|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Serje L |
|
2023/2870 |
21.12.2023 |
DEĊIŻJONI (UE) 2023/2870 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW
tas-7 ta’ Diċembru 2023
li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2019/166 dwar il-Bord tal-Infrastruttura tas-Suq (BĊE/2019/3) (BĊE/2023/37)
IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b’mod partikolari l-Artikolu 12.3 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-Linja Gwida BĊE/2012/13 tat-18 ta’ Lulju 2012 dwar it-TARGET2-Securities (1),
Billi:
|
(1) |
Fid-dawl tal-esperjenza miksuba sa mill-bidu tal-Bord tal-Infrastruttura tas-Suq (MIB), huwa meħtieġ li jiġu introdotti xi emendi għar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu. Dawn l-emendi għandhom l-għan b’mod partikolari li jsibu bilanċ bejn l-iżgurar tar-rappreżentattività fl-MIB tal-komunità tal-utenti ġenerali tas-servizzi TARGET u l-preservazzjoni ta’ ċertu grad ta’ kontinwità. |
|
(2) |
Hija meħtieġa wkoll emenda sabiex tiġi implimentata r-rakkomandazzjoni magħmula mill-eżaminatur estern tat-T2S biex jiġu introdotti punti fissi tal-aġenda għal-laqgħat tal-MIB. |
|
(3) |
Huma meħtieġa aktar emendi, fost l-oħrajn, biex jirriflettu l-prattika ta’ ħidma attwali tal-MIB, inkluż l-għoti ta’ rwol usa’ lill-Viċi President, l-adattament tal-kapaċità ta’ ħidma mistennija tal-membri tal-MIB għal kwistjonijiet tal-MIB, u l-introduzzjoni ta’ referenza għall-Manwal dwar il-Governanza miżmum mill-MIB. |
|
(4) |
Għaldaqstant, id-Deċiżjoni (UE) 2019/166 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2019/3) (2) għandha tiġi emendata kif meħtieġ, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Emendi
L-Annessi I, II u IV tad-Deċiżjoni (UE) 2019/166 (BĊE/2019/3) huma emendati b’mod konformi mal-Anness għal din il-Linja Gwida.
Artikolu 2
Dħul fis-seħħ
Din id-Deċizjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Frankfurt am Main, is-7 ta’ Diċembru 2023.
Il-President tal-BĊE
Christine LAGARDE
(1) ĠU L 215, 11.8.2012, p. 19.
(2) Id-Deċiżjoni (UE) 2019/166 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-25 ta’ Jannar 2019 dwar il-Bord tal-Infrastruttura tas-Suq u li tħassar id-Deċiżjoni BĊE/2012/6 dwar it-twaqqif tal-Bord għall-Programm TARGET2-Securities (BĊE/2019/3) (ĠU L 32, 4.2.2019, p. 14).
ANNESS
L-Annessi I, II u IV tad-Deċiżjoni (UE) 2019/166 (BĊE/2019/3) huma emendati kif ġej:
|
1) |
L-Anness I huwa ssostitwit b’dan li ġej: “ANNESS I BORD TAL-INFRASTRUTTURA TAS-SUQ MANDAT INTRODUZZJONI L-Eurosistema toffri infrastrutturi, pjattaformi, applikazzjonijiet tas-suq u servizzi relatati fl-oqsma tas-saldu ta’ flus kontanti, tas-saldu tat-titoli u tal-ġestjoni tal-kollateral, li jinkludu servizzi TARGET li jinkludu servizzi T2, T2S u TIPS kif ukoll, fil-futur, l-ECMS (“servizzi tal-infrastruttura tal-Eurosistema”). Il-Bord tal-Infrastruttura tas-Suq (MIB) huwa l-korp ta’ governanza li jappoġġa lill-Kunsill Governattiv (il-“Kunsill Governattiv”) tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) sabiex jiġi żgurat li s-servizzi tal-infrastruttura tal-Eurosistema jinżammu u jiġu żviluppati ulterjorment, u li l-proġetti li jirrigwardaw is-servizzi tal-infrastruttura tal-Eurosistema (“proġetti ta’ infrastruttura tal-Eurosistema” jew “proġetti”) jiġu ġestiti, f’konformità mal-għanijiet tat-Trattat tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali (SEBĊ), mal-bżonnijiet tan-negozju, l-avvanzi teknoloġiċi, il-qafas legali applikabbli għal servizzi u proġetti tal-infrastruttura tal-Eurosistema, kif ukoll ir-rekwiżiti regolatorji u superviżorji, wara li jitqiesu għalkollox il-mandati tal-Kumitati SEBĊ stabbiliti taħt l-Artikolu 9 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew (1). Il-MIB jirrapporta lill-korpi tal-BĊE li jieħdu d-deċiżjonijiet. Din id-Deċiżjoni ma tistabbilixxi ebda preżunzjoni fis-sens li kull proġett ġdid ta’ infrastrutturi tas-suq li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-definizzjoni li tinsab f’din id-Deċiżjoni ta’ proġett ta’ infrastruttura tal-Eurosistema għandu jiġi fdat awtomatikament lill-MIB. Huma biss dawk il-proġetti fdati espliċitament mill-Kunsill Governattiv lill-MIB li għandhom jiġu ġestiti mill-MIB. 1. Ir-rwol tal-Bord tal-Infrastruttura tas-Suq Il-Kunsill Governattiv b’dan jinkariga lill-MIB bit-twettiq tal-kompiti ddefiniti f’dan il-mandat. Mingħajr preġudizzju għas-setgħa aħħarija tiegħu li jieħu d-deċiżjonijiet, il-Kunsill Governattiv inkariga lill-MIB bit-twettiq ta’ kompiti definiti b’mod ċar, relatati kemm mat-tħaddim tas-servizzi ta’ infrastruttura tal-Eurosistema, kif ukoll ma’ proġetti ta’ infrastruttura tal-Eurosistema. Il-Kunsill Governattiv, mingħajr preġudizzju għall-kompetenza tal-BĊNi taħt l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, jista’ jassenja kompiti oħrajn definiti b’mod ċar lill-MIB, minbarra dawk stabbiliti fil-paragrafu 2, li normalment ikunu fil-kompetenza tal-Kunsill Governattiv. Fid-dawl tal-kompetenza aħħarija tal-Kunsill Governattiv fi kwistjonijiet ta’ infrastrutturi tal-Eurosistema, kull wieħed mill-kompiti fdati lill-MIB jista’ xorta jittieħed u jitwettaq mill-Kunsill Governattiv. Fid-dawl tal-kompetenza aħħarija tal-Kunsill Governattiv fir-rigward ta’ kwistjonijiet ta’ infrastruttura tal-Eurosistema, kwalunkwe kompitu fdat lill-MIB xorta jista’ jittieħed u jitwettaq mill-Kunsill Governattiv. 2. Responsabbiltajiet u kompiti tal-Bord tal-Infrastruttura tas-Suq 2.1. Tħejjija ta’ proposti għal deċiżjoni mill-Kunsill Governattiv dwar servizzi u proġetti ta’ infrastruttura tal-Eurosistema Mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà tal-Bord Eżekuttiv għat-tħejjija tal-laqgħat tal-Kunsill Governattiv u għan-negozju attwali tal-BĊE, il-MIB iħejji proposti għall-Kunsill Governattiv biex jiddeċiedi fil-kwistjonijiet li ġejjin, sa fejn il-Kunsill Governattiv ikun inkariga lill-MIB bi proġett/infrastruttura speċifiċi, u b’kunsiderazzjoni sħiħa tal-mandati tal-kumitati tas-SEBĊ stabbiliti skont l-Artikolu 9 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew:
2.2. Attivitajiet ta’ ġestjoni fir-rigward ta’ servizzi u proġetti ta’ infrastruttura tal-Eurosistema 2.2.1. Il-MIB iwettaq il-ġestjoni ġenerali tas-servizzi u l-proġetti ta’ infrastruttura tal-Eurosistema, sa fejn il-Kunsill Governattiv ikun inkariga lill-MIB bi proġett speċifiku/infrastruttura speċifika, u wara li jitqiesu għal kollox tal-mandati tal-Kumitati SEBĊ stabbiliti taħt l-Artikolu 9 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew. F’dan il-kuntest, il-MIB
2.2.2. Il-MIB japprova u/jew iniedi:
2.2.3. Il-MIB:
2.2.4. Il-MIB:
|
|
2) |
L-Anness II huwa ssostitwit b’dan li ġej: “ANNESS II BORD TAL-INFRASTRUTTURA TAS-SUQ REGOLI TA’ PROĊEDURA KAPITOLU 1 Ħatra u Sħubija INTRODUZZJONI L-Eurosistema toffri infrastrutturi, pjattaformi, applikazzjonijiet tas-suq u servizzi relatati fl-oqsma tas-saldu ta’ flus kontanti, tas-saldu tat-titoli u tal-ġestjoni tal-kollateral, li jinkludu servizzi TARGET li jinkludu servizzi T2, T2S u TIPS kif ukoll, fil-futur, l-ECMS (is-“servizzi tal-infrastruttura tal-Eurosistema”). Il-Bord tal-Infrastruttura tas-Suq (MIB) huwa l-korp ta’ governanza li jappoġġa lill-Kunsill Governattiv (il-“Kunsill Governattiv”) tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) sabiex jiġi żgurat li s-servizzi tal-infrastruttura tal-Eurosistema jinżammu u jiġu żviluppati ulterjorment, u li l-proġetti li jirrigwardaw is-servizzi tal-infrastruttura tal-Eurosistema eżistenti jew ġodda (“proġetti ta’ infrastruttura tal-Eurosistema” jew “proġetti”) jiġu ġestiti, f’konformità mal-għanijiet tat-Trattat tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali (SEBĊ), mal-bżonnijiet tan-negozju, l-avvanzi teknoloġiċi, il-qafas legali applikabbli għal servizzi u proġetti tal-infrastruttura tal-Eurosistema, kif ukoll ir-rekwiżiti regolatorji u superviżorji, wara li jitqiesu għalkollox il-mandati tal-Kumitati SEBĊ stabbiliti taħt l-Artikolu 9 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew. il-MIB jirrapporta lill-korpi tal-BĊE li jieħdu d-deċiżjonijiet. Din id-Deċiżjoni ma tistabbilixxi ebda preżunzjoni fis-sens li kull proġett ġdid ta’ infrastrutturi tas-suq li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-definizzjoni li tinsab f’din id-Deċiżjoni ta’ proġett ta’ infrastruttura tal-Eurosistema għandu jiġi fdat awtomatikament lill-MIB. Huma biss dawk il-proġetti fdati espliċitament mill-Kunsill Governattiv lill-MIB li għandhom jiġu ġestiti mill-MIB. 1. Għażla u ħatra Il-membri tal-MIB jinħatru mill-Kunsill Governattiv fuq il-bażi ta’ proposta mill-Bord Eżekuttiv tal-BĊE (il-“Bord Eżekuttiv”). L-applikazzjonijiet jiġu ppreżentati lill-Bord Eżekuttiv mill-Gvernatur jew il-President, skont kif japplika, tal-bank ċentrali nazzjonali (BĊN). Fil-proposta tiegħu lill-Kunsill Governattiv, il-Bord Eżekuttiv għandu jagħti preferenza lil kandidati li jirrapportaw direttament lill-ogħla korp ta’ governanza fil-bank ċentrali tiegħu. Il-Bord Eżekuttiv għandu jiżgura fil-proposta tiegħu li l-prinċipji stabbiliti fit-Taqsima 2 ta’ dan l-Anness II jiġu osservati. L-applikazzjonijiet għall-membri ta’ banek mhux ċentrali tal-MIB għandhom jinġabru mill-Bord Eżekuttiv skont il-proċedura għall-għażla ta’ tali membri skont l-Anness IV għal din id-Deċiżjoni. 2. Sħubija u terminu tal-kariga — Parteċipazzjoni ta’ osservaturi Ladarba jinħatru, il-membri tal-MIB għandhom jaġixxu b’mod indipendenti u fl-aħjar interess tal-Eurosistema. Huma m’għandhomx ikunu soġġetti għal struzzjonijiet minn xi korp pubbliku jew privat. Il-membri tal-MIB għandhom jirrapportaw flimkien u esklussivament lill-korpi tal-BĊE li jieħdu d-deċiżjonijiet meta jaġixxu fil-kapaċità tagħhom ta’ membri tal-MIB. Il-membri tal-banek ċentrali tal-MIB jistgħu jitolbu, fejn xieraq, fuq inizjattiva proprja u fid-diskrezzjoni tagħhom stess, l-opinjoni ta’ membri oħrajn tal-persunal tal-bank ċentrali tagħhom, iżda la għandhom jitolbu u lanqas jieħdu struzzjonijiet mill-bank ċentrali tagħhom, jew jintrabtu li jieħdu pożizzjoni speċifika waqt id-deliberazzjonijiet u l-votazzjoni tal-MIB. Il-MIB għandu President li huwa maniġer anzjan fil-BĊE. Il-MIB huwa magħmul mill-President u 13-il membru ieħor, kif ġej:
Il-President huwa appoġġat minn Deputat President mill-membri tal-MIB li jinħatar mill-Kunsill Governattiv. Il-Viċi President jappoġġa lill-President u jippresiedi l-laqgħat tal-MIB, fl-assenza temporanja tal-President, f’konformità mal-aġenda predeterminata għal-laqgħa tal-MIB inkwistjoni. It-terminu tal-kariga tal-membri tal-MIB u tal-MIB idum għal 36 xahar u jista’ jiġġedded. Il-Kunsill Governattiv jista’ jiddeċiedi dwar terminu tal-kariga iqsar tal-membri tal-MIB, inkluż meta l-membri jirriżenjaw jew jirtiraw qabel l-iskadenza tat-terminu tal-kariga tagħhom u l-membri l-ġodda jeħtieġ li jinħatru għall-perijodu li jifdal tal-mandat tal-MIB li jkun għaddej biex jissostitwixxu l-membri li qed jirriżenjaw jew jirtiraw. Mingħajr preġudizzju għal-limitu impost skont il-paragrafu (a) hawn fuq, u li jibda mill-iskadenza tal-mandat tal-MIB attwali u t-terminu tal-kariga tal-membri tiegħu, hija mixtieqa rotazzjoni tal-membri tal-MIB. Ir-rotazzjoni tal-membri għandu jkollha l-għan li ssib bilanċ bejn ir-rappreżentattività tal-komunità ġenerali tal-utenti tas-servizzi TARGET u l-preservazzjoni ta’ ċertu grad ta’ kontinwità. Il-kapaċità u l-impenn tal-kandidati li jiddedikaw biżżejjed ħin għal kwistjonijiet tal-MIB huma kruċjali fl-għażla tal-membri tal-MIB. Għandu jinżamm bilanċ xieraq bejn il-membri b’esperjenza fil-ġestjoni ta’ proġetti, esperjenza fin-negozju tal-infrastruttura tas-suq tal-Eurosistema u b’esperjenza fl-IT. Il-President għandu jistieden lil osservaturi mingħajr vot minn kumitati rilevanti tas-SEBĊ sabiex jiddiskutu servizzi jew proġetti ta’ infrastruttura tal-Eurosistema fil-qasam ta’ kompetenza tagħhom. Il-President għandu jistieden ukoll membru wieħed għal kull BĊN li jipprovdi servizzi ta’ infrastruttura tas-suq lill-Eurosistema, meta punti rilevanti għal dawn is-servizzi jkunu parti mill-aġenda ta’ laqgħa tal-MIB. Il-membri tal-MIB huma mistennija li jiddedikaw mill-inqas 25 % tal-kapaċità ta’ ħidma tagħhom għall-kwistjonijiet tal-MIB. Il-membri tal-MIB m’għandhomx ikunu involuti direttament fis-sorveljanza tas-servizzi ta’ infrastruttura tal-Eurosistema jew ta’ entitajiet parteċipanti f’dawn ta’ hawn fuq (eż. depożitarji ċentrali tat-titoli li jesternalizzaw l-operazzjonijiet ta’ saldu lit-T2S), sa fejn tali involviment jista’ joħloq kunflitti reali jew potenzjali mal-funzjonijiet tagħhom bħala membri tal-MIB. Għandhom jiġu stabbiliti miżuri xierqa sabiex jiġu identifikati u evitati tali kunflitti. Il-membri m’għandhomx ikunu parti mill-Kumitat tal-Awdituri Interni (IAC) tal-Eurosistema, u lanqas m’għandhom ikunu involuti f’attivitajiet ta’ Livell 3 fuq bażi ta’ kuljum. KAPITOLU 2 Proċeduri ta’ ħidma 1. Teħid ta’ deċizjonijiet Skont il-prinċipji ta’ governanza tajba, il-membri għandhom jagħmlu mill-aħjar biex jipparteċipaw fil-laqgħat tal-MIB. Il-parteċipazzjoni hija strettament fuq bażi personali; il-membri ma jistgħux jiġu sostitwiti. Biex il-MIB ikun jista’ jiddelibera b’mod validu, għandu jkun hemm kworum ta’ seba’ membri bi dritt tal-vot. Jekk il-kworum ma jintlaħaqx, il-President jista’ jsejjaħ laqgħa straordinarja li fiha d-deċiżjonijiet jistgħu jittieħdu mingħajr l-osservanza tal-kworum. Sa fejn huwa possibbli, id-deċiżjonijiet tal-MIB għandhom jittieħdu permezz ta’ konsensus. Fin-nuqqas ta’ dan, u fuq talba tal-President, il-MIB jista’ jiddeċiedi permezz ta’ votazzjoni b’maġġoranza sempliċi. F’każ ta’ numru ugwali ta’ voti, il-President għandu vot deċisiv. Il-MIB jipproċedi għal vot fuq talba tal-President. Il-President għandu jniedi wkoll proċedura ta’ votazzjoni fuq talba ta’ mill-inqas tliet membri tal-MIB bid-dritt tal-vot. Membru għandu jastjeni milli jivvota jekk ikollu kunflitt ta’ interess, fit-tifsira tal-Kodiċi ta’ Kondotta. Membri assenti b’vot jistgħu jiddelegaw id-dritt tal-vot tagħhom fir-rigward ta’ proċedura ta’ votazzjoni speċifika lil membru ieħor bi dritt tal-vot iżda l-ebda membru bi dritt tal-vot ma jista’ jeżerċita aktar minn żewġ voti fuq kwalunkwe kwistjoni partikolari. Id-deċiżjonijiet jistgħu jittieħdu wkoll permezz ta’ proċedura bil-miktub, sakemm ma joġġezzjonawx tliet membri jew aktar bid-dritt tal-vot. Proċedura bil-miktub għandha teħtieġ avviż ta’ mhux inqas minn jumejn ta’ xogħol, ħlief f’ċirkostanzi eċċezzjonali, identifikati bħala tali mill-President. Il-membri li mhumiex banek ċentrali jinħatru f’kapaċità personali. M’għandhomx dritt tal-vot u ma jistgħux jiddelegaw ir-responsabbiltajiet tagħhom lil membru ieħor jew parti terza. 2. Tmexxija tal-laqgħat tal-MIB Il-MIB jiddeċiedi dwar id-dati tal-laqgħat tiegħu fuq proposta tal-President. il-MIB għandu jiltaqa’ regolarment abbażi ta’ skeda li huwa jħejji fi żmien biżżejjed qabel il-bidu ta’ kull sena. Il-laqgħat regolari tal-MIB għandhom punti fissi tal-aġenda, jiġifieri l-approvazzjoni tal-aġenda, ir-reviżjoni tal-lista ta’ azzjoni, il-ġestjoni tar-riskju tal-operat tas-servizzi tat-TARGET, l-aġġornament tal-istatus tal-proġetti, u r-riskji u l-kwistjonijiet għall-proġetti u s-servizzi. Il-President jista’ jżid punti addizzjonali fuq l-aġenda. Il-President jista’ jsejjaħ laqgħat straordinarji tal-MIB kull meta jidhirlu li jkun meħtieġ. Il-President għandu jsejjaħ laqgħa straordinarja jekk talba għal laqgħa bħal din tiġi ppreżentata minn tal-anqas tliet membri. Il-MIB għandu jżomm il-laqgħat tiegħu fil-bini tal-BĊE jew permezz ta’ telekonferenza. Il-MIB jadotta aġenda għal kull laqgħa. L-attendenza fil-laqgħat tal-MIB hija ristretta għall-membri tal-MIB u għal persuni oħrajn mistednin mill-President. 3. Ir-rapportar lill-korpi tal-BĊE li jieħdu d-deċiżjonijiet Il-MIB jirrapporta fuq bażi regolari lill-korpi tal-BĊE li jieħdu d-deċiżjonijiet. F’dan ir-rigward, huwa jħejji r-rapporti għall-korpi tal-BĊE li jieħdu d-deċiżjonijiet kif meħtieġ. 4. Fluss intern ta’ informazzjoni u trasparenza Membri tal-MIB li mhumiex minn bank ċentrali għandhom jirċievu, taħt kundizzjonijiet ta’ kunfidenzjalità, id-dokumentazzjoni kollha dwar servizzi u proġetti ta’ infrastruttura tal-Eurosistema ppreżentata lill-Kunsill Governattiv. BĊNi tal-Eurosistema li mhumiex irrappreżentati fl-MIB għandu jkollhom aċċess awtomatiku għad-dokumentazzjoni kollha tal-MIB, inklużi l-aġendi u l-minuti tal-MIB, fl-istess ħin tal-membri tal-MIB u jistgħu jipprovdu kummenti bil-miktub qabel il-laqgħat tal-MIB biex l-opinjonijiet tagħhom ikunu jistgħu jiġu debitament ikkunsidrati mill-MIB. Huma jistgħu wkoll jagħmlu talba lil-President biex jipparteċipaw fl-MIB jekk ikollhom interess partikolari f’suġġett. Il-President ikun responsabbli biex jinforma lil tali BĊNi tal-Eurosistema jekk jitqies li jista’ jkollhom xi interess partikolari u jista’ jressaq kwalunkwe punt imqajjem minn tali BĊN tal-Eurosistema quddiem il-MIB. Sabiex jiġi żgurat li l-Kumitat għall-Infrastruttura tas-Suq u l-Pagamenti (Market Infrastructure and Payments Committee — MIPC) tal-Eurosistema jinżamm aġġornat dwar ix-xogħol tal-MIB, se jkun hemm punt ta’ rapportar regolari dwar suġġetti tal-MIB fuq kull aġenda tal-MIPC. Jekk jitqies xieraq, jistgħu jsiru laqgħat konġunti tal-MIPC u tal-MIB. L-interazzjoni bejn il-MIB u Kumitati oħrajn tas-SEBĊ għandha ssir permezz ta’ konsultazzjonijiet bil-miktub. L-attivitajiet tal-MIB huma soġġetti għar-rieżami tal-IAC. 5. Fluss estern ta’ informazzjoni, trasparenza u rappreżentanza Il-President regolarment jinforma lill-partijiet interessati rilevanti dwar il-kwistjonijiet pertinenti kollha li jirrigwardaw servizzi u proġetti ta’ infrastruttura tal-Eurosistema li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-MIB. Il-President jiżgura t-trasparenza permezz tad-disponibbiltà f’waqtha u konsistenti ta’ dokumentazzjoni teknika rilevanti relatata mas-servizzi u proġetti ta’ infrastruttura tal-Eurosistema fit-taqsima dedikata lill-MIB tas-sit web tal-BĊE. Il-membri għandhom jinformaw lill-President bil-quddiem qabel ma jassumu kwalunkwe attività/komunikazzjoni esterna rilevanti u sostanzjali fir-rigward tar-responsabbiltajiet u l-kompiti tal-MIB, bħalma huma li jitkellmu fuq servizzi u proġetti ta’ infrastruttura tal-Eurosistema li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-MIB f’konferenzi jew laqgħat ma’ partijiet interessati rilevanti, u għandhom jipprovdu lill-MIB b’sommarju bil-miktub fi żmien ħamest ijiem ta’ xogħol wara l-avveniment. Kwalunkwe attività/komunikazzjoni esterna sostanzjali għandha tkun fl-interess tal-Eurosistema u għandha tkun konsistenti ma’ kwalunkwe deċiżjoni ta’ politika tal-Kunsill Governattiv. 6. Għajnuna Il-MIB għandu jirċievi appoġġ organizzattiv mill-BĊE, fost l-oħrajn, għat-tħejjija tal-laqgħat tal-MIB, inkluża d-dokumentazzjoni tal-laqgħat. Bħala regola, il-BĊE jibgħat dokumenti għad-diskussjoni lill-membri ħamest ijiem tax-xogħol qabel laqgħa. Madankollu, dokumenti qosra jistgħu jintbagħtu jum tax-xogħol bil-quddiem. Dokumenti mibgħuta anqas minn jumejn tax-xogħol qabel huma meqjusa “table documents” li ma jistgħux iwasslu għal deċiżjoni tal-MIB, sakemm il-membri kollha ma jaqblux mod ieħor. Wara kull laqgħa tal-MIB, il-BĊE iħejji abbozz tal-eżitu li jirreġistra t-temi li kienu kkunsidrati u r-riżultati tad-diskussjoni, kif ukoll is-segwitu miftiehem. L-abbozz tal-eżitu jinkludi pożizzjonijiet espressi matul il-laqgħa minn membri individwali meta mitluba. L-abbozz tal-eżitu jiġi ċċirkolat lill-membri fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol mil-laqgħa. Barra minn hekk, wara kull laqgħa tal-MIB, il-BĊE jħejji lista ta’ azzjonijiet li jkun fiha l-kompiti u l-iskadenzi li ġew allokati u maqbula matul dik il-laqgħa. L-abbozz tal-eżitu u l-lista ta’ azzjonijiet jiġu ppreżentati għall-approvazzjoni tal-MIB fil-laqgħa ta’ wara (jew qabel, jekk meħtieġ, permezz ta’ proċedura bil-miktub) u jiġu ffirmati mil-President. Il-MIB għandu jaħtar, u jirċievi input mingħand, Kontrollur, li jista’ jkun wieħed mill-membri tiegħu. Il-MIB jista’ joħloq sottostrutturi u jiddelegalhom kompiti speċifiċi, bi qbil mal-BĊE. Sottostruttura tista’ tiġi stabbilita b’mod differenti mill-kompożizzjoni tal-MIB, u tkun miftuħa għall-parteċipazzjoni għall-BĊNi kollha tal-Eurosistema u, fejn rilevanti, għall-BĊNi mhux taż-żona tal-euro. 7. Manwal ta’ Governanza Il-MIB iżomm manwal ta’ governanza li jinkludi, fost l-oħrajn, regoli u proċeduri addizzjonali, aspettattivi f’termini ta’ trasparenza u kontroll, il-mandat organizzazzjonali tiegħu, linji ta’ rapportar, u rekwiżiti għar-rappreżentanza ta’ gruppi. 8. Reviżjoni tal-mandat Il-mandat tal-MIB jista’ jiġi rrivedut kull ħames snin fid-dawl tal-esperjenza miksuba.”; |
|
3) |
l-Anness IV huwa emendat kif gej: il-paragrafu 3 huwa ssostitwit b’dan li ġej:
|
(1) Id-Deċiżjoni BĊE/2004/2 tal-Bank Ċentrali Ewropew tad-19 ta’ Frar 2004 li tadotta r-Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew (ĠU L 80, 18.3.2004, p. 33).
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/2870/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)