European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2026/5780

30.10.2026

Notifika tal-bidu ta’ investigazzjoni ta’ salvagwardja dwar l-importazzjonijiet ta’ ċerti vetturi ibridi ġodda għat-trasport tal-persuni

(C/2026/5780)

L-informazzjoni disponibbli għall-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) żvelat żieda sinifikanti reċenti fl-importazzjonijiet ta’ ċerti vetturi ibridi ġodda għat-trasport tal-persuni. Jidher li dawn ix-xejriet fl-importazzjonijiet jitolbu miżuri ta’ salvagwardja. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibda ex-officio investigazzjoni ta’ salvagwardja, skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2015/478 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) u l-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2015/755 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2).

1.   PRODOTT TAĦT INVESTIGAZZJONI

Il-prodott soġġett għal din l-investigazzjoni huwa ċerti vetturi ibridi ġodda, prinċipalment iddisinjati għat-trasport ta’ disa’ persuni jew inqas, inkluż is-sewwieq, kemm b’magna bil-pistuni b’kombustjoni interna kif ukoll b’mutur elettriku [wieħed jew aktar], bħala muturi għall-propulsjoni, (irrispettivament mill-għadd ta’ roti mdawrin), kemm jekk kapaċi kif ukoll jekk le li jiġu ċċarġjati billi jiġu pplaggjati ma’ sors estern ta’ enerġija elettrika, li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM ex 8703 40 10 , ex 8703 50 00 , ex 8703 60 10 , u ex 8703 70 00 (il-kodiċijiet TARIC 8703 40 10 10, 8703 40 10 90, 8703 50 00 10, 8703 60 10 10, 8703 60 10 90, 8703 70 00 10).

Il-vetturi b’sors ta’ enerġija elettrika li jintuża biss għal funzjonijiet mhux ta’ propulsjoni, il-vetturi tal-kategorija L skont ir-Regolament (UE) Nru 168/2013, u l-muturi huma esklużi mill-investigazzjoni.

2.   ŻIEDA FL-IMPORTAZZJONIJIET U THEDDIDA TA’ DANNU

L-analiżi tal-informazzjoni disponibbli tindika li l-importazzjonijiet totali tal-prodott ikkonċernat żdiedu minn 957 965 biċċa fl-2023 għal 1 423 691 biċċa fil-perjodu mill-1 ta’ Lulju 2025 għat-30 ta’ Ġunju 2026. Fi kliem ieħor, l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat żdiedu b’49 % matul dak il-perjodu. Iż-żieda fl-importazzjonijiet tidher li hija r-riżultat ta’ żviluppi mhux previsti bħall-produzzjoni li qiegħda tikber b’mod rapidu fil-pajjiżi terzi, l-għeluq tas-swieq bħala riżultat ta’ miżuri restrittivi għall-kummerċ adottati minn għadd ta’ pajjiżi terzi f’dawn l-aħħar snin, li jagħmel lill-Unjoni destinazzjoni attraenti għall-esportazzjonijiet, u r-riskju li jirriżulta ta’ żieda ulterjuri fl-importazzjonijiet fis-suq tal-Unjoni.

Hemm ukoll biżżejjed evidenza li turi li l-volumi ta’ dawn l-importazzjonijiet qegħdin jheddu li jikkawżaw indeboliment kumplessiv sinifikanti tal-pożizzjoni tal-industrija tal-Unjoni, abbażi ta’ indikaturi ekonomiċi speċifikati fl-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2015/478 u fl-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2015/755. B’mod partikolari, din l-evidenza turi li l-importazzjonijiet tal-prodott kkonċernat kellhom, fost konsegwenzi oħrajn, impatt negattiv fuq is-sehem mis-suq tal-produtturi tal-Unjoni fl-aktar perjodu reċenti u fuq il-profittabbiltà. Barra minn hekk, l-importazzjonijiet qegħdin jidħlu fis-suq bi prezzijiet li huma, b’mod sinifikanti, aktar baxxi mill-prezzijiet tal-produtturi tal-Unjoni. Apparti minn hekk, ir-rata taż-żieda fl-importazzjonijiet bi prezz baxx qiegħda tiżdied b’pass mgħaġġel, u kulma jmur qiegħed ikun hemm aktar stokkijiet. Żieda f’daqqa kontinwa fl-importazzjonijiet bi prezz baxx x’aktarx li tikkaġuna dannu serju lill-produtturi tal-Unjoni fil-futur mill-aktar qarib.

3.   PROĊEDURA

Ladarba ddeterminat, wara li infurmat lill-Istati Membri, li hemm biżżejjed evidenza biex jiġi ġġustifikat il-bidu ta’ investigazzjoni, il-Kummissjoni qiegħda b’dan tibda ex-officio investigazzjoni skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2015/478 u l-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2015/755.

L-investigazzjoni se tiddetermina jekk, bħala riżultat ta’ żviluppi mhux previsti, il-prodott ikkonċernat huwiex qiegħed jiġi importat fl-Unjoni fi kwantitajiet tant akbar u/jew skont termini jew kundizzjonijiet tali li jikkawżaw, jew jheddu li jikkawżaw, dannu serju lill-produtturi tal-Unjoni.

3.1.   Proċedura biex jiġi stabbilit id-dannu u biex jiġu investigati l-produtturi tal-Unjoni

Determinazzjoni ta’ dannu serju jew theddida ta’ dannu serju għall-produtturi tal-Unjoni għandha tkopri b’mod partikolari l-fatturi elenkati fl-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2015/478 u l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2015/755.

Sabiex jiġi stabbilit jekk l-industrija tal-Unjoni ġarrbitx xi dannu jew hijiex taffaċċja theddida ta’ dannu serju, il-produtturi tal-Unjoni tal-prodott taħt investigazzjoni huma mitluba jieħdu sehem fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni.

Għall-fini ta’ din l-investigazzjoni, il-partijiet interessati jistgħu jitolbu li jibqgħu anonimi.

3.2.   Preżentazzjonijiet bil-miktub, tweġibiet tal-kwestjonarju u korrispondenza

Sabiex tikseb l-informazzjoni meħtieġa għall-investigazzjoni, il-Kummissjoni se tiġbor it-tweġibiet għall-kwestjonarju mingħand il-produtturi, l-assoċjazzjonijiet tal-produtturi, l-importaturi u n-negozjanti fl-Unjoni. Il-kwestjonarji se jiġu ppubblikati fil-jum tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika fuq is-sit web tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ u s-Sigurtà Ekonomika https://tron.trade.ec.europa.eu/investigations/ongoing. Il-kwestjonarji mimlija jridu jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien 21 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika.

Il-partijiet interessati kollha inklużi l-produtturi esportaturi, l-importaturi u n-negozjanti tal-prodott ikkonċernat, l-assoċjazzjonijiet tagħhom u r-rappreżentanzi tal-pajjiżi terzi huma mistiedna jesprimu l-fehmiet tagħhom bil-miktub, jissottomettu l-informazzjoni u jipprovdu evidenza ta’ sostenn. Il-preżentazzjonijiet bil-miktub f’format liberu għandhom jiġu ppreżentati fi żmien 21 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Il-partijiet interessati jistgħu jippreżentaw lilhom infushom billi jikkuntattjaw lill-Kummissjoni, preferibbilment permezz tal-posta elettronika, minnufih iżda mhux iktar tard minn 15-il jum wara l-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Kull preżentazzjoni ta’ fehmiet u informazzjoni wara dawn l-iskadenzi ta’ hawn fuq jistgħu jiġu injorati.

3.3.   Struzzjonijiet biex isiru preżentazzjonijiet bil-miktub, biex jintbagħtu l-kwestjonarji mimlija u l-korrispondenza

L-informazzjoni ppreżentata lill-Kummissjoni għall-fini tal-investigazzjonijiet għad-difiża tal-kummerċ għandha tkun ħielsa mid-drittijiet tal-awtur. Il-partijiet interessati, qabel ma jippreżentaw informazzjoni u/jew data lill-Kummissjoni li tkun soġġetta għad-drittijiet tal-awtur ta’ parti terza, iridu jitolbu permess speċifiku lid-detentur tad-drittijiet tal-awtur li jippermetti b’mod espliċitu a) li l-Kummissjoni tuża l-informazzjoni u d-data għall-fini ta’ dan il-proċediment ta’ difiża tal-kummerċ u b) li tipprovdi l-informazzjoni u/jew id-data lill-partijiet interessati f’din l-investigazzjoni f’għamla li tippermettilhom jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża tagħhom.

Il-partijiet interessati jistgħu jitolbu li l-identità tagħhom ma tiġix żvelata. L-anonimità tingħata abbażi ta’ raġuni tajba murija fit-talba.

Il-preżentazzjonijiet kollha bil-miktub, fosthom l-informazzjoni mitluba f’din in-Notifika, il-kwestjonarji mimlija u l-korrispondenza pprovduta mill-partijiet interessati li għalihom jintalab trattament kunfidenzjali għandhom jiġu mmarkati bħala “sensittivi” (3). Il-partijiet li jippreżentaw informazzjoni matul din l-investigazzjoni huma mistiedna jagħtu raġunijiet għat-talba tagħhom għal trattament kunfidenzjali.

Il-partijiet li jipprovdu informazzjoni mmarkata bħala “sensittiva” huma mitlubin jipprovdu sommarji mhux kunfidenzjali tagħha skont l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2015/478 u l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2015/755, filwaqt li jimmarkawha kif ġej: “Għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati”. Dawn is-sommarji għandhom ikunu ddettaljati biżżejjed biex jippermettu li s-sustanza tal-informazzjoni ppreżentata b’mod kunfidenzjali tkun tinftiehem b’mod raġonevoli u jridu jaslu għand il-Kummissjoni fl-istess ħin tal-verżjoni “sensittiva”.

Meta parti li tipprovdi informazzjoni kunfidenzjali tonqos milli tagħti raġunijiet ġusti għal talba ta’ trattament kunfidenzjali jew ma tfassalx sommarju mhux kunfidenzjali tagħha fil-format u bil-kwalità mitluba, il-Kummissjoni tista’ tinjora tali informazzjoni sakemm ma jkunx jista’ jintwera b’mod sodisfaċenti minn sorsi xierqa li l-informazzjoni hija korretta.

Il-partijiet interessati huma mistiedna jressqu l-preżentazzjonijiet u t-talbiet kollha permezz ta’ TRON.tdi (https://tron.trade.ec.europa.eu/tron/TDI) inklużi prokuri skenjati. Meta jużaw TRON.tdi jew il-posta elettronika, il-partijiet interessati jesprimu l-qbil tagħhom mar-regoli applikabbli għall-preżentazzjonijiet elettroniċi li jinsabu fid-dokument “KORRISPONDENZA MAL-KUMMISSJONI EWROPEA F’KAŻIJIET TA’ DIFIŻA TAL-KUMMERĊ” ippubblikat fuq is-sit web tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ: https://europa.eu/!7tHpY3. Il-partijiet interessati jridu jindikaw isimhom, l-indirizz, in-numru tat-telefown u indirizz tal-posta elettronika validu u għandhom jiżguraw li l-indirizz elettroniku pprovdut ikun indirizz elettroniku tan-negozju uffiċjali li jiffunzjona u li jiġi ċċekkjat kuljum. Ladarba jiġu pprovduti d-dettalji ta’ kuntatt, il-Kummissjoni tikkomunika mal-partijiet interessati permezz ta’ TRON.tdi jew tal-posta elettronika biss, dment li ma jitolbux li jirċievu d-dokumenti kollha mingħand il-Kummissjoni b’mezz ieħor ta’ komunikazzjoni jew sakemm in-natura tad-dokument li jrid jintbagħat ma tkunx teħtieġ l-użu tal-posta rreġistrata. Għal regoli u għal informazzjoni ulterjuri dwar il-korrispondenza mal-Kummissjoni, inklużi l-prinċipji li japplikaw għall-preżentazzjonijiet bi TRON.tdi, il-partijiet interessati għandhom jikkonsultaw l-istruzzjonijiet ta’ komunikazzjoni mal-partijiet interessati msemmija hawn fuq.

L-indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza:

European Commission

Directorate-General for Trade and Economic Security

Directorate G, Unit G5

Office: CHAR 05/152

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË

TRON. tdi: https://tron.trade.ec.europa.eu/tron/tdi

Indirizz tal-posta elettronika: TRADE-SAFEGUARD-HYBRIDS@ec.europa.eu

3.4.   Seduti ta’ Smigħ

Skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2015/478 u l-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2015/755, il-partijiet interessati kollha jistgħu jitolbu li jinstemgħu mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni. Kwalunkwe talba għal seduta ta’ smigħ trid issir bil-miktub u fi żmien 21 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

4.   SPEZZJONI TAL-INFORMAZZJONI

Il-partijiet interessati li jkunu esprimew il-fehmiet tagħhom jew ippreżentaw informazzjoni jew talbu li jinstemgħu f’konformità mal-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2015/478 u l-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2015/755, u rappreżentanti tal-pajjiżi esportaturi jistgħu, fuq talba bil-miktub, jispezzjonaw kull informazzjoni disponibbli għall-Kummissjoni b’rabta mal-investigazzjoni għajr dokumenti interni mħejjija mill-awtoritajiet tal-Unjoni jew tal-Istati Membri tagħha, dment li dik l-informazzjoni tkun rilevanti għall-preżentazzjoni tal-każ tagħhom u ma tkunx kunfidenzjali skont it-tifsira tal-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2015/478 jew l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2015/755, u li qed tintuża mill-Kummissjoni fl-investigazzjoni. Il-partijiet interessati li ppreżentaw ruħhom jistgħu jikkomunikaw fehmiethom dwar l-informazzjoni inkwistjoni lill-Kummissjoni u dawk il-fehmiet jistgħu jitqiesu meta jkunu sostnuti b’biżżejjed evidenza.

5.   ESTENSJONI GĦAL-LIMITI TA’ ŻMIEN SPEĊIFIKATI F’DIN IN-NOTIFIKA

Jenħtieġ li l-estensjonijiet għal-limiti ta’ żmien previsti f’din in-Notifika jintalbu biss f’ċirkustanzi eċċezzjonali u jingħataw biss jekk ikunu debitament iġġustifikati.

Fi kwalunkwe każ, kull estensjoni fl-iskadenza tar-risposta għall-kwestjonarji se tkun limitata għal 3 ijiem, u bħala regola ma taqbiżx 7 ijiem.

Rigward l-iskadenzi għall-preżentazzjoni ta’ informazzjoni oħra speċifikata fin-Notifika ta’ bidu, l-estensjonijiet se jkunu limitati għal 3 ijiem sakemm ma jintweriex li hemm ċirkostanzi eċċezzjonali.

6.   NUQQAS TA’ KOOPERAZZJONI

F’każijiet fejn xi parti interessata tirrifjuta l-aċċess għall-informazzjoni meħtieġa jew ma tipprovdihiex fit-termini preskritti stipulati, jew tfixkel b’mod sinifikanti l-investigazzjoni, jistgħu jiġu stabbiliti konklużjonijiet abbażi tal-fatti disponibbli, skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2015/478 u l-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2015/755. Meta jinstab li xi parti interessata tkun ipprovdiet informazzjoni falza jew qarrieqa, l-informazzjoni tista’ tiġi injorata u jistgħu jintużaw il-fatti disponibbli.

7.   UFFIĊJAL TAS-SEDUTA

L-Uffiċjal tas-Seduta jagħmilha ta’ medjatur bejn il-partijiet interessati u s-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni. L-Uffiċjal tas-Seduta jirrieżamina t-talbiet għall-aċċess għall-fajl, it-tilwim fir-rigward tal-kunfidenzjalità tad-dokumenti, it-talbiet għall-estensjoni tal-limiti ta’ żmien u kwalunkwe talba oħra dwar id-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati u tal-partijiet terzi li jistgħu jfeġġu matul il-proċediment.

Il-partijiet interessati jistgħu jitolbu intervent mill-Uffiċjal tas-Smigħ. Fil-prinċipju, dawn l-interventi għandhom ikunu limitati għall-kwistjonijiet li jkunu nqalgħu matul il-proċediment ta’ rieżami attwali.

Talba għal intervent tal-Uffiċjal tas-Smigħ għandha ssir bil-miktub u għandha tispeċifika r-raġunijiet għat-talba. Fil-prinċipju, il-perjodu ta’ żmien stabbilit fit-Taqsima 3.2 ta’ din in-Notifika għall-preżentazzjonijiet lill-Kummissjoni japplika mutatis mutandis għal talbiet għal intervent lill-Uffiċjal tas-Smigħ. Fejn talbiet bħal dawn jiġu ppreżentati barra l-perjodi ta’ żmien rilevanti, l-Uffiċjal tas-Smigħ jista’ jeżamina wkoll ir-raġunijiet għaliex dawn waslu tard, b’kunsiderazzjoni xierqa tal-interessi tal-amministrazzjoni tajba u t-tlestija fil-ħin tal-investigazzjoni.

Għal aktar informazzjoni u għad-dettalji ta’ kuntatt, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni web tal-Uffiċjal tas-Smigħ fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ: https://policy.trade.ec.europa.eu/contacts/hearing-officer-trade-proceedings_en?prefLang=mt.

8.   SKEDA TAL-INVESTIGAZZJONI

Jekk il-Kummissjoni tiddetermina li l-miżuri huma meħtieġa, il-Kummissjoni għandha tieħu d-deċiżjonijiet meħtieġa f’konformità mal-Kapitolu V tar-Regolamenti (UE) 2015/478 u (UE) 2015/755 rispettivament, mhux aktar tard minn 9 xhur mid-data tal-bidu, sakemm ma jkunux jeżistu ċirkostanzi ta’ eċċezzjoni, f’liema każ dak il-limitu ta’ żmien jista’ jiġi mtawwal b’perjodu massimu ta’ xahrejn. Jekk il-limitu ta’ żmien jiġi estiż, il-Kummissjoni tippubblika Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea li fiha tistipula d-durata tal-estensjoni u sommarju tar-raġunijiet.

Jekk iċ-ċirkostanzi kritiċi jkunu jesiġu li jsir hekk, il-Kummissjoni tista’ timponi miżuri proviżorji meta determinazzjoni preliminari tipprovdi evidenza ċara li żieda fl-importazzjonijiet ikkawżat jew qiegħda tkun ta’ theddida li tikkawża dannu serju. Id-durata ta’ dawn il-miżuri ma għandhiex taqbeż il-200 jum.

9.   IPPROĊESSAR TA’ DATA PERSONALI

Kwalunkwe data personali li tinġabar f’din l-investigazzjoni se tiġi trattata f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4).

Notifika dwar il-protezzjoni tad-data li tinforma lill-individwi kollha dwar l-ipproċessar tad-data personali fil-qafas tal-attivitajiet tad-difiża tal-kummerċ tal-Kummissjoni huwa disponibbli fis-sit web tad-DĠ Kummerċ: https://europa.eu/!vr4g9W.


(1)  Ir-Regolament (UE) 2015/478 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2015 dwar ir-regoli komuni għall-importazzjonijiet (ĠU L 83, 27.3.2015, p. 16).

(2)  Ir-Regolament (UE) 2015/755 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2015 dwar regoli komuni għall-importazzjonijiet minn ċerti pajjiżi terzi (ĠU L 123, 19.5.2015, p. 33).

(3)  Dokument “sensittiv” huwa dokument li jitqies kunfidenzjali skont l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2015/478, l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2015/755 u l-Artikolu 3.2 tal-Ftehim tad-WTO dwar is-Salvagwardji. Huwa wkoll dokument protett skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/5780/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)