KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKATA ĠENERALI
ĆAPETA
ippreżentati fit‑30 ta’ Jannar 2025 ( 1 )
Kawżi magħquda C‑555/23 u C‑556/23
Makeleio EPE (C‑555/23)
Zougla G.R. AE (C‑556/23)
vs
Ethniko Symvoulio Radiotileorasis (ESR)
(Talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mis‑Symvoulio tis Epikrateias (il-Kunsill tal-Istat, il-Greċja))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Direttiva 2010/13 — Dispożizzjoni ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva (‘AVMS’) — Portal tal-internet dwar l-aħbarijiet li jxandar ukoll AVMS — Rispett tad-dinjità tal-bniedem — Projbizzjoni ta’ xandir ta’ programmi ta’ kontenut ta’ kwalità degradanti — Prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi — Limiti — Prinċipju ta’ legalità”
I. Introduzzjoni
|
1. |
Żewġ portali tal-internet dwar l-aħbarijiet Griegi ġew immultati mill-awtorità nazzjonali kompetenti ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva (iktar ’il quddiem “AVMS”) għal xandir li jikser id-dinjità tal-bniedem. |
|
2. |
Quddiem is-Symvoulio tis Epikrateias (il-Kunsill tal-Istat, il-Greċja), li hija l-qorti tar-rinviju f’dawn il-kawżi, dawn il-portali kkontestaw il-multi li ġew imposti fuqhom, billi jsostnu li l-leġiżlazzjoni rilevanti li tipprojbixxi tali xandir ma kinitx intiża għall-portali tal-internet dwar l-aħbarijiet li jxandru wkoll AVMS. |
|
3. |
Fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri nazzjonali tqajmu diversi mistoqsijiet ta’ interpretazzjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media awdjoviżiva ( 2 ) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva AVMS”) u tal-limiti tal-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi. |
II. Il-fatti fil-kawżi prinċipali, id-domandi preliminari magħmula u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
|
4. |
Makeleio u Zougla (iktar ’il quddiem ir-“rikorrenti fil-kawżi prinċipali”) huma portali tal-internet dwar l-aħbarijiet Griegi, li joffru wkoll programmi awdjoviżivi fuq is-siti internet tagħhom. Ma humiex fornituri ta’ AVMS tradizzjonali; fi kliem ieħor, ma humiex paragunabbli ma’ stazzjonijiet tat-televiżjoni, li jxandru fuq frekwenzi allokati jew fuq l-internet, jew fuq it-tnejn li huma. Madankollu, dawn il-portali tal-internet dwar l-aħbarijiet joffru xi drabi lill-pubbliku programmi li huma suġġetti għad-Direttiva AVMS. Jiena ser nirreferi għal tali fornituri bħala portali tal-internet dwar l-aħbarijiet li jxandru wkoll AVMS. |
|
5. |
Fid‑29 ta’ Ġunju 2021, Makeleio xandar programm li fih il-ġurnalist, waqt li kien qiegħed jippreżenta l-aħbar taż-żjara tar-rappreżentanti tal-komunità LGBT+ lill-uffiċċju tal-Prim Ministru Grieg, uża lingwaġġ derogatorju, offensiv u abbużiv dwar persuni omosesswali, għamel kummenti ironiċi dwar l-orjentazzjoni sesswali tagħhom u inkoraġġixxa indirettament attakki verbali u fiżiċi fuqhom. Finalment, dan il-ġurnalist għamel riferimenti ċari b’mod ripetut għall-orjentazzjoni sesswali ta’ figuri politiċi imsemmija (iktar ’il quddiem l-“ewwel programm inkwistjoni”). |
|
6. |
Fit‑22 ta’ Frar 2022, Zougla ttrażmetta permezz tas-sit internet tiegħu l-programm ta’ stazzjon tar-radju li jixxandar ukoll fuq l-internet. Waqt din ix-xandira, fuq il-pretest ta’ proċeduri kriminali pendenti kontra terzi għal pedofelija, il-preżentatur attakka personalment, mingħajr ġustifikazzjoni, ċerti figuri politiċi, billi uża isimhom u kunjomhom u billi għamel sensiela ta’ kummenti malizzjużi u offensivi li kienu jikkonċernaw l-allegata tendenza tagħhom li jipproteġu lill-pedofeli, pederasti u l-aġenzija tagħhom billi jippromwovu lil nies għal pożizzjonijiet ta’ responsabbiltà sabiex ifittxu l-preferenzi sesswali tagħhom (iktar ’il quddiem it-“tieni programm inkwistjoni”). |
|
7. |
Iż-żewġ programmi inkwistjoni kienu indikati lill-Ethniko Symvoulio Radiotileorasis (il-Kunsill tax-Xandir Nazzjonali, il-Greċja, iktar ’il quddiem l-“ESR”), l-awtorità amministrattiva indipendenti Griega li tissorvelja u tirregola s-suq tal-AVMS ( 3 ). |
|
8. |
L-ESR ikkunsidrat li għandha ġurisdizzjoni fuq iż-żewġ programmi li kienu saru disponibbli għall-pubbliku, għaliex hija qieset kemm lil Makeleio kif ukoll lil Zougla bħala fornituri tal-AVMS fis-sens tad-Direttiva AVMS u l-Liġi 4779/2021 ( 4 ), li ttrasponiet din id-direttiva fil-leġiżlazzjoni nazzjonali. |
|
9. |
Għax-xandir tal-ewwel programm inkwistjoni ( 5 ), l-ESR imponiet żewġ sanzjonijiet amministrattivi fuq Makeleio. L-ewwel sanzjoni, fl-ammont ta’ EUR 30000, kienet imposta għall-ksur tal-projbizzjoni skont l-Artikolu 8 tal-Liġi 4779/2021 ta’ istigazzjoni għall-vjolenza jew għall-mibegħda kontra persuni minħabba l-orjentazzjoni sesswali tagħhom. Din id-dispożizzjoni tal-Liġi 4779/2021 ittrasponiet l-Artikolu 6 tad-Direttiva AVMS fid-dritt Grieg. Isegwi mid-deċiżjonijiet tar-rinviju li l-Artikolu 8 tal-Liġi 4779/2021 ma ttrasponiex l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva AVMS b’mod sħiħ verbatim, billi warrab il-frażi introduttorja tiegħu li tirreferi b’mod ġenerali għall-projbizzjoni tal-ksur tad-dinjità tal-bniedem ( 6 ). |
|
10. |
It-tieni sanzjoni, wkoll fl-ammont ta’ EUR 30000, kienet imposta għall-ksur tal-projbizzjoni ta’ xandir ta’ programm ta’ kwalità degradanti. Tali projbizzjoni hija prevista minn żewġ liġijiet li jippreċedu l-Liġi 4779/2021, jiġifieri l-Liġi 2328/1995 u d-Digriet Presidenzjali 77/2003 ( 7 ). Dawn iż-żewġ atti jimponu b’mod espliċitu l-obbligu li jiġu rrispettati l-personalità u l-valur tal-persuna umana u jipprojbixxu x-xandir ta’ programmi li l-kontenut tagħhom huwa degradanti. Fis-seduta, l-ESR spjegat li l-kontenut ta’ dawn il-programmi kien ikkunsidrat li huwa degradanti preċiżament minħabba li kien jikser id-dinjità tal-bniedem. |
|
11. |
L-ESR ħarġet ukoll żewġ sanzjonijiet amministrattivi wkoll fuq Zougla għax-xandir tat-tieni programm inkwistjoni. L-ewwel sanzjoni, fl-ammont ta’ EUR 80000, kienet imposta għat-trażmissjoni ta’ kontenut degradanti u t-tieni sanzjoni, fl-ammont ta’ EUR 40000, għall-ksur tal-obbligu li tiġi rrispettata d-dinjità tal-bniedem. Iż-żewġ sanzjonijiet kienu bbażati fuq l-istess żewġ liġijiet li fuqhom it-tieni sanzjoni kienet imposta fuq Makeleio, jiġifieri, il-Liġi 2328/1995 u d-Digriet Presidenzjali 77/2003. |
|
12. |
Il-Liġi 2328/1995 u d-Digriet Presidenzjali 77/2003, li servew bħala bażijiet legali għal parti mis-sanzjonijiet imposti, ma japplikawx b’mod espliċitu għall-portali tal-internet dwar l-aħbarijiet li jxandru wkoll AVMS. Madankollu, l-ESR kienet tal-fehma li liġijiet nazzjonali li jippreskrivu l-obbligu li jiġu rrispettati d-dinjità u l-personalità tal-bniedem, anki jekk daħlu fis-seħħ qabel id-Direttiva AVMS, għandhom japplikaw għal “kwalunkwe materjal awdjoviżiv li jsir disponibbli għall-pubbliku permezz ta’ siti internet aċċessibbli b’mod liberu u li jista’ jkollu effett fuq dawk li jarawh paragunabbli ma’ dak ikkawżat mit-trażmissjoni ta’ kontenut korrispondenti minn fornituri ta’ kontenut tradizzjonali” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Għalhekk, fil-fehma tal-ESR, l-obbligi li jirriżultaw minn dawn il-liġijiet nazzjonali għandhom japplikaw ukoll għall-portali tal-internet dwar l-aħbarijiet li jxandru wkoll AVMS, għalkemm tal-aħħar ma humiex inklużi b’mod espliċitu fil-kliem tad-dispożizzjonijiet nazzjonali rilevanti. |
|
13. |
Permezz ta’ żewġ rikorsi separati, ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali ppreżentaw talbiet għall-annullament tad-deċiżjonijiet tal-ESR quddiem is-Symvoulio tis Epikrateias (il-Kunsill tal-Istat). Ir-rikorrenti jsostnu li huma ma jistgħux ikunu ssanzjonati għall-ksur tal-obbligu li tiġi rrispettata d-dinjità tal-bniedem u għax-xandir ta’ programm ta’ kwalità degradanti għaliex il-liġi nazzjonali li tipprovdi għal tali obbligu ma tapplikax għall-portali tal-internet dwar l-aħbarijiet li jxandru wkoll AVMS. |
|
14. |
Mill-proċess tal-Qorti tal-Ġustizzja ma huwiex evidenti li r-rikorrenti jikkontestaw il-karatterizzazzjoni tal-programmi inkwistjoni fis-sens li jiksru d-dinjità tal-bniedem jew li huma ta’ kwalità degradanti. Iktar minn dan, it-tilwima tikkonċerna l-applikabbiltà tal-liġi Griega li timponilhom l-obbligu li ma jiksrux id-dinjità tal-bniedem. |
|
15. |
Il-kumitat tas-Symvoulio tis Epikrateias (il-Kunsill tal-Istat) huwa ta’ opinjoni maqsuma dwar jekk il-liġi nazzjonali timponix il-projbizzjoni ta’ ksur tad-dinjità tal-bniedem u tax-xandir ta’ programm ta’ kwalità degradanti fuq il-portali tal-internet dwar l-aħbarijiet li jxandru wkoll AVMS. Minn naħa, il-maġġoranza tikkunsidra li l-liġijiet nazzjonali rilevanti ma jikkonċernawx kjarament u inekwivokabbilment tali portali tal-internet dwar l-aħbarijiet li jxandru wkoll AVMS. Bħala riżultat, fil-fehma tal-maġġoranza, l-awtorità regolatorja nazzjonali ma setgħetx, billi tapplika d-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali b’analoġija, timponi s-sanzjonijiet inkwistjoni fuq ir-rikorrenti. |
|
16. |
Min-naħa l-oħra, minoranza tal-kumitat tas-Symvoulio tis Epikrateias (il-Kunsill tal-Istat) tikkunsidra li l-liġi Griega, inkluż l-Artikolu 15(2) tas-Syntagma tis Elladas (il-Kostituzzjoni Griega) ( 8 ), tkopri x-xandir ta’ kwalunkwe programm, indipendentement mill-mod ta’ xandir, u għalhekk tinkludi l-portali tal-internet dwar l-aħbarijiet li jxandru wkoll AVMS. Din il-minoranza hija għalhekk tal-opinjoni li d-dritt Grieg kif inhu diġà jimponi projbizzjoni ta’ ksur tad-dinjità tal-bniedem fuq xandara bħal Makeleio u Zougla. Fil-fehma tal-minoranza, l-awtorità regolatorja nazzjonali għalhekk imponiet is-sanzjonijiet inkwistjoni b’mod legali. |
|
17. |
Minkejja dan in-nuqqas ta’ ftehim, is-Symvoulio tis Epikrateias (il-Kunsill tal-Istat) b’mod unanimu jikkunsidra li wieħed mill-għanijiet tad-Direttiva AVMS huwa li jiġi żgurat ir-rispett tad-dinjità tal-bniedem u li jiġi evitat ix-xandir ta’ programmi ta’ kwalità degradanti li huwa inkwistjoni f’dawn iż-żewġ kawżi. Madankollu, dik il-qorti titlob konferma mill-Qorti tal-Ġustizzja li tali interpretazzjoni tad-Direttiva AVMS hija waħda korretta. |
|
18. |
Barra minn dan, anki jekk il-projbizzjoni ta’ ksur tad-dinjità tal-bniedem hija l-għan tad-Direttiva AVMS u tidħol fl-ambitu regolatorju tagħha, il-qorti tar-rinviju, jew tal-inqas il-maġġoranza ta’ dik il-qorti, tikkunsidra li s-sanzjonijiet inkwistjoni ma setgħux jiġu imposti fuq portali tal-internet dwar l-aħbarijiet li jxandru wkoll AVMS, sempliċement permezz ta’ interpretazzjoni ta’ liġi nazzjonali konformi mad-Direttiva AVMS. Dan kien ikun eskluż permezz tal-prinċipju ta’ legalità, kif espress fil-prinċipju nullum crimen, nulla poena sine lege. |
|
19. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Symvoulio tis Epikrateias (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
|
20. |
Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub lill-Qorti tal-Ġustizzja minn Makeleio, mill-ESR, mill-Gvern Grieg u mill-Gvern Svediż u mill-Kummissjoni Ewropea. |
|
21. |
Inżammet seduta fis‑16 ta’ Ottubru 2024 li fiha Makeleio, l-ESR, il-Gvern Grieg u l-Gvern Svediż u l-Kummissjoni ppreżentaw argumenti orali. |
III. Analiżi
A. Kwistjonijiet preliminari
1. Siti internet bħal Makeleio u Zougla jistgħu jitqiesu bħala fornituri tal-AVMS?
|
22. |
Sa mill-bidu, huwa neċessarju li jiġi ddeterminat jekk, fir-rigward tal-programmi inkwistjoni li għalihom ġew immultati, Makeleio u Zougla jistgħux jitqiesu bħala fornituri tal-AVMS koperti mid-Direttiva AVMS. |
|
23. |
Tweġiba fl-affermattiv għal din il-mistoqsija ssegwi b’mod ċar, fil-fehma tiegħi, mis-sentenza New Media Online ( 9 ). Dik is-sentenza ppreċediet l-emendi tal‑2018 tad-Direttiva AVMS. Madankollu, tibqa’ rilevanti, b’mod partikolari għaliex xi uħud mill-konstatazzjonijiet ta’ dik is-sentenza kienu nklużi wkoll fil-verżjoni tal‑2018 tad-Direttiva AVMS. |
|
24. |
Dik il-kawża kkonċernat servizz, ipprovdut minn kumpannija li, b’mod simili għar-rikorrenti f’dawn il-kawżi, topera gazzetta disponibbli fuq l-internet. Madankollu, b’żieda mas-servizz primarju tagħha, din il-kumpannija kienet toffri wkoll vidjos qosra li kienu jikkorrispondu ma’ bullettini tal-aħbarijiet qosra li ġeneralment ma jinstabux, f’dik l-għamla, fuq televiżjoni “tradizzjonali”. Dawn il-bullettini ma kinux assoċjati mal-aħbarijiet ipprovduti minn dawn il-gazzetti disponibbli fuq l-internet. |
|
25. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja l-ewwel ikkonstatat li “l-kunċett ta’ ‘programm,’ fis-sens tal-Artikolu 1(1)(b) tad-Direttiva 2010/13, għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jinkludi l-għoti tal-aċċess, f’sub-sezzjoni ta’ sit tal-internet ta’ gazzetta, għal vidjos qosra li jikkorrispondu għal sekwenzi qosra estratti minn bullettini ta’ informazzjoni lokali, tal-isports jew ta’ divertiment” ( 10 ). |
|
26. |
Wara l-emenda tal‑2018 tagħha, id-definizzjoni ta’ “programm” fl-Artikolu 1(1)(b) tad-Direttiva AVMS baqgħet l-istess. Hija tipprevedi: “‘programm’ tfisser sett ta’ immaġnijiet li jiċċaqalqu bil-ħoss jew mingħajru li jikkostitwixxu element individwali, irrispettivament mit-tul tiegħu, fi skeda jew katalgu stabbilit minn fornitur tas-servizzi tal-media, inkluż films prinċipali, videos qosra, avvenimenti sportivi, kummiedji sitwazzjonali (sitcoms), dokumentarji, programmi għat-tfal u drammi oriġinali”. |
|
27. |
Fis-sentenza New Media Online, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset b’mod ulterjuri li tali programm jammonta għal “servizz tal-media awdjoviżiva” fis-sens tal-Artikolu 1(1)(a)(i) tad-Direttiva AVMS, anki jekk in-negozju prinċipali tal-kumpannija huwa li tipprovdi gazzetti disponibbli fuq l-internet, jekk tali programm jista’ jiġi sseparat mill-aħbarijiet li l-kumpannija qiegħda tipprovdi ( 11 ). |
|
28. |
L-Artikolu 1(1)(a)(i) tad-Direttiva AVMS, li jiddefinixxi t-tifsira tas-servizzi tal-media awdjoviżiva kien għalhekk emendat sabiex jinkludi din il-ġurisprudenza u preżentement jiddikjara: “(a) ‘servizz tal-media awdjoviżiva’ tfisser:
|
|
29. |
Fid-dawl tal-konstatazzjonijiet preċedenti, fil-fehma tiegħi, ma hemm l-ebda dubju li siti internet li ma humiex stazzjonijiet tat-televiżjoni b’mod konvenzjonali jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva AVMS meta huma jxandru programmi fis-sens tal-Artikolu 1(1)(a)(i) tad-Direttiva AVMS, jew bħala s-servizz prinċipali tagħhom jew bħala taqsima separabbli mit-tip l-ieħor ta’ servizz li jipprovdu. |
|
30. |
Il-vidjos li kienu ħarġu fil-pubbliku minn Makeleio u Zougla ma jidhrux li huma assoċjati mal-aħbarijiet disponibbli fuq is-siti internet tagħhom. Għalhekk, il-programmi inkwistjoni f’dawn il-kawżi jidhru li jaqgħu taħt id-definizzjoni ta’ servizz tal-media awdjoviżiva. |
|
31. |
Fis-seduta, Makeleio sostna li l-programm inkwistjoni ma kienx ipprovdut taħt ir-responsabbiltà editorjali tiegħu. |
|
32. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li għandu jinftiehem li “persuna fiżika jew ġuridika, stabbilita fi Stat Membru, tassumi r-responsabbiltà editorjali […] jekk hija tagħżel u torganizza fuq skeda kronoloġika l-programmi ta’ dan l-istazzjon” ( 12 ). Dan huwa rifless ukoll fid-definizzjoni ta’ “responsabbiltà editorjali” fl-Artikolu 1(1)(c) tad-Direttiva AVMS ( 13 ). |
|
33. |
Fid-diviżjoni tal-kompetenzi bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali fil-proċedura għal deċiżjoni preliminari, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tistabbilixxi l-fatti. Il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta bid-deskrizzjoni tal-kawża fir-rigward tal-fatti u tad-dritt nazzjonali applikabbli kif ippreżentati mill-qorti tar-rinviju ( 14 ). |
|
34. |
F’dan ir-rigward, huwa rilevanti li, fid-deċiżjonijiet tar-rinviju, il-qorti tar-rinviju ħadet inkunsiderazzjoni d-Direttiva AVMS u s-sentenza New Media Online, u b’mod unanimu qieset li, fir-rigward ta’ xandir ta’ programmi li għalih ġew immultati, iż-żewġ rikorrenti huma fornituri tal-AVMS fis-sens tad-Direttiva AVMS. |
|
35. |
Bla ħsara għall-konferma finali mill-qorti tar-rinviju, iċ-ċirkustanzi fil-kawżi prinċipali għalhekk jidhru li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni personali tad-Direttiva AVMS, kif emendata fl‑2018. |
2. In-nuqqas ta’ ftehim bejn il-membri tal-kumitat tal-qorti tar-rinviju
|
36. |
Kif ġie spjegat, il-membri tal-kumitat tal-awla tar-rinviju tal-Kunsill tal-Istat ma jaqbilx dwar l-interpretazzjoni tal-liġi Griega kif tapplika f’dawn il-kawżi (ara l-punti 15 u 16 ta’ dawn il-konklużjonijiet). |
|
37. |
Min-naħa l-oħra, il-maġġoranza tqis li l-leġiżlazzjoni Griega ma timponix il-projbizzjoni ġenerali tal-ksur tad-dinjità tal-bniedem u li jiġu pprovduti programmi ta’ kwalità degradanti fuq portali tal-internet dwar l-aħbarijiet li jxandru wkoll AVMS. Min-naħa l-oħra, il-minoranza tikkunsidra li tali obbligi huma imposti fuq dawn ix-xandara tal-internet skont il-liġi Griega eżistenti. |
|
38. |
F’dan ir-rigward, huwa neċessarju li jitfakkar li skont id-diviżjoni tal-kompetenzi fil-proċedura għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta d-dritt nazzjonali. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tinterpreta biss id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni ( 15 ). Fejn inkwistjoni jkun hemm direttivi, bħal f’dawn il-kawżi, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tispjega l-obbligi li direttiva teħtieġ lill-Istati Membri li jimponu fuq is-suġġetti fil-ġurisdizzjoni tagħhom billi jadottaw leġiżlazzjoni ta’ implimentazzjoni. |
|
39. |
Sussegwentement hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk il-liġi nazzjonali ta’ implimentazzjoni tittrasponix direttiva b’mod korrett jew le. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex f’pożizzjoni, f’dawn il-kawżi, sabiex issolvi n-nuqqas ta’ ftehim bejn il-fehmiet tal-maġġoranza u tal-minoranza tal-awla tar-rinviju tal-Kunsill tal-Istat. |
|
40. |
Madankollu, huwa xieraq li jitfakkar li, skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE, direttiva, filwaqt li torbot lil kull Stat Membru li hija indirizzata lilu f’dak li għandu x’jaqsam mar-riżultat li jrid jinkiseb, tħalli l-għażla ta’ forma u metodi f’idejn l-awtoritajiet nazzjonali. |
|
41. |
Għalhekk, l-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni li timplimenta direttiva ma tfissirx neċessarjament li għandha tiġi adottata liġi bl-għan speċifiku li tittrasponi direttiva partikolari. |
|
42. |
Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, “l-eżistenza ta’ prinċipji ġenerali jew ta’ regoli ġenerali tista’ tirrendi superfluwa t-traspożizzjoni permezz ta’ miżuri leġiżlattivi jew regolatorji addizzjonali speċifiċi, bil-kundizzjoni, madankollu, li dawn il-prinċipji effettivament jiggarantixxu effettivament l-applikazzjoni sħiħa ta’ din id-direttiva u li, fil-każ fejn id-dispożizzjoni inkwistjoni tal-imsemmija direttiva tkun intiża li toħloq drittijiet għall-individwi, is-sitwazzjoni legali li tirriżulta minn dawn il-prinċipji tkun suffiċjentement preċiża u ċara, u li l-benefiċjarji jingħataw il-possibbiltà li jkunu jafu d-drittijiet kollha tagħhom kif ukoll, jekk ikun il-każ, li jinvokawhom quddiem il-qrati nazzjonali” ( 16 ). |
|
43. |
Minn dan isegwi li, “sabiex jiġi ddeterminat jekk leġiżlazzjoni nazzjonali timplimentax b’mod suffiċjenti l-obbligi li jirriżultaw minn direttiva speċifika, ma għandhiex tittieħed inkunsiderazzjoni biss il-leġiżlazzjoni adottata speċifikament għall-finijiet tat-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva iżda għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll ir-regoli ġuridiċi kollha disponibbli u applikabbli” ( 17 ). |
|
44. |
Għalhekk, leġiżlazzjoni li teżisti qabel l-adozzjoni ta’ direttiva jew tar-regoli stabbiliti fil-kostituzzjoni nazzjonali tista’ tinftiehem li hija suffiċjenti għat-traspożizzjoni tad-direttiva, sakemm is-suġġetti jistgħu jaċċertaw b’ċertezza suffiċjenti li huma jgawdu minn drittijiet jew għandhom obbligi imposti fuqhom minn din id-direttiva. Bl-istess mod, ir-regoli eżistenti jistgħu jkunu ssupplimentati biss b’liġi ġdida fis-sezzjoni li għadha ma hijiex koperta mir-regoli eżistenti. It-teknika tajba għat-traspożizzjoni ta’ direttivi għalhekk tiddependi fuq il-metodi regolatorji speċifiċi f’kull Stat Membru. |
|
45. |
Jekk il-Liġi 4779/2021, li ttrasponiet id-Direttiva AVMS fid-dritt Grieg, issupplimentatx biss in-network kumpless tal-liġijiet li jirregolaw is-servizzi tal-media awdjoviżiva fil-Greċja ( 18 ), u introduċietx biss dawk in-normi li ma kinux jeżistu diġà (kif proposta fis-seduta mill-ERS u mill-Gvern Grieg), jista’ biss jiġi deċiż mill-qorti nazzjonali. |
|
46. |
Dan ingħad, l-ewwel u t-tieni domanda preliminari magħmula jistgħu jinftiehmu fis-sens li qegħdin jistaqsu lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tispjega liema obbligi fuq il-fornituri tal-AVMS kienu meħtieġa li jiġu introdotti mill-Istati Membri fis-sistema legali tagħhom sabiex jittrasponu b’mod tajjeb id-Direttiva AVMS. Dan ser jippermetti lill-qorti tar-rinviju sabiex tiddeċiedi jekk din id-direttiva kinitx trasposta b’mod korrett fil-liġi nazzjonali. |
|
47. |
It-tielet domanda preliminari sussegwentement tistaqsi jekk, fis-sitwazzjoni li l-liġi nazzjonali ma tkunx ittrasponiet b’mod sħiħ id-Direttiva AVMS, il-qorti nazzjonali hijiex, fil-kawżi inkwistjoni, obbligata li tinterpreta l-liġi nazzjonali eżistenti fis-sens li tikseb ir-riżultat meħtieġ minn din id-direttiva. F’dawn il-kawżi, dan ir-riżultat huwa l-projbizzjoni ta’ ksur tad-dinjità tal-bniedem fuq il-fornituri kollha tas-servizzi tal-media awdjoviżiva, inkluż il-portali tal-internet dwar l-aħbarijiet li jxandru wkoll l-AVMS. B’mod partikolari, permezz ta’ din id-domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-obbligu ta’ interpretazzjoni konformi jilħaqx il-limitu tiegħu jekk ikun jirriżulta fl-impożizzjoni ta’ obbligu fuq individwu, li għall-ksur tiegħu tkun tista’ tiġi imposta sanzjoni kriminali. |
|
48. |
Kif ser nuri, fid-dawl tar-risposti għal dawn id-domandi preliminari, ma huwiex ser ikun neċessarju li jiġu indirizzati r-raba’ u l-ħames domanda preliminari. |
B. Risposti għad-domandi preliminari magħmula
1. Fuq l-ewwel domanda preliminari – l-ambitu regolatorju tad-Direttiva AVMS
|
49. |
Permezz tal-ewwel domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju titlob konferma mill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-għan, u għalhekk l-ambitu regolatorju, tad-Direttiva AVMS jinkludix a) il-projbizzjoni ta’ ksur tad-dinjità tal-bniedem u b) il-projbizzjoni ta’ kontenut ta’ programm ta’ kwalità degradanti. |
|
50. |
F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju, essenzjalment, titlob interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva AVMS. |
|
51. |
Din id-dispożizzjoni tiddikjara kif ġej: “1. Mingħajr preġudizzju għall-obbligu tal-Istati Membri li jirrispettaw u jħarsu d-dinjità umana, l-Istati Membri għandhom jiżguraw b’mezzi xierqa li s-servizzi tal-media awdjoviżiva pprovduti minn fornituri tas-servizzi tal-media taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom ma jinkludu l-ebda:
|
a) Projbizzjoni tal-ksur tad-dinjità tal-bniedem
|
52. |
Fl-ewwel lok, il-mistoqsija tqum fir-rigward tat-tifsira tal-frażi introduttorja għall-Artikolu 6(1) tad-Direttiva AVMS: “[m]ingħajr preġudizzju għall-obbligu tal-Istati Membri li jirrispettaw u jħarsu d-dinjità umana”. Din il-frażi għandha tinftiehem fis-sens li teħtieġ lill-Istati Membri jintroduċu projbizzjoni ġenerali tal-ksur tad-dinjità tal-bniedem fil-programmi ta’ fornituri tal-AVMS? Alternattivament, l-obbligi li l-Istati Membri għandhom jimponu fuq il-fornituri tal-AVMS huma biss dawk iż-żewġ obbligi konkreti espressi taħt l-ittri (a) u (b) ta’ dan l-artikolu? |
|
53. |
Fil-proposta tal-Kummissjoni tad-Direttiva 2018/1808, din il-frażi introduttorja ma kinitx teżisti ( 19 ). |
|
54. |
Il-Kummissjoni spjegat fis-seduta li din il-frażi kienet ir-riżultat ta’ kompromess bejn l-insistenza tal-Parlament Ewropew li tiġi inkluża b’mod espliċitu l-projbizzjoni ġenerali ta’ ksur tad-dinjità tal-bniedem, u l-oppożizzjoni tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għal tali kliem ġenerali fid-Direttiva AVMS. |
|
55. |
L-uniku dokument disponibbli li jifforma parti mill-istorja leġiżlattiva ta’ din id-direttiva jippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex sempliċement tikkonferma li tali frażi kienet aċċettata kemm mill-Parlament kif ukoll mill-Kunsill fl-ewwel qari tal-proċess leġiżlattiv li wassal għad-Direttiva AVMS kif emendata ( 20 ). Madankollu, la r-raġunijiet li għalihom il-Parlament ried espliċitament li jinkludi l-projbizzjoni ġenerali tal-ksur tad-dinjità tal-bniedem fit-test tad-direttiva, u lanqas iktar importanti, ir-raġunijiet għalfejn il-Kunsill oppona għal tali soluzzjoni, ma huma espressi fid-dokumenti disponibbli li jirreġistraw l-istorja leġiżlattiva tad-Direttiva AVMS. |
|
56. |
Għalhekk, kif ammess mill-Kummissjoni fis-seduta, hemm tal-inqas żewġ tifsiriet possibbli. Minn naħa, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva AVMS jista’ jinftiehem fis-sens li ma jimponix obbligu ġenerali ta’ projbizzjoni ta’ ksur tad-dinjità tal-bniedem, iżda żewġ obbligi speċifiċi biss (istigazzjoni għall-mibegħda u għall-vjolenza (Artikolu 6(1)(a)) u provokazzjoni tal-pubbliku sabiex iwettqu atti ta’ terroriżmu (Artikolu 6(1)(b))). Min-naħa l-oħra, din l-istess dispożizzjoni tista’ tinftiehem fis-sens li timponi obbligu ġenerali li ma tiġix miksura d-dinjità tal-bniedem, flimkien ma’ dawk iż-żewġ obbligi speċifiċi indikati iktar ’il fuq. |
|
57. |
Waqt is-seduta, il-Kummissjoni ppreferiet l-ewwel tifsira, jiġifieri, li d-Direttiva AVMS ma fihiex projbizzjoni ġenerali tal-ksur tad-dinjità tal-bniedem li għandha tkun imposta fuq il-fornituri tal-AVMS. Madankollu, hija kkunsidrat li l-obbligi speċifiċi li jiġi pprojbit kontenut li jinstiga l-vjolenza, il-mibegħda jew it-terroriżmu huma espressjoni tal-ħtieġa li tiġi rrispettata d-dinjità tal-bniedem. |
|
58. |
Għall-kuntrarju, il-parteċipanti l-oħrajn kollha f’din il-proċedura (Makeleio, l-ESR u l-Gvern Grieg u l-Gvern Svediż) qablu li huwa obbligu skont id-Direttiva AVMS li jiġi żgurat ir-rispett u l-protezzjoni tad-dinjità tal-bniedem. Din hija wkoll il-pożizzjoni tal-qorti tar-rinviju. |
|
59. |
Jiena nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tħaddan it-tifsira fis-sens li, skont il-parti introduttorja tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva AVMS, l-Istati Membri huma meħtieġa sabiex jipprovdu projbizzjoni ġenerali ta’ programmi li jiksru d-dinjità tal-bniedem fil-liġijiet nazzjonali tagħhom. |
|
60. |
L-għan tad-Direttiva AVMS u l-kuntest ġuridiku tal-Artikolu 6(1) tagħha, inkluż dispożizzjonijiet tad-direttiva nnifisha u d-drittijiet usa’ tal-Unjoni u internazzjonali, kollha jikkontribwixxu lejn il-fatt li l-frażi introduttorja tal-Artikolu 6(1) tinqara’ fis-sens li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-fornituri tal-AVMS għandhom jirrispettaw l-obbligu ġenerali li ma jiksrux id-dinjità tal-bniedem fil-programmi tagħhom. |
|
61. |
Fost affarijiet oħrajn, l-għan tad-Direttiva AVMS huwa li tippermetti s-suq intern fl-AVMS, filwaqt li tiżgura, fl-istess ħin, livell għoli ta’ protezzjoni tal-għanijiet ta’ interessi ġenerali ( 21 ). F’dan ir-rigward, hija tistrieħ fuq il-prinċipju tal-pajjiż ta’ oriġini, li skontu hija r-responsabbiltà ta’ Stat Membru li fil-ġurisdizzjoni tiegħu l-fornituri tal‑AVMS huma stabbiliti, sabiex jiżgura li huma jikkonformaw mar-regoli li dan l-Istat jimponi fuq l-AVMS intiżi għall-pubbliku ( 22 ). Id-Direttiva AVMS timponi rekwiżiti minimi ( 23 ) li l-fornituri kollha tal-AVMS għandhom josservaw (fl-“oqsma kkoordinati minn din id-Direttiva”). Dan jippermetti l-impożizzjoni tal-obbligu fuq l-Istati Membri kollha sabiex jippermetti riċezzjoni transkonfinali ta’ AVMS imxandra mill-fornituri minn Stati Membri oħrajn. L-ebda Stat Membru ma jista’ jimponi, bħala prinċipju, xi restrizzjoni għal raġunijiet li jaqgħu fl-oqsma kkoordinati mid-Direttiva ( 24 ). |
|
62. |
Għalhekk, id-direttiva tintroduċi sett ta’ rekwiżiti komuni fuq il-fornituri tal-AVMS li jtejbu l-fiduċja reċiproka fost l-Istati Membri, u li mingħajrhom ikun diffiċli għalihom sabiex jaċċettaw AVMS transkonfinali mingħajr kontroll u awtorizzazzjoni preċedenti. Dawn ir-rekwiżiti jinkludu r-rispett tad-drittijiet fundamentali pprovduti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) ( 25 ), inkluż ir-rispett tad-dinjità tal-bniedem espressa fl-artikolu tal-ftuħ tagħha. |
|
63. |
Sa fejn il-kliem tad-Direttiva AVMS huwa kkonċernat, minbarra l-frażi introduttorja tal-Artikolu 6(1) tagħha, il-premessi 59, 60 u 104 tagħha jindikaw il-protezzjoni tad-dinjità tal-bniedem bħala valur li għandha tiżgura d-Direttiva AVMS. Għalhekk, anki jekk il-Karta ma tistax, waħedha, timponi obbligi fuq l-Istati Membri, id-Direttiva AVMS kjarament tinkludi l-obbligu għar-rispett tad-dinjità tal-bniedem fost ir-rekwiżiti li l-Istati Membri għandhom jissodisfaw sabiex jippermettu l-funzjonament tajjeb tas-suq intern fil-qasam tal-AVMS ( 26 ). |
|
64. |
Il-premessa 3 tad-Direttiva AVMS tagħmel riferiment għall-Konvenzjoni Ewropea tal-Kunsill tal-Ewropa dwar it-televiżjoni tul il-fruntieri adottata fil‑5 ta’ Mejju 1989 ( 27 ). Din il-konvenzjoni, li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà invokat meta interpretat id-Direttiva AVMS ( 28 ), fiha l-Artikolu 7, intitolat “Responsabbiltajiet tax-xandar” [traduzzjoni mhux uffiċjali], li jiddikjara li “kull prodott ta’ servizz ta’ programm, fir-rigward tal-preżentazzjoni u l-kontenut tiegħu, għandu jirrispetta d-dinjità tal-bniedem u d-drittijiet fundamentali tal-oħrajn”. |
|
65. |
Iktar importanti minn dan, id-dinjità tal-bniedem hija valur li tinstab fl-Artikolu 2 TUE, id-dispożizzjoni li telenka l-valuri li fuqhom l-Unjoni Ewropea hija bbażata ( 29 ). Huwa jiddikjara li dawn il-valuri huma komuni għall-Istati Membri. |
|
66. |
Jiżdied jingħad li, l-Istati Membri kollha tal-Unjoni huma wkoll imsieħba fil-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“KEDB”). Anki jekk din il-konvenzjoni ma tinkludix xi dispożizzjoni espliċita li teżiġi r-rispett tad-dinjità tal-bniedem, il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“Qorti EDB”) tipprevedi li l-essenza nnifisha tal-KEDB hija r-rispett tad-dinjità u tal-libertà tal-bniedem ( 30 ). |
|
67. |
Iċ-ċentralità tad-dinjità tal-bniedem hija enfasizzata b’mod ulterjuri minn diversi strumenti internazzjonali, inklużi d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal‑1948 tan-Nazzjonijiet Uniti, li l-preambolu u l-Artikolu 1 tagħha jirreferu għall-kunċett tad-dinjità tal-bniedem. |
|
68. |
Minn dan isegwi li t-tifsira loġika tal-frażi introduttorja għall-Artikolu 6(1) tad-Direttiva AVMS hija li sempliċement tiddikjara mill-ġdid l-obbligu li l-Istati Membri diġà għandhom. Hija sempliċement tapplika l-obbligu ġenerali tal-Istati Membri li jirrispettaw u jipproteġu d-dinjità tal-bniedem fil-qasam tas-servizzi tal-media awdjoviżiva, li tikkjarifika li l-Istati Membri għandhom jimponu dan l-obbligu fuq fornituri meta jabbozzaw il-liġijiet tagħhom li jirregolaw l-AVMS ( 31 ). |
|
69. |
Għal din ir-raġuni, bħala risposta għall-ewwel parti tal-ewwel domanda preliminari, jiena tal-fehma li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tikkonstata li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva AVMS jeħtieġ lill-Istati Membri sabiex jinkludu fil-liġijiet tagħhom li jirregolaw l-AVMS il-projbizzjoni ġenerali imposta fuq il-fornituri tal-AVMS tal-ksur tad-dinjità tal-bniedem fil-programmi tagħhom. |
b) Il-projbizzjoni ta’ kontenut ta’ kwalità degradanti
|
70. |
Fit-tieni lok, permezz tal-ewwel domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll jekk id-Direttiva AVMS teħtieġx lill-Istati Membri sabiex jipprojbixxu programmi ta’ kwalità degradanti. Meta tistaqsi dan, jidher li l-qorti tar-rinviju kellha f’moħħha programmi bħaż-żewġ xandiriet inkwistjoni, li jiksru d-dinjità tal-bniedem. |
|
71. |
Fil-fehma tiegħi, u kif sostnut mill-Gvern Svediż fis-seduta, id-Direttiva AVMS ma tirregolax il-kontenut tal-programmi fir-rigward tal-kwalità tagħhom. |
|
72. |
Madankollu, wieħed jista’ jiddikjara wkoll li l-projbizzjoni tal-ksur tad-dinjità tal-bniedem tinfluwenza l-kontenut tal-programmi, minħabba li dan il-kontenut ma jistax ikun tali li jikser id-dinjità tal-bniedem, u li, f’dan is-sens, id-Direttiva AVMS tinterferixxi fil-kontenut tal-programmi. Madankollu, minbarra r-rekwiżit li programm ikun ħieles minn ksur tad-dinjità tal-bniedem, u li jirrispetta obbligi oħrajn imposti skont regoli kkoordinati tad-Direttiva AVMS, dan l-att ma jinterferixxix b’mod ulterjuri fil-kontenut tal-programm. |
|
73. |
Bħala konklużjoni, il-miżura nazzjonali li tippermetti s-sanzjonar tal-fornituri tal-AVMS li x-xandir tagħhom jippreġudika l-valur tad-dinjità tal-bniedem taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva AVMS. |
|
74. |
Għall-kuntrarju, il-miżura nazzjonali li tipprevedi s-sanzjonar ta’ programmi li huma sempliċement ta’ kwalità degradanti ma taqax fl-oqsma kkoordinati tad-direttiva. |
|
75. |
Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tistabbilixxi jekk ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali kinux immultati għall-ksur tad-dinjità tal-bniedem jew inkella għall-kwalità degradanti tal-programmi tagħhom. |
|
76. |
Jiena għalhekk nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi l-ewwel domanda preliminari kif ġej. L-ambitu regolatorju tad-Direttiva AVMS, moqri fid-dawl tal-għanijiet tagħha, jinkludi l-projbizzjoni ġenerali ta’ programmi li jiksru d-dinjità tal-bniedem. Id-Direttiva AVMS ma tirregolax il-kontenut tal-programmi b’mod ulterjuri minn tali projbizzjoni tal-ksur tad-dinjità tal-bniedem u kundizzjonijiet oħrajn imposti fl-oqsma kkoordinati minn din id-direttiva. |
2. Fuq it-tieni domanda preliminari – regoli nazzjonali ddettaljati jew stretti iktar
|
77. |
L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva AVMS jippermetti lill-Istati Membri sabiex jintroduċu regoli iktar stretti fl-oqsma kkoordinati mid-direttiva skont ċerti kundizzjonijiet. Huwa jiddikjara kif ġej: “L-Istati Membri għandhom jibqgħu liberi li jirrikjedu lill-fornituri tas-servizzi tal-media taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom biex jikkonformaw ma’ regoli aktar dettaljati jew aktar stretti fl-oqsma kkoordinati minn din id-Direttiva, dment li tali regoli jikkonformaw mal-liġi tal-Unjoni.” |
|
78. |
Permezz tat-tieni domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi għall-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, jew iktar preċiżament, tixtieq li tkun taf jekk taħt tali regoli iktar stretti, l-Istati Membri humiex permessi li jiddeferenzjaw bejn tipi differenti ta’ fornituri tal-AVMS. |
|
79. |
Fil-fehma tiegħi, din id-domanda preliminari hija ammissibbli biss jekk xi regoli tal-liġi nazzjonali inkwistjoni f’dawn il-kawżi – jiġifieri, il-projbizzjoni tal-ksur tad-dinjità tal-bniedem jew il-projbizzjoni ta’ programmi ta’ kwalità degradanti – jistgħu jinftiehmu li jikkostitwixxu tali regoli iktar stretti jew iktar iddettaljati. |
|
80. |
Dan, madankollu, ma huwiex il-każ f’dawn il-kawżi. |
|
81. |
Il-projbizzjoni tal-ksur tad-dinjità tal-bniedem hija imposta bħala rekwiżit ġenerali taħt l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva AVMS, u ma hijiex regola “iktar stretta”. |
|
82. |
Il-projbizzjoni ta’ programmi ta’ kwalità degradanti ma hijiex regola li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-oqsma kkoordinati mid-Direttiva AVMS u għalhekk taqa’ ’l barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 4(1) tagħha. |
|
83. |
Għalhekk, ma jidhirx li risposta għat-tieni domanda preliminari tista’ tkun b’xi mod utli għall-qorti tar-rinviju ( 32 ), li huwa għalfejn il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrifjuta milli tirrispondiha fuq il-bażi ta’ inammissibbiltà. |
|
84. |
Madankollu, minħabba li t-tieni domanda preliminari kienet tirrigwarda wkoll jekk fornituri differenti tal-AVMS jistgħux jiġu ttrattati b’mod differenti, inżid li, sa fejn il-projbizzjoni tal-ksur tad-dinjità tal-bniedem hija kkonċernata, għandha tkun imposta fuq il-fornituri tal-AVMS kollha mingħajr distinzjoni. |
|
85. |
Madankollu, fir-rigward tal-impożizzjoni ta’ regoli iktar stretti fl-oqsma kkoordinati mid-Direttiva AVMS, li ma hijiex is-sitwazzjoni fil-kawżiinkwistjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat li huwa possibbli li ssir distinzjoni bejn tipi differenti ta’ fornituri tal-AVMS. Jekk fornituri differenti jsibu lilhom innifishom f’sitwazzjonijiet oġġettivament differenti, ma hemm l-ebda ostakolu sabiex jiġu imposti regoli differenti fuqhom ( 33 ). Għalhekk, fis-sentenza Sky Italia, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat possibbli li jiġu imposti limiti ta’ ħin iqsar għar-reklamar televiżiv fuq xandara tat-televiżjoni bi ħlas minn dawk stabbiliti għal xandara tat-televiżjoni bla ħlas. Tali differenza kienet iġġustifikata għaliex tal-ewwel setgħu jkopru l-ispejjeż tagħhom mir-reġistrazzjonijiet sottoskritti mill-konsumaturi tagħhom, filwaqt li tal-aħħar setgħu jkunu ffinanzjati biss permezz ta’ mezzi oħrajn ( 34 ). |
|
86. |
Li kieku l-projbizzjoni tal-ksur tad-dinjità tal-bniedem ġiet ittrattata bħala r-regola iktar stretta fil-qasam ikkoordinat mid-Direttiva AVMS (quod non), ma kienx ikun hemm xi ġustifikazzjoni sabiex jiġu ttrattati b’mod differenti l-fornituri tal-internet minn kwalunkwe tip ieħor ta’ fornituri tal-AVMS. Fir-rigward tal-għan ta’ tali regola, fornituri tal-AVMS ma humiex f’pożizzjoni oġġettivament differenti. |
|
87. |
Sa fejn hija kkonċernata l-projbizzjoni ta’ kwalità degradanti f’dak li jirrigwarda l-kontenut tal-programm, l-Istati Membri ma humiex imwaqqfa mid-Direttiva AVMS milli jittrattaw xandara tat-televiżjoni tradizzjonali u xandara tal-internet li ma humiex stazzjonijiet tat-televiżjoni tradizzjonali b’mod differenti. Din il-kwistjoni tmur lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva. |
|
88. |
Fid-dawl tal-konstatazzjonijiet preċedenti, jiena nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tirrispondix it-tieni domanda preliminari. |
3. Fuq it-tielet domanda preliminari – limiti għal interpretazzjoni konformi
|
89. |
It-tielet domanda preliminari tal-qorti tar-rinviju hija bbażata fuq il-premessa, sanċita mill-maġġoranza tal-kumitat tal-qorti tar-rinviju, li l-liġi Griega eżistenti ma timponix obbligu ġenerali sabiex tiġi rrispettata d-dinjità tal-bniedem fuq il-portali tal-internet dwar l-aħbarijiet li jxandru wkoll AVMS. Ma jkun hemm, għalhekk, l-ebda bażi legali, skont il-liġi Griega kif interpretata mill-maġġoranza, sabiex jiġu imposti s-sanzjonijiet inkwistjoni ( 35 ). |
|
90. |
Permezz tat-tielet domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk hijiex obbligata li tinterpreta l-liġi nazzjonali b’tali mod li timponi wkoll projbizzjoni tal-ksur tad-dinjità tal-bniedem fuq portali tal-internet dwar l-aħbarijiet li jxandru wkoll AVMS anki jekk dan jirriżulta fl-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet. |
|
91. |
Hemm lista twila ta’ ġurisprudenza li tikkonferma li d-direttivi ma jistgħux, minnhom innifishom, jimponu obbligi fuq individwi ( 36 ). Dan jista’ jsir biss permezz tat-traspożizzjoni ta’ direttivi fil-liġi nazzjonali. Għalhekk, l-obbligu li ma tinkisirx id-dinjità tal-bniedem ma jistax ikun impost fuq Makeleio u Zougla permezz tad-Direttiva AVMS innifisha. |
|
92. |
Fejn id-dritt nazzjonali ma jkunx ittraspona direttiva b’mod tajjeb jew b’mod sħiħ, il-qrati nazzjonali għandhom l-obbligu li jġibu d-dritt nazzjonali konformi ma’ din id-direttiva permezz ta’ interpretazzjoni, kif il-Qorti tal-Ġustizzja oriġinarjament spjegat fis-sentenza Von Colson u Kamman ( 37 ). Il-qorti nazzjonali hija meħtieġa li tagħmel “dak kollu li huwa fil-kompetenza tagħha” sabiex tagħti effett lid-direttiva f’każ speċifiku ( 38 ). Jista’ jkun ukoll li jkollha bżonn temenda l-ġurisprudenza stabbilita tagħha jekk tkun ibbażata fuq interpretazzjoni ta’ dritt nazzjonali inkompatibbli mal-għanijiet ta’ direttiva ( 39 ). |
|
93. |
Għalhekk, l-għan ta’ interpretazzjoni konformi huwa li tinkiseb soluzzjoni f’każ speċifiku li tipproduċi r-riżultat li kien jirriżulta li kieku d-direttiva kienet implimentata b’mod tajjeb ( 40 ). |
|
94. |
F’dawn il-kawżi, ir-riżultat meħtieġ huwa l-impożizzjoni ta’ obbligu fuq Makeleio u Zougla li ma jiksrux id-dinjità tal-bniedem fil-programmi awdjoviżivi li jagħmlu disponibbli għall-pubbliku. |
|
95. |
Madankollu, tali interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali toħloq, f’dawn il-kawżi, responsabbiltà kważi-kriminali, għaliex tippermetti l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet amministrattivi għall-ksur ta’ obbligi interpretati b’dan il-mod. |
|
96. |
Ftit wara li ġie stabbilit l-obbligu ta’ interpretazzjoni konformi, il-Qorti tal-Ġustizzja kkjarifikat ukoll li dan l-obbligu għandu l-limiti tiegħu ( 41 ). Limitu wieħed jintlaħaq meta interpretazzjoni konformi jkollha l-effett li tiddetermina jew taggrava r-responsabbiltà kriminali ta’ persuni li jiksru d-dispożizzjonijiet tad-direttiva ( 42 ). |
|
97. |
Din il-limitazzjoni hija r-riflessjoni tal-prinċipju ta’ legalità, kif espress fil-prinċipju nullum crimen, nulla poena sine lege. Dan il-prinċipju huwa ppersonifikat fl-Artikolu 49 tal-Karta u fl-Artikolu 7 tal‑KEDB. |
|
98. |
Fil-qosor, il-prinċipju ta’ legalità jfisser li persuna ma tistax tinstab responsabbli kriminalment jew kważi-kriminalment ( 43 ) għal att li ma kienx ipprojbit bil-liġi meta kien twettaq l-att. |
|
99. |
Minħabba li l-interpretazzjoni konformi ssir wara li jkun sar l-att punibbli, tista’ tinftiehem fis-sens li timponi responsabbiltà kriminali post festum ( 44 ). |
|
100. |
F’dawn il-kawżi, il-maġġoranza tas-Symvoulio tis Epikrateias (il-Kunsill tal-Istat), u r-rikorrenti fil-kawżi prinċipali, jidhru li jibdew mill-premessa li l-prinċipju ta’ legalità jeħtieġ dejjem riferiment espress għas-suġġetti kollha li huwa jkopri fid-dispożizzjoni legali applikabbli. Minħabba li dan kien nieqes fil-leġiżlazzjoni Griega, li ma kinitx espressament issemmi portali tal-internet dwar l-aħbarijiet li joffru wkoll AVMS, wieħed għandu jikkonkludi li r-rikorrenti ma kinux jafu li l-projbizzjoni ta’ xandir ta’ programmi li jiksru d-dinjità tal-bniedem tapplika għalihom ukoll. Għalhekk, il-limitu ta’ interpretazzjoni konformi jintlaħaq. |
|
101. |
Madankollu, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jew tal-Qorti EDB ma teħtieġx riferiment espliċitu fil-leġiżlazzjoni sabiex jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ legalità. Dak li huwa kruċjali huwa li l-persuna setgħet tipprevedi li l-projbizzjoni tikkonċerna wkoll l-attività tagħha. |
|
102. |
Għalhekk, il-Qorti EDB spjegat li “[m]eta jitkellem dwar ‘liġi’ l-Artikolu 7 jalludi għall-istess kunċett li għalih tirreferi l-Konvenzjoni fi bnadi oħrajn meta tuża din il-kelma, kunċett li jinkludi dritt statutorju kif ukoll ġurisprudenza u jimplika rekwiżiti kwalitattivi, inkluż dawk ta’ aċċessibbiltà u prevedibbiltà” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ( 45 ). |
|
103. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja bl-istess mod qieset, billi invokat il-ġurisprudenza tal-Qorti EDB, li l-kundizzjoni li reat u sanzjoni huma kjarament iddikjarati mil-liġi “tiġi sodisfatta meta l-individwu jkun jista’ jkun jaf, mill-kliem tad-dispożizzjoni rilevanti u bl-għajnuna ta’ l-interpretazzjoni li tkun ingħatat mill-qrati, liema atti u omissjonijiet jagħtu lok għar-responsabbilità kriminali tiegħu” ( 46 ). |
|
104. |
Il-prinċipju li reati u sanzjonijiet għandhom ikunu ddefiniti mil-liġi ma jistax għalhekk ikun interpretat fis-sens li jipprekludi l-kjarifika gradwali, każ b’każ tar-regoli tar-responsabbiltà kriminali permezz tal-interpretazzjoni ġudizzjarja, sakemm ir-riżultat kien raġonevolment prevedibbli fiż-żmien meta twettaq ir-reat, speċjalment fid-dawl tal-interpretazzjoni mogħtija dak iż-żmien fil-ġurisprudenza relattiva għad-dispożizzjoni legali inkwistjoni ( 47 ). |
|
105. |
Fil-qosor, il-qalba tal-prinċipju ta’ legalità hija fir-rekwiżit li l-persuna li hija punibbli kienet taf jew ma setgħetx tinjora li l-azzjoni tagħha kienet ipprojbita. |
|
106. |
Kif il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat ulterjorment, “għandu jitfakkar mill-ġdid li l-portata tal-prevedibbiltà hekk kif meħtieġa tiddependi b’mod kunsiderevoli mill-kontenut tat-test inkwistjoni, mill-qasam kopert mit-test kif ukoll min-numru u mill-kwalità tad-destinatarji tiegħu. Il-prevedibbiltà tal-liġi ma tipprekludix li l-persuna kkonċernata jkollha tasal sabiex tirrikorri għal konsulenza esperta sabiex tevalwa, b’mod raġonevoli fiċ-ċirkustanzi tal-kawża inkwistjoni, il-konsegwenzi li jistgħu jirriżultaw minn att speċifiku. Dan huwa applikabbli speċjalment għall-professjonisti, li huma mdorrijin jeżerċitaw prudenza kbira fl-eżerċizzju tal-professjoni tagħhom. Wieħed jista’ jistenna wkoll li huma jkollhom attenzjoni partikolari fl-evalwazzjoni tar-riskji li dan jinkludi” ( 48 ). |
|
107. |
Għalhekk, f’dawn il-kawżi, il-qorti tar-rinviju hija, bħala prinċipju, imwaqqfa milli ssib lir-rikorrenti punibbli għall-ksur tad-dinjità tal-bniedem fuq il-bażi ta’ interpretazzjoni konformi tal-liġi nazzjonali. Dan huwa l-każ sakemm il-qorti tar-rinviju ma tkunx tal-fehma li dawn ir-rikorrenti setgħu jipprevedu, skont il-liġi Griega li kienet teżisti fiż-żmien rilevanti, u minkejja li din il-liġi ma kinitx tirreferi b’mod espliċitu għal portali tal-internet dwar l-aħbarijiet li jxandru wkoll AVMS, li l-projbizzjoni ta’ xandir ta’ programmi ta’ kontenut ipprojbit kienet tikkonċernahom ukoll ( 49 ). |
|
108. |
Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tistabbilixxi jekk ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali setgħux jipprevedu, fiż-żmien meta xandru l-programmi inkwistjoni, li l-projbizzjoni ta’ ksur tad-dinjità tal-persuna umana, u l-piena għall-ksur tagħha, kienet tikkonċerna wkoll l-attività tagħhom, minkejja li huma portali tal-internet dwar l-aħbarijiet li jxandru wkoll AVMS ( 50 ). Jekk huma kellhom ikunu jafu dwar tali projbizzjoni, allura li jiġi kkonfermat tali obbligu permezz ta’ kjarifika interpretattiva tar-regoli Griegi ma jeċċedix neċessarjament il-limitu ta’ interpretazzjoni konformi impost mill-prinċipju ta’ legalità. |
4. Fuq ir-raba’ u l-ħames domanda preliminari
|
109. |
Ir-raba’ u l-ħames domanda preliminari huma magħmula fuq il-kundizzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi l-ewwel domanda preliminari fin-negattiv, jiġifieri, li d-Direttiva AVMS ma teħtieġx l-introduzzjoni ta’ projbizzjoni ġenerali ta’ programmi li jiksru d-dinjità tal-bniedem u l-projbizzjoni ta’ programmi ta’ kwalità degradanti. |
|
110. |
Minħabba li pproponejt li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi dik id-domanda preliminari fl-affermattiv, ma huwiex neċessarju li tingħata risposta għar-raba’ u għall-ħames domanda preliminari. |
|
111. |
Fil-fatt, fil-fehma tiegħi, fir-risposta tagħha għall-ewwel domanda preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tispjega li d-Direttiva AVMS ma tirregolax il-kwalità tal-programmi mxandra u, għalhekk, ma tipprojbixxix il-programmi ta’ kwalità degradanti. Madankollu, sa fejn il-qorti tar-rinviju spjegat li l-parti (b) tal-ewwel domanda preliminari li tirreferi għall-kontenut degradanti ta’ programm tikkunsidra programmi tal-istess tip bħal dawk inkwistjoni f’dawn il-kawżi, hija fil-fatt tistaqsi l-istess fil-parti (a) ta’ din id-domanda, li tirrigwarda l-ksur tad-dinjità tal-bniedem. Il-qorti tar-rinviju għalhekk ma hijiex ikkonċernata, fil-kawżi inkwistjoni, b’xi domanda preliminari li tirrigwarda l-projbizzjoni ta’ programmi ta’ kwalità degradanti mil-liġi nazzjonali, li tmur lil hinn mill-projbizzjoni tal-ksur tad-dinjità tal-bniedem. |
|
112. |
Għal dawn ir-raġunijiet, ma nikkunsidrax li huwa neċessarju li tingħata risposta għar-raba’ u għall-ħames domanda preliminari. |
IV. Konklużjoni
|
113. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi d-domandi preliminari magħmula mis-Symvoulio tis Epikrateias (il-Kunsill tal-Istat, il-Greċja), kif ġej:
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
( 2 ) Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑10 ta’ Marzu 2010 dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva (Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media awdjoviżiva) (ĠU 2010, L 95, p. 1, rettifika fil-ĠU 2010, L 263, p. 15), kif emendata permezz tad-Direttiva 2018/1808 (iktar ’il quddiem, fil-verżjoni kkonsolidata tagħha, id-“Direttiva AVMS”).
( 3 ) L-ESR hija l-awtorità regolatorja nazzjonali fis-sens tal-Artikolu 30 tad-Direttiva AVMS.
( 4 ) Nomos 4779/2021, Ensomatosi stin ethniki nomothesia tis Odigias (ΕΕ) 2010/13 tou Europaikou Koinovouliou kai tou Symvouliou tis 10is Martiou 2010 gia ton syntonismo orismenon nomothetikon, kanonistikon kai dioikitikon diatakseon ton kraton melon schetika me tin parochi ypiresion optikoakoustikon meson, opos echei tropopoiithi me tin Odigia (ΕΕ) 2018/1808 tou Europaikou Koinovouliou kai tou Symvouliou tis 14is Noemvriou 2018 kai alles diatakseis armodiotitas tis Genikis Grammateias Epikoinonias kai Enimerosis (il-Liġi 4779/2021 li tittrasponi fil-leġiżlazzjoni nazzjonali d-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑10 ta’ Marzu 2010 dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva (Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media awdjoviżiva), kif emendata permezz tad-Direttiva (UE) 2018/1808 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Novembru 2018 u dispożizzjonijiet oħrajn taħt il-kompetenza tas-Segretarju Ġenerali tal-Kommunikazzjoni u Informazzjoni (Gazzetta tal-Gvern I/27 tal‑20 ta’ Frar 2021) (iktar ’il quddiem il-“Liġi 4779/2021”).
( 5 ) Kien spjegat fis-seduta li l-programm kien inizjalment imxandar live, u wara baqa’ fuq is-sit internet ta’ Makeleio u seta’ jkun aċċessat on-demand.
( 6 ) Skont l-Anness II taż-żewġ deċiżjonijiet tar-rinviju, l-Artikolu 8 tal-Liġi 4779/2021 jipprevedi: “Is-servizzi tal-media awdjoviżiva ma għandux ikun fihom xi istigazzjoni għall-vjolenza jew għall-mibegħda indirizzata kontra grupp ta’ persuni jew membru ta’ grupp abbażi ta’ razza, ta’ kulur tal-ġilda, ta’ oriġini nazzjonali jew etnika, tal-antenati tagħhom, ta’ reliġjon, ta’ diżabbiltà, ta’ orjentazzjoni sesswali, ta’ identità jew ta’ karatteristiċi tal-ġeneru”.
( 7 ) Id-deċiżjonijiet tar-rinviju jindikaw l-Artikolu 1(1) ta’ Nomos 2328/1995, nomiko kathestos tis idiotikis tileorasis kai tis topikis radiofonias, rythmisi thematon tis radiotileoptikis agoras kai alles diatakseis (il-Liġi 2328/1995 li tikkonċerna l-istatus legali tat-televiżjoni privat u r-radju lokali, regolament tas-suq tax-xandir u dispożizzjonijiet oħrajn) (Gazzetta tal-Gvern I/159 tat‑3 ta’ Awwissu 1995) (iktar ’il quddiem il-“Liġi 2328/1995”) u l-Artikolu 2(1), Artikolu 4 u Artikolu 9(2) ta’ Proedriko diatagma 77/2003, kodikas deontologias eidiseografikon kai allon dimosiografikon kai politikon ekpompon (id-Digriet Presidenzjali 77/2003 li jikkonċerna l-kodiċi ta’ etika għall-aħbarijiet u xandir ġurnalistiku u politiku ieħor (Gazzetta tal-Gvern I/75 tat‑28 ta’ Marzu 2003) (iktar ’il quddiem id-“Digriet Presidenzjali 77/2003”).
( 8 ) L-Artikolu 14 tal-Kostituzzjoni Griega jittratta l-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-istampa. L-Artikolu 15(1) tagħha jiddikjara li “id-dispożizzjonijiet protettivi għall-istampa fl-artikolu preċedenti ma għandhomx ikunu applikabbli għall-films, għar-reġistrazzjoni bil-ħoss, għar-radju, għat-televiżjoni jew xi mezz simili ieħor għat-trażmissjoni ta’ diskors jew stampi”.
L-Artikolu 15(2) tal-Kostituzzjoni Griega jiddikjara kif ġej:
“Ir-radju u t-televiżjoni għandhom ikunu taħt il-kontroll dirett tal-Istat. Il-kontroll u l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet amministrattivi huma fil-kompetenza esklużiva tal-Kunsill Nazzjonali tar-radju u tat-televiżjoni, li huwa awtorità indipendenti, kif speċifikat fil-liġi. Il-kontroll dirett tal-Istat, li jista’ jassumi wkoll il-forma ta’ status ta’ permess minn qabel, għandu jkun intiż għat-trażmissjoni oġġettiva u ugwali ta’ informazzjoni u rapporti tal-aħbarijiet, kif ukoll ta’ xogħlijiet ta’ letteratura u ta’ arti, li jiżgura l-livell ta’ kwalità ta’ programmi kif meħtieġ mill-missjoni soċjali tar-radju u tat-televiżjoni u mill-iżvilupp kulturali tal-pajjiż, kif ukoll għar-rispett tal-valur tal-bniedem u għall-protezzjoni tat-tfulija u taż-żogħżija”.
( 9 ) Sentenza tal‑21 ta’ Ottubru 2015, New Media Online (C‑347/14, EU:C:2015:709, iktar ’il quddiem is-“sentenza New Media Online”).
( 10 ) Is-sentenza New Media Online, punt 24.
( 11 ) Is-sentenza New Media Online, punti 26, 28 u 33.
( 12 ) Ara, għal dan il-għan, is-sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2019, Baltic Media Alliance (C‑622/17, EU:C:2019:566, punt 41).
( 13 ) F’dawn il-kawżi, meta mistoqsija dwar il-kwistjoni fis-seduta, Makeleio kkonfermat li impjegat ta’ Makeleio għażel u organizza l-AVMS taħt is-sorveljanza ta’ din il-kumpannija.
( 14 ) Ara, għal dan il-għan, is-sentenzi tas‑16 ta’ Marzu 1978, Oehlschläger (104/77, EU:C:1978:69, punt 4) u tal‑31 ta’ Jannar 2023, Puig Gordi et (C‑158/21, EU:C:2023:57, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 15 ) Ara, għal dan il-għan, is-sentenzi tal‑1 ta’ Diċembru 1965, Dekker (33/65, EU:C:1965:118, p. 904) u tas‑26 ta’ Ottubru 2023, EDP – Energias de Portugal et (C‑331/21, EU:C:2023:812, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 16 ) Ara, għal dan il-għan, is-sentenza tal‑10 ta’ Ġunju 2021, Ultimo Portfolio Investment (il-Lussemburgu) (C‑303/20, EU:C:2021:479, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 17 ) Sentenza tal‑10 ta’ Ġunju 2021, Ultimo Portfolio Investment (il-Lussemburgu) (C‑303/20, EU:C:2021:479, punt 35).
( 18 ) Fis-seduta, il-Gvern Grieg spjega li l-istrati varji ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tikkonċerna l-AVMS għandhom jinftiehmu f’kuntest storiku, billi wieħed jibda mill-kostituzzjoni ġdida, l-ewwel privatizzazzjoni ta’ televiżjoni pubblika, sussegwentement l-espansjoni tat-televiżjoni bi ħlas, il-wasla tat-televiżjoni diġitali, li ssostitwixxiet televiżjoni analoga, u l-AVMS on-demand. Minbarra t-tliet liġijiet li diġà sar riferiment għalihom, liġijiet Griegi oħrajn, li sar riferiment għalihom fid-deċiżjonijiet tar-rinviju, huma rilevanti fil-kawżi quddiem il-qorti tar-rinviju.
( 19 ) Il-Kummissjoni Ewropea, “Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2010/13/UE dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva fid-dawl tar-realtajiet tas-suq li qed jinbidlu” (COM(2016) 287 final). Fil-verżjoni oriġinali tal‑2010 tad-Direttiva AVMS, l-Artikolu 6 kien jiddikjara kif ġej: “L-Istati Membri għandhom jiżguraw b’mezzi xierqa li servizzi tal-media awdjoviżiva pprovduti minn fornituri tas-servizzi tal-media taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom ma jkunx fihom ebda inċitament għall-mibegħda bbażata fuq ir-razza, is-sess, ir-reliġjon jew in-nazzjonalità”. Għalhekk, ma kienx fih lanqas xi riferiment għal projbizzjoni ġenerali ta’ programmi li jiksru d-dinjità tal-bniedem.
( 20 ) Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, “Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2010/13/UE dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva fid-dawl tar-realtajiet tas-suq li qed jinbidlu – Riżultat tal-ewwel qari tal-Parlament Ewropew, (Strasburgu, mill‑1 sal‑4 ta’ Ottubru 2018)”, (ST 12689/2018 INIT), p. 62. L-istess frażi kienet inkluża wkoll fil-premessa 60 tad-Direttiva 2018/1808.
( 21 ) Ara l-premessa 104 tad-Direttiva AVMS.
( 22 ) Artikolu 2(1) tad-Direttiva AVMS.
( 23 ) Ara s-sentenzi tat‑22 ta’ Settembru 2011, Mesopotamia Broadcast u Roj TV (C‑244/10 u C‑245/10, EU:C:2011:607, punt 34), u tat‑18 ta’ Lulju 2013, Sky Italia (C‑234/12, EU:C:2013:496, iktar ’il quddiem is-“sentenza Sky Italia”, punt 12).
( 24 ) Artikolu 3 tad-Direttiva AVMS.
( 25 ) Premessa 16 tad-Direttiva AVMS.
( 26 ) Wieħed jista’ jżid li, meħuda inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi bħal dawk fil-kawżi prinċipali, il-Kunsill fl‑1998 adotta r-Rakkomandazzjoni 98/560/KE tal‑24 ta’ Settembru 1998 dwar l-iżvilupp tal-kompetittività tal-industrija Ewropea tas-servizzi awdjoviżivi u ta’ informazzjoni li tippromwovi oqfsa nazzjonali intiżi għall-kisba ta’ livell paragunabbli u effettiv ta’ protezzjoni tal-minuri u tad-dinjità tal-bniedem (ĠU 1998, L 270, p. 48).
( 27 ) Serje tat-Trattati tal-Kunsill tal-Ewropa, Nru 132.
( 28 ) Ara, għal dan il-għan, is-sentenza tat‑2 ta’ Ġunju 2005, Mediakabel (C‑89/04, EU:C:2005:348, punt 41), li tinterpreta d-Direttivi 89/552 u 98/34/KE, predeċessuri tad-Direttiva AVMS, u s-sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2019, Baltic Media Alliance (C‑622/17, EU:C:2019:566, punti 69 u 70).
( 29 ) L-importanza tal-Artikolu 2 TUE kienet enfasizzata mill-Qorti tal-Ġustizzja f’ħafna okkażjonijiet, inkluż fis-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses (C‑64/16, EU:C:2018:117, punti 30 u 32). Fis-sentenza tas‑16 ta’ Frar 2022, L-Ungerija vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑156/21, EU:C:2022:97, punt 232), il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li “għandu jitfakkar li l-Artikolu 2 TUE ma jikkostitwixxix sempliċi artikolazzjoni ta’ linji gwida jew ta’ intenzjonijiet ta’ natura politika, iżda jinkludi valuri li […] l-identità nnifisha tal-Unjoni inkwantu ordinament ġuridiku komuni, valuri li huma kkonkretizzati fil-prinċipji li jinkludu obbligi legalment vinkolanti għall-Istati Membri”.
( 30 ) Ara, pereżempju, il-Qorti EDB, is-sentenzi tat‑22 ta’ Novembru 1995, S.W. vs Ir‑Renju Unit (CE:ECHR:1995:1122JUD002016692, punt 44); tad‑29 ta’ April 2002, Pretty vs Ir‑Renju Unit (CE:ECHR:2002:0429JUD000234602, punt 65); u tal‑25 ta’ Ġunju 2024, L‑Ukraina vs Ir‑Russja (Re Crimea) (CE:ECHR:2024:0625JUD002095814, punt 1290).
( 31 ) Fil-fatt, kif iddikjarat b’mod eleganti mill-Avukata Ġenerali Trstenjak fil-Konklużjonijiet tagħha fil-Kawżi Magħquda NS (C‑411/10, EU:C:2011:610, punt 112), “id-dinjità tal-bniedem mhux biss għandha tiġi ‘irrispettata’ iżda wkoll ‘protetta’”.
( 32 ) Ara, għal dan il-għan, is-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Miasto Łowicz u Prokurator Generalny (C‑558/18 u C‑563/18, EU:C:2020:234, punti 44 u 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 33 ) Tali soluzzjoni hija, fil-fatt, skont il-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza, sanċit fl-Artikolu 20 tal-Karta. Fl-Ispjegazzjonijiet dwar il-[Karta] (ĠU 2007, C 303, p. 17), l-Ispjegazzjoni dwar l-Artikolu 20 – Ugwaljanza f’għajnejn il-liġi taqra kif ġej: “Dan l-Artikolu jikkorrispondi għall-prinċipju ġenerali tal-liġi li hu inkluż fil-kostituzzjonijiet Ewropej kollha u ġie wkoll rikonoxxut mill-Qorti tal-Ġustizzja bħala prinċipju bażiku tal-liġi Komunitarja (is-sentenza tat‑13 ta’ Novembru 1984, Racke (283/83, Ġabra 1984, p. 3791), is-sentenza tas‑17 ta’ April 1997, EARL (C-15/95, Ġabra 1997, p. I‑1961), u s-sentenza tat‑13 ta’ April 2000, Karlsson (C-292/97, Ġabra 2000, p. 2737))”. Skont il-prinċipju ta’ ugwaljanza, sitwazzjonijiet paragunabbli għandhom mhux biss jiġu ttrattati b’mod ugwali, iżda wkoll sitwazzjonijiet differenti għandhom jiġu ttrattati b’mod differenti, sakemm ma hemmx raġuni sabiex jiġu ttrattati b’mod ugwali. Ara għal dan il-għan, is-sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2010, Akzo Nobel Chemicals u Akcros Chemicals vs Il-Kummissjoni et (C‑550/07 P, EU:C:2010:512, punt 55).
( 34 ) Ara, għal dan il-għan, is-sentenza Sky Italia, punti 20 u 21.
( 35 ) Il-Kummissjoni esprimiet dubji li jikkonċernaw l-ammissibbiltà ta’ din id-domanda preliminari (u tat-tieni domanda preliminari). Hija tqis li l-qorti tar-rinviju bbażat din id-domanda preliminari fuq premessa li hija prima facie skorretta li t-traspożizzjoni tad-Direttiva AVMS fil-liġi nazzjonali ma tinkludix xandara tal-internet li ma humiex ukoll stazzjonijiet tat-televiżjoni tradizzjonali. Fil-proċedura għal deċiżjoni preliminari, madankollu, ma hemm l-ebda possibbiltà għall-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tistabbilixxi t-tifsira tal-liġi nazzjonali. Il-qorti tar-rinviju spjegat b’mod ċar li hemm nuqqas ta’ qbil dwar l-interpretazzjoni tal-liġi nazzjonali bejn imħallfin fl-awla li tiddeċiedi, iżda li l-maġġoranza hija tal-pożizzjoni li fuqha hija bbażata din id-domanda preliminari. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, għalhekk, tirrispondi d-domanda preliminari fuq il-premessa li tfisser dak li l-qorti tar-rinviju ddikjarat fid-deċiżjoni tagħha tar-rinviju.
( 36 ) Din il-linja ta’ ġurisprudenza bdiet bis-sentenza tas‑26 ta’ Frar 1986, Marshall (152/84, EU:C:1986:84, punt 48). Għal konferma iktar riċenti ta’ din il-ġurisprudenza, ara s-sentenzi tas‑7 ta’ Awwissu 2018, Smith (C‑122/17, EU:C:2018:631, punti 42 u 43), u tat‑18 ta’ Jannar 2022, Thelen Technopark Berlin (C‑261/20, EU:C:2022:33, punt 32).
( 37 ) Ara, għal dan il-għan, is-sentenza tal‑10 ta’ April 1984, von Colson u Kamann (14/83, EU:C:1984:153).
( 38 ) Ara, għal dan il-għan, is-sentenza tal‑5 ta’ Ottubru 2004, Pfeiffer et (C‑397/01 sa C‑403/01, EU:C:2004:584, punt 118).
( 39 ) Sentenza tad‑19 ta’ April 2016, DI (C‑441/14, EU:C:2016:278, punt 33).
( 40 ) Ara, għal dan il-għan, is-sentenza tal‑5 ta’ Ottubru 2004, Pfeiffer et (C‑397/01 sa C‑403/01, EU:C:2004:584, punt 119).
( 41 ) Għalhekk, fis-sentenza tat‑13 ta’ Novembru 1990, Marleasing (C‑106/89, EU:C:1990:395, punt 8), il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-qorti nazzjonali hija obbligata li ssib soluzzjoni permezz ta’ interpretazzjoni “sa fejn huwa possibbli”. Sa mis-sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2005, Pupino (C‑105/03, EU:C:2005:386), il-limitu ta’ interpretazzjoni konformi huwa espress fil-kunċett “contra legem” (Ibidem, punt 47 u, iktar riċenti, is-sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2024, Sofiyski gradski sad (C‑722/22, EU:C:2024:80, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata)).
( 42 ) Ara, għal dan il-għan, is-sentenza tat‑8 ta’ Ottubru 1987, Kolpinghuis Nijmegen (80/86, EU:C:1987:431, punt 13). Ara wkoll, is-sentenzi tat‑3 ta’ Mejju 2005, Berlusconi et (C‑387/02, C‑391/02 u C‑403/02, EU:C:2005:270, punt 74) u tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Vaditrans (C‑102/16, EU:C:2017:1012, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 43 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà stabbilixxiet li l-prinċipju ta’ legalità, ġeneralment rilevanti fil-qasam tal-liġi kriminali, japplika wkoll għal sanzjonijiet amministrattivi. Ara, għal dan il-għan, is-sentenzi tat‑28 ta’ Ottubru 2010, SGS Belgium et (C‑367/09, EU:C:2010:648, punti 39 u 61) u tal‑24 ta’ Marzu 2021, Prefettura Ufficio territoriale del governo di Firenze (C‑870/19 u C‑871/19, EU:C:2021:233, punti 49 u 50). Kif l-Avukata Ġenerali Kokott sostniet, fil-fatt ma hemm xejn li jżomm is-sustanza tal-prinċipju ta’ legalità tar-reati u sanzjonijiet kriminali milli jintużaw bħala gwida fir-rigward ta’ sanzjonijiet amministrattivi (ara l-konklużjonijiet tagħha f’SGS Belgium et, C‑367/09, EU:C:2010:440, punt 37).
( 44 ) Hemm ċertu paradoss f’tali dikjarazzjoni. Jiġifieri, interpretazzjoni ġudizzjarja ma toħloqx liġi ġdida, iżda tiddikjara biss dak li l-liġi kienet sa mill-bidu tagħha. Għalhekk, huwa wkoll possibbli li jiġi ddikjarat li l-obbligu legali inkwistjoni eżista fiż-żmien meta kien twettaq l-att punibbli. Madankollu, element importanti ieħor huwa wkoll dak suġġettiv, jiġifieri li l-persuni, suġġetti għal regoli legali, setgħu jkunu jafu b’ċertezza suffiċjenti liema obbligi huma imposti fuqha bil-liġi aċċessibbli. Għalhekk, interpretazzjoni ġudizzjarja kreattiva tista’ fil-fatt tkun assoċjata ma’ ħolqien ta’ liġi.
( 45 ) Il-Qorti EDB, sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2000, Coëme et vs Il‑Belġju, (CE:ECHR:2000:0622JUD003249296, punt 145, u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 46 ) Sentenza tat‑3 ta’ Mejju 2007, Advocaten voor de Wereld (C‑303/05, EU:C:2007:261, punt 50). Ara wkoll, is-sentenza tal‑24 ta’ Marzu 2021, Prefettura Ufficio territoriale del governo di Firenze (C‑870/19 u C‑871/19, EU:C:2021:233, punt 49).
( 47 ) Sentenzi tat‑22 ta’ Ottubru 2015, AC-Treuhand vs Il-Kummissjoni (C‑194/14 P, EU:C:2015:717, punt 41), u tas‑27 ta’ Ġunju 2024, Mylan Laboratories u Mylan vs Il-Kummissjoni (C‑197/19 P, EU:C:2024:550, punt 156 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 48 ) Sentenzi tal‑5 ta’ Mejju 2022, BV (C‑570/20, EU:C:2022:348, punt 43), u tas‑27 ta’ Ġunju 2024, Mylan Laboratories u Mylan vs Il-Kummissjoni (C‑197/19 P, EU:C:2024:550, punt 157 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 49 ) Sabiex jitfakkar, f’dawn il-kawżi, l-ESR ħarġet erba’ multi. Fir-rigward ta’ Makeleio, l-ewwel multa kienet iddeterminata għall-istigazzjoni għall-vjolenza jew mibegħda lejn persuni minħabba l-orjentazzjoni sesswali tagħhom. Ma hemm l-ebda problema b’din il-multa, għaliex kienet ibbażata fuq projbizzjoni ċara stabbilita fil-Liġi 4779/2021 li tittrasponi d-Direttiva AVMS, li pprovdiet għal pieni permezz ta’ riferiment għal liġijiet preċedenti. Madankollu, it-tieni multa imposta fuq Makeleio, u ż-żewġ multi imposti fuq Zougla kienu bbażati fuq il-leġiżlazzjoni preċedenti, li ma imponewx b’mod espliċitu xi obbligi fuq il-fornituri tal-internet tat-tip tagħhom. Għal din ir-raġuni, il-maġġoranza tal-qorti tar-rinviju kkunsidrat li l-multi inkwistjoni kienu jiksru l-prinċipju ta’ legalità.
( 50 ) B’sostenn ta’ din il-konstatazzjoni, il-Kummissjoni tiddikjara li r-rikorrenti kellhom ikunu jafu li l-kodiċi tal-etika ta’ xandir ġurnalistiku, li daħal fis-seħħ permezz tad-Digriet presidenzjali 77/2003, jipprojbixxi kontenut li jikser id-dinjità tal-bniedem kif ukoll kontenut tax-xandir li huwa degradanti. Anki jekk dan il-kodiċi ma huwiex strument legali vinkolanti, jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni meta tiġi evalwata l-prevedibbiltà ta’ obbligi legali. Fil-fatt, il-ġurisprudenza tal-Qorti EDB tissuġġerixxi li tali atti jista’ jkollhom rwol fl-evalwazzjoni dwar jekk obbligu kienx “preskritt bil-liġi” fis-sens tal-Artikolu 7 tal-KEDB. Fis-sentenza tal-Qorti EDB, bid-data tas‑6 ta’ April 2010, Flinkkilä et vs Il-Finlandja, (CE:ECHR:2010:0406JUD002557604, punti 63 sa 68), il-Qorti EDB ikkonstatat li għalkemm il-leġiżlazzjoni ma kinitx preċiża, il-Linji Gwida għall-Ġurnalisti u l-prattika tal-Kunsill għall-Media tal-Massa pprovdew regoli iktar stretti mil-liġi kriminali nnifisha. Għal din ir-raġuni, il-Qorti EDB kkonstatat li l-obbligu inkwistjoni f’dik il-kawża kien “preskritt bil-liġi” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u l-piena kienet għaldaqstant koerenti mal-prinċipju ta’ legalità.