Brussell, 8.3.2022

COM(2022) 112 final

2022/0077(COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 514/2014 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni u dwar l-istrument għal appoġġ finanzjarju għall-kooperazzjoni tal-pulizija, il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità, u l-ġestjoni tal-kriżijiet
u
li jemenda r-Regolament (UE) Nru 516/2014 li jistabbilixxi l-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni
u
li jemenda r-Regolament (UE) 2021/1147 li jistabbilixxi l-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

•Raġunijiet u objettivi tal-proposta

L-invażjoni tal-Ukrajna mill-Federazzjoni Russa fl-24 ta’ Frar 2022 wasslet għal influss tal-massa ta’ persuni spostati mill-Ukrajna għal diversi Stati Membri tal-UE. Dan wassal biex mill-ġdid hemm pressjoni fuq ir-riżorsi finanzjarji tal-Istati Membri biex jindirizzaw il-ħtiġijiet urġenti marbutin mal-migrazzjoni u l-ġestjoni tal-fruntieri. Filwaqt li l-pressjoni migratorja akbar, inkluż il-proċeduri ta’ akkoljenza u l-ipproċessar tal-ażil, diġà qed tinħass ħafna fl-Istati Membri li għandhom fruntiera fuq l-art mal-Ukrajna, il-ħtiġijiet qed jinfirxu aktar ’il bogħod mat-territorju kollu tal-Unjoni Ewropea, u se jibqgħu hemm lil hinn mill-2022.

L-għan kumplessiv ta’ din il-proposta huwa li l-Istati Membri jiġu appoġġati biex jindirizzaw il-konsegwenzi tal-gwerra fl-Ukrajna, billi tiffaċilita l-aċċess għal riżorsi finanzjarji li għadhom ma ntefqux għal-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020 taħt il-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni 1 (“AMIF”) u l-Fond għas-Sigurtà Interna sa fejn dan jikkonċerna l-istrument għall-appoġġ finanzjarju għall-fruntieri esterni u l-viża 2 , kif ukoll il-Fond għas-Sigurtà Interna sa fejn dan jikkonċerna l-strument għal appoġġ finanzjarju għall-kooperazzjoni tal-pulizija, il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità, u l-ġestjoni tal-kriżijiet 3 (minn hawn ’il quddiem: il-“Fondi għall-Affarijiet Interni 2014-2020”). Din il-proposta għandha l-għan li timmassimizza l-ambitu tal-użu ta’ dawk il-fondi, billi testendi l-perjodu ta’ eliġibbiltà u tiżblokka l-aċċess għal riżorsi allokati mhux minfuqa, u b’hekk jiġi evitat it-telf ta’ finanzjament mhux użat minħabba d-diżimpenn.

Fl-4 ta’ Marzu 2022, ġiet adottata d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/382 li tistabbilixxi l-eżistenza ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati mill-Ukrajna skont it-tifsira tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/55/KE 4 , u li għandha l-effett li tintroduċi protezzjoni temporanja. Din id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tiċċara (fil-Premessa 22) li l-isforzi tal-Istati Membri biex jikkonformaw mal-obbligi li jirriżultaw minnha u biex joffru protezzjoni temporanja se jiġu appoġġati, fost l-oħrajn, mill-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/1147 5 (“AMIF 2021-2027”). Estensjoni tal-perjodu ta’ implimentazzjoni tal-Fondi għall-Affarijiet Interni 2014-2020 tista’ wkoll toffri flessibbiltà addizzjonali lill-Istati Membri għall-miżuri ta’ appoġġ meħuda f’konformità mad-Direttiva tal-Kunsill 2001/55/KE dwar l-istandards minimi sabiex tingħata protezzjoni temporanja biex jiġi indirizzat l-influss bil-massa ta’ persuni spostati mill-Ukrajna.

Din il-flessibbiltà ġenerali hija meħtieġa sabiex jiġi żgurat approċċ komprensiv għall-ġestjoni tal-migrazzjoni, imsejjes fuq il-fiduċja reċiproka, is-solidarjetà u l-kondiviżjoni tar-responsabbiltà bejn l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, biex tiġi żgurata politika komuni sostenibbli tal-Unjoni dwar l-ażil, il-migrazzjoni, is-sigurtà u l-ġestjoni tal-fruntieri, u biex tissaħħaħ il-fiduċja fil-kapaċità tal-Unjoni li tlaqqa’ l-isforzi Ewropej u nazzjonali biex isir xogħol effettiv.

Estensjoni tal-perjodu ta’ implimentazzjoni tal-Fondi għall-Affarijiet Interni 2014–2020

L-għan ta’ din il-proposta huwa li testendi, b’sena (1), il-perjodu ta’ implimentazzjoni tal-Fondi għall-Affarijiet Interni għall-2014–2020. Din l-estensjoni se tinkiseb billi jiġi emendat ir-Regolament (UE) Nru 514/2014 tas-16 ta’ April 2014 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni u dwar l-istrument għal appoġġ finanzjarju għall-kooperazzjoni tal-pulizija, il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità, u l-ġestjoni tal-kriżijiet 6 , li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ta’ applikazzjoni għall-Fondi għall-Affarijiet Interni 2014-2020. Din l-estensjoni se tippermetti lill-Istati Membri jużaw b’urġenza l-fondi li fadal biex jgħinu biex tiġi indirizzata ż-żieda fil-pressjoni fuq is-sistemi ta’ ġestjoni tal-fruntieri u tal-migrazzjoni tagħhom li tirriżulta mill-invażjoni fl-Ukrajna. L-influss bil-massa ta’ persuni lejn l-Istati Membri tal-UE jwassal ukoll għal ħtiġijiet addizzjonali ta’ sigurtà, li jistgħu jibbenefikaw bl-istess mod mill-fondi li jifdal.

L-iżblokkar tal-aċċess għar-riżorsi allokati li ma ntefqux taħt l-AMIF 2014–2020

Barra minn hekk, din il-proposta għandha l-għan li tiżblokka l-aċċess għal ammonti mhux minfuqa li qabel kienu allokati għal ċerti skopijiet speċifiċi taħt l-AMIF, biex l-Istati Membri jkunu jistgħu jindirizzaw aħjar il-pressjoni akbar fuq is-sistemi tagħhom ta’ ġestjoni tal-ażil u l-migrazzjoni li tirriżulta mill-invażjoni tal-Ukrajna. Dan l-aċċess se jiġi pprovdut billi jiġi emendat ir-Regolament (UE) 516/2014 tas-16 ta’ April 2014 li jistabbilixxi l-AMIF u li jistabbilixxi dispożizzjonijiet għall-użu tiegħu.

Isir possibbli li jintuża d-Dħul Assenjat Estern taħt l-AMIF 2021–2027

Sabiex jissaħħaħ l-ambitu tas-sorsi ta’ finanzjament disponibbli biex jgħinu biex jindirizzaw avvenimenti futuri imprevedibbli, il-proposta għandha l-għan li tipprovdi lill-Istati Membri u donaturi pubbliċi jew privati oħra l-possibbiltà, taħt il-perjodu ta’ programmazzjoni 2021–2027, li jagħmlu kontribuzzjonijiet finanzjarji addizzjonali għall-ġestjoni tal-ażil u l-migrazzjoni fil-forma ta’ dħul assenjat estern. Dan id-dħul assenjat estern se jikkostitwixxi kontribuzzjoni apposta mill-Istati Membri u minn donaturi pubbliċi jew privati oħra għall-finanzjament ta’ partiti speċifiċi ta’ nefqa taħt il-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni għall-2021-2027. Iż-żieda ta’ dan is-sors potenzjali ta’ finanzjament se tiġi pprovduta permezz tar-Regolament emendatorju (UE) 2021/1147 7 li jistabbilixxi l-AMIF u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet għall-użu tiegħu. Se jippermetti miżura addizzjonali ta’ tħejjija għall-finanzjament tal-attivitajiet marbutin mal-ażil u l-migrazzjoni fl-Istati Membri matul kriżijiet bħal dawk li jirriżultaw mill-invażjoni tal-Ukrajna.

•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

Il-proposta hija konsistenti mal-qafas legali ġenerali stabbilit għall-Fondi għall-Affarijiet Interni 2014-2020 u hija limitata għal emenda mmirata ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi fir-Regolament (UE) Nru 514/2014 u r-Regolament (UE) Nru 516/2014 biex jiġu indirizzati ċ-ċirkostanzi urġenti u eċċezzjonali li jirriżultaw mill-invażjoni tal-Ukrajna. Barra minn hekk, il-possibbiltà li jiġi assenjat id-dħul għal partiti speċifiċi tan-nefqa hija prevista fl-Artikolu 21(5) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 (“ir-Regolament Finanzjarju”), applikabbli għall-finanzjament kollu tal-UE fil-qasam ta’ politika rilevanti 8 .

•Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Il-proposta hija limitata għal emendi mmirati tar-Regolament (UE) Nru 514/2014 u r-Regolament (UE) Nru 516/2014 biex jiġu indirizzati ċ-ċirkostanzi urġenti u eċċezzjonali li jirriżultaw mill-invażjoni tal-Ukrajna, u żżomm il-konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni. Li jiġu indirizzati t-tifqigħa tal-vjolenza fl-Ukrajna u l-movimenti sussegwenti tar-refuġjati ġew identifikati b’mod konsistenti bħala prijorità ewlenija tal-Unjoni. L-approċċ propost huwa wkoll konsistenti maċ-ċiklu ta’ implimentazzjoni (“ir-regola N+3”) stabbilit fl-Artikolu 136 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 9 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd. Barra minn hekk, l-użu tad-dħul assenjat estern huwa konsistenti mal-approċċ użat fi strumenti oħra ta’ finanzjament fejn ir-reżiljenza u t-tħejjija huma fatturi importanti, bħar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/2094 li jistabbilixxi Strument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru biex jappoġġa l-irkupru wara l-kriżi tal-COVID-19 10 .

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

•Bażi ġuridika

Il-bażi ġuridika għall-azzjoni proposta tal-Unjoni tinsab fil-lista ta’ miżuri li tinsab fl-Artikolu 78(2), l-Artikolu 79(2) u (4), l-Artikolu 82(1), l-Artikolu 84 l-Artikolu 87(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni (TFUE). Ir-Regolament (UE) Nru 516/2014 huwa bbażat fuq l-Artikolu 78(2), l-Artikolu 79(2) u (4), filwaqt li r-Regolament (UE) Nru 514/2014 huwa bbażat fuq id-dispożizzjonijiet kollha msemmija hawn fuq.

•Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

Il-proposta għandha l-għan li tappoġġa lill-Istati Membri biex jindirizzaw l-effetti diretti u indiretti li jirriżultaw mill-invażjoni tal-Ukrajna u, b’mod partikolari ż-żieda fil-ħtiġijiet tagħhom marbuta mal-migrazzjoni u l-ġestjoni tal-fruntieri, sabiex jiġi massimizzat l-użu tal-Fondi tal-UE disponibbli maħsuba għal skopijiet relatati. Il-leġiżlazzjoni tal-UE tista’ tiġi emendata biss fil-livell tal-Unjoni.

•Proporzjonalità

Il-proposta tinkludi bidliet limitati u mmirati li ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħaq l-objettiv li jiġi żgurat li l-Istati Membri jkunu jistgħu jagħmlu l-aħjar użu mir-riżorsi finanzjarji disponibbli b’reazzjoni għall-invażjoni tal-Ukrajna. Din l-invażjoni wasslet għal aktar ħtiġijiet f’oqsma partikolari, bħall-migrazzjoni u l-ġestjoni tal-fruntieri, li huma koperti direttament mill-Fondi għall-Affarijiet Interni 2014-2020). Il-proposta b’hekk tikkonforma mal-prinċipju tal-proporzjonalità, u taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni marbut ma’ azzjoni fl-ispazju tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja, kif definit fit-Titolu V TFUE. L-objettivi u l-livelli korrispondenti ta’ finanzjament huma proporzjonali għal dak li l-istrument għandu l-għan li jikseb.

•Għażla tal-istrument

Ir-Regolament (UE) Nru 514/2014 jistabbilixxi l-perjodu ta’ eliġibbiltà u ta’ implimentazzjoni tal-Fondi għall-Affarijiet Interni 2014-2020 waqt li r-Regolament (UE) Nru 516/2014 jistabbilixxi r-regoli speċifiċi dwar l-użu tar-riżorsi taħt l-AMIF għal dan il-perjodu. Sabiex jiġi estiż il-perjodu ta’ eliġibbiltà tal-Fondi għall-Affarijiet Interni 2014-2020 u biex jiġi żblukkat l-aċċess għal riżorsi mhux minfuqa taħt l-AMIF, kemm ir-Regolament (UE) Nru 514/2014 kif ukoll ir-Regolament (UE) 516/2014 iridu jiġu emendati permezz tar-Regolament preżenti. Ir-Regolament (UE) 2021/1147 jistabbilixxi l-AMIF għall-2021–2027 u jistabbilixxi dispożizzjonijiet għall-użu tiegħu, u sabiex jintroduċi dispożizzjonijiet dwar id-dħul assenjat estern għall-użu taħt l-AMIF 2021–2027, ir-Regolament (UE) 2021/1147 ukoll irid jiġi emendat permezz ta’ din il-proposta.

3.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

L-impatt baġitarju diġà huwa akkomodat fi ħdan il-baġit tal-Fondi għall-Affarijiet Interni 2014-2020. L-objettiv ta’ din il-proposta huwa li jiġi ottimizzat l-użu tal-Fondi għall-Affarijiet Interni 2014-2020 fil-kuntest tal-influss tal-massa ta’ persuni spostati mill-Ukrajna lejn l-Istati Membri tal-UE.

L-impatt baġitarju tad-dħul assenjat estern fi ħdan il-baġit tal-AMIF 2021-2027 ma jistax ikun magħruf minn qabel. L-Artikolu 21(5) tar-Regolament Finanzjarju jipprevedi li l-baġit għandu jinkludi linji li jakkomodaw id-dħul assenjat estern u d-dħul assenjat intern u kull fejn possibbli għandu jindika l-ammont. Id-dħul assenjat jista’ jiġi inkluż fl-abbozz tal-baġit biss għall-ammonti li jkunu ċerti fid-data tal-istabbiliment tal-abbozz tal-baġit.

2022/0077 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 514/2014 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni u dwar l-istrument għal appoġġ finanzjarju għall-kooperazzjoni tal-pulizija, il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità, u l-ġestjoni tal-kriżijiet
u

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 516/2014 li jistabbilixxi l-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni

u

li jemenda r-Regolament (UE) 2021/1147 li jistabbilixxi l-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 78(2), l-Artikolu 79(2) u (4), l-Artikolu 82(1), l-Artikolu 84 u l-Artikolu 87(2),

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 11 ,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni 12 ,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)L-invażjoni tal-Ukrajna mill-Federazzjoni Russa fl-24 ta’ Frar 2022 wasslet għal influss tal-massa ta’ persuni spostati mill-Ukrajna għal diversi Stati Membri tal-UE. Dan wassal biex mill-ġdid hemm pressjoni fuq ir-riżorsi finanzjarji tal-Istati Membri biex jindirizzaw ħtiġijiet urġenti marbutin mal-migrazzjoni, mal-ġestjoni tal-fruntieri u mas-sigurtà. Meta jitqiesu n-natura u d-dimensjoni tal-kriżi, dawn il-ħtiġijiet imprevisti se jkomplu lil hinn mill-2022.

(2)Mill-1 ta’ Jannar 2014, il-politika tal-Unjoni għall-Affarijiet Interni għall-migrazzjoni, il-ġestjoni tal-fruntieri u s-sigurtà ġiet appoġġata minn finanzjament mill-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni 13 u l-Fond għas-Sigurtà Interna sa fejn jikkonċerna l-istrument għall-appoġġ finanzjarju għall-fruntieri esterni u l-viża 14 , kif ukoll il-Fond għas-Sigurtà Interna sa fejn jikkonċerna l-strument għal appoġġ finanzjarju għall-kooperazzjoni tal-pulizija, il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità, u l-ġestjoni tal-kriżijiet (il-“Fondi għall-Affarijiet Interni 2014-2020”).

(3)Huwa meħtieġ li l-perjodu ta’ implimentazzjoni tal-Fondi għall-Affarijiet Interni 2014-2020 jiġi estiż b’sena, biex l-Istati Membri jkunu jistgħu jagħmlu użu sħiħ minn kwalunkwe fondi mhux minfuqa minn dawn il-programmi, u, jekk ikun meħtieġ, jirrevedu malajr l-implimentazzjoni tal-programmi tagħhom kif meħtieġ biex jindirizzaw l-isfidi mhux previsti li jirriżultaw mill-invażjoni tal-Ukrajna.

(4)Huwa meħtieġ ukoll li tiġi prevista aktar flessibbiltà fl-użu tar-riżorsi allokati skont ir-Regolament (UE) Nru 516/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li bħalissa jipprevjeni li l-fondi mhux minfuqa tal-perjodu ta’ programmazzjoni 2014–2020 jintużaw għal azzjonijiet biex jiġu indirizzati ħtiġijiet urġenti li jirriżultaw mill-invażjoni tal-Ukrajna.

(5)Ir-Regolament (UE) Nru 514/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 15 jistabbilixxi regoli ġenerali għall-implimentazzjoni tal-Fondi għall-Affarijiet Interni 2014–2020 fir-rigward, fost l-oħrajn, tal-finanzjament tan-nefqa u l-perjodu ta’ implimentazzjoni, li jillimita l-eliġibbiltà tal-iżborżi tal-Istati Membri sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Ġunju 2023, u jistabbilixxi l-għeluq tal-perjodu ta’ implimentazzjoni fil-31 ta’ Diċembru 2023.

(6)Mill-1 ta’ Jannar 2021, taħt il-Qafas Finanzjarju Pluriennali għall-2021–2027, pakkett imġedded ta’ Fondi fil-qasam tal-migrazzjoni u l-ġestjoni tal-fruntieri daħal fis-seħħ fil-forma tal-Fond il-ġdid għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni 16 , l-Istrument għall-Appoġġ Finanzjarju għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u għall-Viżi 17 u l-Fond għas-Sigurtà Interna 18 (il-“Fondi għall-Affarijiet Interni 2021-2027”).

(7)Minkejja li l-Fondi għall-Affarijiet Interni 2021-2027 daħlu fis-seħħ fil-15 ta’ Lulju 2021, u bdew japplikaw fl-1 ta’ Jannar 2021, il-programmi tal-Istati Membri għadhom ma ġewx approvati [mid-data tal-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament,].

(8)Sabiex tiġi żgurata l-kontinwità fl-implimentazzjoni tal-objettivi ta’ politika tal-Fondi għall-Affarijiet Interni 2014-2020 u 2021-2027, kif ukoll biex tkun tista’ ssir tranżizzjoni bla xkiel bejn il-perjodu ta’ programmazzjoni għall-2014-2020 u dak għall-2021-2027, biex b’hekk jiġi minimizzat il-piż amministrattiv għall-Istati Membri, huwa meħtieġ li jkun hemm xi trikkib bejn l-implimentazzjoni tal-istrumenti ta’ finanzjament rispettivi.

(9)Din il-ħtieġa hija rikonoxxuta espressament mill-bażijiet ġuridiċi tal-Fondi għall-Affarijiet Interni 2021-2027 u r-Regolament (UE) 2021/1060 19 , li jippermettu l-eliġibbiltà retroattiva tan-nefqa mill-1 ta’ Jannar 2021.

(10)Minkejja dawk id-dispożizzjonijiet li jgħinu biex jitnaqqas id-distakk bejn l-istrumenti ta’ finanzjament, id-data tat-tmiem tal-implimentazzjoni tal-Fondi għall-Affarijiet Interni 2014–2020 u d-dati antiċipati għall-approvazzjoni tal-programmi taħt il-Fondi għall-Affarijiet Interni 2021-2027 għandhom ir-riskju li jesponu lill-Istati Membri għal diskrepanza konsiderevoli fil-finanzjament. Dan jista’ jirriżulta fi problemi ta’ likwidità li jirriżultaw minħabba l-pressjoni addizzjonali fuq l-attivitajiet ta’ ġestjoni tal-migrazzjoni u tal-fruntieri tagħhom wara l-influss bil-massa ta’ persuni spostati mill-Ukrajna.

(11)Ir-riskju huwa aggravat mill-fatt li l-Fondi għall-Affarijiet Interni 2014–2020 isegwu ċiklu iqsar għall-implimentazzjoni tal-impenji baġitarji (ir-regola N+2) li mhijiex allinjata ma’ strumenti oħra ta’ finanzjament tal-UE f’ġestjoni kondiviża, bħall-Fondi ta’ Koeżjoni, fejn japplika perjodu ta’ implimentazzjoni itwal (N+3). Din ir-regola N+3 20 se tapplika għall-Fondi għall-Affarijiet Interni 2021–2027 kif stabbilit fir-Regolament (UE) 2021/1060 għall-perjodu 2021–2027.

(12)Minħabba, parzjalment, raġunijiet li ma jaqgħux taħt il-kontroll tal-Istati Membri, bħad-dewmien fl-implimentazzjoni kkawżat mill-pandemija tal-Coronavirus fl-2020-2021, id-data disponibbli dwar is-sitwazzjoni attwali tal-implimentazzjoni mill-Istati Membri tindika riskju għoli ta’ diżimpenn tal-fondi, li mod ieħor jistgħu jintużaw biex jiġu indirizzati ħtiġijiet ġodda. Sadanittant, l-estensjoni tal-iskadenza għall-implimentazzjoni tal-fondi b’sena tagħmilha possibbli għall-Istati Membri li jagħmlu użu sħiħ mill-impenji baġitarji fil-programmi 2014-2020 biex jindirizzaw l-isfidi li issa qed jiffaċċjaw minħabba l-avvenimenti fl-Ukrajna.

(13)Ir-Regolament (UE) Nru 514/2014 jirrikonoxxi li, fid-dawl ta’ ċirkostanzi ġodda jew mhux previsti, fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni jew tal-Istat Membru kkonċernat, programm nazzjonali approvat jista’ jiġi rieżaminat u, jekk meħtieġ, rivedut għall-bqija tal-perijodu ta’ programmazzjoni. Skont dan, jenħtieġ li jkun xieraq li l-gwerra fl-Ukrajna titqies bħala li tikkostitwixxi “ċirkostanzi ġodda jew imprevisti” biex tiġġustifika rieżami u ridirezzjoni operazzjonali tal-implimentazzjoni tal-programm, fid-dawl ta’ dawn il-ħtiġijiet ġodda u fi ħdan l-objettivi speċifiċi tal-programm adottat preċedentement.

(14)Sabiex l-Istati Membri jingħataw aċċess kontinwu għal ammonti li ma ntefqux taħt il-Fondi għall-Affarijiet Interni 2014-2020, huwa meħtieġ li l-perjodu ta’ eliġibbiltà ta’ dawk il-fondi jiġi estiż b’sena, u li jsiru l-aġġustamenti relatati meħtieġa għad-dati applikabbli għall-implimentazzjoni, ir-rappurtar, l-evalwazzjoni u l-għeluq tal-programmi, kif ukoll id-dati relatati mal-ammonti diżimpenjati.

(15)Sabiex jiġi żgurat li l-estensjoni tal-perjodu ta’ eliġibbiltà tiġi introdotta bl-aktar mod ċar possibbli, huwa meħtieġ li tiġi stabbilita data ewlenija finali sa meta n-nefqa trid tkun kemm imġarrba kif ukoll żborżata.

(16)Ir-Regolament (UE) 2018/2000 tat-12 ta’ Diċembru 2018 21 emenda r-Regolament (UE) Nru 516/2014 biex jiżblokka l-aċċess għar-riżorsi allokati għat-trasferiment jew l-applikanti u l-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali u biex jippermetti l-użu tagħhom għal ċerti azzjonijiet oħra taħt il-programm nazzjonali. Huwa meħtieġ li dan il-prinċipju ta’ flessibbiltà jiġi estiż biex jindirizza ħtiġijiet urġenti fid-dawl ta’ ċirkostanzi ġodda jew imprevisti, b’mod partikolari biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet il-ġodda tal-ġestjoni tal-ażil u l-migrazzjoni li l-Istati Membri għandhom minħabba l-invażjoni tal-Ukrajna.

(17)Sabiex jiġi żblukkat l-aċċess għall-fondi kollha disponibbli u jiġi evitat li jintilfu permezz tad-diżimpenn ta’ riżorsi mhux użati li qabel kienu allokati għal ċerti skopijiet speċifiċi skont ir-Regolament (UE) Nru 516/2014, inklużi riżorsi għal azzjonijiet speċifiċi u għall-programm ta’ Risistemazzjoni tal-Unjoni, huwa meħtieġ li l-Istati Membri jiġu offruti flessibbiltà biex jużaw b’mod eċċezzjonali dawn ir-riżorsi fid-dawl ta’ ċirkostanzi ġodda jew imprevisti, bħal dawk li jirriżultaw mill-invażjoni tal-Ukrajna.

(18)Sabiex jissaħħaħ l-ambitu tas-sorsi ta’ finanzjament disponibbli biex jgħinu biex jindirizzaw avvenimenti futuri imprevedibbli, il-proposta għandha l-għan li tipprovdi lill-Istati Membri u donaturi pubbliċi jew privati oħra l-possibbiltà, taħt il-perjodu ta’ programmazzjoni 2021–2027, li jagħmlu kontribuzzjonijiet finanzjarji addizzjonali għall-ġestjoni tal-ażil u l-migrazzjoni fil-forma ta’ dħul assenjat estern. Dan id-dħul assenjat estern se jikkostitwixxi kontribuzzjoni apposta mill-Istati Membri u minn donaturi pubbliċi jew privati oħra għall-finanzjament ta’ partiti speċifiċi ta’ nefqa taħt il-Fondi għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni għall-2021-2027, u se jippermetti miżura ta’ tħejjija addizzjonali għall-finanzjament ta’ attivitajiet marbutin mal-ażil u l-migrazzjoni fl-Istati Membri matul kriżijiet bħal dawk li jirriżultaw mill-invażjoni tal-Ukrajna.

(19)L-appoġġ ipprovdut taħt l-AMIF jenħtieġ li jkun komplementari b’mod partikolari għall-azzjonijiet iffinanzjati taħt Fondi oħra tal-Unjoni, b’mod partikolari taħt il-politika ta’ koeżjoni, biex jiġi massimizzat l-impatt tal-finanzjament disponibbli.

(20)Jenħtieġ għalhekk li r-Regolament (UE) Nru 514/2014 u r-Regolament (UE) Nru 516/2014 jiġu emendati skont dan,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) Nru 514/2014 huwa emendat kif ġej:

(1)    fl-Artikolu 17, il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3. In-nefqa għandha tkun eliġibbli għal appoġġ taħt ir-Regolament Speċifiku jekk tkun ġiet imġarrba minn benefiċjarju u tkun ġiet żborżata kompletament mill-Awtorità Responsabbli deżinjata bejn l-1 ta’ Jannar 2014 u t-30 ta’ Ġunju 2024.”

(2)    fl-Artikolu 40, il-paragrafi 1 u 2 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“1. L-Istati Membri għandhom jissottomettu d-dokumenti segwenti sal-31 ta’ Diċembru 2024:

(a) l-informazzjoni meħtieġa għall-aħħar kontijiet annwali, f’konformità mal-Artikolu 44(1);

(b) talba għal pagament tal-bilanċ finali; u

(c) ir-rapport ta’ implimentazzjoni finali għall-programm nazzjonali kif imsemmi fl-Artikolu 54(1).

“2. Il-pagamenti magħmula mill-Awtorità Responabbli mis-16 ta’ Ottubru 2023 sat-30 ta’ Ġunju 2024 għandhom jiġu inklużi fl-aħħar kontijiet annwali.”

(3)    fl-Artikolu 50, il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4. L-impenn marbut mal-aħħar sentejn finanzjarji tal-perijodu għandu jiġi diżimpenjat f’ konformità mar-regoli segwiti għall-għeluq tal-programm.”

(4)    fl-Artikolu 54, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1. Sal-31 ta’ Marzu 2016 u sal-31 ta’ Marzu ta’ kull sena sussegwenti sa u inkluż l-2023, l-Awtorità Responsabbli għandha tressaq quddiem il-Kummissjoni rapport annwali dwar l-implimentazzjoni ta’ kull programm nazzjonali fis-sena finanzjarja preċedenti u tista’, fil-livell xieraq, tippubblika dik l-informazzjoni. Ir-rapport sottomess fl-2016 għandu jkopri s-snin finanzjarji 2014 u 2015. L-Istat Membru għandu jissottometti rapport finali dwar l-implimentazzjoni tal-programmi nazzjonali sal-31 ta’ Diċembru 2024.”

(5)    L-Artikolu 57 huwa emendat kif ġej:

(a)    fil-paragrafu 1, il-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(b) rapport ta’ evalwazzjoni ex post dwar l-effetti ta’ azzjonijiet taħt il-programmi nazzjonali tagħhom sal-31 ta’ Diċembru 2024.”

(b)    fil-paragrafu 2, il-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(b) rapport ta’ evalwazzjoni ex post dwar l-effetti ta’ dan ir-Regolament u r-Regolamenti Speċifiċi, wara l-għeluq tal-programmi nazzjonali, sat-30 ta’ Ġunju 2025.”

Artikolu 2

Ir-Regolament (UE) Nru 516/2014 huwa emendat kif ġej:

(1)    fl-Artikolu 16, il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3. L-ammonti addizzjonali msemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu allokati lill-Istati Membri fid-deċiżjonijiet individwali ta’ finanzjament li japprovaw jew jirrevedu l-programm nazzjonali tagħhom fil-kuntest tar-reviżjoni ta’ nofs it-terminu skont il-proċedura stabbilita fl-Artikoli 14 u 15 tar-Regolament (UE) Nru 514/2014. Dawk l-ammonti għandhom jintużaw biss għall-implimentazzjoni tal-azzjonijiet speċifiċi elenkati fl-Anness II għal dan ir-Regolament. Madankollu, fejn, fid-dawl ta’ ċirkostanzi ġodda jew imprevisti, ikun meħtieġ użu ieħor taħt il-programm nazzjonali, l-Istat Membru kkonċernat għandu jikkonsulta lill-Kummissjoni qabel ma jintużaw dawn l-ammonti.”

(2)    fl-Artikolu 17, il-paragrafu 9 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“9. L-ammonti addizzjonali msemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu allokati lill-Istati Membri kull sentejn, għall-ewwel darba fid-deċiżjonijiet individwali ta’ finanzjament li japprovaw il-programm nazzjonali tagħhom f’konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) Nru 514/2014, u aktar tard fid-deċiżjoni ta’ finanzjament li għandha tiġi annessa mad-deċiżjonijiet li japprovaw il-programm nazzjonali tagħhom. Dawk l-ammonti ma għandhomx jiġu ttrasferiti għal azzjonijiet oħra taħt il-programm nazzjonali. Madankollu, fejn, fid-dawl ta’ ċirkostanzi ġodda jew imprevisti, ikun meħtieġ trasferiment, l-Istat Membru kkonċernat għandu jikkonsulta lill-Kummissjoni qabel ma jittrasferixxi dawn l-ammonti.”

Artikolu 3

Ir-Regolament (UE) 2021/1147 huwa emendat kif ġej:

(1)    Jiżdied paragrafu (5) ġdid mal-Artikolu 10 kif ġej:

“5. L-appoġġ taħt dan ir-Regolament jista’ jiġi ffinanzjat ukoll minn kontribuzzjonijiet magħmula mill-Istati Membri u minn donaturi pubbliċi jew privati oħra bħala dħul assenjat estern f’konformità mal-Artikolu 21(5) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 22 .”

Artikolu 4

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri skont it-Trattati.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1)    Ir-Regolament (UE) Nru 516/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 li jistabbilixxi l-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, li jemenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/381/KE u li jħassar id-Deċiżjonijiet Nru 573/2007/KE u Nru 575/2007/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/435/KE (ĠU L 150, 20.5.2014, p. 168).
(2)    Ir-Regolament (UE) Nru 515/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 li jistabbilixxi, bħala parti mill-Fond għas-Sigurtà Interna, l-istrument għall-appoġġ finanzjarju għall-fruntieri esterni u l-viża u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 574/2007/KE (ĠU L 150, 20.5.2014, p. 143).
(3)    Ir-Regolament (UE) Nru 513/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 li jistabbilixxi, bħala parti mill-Fond għas-Sigurtà Interna, l-istrument għal appoġġ finanzjarju għall-kooperazzjoni tal-pulizija, il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità, u l-ġestjoni tar-riskji u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/125/JHA (ĠU L 150, 20.5.2014, p. 93). 
(4)    Id-Direttiva tal-Kunsill 2001/55/KE tal-20 ta’ Lulju 2001 dwar l-istandards minimi sabiex tingħata protezzjoni temporanja fl-eventwalità ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati u dwar il-miżuri li jippromwovu bilanċ fl-isforzi bejn l-Istati Membri meta jirċievu dawn il-persuni u li jġorru l-konsegwenzi ta’ dawn (ĠU L 212, 7.8.2001, p. 12).
(5)    Ir-Regolament (UE) 2021/1147 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Lulju 2021 li jistabbilixxi l-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (ĠU L 251, 15.07.2021, p. 1).
(6)    ĠU L 150, 20.5.2014, p. 112. It-titolu tiegħu jista’ jiżvija lil dak li jkun dwar l-applikazzjoni, iżda dan ir-Regolament japplika wkoll għall-istrument għall-fruntieri esterni u l-viżi, bis-saħħa tal-Artikolu 1(3) tar-Regolament (UE) 515/2014 flimkien mal-Artikolu 2, il-punt (a) tar-Regolament (UE) Nru 514/2014.
(7)    Ir-Regolament (UE) 2021/1147 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Lulju 2021 li jistabbilixxi l-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (ĠU L 251, 15.07.2021, p. 1).
(8)    Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).
(9)    Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320).
(10)    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/2094 tal-14 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi Strument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru biex jappoġġa l-irkupru wara l-kriżi tal-COVID-19 (ĠU L 433, 22.12.2020, p. 23).
(11)    ĠU C […], […], p. […].
(12)    ĠU C […], […], p. […].
(13)    Ir-Regolament (UE) Nru 516/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 li jistabbilixxi l-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, li jemenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/381/KE u li jħassar id-Deċiżjonijiet Nru 573/2007/KE u Nru 575/2007/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/435/KE (ĠU L 150, 20.5.2014, p. 168).
(14)    Ir-Regolament (UE) Nru 515/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 li jistabbilixxi, bħala parti mill-Fond għas-Sigurtà Interna, l-istrument għall-appoġġ finanzjarju għall-fruntieri esterni u l-viża u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 574/2007/KE (ĠU L 150, 20.5.2014, p. 143).
(15)    ĠU L 150, 20.5.2014, p. 112.
(16)    Ir-Regolament (UE) 2021/1147 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Lulju 2021 li jistabbilixxi l-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (ĠU L 251, 15.7.2021, p. 1).
(17)    Ir-Regolament (UE) 2021/1148 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Lulju 2021 li jistabbilixxi, bħala parti mill-Fond għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri, l-Istrument għall-Appoġġ Finanzjarju għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u l-Politika dwar il-Viżi (ĠU L 251, 15.7.2021, p. 48).
(18)    Ir-Regolament (UE) 2021/1149 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Lulju 2021 li jistabbilixxi l-Fond għas-Sigurtà Interna (ĠU L 251, 15.7.2021, p. 94).
(19)    Ir-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 li jistipula dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura u r-regoli finanzjarji għalihom u għall-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, il-Fond għas-Sigurtà Interna u l-Istrument għall-Appoġġ Finanzjarju għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u l-Politika dwar il-Viżi (ĠU L 231, 30.06.2021, p. 159).
(20)    L-impenji baġitarji relatati mal-programmi operattivi jsiru għal kull porzjon annwali. Ir-regola N+3 tipprevedi li impenn magħmul fis-sena N għandu jkun kopert mill-istess ammont ta’ prefinanzjament u talbiet għal pagamenti interim qabel il-31 ta’ Diċembru N+3 (pereżempju, impenn li sar fl-2014 għandu jkun kopert kompletament minn talbiet għal prefinanzjament u pagamenti qabel il-31 ta’ Diċembru 2017). L-ammont mhux kopert jiġi diżimpenjat, li jfisser li l-Istat Membru jitlef il-finanzjament. L-għan tar-regola huwa li tiżgura dixxiplina finanzjarja fil-ġestjoni tal-fondi tal-UE billi tobbliga lill-Istati Membri jimplimentaw il-proġetti b’mod dinamiku u biex jiġu evitati l-problemi fit-tmiem nett taċ-ċiklu.
(21)    Ir-Regolament (UE) 2018/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2018 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 516/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, fir-rigward tal-impenn mill-ġdid tal-ammonti li jkun għad fadal li ġew impenjati għall-appoġġ tal-implimentazzjoni tad-Deċiżjonijiet tal-Kunsill (UE) 2015/1523 u (UE) 2015/1601 jew l-allokazzjoni ta’ dawk l-ammonti għal azzjonijiet oħra taħt il-programmi nazzjonali (ĠU L 328, 21.12.2018. p. 78).
(22)    Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).