SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)
25 ta’ Novembru 2014 ( *1 )
“Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Deċiżjoni li tordna spezzjoni — Proporzjonalità — Natura xierqa — Neċessità — Assenza ta’ natura arbitrarja — Motivazzjoni”
Fil-Kawża T‑402/13,
Orange, stabbilita f’Pariġi (Franza), irrappreżentata minn J.‑P. Gunther u A. Giraud, avukati,
rikorrenti,
vs
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn A. Dawes u F. Ronkes Agerbeek, bħala aġenti,
konvenuta,
li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjonijiet C (2013) 4103 finali u C (2013) 4194 finali tal-Kummissjoni, tal-25 u tas-27 ta’ Ġunju 2013, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 20(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, indirizzati rispettivament lil France Télécom SA u Orange kif ukoll lill-kumpanniji kollha li huma direttament jew indirettament ikkontrollati minnha,
IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn M. Prek (Relatur), President, I. Labucka u V. Kreuschitz, Imħallfin,
Reġistratur: S. Bukšek Tomac, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-18 ta’ Ġunju 2014,
tagħti l-preżenti
Sentenza
Il-fatti li wasslu għall-kawża
|
1 |
Ir-rikorrenti, Orange (qabel l-1 ta’ Lulju 2013, France Télécom SA), hija kumpannija b’responsabbiltà limitata rregolata mid-dritt Franċiż li b’mod partikolari għandha bħala għan li tipprovdi servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika, inkluż it-telefonija fissa u mobbli, ta’ aċċess għall-internet lill-impriżi u lill-persuni fiżiċi. Fil-qasam tal-internet, ir-rikorrenti hija l-fornitur ta’ aċċess għall-internet permezz tan-netwerk nazzjonali tagħha “Orange Internet” li miegħu huma konnessi l-klijenti tagħha. Hija topera wkoll in-netwerk internazzjonali tagħha għat-trażmissjoni tal-kontenut Internet “Open Transit International”, interkonness ma’ Orange Internet, iżda konness ukoll ma’ numru ta’ netwerks internazzjonali oħra. |
Il-proċedura quddiem l-Awtorità Franċiża tal-kompetizzjoni
|
2 |
Fid-9 ta’ Mejju 2011, Cogent Communications Inc. u Cogent Communications France (iktar ’il quddiem, meħudin flimkien “Cogent”) ressqu lment quddiem l-Awtorità Franċiża tal-kompetizzjoni (iktar ’il quddiem l-“Awtorità”) fejn irrapportaw prattiki tar-rikorrenti li jmorru kontra l-Artikolu L. 420‑2 tal-Kodiċi tal-kummerċ u l-Artikolu 102 TFUE. Cogent allegat l-eżistenza ta’ rifjut ta’ aċċess għal faċilità essenzjali kif ukoll ta’ prattiki ta’ “tromboning”, ikkritikat id-dgħjufija tal-kapaċità ta’ interkonnessjoni li ngħatatilha mir-rikorrenti f’Pariġi (Franza) u l-implementazzjoni ta’ politika ta’ fatturazzjoni tal-kapaċitajiet addizzjonali fil-kuntest tal-ftehimiet ta’ “peering”, u invokat restrizzjoni fil-propagazzjoni ta’ “prefissi/routes to peers” u ta’ prattiki ta’ kompressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet. |
|
3 |
Fl-20 ta’ Settembru 2012, l-Awtorità adottat id-deċiżjoni tagħha 12‑D‑18 dwar prattiki implementati fis-settur tas-servizzi reċiproċi ta’ interkonnessjoni fil-qasam tal-konnettività mal-internet. Wara li eżaminat il-prattiki rrapportati minn Cogent u s-suq rilevanti, l-Awtorità, minn naħa, ikkunsidrat, essenzjalment, li l-imsemmija prattiki jew ma kinux ġew ipprovati, jew inkella ma kinux jikkostitwixxu abbuż ta’ pożizzjoni dominanti u, min-naħa l-oħra, qieset prima facie li seta’ eventwalment jeżisti biss tħassib dwar il-kompetizzjoni fir-rigward ta’ eventwali kompressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet. Essenzjalment, kien prevedibbli li l-livell baxx ħafna tal-prezzijiet imposti mir-rikorrenti fuq ċerti fornituri indipendentement mill-kontenut u/jew mill-applikazzjonijiet fuq l-Internet għall-aċċess tal-persuni rreġistrati ma setax jiġi rreplikat minn Cogent u seta’ jikkostitwixxi prattika ta’ kompressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet. Filwaqt li tinnota l-opaċità tar-relazzjoni bejn Orange Internet u Open Transit International, l-Awtorità kkonkludiet li kien diffiċli sabiex tiġi kkontrollata r-realtà ta’ tali prattika. Bħala risposta għal dan it-tħassib, ir-rikorrenti pproponiet żewġ impenji li jirrigwardaw, minn naħa, il-formalizzazzjoni ta’ protokoll intern bejn Orange Internet u Open Transit International u, min-naħa l-oħra, il-verifika tal-implementazzjoni tal-protokoll mid-dipartimenti investigattivi tal-Awtorità, liema impenji kienu saru obbligatorji permezz tad-deċiżjoni tal-Awtorità. |
Investigazzjoni tal-Kummissjoni
|
4 |
Fit-18 ta’ Jannar 2012, il-Kummissjoni Ewropea indirizzat, skont l-Artikolu 18(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), talbiet għal informazzjoni lir-rikorrenti kif ukoll lis-sussidjarja Pollakka tagħha. Dawn it-talbiet għal informazzjoni kienu jirrigwardaw aġir antikompetittiv eventwali fir-rigward tal-provvista ta’ servizzi ta’ konnettività mal-internet u tal-aċċess għall-utenti finali konnessi man-netwerks ta’ telekomunikazzjonijiet fiż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE). Ir-rikorrenti u s-sussidjarja Pollakka tagħha wieġbu għal dawn it-talbiet fil-15 ta’ Frar 2012. |
|
5 |
Fil-25 ta’ Ġunju 2013, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C (2013) 4103 finali, tal-25 ta’ Ġunju 2013, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003, indirizzata lil France Télécom kif ukoll lill-kumpanniji kollha kkontrollati direttament jew indirettament minnha, li tordnalhom li jissottomettu ruħhom għal spezzjoni. Fid-dawl tal-bidla tal-isem tar-rikorrenti, il-Kummissjoni adottat, fis-27 ta’ Ġunju 2013, id-Deċiżjoni C (2013) 4194 finali, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003, indirizzata lil Orange kif ukoll lill-kumpanniji kollha kkontrollati direttament jew indirettament minnha, li tordnalhom li jissottomettu ruħhom għal spezzjoni. Bl-eċċezzjoni tal-identifikazzjoni tad-destinatarji tagħhom, il-kontenut tad-Deċiżjonijiet C (2013) 4103 finali u C (2013) 4194 finali huwa identiku (iktar ’il quddiem, meħudin flimkien, id-“deċiżjonijiet ikkontestati”). |
|
6 |
Il-premessi 3 sa 10 tad-deċiżjonijiet ikkontestati huma redatti kif ġej:
|
|
7 |
L-Artikolu 1 tad-deċiżjonijiet ikkontestati jindika fl-ewwel paragrafu tiegħu: “[Ir-rikorrenti], kif ukoll l-impriżi kollha li huma direttament jew indirettament ikkontrollati minnha, huma obbligati li jissottomettu ruħhom għal spezzjoni dwar il-parteċipazzjoni eventwali tagħhom fi prattiki li jiksru l-Artikolu 102 TFUE u [l‑] Artikolu 54 tal-Ftehim ŻEE għal dak li jirrigwarda l-provvista ta’ servizzi ta’ konnettività mal-internet.” [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
|
8 |
Skont l-Artikolu 2 tad-deċiżjonijiet ikkontestati “[l-]ispezzjoni ser tibda fid-9 ta’ Lulju 2013 jew ftit wara” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. |
|
9 |
L-Artikolu 3 tad-deċiżjonijiet ikkontestati jippreċiża li “[d]in id-deċiżjoni hija indirizzata [lir-rikorrenti] kif ukoll lill-impriżi kollha li huma direttament jew indirettament ikkontrollati minnha [; din] id-deċiżjoni ser tiġi nnotifikata lill-impriżi li lilhom hija tindirizza skont l-Artikolu 297(2) TFUE, immedjatament qabel l-ispezzjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. |
|
10 |
L-ispezzjoni saret bejn id-9 ta’ Lulju u t-13 ta’ Lulju 2013 u kienet tirrigwarda erba’ siti tar-rikorrenti. Fis-17 ta’ Lulju 2013, kopja forensika ta’ hard disks, li ttieħdet waqt l-investigazzjoni, ġiet eżaminata fil-bini tal-Kummissjoni fil-preżenza ta’ rappreżentanti tar-rikorrenti. |
Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet
|
11 |
Fil-31 ta’ Lulju 2013, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors. |
|
12 |
Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (ir-Raba’ Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali. |
|
13 |
Fit-2 ta’ Mejju 2014, bħala miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura fis-sens tal-Artikolu 64(3)(a) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, din tal-aħħar għamlet mistoqsija bil-miktub lir-rikorrenti li wieġbet fit-termini imposti. |
|
14 |
Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tat-18 ta’ Ġunju 2014. |
|
15 |
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
|
16 |
Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
Id-dritt
|
17 |
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tqajjem żewġ motivi, ibbażati, essenzjalment, minn naħa, fuq ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ “amministrazzjoni tajba” u, min-naħa l-oħra, fuq in-natura arbitrarja tad-deċiżjonijiet ikkontestati. |
Fuq l-ewwel motiv, ibbażat, essenzjalment, fuq ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ “amministrazzjoni tajba”
|
18 |
Ir-rikorrenti tikkontesta n-natura proporzjonata u neċessarja tal-użu ta’ miżura ta’ spezzjoni, sa fejn l-Awtorità investigat preżunzjonijiet ta’ ksur identiċi u kienet adottat deċiżjoni li taċċetta impenji meħuda minnha mingħajr ma waslet għal konklużjoni li kien hemm ksur tal-Artikolu 102 TFUE, minkejja l-fatt li l-Kummissjoni setgħet biss tiġi informata bil-proċedura miftuħa mill-Awtorità u bid-deċiżjoni finalment adottata. F’dan il-kuntest, hija tirreferi għal prinċipju ta’ ne bis in idem, kif ukoll għall-obbligu tal-Kummissjoni, skont il-prinċipju ta’ “amministrazzjoni tajba”, li teżamina b’attenzjoni u b’imparzjalità l-elementi rilevanti kollha tal-każ. Ir-rikorrenti tikkunsidra li d-deċiżjoni tal-Awtorità hija mingħajr ambigwità kontra miżura ta’ spezzjoni sa fejn, l-ewwel nett, hija partikolarment motivata u speċifika, it-tieni nett, hija teskludi l-prattiki kollha msemmija fl-ilment li permezz tiegħu tressqet il-kawża quddiem l-Awtorità, it-tielet nett, hija tesprimi opinjonijiet favorevoli fir-rigward tal-aġir tar-rikorrenti, u r-raba’ nett, l-ebda inċident fl-implementazzjoni tal-impenji tagħha ma kien ġie rrappurtat. Fir-replika, ir-rikorrenti ssostni li l-użu ta’ miżura ta’ spezzjoni ma jistax jitqies bħala proporzjonat fil-każ fejn il-Kummissjoni tkun naqset milli tikkonsulta minn qabel il-fajl tal-proċedura quddiem l-Awtorità. |
|
19 |
Ir-rikorrenti ssostni wkoll li, saħansitra fl-eventwalità li jiġi aċċettat li huwa f’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità li titwettaq spezzjoni dwar prattiki li l-konformità tagħhom mad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni kienet diġà ġiet stabbilita u li fir-rigward tagħhom il-Kummissjoni għandha ħafna informazzjoni, din tal-aħħar tista’ biss tfittex b’mod leġittimu informazzjoni addizzjonali. Hija ssostni li dan ma kienx il-każ hawnhekk, peress li l-Kummissjoni wettqet riċerki li r-riżultat tagħhom seta’ jwassal biss għal dokumenti li diġà kienu jagħmlu parti mill-fajl għad-dispożizzjoni tagħha. F’dan ir-rigward, hija tirreferi għaċ-ċirkustanzi li, l-ewwel nett, il-Kummissjoni użat, fil-kuntest tar-riċerki tagħha fuq il-kompjuters maqbuda, kliem prinċipali marbuta mal-investigazzjoni tal-Awtorità jew mal-impenji konklużi; it-tieni nett, hija ħadet inkunsiderazzjoni t-tweġibiet għall-mistoqsijiet li hija kienet bagħtet preċedentement lir-rikorrenti u, it-tielet nett, l-uniku impjegat li nstema’ formalment matul l-investigazzjoni kien diġà nstema’ mill-Awtorità. |
|
20 |
Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti teċepixxi n-natura sproporzjonata tal-miżura ta’ spezzjoni minħabba li l-preżunzjonijiet ta’ ksur imsemmija fir-raba’ premessa tad-deċiżjonijiet ikkontestati ma humiex, min-natura tagħhom, sigrieti. Hija tenfasizza li dawn kollha jirrigwardaw il-politika tagħha dwar “peering” li hija pubblika u aċċessibbli lil kulħadd permezz tas-sit tal-internet tagħha. L-imsemmija politika hija wkoll perfettament konformi mal-istandards tas-suq u trasparenti għall-atturi fis-suq. Ir-rikorrenti ssostni wkoll li d-deċiżjoni ta’ spezzjoni ma tistax tiġi ġġustifikata bix-xewqa li tiġi magħrufa l-motivazzjoni tal-politika tagħha, peress li, b’applikazzjoni ta’ ġurisprudenza stabbilita, il-kunċett ta’ abbuż ta’ pożizzjoni dominanti għandu kontenut oġġettiv u ma jimplikax intenzjoni li ssir ħsara. |
|
21 |
Il-Kummissjoni titlob li l-ewwel motiv jiġi miċħud. |
|
22 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, b’applikazzjoni ta’ ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jeħtieġ li l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma jaqbżux il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan imfittex, filwaqt li, meta jkun hemm possibbiltà ta’ għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel l-inqas waħda restrittiva, u l-inkonvenjenzi maħluqa ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet imfittxija (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-13 ta’ Novembru 1990, Fedesa et, C‑331/88, Ġabra, EU:C:1990:391, punt 13, u tal-14 ta’ Lulju 2005, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il‑Kummissjoni, C‑180/00, Ġabra, EU:C:2005:451, punt 103). |
|
23 |
Barra minn hekk, fir-rigward ta’ deċiżjoni li tordna spezzjoni, l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità tippresupponi li l-miżuri previsti ma jikkawżawx inkonvenjenzi eċċessivi u intollerabbli meta mqabbla mal-għanijiet imfittxija tal-ispezzjoni inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2002, Roquette Frères, C‑94/00, Ġabra, EU:C:2002:603, punt 76). Madankollu, l-għażla li għandha ssir mill-Kummissjoni bejn spezzjoni mwettqa fuq sempliċi mandat u spezzjoni ordnata permezz ta’ deċiżjoni ma tiddependix minn ċirkustanzi bħall-gravità partikolari tas-sitwazzjoni, l-urġenza estrema jew in-neċessità ta’ diskrezzjoni assoluta, iżda mill-bżonnijiet ta’ investigazzjoni adegwata, fid-dawl tal-karatteristiċi tal-każ partikolari. Għalhekk, meta deċiżjoni ta’ spezzjoni hija intiża sempliċement li tippermetti lill-Kummissjoni tiġbor flimkien l-elementi neċessarji sabiex tevalwa l-possibbiltà ta’ eżistenza ta’ ksur tat-Trattat, tali deċiżjoni ma tkunx qiegħda tinjora l-prinċipju ta’ proporzjonalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-26 ta’ Ġunju 1980, National Panasonic vs Il‑Kummissjoni, 136/79, Ġabra, EU:C:1980:169, punti 28 sa 30, u Roquette Frères, iċċitata iktar ’il fuq, EU:C:2002:603, punt 77). |
|
24 |
Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta wkoll li hija l-Kummissjoni li għandha, bħala prinċipju, tevalwa jekk informazzjoni hijiex neċessarja sabiex ikun jista’ jinkixef ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, u, anki jekk hija diġà jkollha indizji, jew saħansitra provi, dwar l-eżistenza ta’ ksur, il-Kummissjoni tista’ leġittimament tqis neċessarju li tordna investigazzjonijiet addizzjonali sabiex tkun tista’ tiddetermina aħjar il-ksur jew it-tul tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-18 ta’ Ottubru 1989, Orkem vs Il‑Kummissjoni, 374/87, Ġabra, EU:C:1989:387, punt 15, u Roquette Frères, punt 23 iktar ’il fuq, EU:C:2002:603, punt 78). |
|
25 |
Dan il-motiv jista’ jinftiehem bħala li jinkludi kemm kritika dwar in-natura xierqa tad-deċiżjonijiet ikkontestati, jiġifieri l-kapaċità tagħhom li jwettqu l-għanijiet imfittxija, kif ukoll dwar in-natura neċessarja tagħhom, li timplika assenza ta’ alternattivi inqas restrittivi għall-miżura ta’ spezzjoni li saret. Il-Qorti Ġenerali tqis, għalhekk, li huwa xieraq li l-argument tar-rikorrenti ippreżentat fil-kuntest ta’ dan il-motiv jinqasam f’żewġ partijiet distinti skont liema hija tikkontesta n-natura xierqa jew neċessarja tad-deċiżjonijiet ikkontestati. |
Fuq l-ewwel parti tal-motiv, dwar in-natura xierqa tad-deċiżjonijiet ikkontestati
|
26 |
L-argument tar-rikorrenti jista’ jinftiehem bħala li jikkontesta n-natura xierqa tad-deċiżjonijiet ikkontestati minħabba, essenzjalment, li l-Awtorità diġà wettqet investigazzjoni, li kkonkludiet li r-rikorrenti kienet konformi fl-aġir tagħha mhux biss mad-dritt Franċiż tal-kompetizzjoni iżda wkoll mal-Artikolu 102 TFUE. L-analiżi tar-rikorrenti twassal għalhekk, essenzjalment, sabiex issostni li, fiċ-ċirkustanzi tal-każ ineżami, u fid-dawl tal-analiżi li tissemma fid-deċiżjoni tal-Awtorità, l-għanijiet imsemmija fid-deċiżjonijiet ikkontestati relatati mal-verifika tal-kompatibbiltà tal-aġir tar-rikorrenti mal-Artikolu 102 TFUE diġà intlaħqu u li, għaldaqstant, l-imsemmija deċiżjonijiet ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala adattati sabiex dawn jintlaħqu. |
|
27 |
Madankollu għandu jiġi kkonstatat li jekk tali argument jiġi segwit dan iwassal sabiex tiġi kklassifikata bħala mhux xierqa miżura ta’ spezzjoni minħabba li l-preżunzjonijiet ta’ ksur li jirrigwardawha kienu diġà s-suġġett ta’ investigazzjoni fuq livell nazzjonali, fatt li jmur direttament kontra l-ġurisprudenza stabbilita li tgħid li, bħala prinċipju, il-Kummissjoni ma tistax tkun marbuta b’deċiżjoni mogħtija minn qorti nazzjonali jew awtorità nazzjonali b’applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE u tal-Artikolu 102 TFUE. Għalhekk, il-Kummissjoni għandha d-dritt li tieħu, f’kull mument, deċiżjonijiet individwali b’applikazzjoni tal-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE, anki meta ftehim jew prattika tkun diġà s-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ qorti nazzjonali u d-deċiżjoni prevista mill-Kummissjoni tikkontradiċi lil din id-deċiżjoni ġudizzjarja (sentenzi tal-14 ta’ Diċembru 2000, Masterfoods u HB, C‑344/98, Ġabra, EU:C:2000:689, punt 48; tat-8 ta’ Marzu 2007, France Télécom vs Il‑Kummissjoni, T‑339/04, Ġabra, EU:T:2007:80, punt 79, u tal-10 ta’ April 2008, Deutsche Telekom vs Il‑Kummissjoni, T‑271/03, Ġabra, EU:T:2008:101, punt 120). |
|
28 |
Lanqas ma jista’ jiġi aċċettat ir-riferiment għall-prinċipju ta’ ne bis in idem fir-rikors, fl-ipoteżi li dan tressaq insostenn tal-kontestazzjoni tan-natura xierqa tad-deċiżjonijiet ikkontestati minħabba li, essenzjalment, ma huwiex xieraq li tittieħed miżura ta’ spezzjoni fir-rigward ta’ aġir li r-rikorrenti ddikjarat li ma kinitx responsabbli għalih. |
|
29 |
Ċertament, skont ġurisprudenza konstanti, il-prinċipju ta’ ne bis in idem għandu jiġi osservat fil-proċeduri intiżi għall-impożizzjoni ta’ multi li jaqgħu taħt id-dritt tal-kompetizzjoni. Dan il-prinċipju jipprekludi, fil-qasam tal-kompetizzjoni, li impriża tiġi kkundannata jew imħarrka darba oħra minħabba aġir antikompetittiv li abbażi tiegħu ġiet issanzjonata jew li fir-rigward tiegħu ġiet iddikjarata li ma hijiex responsabbli b’deċiżjoni preċedenti li ma tistax tiġi appellata (ara s-sentenza tal-14 ta’ Frar 2012, Toshiba Corporation et, C‑17/10, Ġabra, EU:C:2012:72, punt 94 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
30 |
Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri ma humiex awtorizzati jieħdu deċiżjonijiet li permezz tagħhom jiddikjaraw impriża bħala mhux responsabbli għall-ksur tal-Artikoli 101 TFUE jew 102 TFUE, jiġifieri li jikkonstataw l-assenza ta’ ksur tal-imsemmi artikolu, peress li jirriżulta kemm mill-formulazzjoni, mill-istruttura tar-Regolament Nru 1/2003 kif ukoll mill-għan imfittex minn dan tal-aħħar, li l-konstatazzjonijiet tal-assenza ta’ ksur tal-Artikolu 101 TFUE jew tal-Artikolu 102 TFUE huma rriżervati għall-Kummissjoni, minkejja l-fatt li dan l-artikolu huwa applikat fi proċedura mibdija minn awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Mejju 2011, Tele2 Polska, C‑375/09, Ġabra, EU:C:2011:270, punti 20 sa 30). Il-Qorti tal-Ġustizzja, f’dan ir-rigward, tenfasizza b’mod partikolari li l-adozzjoni ta’ tali deċiżjoni “negattiva” fuq il-mertu minn awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni tista’ tippreġudika l-applikazzjoni uniformi tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 102 TFUE, li hija waħda mill-għanijiet tar-Regolament Nru 1/2003 enfasizzata permezz tal-ewwel premessa tiegħu, peress li tista’ tfixkel lill-Kummissjoni milli tikkonstata sussegwentement li l-prattika inkwistjoni tikkostitwixxi ksur ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni (sentenza Tele2 Polska, iċċitata iktar ’il fuq, EU:C:2011:270, punt 28). |
|
31 |
Għalhekk, meta awtorità tal-kompetizzjoni ta’ Stat Membru, skont l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1/2003, taċċetta impenji jew tikkonstata li ma hemmx lok li tintervjeni, hija ma tistax tiġi kkunsidrata bħala li ħadet deċiżjoni li tikkonkludi li ma kienx hemm ksur tal-Artikoli 101 TFUE jew 102 TFUE. Għalhekk, ir-rikorrenti ma tistax effettivament tinvoka d-deċiżjoni adottata mill-Awtorità fir-rigward tagħha għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-prinċipju ne bis in idem, fiċ-ċirkustanzi tal-każ ineżami. |
|
32 |
Barra minn hekk, l-argument tar-rikorrenti jista’ wkoll jinftiehem bħala li jikkontesta n-natura xierqa tal-miżura ta’ spezzjoni minħabba li l-Kummissjoni kienet ġiet informata dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Awtorità skont l-Artikolu 11(4) tar-Regolament Nru 1/2003 u ma għamlitx użu mill-possibbiltà mogħtija mill-Artikolu 11(6) tar-Regolament Nru 1/2003 li hija stess tiftaħ proċedura li permezz tagħha l-Awtorità titneħħielha l-kompetenza tagħha. Ir-rikorrenti tidher li minn dan tiddeduċi li l-Kummissjoni kkunsidrat jew li d-deċiżjoni tal-Awtorità kienet konformi mal-Artikolu 102 TFUE, jew inkella li l-kawża ma kienx ħaqqa interess partikolari. F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha, skont il-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, titlob li jingħatawlha l-osservazzjonijiet eventwali bil-miktub tal-Kummissjoni wara n-notifika tal-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Awtorità. |
|
33 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, minn naħa, li l-Artikolu 11(4) tar-Regolament Nru 1/2003 jipprevedi li: “[M]hux aktar tard min 30 ġurnata qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tirrikjedi li ksur jinġab fit-temm, aċċetazzjoni ta’ rbit jew irtirar tal-benefiċ[ċ]ju ta’ l-eżenzjoni ġenerali tar-Regolament, l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri ħa tinforma il-Kummissjoni. Għal dak il-għan, ħa jipprovdu l-Kummissjoni b’summarju fuq il-każ, id-deċiżjoni maħsuba jew, fl-assenza ta’ dan, kwalunkwe dokumenti oħra li jindikaw x’azzjoni ħa tiġi meħuda. Din l-informazzjoni tista’ tiġi mqegħda għad-disposizzjoni ta’ l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ Stati Membri oħra. Mat-talba tal-Kummissjoni, l-awtorità tal-kompetizzjoni li qed taggixxi ħa tqiegħed għad-disposizzjoni tal-Kummissjoni dokumenti oħra li huma neċessarji għall-istima tal-każ. L-informazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni tista’ tiġi mqegħda għad-disposizzjoni ta’ l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri l-oħra. Awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali jistgħu ukoll jiskambjaw informazzjoni neċessarja bejniethom għall-istima ta’ każ li qed jinnegozjawħ taħt l-Artikolu [101 TFUE] jew [102 TFUE].” |
|
34 |
Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 11(6) tar-Regolament Nru 1/2003 jipprovdi: “[L-]inizjazzjoni [il-ftuħ] mil[l]-Kummissjoni tal-proċeduri għall-adottazzjoni ta’ deċiżjoni taħt Kapitolu III jirrileva l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri tal-kompetenzi t[a]għhom [ineħħi l-kompetenza tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri] li japplikaw l-Artikoli [101 TFUE] u [102 TFUE]. Jekk l-awtorità tal-kompetizzjoni ta’ Stat Membru qed tagixxi diġa fuq il-każ, il-Kummissjoni għandha tibda proċeduri wara li tikkonsulta lil dik l-awtorità tal-kompetizzjoni nazzjonali”. |
|
35 |
Huwa minnu li minn qari ta’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet meħudin flimkien jirriżulta li l-wasla għand il-Kummissjoni tal-abbozzi ta’ deċiżjonijiet, mingħand awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni, skont l-Artikolu 11(4) tar-Regolament Nru 1/2003 tista’ tkun l-okkażjoni għall-Kummissjoni sabiex teżerċita l-prerogattiva u s-setgħa diskrezzjonali li jagħtiha l-Artikolu 11(6) ta’ dan l-istess regolament li tneħħi l-kompetenza ta’ awtorità tal-kompetizzjoni ta’ Stat Membru sabiex tapplika l-Artikoli [101 TFUE] u [102 TFUE] f’każ speċifiku. |
|
36 |
Minn dan madankollu ma jirriżultax li, fl-ipoteżi fejn il-Kummissjoni ma taqbilx mal-evalwazzjoni rigward l-applikazzjoni tal-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE li hija esposta fl-abbozz tad-deċiżjoni nnotifikat mill-awtorità tal-kompetizzjoni ta’ Stat Membru, jew fl-eventwalità fejn hija jkollha dubji f’dan ir-rigward, hija għandha neċessarjament l-obbligu li tiftaħ proċedura skont l-Artikolu 11(6) tar-Regolament Nru 1/2003, u lanqas li l-assenza ta’ ftuħ ta’ proċedura twaqqafha milli tkun tista’ tipproċedi sussegwentement bl-investigazzjoni tagħha stess sabiex tasal għal riżultat differenti minn dak li tkun waslet għalih l-imsemmija awtorità tal-kompetizzjoni. |
|
37 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-Kummissjoni, inkarigata permezz tal-Artikolu 105(1) TFUE bil-missjoni li tiżgura l-applikazzjoni tal-prinċipji stabbiliti mill-Artikolu 101 TFUE u 102 TFUE, għandha tiddefinixxi u timplementa l-orjentazzjoni tal-politika tal-kompetizzjoni tal-Unjoni. Sabiex twettaq dan l-obbligu, hija tista’ tagħti livelli differenti ta’ prijorità lill-ilmenti li jitressqu quddiemha u għandha għal dan il-għan setgħa diskrezzjonali (sentenzi tal-4 ta’ Marzu 1999, Ufex et vs Il‑Kummissjoni, C‑119/97 P, Ġabra, EU:C:1999:116, punt 88, u tas-17 ta’ Mejju 2001, IECC vs Il‑Kummissjoni, C‑449/98 P, Ġabra, EU:C:2001:275, punt 36). Il-Qorti Ġenerali tqis li dan jgħodd ukoll fil-każ tal-implementazzjoni tal-Artikolu 11(6) tar-Regolament Nru 1/2003. |
|
38 |
Din l-ispjegazzjoni hija barra minn hekk ikkorraborata permezz tal-politika li l-Kummissjoni spejgat fil-paragrafu 54(b) tal-Komunikazzjoni tagħha dwar il-kooperazzjoni fi ħdan in-network ta’ awtoritajiet tal-kompetizzjoni (ĠU 2004, C 101, p. 43), skont liema tali intervent huwa biss possibbli fil-każ li abbozz ta’ deċiżjoni nnotifikat imur manifestament kontra ġurisprudenza stabbilita. Għalhekk, ma jistax jiġi dedott mill-imsemmija komunikazzjoni li l-Kummissjoni riedet timponi l-intervent tagħha f’kull ċirkustanza fejn ikollha dubji rigward il-konformità mal-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE tal-abbozz ta’ deċiżjoni nnotifikat. |
|
39 |
Għalhekk, l-assenza ta’ intervent tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 11(6) tar-Regolament Nru 1/2003 ma tistax titqies bħala aċċettazzjoni tal-fondatezza tad-deċiżjoni tal-Awtorità fid-dawl tal-Artikolu 102 TFUE. |
|
40 |
Konsegwentement, l-ebda konklużjoni dwar in-natura xierqa ta’ investigazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni ma tista’ tiġi dedotta miċ-ċirkustanza li hija ma użatx il-prerogattiva mogħtija lilha mill-Artikolu 11(6) tar-Regolament Nru 1/2003 wara n-notifika ta’ abbozz ta’ deċiżjoni ta’ awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni li għandha għan simili. |
|
41 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, il-kritika kontra n-natura xierqa tad-deċiżjonijiet ikkontestati ma hijiex fondata u, għalhekk, l-ewwel parti tal-motiv għandha tiġi miċħuda, mingħajr ma jkun hemm bżonn li tintlaqa’ t-talba għal miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura ppreżentata mir-rikorrenti, imsemmija fil-punt 32 iktar ’il fuq. |
Fuq it-tieni parti, dwar in-natura neċessarja tad-deċiżjonijiet ikkontestati
|
42 |
In-natura neċessarja tad-deċiżjonijiet ikkontestati hija kkontestata mir-rikorrenti għal żewġ raġunijiet. Minn naħa, hija tikkontesta n-neċessità tad-deċiżjonijiet ikkontestati minħabba l-fatt li kienet teżisti alternattiva inqas restrittiva għall-adozzjoni ta’ miżura ta’ spezzjoni, li tikkonsisti fl-eżami tal-fajl tal-proċedura quddiem l-Awtorità, u ssostni li, billi ma wettqitx tali eżami, il-Kummissjoni naqset mill-obbligu tagħha li teżamina b’attenzjoni u b’imparzjalità l-elementi kollha rilevanti fil-każ ineżami u, b’dan il-mod, kisret ukoll il-prinċipju ta’ “amministrazzjoni tajba”. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti tikkontesta n-natura neċessarja tal-miżura ta’ spezzjoni peress li din kienet tirrigwarda informazzjoni li kienet diġà fil-pussess tal-Kummissjoni jew li setgħet kienet mingħajr l-użu tal-imsemmija spezzjoni. |
– Fuq l-ilment ibbażat fuq l-eżistenza ta’ alternattiva inqas restrittiva mid-deċiżjonijiet ikkontestati kif ukoll fuq ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba
|
43 |
Fir-replika, ir-rikorrenti tallega “li kien jeżisti mod inqas restrittiv sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tilħaq l-għan tagħha (billi tagħmel użu mill-proċedura nazzjonali), liema mezz il-Kummissjoni injorat [u li kien ikun] naturalment bla ħsara għall-għażla tal-Kummissjoni, ladarba din l-informazzjoni tinġabar u tiġi eżaminata, li tagħżel b’għarfien sħiħ jekk it-twettiq ta’ spezzjoni kinitx għadha miżura proporzjonata.” Għal dak li jirrigwarda l-possibbiltà għall-Kummissjoni li tirċievi l-fajl tal-Awtorità, minbarra għall-Artikolu 11(4) tar-Regolament Nru 1/2003, ir-rikorrenti tirreferi għall-Artikolu 18(6) u għall-Artikolu 20(4) ta’ dan l-istess regolament. |
|
44 |
Il-Kummissjoni titlob iċ-ċaħda ta’ dan l-argument u ssostni li l-invokazzjoni fl-istadju tar-replika tal-Artikolu 18(6) u tal-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003 tmur kontra l-Artikolu 48 tar-Regoli tal-proċedura u għandu, għalhekk, jiġi ddikjarat inammissibbli. |
|
45 |
Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-ammissibbiltà ta’ dan l-argument ippreżentat fl-istadju tar-replika, għandu jitfakkar li mid-dispożizzjonijiet meħudin flimkien tal-Artikolu 44(1)(ċ) u tal-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura jirriżulta li r-rikors promotur għandu jindika s-suġġett tal-kawża u jinkludi sunt tar-raġunijiet imressqa u li l-ebda raġuni ġdida ma tista’ tiġi ppreżentata matul il-kawża, sakemm din ir-raġuni ma tkunx ibbażata fuq punti ta’ liġi u ta’ fatt li joħorġu matul il-proċedura. Madankollu, ir-raġuni jew l-argument, li jikkostitwixxu estensjoni ta’ raġuni mressqa preċedentement, direttament jew impliċitament, fir-rikors promotur u li jkunu marbuta mill-qrib ma’ din ir-raġuni għandhom jiġu ddikjarati ammissibbli (ara s-sentenza tal-14 ta’ Marzu 2007, Aluminium Silicon Mill Products vs Il‑Kunsill, T‑107/04, Ġabra, EU:T:2007:85, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
46 |
Fil-każ ineżami, għandu jiġi nnotat li fir-rikors jissemmew żviluppi twal li jirrigwardaw l-eżistenza tad-deċiżjoni tal-Awtorità, iċ-ċirkustanza li din missha ttieħdet inkunsiderazzjoni skont il-prinċipju ta’ “amministrazzjoni tajba” kif ukoll in-natura sproporzjonata tad-deċiżjonijiet ikkontestati, minħabba fl-eżistenza stess tal-imsemmija deċiżjoni. Minn dan jirriżulta li r-rikorrenti kkontestat, mill-istadju tar-rikors, il-proporzjonalità tad-deċiżjonijiet ikkontestati fl-elementi differenti tagħhom, billi bbażat ruħha fuq l-eżistenza tad-deċiżjoni tal-Awtorità. Konsegwentement, l-argument li jissemma fir-replika u li jpoġġi f’dubju n-neċessità tal-miżura ta’ spezzjoni, minħabba l-fatt li l-Kummissjoni setgħet tikkonsulta l-fajl tal-proċedura quddiem l-Awtorità inkluż sa fejn tirreferi għall-Artikolu 18(6) u għall-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003, jikkostitwixxi żieda ma’ motiv imqajjem fir-rikors (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Novembru 2004, Ferriere Nord vs Il‑Kummissjoni, T‑176/01, Ġabra, EU:T:2004:336, punt 136 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
47 |
Barra minn hekk, kien biss mal-qari tar-risposta li r-rikorrenti ndunat bl-eventwalità li l-Kummissjoni ma kinitx talbet li jintbagħat il-fajl tal-proċedura quddiem l-Awtorità, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati. Il-Kummissjoni tenfasizza, fil-fatt, li hija ma kellhiex għad-dispożizzjoni tagħha, fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati, l-elementi tal-fajl tal-proċedura quddiem l-Awtorità u li hija ma kinitx obbligata tikseb dawn il-provi fil-kuntest tal-kooperazzjoni tagħha mal-Awtorità. Għalhekk, l-argument li jinsab fir-replika għandu wkoll jitqies bħala bbażat fuq punti ta’ fatt li ħarġu matul il-proċedura u huwa wkoll, għalhekk, konformi mal-Artikolu 48 tar-Regoli tal-proċedura. |
|
48 |
Fit-tieni lok u fuq il-mertu, għandu jiġi evalwat jekk il-komunikazzjoni lill-Kummissjoni tal-fajl tal-proċedura quddiem l-Awtorità setgħetx tikkostitwixxi alternattiva inqas restrittiva, iżda wkoll effikaċi meta mqabbla mal-użu ta’ miżura ta’ spezzjoni, li tista’ tilħaq l-istess għan leġittimu tal-Kummissjoni, li jikkonsisti fil-kisba ta’ informazzjoni addizzjonali dwar il-preżunzjonijiet ta’ ksur li hija kienet qed tinvestiga. |
|
49 |
Barra minn hekk, huwa xieraq li tiġi enfasizzata l-importanza ta’ dan l-eżami fid-dawl tal-obbligu ta’ diliġenza li tagħmel riferiment għalih ir-rikorrenti fis-sottomissjonijiet tagħha bil-miktub taħt il-prinċipju ta’ “amministrazzjoni tajba”, li jimplika l-obbligu tal-Kummissjoni li teżamina b’attenzjoni u b’imparzjalità l-elementi kollha rilevanti tal-każ ineżami (ara s-sentenzi tal-21 ta’ Novembru 1991, Technische Universität München, C‑269/90, Ġabra, EU:C:1991:438, punt 14, u tas-16 ta’ Settembru 2013, ATC et vs Il‑Kummissjoni, T‑333/10, Ġabra, EU:T:2013:451, punt 84 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
50 |
L-ewwel nett, għandu jiġi osservat li l-paragun tad-deċiżjonijiet ikkontestati ma’ dik tal-Awtorità juri xebh kbir fin-natura tal-aġir li huwa s-suġġett tal-investigazzjonijiet rispettivi, peress li dan jikkonsisti fi prattiki li jikkonsistu f’li jiġi limitat l-aċċess għan-netwerks (“tromboning”, restrizzjonijiet għall-propagazzjoni ta’ routes), fit-tarifikazzjoni tal-aċċess għall-imsemmija netwerks (fatturazzjoni għall-għoti ta’ kapaċitajiet addizzjonali, rapporti tat-traffiku restrittivi u kompressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet) u fid-diskriminazzjoni favur kontenut propost mir-rikorrenti. Għalhekk, l-investigazzjoni tal-Kummissjoni hija differenti minn dik imwettqa mill-Awtorità essenzjalment minħabba li d-daqs ġeografiku u temporali tagħha huwa ikbar. |
|
51 |
It-tieni nett, kif diġà ġie enfasizzat fil-punt 33 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni setgħet, wara li tiġi informata skont l-Artikolu 11(4) tar-Regolament Nru 1/2003, talbet lill-Awtorità sabiex tikkomunikalha l-elementi li jissemmew fil-fajl ta’ din tal-aħħar. |
|
52 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li, skont l-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 1/2003, il-Kummissjoni setgħet, bħala prinċipju, tuża bħala mezz ta’ prova l-elementi li jissemmew fil-fajl tal-Awtorità. Fil-fatt, għalkemm huwa speċifikat fit-tieni paragrafu ta’ dan l-istess artikolu li “[l]-informazzjoni skambjata ħa tintuża biss bħala evidenza għall-għan li jiġi applikat [...] l-Artikolu [101 TFUE] u l-Artikolu [102 TFUE] u b’rispett għas-suġġett li għalih inġabar mil-awtorità trasmettenti [...]” xorta jibqa’ l-fatt li l-preżunzjonijiet ta’ ksur imsemmija mill-Kummissjoni huma essenzjalment identiċi u huma differenti minn dawk fid-deċiżjoni tal-Awtorità biss għal dak li jirrigwarda d-daqs ġeografiku u temporali li huwa ikbar. Għalhekk, ir-riżerva li tissemma’ fl-Artikolu 12(2) tar-Regolament Nru 1/2003 ma kinitx tikkostitwixxi xkiel għall-użu mill-Kummissjoni tad-dokumenti kkomunikati mill-Awtorità. |
|
53 |
It-tielet nett, għandu jiġi enfasizzat li l-osservanza mill-Kummissjoni tal-obbligu ta’ diliġenza għandha fiċ-ċirkustanzi tal-każ ineżami importanza ħafna ikbar peress li l-ġurisprudenza tattribwilha marġni ta’ diskrezzjoni fl-okkażjoni tal-implementazzjoni tal-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003, sabiex tissalvagwardja l-effettività ta’ din id-dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, id-digriet tas-17 ta’ Novembru 2005, Minoan Lines vs Il‑Kummissjoni, C‑121/04 P, EU:C:2005:695, punt 36). Fil-fatt, f’tali kuntest, l-osservanza tal-garanziji mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni fil-proċeduri amministrattivi, fejn l-istituzzjoni kompetenti għandha l-obbligu li teżamina, b’attenzjoni u b’imparzjalità, l-elementi rilevanti kollha tal-każ ineżami, hija ta’ importanza ħafna iktar fundamentali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-30 ta’ Settembru 2003, Atlantic Container Line et vs Il‑Kummissjoni, T‑191/98 u T‑212/98 sa T‑214/98, Ġabra, EU:T:2003:245, punt 404 u l-ġurisprudenza ċċitata, u ATC et vs Il‑Kummissjoni, punt 49 iktar ’il fuq, EU:T:2013:451, punt 84). |
|
54 |
Finalment, ir-raba’ nett, fil-każ ineżami, l-osservanza ta’ dan l-obbligu għandha importanza ħafna ikbar peress li l-eżerċizzju tas-setgħat ta’ spezzjoni mogħtija lill-Kummissjoni permezz tal-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003 fir-rigward ta’ impriża jikkostitwixxi ndħil ċar fid-dritt ta’ din tal-aħħar għar-rispett tal-ħajja privata tagħha, tad-domiċilju tagħha u tal-korrispondenza tagħha (ara, f’dan is-sens, id-digriet tat-30 ta’ Marzu 2006, Strintzis Lines Shipping vs Il‑Kummissjoni, C‑110/04 P, EU:C:2006:211, punti 32 u 33). |
|
55 |
F’din il-kawża, ċertament jista’ jidher li minn tal-inqas hija ħasra li l-Kummissjoni, qabelxejn, għażlet miżura ta’ spezzjoni mingħajr ma vverifikat minn qabel l-informazzjoni li l-Awtorità setgħet kisbet fir-rigward ta’ aġir simili. |
|
56 |
Madankollu dan ma jivvizzjax id-deċiżjonijiet ikkontestati b’illegalità. Fil-fatt, fiċ-ċirkustanzi tal-każ ineżami u kif issostni ġustament l-Kummissjoni, l-eżami tal-fajl li kien għand l-Awtorità ma kienx jikkostitwixxi alternattiva għall-użu ta’ miżura ta’ spezzjoni, peress li l-Awtorità ma kienet wettqet l-ebda spezzjoni fil-bini tar-rikorrenti u li d-deċiżjoni tagħha għaldaqstant kienet ittieħdet biss abbażi ta’ informazzjoni li r-rikorrenti ssottomettiet volontarjament. |
|
57 |
Għalhekk, fiċ-ċirkustanzi tal-każ ineżami, in-neċessità ta’ investigazzjoni adegwata u effikaċi setgħet tiġġustifika l-użu ta’ spezzjoni, peress li din il-miżura biss setgħet tippermetti lill-Kummissjoni tiġbor l-informazzjoni li, min-natura tagħha, setgħet ma ġietx sottomessa volontarjament mir-rikorrenti fil-kuntest tal-proċedura quddiem l-Awtorità. |
|
58 |
F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni li wieħed mill-għanijiet tal-miżura ta’ spezzjoni kien li jinstabu dokumenti dwar l-istrateġija kummerċjali tar-rikorrenti u li eventwalment jiżvelaw l-eżistenza ta’ intenzjoni jew pjan ta’ esklużjoni tal-kompetizzjoni. |
|
59 |
Issa, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, dawn l-elementi huma potenzjalment rilevanti għall-eżami ta’ ksur ssuspettat mill-Kummissjoni. |
|
60 |
Ċertament, kif tfakkar ir-rikorrenti, il-kunċett ta’ abbuż għandu kontenut oġġettiv u ma jimplikax l-intenzjoni li ssir ħsara (sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2000, Aéroports de Paris vs Il‑Kummissjoni, T‑128/98, Ġabra, EU:T:2000:290, punt 173). |
|
61 |
Minn dan madankollu ma jistax jiġi dedott li l-elementi li jirrigwardaw l-intenzjoni tar-rikorrenti fl-okkażjoni tal-adozzjoni tal-istrateġija kummerċjali tagħha ma humiex rilevanti. Hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-okkażjoni li tenfasizza, meta l-Kummissjoni twettaq evalwazzjoni tal-aġir ta’ impriża f’pożizzjoni dominanti, peress li dan l-eżami huwa indispensabbli għall-finijiet tal-konklużjoni dwar l-eżistenza ta’ abbuż minn tali pożizzjoni, hija għandha tevalwa l-istrateġija kummerċjali tal-imsemmija impriża. F’dan il-kuntest, jidher li huwa normali li l-Kummissjoni ssemmi fatturi ta’ natura suġġettiva, jiġifieri l-motivi li fuqhom hija bbażata l-istrateġija kummerċjali inkwistjoni. Għaldaqstant, minkejja l-fatt li l-Kummissjoni ma hija bl-ebda mod obbligata tistabbilixxi l-eżistenza ta’ intenzjoni antikompetittiva tal-impriża f’pożizzjoni dominanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE, tali intenzjoni tista’ madankollu tittieħed inkunsiderazzjoni (sentenza tad-19 ta’ April 2012, Tomra Systems et vs Il‑Kummissjoni, C‑549/10 P, Ġabra, EU:C:2012:221, punti 17 sa 21). |
|
62 |
Għall-istess raġunijiet, għandhom jiġu miċħuda l-argumenti tar-rikorrenti li jikkontestaw in-neċessità tal-miżura ta’ spezzjoni, minħabba li l-informazzjoni mfittxija għandha natura pubblika jew diġà kienet fil-pussess tal-Kummissjoni minħabba t-tweġibiet għat-talbiet preċedenti tagħha. |
|
63 |
Fil-fatt, kif issostni r-rikorrenti, jekk jiġi preżunt li l-preżunzjonijiet ta’ ksur imsemmija fid-deċiżjonijiet ikkontestati kollha jirriżultaw mill-politika ta’ “peering” tar-rikorrenti u li l-karatteristiċi speċifiċi ta’ din tal-aħħar għandhom natura pubblika, dan ma jgħoddx għal eventwali motivi antikompetittivi li setgħu waslu għall-adozzjoni ta’ din il-politika. Billi l-elementi li jiddeskrivu tali motivi għandhom natura sigrieta, huwa improbabbli li dawn jistgħu jirriżultaw mid-dikjarazzjoni pubblika tal-politika tar-rikorrenti u wisq inqas li jissemmew fit-tweġibiet tagħha għat-talbiet għal informazzjoni li kienet għamlitilha l-Kummissjoni. |
|
64 |
Għalhekk, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni setgħet raġonevolment tqis, fid-dati tal-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati, li ma kinitx teżisti alternattiva inqas restrittiva mill-użu ta’ miżura ta’ spezzjoni. Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni ma kinitx kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità minn din il-perspettiva u lanqas, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ ineżami, l-obbligu ta’ diliġenza. |
|
65 |
Għaldaqstant, l-ewwel ilment għandu jiġi miċħud. |
– Fuq l-ilment ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma fittxitx elementi ġodda
|
66 |
Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni tista’ biss b’mod validu tfittex elementi addizzjonali meta mqabbla ma’ dawk li diġà huma fil-pussess tagħha. Hija ssostni li l-Kummissjoni għamlet riċerki li r-riżultati tagħhom waslu biss għal dokumenti li kienu diġà jagħmlu parti mill-fajl li kien fil-pussess tagħha jew mill-fajl li kien għand l-Awtorità, li setgħet ikollha aċċess għalih. Insostenn ta’ dan l-argument, hija ssostni li l-Kummissjoni użat, fil-kuntest tar-riċerki tagħha fuq il-kompjuters maqbuda, kliem prinċipali u qabdet dokumenti marbuta mat-tweġibiet tagħha għall-mistoqsijiet tal-Awtorità, mat-talbiet preċedenti għall-informazzjoni tal-Kummissjoni kif ukoll mal-impenn li hija kellha mal-Awtorità. Hija tosserva wkoll li l-unika impjegat li nstema’ formalment mill-Kummissjoni kien diġà instema’ mill-Awtorità. |
|
67 |
Għalhekk, essenzjalment, ir-rikorrenti tikkontesta n-natura neċessarja tad-deċiżjonijiet ikkontestati minħabba l-fatt li l-ispezzjoni mwettqa kienet tirrigwarda elementi li diġà kienu fil-pussess tal-Kummissjoni jew li setgħu kienu fil-pussess tagħha permezz tal-eżami tal-fajl tal-Awtorità. |
|
68 |
Skont il-ġurisprudenza msemmija fil-punt 24 iktar ’il fuq, hija l-Kummissjoni li għandha, bħala prinċipju, tevalwa jekk informazzjoni hijiex neċessarja sabiex ikun jista’ jinkixef ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, u, anki jekk hija diġà jkollha indizji, jew saħansitra provi, dwar l-eżistenza ta’ ksur, il-Kummissjoni tista’ leġittimament tqis neċessarju li tordna investigazzjonijiet addizzjonali sabiex tkun tista’ tiddetermina aħjar il-ksur jew it-tul tiegħu. |
|
69 |
Issa, minn naħa, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti la tallega u lanqas ma turi li l-ispezzjoni kkonsistiet esklużivament jew essenzjalment fit-tiftix ta’ elementi marbuta mal-proċedura quddiem l-Awtorità u mat-tweġibiet tagħha għal informazzjoni. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti llimitat ruħha li tipprovdi xi eżempji ta’ kliem prinċipali u ta’ dokumenti maqbuda, minkejja li l-ispezzjoni damet kważi erbat ijiem u kienet tirrigwarda bini differenti. |
|
70 |
Min-naħa l-oħra, għal raġunijiet analogi għal dawk esposti fil-punti 55 sa 61 iktar ’il fuq, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni setgħet b’mod leġittimu tfittex informazzjoni li, minkejja li kienet marbuta mal-proċedura quddiem l-Awtorità jew mat-tweġibiet ipprovduti mir-rikorrenti għat-talbiet tagħha stess għal informazzjoni, kien improbabbli, minħabba n-natura tagħha, li tiġi żvelata mir-rikorrenti, b’mod partikolari minħabba li din kienet eventwalment tiżvela l-eżistenza ta’ intenzjoni jew pjan ta’ esklużjoni tal-kompetizzjoni. |
|
71 |
Għaldaqstant, dan l-ilment u, konsegwentement, it-tieni parti tal-ewwel motiv għandhom jiġu miċħuda. |
|
72 |
Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 22 iktar ’il fuq, miżura, anki jekk hija xierqa u neċessarja sabiex jintlaħqu l-għanijiet imfittxija b’mod leġittimu, ma għandhiex tikkawża inkonvenjenti eċċessivi meta mqabbla mal-imsemmija għanijiet. B’mod iktar partikolari, mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 23 iktar ’il fuq jirriżulta li, fir-rigward ta’ deċiżjoni li tordna spezzjoni, l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità tippresupponi li l-miżuri previsti ma jikkawżawx inkonvenjenzi eċċessivi u intollerabbli meta mqabbla mal-għanijiet imfittxija tal-ispezzjoni inkwistjoni. |
|
73 |
Fil-każ ineżami, mis-sottomissjonijiet bil-miktub tar-rikorrenti ma jirriżultax li hija tikkontesta l-portata tal-inkonvenjenzi kkawżati mill-ispezzjoni mwettqa fil-bini tagħha. Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi enfasizzat li l-portata tal-imsemmija spezzjoni u l-inkonvenjenzi li din setgħet ikkawżat, kif imfakkra fir-rikors, jiġifieri tul ta’ erbat ijiem, f’erba’ postijiet, iż-żjara ta’ 18‑il uffiċċju, il-qbid ta’ 11‑il kompjuter u 5 Smartphones, is-smigħ ta’ persuna u l-analiżi u l-elenkar f’indiċi ta’ 34 sistema ta’ messaġġi tal-persunal, kif ukoll l-eżami ta’ kopja forensika ta’ hard disks fil-bini tal-Kummissjoni fil-preżenza tar-rappreżentanti tar-rikorrenti — ma jistgħux, fil-każ ineżami, jiġu kkunsidrati bħala eċċessivi fid-dawl tal-preżunzjonijiet ta’ ksur li kienet qed tinvestiga dwarhom il-Kummissjoni. |
|
74 |
Għaldaqstant, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu. |
Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq in-natura arbitrarja tal-miżura ta’ spezzjoni
|
75 |
Fil-kuntest tat-tieni motiv, ir-rikorrenti ssostni li hija l-Qorti Ġenerali li għandha tiżgura l-assenza ta’ natura arbitrarja ta’ deċiżjoni ta’ spezzjoni u li dan l-eżami għandu jikkonsisti fil-verifika tan-natura suffiċjentement serja u ddettaljata tal-indizji fil-pussess tal-Kummissjoni qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ spezzjoni. Hija tenfasizza wkoll li ma hijiex obbligata li tipproduċi provi li jippermettu li tiġi kkontestata n-natura serja tal-indizji fil-pussess tal-Kummissjoni sabiex il-Qorti Ġenerali tkun tista’ teżaminhom. Fil-każ ineżami, ir-rikorrenti tqis li kemm l-identiċità tad-deċiżjonijiet ikkontestati mad-deċiżjoni tal-Awtorità kif ukoll l-aġir tal-Kummissjoni matul l-investigazzjoni — rigward l-użu tal-kliem prinċipali flimkien mal-proċedura quddiem l-Awtorità — huma indikazzjonijiet tal-assenza ta’ indizji serji u ddettaljati, qabel l-adozzjoni tal-miżura ta’ spezzjoni. Fir-replika tagħha, hija ssostni li talbet lill-Qorti Ġenerali, mill-istadju tar-rikors, li tistħarreġ l-indizji fil-pussess tal-Kummissjoni. |
|
76 |
Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni tosserva li l-obbligu, impost fuqha mill-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003, li tindika s-suġġett u l-għan tal-ispezzjoni huwa kklassifikat mill-ġurisprudenza bħala rekwiżit fundamentali għall-finijiet, b’mod partikolari, li tintwera n-natura ġġustifikata tal-intervent previst fi ħdan l-impriżi kkonċernati. Fit-tieni lok, hija tqis li r-rikorrenti, fir-rikors, ma talbitx lill-Qorti Ġenerali sabiex tordna l-produzzjoni tal-indizji li hija kellha fil-pussess tagħha qabel l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati. Hija ssostni li tali talba, meta ssir fl-istadju tar-replika, għandha titqies bħala inammissibbli. |
|
77 |
Għal dak li jirrigwarda t-tweġiba li għandha tingħata għal dan il-motiv, għandu jitfakkar li l-proċedura amministrattiva skont ir-Regolament Nru 1/2003, li tiżvolġi quddiem il-Kummissjoni, tinqasam f’żewġ fażijiet distinti u suċċessivi, li kull waħda minnhom għandha loġika interna tagħha, jiġifieri fażi ta’ investigazzjoni preliminari, minn naħa, u fażi kontradittorja, min-naħa l-oħra. Il-fażi ta’ investigazzjoni preliminari, li matulha l-Kummissjoni tagħmel użu mis-setgħat ta’ investigazzjoni previsti mir-Regolament Nru 1/2003 u li tkopri sad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, hija intiza sabiex tippermetti lill-Kummissjoni tiġbor l-elementi kollha rilevanti li jikkonfermaw jew le l-eżistenza ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni u tieħu pożizzjoni inizjali fuq l-orjentament tal-proċedura kif ukoll fuq kif għandha tipproċedi. Min-naħa l-oħra, il-fażi kontradittorja li tkopri mid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet sal-adozzjoni tad-deċiżjoni finali, għandha tippermetti lill-Kummissjoni tiddeċiedi b’mod definittiv fuq l-allegat ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-29 ta’ Settembru 2011, Elf Aquitaine vs Il‑Kummissjoni, C‑521/09 P, Ġabra, EU:C:2011:620, punt 113 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-8 ta’ Lulju 2008, AC-Treuhand vs Il‑Kummissjoni, T‑99/04, Ġabra, EU:T:2008:256, punt 47). |
|
78 |
Minn naħa, fir-rigward tal-fażi ta’ investigazzjoni preliminari, hija tibda mid-data li fiha l-Kummissjoni, fl-eżerċizzju tas-setgħat mogħtija lilha mill-Artikoli 18 u 20 tar-Regolament Nru 1/2003, tadotta miżuri li jimplikaw l-akkuża li ġie mwettaq ksur u li jwasslu għal riperkussjonijiet sinjifikattivi fuq is-sitwazzjoni tal-impriżi ssuspettati. Min-naħa l-oħra, huwa biss fil-bidu tal-fażi kontradittorja amministrattiva li l-impriża kkonċernata hija informata, permezz tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, bl-elementi essenzjali kollha li l-Kummissjoni tibbaża ruħha fuqhom f’dan l-istadju tal-proċedura, u li din l-impriża għandha dritt ta’ aċċess għall-fajl sabiex jiġi ggarantit l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet tad-difiża tagħha. Konsegwentement, huwa biss wara li tintbagħat id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li l-impriża kkonċernata tista’ tagħmel użu bis-sħiħ mid-drittijiet tad-difiża tagħha. Fil-fatt, jekk dawn id-drittijiet kienu estiżi għall-fażi ta’ qabel ma tintbagħat id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, l-effikaċja tal-investigazzjoni tal-Kummissjoni tkun kompromessa, peress li l-impriża tkun, diġà matul il-fażi ta’ investigazzjoni preliminari, f’pożizzjoni li tidentifika l-informazzjoni li hija magħrufa mill-Kummissjoni u, b’hekk, dik li għada tista’ tiġi moħbija minnha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza AC-Treuhand vs Il‑Kummissjoni, punt 77 iktar ’il fuq, EU:T:2008:256, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
79 |
Madankollu, il-miżuri istruttorji adottati mill-Kummissjoni matul il-fażi ta’ investigazzjoni preliminari, b’mod partikolari l-miżuri ta’ investigazzjoni u t-talbiet għal informazzjoni, jimplikaw min-natura tagħhom l-akkuża ta’ ksur u jista’ jkollhom riperkussjonijiet sinjifikattivi fuq is-sitwazzjoni tal-impriżi ssuspettati. Għaldaqstant, huwa importanti li jiġi evitat li d-drittijiet tad-difiża jkunu jistgħu jiġu kompromessi b’mod irrimedjabbli matul din il-fażi tal-proċedura amministrattiva peress li l-miżuri istruttorji adottati jistgħu jkunu determinanti għall-istabbiliment ta’ provi tan-natura illegali tal-aġir ta’ impriżi li għalih huma jistgħu jinżammu responsabbli (sentenza AC-Treuhand vs Il‑Kummissjoni, punt 77 iktar ’il fuq, EU:T:2008:256, punti 50 u 51; ara ukoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-21 ta’ Settembru 1989, Hoechst vs Il‑Kummissjoni, 46/87 u 227/88, Ġabra, EU:C:1989:337, punt 15, u Elf Aquitaine vs Il‑Kummissjoni, punt 77 iktar ’il fuq, EU:C:2011:620, punti 116 u 117 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
80 |
F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li l-obbligu impost mill-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003 li jiġi indikat is-suġġett u l-għan ta’ spezzjoni jammonta fil-fatt għal garanzija fundamentali tad-drittijiet tad-difiża tal-impriżi kkonċernati u, għaldaqstant, il-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ spezzjoni ma tistax tiġi limitata abbażi ta’ kunsiderazzjonijiet marbuta mal-effikaċja tal-investigazzjoni. F’dan ir-rigward, minkejja li huwa veru li l-Kummissjoni ma hijiex obbligata tikkomunika lid-destinatarju ta’ tali deċiżjoni l-informazzjoni kollha għad-dispożizzjoni tagħha dwar l-istanzi preżunti ta’ ksur, jew li tiddefinixxi preċiżament is-suq inkwistjoni, jew li tagħmel klassifikazzjoni legali eżatta ta’ dawn l-istanzi ta’ ksur, jew li tindika l-perijodu li matulu seħħew l-istanzi ta’ ksur, hija għandha, madankollu, tindika, bl-iktar mod preċiż possibbli, il-preżunzjonijiet li hija tkun bi ħsiebha tivverifika, jiġifieri dak li huwa mfittex u l-elementi li għandhom ikunu s-suġġett tal-ispezzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Hoechst vs Il‑Kummissjoni, punt 79 iktar ’il fuq, EU:C:1989:337, punt 41; tas-17 ta’ Ottubru 1989, Dow Benelux vs Il‑Kummissjoni, 85/87, Ġabra, EU:C:1989:379, punt 10, u Roquette Frères, punt 23 iktar ’il fuq, EU:C:2002:603, punt 48). |
|
81 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ma jistax jiġi impost fuq il-Kummissjoni l-obbligu li tindika, fl-istadju tal-fażi ta’ investigazzjoni preliminari, minbarra l-preżunzjonijiet ta’ ksur li hija jkollha l-intenzjoni tivverifika, l-indizji, jiġifieri l-elementi li jwassluha sabiex tieħu inkunsiderazzjoni l-ipoteżi ta’ ksur tal-Artikolu 102 TFUE. Fil-fatt, tali obbligu jmur kontra l-ekwilibriju li l-ġurisprudenza tistabbilixxi bejn il-ħarsien tal-effikaċja tal-investigazzjoni u l-ħarsien tad-drittijiet tad-difiża tal-impriża kkonċernata. |
|
82 |
Madankollu, minn dan ma jistax jiġi dedott li l-Kummissjoni ma għandhiex ikollha fil-pussess tagħha elementi li jwassluha sabiex tipprevedi l-ipoteżi ta’ ksur tal-Artikolu 102 TFUE qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003. |
|
83 |
Fil-fatt, għandu jitfakkar li r-rekwiżit ta’ protezzjoni kontra interventi arbitrarji u sproporzjonati tal-awtoritajiet pubbliċi fil-qasam tal-attivitajiet privati ta’ kwalunkwe persuna, kemm jekk fiżika jew ġuridika, jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni (sentenzi Roquette Frères, punt 23 iktar ’il fuq, EU:C:2002:603, punt 27; tal-14 ta’ Novembru 2012, Nexans France u Nexans vs Il‑Kummissjoni, T‑135/09, Ġabra, EU:T:2012:596, punt 40, u Prysmian u Prysmian Cavi e Sistemi Energia vs Il‑Kummissjoni, T‑140/09, EU:T:2012:597, punt 35). |
|
84 |
Issa, għall-finijiet li jiġi osservat dan il-prinċipju ġenerali, deċiżjoni ta’ spezzjoni għandu jkollha l-intenzjoni li tiġbor id-dokumentazzjoni neċessarja sabiex tivverifika r-realtà u l-portata ta’ sitwazzjoni ta’ fatt u ta’ liġi partikolari li dwarha l-Kummissjoni diġà tipposjedi informazzjoni, li tikkostitwixxi indizji suffiċjentement serji li jippermettu li jiġi ssuspettat ksur tar-regoli ta’ kompetizzjoni mill-impriża kkonċernata (sentenzi Nexans France u Nexans vs Il‑Kummissjoni, punt 83 iktar ’il fuq, EU:T:2012:596, punt 43, u Prysmian u Prysmian Cavi e Sistemi Energia vs Il‑Kummissjoni, punt 83 iktar ’il fuq, EU:T:2012:597, punt 38; ara wkoll, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza Roquette Frères, punt 23 iktar ’il fuq, EU:C:2002:603, punti 54 u 55). |
|
85 |
Għal dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, l-ammissibbiltà tat-talba ppreżentata mir-rikorrenti intiża sabiex il-Qorti Ġenerali tivverifika l-indizji fil-pussess tal-Kummissjoni, ikkontestata minn din tal-aħħar minħabba l-fatt li ġiet ippreżentata għall-ewwel darba fl-istadju tar-replika, huwa minnu li mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 45 iktar ’il fuq jirriżulta li t-tressiq ta’ motivi ġodda matul il-kawża huwa pprojbit, sakemm dawn il-motivi ma jkunux ibbażati fuq punti ta’ liġi u ta’ fatt li joħorġu matul il-proċedura, iżda li motiv jew argument, li jikkostitwixxi estensjoni ta’ motiv imressaq preċedentement, direttament jew impliċitament, fir-rikors promotur u li jkun marbut mill-qrib miegħu għandu jiġi ddikjarat ammissibbli. |
|
86 |
Għandu jiġi kkonstatat li għalkemm ir-rikorrenti ma talbitx b’mod espliċitu lill-Qorti Ġenerali, fir-rikors, sabiex tistħarreġ l-indizji fil-pussess tal-Kummissjoni, jirriżulta neċessarjament mill-iżviluppi relatati mat-tieni motiv u b’mod iktar partikolari mill-punti 98 sa 103 tar-rikors, li dan kien is-sens tal-argument tagħha. Barra minn hekk, it-talba li tidher b’mod iktar espliċitu fil-punti 67 sa 72 tar-replika, għandha rabta stretta mal-iżviluppi li jissemmew fil-punti 98 sa 103 tar-rikors. Għalhekk, fi kwalunkwe każ, it-talba li tissemma’ b’mod espliċitu fir-replika tikkostitwixxi estensjoni tat-tieni motiv u hija wkoll, għal din ir-raġuni, ammissibbli. |
|
87 |
Għal dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, il-kwistjoni dwar jekk huwiex xieraq fil-każ ineżami li tintlaqa’ t-talba mressqa mir-rikorrenti, għandu jiġi enfasizzat li l-istħarriġ tal-eżistenza ta’ indizji suffiċjentement serji, fil-pussess tal-Kummissjoni, li jippermettu li jiġi ssuspettat ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ spezzjoni ma huwiex l-uniku mezz li jippermetti lill-Qorti Ġenerali tiżgura l-assenza ta’ natura arbitrarja tal-imsemmija deċiżjoni. |
|
88 |
Minn naħa, huwa biss fiċ-ċirkustanzi fejn il-Qorti Ġenerali tiġi adita b’talba f’dan is-sens u meta l-impriżi destinatarji ta’ deċiżjoni meħuda skont l-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003 jipproduċu ċerti elementi li jistgħu jpoġġu fid-dubju n-natura suffiċjentement serja tal-indizji għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni sabiex tadotta l-imsemmija deċiżjoni li hija tista’ tqis li huwa neċessarju tipproċedi għal tali stħarriġ (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Nexans France u Nexans vs Il‑Kummissjoni, punt 83 iktar ’il fuq, EU:T:2012:596, punt 72, u Prysmian u Prysmian Cavi e Sistemi Energia vs Il‑Kummissjoni, punt 83 iktar ’il fuq, EU:T:2012:597, punt 70; ara, b’analoġija, is-sentenza tal-14 ta’ Marzu 2014, Cementos Portland Valderrivas vs Il‑Kummissjoni, T‑296/11, Ġabra, EU:T:2014:121, punt 42). |
|
89 |
Min-naħa l-oħra, għandu jitfakkar li l-istħarriġ tal-motivazzjoni ta’ deċiżjoni tippermetti wkoll lill-qorti tissalvagwardja l-osservanza tal-prinċipju ta’ protezzjoni kontra l-interventi arbitrarji u sproporzjonati, sa fejn l-imsemmija motivazzjoni tindika n-natura ġġustifikata tal-intervent previst fi ħdan l-impriżi kkonċernati (sentenzi Hoechst vs Il‑Kummissjoni, punt 79 iktar ’il fuq, EU:C:1989:337, punt 29; Roquette Frères, punt 23 iktar ’il fuq, EU:C:2002:603, punt 47; France Télécom vs Il‑Kummissjoni, punt 27 iktar ’il fuq, EU:T:2007:80, punt 57). |
|
90 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003 jiddefinixxi l-elementi essenzjali li għandhom jissemmew f’deċiżjoni ta’ spezzjoni, billi jimponi, b’mod partikolari, fuq il-Kummissjoni l-obbligu li tindika s-suġġett u l-għan tal-ispezzjoni ordnata. Skont dan l-obbligu, mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 80 iktar ’il fuq jirriżulta li hija l-Kummissjoni li għandha tindika, bl-iktar mod preċiż possibbli, il-preżunzjonijiet li hija jkollha l-intenzjoni tivverifika, jiġifieri dak li huwa mfittex u l-elementi li għandhom ikunu s-suġġett tal-ispezzjoni. |
|
91 |
Għalhekk, fiċ-ċirkustanzi fejn il-Qorti Ġenerali tqis li l-preżunzjonijiet li l-Kummissjoni għandha l-intenzjoni tivverifika u l-elementi li għandhom ikunu s-suġġett tal-ispezzjoni huma ddefiniti bi preċiżjoni suffiċjenti, hija tista’ tiddeċiedi li kien hemm assenza ta’ natura arbitrarja ta’ deċiżjoni ta’ spezzjoni, mingħajr ma jkun neċessarju li tistħarreġ materjalment il-kontenut tal-indizji fil-pussess tal-Kummissjoni fid-data tal-adozzjoni tagħha. |
|
92 |
Issa, għandu jiġi kkonstatat li dan huwa l-każ fir-rigward tad-deċiżjonijiet ikkontestati. Kif jirriżulta mill-premessi 3 sa 10 tagħhom, riprodotti fil-punt 6 iktar ’il fuq, in-natura tar-restrizzjonijiet għall-kompetizzjoni issuspettati hija ddefinita f’termini suffiċjentement preċiżi u ddettaljati. B’hekk, il-kwistjoni tirrigwarda ksur possibbli tal-Artikolu 102 TFUE minħabba prattiki li jikkonsistu, minn naħa, f’li jiġi limitat l-aċċess għan-netwerks tar-rikorrenti (“tromboning”, konġestjoni tal-portijiet u restrizzjonijiet għall-propagazzjoni ta’ routes), u min-naħa l-oħra, fit-tarifikazzjoni tal-aċċess għall-imsemmija netwerks (fatturazzjoni għall-għoti ta’ kapaċitajiet addizzjonali, rapporti tat-traffiku restrittivi u kompressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet). Barra minn hekk, id-deċiżjonijiet ikkontestati jispjegaw kif l-aġir tar-rikorrenti jista’ jaqa’ taħt kull waħda mill-prattiki ssuspettati. |
|
93 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li kien hemm assenza ta’ natura arbitrarja tad-deċiżjonijiet ikkontestati unikament abbażi tar-raġunijiet imsemmija fid-deċiżjonijiet ikkontestati, mingħajr ma huwa neċessarju li teżamina l-indizji fil-pussess tal-Kummissjoni fid-data tal-adozzjoni tagħhom. |
|
94 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, hemm lok li t-tieni motiv u, konsegwentement, ir-rikors fl-intier tiegħu jiġu miċħuda. |
Fuq l-ispejjeż
|
95 |
Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni. |
|
Għal dawn il-motivi, IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Prek Labucka Kreuschitz Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-25 ta’ Novembru 2014. Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.