SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)
16 ta’ Jannar 2025 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trasport bl-ajru – Regolament (KE) Nru 261/2004 – Artikolu 8(1)(a) – Dritt għar-rimbors tal-biljett tal-ajru fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira – Għażla bejn ir-rimbors fi flus jew fil-forma ta’ vawċers tal-ivvjaġġar – Artikolu 7(3) – Kunċett ta’ ‘ftehim iffirmat tal-passiġġier’ – Ħolqien, mill-passiġġier, ta’ kont ta’ lealtà fuq is-sit internet tat-trasportatur tal-ajru”
Fil-Kawża C-642/23,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Landgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tas‑16 ta’ Ottubru 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑26 ta’ Ottubru 2023, fil-proċedura
Flightright GmbH
vs
Etihad Airways P.J.S.C.
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),
komposta minn M. Gavalec (Relatur), President tal-Awla, Z. Csehi u F. Schalin, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: L. Medina,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal Flightright GmbH, minn M. Michel u R. Weist, Rechtsanwälte, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. von Rintelen u N. Yerrell, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstemgħet l-Avukata Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(3) u tal-Artikolu 8(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 10). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Flightright GmbH iċ-ċessjonarju tad-drittijiet ta’ passiġġier (iktar ’il quddiem iċ-“ċedenti”), u Etihad Airways P.J.S.C. (iktar ’il quddiem “Etihad Airways”), trasportatur bl-ajru, dwar ir-rimbors tal-biljett taċ-ċedenti li t-titjira tagħha ġiet ikkanċellata. |
Il‑kuntest ġuridiku
|
3 |
Il-premessi 1, 2, 4 u 20 tar-Regolament Nru 261/2004 jistipulaw:
[…]
[…]
|
|
4 |
L-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 261/2004 jipprevedi: “Fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira, il-passiġġieri in kwistjoni għandhom:
[…]” |
|
5 |
L-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Dritt għall-kumpens”, jipprevedi, fil-paragrafi 1 u 3 tiegħu: “1. Fejn referenza hi magħmula għal dan l-Artikolu, passiġġieri għandhom jirċievu kumpens […] […] 3. Il-kumpens imsejjaħ fil-paragrafu 1 għandu jiġi mħallas fi flus, permezz ta’ trasferiment tal-bank elettroniku, ordnijiet tal-bank jew ċekkijiet tal-bank jew, bil-ftehim iffirmat tal-passiġġier, f’irċevuti [vawċers] tal-vjaġġ u/jew servizzi oħrajn.” |
|
6 |
L-Artikolu 8 tal-imsemmi regolament, intitolat “Dritt għar-rimbors jew rotta differenti”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Fejn referenza hi magħmula għal dan l-Artikolu, passiġġieri għandhom jiġu offruti l-għażla bejn:
[…]” |
Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari
|
7 |
Iċ-ċedenti kellha riżervazzjoni kkonfermata għal titjira li kellha topera Etihad Airways, fis‑7 ta’ Settembru 2020, bi tluq minn Düsseldorf (il-Ġermanja) lejn Brisbane (l-Awstralja), b’konnessjoni f’Abu Dhabi (l-Emirati Għarab Magħquda). Ir-riżervazzjoni kienet tirrigwarda biljett ta’ ritorn imsejjaħ “miftuħ”, jiġifieri li d-data tat-titjira ta’ ritorn ma kinitx stabbilita. Il-prezz totali mħallas għal din it-titjira ’l barra u lura kien ta’ EUR 1189 għal kull passiġġier. Iċ-ċedenti ħallset din is-somma lil aġenzija tal-ivvjaġġar. |
|
8 |
Madankollu, it-titjira minn Düsseldorf għal Abu Dhabi ġiet ikkanċellata. Peress li l-organizzatur tal-vjaġġ falla f’Lulju 2020 mingħajr ma rrimborsa l-biljett, missier iċ-ċedenti kkuntattja, f’isem din tal-aħħar, lil Etihad Airways. Dan it-trasportatur tal-ajru ppropona li ssir bidla formali fir-riżervazzjoni, li din ġiet aċċettata minn missier iċ-ċedenti. |
|
9 |
Waqt konverżazzjoni telefonika ġdida ma’ aġent tas-servizz ta’ assistenza ta’ Etihad Airways, missier iċ-ċedenti kiseb il-konferma li ċ-ċedenti u l-passiġġier li kellu jakkumpanjaha kienu ser jiġu kkreditati, l-ewwel nett, b’“miles” li għandhom jintużaw fuq titjira operata minn Etihad Airways, ta’ valur li jikkorrispondi għal dak tal-ħlas magħmul għax-xiri tal-biljett tagħhom u li t-tul tal-validità tiegħu huwa ta’ sentejn, it-tieni nett, ta’ “miles” supplimentari ta’ valur ta’ 400 dollaru Amerikan (USD) (madwar EUR 380) u, it-tielet nett, ta’ “miles”“Etihad Guest” supplimentari. Għal dan l-għan, kull wieħed mill-passiġġieri kellu joħloq kont ta’ lealtà fuq is-sit internet ta’ Etihad Airways, li dan sar. |
|
10 |
Għalkemm il-passiġġier li kellu jakkumpanja liċ-ċedenti ġie kkreditat bil-“miles” mwiegħda, dan ma kienx il-każ għal din tal-aħħar. |
|
11 |
Permezz ta’ ittra tas‑16 ta’ Marzu 2021, Flightright informat lil Etihad Airways li hija kienet eżerċitat, f’isem missier iċ-ċedenti u l-passiġġier li kellu jakkumpanjaha, id-dritt ta’ għażla mogħti lilhom mill-Artikolu 8(1)(a) tar-Regolament Nru 261/2004 u talbet ir-rimbors sħiħ tal-biljett, f’terminu ta’ sebat ijiem, għall-partijiet kollha tal-vjaġġ li ma sarux. |
|
12 |
Permezz ta’ ittra tat‑13 ta’ Awwissu 2021, iċ-ċedenti indikat “għal kull fini utli” li hija “[xtaqet] li tiġi rrimborsata skont l-ewwel inċiż tal-Artikolu 8(1)(a) tar-Regolament Nru 261/2004” u li hija ċediet “mill-ġdid id-drittijiet [tagħha] għal rimbors lil [Flightright]”. |
|
13 |
Adita fl-ewwel istanza minn Flightright b’rikors intiż għar-rimbors tal-prezz kollu tal-biljett, l-Amtsgericht Düsseldorf (il-Qorti Distrettwali ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja) ċaħditu għar-raġuni li Flightright setgħet l-iktar l-iktar teżiġi li tiġi kkumpensata għall-ispejjeż marbuta mat-titjira ’l barra, kumpens li madankollu hija ma kinitx ikkwantifikat, anki wara li ġiet mistiedna tagħmel dan mill-imsemmija qorti. |
|
14 |
Flightright appellat minn din is-sentenza quddiem il-Landgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali ta’ Düsseldorf), li hija l-qorti tar-rinviju, u talbet lil din tal-aħħar tikkundanna lil Etihad Airways għall-ħlas tas-somma ta’ EUR 1189, flimkien mal-interessi mill‑24 ta’ Marzu 2021. |
|
15 |
Il-qorti tar-rinviju għandha żewġ tipi ta’ dubji. Minn naħa, hija tistaqsi dwar jekk l-Artikolu 8(1)(a) tar-Regolament Nru 261/2004, moqri flimkien mal-Artikolu 7(3) ta’ dan ir-regolament, għandux jiġi interpretat fis-sens li, billi aċċettat rimbors fil-forma ta’ “miles” u billi fetħet kont ta’ lealtà fuq is-sit internet ta’ Etihad Airways, li kellu jiġi kkreditat b’dawn il-“miles”, iċ-ċedenti tat il-“ftehim iffirmat” tagħha, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 7(3) dwar din il-forma ta’ rimbors, minkejja li hija ma kkonfermatx il-ftehim tagħha f’dan is-sens permezz ta’ firma bl-idejn. |
|
16 |
Min-naħa l-oħra, fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, din il-qorti tistaqsi jekk iċ-ċedenti tistax tirrevoka l-għażla li hija eżerċitat favur rimbors fil-forma ta’ “miles”, u li titlob mill-ġdid ir-rimbors tal-biljett fil-forma ta’ somma flus, meta t-trasportatur tal-ajru li jopera ma jikkreditax il-kont tagħha ta’ lealtà b’“miles”, minkejja l-ftehim konkluż f’dan is-sens. |
|
17 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Landgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali ta’ Düsseldorf) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id‑domandi preliminari
Fuq l‑ewwel domanda
|
18 |
Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 8(1)(a) tar-Regolament Nru 261/2004, ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 7(3)(a) ta’ dan ir-regolament, għandux jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira mit-trasportatur tal-ajru li jopera, il-passiġġier jitqies li ta l-“ftehim iffirmat” tiegħu għar-rimbors tal-biljett fil-forma ta’ vawċers tal-ivvjaġġar meta huwa jkun ħoloq, fis-sit internet tal-kumpannija ta’ dan it-trasportatur bl-ajru, kont ta’ lealtà li għalih kellhom jiġu ttrasferiti dawn il-vawċers, mingħajr ma jkun ikkonferma l-ftehim tiegħu għal din il-forma ta’ rimbors b’firma miktuba bl-idejn. |
|
19 |
Skont l-Artikolu 8(1)(a) tar-Regolament Nru 261/2004, ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 5(1)(a) ta’ dan ir-regolament, il-passiġġier għandu, fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira, dritt għar-rimbors tal-biljett, f’terminu ta’ sebat ijiem, skont il-modalitajiet previsti fl-Artikolu 7(3) tal-imsemmi regolament bil-prezz li bih ikun inxtara. |
|
20 |
Din l-aħħar dispożizzjoni tipprevedi li l-kumpens għandu jitħallas fi flus, permezz ta’ trasferiment tal-bank elettroniku, ordnijiet tal-bank jew ċekkijiet tal-bank jew, bil-ftehim iffirmat tal-passiġġier, fil-forma ta’ vawċers tal-ivvjaġġar u/jew servizzi oħra. |
|
21 |
Minn qari flimkien tal-Artikolu 7(3) u tal-Artikolu 8(1)(a) tar-Regolament Nru 261/2004 jirriżulta li, permezz ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, il-leġiżlatur tal-Unjoni rregola l-modalitajiet għar-rimbors tal-biljett f’każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira. F’dan ir-rigward, l-istruttura tal-Artikolu 7(3) ta’ dan ir-regolament tindika li r-rimbors tal-biljett isir, prinċipalment, fil-forma ta’ somma flus. Min-naħa l-oħra, ir-rimbors fil-forma ta’ vawċers tal-ivvjaġġar huwa ppreżentat bħala modalità sussidjarja ta’ rimbors, peress li huwa suġġett għall-kundizzjoni addizzjonali ta’ “ftehim iffirmat tal-passiġġier” (sentenza tal‑21 ta’ Marzu 2024, Cobult, C‑76/23, EU:C:2024:253, punt 20). |
|
22 |
Għalkemm ir-Regolament Nru 261/2004 ma jiddefinixxix il-kunċett ta’ “ftehim iffirmat tal-passiġġier”, imsemmi fl-Artikolu 7(3) tiegħu, il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu ddeċidiet li, fid-dawl tal-għan li għandu jiġi segwit dan ir-regolament li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-passiġġieri u tad-dmir ta’ informazzjoni impost fuq it-trasportatur tal-ajru li jopera, kif jirriżultaw, essenzjalment, mill-premessi 1, 2, 4 u 20 tal-imsemmi regolament, dan il-kunċett jippreżupponi, minn naħa, li l-passiġġier ikkonċernat kien f’pożizzjoni li jagħmel għażla effikaċi u informata u, għaldaqstant, li jagħti l-ftehim tiegħu b’mod liberu u informat għar-rimbors tal-biljett tiegħu fil-forma ta’ rċevuta tal-ivvjaġġar pjuttost milli fil-forma ta’ somma flus (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Marzu 2024, Cobult, C‑76/23, EU:C:2024:253, punti 21 u 26 sa 29). |
|
23 |
Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-forma tal-ftehim tal-passiġġier, il-Qorti tal-Ġustizzja tirrileva li, sakemm dan il-passiġġier ikun irċieva informazzjoni ċara u kompleta, il-“ftehim iffirmat” tiegħu, fis-sens tal-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 261/2004, jista’ jkopri, b’mod partikolari, l-aċċettazzjoni espliċita, definittiva u inekwivoka tiegħu ta’ rimbors tal-biljett fil-forma ta’ vawċer tal-ivvjaġġar, permezz tat-trażmissjoni ta’ formola mimlija mill-imsemmi passiġġier fuq is-sit internet tat-trasportatur tal-ajru li jopera mingħajr ma din il-formola ma tkun tinkludi l-firma bl-idejn jew diġitali tal-passiġġier (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Marzu 2024, Cobult, C‑76/23, EU:C:2024:253, punti 34). |
|
24 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja b’hekk iddeċidiet li, fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira mit-trasportatur tal-ajru li jopera, il-passiġġier jitqies li ta l-“ftehim iffirmat” tiegħu għar-rimbors tal-biljett fil-forma ta’ rċevuta tal-ivvjaġġar meta huwa jkun mela formola online fuq is-sit internet ta’ dan it-trasportatur tal-ajru, li permezz tagħha huwa għażel tali metodu ta’ rimbors, bl-esklużjoni ta’ rimbors fil-forma ta’ somma flus, fil-każ fejn dan il-passiġġier kien f’pożizzjoni li jwettaq għażla effikaċi u informata u, għaldaqstant, li jagħti l-ftehim tiegħu b’mod informat għar-rimbors tal-biljett tiegħu fil-forma ta’ vawċer tal-ivvjaġġar iktar milli fil-forma ta’ somma flus, li jippreżupponi li l-imsemmi trasportatur tal-ajru jkun ipprovda, b’mod leali, lill-imsemmi passiġġier, informazzjoni ċara u kompleta dwar id-diversi modalitajiet ta’ rimbors li jinsabu għad-dispożizzjoni tiegħu (sentenza tal‑21 ta’ Marzu 2024, Cobult, C‑76/23, EU:C:2024:253, punt 37). |
|
25 |
Għaldaqstant, il-kunċett ta’ “ftehim iffirmat tal-passiġġier”, fis-sens tal-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 261/2004, ma jistax jiġi interpretat b’mod restrittiv bħala li jimponi kundizzjoni formali bħall-firma bl-idejn tal-passiġġier, sabiex passiġġier ikun jista’ validament jesprimi l-aċċettazzjoni espliċita, definittiva u inekwivoka tiegħu għar-rimbors tal-biljett tiegħu fil-forma ta’ vawċer tal-ivvjaġġar. |
|
26 |
F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk il-ħolqien mill-passiġġier ta’ kont ta’ lealtà fuq is-sit internet ta’ Etihad Airways sabiex dan il-kont jiġi kkreditat bil-“miles” li din kienet intrabtet li tagħtih, huwiex biżżejjed sabiex tiġi kkaratterizzata tali aċċettazzjoni espliċita, definittiva u inekwivoka ta’ dan il-passiġġier għal rimbors tal-biljett ħu taħt din il-forma. |
|
27 |
Issa, is-sempliċi fatt marbut mal-ħolqien ta’ tali kont ta’ lealtà fuq is-sit internet tat-trasportatur tal-ajru ma jistax jitqies li huwa suffiċjenti, bħala tali, sabiex jitqies li passiġġier ħareġ aċċettazzjoni espliċita, definittiva u inekwivoka peress li dan il-ħolqien jista’ jkun sempliċement indikattiv tar-rieda ta’ konsumatur li jipparteċipa, b’mod ġenerali, fil-programm ta’ lealtà ta’ trasportatur tal-ajru, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju. |
|
28 |
Fid-dawl tar-raġunijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 8(1)(a) tar-Regolament Nru 261/2004, ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 7(3) ta’ dan ir-regolament, għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira mit-trasportatur tal-ajru li jopera, il-passiġġier ma jitqiesx li ta l-“ftehim iffirmat” tiegħu għar-rimbors tal-biljett fil-forma ta’ vawċers tal-ivvjaġġar meta jkun ħoloq, fuq is-sit internet ta’ dan it-trasportatur, kont ta’ lealtà li fuqu dawn il-vawċers kellhom jiġu ttrasferiti, mingħajr ma jkun ikkonferma, permezz tal-aċċettazzjoni espliċita, definittiva u inekwivoka tiegħu, il-ftehim tiegħu għal dan il-mod ta’ rimbors. |
Fuq it‑tieni domanda
|
29 |
Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma huwiex neċessarju li tingħata risposta għat-tieni domanda. |
Fuq l‑ispejjeż
|
30 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
L-Artikolu 8(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91, ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 261/2004, |
|
għandu jiġi interpretat fis-sens li: |
|
fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira mit-trasportatur tal-ajru li jopera, il-passiġġier ma jitqiesx li ta l-“ftehim iffirmat” tiegħu għar-rimbors tal-biljett fil-forma ta’ vawċers tal-ivvjaġġar meta jkun ħoloq, fuq is-sit internet ta’ dan it-trasportatur, kont ta’ lealtà li fuqu dawn il-vawċers kellhom jiġu ttrasferiti, mingħajr ma jkun ikkonferma, permezz tal-aċċettazzjoni espliċita, definittiva u inekwivoka tiegħu, il-ftehim tiegħu għal dan il-metodu ta’ rimbors. |
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.