SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

16 ta’ Jannar 2025 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ċittadinanza tal-Unjoni – Artikolu 21(1) TFUE – Dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri – Leġiżlazzjoni fiskali – Taxxa fuq id-dħul – Kalkolu tal-ammont tat-tnaqqis personali bażiku għall-wild dipendenti li bbenefika mill-għajnuna għall-mobbiltà għal finijiet ta’ edukazzjoni fil-kuntest tal-Programm Erasmus + – Regolament (UE) Nru 1288/2013 – Intaxxar tal-boroż ta’ studju intiżi sabiex jiffaċilitaw il-mobbiltà tal-persuni fiżiċi koperti minn dan ir-regolament – Restrizzjoni għall-moviment liberu – Proporzjonalità”

Fil-Kawża C‑277/23,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Ustavni sud Republike Hrvatske (il-Qorti Kostituzzjonali, il-Kroazja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑18 ta’ April 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑28 ta’ April 2023, fil-proċedura

E. P.

vs

Ministarstvo financija Republike Hrvatske, Samostalni sektor za drugostupanjski upravni postupak,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn I. Jarukaitis, President tar-Raba’ Awla, li qiegħed jaġixxi bħala President tal-Ħames Awla, D. Gratsias u Z. Csehi (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–

għall-Gvern Kroat, minn G. Vidović Mesarek, bħala aġent,

–

għall-Kummissjoni Ewropea, minn B.‑R. Killmann, M. Mataija, W. Roels u H. van Vliet, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑4 ta’ Lulju 2024,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 18, 20 u 21 u tal-Artikolu 165(2) TFUE kif ukoll tal-Artikolu 67 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn E. P. u l-Ministarstvo financija Republike Hrvatske, Samostalni sektor za drugostupanjski upravni postupak (il-Ministeru għall-Finanzi tar-Repubblika tal-Kroazja, id-Dipartiment Awtonomu tal-Proċedura Amministrattiva tat-Tieni Livell) (iktar ’il quddiem id-“Dipartiment Awtonomu tal-Proċedura Amministrattiva tat-Tieni Livell”) dwar it-teħid inkunsiderazzjoni mill-Awtorità tat-Taxxa, għall-finijiet tal-kalkolu tat-tnaqqis applikabbli għat-taxxa fuq id-dħul ta’ E. P. tal-għajnuna għall-mobbiltà għal finijiet ta’ edukazzjoni fil-kuntest tal-Programm Erasmus + li minnha bbenefika wild dipendenti tagħha.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

Ir‑Regolament Nru 883/2004

3

L-Artikolu 1(z) tar-Regolament Nru 883/2004 jipprovdi:

“Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament:

[…]

(z)

‘benefiċċju marbut mal-familja’ tfisser il-benefiċċji kollha in natura jew fi flus maħsuba biex jagħmlu tajjeb għall-ispejjeż tal-familja, minbarra għotjiet ta’ pagamenti għall-manteniment u allowances speċjali marbutin mat-twelid ta’ tarbija u ma’ adozzjoni msemmija fl-Anness I.”

4

L-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“Dan ir-Regolament għandu japplika għal-leġislazzjoni kollha li tikkonċerna l-fergħat li ġejjin tas-sigurtà soċjali:

[…]

(j) benefiċċji marbuta mal-familja.”

5

Skont l-Artikolu 67 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Membri tal-familja li għandhom ir-residenza tagħhom fi Stat Membru ieħor”:

“Persuna għandha tkun intitolata għal benefiċċji marbutin mal-familja skond il-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru kompetenti, inklużi l-membri tal-familja tagħha li għandhom ir-residenza tagħhom fi Stat Membru ieħor, bħallikieku dawn kellhom ir-residenza tagħhom fl-Istat Membru kompetenti. Madanakollu, pensjonant għandu jkun intitolat għal benefiċċji marbutin mal-familja skond il-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru kompetenti għall-pensjoni tiegħu.”

Ir‑Regolament (UE) Nru 1288/2013

6

Ir-Regolament (UE) Nru 1288/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi ‘Erasmus+’: il-programm tal-Unjoni għall-edukazzjoni, taħriġ, żgħażagħ u sport u li jħassar id-Deċiżjonijiet Nru 1719/2006/KE, Nru 1720/2006/KE u Nru 1298/2008/KE (ĠU 2013, L 347, p. 50), li kien fis-seħħ fiż-żmien tal-fatti fil-kawża prinċipali, kien jinkludi l-premessa 40 li kienet ifformulata kif ġej:

“Biex jittejjeb l-aċċess għall-Programm, l-għotjiet ta’ appoġġ għall-mobbiltà tal-individwi għandhom jiġu aġġustati għall-ispejjeż ta’ għajxien u ta’ sussistenza tal-pajjiż ospitanti. F’konformità mal-liġi nazzjonali, l-Istati Membri għandhom ukoll jitħeġġu jeżentaw lil dawk l-għotjiet minn kwalunkwe taxxa u imposta soċjali. L-istess eżenzjoni għandha tapplika għal korpi pubbliċi jew privati li jagħtu dan l-appoġġ finanzjarju lill-individwi kkonċernati.”

7

L-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Azzjonijiet tal-Programm”, kien jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ, il-Programm se jsegwi l-objettivi tiegħu permezz tat-tipi ta’ azzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-mobbiltà fit-tagħlim tal-individwi;

[…]”

8

L-Artikolu 18 tal-imsemmi regolament, intitolat “Baġit”, kien jipprevedi, fil-paragrafu 7 tiegħu:

“Il-fondi għall-mobbiltà fit-tagħlim tal-individwi msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 6(1) u l-punt (a) tal-Artikolu 12 li jridu jiġu ġestiti minn aġenzija jew aġenziji nazzjonali (‘aġenzija nazzjonali’) għandhom ikunu allokati fuq il-bażi tal-popolazzjoni u l-għoli tal-ħajja fl-Istat Membru, id-distanza bejn il-kapitali tal-Istati Membri u l-prestazzjoni. Il-parametru tal-prestazzjoni għandu jammonta għal 25 % tal-fondi totali skont il-kriterji msemmija fil-paragrafi 8 u 9. Fir-rigward tas-sħubiji strateġiċi msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 8(1) u l-punt (a) tal-Artikolu 14(1) li għandhom jintgħażlu u jiġu ġestiti minn aġenzija nazzjonali, il-fondi għandhom jiġu allokati abbażi ta’ kriterji li għandhom jiġu definiti mill-Kummissjoni f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 36(3). Dawk il-formuli għandhom, safejn huwa possibbli, ikunu newtrali fir-rigward tas-sistemi differenti ta’ edukazzjoni u taħriġ tal-Istati Membri, għandhom jevitaw tnaqqis sostanzjali fil-baġit annwali allokat lill-Istati Membri minn sena għall-oħra u għandhom jimminimizzaw żbilanċi eċċessivi fil-livell tal-għotjiet allokati.”

Id‑dritt nazzjonali

9

Iż-Zakon o porezu na dohodak (il-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul) tat‑3 ta’ Diċembru 2004 (NN 177/04), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem iż-“ZPD”), tipprevedi, fl-Artikolu 6 tagħha, li l-bażi tat-taxxa fuq id-dħul għandha titnaqqas bit-tnaqqis personali.

10

Skont il-punti 13, 18 u 20 tal-Artikolu 10 taż-ZPD, dawn li ġejjin huma eżentati mit-taxxa fuq id-dħul:

“13.

il-boroż ta’ studju għall-istudenti għal tagħlim full-time fl-istituzzjonijiet superjuri u fl-universitajiet, u għall-istudenti ta’ dottorat u ta’ postdottorat, li għalihom huma previsti fondi fil-baġit tal-Istat tar-Repubblika tal-Kroazja u l-boroż ta’ studju li jitħallsu, jiġifieri allokati mill-baġit tal-[Unjoni], li huma rregolati minn konvenzjonijiet internazzjonali speċifiċi u intiżi għal studenti għal edukazzjoni full-time fl-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni ogħla,

[…]

18.

il-boroż ta’ studju għall-istudenti magħżula permezz ta’ kompetizzjonijiet pubbliċi, li fihom jistgħu jipparteċipaw l-istudenti kollha taħt kundizzjonijiet ugwali, għal edukazzjoni full-time fl-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni ogħla, li jitħallsu, jiġifieri jiġu allokati minn fondazzjonijiet, stabbilimenti u istituzzjonijiet oħra rreġistrati fir-Repubblika tal-Kroazja għal finijiet ta’ edukazzjoni u ta’ taħriġ jew ta’ riċerka xjentifika, li l-azzjoni tagħhom hija rregolata minn dispożizzjonijiet speċjali u li huma stabbilit bil-għan li jagħtu boroż ta’ studju,

[…]

20.

l-ammonti mħallsa bħala għotjiet minn fondi u Programmi tal-Unjoni Ewropea permezz ta’ awtoritajiet akkreditati skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea fir-Repubblika tal-Kroazja għall-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet ta’ mobbiltà fil-kuntest tal-Programmi u fondi tal-Unjoni Ewropea għal finijiet ta’ edukazzjoni u ta’ taħriġ professjonali, skont ir-Regolament Finanzjarju tal-Kummissjoni Ewropea, fil-limitu tal-ammonti preskritti”.

11

L-Artikolu 36 taż-ZPD jipprovdi:

“(1)   L-ammont totali ta’ dħul irċevut mir-residenti, skont l-Artikolu 5 ta’ din il-liġi, għandu jitnaqqas bi tnaqqis personali bażiku sa 2200 [kuna (HRK) (madwar EUR 292)], għal kull xahar tal-perijodu fiskali li għaliha ġiet stabbilita t-taxxa. […]

(2)   Ir-residenti jistgħu jżidu t-tnaqqis bażiku msemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu bl-ammonti segwenti:

[…]

2.

għall-ulied dipendenti: 0.5 tat-tnaqqis personali bażiku għall-ewwel wild, 0.7 għat-tieni, 1.0 għat-tielet, 1.4 għar-raba’, 1.9 għall-ħames u, għal kull wild addizzjonali, il-fattur tat-tnaqqis personali bażiku jiżdied b’mod progressiv b’0.6, 0.7, 0.8, 0.9, 1.0 […] iktar meta mqabbel mal-fattur tat-tnaqqis personali bażiku għall-wild preċedenti.

[…]

(4)   Huma meqjusa bħala membri tal-familja immedjata u bħala wlied dipendenti l-persuni fiżiċi li d-dħul taxxabbli tagħhom, id-dħul eżentat u l-ammonti l-oħra li, fis-sens ta’ din il-liġi, ma humiex meqjusa bħala dħul, ma jaqbżux l-ammont li jikkorrispondi għal ħames darbiet it-tnaqqis personali bażiku msemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, fuq bażi annwali.

(5)   B’deroga mill-paragrafu 4 ta’ dan l-artikolu, sabiex jiġi stabbilit id-dritt ta’ tnaqqis personali għall-membri tal-familja immedjata u għall-ulied dipendenti, ma jiġux meqjusa l-ammonti previsti konformement mad-dispożizzjonijiet speċjali tal għajnuna soċjali, tal-allowances għall-ulied, tal-għajnuna għat trabi tat-twelid, jiġifieri ammonti intiż għat-tagħmir għal tarbija tat-twelid, kif ukoll tal-pensjonijiet tas-superstiti mħallsa wara l-mewt ta’ ġenitur. […]”

12

L-Artikolu 54 taż-ZPD jipprevedi, għal ċerti persuni taxxabbli, bħar-rikorrenti fil-kawża prinċipali residenti f’reġjuni megħjuna u fil-belt ta’ Vukovar (il-Kroazja), ammont ogħla tat-tnaqqis personali bażiku msemmi fl-Artikolu 36(1) taż-ZPD, li, fiż-żmien tal-fatti fil-kawża prinċipali, jitla’ għal HRK 3000, li għandu bħala konsegwenza, bis-saħħa tal-punt 2 tal-Artikolu 36(2) ta’ din il-liġi, tnaqqis iktar sinjifikattiv għall-ulied dipendenti previst f’din id-dispożizzjoni.

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

13

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, ċittadina Kroata, hija tħallas it-taxxa fuq id-dħul kif ukoll taxxa addizzjonali fuq id-dħul bħala dħul ta’ taxxa speċjali ta’ awtorità lokali. Minħabba l-post tad-domiċilju tagħha, hija tibbenefika minn ċerti benefiċċji fiskali previsti miż-ZPD.

14

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li wieħed mit-tfal dipendenti tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali rċieva, għas-sena universitarja 2014/2015, għajnuna għall-mobbiltà għal finijiet ta’ edukazzjoni fil-kuntest tal-Programm Erasmus + għas-soġġorn ta’ studju tiegħu f’università fil-Finlandja u li, qabel it-tluq tiegħu lejn dan il-pajjiż fi tmiem l‑2014, tħallas ħlas bil-quddiem fuq din l-għajnuna ta’ EUR 1840.

15

Għall-perijodi taxxabbli ta’ qabel l‑2014, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali bbenefikat, skont il-punt 2 tal-Artikolu 36(2) u l-punt 2 tal-Artikolu 54(1) taż-ZPD, minn żieda fit-tnaqqis personali bażiku għal wild dipendenti.

16

Permezz ta’ valutazzjoni tat-taxxa tas‑27 ta’ Lulju 2015, il-Porezna uprava Ministarstva financija Republike Hrvatske (l-Awtorità tat-Taxxa tal-Ministeru għall-Finanzi tar-Repubblika tal-Kroazja) informat lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali li hija kellha tħallas it-taxxa kkonċernata minħabba li ż-żieda tat-tnaqqis personali bażiku għall-wild dipendenti tagħha kienet tneħħiet għall-perijodu mill‑1 ta’ Jannar sal‑31 ta’ Diċembru 2014, sa fejn hija kienet irċeviet, matul dan il-perijodu, ammonti ogħla mil-limitu msemmi fl-Artikolu 36(4) taż-ŻPD, li nqabeż minħabba l-ġbir, minn dan il-wild, tal-għajnuna għall-mobbiltà fil-kuntest tal-Programm Erasmus +.

17

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ressqet ilment kontra din il-valutazzjoni tat-taxxa quddiem id-Dipartiment Awtonomu tal-Proċedura Amministrattiva tat-Tieni Livell, billi sostniet li kien żbaljat li hija ma setgħetx tibbenefika, għall‑2014, miż-żieda tat-tnaqqis personali bażiku għall-wild dipendenti tagħha. Fil-fehma tagħha, l-għajnuna għall-mobbiltà mħallsa lill-istudenti għal finijiet ta’ edukazzjoni fil-kuntest tal-Programm Erasmus + kellha tiġi kklassifikata bħala“għajnuna soċjali” u, konsegwentement, konformement mal-Artikolu 36(5) taż-ZPD, din ma kellhiex tittieħed inkunsiderazzjoni għad-determinazzjoni tad-dritt għaż-żieda tat-tnaqqis personali bażiku għall-ulied dipendenti.

18

Permezz ta’ deċiżjoni tas‑17 ta’ Lulju 2019, id-Dipartiment Awtonomu tal-Proċedura Amministrattiva tat-Tieni Livell ċaħad l-imsemmi lment bħala infondat.

19

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentat rikors kontra dik id-deċiżjoni quddiem l-Upravni sud Osijek (il-Qorti Amministrattiva ta’ Osijek, il-Kroazja), u din, permezz ta’ sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, ċaħdet ir-rikors bħala infondat.

20

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali appellat minn dik is-sentenza quddiem il-Visoki upravni sud (il-Qorti Amministrattiva tal-Appell, il-Kroazja), li ċaħdet dan l-appell permezz ta’ sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2021.

21

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentat rikors kostituzzjonali kontra dik is-sentenza quddiem l-Ustavni sud Republike Hrvatske (il-Qorti Kostituzzjonali, il-Kroazja), li hija l-qorti tar-rinviju. Insostenn ta’ dan ir-rikors, hija tinvoka, b’mod partikolari, motiv ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu, previst fil-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Kroazja, li jiġu protetti d-drittijiet suġġettivi li hija tislet mid-dritt tal-Unjoni. B’mod iktar partikolari, hija ssostni li ġiet iddiskriminata, bi ksur tal-Artikolu 18 TFUE, u żvantaġġata, bi ksur tal-Artikolu 20(2)(a) TFUE u tal-Artikolu 21(1) TFUE, minħabba li l-wild dipendenti tagħha eżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment u ta’ residenza fi Stat Membru ieħor li ma huwiex l-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu għal finijiet ta’ edukazzjoni.

22

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-dritt tal-Unjoni huwiex applikabbli għas-sitwazzjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali u, b’mod iktar preċiż, jekk il-leġiżlazzjoni fiskali nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali hijiex kompatibbli mal-Artikoli 18 TFUE, 20 TFUE u 21 TFUE u mal-Artikolu 165(2) TFUE kif ukoll mal-Artikolu 67 tar-Regolament Nru 883/2004.

23

Barra minn hekk, hija tosserva li mir-rapport tal-Ombudsman tar-Repubblika tal-Kroazja għall‑2017 jirriżulta li din irċeviet, min-naħa tal-universitajiet Kroati, informazzjoni li tgħid li l-istudenti kkonċernati li jagħmlu użu mill-miżuri previsti mill-Programm Erasmus + irrinunzjaw għalihom wara li saru jafu li, skont l-interpretazzjoni adottata mill-Ministeru għall-Finanzi tar-Repubblika tal-Kroazja, il-ġbir tal-għajnuna għall-mobbiltà għal finijiet ta’ edukazzjoni fil-kuntest tal-Programm Erasmus + kellu l-konsegwenza li jċaħħad lill-ġenituri tagħhom mid-dritt għaż-żieda tat-tnaqqis personali bażiku għall-ulied dipendenti, li wassal għal tnaqqis fin-numru ta’ kandidaturi ta’ studenti kkonċernati minn tali miżuri.

24

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Ustavni sud Republike Hrvatske (il-Qorti Kostituzzjonali) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 18 TFUE, 20 TFUE u 21 TFUE u tat-tieni inċiż tal-Artikolu 165(2) TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprovdi li l-ġenitur jitlef id-dritt għal żieda fit-tnaqqis annwali bażiku fit-taxxa fuq id-dħul fir-rigward ta’ wild dipendenti għar-raġuni li dan il-wild, bħala student dipendenti li eżerċita l-libertà tiegħu ta’ moviment u ta’ residenza fi Stat Membru ieħor għall-finijiet tal-edukazzjoni tiegħu, abbażi ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li jimplimentaw miżuri previsti fl-Artikolu 6(1)(a) tar-[Regolament Nru 1288/2013] intiżi li jintlaħaq l-għan ta’ mobbiltà ta’ student minn Stat Membru b’livell ta’ għoli tal-ħajja baxx jew medju lejn Stat Membru b’livell ta’ għoli tal-ħajja ogħla, skont il-kriterji ddeterminati mill-Kummissjoni Ewropea fis-sens tal-Artikolu 18(7) ta’ dan ir-regolament, irċieva għajnuna għall-mobbiltà tal-istudenti li l-ammont tagħha kien ogħla minn limitu fiss iddeterminat minn qabel?

2)

L-Artikolu 67 tar-[Regolament Nru 883/2004] għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprovdi li l-ġenitur jitlef id-dritt għal żieda fit-tnaqqis annwali bażiku fit-taxxa fuq id-dħul fir-rigward ta’ student dipendenti li, matul is-soġġorn tiegħu fi Stat Membru għall-finijiet tal-edukazzjoni tiegħu, irċieva għajnuna għall-mobbiltà tal-istudenti fis-sens tal-Artikolu 6(1)(a) tar-Regolament Nru 1288/2013?”

Fuq id‑domandi preliminari

Fuq l‑ammissibbiltà

25

Skont il-Gvern Kroat, id-domandi preliminari huma inammissibbli. Huwa jsostni, f’dan ir-rigward, li, għalkemm huwa minnu li l-istudenti jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni meta jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ moviment liberu għal finijiet ta’ studju fi Stat Membru li ma huwiex l-Istat Membru ta’ oriġini tagħhom fil-kuntest tal-parteċipazzjoni fil-Programm Erasmus +, minn dan ma jistax jiġi dedott li dan id-dritt japplika wkoll għall-membri tal-familja tagħhom, b’mod partikolari għall-ġenituri tagħhom. Is-sitwazzjoni tat-taxxa tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali u, b’mod partikolari, il-kalkolu tat-taxxa tagħha fuq id-dħul kif ukoll id-determinazzjoni tad-dritt tagħha għal tnaqqis personali bażiku huma rregolati mid-dritt nazzjonali u ma jaqgħux taħt id-dritt tal-Unjoni bil-mod invokat minnha. Dan huwa iktar u iktar il-każ peress li s-sitwazzjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali hija ta’ natura purament interna fid-dawl tan-nazzjonalità tagħha, minħabba l-fatt li hija taħdem fil-Kroazja, tirċievi dħul hemmhekk u la għamlet użu personalment mil-libertà ta’ moviment u lanqas ma bbenefikat mill-għajnuna għall-mobbiltà għal finijiet ta’ edukazzjoni fil-kuntest tal-Programm Erasmus +.

26

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li hija biss il-qorti nazzjonali adita bil-kawża prinċipali li għandha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja li ser tingħata iktar ’il quddiem, li għandha tevalwa, fid-dawl tal-aspetti partikolari ta’ din it-tilwima, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’qagħda li tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Minn dan isegwi li d-domandi magħmula mill-qrati nazzjonali jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza u li r-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar dawn id-domandi huwa possibbli biss jekk ikun jidher, b’mod manifest, li l-interpretazzjoni mitluba ma jkollha l-ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, jekk il-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tagħti risposta utli għall-imsemmija domandi (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, Royal Antwerp Football Club, C‑680/21, EU:C:2023:1010, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27

Issa, f’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tesponi bi preċiżjoni r-raġunijiet li wassluha tqis li interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni hija neċessarja sabiex tagħti d-deċiżjoni tagħha u li r-risposti għad-domandi preliminari jista’ jkollhom effett fuq id-deċiżjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali. Hija tqis li, fid-dawl tal-għan tar-rikors li bih hija adita u fl-assenza ta’ ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq in-natura diskriminatorja jew in-natura sproporzjonata ta’ miżuri fiskali nazzjonali marbuta mal-mobbiltà tal-istudenti fil-kuntest tal-Programm Erasmus +, sabiex tagħti d-deċiżjoni tagħha, hija obbligata, b’mod partikolari, tistabbilixxi jekk l-atti individwali li huma s-suġġett tar-rikors li bih hija adita jiksrux l-Artikoli 18 TFUE, 20 TFUE u 21 TFUE u l-Artikolu 165(2) TFUE.

28

Barra minn hekk, ma tistax titqies li hija ta’ natura “purament interna” is-sitwazzjoni li fiha tqum il-kwistjoni dwar jekk u, jekk ikun il-każ, sa fejn il-parteċipazzjoni fi programm irregolat mid-dritt tal-Unjoni, bħall-Programm Erasmus +, għandhiex effett fuq is-sistema fiskali applikabbli għall-ġenitur taxxabbli responsabbli għall-wild li pparteċipa f’dan il-programm, irrispettivament minn jekk din is-sitwazzjoni hijiex irregolata jew le minn dan id-dritt. L-evalwazzjoni tal-portata u tal-modalitajiet ta’ dan l-effett possibbli ma tikkonċernax l-ammissibbiltà tad-domandi magħmula iżda tirrigwarda l-mertu tal-kawża.

29

Minn dan isegwi li d-domandi preliminari huma ammissibbli.

Fuq il‑mertu

30

Fid-domandi preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju ssemmi diversi dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li dwarhom hija tixtieq tkun taf jekk jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

31

Fir-rigward tal-Artikolu 67 tar-Regolament Nru 883/2004, għandu jiġi rrilevat qabel kollox li dan l-artikolu huwa intiż sabiex jiddetermina l-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru li tirregola d-dritt għall-benefiċċji tal-familja. Issa, kif sostnew il-Gvern Kroat u l-Kummissjoni, sa fejn it-tnaqqis fiskali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma huwiex benefiċċju fi flus intiż sabiex jikkumpensa l-ispejjeż tal-familja, iżda vantaġġ fiskali li jnaqqas, taħt ċerti kundizzjonijiet, l-ammont tat-taxxa fuq id-dħul, dan it-tnaqqis ma jikkostitwixxix benefiċċju tal-familja, fis-sens tal-Artikolu 1(z) tar-Regolament Nru 883/2004. Minn dan isegwi li l-Artikolu 67 ta’ dan ir-regolament ma huwiex applikabbli fil-kuntest tal-kawża prinċipali.

32

F’dak li jirrigwarda l-Artikolu 18 TFUE u, b’mod iktar partikolari, il-projbizzjoni tad-diskriminazzjonijiet minħabba n-nazzjonalità msemmija fih, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-qorti tar-rinviju tqis, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-għanijiet tar-Regolament Nru 1288/2013, li s-sitwazzjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali la hija paragunabbli, b’mod ġenerali, ma’ dik tal-persuni taxxabbli fuq id-dħul li wliedhom ma eżerċitawx id-dritt tagħhom ta’ moviment liberu u lanqas, b’mod partikolari, ma’ dik ta’ tali persuni taxxabbli li wliedhom kisbu għajnuna għall-mobbiltà għal finijiet ta’ edukazzjoni fil-kuntest tal-Programm Erasmus + għal soġġorn ta’ studji universitarji fl-Istati Membri li għandhom għoli tal-ħajja simili jew inqas. Min-naħa l-oħra, fid-dawl tal-fatt li l-wild tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali mar, għall-finijiet tal-istudji universitarji tiegħu, fi Stat Membru li għandu għoli tal-ħajja ogħla meta mqabbel ma’ dak tal-Kroazja, dik il-qorti tistaqsi jekk in-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 36(5) taż-ZPD fir-rigward tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali għandux jitqies li huwa restrizzjoni mhux iġġustifikata għall-moviment liberu tal-istudenti skont l-Artikoli 20 TFUE u 21 TFUE.

33

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li, permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 20 TFUE u 21 TFUE, moqrija fid-dawl tat-tieni inċiż tal-Artikolu 165(2) TFUE, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li, sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tat-tnaqqis personali bażiku li għalih ġenitur taxxabbli għandu dritt fir-rigward tal-wild dipendenti tiegħu, tieħu inkunsiderazzjoni l-għajnuna għall-mobbiltà għal finijiet ta’ edukazzjoni li minnha dan il-wild ibbenefika fil-kuntest tal-Programm Erasmus +, bil-konsegwenza, jekk ikun il-każ, li jintilef id-dritt għaż-żieda ta’ dan it-tnaqqis fil-kuntest tal-kalkolu tat-taxxa fuq id-dħul.

34

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, għalkemm, skont ġurisprudenza stabbilita, it-tassazzjoni diretta taqa’ taħt il-kompetenza tal-Istati Membri u għalkemm dan id-dritt ma jipprekludix, bħala prinċipju, li l-Istati Membri jintaxxaw dħul iffinanzjat minn fondi tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑14 ta’ Frar 1995, Schumacker, C‑279/93, EU:C:1995:31, punt 21; tas‑7 ta’ Settembru 2023, Finanzamt G (Proġetti ta’ għajnuna għall-iżvilupp), C‑15/22, EU:C:2023:636, punt 64, u tat‑23 ta’ Novembru 2023, Ministarstvo financija, C‑682/22, EU:C:2023:920, punt 33), tali taxxa għandha ssir b’osservanza tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-libertà rrikonoxxuta lil kull ċittadin tal-Unjoni li jiċċaqlaq u li jirrisjedi liberament fit-territorju tal-Istati Membri (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2005, Schempp, C‑403/03, EU:C:2005:446, punt 19).

35

Dawn il-kunsiderazzjonijiet japplikaw ukoll fil-każ fejn, bħal f’dan il-każ, ma jkunx jirrigwarda, strettament, it-tassazzjoni tad-dħul iffinanzjat minn fondi tal-Unjoni, iżda t-teħid inkunsiderazzjoni tiegħu fil-kuntest tal-kalkolu tat-taxxa fuq id-dħul ta’ persuna taxxabbli responsabbli għal wild li jkun ibbenefika minn tali dħul.

36

F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jitfakkar li l-Artikolu 20 TFUE jagħti lil kull persuna li għandha n-nazzjonalità ta’ Stat Membru l-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni, li huwa intiż li jkun l-istatus fundamentali taċ-ċittadini tal-Istati Membri (sentenzi tal‑20 ta’ Settembru 2001, Grzelczyk, C‑184/99, EU:C:2001:458, punt 31, u tal‑5 ta’ Settembru 2023, Udlændinge- og Integrationsministeriet (Telf tan-nazzjonalità Daniża), C‑689/21, EU:C:2023:626, punt 29).

37

Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ċittadin ta’ Stat Membru li, fil-kwalità tiegħu ta’ ċittadin tal-Unjoni, eżerċita l-libertà ta’ moviment u ta’ residenza tiegħu fi Stat Membru differenti mill-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu, jista’ jinvoka d-drittijiet relatati ma’ din il-kwalità, b’mod partikolari dawk previsti fl-Artikolu 21(1) TFUE, inkluż, skont il-każ, fir-rigward tal-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu (sentenza tat‑22 ta’ Frar 2024, Direcţia pentru Evidenţa Persoanelor şi Administrarea Bazelor de Date, C‑491/21, EU:C:2024:143, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38

It-tieni nett, għandu jiġi rrilevat li leġiżlazzjoni nazzjonali li tpoġġi fi żvantaġġ ċerti ċittadini minħabba l-fatt biss li eżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fi Stat Membru ieħor tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertajiet mogħtija mill-Artikolu 21(1) TFUE lil kull ċittadin tal-Unjoni (sentenzi tat‑18 ta’ Lulju 2006, De Cuyper, C‑406/04, EU:C:2006:491, punt 39, u tal‑25 ta’ Lulju 2018, A (Għajnuna għal persuna b’diżabbiltà),C‑679/16, EU:C:2018:601, punt 60).

39

Fil-fatt, il-possibbiltajiet offruti mit-Trattat FUE fil-qasam tal-moviment taċ-ċittadini tal-Unjoni ma jkunux jistgħu jipproduċu l-effetti sħaħ tagħhom li kieku ċittadin ta’ Stat Membru seta’ jiġi skoraġġut milli jagħmel użu minnhom, minħabba ostakoli dovuti għar-residenza tiegħu fi Stat Membru ieħor, minħabba leġiżlazzjoni tal-Istat ta’ oriġini tiegħu li tippenalizzah minħabba s-sempliċi fatt li huwa uża dawn il-possibbiltajiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑29 ta’ April 2004, Pusa, C‑224/02, EU:C:2004:273, punt 19, u tal‑25 ta’ Lulju 2018, A (Għajnuna għal persuna b’diżabbiltà),C‑679/16, EU:C:2018:601, punt 61).

40

Din il-kunsiderazzjoni hija partikolarment importanti fil-qasam tal-edukazzjoni, fid-dawl tal-għanijiet imfittxija mill-Artikolu 6(e) TFUE u mit-tieni inċiż tal-Artikolu 165(2) TFUE, jiġifieri, b’mod partikolari, li tiġi ffavorita l-mobbiltà tal-istudenti u tal-għalliema (sentenzi tal‑11 ta’ Lulju 2002, D’Hoop, C‑224/98, EU:C:2002:432, punt 32, u tal‑24 ta’ Ottubru 2013, Thiele Meneses, C‑220/12, EU:C:2013:683, punt 24).

41

Barra minn hekk, il-Programm Erasmus +, bħal programmi oħra ta’ azzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-edukazzjoni, huwa bbażat fuq l-Artikoli 165 TFUE u 166 TFUE u huwa intiż, b’mod partikolari, sabiex jippromwovi l-mobbiltà tal-istudenti fi ħdan l-Unjoni u jippermettilhom jibdew jew ikomplu l-istudji tagħhom fi Stati Membri differenti, indipendentement mill-post ta’ oriġini tagħhom, u b’hekk isaħħaħ id-dimensjoni Ewropea tal-edukazzjoni u tat-taħriġ. Issa, l-implimentazzjoni ta’ dan l-għan tista’ tmur kontra, fid-dawl tal-mezzi ekonomiċi li għandhom l-istudenti u l-ġenituri tagħhom, l-ispejjeż addizzjonali li din il-mobbiltà toħloq. L-appoġġ finanzjarju mogħti permezz, b’mod partikolari, ta’ boroż ta’ studju intiżi sabiex jiffaċilitaw il-mobbiltà tal-benefiċjarji ta’ dan il-programm juri r-rieda tal-Unjoni li tikkontribwixxi sabiex dawn l-ostakoli jingħelbu b’mod konkret u effikaċi.

42

F’dan il-kuntest, għandu jiġi osservat li, fil-premessa 40 tar-Regolament Nru 1288/2013, il-leġiżlatur tal-Unjoni stieden lill-Istati Membri, fl-osservanza tad-dritt nazzjonali tagħhom, sabiex jeżentaw il-boroż ta’ studju intiżi sabiex jiffaċilitaw il-mobbiltà tal-persuni fiżiċi koperti minn dan ir-regolament minn kull taxxa u minn kull imposta soċjali, mingħajr madankollu ma jimponi obbligu partikolari fuq l-Istati Membri f’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, il-kalkolu tat-taxxa fuq id-dħul tal-ġenituri taxxabbli, peress li t-tassazzjoni diretta taqa’ bħala prinċipju taħt il-kompetenza tal-Istati Membri, kif tfakkar fil-punt 34 ta’ din is-sentenza.

43

Huwa minnu li d-dritt tal-Unjoni ma jiggarantixxix lil ċittadin tal-Unjoni li l-eżerċizzju tal-libertà ta’ moviment tiegħu jkun newtrali fil-qasam tat-tassazzjoni. Fid-dawl tad-differenzi fil-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri f’dan il-qasam, tali eżerċizzju jista’, skont il-każ, ikun iktar jew inqas vantaġġuż, jew żvantaġġuż. Dan l-istess prinċipju japplika a fortiori għal sitwazzjoni li fiha l-persuna kkonċernata ma eżerċitatx hija stess id-dritt tagħha ta’ moviment, iżda ssostni li kienet vittma ta’ trattament żvantaġġat wara l-eżerċizzju tal-libertà ta’ moviment ta’ membru tal-familja tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2005, Schempp, C‑403/03, EU:C:2005:446, punti 45 u 46).

44

Madankollu, meta Stat Membru jipparteċipa fil-Programm Erasmus +, huwa jrid jiżgura li l-allokazzjoni u l-intaxxar tal-boroż ta’ studju intiżi sabiex tiġi ffaċilitata l-mobbiltà tal-benefiċjarji ta’ dan il-programm ma joħolqux restrizzjoni mhux iġġustifikata fuq id-dritt ta’ moviment u residenza fit-territorju tal-Istati Membri (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat‑23 ta’ Ottubru 2007, Morgan u Bucher, C‑11/06 u C‑12/06, EU:C:2007:626, punt 28, u tas‑26 ta’ Frar 2015, Martens, C‑359/13, EU:C:2015:118, punt 24).

45

F’dan il-każ, huwa stabbilit li, minn naħa, l-għajnuna għall-mobbiltà għal finijiet ta’ edukazzjoni fil-kuntest tal-Programm Erasmus + ma kinitx, bħala tali, is-suġġett ta’ ntaxxar fil-Kroazja fiż-żmien tal-fatti fil-kawża prinċipali, iżda ttieħdet inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu tat-taxxa fuq id-dħul tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali. Min-naħa l-oħra, din kienet żvantaġġata sa fejn fil-konfront tagħha ġew applikati d-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali minħabba l-ġbir ta’ tali għajnuna mill-wild dipendenti tagħha.

46

Tali dispożizzjonijiet huma għalhekk ta’ natura li jiddisswadu liċ-ċittadini tal-Unjoni milli jeżerċitaw il-libertà tagħhom ta’ moviment u ta’ residenza fi Stat Membru li ma huwiex l-Istat Membru ta’ oriġini tagħhom, fid-dawl tal-effett li l-eżerċizzju ta’ din il-libertà jista’ jkollu fuq il-kalkolu tat-taxxa fuq id-dħul tal-ġenituri taxxabbli, u jistgħu jippreġudikaw il-mobbiltà tal-istudenti fi ħdan l-Unjoni fil-kuntest tal-Programm Erasmus +.

47

Għaldaqstant, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-għajnuna għall-mobbiltà li minnha jibbenefika wild dipendenti taħt il-Programm Erasmus + sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tat-tnaqqis bażiku li għalih ġenitur taxxabbli għandu dritt għal dan il-wild, bil-konsegwenza tat-telf tad-dritt għal żieda ta’ dan it-tnaqqis fil-kuntest tal-kalkolu tat-taxxa fuq id-dħul, jista’ jikkostitwixxi restrizzjoni għad-dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza li minnu jgawdu ċ-ċittadini tal-Unjoni skont l-Artikolu 21 TFUE.

48

L-eżistenza ta’ tali restrizzjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-fatt, minn naħa, li l-wild dipendenti, li eżerċita l-libertà ta’ moviment tiegħu, ma kienx huwa stess il-persuna taxxabbli li ġiet imċaħħda, fil-kuntest tal-kalkolu tat-taxxa fuq id-dħul, mid-dritt tagħha għal żieda fit-tnaqqis personali bażiku fir-rigward tal-ulied dipendenti u, min-naħa l-oħra, li l-ġenitur taxxabbli hekk żvantaġġat ma eżerċitax il-libertà ta’ moviment tiegħu.

49

Fil-fatt, il-konsegwenzi fiskali sfavorevoli għal ġenitur taxxabbli li għandu wild dipendenti li eżerċita l-libertà ta’ moviment tiegħu jikkostitwixxu restrizzjoni għall-moviment liberu fis-sens tal-Artikolu 21 TFUE, peress li dawn jirriżultaw mill-eżerċizzju ta’ din il-libertà minn dan il-wild. Il-fatt li dawn il-konsegwenzi sfavorevoli ma seħħewx fir-rigward tal-wild li eżerċita d-dritt ta’ moviment liberu tiegħu, iżda fir-rigward ta’ dan il-ġenitur, irrispettivament minn jekk dan eżerċitax dan l-istess dritt jew le, huwa għalhekk irrilevanti sabiex tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ restrizzjoni għall-moviment liberu skont l-Artikolu 21 TFUE.

50

F’tali ċirkustanzi, jistgħu jinvokaw l-effetti ta’ din ir-restrizzjoni mhux biss iċ-ċittadin tal-Unjoni li jkun eżerċita l-libertà ta’ moviment tiegħu, iżda wkoll iċ-ċittadin tal-Unjoni, li, bħar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, huwa responsabbli għal dan l-ewwel ċittadin u li, minħabba f’hekk, huwa direttament żvantaġġat mill-effetti ta’ din ir-restrizzjoni.

51

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrikonoxxiet, f’ċerti ċirkustanzi, il-possibbiltà li jiġu invokati l-Artikolu 21 TFUE u d-dispożizzjonijiet adottati għall-applikazzjoni tiegħu għaċ-ċittadini tal-Unjoni li ma eżerċitawx huma stess il-libertà ta’ moviment u ta’ residenza tagħhom fi Stat Membru li ma huwiex l-Istat Membru ta’ oriġini tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑12 ta’ Lulju 2005, Schempp, C‑403/03, EU:C:2005:446, punt 25, kif ukoll tat‑13 ta’ Settembru 2016, Rendón Marín, C‑165/14, EU:C:2016:675, punti 42 u 43).

52

B’mod definittiv, fid-dawl tar-rabtiet ekonomiċi li jgħaqqdu lill-wild mal-ġenitur tiegħu, li jirriżultaw f’dan il-każ mhux biss mill-fatt li l-wild jiddependi mill-ġenitur tiegħu sabiex ikopri l-ispejjeż tal-għajxien u tat-taħriġ professjonali tiegħu iżda wkoll mill-għażla tal-leġiżlatur nazzjonali li jieħu inkunsiderazzjoni d-dħul tal-wild dipendenti fil-kuntest tad-determinazzjoni tas-sitwazzjoni fiskali tal-ġenitur taxxabbli, għandu jitqies li kemm il-wild dipendenti kif ukoll il-ġenitur taxxabbli tiegħu jistgħu, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, jinvokaw l-Artikolu 21 TFUE u d-dispożizzjonijiet meħuda għall-applikazzjoni tiegħu.

53

It-tielet nett, għandu jitfakkar li restrizzjoni għad-dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza, bħal dik irrilevata fil-punt 47 ta’ din is-sentenza, tista’ tiġi ġġustifikata fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni biss jekk tkun ibbażata fuq kunsiderazzjonijiet oġġettivi ta’ interess ġenerali, indipendenti min-nazzjonalità tal-persuni kkonċernati, u jekk din tkun proporzjonali għall-għan leġittimament imfittex mid-dritt nazzjonali (sentenza tat‑22 ta’ Frar 2024, Direcţia pentru Evidenţa Persoanelor şi Administrarea Bazelor de Date, C‑491/21, EU:C:2024:143, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

54

F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet oġġettivi ta’ interess ġenerali li jistgħu jiġġustifikaw il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li d-dispożizzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali jsegwu, konformement mal-prinċipji ta’ ugwaljanza u ta’ ġustizzja tas-sistema fiskali u ta’ ġestjoni tajba tar-riżorsi pubbliċi limitati, għan intiż li jikkoreġi, fid-dawl tad-dħul medju u tal-ispejjeż medji, l-inugwaljanzi soċjali u materjali bejn il-persuni taxxabbli li għandhom ulied dipendenti u dawk li ma jsostnux spejjeż marbuta mal-manteniment tat-tfal.

55

Għalhekk, skont il-qorti tar-rinviju, dawn id-dispożizzjonijiet jagħtu dritt għal żieda fit-tnaqqis personali bażiku fir-rigward tal-ulied dipendenti mhux lill-persuni taxxabbli li l-ulied dipendenti tagħhom jibbenefikaw, matul sena fiskali, minn dħul mhux taxxabbli ta’ ċertu ammont li, skont l-evalwazzjoni tal-leġiżlatur nazzjonali, jippermetti lill-wild jikkontribwixxi għall-manteniment tiegħu abbażi tad-dħul tiegħu stess u jnaqqas l-ispejjeż tal-ġenituri tiegħu fil-kuntest tal-obbligu tagħhom ta’ manteniment, iżda biss lill-persuni taxxabbli li uliedhom ma jibbenefikawx minn dħul mhux taxxabbli – jew biss minn ammont minimu – u li l-manteniment tagħhom jista’, konsegwentement, jiġi żgurat biss mid-dħul tal-ġenituri.

56

Għalhekk jidher li d-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma intiżi li jieħdu inkunsiderazzjoni l-kapaċità ta’ ħlas reali tal-ġenituri suġġetti għat-taxxa fuq id-dħul, sabiex jiġi evitat li din il-kapaċità tiġi sottovalutata, li għandu jiġi kkunsidrat bħala li jikkostitwixxi għan ta’ interess ġenerali (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Finanzamt V (Suċċessjonijiet – Tnaqqis parzjali u tnaqqis tal-ishma rriżervati), C‑394/20, EU:C:2021:1044, punt 52).

57

F’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, leġiżlazzjoni li hija ta’ natura li tirrestrinġi libertà fundamentali ggarantita mit-Trattat, bħad-dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza taċ-ċittadini tal-Unjoni, tista’ tiġi leġittimament iġġustifikata biss jekk tkun xierqa sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan leġittimu li hija tfittex li tilħaq u li ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan jintlaħaq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Jannar 2024, JD (Kundizzjoni ta’ residenza),C‑562/22, EU:C:2024:55, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

58

Għandu jitfakkar ukoll li leġiżlazzjoni nazzjonali tkun adegwata sabiex tiggarantixxi li jintlaħaq l-għan invokat biss jekk verament tirrifletti l-intenzjoni li dan jintlaħaq b’mod koerenti u sistematiku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Jannar 2024, JD (Kundizzjoni ta’ residenza),C‑562/22, EU:C:2024:55, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

59

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont il-premessa 40 tar-Regolament Nru 1288/2013, il-boroż ta’ studju intiżi sabiex jiffaċilitaw il-mobbiltà tal-persuni fiżiċi msemmija f’dan ir-regolament kellhom jiġu adattati skont l-għoli tal-ħajja u l-ispejjeż ta’ soġġorn fil-pajjiż ospitanti. Fl-istess sens, l-Artikolu 18 ta’ dan ir-regolament kien jipprevedi, fil-paragrafu 7 tiegħu, li l-fondi għall-mobbiltà tal-individwi għall-finijiet ta’ edukazzjoni u ta’ taħriġ deskritt fl-Artikolu 6(1)(a) u fl-Artikolu 12(a) tal-imsemmi regolament għandhom jiġu allokati skont il-popolazzjoni u l-għoli tal-ħajja fl-Istat Membru, id-distanza bejn il-kapitali tal-Istati Membri u l-prestazzjoni.

60

Konsegwentement, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 49 sa 52 u 77 tal-konklużjonijiet tiegħu, għandu jitqies li, sa fejn il-Programm Erasmus + għandu l-għan li jiffavorixxi l-mobbiltà tal-istudenti għal finijiet ta’ edukazzjoni, b’mod partikolari fil-kuntest tat-tagħlim universitarju, u fid-dawl tal-livell tal-ammonti tal-għajnuna għall-mobbiltà għal finijiet ta’ edukazzjoni fil-kuntest ta’ dan il-programm u tal-għoli reali tal-ħajja fl-Istat Membru ospitanti, din l-għajnuna hija intiża li tikkontribwixxi sabiex tkopri l-ispejjeż addizzjonali li kienu jkunu ineżistenti fl-assenza ta’ din il-mobbiltà.

61

Konsegwentement, l-għoti ta’ tali għajnuna la jwassal sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż tal-ġenituri taxxabbli fil-kuntest tal-obbligu tagħhom ta’ manteniment tal-ulied dipendenti u lanqas ma jżid il-kapaċità ta’ ħlas ta’ dawn il-ġenituri fuq il-livell fiskali.

62

It-trattament fiskali tal-għajnuna għall-mobbiltà għal finijiet ta’ edukazzjoni fil-kuntest tal-Programm Erasmus + inkwistjoni fil-kawża prinċipali għalhekk ma huwiex adattat sabiex jieħu inkunsiderazzjoni b’mod koerenti u sistematiku l-kapaċità ta’ ħlas reali ta’ ġenituri suġġetti għat-taxxa fuq id-dħul li huwa dipendenti fuqhom wild li jipparteċipa f’dan il-programm. Sa fejn dan it-trattament jista’ jwassal għal spejjeż tat-taxxa ikbar għal dawn il-ġenituri taxxabbli, mingħajr ma r-riżorsi għad-dispożizzjoni tagħhom ikunu żdiedu sabiex jindirizzawhom, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ saħansitra tipproduċi effetti inversi.

63

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta li għandha tingħata għad-domandi magħmula hija li l-Artikoli 20 TFUE u 21 TFUE, moqrija fid-dawl tat-tieni inċiż tal-Artikolu 165(2) TFUE, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li, sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tat-tnaqqis personali bażiku li għalih ġenitur taxxabbli għandu dritt fir-rigward tal-wild dipendenti tiegħu, tieħu inkunsiderazzjoni l-għajnuna għall-mobbiltà għal finijiet ta’ edukazzjoni li minnha dan il-wild ibbenefika fil-kuntest tal-Programm Erasmus +, bil-konsegwenza, jekk ikun il-każ, li jintilef id-dritt għaż-żieda ta’ dan it-tnaqqis fil-kuntest tal-kalkolu tat-taxxa fuq id-dħul.

Fuq l‑ispejjeż

64

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikoli 20 TFUE u 21 TFUE, moqrija fid-dawl tat-tieni inċiż tal-Artikolu 165(2) TFUE,

 

għandhom jiġu interpretati fis-sens li

 

jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li, sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tat-tnaqqis personali bażiku li għalih ġenitur taxxabbli għandu dritt fir-rigward tal-wild dipendenti tiegħu, tieħu inkunsiderazzjoni l-għajnuna għall-mobbiltà għal finijiet ta’ edukazzjoni li minnha dan il-wild ibbenefika fil-kuntest tal-Programm Erasmus +, bil-konsegwenza, jekk ikun il-każ, li jintilef id-dritt għaż-żieda ta’ dan it-tnaqqis fil-kuntest tal-kalkolu tat-taxxa fuq id-dħul.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Kroat.