qarrieqa tat-trade marks ikkontestati. Dik id-deċiżjoni ġiet annullata permezz ta’ sentenza tax-chambre commerciale de la Cour de cassation (l-Awla Kummerċjali tal-Qorti tal-Kassazzjoni, Franza) tas‑27 ta’ Ġunju 2018, minħabba li s-sena “1717” ma hijiex neċessarjament interpretata mill-pubbliku bħala li tirreferi għas-sena tal-istabbiliment ta’ Fauré Le Page, iżda pjuttost bħala li tikkorrispondi għall-perijodu li matulu ġiet stabbilita l-Maison Fauré Le Page (li ssuċċediet lil Fauré Le Page). |
|
13. |
Wara li l-kassazzjoni bagħtet lura l-kawża, il-Cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi) iddeċidiet, fit‑23 ta’ Novembru 2021, li t-trade marks ikkontestati setgħu jqarrqu bil-pubbliku u kellhom, għaldaqstant, jiġu ddikjarati invalidi. |
|
14. |
B’mod partikolari, dik il-qorti kkonstatat li l-elementi “Paris 1717” li jinsabu fit-trade marks ikkontestati kienu mifhuma mill-pubbliku bħala li jirreferu għall-post u għas-sena ta’ stabbiliment tal-attività ta’ Fauré Le Page u li l-pubbliku kien, għalhekk, imwassal sabiex jemmen li kien hemm kontinwità fl-operazzjonijiet sa mill‑1717 u trażmissjoni ta’ għarfien espert mill-Maison Fauré Le Page oriġinali lil Fauré Le Page, filwaqt li dak ma kienx effettivament il-każ. Hija żiedet li l-konsumaturi li jixtru prodotti tal-ġilda ta’ lussu spiss jagħtu importanza lill-istorja u lin-numru ta’ snin ta’ eżistenza tal-kumpannija li tikkummerċjalizzahom, bħala garanzija tal-għarfien espert marbut mal-manifattura tagħhom u tal-kwalità tagħhom. |
|
15. |
Fauré Le Page appellat minn dik is-sentenza quddiem il-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni), li hija l-qorti tar-rinviju f’din il-kawża. |
|
16. |
Quddiem dik il-qorti, Fauré Le Page ssostni li, sabiex trade mark tkun tista’ titqies li tista’ tqarraq bil-pubbliku fis-sens tal-Artikolu 3(1)(g) tad-Direttiva 2008/95, jeħtieġ li l-konsumatur medju jiġi mqarraq mhux fir-rigward tal-karatteristiċi tal-proprjetarju tat-trade mark, iżda fir-rigward ta’ dawk tal-prodotti jew tas-servizzi koperti minnha. Peress li t-trade marks ikkontestati ma jevokaw ebda karatteristika partikolari tal-prodotti li huma jkopru u jissuġġerixxu, l-iktar l-iktar, li dawk il-prodotti jippreżentaw ċertu livell ta’ kwalità jew ta’ prestiġju, huma ma jistgħux jitqiesu li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dik id-dispożizzjoni. |
|
17. |
Il-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni) tqis li, filwaqt li l-Artikolu 3(1)(g) tad-Direttiva 2008/95 jelenka karatteristiċi differenti tal-prodotti jew tas-servizzi li fuqhom trade mark tista’ tqarraq, dik il-lista ma hijiex eżawrjenti. Għaldaqstant, dik id-dispożizzjoni tista’ tapplika wkoll f’sitwazzjoni fejn it-trade mark twassal għal informazzjoni falza dwar il-proprjetarju tat-trade mark (bħal, in casu, in-numru ta’ snin li matulhom hija kienet attiva fis-settur partikolari) u fejn il-konsumatur medju jqis, minħabba f’hekk, li l-prodotti jew is-servizzi għandhom ċertu livell ta’ kwalità jew ta’ prestiġju. |
|
18. |
F’dak ir-rigward, hija tfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 4 ), il-kwalità tal-prodotti ta’ lussu għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-karatteristiċi materjali tagħhom, iżda wkoll billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-attrazzjoni u l-immaġni ta’ prestiġju li jagħtuhom awra ta’ lussu. |
|
19. |
Barra minn hekk, hija tqis li s-sentenza Emanuel, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja indikat li trade mark ma tistax tqarraq bil-pubbliku, jekk l-informazzjoni allegatament falza li hija tuża tikkonċerna l-kumpannija li timmanifattura l-prodotti minflok il-prodotti nnifishom, kienet tikkonċerna sitwazzjoni differenti. Fil-fatt, f’din il-kawża, it-trade mark inkwistjoni kienet tinkludi l-isem ta’ disinjatur tal-moda. |
|
20. |
Fl-aħħar nett, hija tfakkar il-konklużjonijiet tal-Cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi), miġbura fil-qosor fil-punt 14 iktar ’il fuq. |
|
21. |
F’dak il-kuntest, il-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni) tqis li s-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali tiddependi fuq jekk dawk il-konstatazzjonijiet humiex biżżejjed sabiex tiġi ddikjarata l-invalidità tat-trade marks ikkontestati skont l-Artikolu 3(1)(g) tad-Direttiva 2008/95. |
|
22. |
F’dak ir-rigward, hija tqis li għandu, qabel kollox, jiġi ddeterminat jekk il-fatt li trade mark twassal informazzjoni żbaljata dwar il-proprjetarju tagħha, ta’ natura li tinfluwenza lill-konsumatur medju tal-prodotti jew tas-servizzi koperti mit-trade mark, huwiex biżżejjed sabiex jiġi konkluż li t-trade mark hija qarrieqa jew jekk l-iżball imwettaq mill-konsumatur medju għandux jirrigwarda karatteristika ta’ dawk il-prodotti jew ta’ dawk is-servizzi. |
|
23. |
Sussegwentement, fil-każ li dak l-iżball jirrigwarda karatteristika tal-prodotti jew tas-servizzi koperti mit-trade mark, il-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni) tistaqsi jekk, sabiex trade mark tkun tista’ titqies li hija qarrieqa, hija għandhiex tikkostitwixxi indikazzjoni suffiċjentement konkreta tal-karatteristiċi potenzjali ta’ dawk il-prodotti jew ta’ dawk is-servizzi. |
|
24. |
Fl-aħħar nett, fil-każ ta’ risposta affermattiva għal din id-domanda, dik il-qorti tistaqsi jekk, fir-rigward b’mod partikolari tal-prodotti ta’ lussu, il-fatt li t-trade mark tattribwixxi lill-proprjetarju tagħha esperjenza jew għarfien espert fil-manifattura tal-prodotti li hija tindika jistax jikkostitwixxi tali indikazzjoni suffiċjentement konkreta. |
|
25. |
Huwa f’dawk iċ-ċirkustanzi li l-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni) ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi għal deċiżjoni preliminari li ġejjin:
|
|
26. |
It-talba għal deċiżjoni preliminari, tal‑5 ta’ Ġunju 2024, ġiet irreġistrata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl‑10 ta’ Ġunju 2024. Fauré Le Page, Goyard, ir-Repubblika Franċiża u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. L-istess partijiet interessati wieġbu wkoll bil-miktub għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja. Ma saret l-ebda seduta. |
IV. Analiżi
|
27. |
Permezz tat-tliet domandi tagħha, li ser nanalizza flimkien, il-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni) tistaqsi, essenzjalment, dwar l-applikabbiltà tar-raġuni għal invalidità prevista fl-Artikolu 3(1)(g) tad-Direttiva 2008/95 għal trade mark li tinkludi, fost l-elementi tagħha, sena (in casu, 1717). Dik il-qorti tistaqsi jekk tali sena tistax tinftiehem mill-pubbliku biss bħala s-sena (żbaljata) tal-istabbiliment tal-proprjetarju tat-trade marks ikkontestati (in casu, Fauré Le Page Paris), jew ukoll bħala li tittrażmetti informazzjoni (allegatament falza) dwar karatteristika tal-prodotti koperti minn dawk it-trade marks, jiġifieri li huma prodotti skont l-għarfien espert ta’ kumpannija li għandha iktar minn mitt sena u li għandhom livell ta’ kwalità partikolari. |
|
28. |
Ser nibda l-analiżi tiegħi billi nippreċiża li trade mark li tista’ tqarraq bil-pubbliku dwar karatteristika tal-proprjetarju tagħha ma tistax tiġi ddikjarata invalida skont dik id-dispożizzjoni, sakemm ma jiġix stabbilit li tali trade mark tqarraq ukoll dwar karatteristika tal-prodotti jew tas-servizzi li hija tkopri. Barra minn hekk, it-trade mark għandha tikkostitwixxi indikazzjoni suffiċjentement konkreta ta’ tali karatteristika. Ser nispjega għaliex, fil-fehma tiegħi, trade mark bħat-trade marks ikkontestati ma tissodisfa l-ebda waħda minn dawk il-kundizzjonijiet (A). |
|
29. |
Sussegwentement ser nispjega li, anki jekk jitqies li element ta’ trade mark, bħas-sena “1717”, jista’ jittrażmetti informazzjoni dwar karatteristika speċifika tal-prodotti jew tas-servizzi koperti, kull ineżattezza eventwali ta’ dik l-informazzjoni, u għalhekk in-natura qarrieqa tat-trade mark, għandha tiġi evalwata biss fid-dawl tal-karatteristiċi tal-prodotti jew tas-servizzi kif jirriżultaw mill-applikazzjoni għal reġistrazzjoni. Dawk il-karatteristiċi ma jinkludux elementi mhux relatati, bħas-sena effettiva li fiha l-proprjetarju tat-trade mark ġie stabbilit (f’din il-kawża, 2009) (B). |
|
30. |
Fl-aħħar nett, ser nispjega li s-soluzzjoni li nipproponi li tiġi adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja madankollu ma tipprekludix li trade mark li tinkludi riferiment għas-sena (approssimattiva) li fiha ġie stabbilit il-manifattur oriġinali tal-prodotti koperti mit-trade mark (in casu, Maison Fauré Le Page), iktar milli s-sena tal-istabbiliment tal-proprjetarju attwali tagħha (in casu, Fauré Le Page Paris), tiġi rrevokata, għall-kuntrarju tad-dikjarazzjoni ta’ invalidità, bis-saħħa ta’ dispożizzjoni oħra tad-Direttiva 2008/95. Lanqas ma teskludi l-eżistenza ta’ rimedji oħra (C). |
A. It-trade mark għandha tkun ta’ natura li tqarraq bil-pubbliku dwar karatteristika speċifika tal-prodotti jew tas-servizzi koperti
|
31. |
Il-partijiet u l-partijiet ikkonċernati kollha, bl-eċċezzjoni ta’ Goyard, jikkunsidraw li, sabiex trade mark tiġi ddikjarata invalida skont l-Artikolu 3(1)(g) tad-Direttiva 2008/95, għandha tkun ta’ natura li tqarraq bil-pubbliku fir-rigward ta’ karatteristika tal-prodotti jew tas-servizzi li hija tkopri. |
|
32. |
Min-naħa tagħha, Goyard issostni li, għalkemm dik id-dispożizzjoni tindika espressament li n-natura qarrieqa tat-trade mark tista’ tirrigwarda “n-natura, kwalità jew oriġini ġeografika tal-merkanzija jew servizz[i]”, dik il-lista ma hijiex eżawrjenti (peress li hija ppreċeduta mill-kliem “per eżempju”). Konsegwentement, trade mark li tista’ tqarraq bil-pubbliku dwar karatteristika partikolari tal-proprjetarju tagħha (jew tal-impriża li timmanifattura l-prodotti li hija tkopri), bħas-sena tal-istabbiliment tagħha, tista’ wkoll tiġi ddikjarata invalida skont l-Artikolu 3(1)(g) tad-Direttiva 2008/95, mingħajr ma jkun neċessarju li jiġi stabbilit li l-informazzjoni mogħtija mit-trade mark tirrigwarda xi karatteristika partikolari tal-prodotti jew tas-servizzi li hija tkopri ( 5 ). |
|
33. |
Jien mhux tal-istess fehma. Qabelxejn, nirrileva li l-eżempji kollha elenkati f’dik id-dispożizzjoni (“in-natura, kwalità jew oriġini ġeografika”) huma espressament identifikati bħala karatteristiċi tal-prodotti jew tas-servizzi koperti mit-trade mark. Fuq dik il-bażi, il-Gvern Franċiż jikkunsidra li l-kliem “per eżempju” użati fl-Artikolu 3(1)(g) tad-Direttiva 2008/95 jindikaw li l-leġiżlatura tal-Unjoni ried iħalli miftuħa l-lista tal-karatteristiċi tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom trade mark tista’ tkun qarrieqa, u mhux li tippermetti li n-natura qarrieqa ta’ trade mark tista’ tiġi stabbilita biss fir-rigward tal-karatteristiċi tal-proprjetarju tagħha. |
|
34. |
Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tikkorrobora dik l-interpretazzjoni. Fis-sentenza tagħha Emanuel ( 6 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li trade mark li tikkorrispondi għall-isem tad-disinjatur u l-ewwel manifattur tal-prodotti koperti minn dik it-trade mark, li ma kienx għadu involut fil-produzzjoni tagħhom, ma setgħetx, għal dik ir-raġuni biss, tiġi rrifjutata r-reġistrazzjoni tagħha għaliex tkun tista’ tqarraq bil-pubbliku. Dik is-sentenza tipprovdi l-ewwel indikazzjoni li l-Artikolu 3(1)(g) tad-Direttiva 2008/95 ma kienx intiż li japplika għal trade marks li sempliċement jistgħu jqarrqu bil-pubbliku dwar karatteristika tal-proprjetarju tagħhom, bħall-identità ta’ dik il-persuna (bħal fil-kawża Emanuel) jew is-sena ta’ stabbiliment (bħalma huwa l-każ hawnhekk). |
|
35. |
Barra minn hekk, eżempji meħuda mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(1)(g) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 ( 7 ) (li kien japplika għal trade marks tal-Unjoni Ewropea, iżda li huwa identiku f’termini tal-Artikolu 3(1)(g) tad-Direttiva 2008/95) juru li l-analiżi ta’ jekk trade mark hijiex “ta’ tali natura li jqarrqu l-pubbliku” dejjem issir fir-rigward tal-karatteristiċi tal-prodotti jew tas-servizzi koperti mit-trade mark. |
|
36. |
B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li t-trade mark verbali tal-Unjoni Ewropea BIO-INSECT Shocker kienet ta’ natura li tqarraq bil-pubbliku rilevanti, sa fejn dik hija pperċepita minn tal-aħħar bħala li tindika prodotti organiċi jew assoċjati mar-rispett tal-ambjent, filwaqt li dik kienet effettivament ġiet irreġistrata għal prodotti bijoċidali ( 8 ). Dik il-qorti ddeċidiet ukoll li kien ġustament li r-reġistrazzjoni tas-sinjal CAFFÈ NERO bħala trade mark verbali tal-Unjoni Ewropea kienet ġiet irrifjutata, minħabba li l-konsumaturi setgħu jaħsbu li wħud mill-prodotti koperti mill-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, jiġifieri l-preparazzjonijiet abbażi tat-te, tal-kawkaw u tal-kawkaw, kif ukoll is-sostituti tal-kafè, kienu jew kien fihom kafè iswed, filwaqt li fir-realtà, dak ma kienx il-każ ( 9 ). |
|
37. |
B’mod iktar ġenerali, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 7(1)(g) tar-Regolament Nru 207/2009, għandu jiġi ddeterminat jekk, fid-data tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark, kienx hemm inkoerenza bejn l-informazzjoni trażmessa mit-trade mark ikkontestata u l-karatteristiċi tal-prodotti indikati f’dik l-applikazzjoni ( 10 ). Bl-istess mod, dik il-qorti rrilevat li “huwa biss meta l-konsumatur ikkonċernat jitwassal sabiex jemmen li l-prodotti u s-servizzi għandhom ċerti karatteristiċi li fil-fatt ma għandhomx li huwa [jew hija] ser jiġi mqarraq bit-trade mark” ( 11 ), u b’hekk ikkonfermat li l-analiżi skont dik id-dispożizzjoni għandha tiffoka fuq il-perċezzjoni tal-pubbliku rilevanti fir-rigward tal-prodotti jew tas-servizzi stess. |
|
38. |
Interpretazzjoni kuntestwali u teleoloġika tal-Artikolu 3(1)(g) tad-Direttiva 2008/95 tippermetti wkoll li jiġi konkluż li, sabiex it-trade mark tiġi ddikjarata invalida skont dik id-dispożizzjoni, huwa neċessarju li dik tkun qarrieqa fir-rigward ta’ karatteristika tal-prodotti jew tas-servizzi koperti minn dik id-dispożizzjoni (u mhux sempliċiment għal dak li jirrigwarda l-proprjetarju tagħha). |
|
39. |
L-ewwel nett, l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2008/95 jipprovdi li “[f]ejn xi raġunijiet għar-rifjut ta’ reġistrazzjoni jew għar-revokazzjoni jew nullità ta’ trade mark jeżistu fir-rigward biss ta’ x’uħud mill-merkanzija jew servizzi li għalihom saret l-applikazzjoni jew ir-reġistrazzjoni ta’ dik it-trade mark, ir-rifjut tar-reġistrazzjoni jew ir-revokazzjoni jew nullità [invalidità] għandhom ikopru biss dik l-merkanzija jew dawk is-servizzi”. Kif tenfasizza Fauré Le Page, peress li dik id-dispożizzjoni tippreżupponi li trade mark tista’ tkun qarrieqa fir-rigward ta’ karatteristika ta’ parti biss mill-prodotti jew mis-servizzi koperti minnha, hija tikkonferma li l-analiżi tar-raġuni għall-invalidità msemmija fl-Artikolu 3(1)(g) tad-Direttiva għandha dejjem issir għal dawk il-prodotti jew is-servizzi. |
|
40. |
It-tieni nett, l-interpretazzjoni li nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja hija konformi mal-formulazzjoni tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2008/95, li jipprevedi li huma biss is-sinjali li jistgħu jiddistingwu l-prodotti jew is-servizzi ( 12 ) ta’ impriża minn dawk ta’ impriżi oħra li jistgħu jikkostitwixxu “trade mark”. Fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 7(1)(g) tar-Regolament Nru 207/2009, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-funzjoni essenzjali ta’ trade mark hija li tiggarantixxi l-identità tal-oriġini tal-prodott jew tas-servizz indikat lill-konsumatur jew lill-utent finali, billi tippermettilu, mingħajr possibbiltà ta’ konfużjoni, jiddistingwi il-prodotti jew is-servizzi minn oħrajn li għandhom oriġini oħra. L-analiżi skont dik id-dispożizzjoni ma tistax għalhekk testendi lil hinn mill-prodotti u mis-servizzi inkwistjoni, minn naħa, u mill-perċezzjoni tat-trade mark mill-pubbliku rilevanti, min-naħa l-oħra ( 13 ). Jidhirli li huwa ċar li l-istess loġika hija bbażata fuq l-Artikolu 3(1)(g) tad-Direttiva 2008/95. |
|
41. |
Fid-dawl ta’ dawk l-elementi, jien tal-fehma li trade mark li tista’ tqarraq bil-pubbliku biss fir-rigward ta’ karatteristika tal-proprjetarju tagħha, bħas-sena ta’ stabbiliment tagħha, u mhux fir-rigward ta’ karatteristika tal-prodotti jew tas-servizzi koperti minnha, ma tistax tiġi ddikjarata invalida skont dik id-dispożizzjoni. |
|
42. |
Minn dak isegwi, in casu, li s-sempliċi fatt li t-trade marks ikkontestati jistgħu jqarrqu bil-pubbliku fir-rigward tas-sena tal-istabbiliment tal-proprjetarju tagħhom ma huwiex biżżejjed sabiex tiġi kkonstatata l-invalidità skont l-Artikolu 3(1)(g) tad-Direttiva 2008/95. Kif jirrileva l-Gvern Franċiż, dik is-sena, fiha nnifisha, ma twassal għal ebda informazzjoni dwar il-prodotti jew is-servizzi koperti minn dawk it-trade marks. |
|
43. |
Madankollu, huwa minnu, kif tirrileva l-qorti tar-rinviju stess, li l-inklużjoni tas-sena ta’ stabbiliment tal-proprjetarju tat-trade mark fi trade mark tista’ tiġi pperċepita mill-pubbliku, b’mod partikolari jekk dik is-sena hija partikolarment antika, bħala indikazzjoni li l-prodotti jew is-servizzi koperti mit-trade mark huma prodotti jew ipprovduti skont għarfien espert speċifiku u għandhom ċertu livell ta’ kwalità jew ta’ prestiġju. |
|
44. |
Madankollu, f’dak ir-rigward, infakkar li, sabiex trade mark tiġi ddikjarata invalida skont l-Artikolu 3(1)(g) tad-Direttiva 2008/95, hija għandha mhux biss tkun ta’ natura li tqarraq bil-pubbliku dwar karatteristika tal-prodotti jew tas-servizzi li hija tkopri, iżda għandha tikkostitwixxi wkoll indikazzjoni suffiċjentement konkreta ta’ tali karatteristika. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti Ġenerali, li, fil-fehma tiegħi, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tikkonferma, meta trade mark ma twassalx messaġġ suffiċjentement preċiż u ċar dwar il-prodotti u s-servizzi protetti, jew il-karatteristiċi tagħhom, iżda sempliċement issemmihom, ma jistax ikun hemm qerq fir-rigward ta’ dawk il-prodotti u s-servizzi ( 14 ). |
|
45. |
Fil-fehma tiegħi, l-inklużjoni ta’ sempliċi sena fi trade mark, mingħajr indikazzjoni ċara li tikkorrispondi (allegatament) mas-sena tal-istabbiliment tal-proprjetarju tat-trade mark, ma tikkostitwixxix, fiha nnifisha, tali indikazzjoni suffiċjentement preċiż. |
|
46. |
Fil-fatt, fl-assenza ta’ kwalunkwe preċiżazzjoni ulterjuri, tali sena tista’ tinftiehem mill-pubbliku jew bħala s-sena ta’ stabbiliment tal-kumpannija li timmanifattura jew li attwalment tbigħ il-prodotti, jew bħala l-provvista tas-servizzi koperti mit-trade mark, li tista’ tkun persuna ġuridika jew fiżika differenti mill-proprjetarju tat-trade mark, jew bħala s-sena ta’ stabbiliment (jew sena importanti oħra tal-istorja) tal-kumpannija li inizjalment immanifatturat dawk il-prodotti jew ipprovdiet dawk is-servizzi u sussegwentement ittrasferixxiet l-assi tagħha lil entità oħra. Jekk dik l-aħħar interpretazzjoni tiġi adottata f’din il-kawża, bla ħsara għall-analiżi tal-qorti tar-rinviju – Inqis li t-trade marks ikkontestati diffiċilment setgħu jitqiesu li huma ta’ natura li jqarrqu bil-pubbliku, peress li Maison Fauré Le Page, il-manifattur oriġinali tal-prodotti kkummerċjalizzati minn Fauré Le Page, kienet teżisti fl‑1717 (peress li kienet ġiet stabbilita s-sena preċedenti, fl‑1716). |
|
47. |
Barra minn hekk, sempliċi sena bħal “1717”, inkluża fi trade mark, tista’ wkoll tiġi pperċepita bħala li tirreferi għas-sena li fiha d-disinn tal-prodotti bit-trade mark deher għall-ewwel darba, jew għas-sena ta’ tqegħid fis-suq tal-ewwel mudell jew tal-ewwel verżjoni ta’ dawk il-prodotti. Hija tista’ wkoll tiġi interpretata bħala s-sena tal-ewwel żvilupp tal-għarfien espert jew tat-teknika applikata fil-manifattura tal-prodotti jew, kif tirrileva l-Kummissjoni, bħala sena purament ivvintata jew fittizja, li la turi l-għarfien jew l-esperjenza tal-impriża li minnha joriġinaw il-prodotti u lanqas il-kwalità ta’ dawk il-prodotti. |
|
48. |
Fil-fehma tiegħi, il-formulazzjoni tad-domandi magħmula mill-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni) tikkonferma dik l-ambigwità. Dik il-qorti tirrileva li l-element “1717” tat-trade marks ikkontestati jista’ jitqies, minn naħa, bħala li jittrażmetti informazzjoni falza dwar “l-età, l-affidabbiltà u l-għarfien espert tal-manifattur tal-prodotti” u, min-naħa l-oħra, bħala li jissuġġerixxi li l-proprjetarju ta’ dawk it-trade marks jipproduċi l-prodotti inkwistjoni għal sekli sħaħ, u b’hekk jagħtihom immaġni prestiġjuża. Il-fatt li dawk id-diversi interpretazzjonijiet, u sa ċertu punt vagi, tal-element “1717” huma previsti mill-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni) jikkonferma, fil-fehma tiegħi, li t-trade marks ikkontestati ma jikkostitwixxux indikazzjoni suffiċjentement konkreta ta’ karatteristika tal-prodotti koperti minnhom. L-analiżi tista’ tkun differenti jekk, minflok dak l-element, it-trade marks jinkludu termini iktar preċiżi bħal “Sengħa sa mill‑1717” jew “Teknika applikata mill‑1717”. Issa, dak ma huwiex il-każ f’din il-kawża. |
B. L-analiżi skont l-Artikolu 3(1)(g) għandha tkun ibbażata fuq it-trade mark u fuq il-lista ta’ prodotti jew ta’ servizzi koperti biss.
|
49. |
F’din it-taqsima, ser nispjega li, anki jekk jitqies li element ta’ trade mark, bħas-sena “1717”, jittrażmetti informazzjoni dwar karatteristika speċifika tal-prodotti jew tas-servizzi li hija tkopri, pereżempju billi jiġi indikat li dawk il-prodotti huma prodotti skont l-għarfien espert ta’ impriża li għandha iktar minn mitt sena u li għandhom livell ta’ kwalità partikolari, l-ineżattezza ta’ dik l-informazzjoni, u għalhekk in-natura potenzjalment qarrieqa tat-trade mark, tista’ fi kwalunkwe każ tiġi evalwata biss fir-rigward tal-karatteristiċi tal-prodotti jew tas-servizzi kif jirriżultaw mill-applikazzjoni għal reġistrazzjoni. Tali karatteristiċi ma jinkludux is-sena li fiha l-proprjetarju tat-trade mark ġie effettivament stabbilit (f’dan il-każ, 2009). |
|
50. |
F’dak ir-rigward, infakkar li, fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża PMJC ( 15 ), spjegajt li l-Qorti tal-Ġustizzja ġa ddeċidiet li “sabiex ikun jista’ jiġi kkonstatat li trade mark ġiet irreġistrata bi ksur tar-raġuni għal rifjut minħabba r-riskju ta’ qerq, għandu jiġi stabbilit li s-sinjal ippreżentat għall-finijiet tar-reġistrazzjoni inkwantu trade mark minnu nnifsu joħloq tali riskju” ( 16 ). Kif isostnu Fauré Le Page, il-Gvern Franċiż u l-Kummissjoni, ir-raġuni għall-invalidità msemmija fl-Artikolu 3(1)(g) tad-Direttiva 2008/95 teżiġi li jiġi stabbilit li, fil-mument tal-preżentata tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, it-trade mark kienet intrinsikament qarrieqa ( 17 ), fis-sens li l-pubbliku jiddeduċi informazzjoni neċessarjament falza fir-rigward tal-prodotti jew tas-servizzi elenkati f’dik l-applikazzjoni. Fi kliem ieħor, jeħtieġ li jkun hemm, ab initio ( 18 ), inkoerenza bejn l-informazzjoni mogħtija mit-trade mark u l-karatteristiċi tal-prodotti jew tas-servizzi indikati f’dik l-applikazzjoni ( 19 ). |
|
51. |
Minn dak isegwi li kull ċirkustanza speċifika li ma tirriżultax mit-trade mark innifisha, jew mil-lista tal-prodotti u tas-servizzi koperti minn dik it-trade mark kif ippreżentata fil-mument tal-applikazzjoni, ma għandhiex tittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-analiżi tan-natura qarrieqa skont l-Artikolu 3(1)(g) tad-Direttiva 2008/95 ( 20 ). |
|
52. |
F’din il-kawża, ma teżistix inkoerenza bejn l-informazzjoni trażmessa mit-trade mark u l-karatteristiċi tal-prodotti jew tas-servizzi li jistgħu jiġu dedotti mill-applikazzjoni għal reġistrazzjoni. Fil-fatt, xejn fil-lista tal-prodotti li jinsabu f’dik l-applikazzjoni, jiġifieri “ġilda u imitazzjonijiet tal-ġilda; bagolli u bagalji; basktijiet tal-ivvjaġġar; basktijiet tal-idejn”, li jista’ jikkontradixxi l-informazzjoni allegatament mogħtija mit-trade marks ikkontestati, jiġifieri li l-prodotti koperti minn dawk it-trade marks huma mmanifatturati skont l-għarfien espert ta’ kumpannija li għandha iktar minn mitt sena u għandhom livell ta’ kwalità partikolari. Il-fatt li Fauré Le Page Paris u Fauré Le Page Maroquinier inħolqu biss, rispettivament, fl‑2009 u fl‑2011 ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni, peress li, kif spjegajt, dik l-informazzjoni la tinsab fit-trade marks ikkontestati stess u lanqas fil-lista tal-prodotti jew tas-servizzi koperti minnha. |
|
53. |
Madankollu, Goyard issostni li, fost id-diversi eżempji msemmija fl-Artikolu 3(1)(g) tad-Direttiva 2008/95 u mfakkra fil-punt 31 iktar ’il fuq, l-eżempju relatat mal-“oriġini ġeografika” jippreżupponi t-teħid inkunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi relatati mal-post ta’ produzzjoni tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni, li huma estrinsiċi għat-trade mark stess jew għal-lista tal-prodotti jew tas-servizzi koperti minnha. Skont Goyard, minn dak isegwi li elementi bħal, f’din il-kawża, il-fatt li Fauré Le Page Paris u Fauré Le Page Maroquinier ġew stabbiliti rispettivament fl‑2009 u fl‑2011, li ma jidhrux la fit-trade mark stess u lanqas fil-lista tal-prodotti jew tas-servizzi li hija tkopri, jistgħu wkoll jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi stabbilita l-invalidità tat-trade mark skont l-Artikolu (1)(g) tad-Direttiva 2008/95. |
|
54. |
Għal darba oħra, ma naqbilx. L-ewwel nett, nirrikonoxxi li ma jeżistux eżempji fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, u lanqas, barra minn hekk, mill-Qorti Ġenerali, fejn trade mark ġiet effettivament meqjusa li tista’ tqarraq bil-pubbliku, fis-sens ta’ dik id-dispożizzjoni jew tal-Artikolu 7(1)(g) tar-Regolament Nru 207/2009 (li, kif diġà spjegajt fil-punt 35 iktar ’il fuq, huwa fformulat fi kliem identiċi għall-Artikolu 3(1)(g) tad-Direttiva 2008/95), fir-rigward tal-“oriġini ġeografika” tal-prodotti jew tas-servizzi koperti minnha. |
|
55. |
Madankollu, jidhirli li, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 7(1)(g) tar-Regolament Nru 207/2009, il-Qorti Ġenerali adottat interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “oriġini ġeografika”, billi fehmitha bħala li tirreferi għall-post ta’ oriġini jew ta’ provenjenza tal-prodotti jew tas-servizzi, pereżempju razzett antik, li ma għandux neċessarjament ikun post ġeografiku speċifiku ( 21 ). |
|
56. |
Fuq dik il-bażi, nista’ faċilment nimmaġina, pereżempju, li trade mark li tinkludi l-kliem “Mill-foresta” tista’ tiġi ddikjarata invalida skont l-Artikolu 3(1)(g) tad-Direttiva 2008/95 għal prodotti li huma deskritti fl-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni bħala “għamara magħmula minn materjali li jimitaw l-injam (bħall-plastik)”, minħabba li tali trade mark tista’ tqarraq bil-pubbliku mhux biss fir-rigward tal-kompożizzjoni, iżda wkoll fir-rigward tal-post ta’ oriġini jew ta’ provenjenza tal-prodotti kkonċernati. Tali analiżi tista’ ssir mingħajr ma jkun neċessarju li jittieħdu inkunsiderazzjoni elementi oħra minbarra t-trade mark stess jew il-lista tal-prodotti jew tas-servizzi koperti minnha. |
|
57. |
Għaldaqstant, jien mhux konvint mill-argument ta’ Goyard li r-riferiment għall-“oriġini ġeografika” tal-prodotti jew tas-servizzi f’dik id-dispożizzjoni jimplika neċessarjament li elementi mhux relatati għandhom neċessarjament jittieħdu inkunsiderazzjoni ( 22 ). |
|
58. |
Fid-dawl ta’ dawk il-kunsiderazzjonijiet, inqis li, in casu, il-fatt li Fauré Le Page Paris u Fauré Le Page Marroquinier ġew stabbiliti rispettivament fl‑2009 u fl‑2011 ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi stabbilit li t-trade marks ikkontestati huma ta’ natura li jqarrqu bil-pubbliku u għalhekk għandhom jiġu ddikjarati invalidi skont l-Artikolu 3(1)(g) tad-Direttiva 2008/95. Fuq dik il-bażi, u bla ħsara għall-konstatazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, ma narax kif ir-raġuni għal invalidità stabbilita f’dik id-dispożizzjoni tista’ tiġi applikata għal dawk it-trade marks. |
C. Kummenti finali: fuq id-distinzjoni bejn invalidità u revoka u rimedji ġudizzjarji oħra
|
59. |
Kif ġa spjegajt fl-introduzzjoni, l-argument prinċipali ta’ Goyard fir-rigward tat-trade marks ikkontestati huwa li fihom element, is-sena “1717”, li tista’ tagħti l-impressjoni (falza) li l-manifattur oriġinali tal-prodotti koperti mit-trade mark (Maison Fauré Le Page, stabbilita fl‑1716) għadha involuta fil-produzzjoni tagħhom, waqt li l-proprjetarju attwali (Fauré Le Page Paris) kienet stabbilita fl‑2009. |
|
60. |
Sabiex inkompli mal-analiżi tiegħi, inżid ngħid li d-dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ trade mark, bħat-trade marks ikkontestati, skont l-Artikolu 3(1)(g) tad-Direttiva 2008/95 sempliċement għal dik ir-raġuni, fil-fehma tiegħi, imur kontra l-prinċipju fundamentali li t-trade marks jikkostitwixxu oġġetti awtonomi ta’ tranżazzjonijiet kummerċjali. Il-proprjetà tagħhom tista’ tiġi ttrasferita minn persuna jew minn impriża għal oħra, mingħajr ma tali trasferiment iwassal għall-invalidità tat-trade mark innifisha. Dak huwa, essenzjalment, dak li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fil-kawża Emanuel fir-rigward ta’ trade mark li għandha l-isem tad-disinjatur inizjali tal-ħwejjeġ inkwistjoni, li ma kienx għadu involut fil-produzzjoni tagħhom ( 23 ). |
|
61. |
Nifhem, mill-qari tat-talba għal deċiżjoni preliminari, li Fauré Le Page akkwistat legalment it-trade mark Franċiża “Fauré Le Page” mingħand Saillard, li hija stess kienet l-unika azzjonista ta’ Maison Fauré Le Page oriġinali, li sussegwentement akkwistat l-assi u l-passiv kollu tagħha. Jien naqbel ukoll ma’ Fauré Le Page li l-pubbliku jaf li t-trade marks, b’mod partikolari dawk irreġistrati għal prodotti fis-settur tal-lussu, bħalma huwa l-każ hawnhekk, spiss jirreferu għas-sena ta’ stabbiliment tal-manifattur oriġinali jew tal-ewwel manifattur, anki jekk dak il-manifattur ma jkunx għadu responsabbli għall-produzzjoni tal-prodotti. Dik hija konsegwenza naturali tal-fatt li l-impriżi li għandhom iktar minn mitt sena ma jinbidlux maż-żmien u fil-prattika jgħaddu minn diversi operazzjonijiet ta’ bejgħ, xiri mill-ġdid, ristrutturar u liċenzji tat-trade marks. Huwa evidenti li tali tranżazzjonijiet ma jistgħux, waħedhom, iwasslu awtomatikament għall-invalidità tat-trade marks meta dawk ikun fihom elementi relatati mal-proprjetarju preċedenti jew inizjali tagħhom. |
|
62. |
Madankollu, is-soluzzjoni li nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tadotta ma teskludix, fil-fehma tiegħi, il-possibbiltà ta’ revoka ta’ tali trade marks, meta ċirkustanzi relatati mal-użu tagħhom wara r-reġistrazzjoni juru li l-manifattur oriġinali (jew proprjetarju preċedenti jew inizjali tat-trade mark) ma jintervjenix iktar fil-produzzjoni tal-prodotti jew fil-provvista tas-servizzi koperti mit-trade mark u li, minħabba f’hekk, it-trade mark tista’ tqarraq bil-pubbliku dwar karatteristika ta’ dawk il-prodotti jew ta’ dawk is-servizzi. |
|
63. |
F’dak ir-rigward, infakkar li, fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża PMJC ( 24 ), iċċarajt id-distinzjoni bejn l-Artikolu 3(1)(g) tad-Direttiva 2008/95, li jirrigwarda l-invalidità, jiġifieri l-kwistjoni dwar jekk trade mark kellhiex tiġi rreġistrata fl-ewwel lok, u l-Artikolu 12(2)(b) tal-istess direttiva, li jikkonċerna r-revoka, jiġifieri jekk trade mark li ġiet irreġistrata b’mod validu għandhiex madankollu tiġi rrevokata minħabba li ma għadhiex tissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ reġistrazzjoni. Kif diġà indikajt, skont l-ewwel dispożizzjoni, l-elementi li ma humiex inklużi fit-trade mark innifisha jew fil-lista ta’ prodotti jew ta’ servizzi ppreżentati fl-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni. Mill-banda l-oħra, l-Artikolu 12(2)(b) tad-Direttiva 2008/95 jipprovdi li d-drittijiet tal-proprjetarju ta’ trade mark jistgħu jiġu rrevokati jekk, wara d-data tar-reġistrazzjoni, “b’konsegwenza ta’ l-użu li jagħmel minnha l-proprjetarju tagħha jew bil-kunsens tiegħu fir-rigward tal-merkanzija jew servizzi li għalihom hija ġiet reġistrata, hija tista’ tqarraq bil-pubbliku, partikolarment fir-rigward tan-natura, kwalità jew oriġini ġeografika ta’ dik il-merkanzija jew dawk is-servizzi” ( 25 ). Skont dik id-dispożizzjoni, elementi estrinsiċi dwar il-mod kif it-trade mark intużat wara r-reġistrazzjoni jistgħu għalhekk jittieħdu inkunsiderazzjoni. |
|
64. |
Minn dak isegwi li, jekk trade mark li tinkludi elementi li jirreferu għall-proprjetarju preċedenti jew inizjali tagħha, jew għall-manifattur tal-oriġini tal-prodotti jew għall-fornitur tas-servizzi koperti minnha, ma tistax tiġi ddikjarata invalida skont l-Artikolu 3(1)(g) tad-Direttiva 2008/95, hija tista’ madankollu tiġi rrevokata skont l-Artikolu 12(2)(b) ta’ dik id-direttiva, jekk jintwera, pereżempju, li, wara r-reġistrazzjoni, it-trade mark intużat għal prodotti li l-produzzjoni tagħhom ma għandha ebda rabta ma’ dak il-manifattur jew ma’ dak il-produttur oriġinali. Infakkar li dik hija, essenzjalment, il-konklużjoni li wasalt għaliha fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża PMJC, li fihom issuġġerejt lill-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta dik l-aħħar dispożizzjoni fis-sens li ma tipprekludix ir-revoka ta’ trade mark li tikkonsisti mill-kunjom ta’ disinjatur minħabba li, wara ċ-ċessjoni tagħha, hija ntużat b’mod li twassal effettivament sabiex il-pubbliku jemmen li dak id-disinjatur baqa’ involut fil-ħolqien tal-prodotti b’dik it-trade mark, meta dak ma kienx għadu l-każ. |
|
65. |
Fl-aħħar nett, ninnota li skont il-premessa 7 tad-Direttiva 2008/95, id-Direttiva “m’għandhiex teskludi l-applikazzjoni għal trade marks ta’ dispożizzjonijiet tal-liġi ta’ l-Istati Membri li jkunu diversi mil-liġi tat-trade marks, bħad-dispożizzjonijiet dwar il-kompetizzjoni inġusta, ir-responsabbiltà ċivili u l-protezzjoni tal-konsumatur”. Kif spjegat il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Emanuel ( 26 ), l-inklużjoni ta’ informazzjoni “żbaljata” fi trade mark tista’, f’ċerti ċirkustanzi, tikkostitwixxi aġir “frawdolenti”, għall-finijiet tal-istabbiliment tar-responsabbiltà ċivili, anki jekk dik tista’ ma tikkostitwixxix qerq fis-sens tal-Artikolu 3(1)(g) ta’ dik id-direttiva. Dak jista’ jkun il-każ b’mod partikolari meta l-proprjetarju tat-trade mark jippreżenta ruħu lill-pubbliku rilevanti bħala s-suċċessur legali jew ekonomiku tal-proprjetarju ta’ trade mark simili preċedenti, mingħajr ma jkun hemm relazzjoni ta’ kontinwità jew ta’ suċċessjoni bejn it-tnejn. |
|
66. |
Tali ċirkustanza, jekk kienet diġà teżisti fil-mument tar-reġistrazzjoni tat-trade mark, tista’ wkoll tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi kkonstatata l-invalidità ta’ dik it-trade mark abbażi ta’ raġuni oħra tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2008/95, jiġifieri l-Artikolu 3(2)(d) tagħha, li jikkonċerna l-applikazzjonijiet imressqa b’mala fide ( 27 ). |
|
67. |
Madankollu, is-suċċess ta’ tali talba sussidjarja jiddependi fuq jekk jistax jiġi stabbilit li l-proprjetarju tat-trade mark, in casu, Fauré Le Page, deliberatament fittex li joħloq impressjoni falza ta’ kontinwità jew ta’ suċċessjoni. Dak ma jidhirlix li huwa l-każ hawnhekk, u bla ħsara għall-analiżi tal-qorti tar-rinviju, peress li, kif diġà rrilevajt fil-punt 60 iktar ’il fuq, Fauré Le Page Paris akkwistat legalment it-trade mark Franċiża “Fauré Le Page” mingħand Saillard, li hija stess kienet l-unika azzjonista ta’ Maison Fauré Le Page oriġinali, li sussegwentement akkwistat l-assi u l-passiv kollu tagħha. |
V. Konklużjoni
|
68. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari magħmula mill-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Franza): L-Artikolu 3(1)(g) tad-Direttiva 2008/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Ottubru 2008 biex jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-trade marks għandu jiġi interpretat fis-sens li l-inklużjoni, fi trade mark, ta’ sena li tista’ tinftiehem mill-pubbliku bħala indikazzjoni tas-sena ta’ stabbiliment tal-proprjetarju tat-trade mark, meta dak ma huwiex il-każ, ma tistax, waħedha, twassal għall-invalidità ta’ dik it-trade mark. Sabiex trade mark tiġi ddikjarata invalida skont dik id-dispożizzjoni, hija għandha tkun ta’ natura li tqarraq bil-pubbliku dwar karatteristika tal-prodotti jew tas-servizzi li hija tkopri u għandha tikkostitwixxi indikazzjoni suffiċjentement konkreta ta’ dik il-karatteristika. Barra minn hekk, kull ċirkustanza, bħas-sena ta’ stabbiliment effettiv tal-proprjetarju attwali tat-trade mark, li ma hijiex parti mit-trade mark innifisha jew mil-lista ta’ prodotti u ta’ servizzi koperti minnha, kif ippreżentata fil-mument tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, ma għandhiex tittieħed inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni skont l-Artikolu 3(1)(g) ta’ dik id-direttiva. |
( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
( 2 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Ottubru 2008 (ĠU 2008, L 299, p. 25). Dik id-direttiva ma għadhiex fis-seħħ u ġiet issostitwita bid-Direttiva (UE) 2015/2436 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2015 biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU 2015, L 336, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2016, L 110, p. 5 u fil-ĠU L, 2025/90766). Madankollu, id-Direttiva 2008/95 tapplika ratione temporis għall-kawża prinċipali.
( 3 ) Ara s-sentenza tat‑30 ta’ Marzu 2006, Emanuel (C‑259/04, EU:C:2006:215, iktar ’il quddiem is-“sentenza Emanuel”). F’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat l-Artikolu 3(1)(g) tal-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE tal‑21 ta’ Diċembru 1988 biex jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 92). Il-kliem ta’ dik id-dispożizzjoni huma, essenzjalment, identiċi għal dawk tal-Artikolu 3(1)(g) tad-Direttiva 2008/95, is-suċċessur legali tagħha. Għalhekk, l-interpretazzjoni mogħtija f’dik is-sentenza tista’ tiġi trasposta għal dik id-dispożizzjoni.
( 4 ) Ara s-sentenza tat‑23 ta’ April 2009, Copad (C‑59/08, EU:C:2009:260). Dik is-sentenza kienet tirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk il-proprjetarju ta’ trade mark setax jingħata kumpens għall-kwalità tal-prodotti mingħand persuna liċenzjata.
( 5 ) Ninnota, inċidentalment, li l-argument ta’ Goyard f’dak ir-rigward ma huwiex kompletament koerenti. Minn naħa, hija ssostni, kif għadni kif spjegajt, li mill-kliem tal-Artikolu 3(1)(g) tad-Direttiva 2008/95 jirriżulta li l-karatteristika rilevanti ma għandhiex neċessarjament tkun relatata mal-prodotti koperti minn dik it-trade mark u tista’ tikkonċerna, pereżempju, il-manifattur ta’ dawk il-prodotti. Min-naħa l-oħra, b’risposta għal domanda tal-Qorti tal-Ġustizzja, jidher li huwa kkunsidrat li l-informazzjoni (żbaljata) mogħtija mit-trade mark fir-rigward ta’ dak il-manifattur għandha neċessarjament twassal lill-pubbliku sabiex jippreżumi li l-prodotti għandhom ċerti karatteristiċi li fil-fatt ma għandhomx.
( 6 ) Paragrafu 51.
( 7 ) Regolament tas‑26 ta’ Frar 2009 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 2009, L 78, p. 1), applikabbli qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1, rettifika fil-ĠU L, 2025/90765). L-Artikolu 7(1)(g) ta’ dak ir-regolament huwa huwa stess ifformulat f’termini identiċi għal dawk tal-Artikolu 7(1)(g) tar-Regolament Nru 207/2009.
( 8 ) Ara s-sentenza tat‑13 ta’ Mejju 2020, SolNova vs EUIPO–Canina Pharma (BIO-INSECT Shocker) (T‑86/19, EU:T:2020:199).
( 9 ) Ara s-sentenzi tas‑27 ta’ Ottubru 2016, Caffè Nero Group vs EUIPO (CAFFÈ NERO) (T‑29/16, mhux ippubblikata, EU:T:2016:635). Ara wkoll, is-sentenzi tas‑26 ta’ Ottubru 2017, Alpirsbacher Klosterbräu Glauner vs EUIPO (Klosterstoff) (T‑844/16, EU:T:2017:759), li fiha l-Qorti Ġenerali kkonfermat deċiżjoni ta’ rifjut ta’ reġistrazzjoni tas-sinjal Klosterstoff, minħabba li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kienet ta’ natura li tqarraq bil-pubbliku rilevanti għall-prodotti “xorb mhux alkoħoliku, b’mod partikolari birer mhux alkoħoliċi”, u tad‑29 ta’ Novembru 2023, Myforest Foods vs EUIPO (MYBACON) (T‑107/23, mhux ippubblikata, EU:T:2023:769), billi kkunsidrat li s-sinjal MY BACON kellu jiġi rrifjutat ir-reġistrazzjoni bħala trade mark verbali tal-Unjoni Ewropea, peress li seta’ jqarraq bil-pubbliku dwar in-natura tal-ikel inkwistjoni, li kien “sostitut tal-laħam abbażi tal-faqqiegħ; sostituti tal-laħam; ikliet ippreparati magħmula primarjament minn sostituti tal-laħam, inklużi sostituti tal-laħam abbażi tal-faqqiegħ”.
( 10 ) Sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2022, Hijos de Moisés Rodríguez González vs EUIPO – Ireland and Ornua (La Irlandesa 1943) (T‑306/20, EU:T:2022:404). Enfasi miżjuda minni.
( 11 ) Ara s-sentenza tad‑29 ta’ Novembru 2018, Khadi and Village Industries Commission vs EUIPO – BNP Best Natural Products (Khadi Ayurveda) (T‑683/17, mhux ippubblikata, EU:T:2018:860, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata). Enfasi miżjuda minni.
( 12 ) Enfasi miżjuda minni.
( 13 ) Ara s-sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2018, Safe Skies vs EUIPO – Travel Sentry (TSA LOCK) (T‑60/17, mhux ippubblikata, EU:T:2018:164, punti 62 u 63 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll, is-sentenza tat‑2 ta’ April 2025, Giuliani vs EUIPO–H&H (Swisse) (T‑442/23, mhux ippubblikata, EU:T:2025:354, punt 100 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 14 ) Ara, b’analoġija, il-ġurisprudenza dwar l-Artikolu 7(1)(g) tar-Regolament Nru 207/2009, b’mod partikolari s-sentenza tas‑27 ta’ Ġunju 2017, Aldi Einkauf vs EUIPO–Fratelli Polli (ANTICO CASALE) (T‑327/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:439, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata). Kif jispjega l-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) fil-linji gwida tiegħu, il-pubbliku rilevanti għandu jirrikonoxxi s-sinjal bħala li jittrażmetti messaġġ speċifiku, ċar u mhux ambigwu dwar in-natura, il-kwalità jew l-oriġini ġeografika (jew karatteristika oħra) tal-prodotti u tas-servizzi, ifformulat b’tali mod li l-użu mhux qarrieqi huwa impossibbli (ara https://guidelines.euipo.europa.eu/2303069/2259183/linji-gwida-tat-trademarks/2-it-test-g%C4%A7all-qerq).
( 15 ) C‑168/24, EU:C:2025:221 (iktar ’il quddiem il-“konklużjonijiet tiegħi fil-kawża PMJC”). Ara l-punti 41 sa 46 ta’ dawk il-konklużjonijiet.
( 16 ) Ara s-sentenza tat‑8 ta’ Ġunju 2017, W. F. Gözze Frottierweberei u Gözze (C‑689/15, EU:C:2017:434, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata). Enfasi miżjuda minni. Dik is-sentenza kienet tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(1)(g) tar-Regolament Nru 207/2009, u mhux tal-Artikolu 3(1)(g) tad-Direttiva 2008/95. Madankollu, hija tista’ tiġi applikata b’analoġija għall-interpretazzjoni ta’ dik l-aħħar dispożizzjoni.
( 17 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2025, Verband der Islamischen Kulturzentren vs EUIPO–Inaba Shokuhin (TUNA) (T‑377/24, mhux ippubblikata, EU:T:2025:825, punt 80 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll, il-punti 41 u 44 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża PMJC u l-ġurisprudenza ċċitata.
( 18 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2022, Hijos de Moisés Rodríguez González vs EUIPO–Ireland and Ornua (La Irlandesa 1943) (T‑306/20, EU:T:2022:404, punt 68).
( 19 ) Ara, b’analoġija, il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 37 iktar ’il fuq.
( 20 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2025, Verband der Islamischen Kulturzentren vs EUIPO–Inaba Shokuhin (TUNA) (T‑377/24, mhux ippubblikata, EU:T:2025:825, punti 81 sa 83).
( 21 ) Ara s-sentenza tas‑27 ta’ Ġunju 2017, Aldi Einkauf vs EUIPO–Fratelli Polli (ANTICO CASALE) (T‑327/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:439, punt 46 sa 52). F’dik is-sentenza, il-Qorti Ġenerali madankollu kkonfermat il-konklużjonijiet tal-Bord tal-Appell tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), billi qieset li l-pubbliku rilevanti ma jipperċepixxix il-kliem “antitico casale” bħala li jittrażmettu messaġġ suffiċjentement konkret u ċar u għalhekk ma jikkunsidrax dak l-element tat-trade mark bħala indikazzjoni tal-oriġini ġeografika tal-prodotti inkwistjoni, iżda pjuttost bħala espressjoni purament ta’ eloġju.
( 22 ) Kif ser nispjega fil-punt 62 iktar ’il quddiem, madankollu, elementi oħra minbarra t-trade mark innifisha jew il-lista ta’ prodotti jew ta’ servizzi koperti minnha (bħaċ-ċirkustanzi relatati ma’ fejn dawk il-prodotti jew is-servizzi huma fil-fatt prodotti jew ipprovduti) jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 12(2)(b) tad-Direttiva 2008/95, li jikkonċerna r-revoka tat-trade marks minħabba n-natura qarrieqa tagħhom. Pereżempju, it-trade mark “Mövenpick of Switzerland” kienet irrevokata minħabba li l-prodotti inkwistjoni kienu mmanifatturati fil-Ġermanja (ara d-Deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tat‑12 ta’ Frar 2009, R 697/2008‑1, Biscosuisse – Chocosuisse vs Mövenpick Holding, punti 17 sa 19).
( 23 ) Ara l-punti 45 sa 49 ta’ dik is-sentenza. Ara wkoll, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Ruiz‑Jarabo Colomer fil-kawża Emanuel (C‑259/04, EU:C:2006:50, punti 35 sa 40). Fl-aħħar nett, ara s-sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2009, Fiorucci vs UASI–Edwin (ELIO FIORUCCI) (T‑165/06, EU:T:2009:157, punti 30 sa 34). Inżid ngħid li l-Artikolu 21 tal-Ftehim dwar l-Aspetti tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intelletwali Relatati mal-Kummerċ (TRIPs) jipprovdi li “s-sid ta’ trademark reġistrata għandu jkollu d-dritt li jassenja t-trademark bi jew mingħajr it-trasferiment tal-kummerċ tat-trademark”.
( 24 ) Ara l-punti 50 sa 54 ta’ dawk il-konklużjonijiet.
( 25 ) Enfasi miżjuda minni.
( 26 ) Ara l-punt 50 ta’ dik is-sentenza.
( 27 ) Ara, b’analoġija dwar ir-Regolament Nru 207/2009, is-sentenza tas‑6 ta’ Lulju 2022, Zdút vs EUIPO–Nehera et (nehera) (T‑250/21, EU:T:2022:430, punt 68). Id-dispożizzjoni ekwivalenti għall-Artikolu 3(2)(d) tad-Direttiva 2008/95 fil-kuntest ta’ dak ir-regolament hija l-Artikolu 52(1)(b).