26.9.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 248/46


DIRETTIVA TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/1647

tat-23 ta’ Settembru 2022

li temenda d-Direttiva 2003/90/KE fir-rigward ta’ deroga għal varjetajiet organiċi ta’ speċijiet ta’ pjanti agrikoli adattati għall-produzzjoni organika

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2002/53/KE tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-varjetajiet komuni ta’ katalgi ta’ speċi ta’ pjanti agrikoli (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 7(2)(a) u (b) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2003/90/KE (2) għandha l-għan li tiżgura li l-varjetajiet ta’ speċijiet ta’ pjanti agrikoli li l-Istati Membri jinkludu fil-katalgi nazzjonali tagħhom jikkonformaw mal-protokolli stabbiliti mill-Uffiċċju Komunitarju tal-Varjetajiet tal-Pjanti (“CPVO”). B’mod partikolari, dawk il-protokolli għandhom l-għan li jiżguraw konformità mar-regoli li jikkonċernaw il-karatteristiċi li għandhom jiġu koperti bħala minimu mill-eżami u mill-kondizzjonijiet minimi għall-eżami ta’ ċerti varjetajiet ta’ speċijiet ta’ pjanti agrikoli biex jiġu stabbiliti d-distintività, l-uniformità u l-istabbiltà (“DUS”). Għall-ispeċijiet mhux koperti mill-protokolli tas-CPVO, dik id-Direttiva għandha l-għan li tiżgura konformità mal-linji gwida tat-test tal-Unjoni Internazzjonali għall-Protezzjoni ta’ Varjetajiet Ġodda tal-Pjanti (“UPOV”).

(2)

Fost l-oħrajn, il-varjetajiet ta’ speċijiet ta’ pjanti agrikoli għandhom jikkonformaw mal-kondizzjonijiet, stabbiliti fl-Anness III tad-Direttiva 2003/90/KE, li jikkonċernaw l-eżami tal-valur għall-kultivazzjoni u l-użu (“VCU” - value for cultivation and use).

(3)

Hemm bżonn li jiġi żgurat li l-produtturi jkunu jistgħu jużaw varjetajiet organiċi adattati għall-produzzjoni organika li jirriżultaw minn attivitajiet ta’ tnissil organiku. Uħud minnhom jissodisfaw il-kriterji tad-DUS tal-varjetajiet l-oħra kollha tal-istess speċi, iżda varjetajiet oħra maħsuba għall-produzzjoni organika huma kkaratterizzati minn livell għoli ta’ diversità ġenetika u fenotipika bejn l-unitajiet riproduttivi individwali.

(4)

Għalhekk, l-istandards għall-uniformità definiti fil-protokolli eżistenti tad-DUS u l-linji gwida eżistenti tas-CPVO u tal-UPOV mhumiex adattati għal varjetajiet organiċi għall-produzzjoni organika, li huma kkaratterizzati minn livell għoli ta’ diversità ġenetika u fenotipika. Barra minn hekk, hemm bżonn li jiġu stabbiliti prinċipji għall-eżami tal-VCU li jikkorrispondu għad-domandi tas-settur organiku.

(5)

Għalhekk huwa meħtieġ li tiġi offruta l-possibbiltà li wieħed jiddevja mill-protokolli eżistenti ta’ eżami tad-DUS u li jipprevedi r-rekwiżiti għal eżami tal-VCU li huma aktar adattati għal varjetajiet organiċi adattati għall-produzzjoni organika.

(6)

Għalhekk, jenħtieġ li jkun possibbli li jiġu aġġustati l-protokolli eżistenti għall-eżami tal-varjetajiet għal ċerti speċijiet biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tal-agrikoltura organika. Għalhekk huwa xieraq li ssir deroga minn ċerti dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1 tad-Direttiva tal-Kummissjoni 2003/90/KE u li jiġu stabbiliti rekwiżiti speċifiċi għall-eżami tal-VCU.

(7)

L-Istati Membri jenħtieġ li jirrappurtaw, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra, sal-31 ta’ Diċembru ta’ kull sena u sal-31 ta’ Diċembru 2030, dwar l-għadd ta’ applikazzjonijiet u riżultati tal-eżamijiet tad-DUS u tal-VCU, sabiex jiġi żgurat rieżami regolari ta’ dawk ir-rekwiżiti u tiġi vvalutata aktar il-ħtieġa li jiġu emendati, jitneħħew jew jiġu applikati wkoll għal speċijiet oħra.

(8)

Għalhekk jenħtieġ li d-Direttiva 2003/90/KE tiġi emendata skont dan.

(9)

L-awtoritajiet kompetenti u l-operaturi professjonisti kkonċernati jenħtieġ li jkollhom biżżejjed żmien biex iħejju ruħhom b’mod adegwat qabel ma jibdew japplikaw id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva.

(10)

Il-miżuri previsti f’din id-Direttiva huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Emendi għad-Direttiva 2003/90/KE

Id-Direttiva 2003/90/KE hija emendata kif ġej:

(1)

L-Artikolu 1 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Fir-rigward tad-distintività, l-uniformità u l-istabbiltà, u mingħajr preġudizzju għat-tieni subparagrafu:

(a)

l-ispeċijiet imniżżlin fl-Anness I għandhom jikkonformaw mal-kondizzjonijiet stabbiliti fil-“Protokolli għall-provi għal distintività, uniformità u stabbilità” tal-Kunsill Amministrattiv tal-Uffiċċju Komunitarju tal-Varjetajiet tal-Pjanti (CPVO) imniżżlin f’dak l-Anness;

(b)

l-ispeċijiet imniżżlin fl-Anness II għandhom jikkonformaw mal-linji gwida tat-test għat-twettiq ta’ testijiet għad-distintività, l-uniformità u l-istabbilità tal-Unjoni Internazzjonali għall-Protezzjoni ta’ Varjetajiet Ġodda tal-Pjanti (UPOV) imniżżlin f’dak l-Anness.

B’deroga mill-ewwel subparagrafu, fir-rigward tal-uniformità, il-varjetajiet organiċi adattati għall-produzzjoni organika, li jappartjenu għall-ispeċijiet imniżżlin fl-Anness IV, il-Parti A, jistgħu minflok jikkonformaw mal-kondizzjonijiet imniżżlin fil-Parti B ta’ dak l-Anness.

L-Istati Membri għandhom jirrappurtaw, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra, sal-31 ta’ Diċembru ta’ kull sena u sal-31 ta’ Diċembru 2030, dwar l-għadd ta’ applikazzjonijiet għar-reġistrazzjonijiet tal-varjetajiet u r-riżultati tal-eżamijiet għad-distintività, l-uniformità u l-istabbiltà (DUS) li jikkonċernaw dawk il-varjetajiet organiċi”;

(b)

fil-paragrafu 3, qed jiżdiedu t-tieni u t-tielet subparagrafi li ġejjin:

“B’deroga mill-ewwel subparagrafu, fir-rigward tal-valur għall-kultivazzjoni jew l-użu, il-varjetajiet organiċi adattati għall-produzzjoni organika, li jappartjenu għall-ispeċijiet imniżżlin fl-Anness IV, il-Parti A, jistgħu, minflok, jikkonformaw mal-kondizzjonijiet stabbiliti fil-Parti B ta’ dak l-Anness.;

L-Istati Membri għandhom jirrappurtaw, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra, sal-31 ta’ Diċembru ta’ kull sena u sal-31 ta’ Diċembru 2030, dwar l-għadd ta’ applikazzjonijiet u riżultati tal-eżamijiet għall-valur tal-kultivazzjoni u l-użu (VCU) li jikkonċernaw dawk il-varjetajiet organiċi”;

(2)

It-test stipulat fl-Anness ta’ din id-Direttiva jiżdied bħala l-Annessi IV u V.

Artikolu 2

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex ikunu konformi ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Ġunju 2023. Huma għandhom jikkomunikaw it-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni minnufih.

Huma għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mill-1 ta’ Lulju 2023.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, fihom għandu jkun hemm referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn dik ir-referenza meta ssir il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif għandha ssir dik ir-referenza.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Settembru 2022.

Għall-Kummissjoni

Stella KYRIAKIDES

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 193, 20.7.2002, p. 1.

(2)  Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2003/90/KE tas-6 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi miżuri ta’ implimentazzjoni għall-iskopijiet tal-Artikolu 7 tad-Direttiva tal-Kunsill 2002/53/KE fir-rigward tal-karatteristiċi li għandhom jiġu koperti bħala minimu mill-eżami u l-kondizzjonijiet minimi għall-eżami ta’ ċerti varjetajiet ta’ speċi ta’ pjanti agrikoli (ĠU L 254, 8.10.2003, p. 7).


ANNESS

“ANNESS IV

PARTI A

Lista ta’ speċijiet imsemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(2)

Xgħir

Qamħirrum

Segala

Qamħ

PARTI B

Dispożizzjonijiet speċifiċi dwar t-testijiet għad-distintività, l-uniformità u l-istabbiltà għal varjetajiet organiċi ta’ speċijiet ta’ pjanti agrikoli adattati għall-produzzjoni organika

1.   Regola ġenerali

Dan li ġej għandu japplika għal varjetajiet organiċi ta’ speċijiet ta’ pjanti agrikoli adattati għall-produzzjoni organika:

1.1.

Fir-rigward tad-distintività u l-istabbiltà, il-karatteristiċi kollha tal-protokolli u l-linji gwida msemmija fl-Annessi I u II għandhom jiġu osservati u deskritti.

1.2.

Fir-rigward tal-uniformità, il-karatteristiċi kollha tal-protokolli u l-linji gwida msemmija fl-Annessi I u II għandhom jiġu osservati u deskritti u dan li ġej għandu japplika għall-karatteristiċi mniżżlin fil-punt 2:

(a)

dawk il-karatteristiċi jistgħu jiġu vvalutati b’mod inqas strett;

(b)

fejn għal dawk il-karatteristiċi tkun prevista deroga mill-protokoll tekniku rispettiv f’dak il-punt 2, il-livell ta’ uniformità fil-varjetà għandu jkun simili għal-livell ta’ uniformità ta’ varjetajiet komparabbli ta’ għarfien komuni fl-Unjoni.

2.   Deroga mill-protokolli tekniċi

2.1.   Xgħir

Għall-varjetajiet li jappartjenu għall-ispeċi xgħir (Hordeum vulgare L.), il-karatteristiċi tad-DUS li ġejjin tal-protokoll CPVO/TP-019/5 tas-CPVO tal-varjetà ttestjata jistgħu, għall-uniformità, jiddevjaw mir-rekwiżiti tad-DUS li ġejjin:

CPVO Nru 5

—

L-aħħar werqa: l-awrikoli kulur antoċjanina

CPVO Nru 8

—

L-aħħar werqa: il-glawkożità tal-għant

CPVO Nru 9

—

Sifi: il-ponot kulur antoċjanina

CPVO Nru 10

—

Sbula: il-glawkożità

CPVO Nru 12

—

Ħabba: in-nervituri tal-lemma kulur antoċjanina

CPVO Nru 16

—

Spika żgħira sterili: l-orjentazzjoni

CPVO Nru 17

—

Sbula: il-forma

CPVO Nru 20

—

Sifa: it-tul

CPVO Nru 21

—

Rakida: it-tul tal-ewwel segment

CPVO Nru 22

—

Rakida: il-kurvatura tal-ewwel segment

CPVO Nru 23

—

Spika żgħira medjana: it-tul tal-gluma u s-sifa tagħha relattiv għall-ħabba

CPVO Nru 25

—

Ħabba: l-ispikulazzjoni tan-nervituri laterali interni tal-ġenb dorsali tal-lemma

2.2.   Qamħirrum

Għall-varjetajiet li jappartjenu għall-ispeċi qamħirrum (Zea mays L.) il-karatteristiċi tad-DUS li ġejjin tal-protokoll CPVO-TP/002/3 tas-CPVO tal-varjetà ttestjata jistgħu, għall-uniformità, jiddevjaw mir-rekwiżiti tad-DUS li ġejjin:

CPVO Nru 1

—

L-ewwel werqa: l-għant kulur antoċjanina

CPVO Nru 2

—

L-ewwel werqa: il-forma tal-ponta tal-werqa

CPVO Nru 8

—

Ġummiena: il-glumi kulur antoċjanina eskluża l-bażi

CPVO Nru 9

—

Ġummiena: l-anteri kulur antoċjanina

CPVO Nru 10

—

Ġummiena: l-angolu bejn z-zokk prinċipali u l-fergħat tal-ġenb

CPVO Nru 11

—

Ġummiena: il-kurvatura tal-fergħat tal-ġenb

CPVO Nru 15

—

Zokk: l-għeruq ’il fuq minn wiċċ il-ħamrija, kulur antoċjanina

CPVO Nru 16

—

Ġummiena: id-densità ta’ spiki żgħar

CPVO Nru 17

—

Werqa: l-għant kulur antoċjanina

CPVO Nru 18

—

Zokk: l-internodi kulur antoċjanina

CPVO Nru 19

—

Ġummiena: it-tul taz-zokk prinċipali ’l fuq mill-ibxax fergħa tal-ġenb

CPVO Nru 20

—

Ġummiena: it-tul taz-zokk prinċipali ’l fuq mill-ogħla fergħa tal-ġenb

CPVO Nru 21

—

Ġummiena: it-tul tal-fergħa tal-ġenb

2.3.   Segala

Għall-varjetajiet li jappartjenu għall-ispeċi segala (Secale cereale L.), il-karatteristiċi tad-DUS li ġejjin tal-protokoll CPVO-TP/058/1 tas-CPVO tal-varjetà ttestjata jistgħu, għall-uniformità, jiddevjaw mir-rekwiżiti tad-DUS li ġejjin:

CPVO Nru 3

—

Koleoptila: il-kulur antoċjanina

CPVO Nru 4

—

Koleoptila: it-tul

CPVO Nru 5

—

L-ewwel werqa: it-tul tal-għant

CPVO Nru 6

—

L-ewwel werqa: it-tul tal-werqa mingħajr iz-zokk

CPVO Nru 8

—

L-aħħar werqa: il-glawkożità tal-għant

CPVO Nru 10

—

Werqa ħdejn l-aħħar werqa: it-tul tal-werqa mingħajr iz-zokk

CPVO Nru 11

—

Werqa ħdejn l-aħħar werqa: il-wisa’ tal-werqa mingħajr iz-zokk

CPVO Nru 12

—

Sbula: il-glawkożità

CPVO Nru 13

—

Zokk: ix-xagħar ta’ taħt l-isbula

2.4.   Qamħ

Għall-varjetajiet li jappartjenu għall-ispeċi qamħ (Triticum aestivum L. subsp. aestivum.), il-karatteristiċi tad-DUS li ġejjin tal-protokoll CPVO-TP/003/5 tas-CPVO tal-varjetà ttestjata jistgħu, għall-uniformità, jiddevjaw mir-rekwiżiti tad-DUS li ġejjin:

CPVO Nru 3

—

Koleoptila: il-kulur antoċjanina

CPVO Nru 6

—

L-aħħar werqa: l-awrikoli kulur antoċjanina

CPVO Nru 8

—

L-aħħar werqa: il-glawkożità tal-għant

CPVO Nru 9

—

L-aħħar werqa: il-glawkożità tal-werqa mingħajr iz-zokk

CPVO Nru 10

—

Sbula: il-glawkożità

CPVO Nru 11

—

Zokk: il-glawkożità tal-għonq

CPVO Nru 20

—

Sbula: il-forma fil-profil

CPVO Nru 21

—

Parti tar-rakida apikali: iż-żona tax-xagħar fuq wiċċ konvess

CPVO Nru 22

—

Gluma t’isfel: il-wisa’ tal-ispalla

CPVO Nru 23

—

Gluma t’isfel: il-forma tal-ispalla

CPVO Nru 24

—

Gluma t’isfel: it-tul tal-munqar

CPVO Nru 25

—

Gluma t’isfel: il-forma tal-munqar

CPVO Nru 26

—

Gluma t’isfel: iż-żona tax-xagħar fuq il-wiċċ ta’ ġewwa

ANNESS V

PARTI A

Lista ta’ speċijiet msemmija fit-tieni subparagrafu tal- Artikolu 1(3)

Xgħir

Qamħirrum

Segala

Qamħ

PARTI B

Kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfati – Valur tal-kultivazzjoni u l-użu għal varjetajiet organiċi adattati għall-produzzjoni organika

1.

L-eżami għall-kultivazzjoni u l-użu għandu jsir skont il-kundizzjonijiet organiċi, f’konformità mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2018/848, u b’mod partikolari f’konformità mal-prinċipji ġenerali fl-Artikolu 5(d), (e), (f) u (g) u r-regoli dwar il-produzzjoni tal-pjanti fl-Artikolu 12.

2.

Il-ħtiġijiet u l-objettivi speċifiċi tal-agrikoltura organika għandhom jitqiesu fl-eżami tal-varjetajiet u fl-evalwazzjoni tar-riżultati tal-eżami. Għandhom jiġu eżaminati r-reżistenza jew it-tolleranza għall-mard, u l-adattament għall-kundizzjonijiet lokali varji tal-ħamrija u tal-klima.

3.

Fejn l-awtoritajiet kompetenti ma jkunux jistgħu jipprevedu eżami skont il-kundizzjonijiet organiċi, jew eżami ta’ ċerti karatteristiċi, inkluża s-suxxettibbiltà għall-mard, l-ittestjar jista’ jitwettaq skont wieħed mill-punti li ġejjin:

a.

taħt is-superviżjoni tal-awtorità kompetenti fil-bini ta’ nissiela organiċi jew fil-farms organiċi;

b.

f’kundizzjonijiet ta’ input baxx u bi trattamenti minimi;

c.

fi Stat Membru ieħor, jekk ikunu ġew konklużi ftehimiet bilaterali bejn l-Istati Membri biex jinkiseb l-ittestjar f’kundizzjonijiet organiċi.

Il-valur ta’ varjetà għall-kultivazzjoni jew l-użu għandha titqies bħala sodisfaċenti jekk, meta mqabbla ma’ varjetajiet organiċi oħra adattati għall-produzzjoni organika li huma aċċettati fil-katalgu tal-Istat Membru inkwistjoni, il-kwalitajiet tagħha, meta titqies fl-intier tagħha, joffru, għall-inqas rigward il-produzzjoni f’xi reġjun partikolari, titjib ċar jew għall-kultivazzjoni jew l-użu li jista’ jsir mill-għelejjel jew mill-prodotti li joriġinaw minnhom. Karatteristiċi superjuri għall-produzzjoni agrikola, fir-rigward tal-prattiki tal-biedja u l-produzzjoni tal-ikel jew tal-għalf li jippreżentaw vantaġġi għall-agrikoltura organika, għandhom jitqiesu bħala partikolarment siewja għall-eżami tal-VCU.

4.

L-awtorità kompetenti għandha tipprevedi kondizzjonijiet ta’ eżami differenti li jkunu adattati għall-ħtiġijiet speċifiċi tal-agrikoltura organika u għandha teżamina sal-limitu tal-kapaċità tagħha aspetti u karatteristiċi speċifiċi, fuq talba tal-applikant, jekk ikunu disponibbli metodi riproduċibbli.
”