Brussell, 29.11.2024

COM(2024) 558 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

dwar it-traspożizzjoni tad-Direttiva (UE) 2019/1 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 sabiex l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri jingħataw setgħat biex ikunu inforzaturi aktar effettivi, u biex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tas-suq intern


RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

dwar it-traspożizzjoni tad-Direttiva (UE) 2019/1 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 sabiex l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri jingħataw setgħat biex ikunu inforzaturi aktar effettivi, u biex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tas-suq intern

1.Id-Direttiva NEK+: l-oriġini u l-għanijiet tagħha

Ir-regoli tal-antitrust tal-UE jfittxu li jiżguraw kompetizzjoni effettiva fis-suq intern. L-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”) jipprojbixxi ftehimiet bejn żewġ kumpaniji jew aktar li jirrestrinġu l-kompetizzjoni, bħal kartelli ta’ ffissar tal-prezzijiet bejn kompetituri. L-Artikolu 102 tat-TFUE jipprojbixxi lill-impriżi b’pożizzjoni dominanti fis-suq milli jabbużaw minn dik il-pożizzjoni, pereżempju billi jipprovdu ribassi illegali jew billi japplikaw ipprezzar predatorju.

Mill-2004, l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni fl-Istati Membri tal-UE (“l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni”) kellhom is-setgħa skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 ( 1 ) li japplikaw ir-regoli tal-antitrust tal-UE flimkien mal-Kummissjoni Ewropea.

Il-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni jinfurzaw ir-regoli tal-antitrust tal-UE f’kooperazzjoni mill-qrib fi ħdan in-Network Ewropew għall-Kompetizzjoni (“NEK”). Il-Kummissjoni tipikament tinvestiga prattiki jew ftehimiet antikompetittivi li jkollhom effetti fuq il-kompetizzjoni fi tliet Stati Membri jew aktar jew fejn ikun utli li jiġi stabbilit preċedent għall-UE kollha. L-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni normalment ikunu f’pożizzjoni tajba biex jaġixxu fejn il-kompetizzjoni tiġi affettwata b’mod sostanzjali fit-territorju tagħhom ( 2 ).

Billi ta tas-setgħa lill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 ħoloq sistema deċentralizzata għall-infurzar tar-regoli tal-antitrust tal-UE, iżda mingħajr ma stabbilixxa mezzi u strumenti dettaljati għall-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli fil-livell nazzjonali. Dan kien ifisser li, għalkemm l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni applikaw l-istess regoli sostantivi, is-setgħat investigattivi u deċiżjonali tagħhom kienu soġġetti għal-liġi nazzjonali.

Il-Kummissjoni, wara li kisbet 10 snin ta’ esperjenza bis-sistema ta’ infurzar deċentralizzata, identifikat xi oqsma fejn kienet meħtieġa aktar azzjoni( 3 ). Fit-22 ta’ Marzu 2017, il-Kummissjoni pproponiet direttiva biex tagħti s-setgħa lill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri biex ikunu inforzaturi aktar effettivi u biex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tas-suq intern ( 4 ).

Fl-11 ta’ Diċembru 2018, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw kif xieraq id-Direttiva (UE) 2019/1 ( 5 ) (“id-Direttiva NEK+”). Din kellha l-għan li tiżgura li l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni jkollhom: (i) garanziji bażiċi ta’ indipendenza u riżorsi; (ii) setgħat ta’ investigazzjoni, ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet u ta’ impożizzjoni ta’ multi ewlenin; (iii) programmi ta’ klemenza; u (iv) mekkaniżmi għall-assistenza reċiproka.

Id-Direttiva NEK+ daħlet fis-seħħ fit-3 ta’ Frar 2019. L-Istati Membri kellhom jittrasponu d-Direttiva NEK+ fil-liġi nazzjonali sal-4 ta’ Frar 2021.

2.Ambitu ta’ dan ir-rapport

Skont l-Artikolu 35 tad-Direttiva NEK+, il-Kummissjoni trid tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sat-12 ta’ Diċembru 2024 dwar it-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni tad-Direttiva. Jekk ikun xieraq, il-Kummissjoni tista’ tirrieżamina d-Direttiva NEK+ u, jekk ikun meħtieġ, tippreżenta proposta leġiżlattiva.

Dan ir-rapport jiffoka fuq kif id-dispożizzjonijiet ewlenin tad-Direttiva NEK+ ġew trasposti f’dawk l-Istati Membri li lestew il-proċess ta’ traspożizzjoni. Dan jenfasizza t-titjib ewlieni li ġabet magħha d-Direttiva NEK+ f’dawn l-Istati Membri u l-kwistjonijiet ewlenin identifikati fir-rigward tat-traspożizzjoni tad-Direttiva. Huwa jagħti wkoll dettalji dwar l-iżviluppi mistennija fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (“QĠUE”) li jistgħu jkomplu jsawru ċerti aspetti tad-Direttiva NEK+.

Peress li ħafna Stati Membri ma laħqux l-iskadenza ta’ sentejn għat-traspożizzjoni, għadu kmieni wisq biex wieħed jirrapporta dwar kif id-Direttiva NEK+ ġiet implimentata jew biex iwettaq rieżami sinifikanti tagħha.

3.Ir-rwol tal-Kummissjoni matul u wara l-proċess ta’ traspożizzjoni

3.1.L-assistenza teknika tal-Kummissjoni lill-Istati Membri

Ftit wara li ġiet adottata d-Direttiva NEK+, il-Kummissjoni organizzat laqgħa mal-Istati Membri kollha biex tiddiskuti d-dispożizzjonijiet. Bħala segwitu u matul il-proċessi leġiżlattivi nazzjonali, il-Kummissjoni wieġbet mistoqsijiet mill-Istati Membri dwar kif għandhom jinterpretaw id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva NEK+, iddiskutiet l-għażliet possibbli għat-traspożizzjoni tagħha u pprovdiet kummenti informali dwar l-abbozzi ta’ miżuri ta’ traspożizzjoni nazzjonali( 6 ).

3.2.Ksur minħabba nuqqas ta’ komunikazzjoni tal-miżuri ta’ traspożizzjoni

L-iskadenza ta’ sentejn għat-traspożizzjoni ma ntlaħqitx minn 22 Stat Membru( 7 ). F’Marzu 2021, il-Kummissjoni fetħet proċedimenti ta’ ksur kontra dawn l-Istati Membri għan-nuqqas ta’ komunikazzjoni tal-miżuri ta’ traspożizzjoni. Fl-2022 u l-2023, il-Kummissjoni ħadet il-passi li jmiss fil-proċedimenti ta’ ksur kontra l-Istati Membri li kienu għadhom ma nnotifikawha bl-ebda miżura ta’ traspożizzjoni: f’Settembru 2022, hija indirizzat opinjonijiet motivati lill-Estonja, lil-Lussemburgu, lill-Polonja u lis-Slovenja għan-nuqqas ta’ traspożizzjoni; f’Lulju 2023, hija ħarġet opinjoni motivata kontra r-Rumanija u rreferiet lill-Estonja lill-QĠUE.

Sa Diċembru 2023, l-Istati Membri kollha, ħlief l-Estonja, kienu ttrasponew id-Direttiva NEK+. Il-proċedimenti ta’ ksur kontra l-Estonja għan-nuqqas ta’ traspożizzjoni huma pendenti quddiem il-QĠUE( 8 ).

3.3.Il-valutazzjonijiet tal-konformità mill-Kummissjoni tal-miżuri ta’ traspożizzjoni

F’konformità mal-Linji Gwida għal Regolamentazzjoni Aħjar( 9 ) tagħha, il-Kummissjoni mmonitorjat it-traspożizzjoni tad-Direttiva NEK+ fl-Istati Membri billi wettqet valutazzjonijiet tal-konformità kemm dwar il-kompletezza kif ukoll dwar il-konformità tal-miżuri nazzjonali ta’ traspożizzjoni.

4.Id-dispożizzjonijiet ewlenin tad-Direttiva NEK+ u t-traspożizzjoni

4.1. Indipendenza u riżorsi

Il-Kapitolu III tad-Direttiva NEK+ jiżgura li l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni jgawdu l-garanziji neċessarji ta’ indipendenza meta jinfurzaw ir-regoli tal-antitrust tal-UE u jkollhom ir-riżorsi li jeħtieġu biex iwettqu xogħolhom, li huma prerekwiżiti għall-infurzar effettiv tar-regoli tal-antitrust tal-UE.

L-Artikolu 4 jintroduċi sett minimu ta’ garanziji ta’ indipendenza għall-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni. L-Istati Membri huma liberi li jistabbilixxu garanziji addizzjonali ta’ indipendenza. Id-Direttiva tipprevedi indipendenza operazzjonali, li tfisser indipendenza fl-eżerċizzju tad-dmirijiet u s-setgħat tagħhom (ara l-premessi 17, 18 u 22). L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persunal tal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni ma jfittixx jew ma jiħux struzzjonijiet mill-gvern jew minn kwalunkwe entità pubblika jew privata oħra, u joqgħod lura minn azzjonijiet inkompatibbli mad-dmirijiet u s-setgħat tiegħu; dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet ma jistgħux jitkeċċew għal raġunijiet relatati mat-twettiq xieraq tad-dmirijiet u s-setgħat tagħhom, u jridu jintgħażlu, jiġu reklutati jew maħtura skont proċeduri ċari u trasparenti. Fl-aħħar nett, l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni għandu jkollhom is-setgħa li jistabbilixxu l-prijoritajiet tagħhom b’mod sħiħ u jkunu jistgħu jirrifjutaw ilmenti formali għal raġunijiet ta’ prijorità.

L-Artikolu 5 jintroduċi rekwiżit għall-Istati Membri (i) biex jiżguraw li l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni jkollhom ir-riżorsi umani, finanzjarji, tekniċi u teknoloġiċi meħtieġa biex iwettqu l-kompiti ewlenin tagħhom skont ir-regoli tal-antitrust tal-UE; u (ii) biex jagħtu lil dawn l-awtoritajiet indipendenza fl-infiq tal-baġit allokat għal dawn il-kompiti. Il-Premessa 17 tiddikjara li l-multi imposti mill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni għall-ksur tar-regoli tal-antitrust tal-UE ma għandhomx jintużaw biex jiffinanzjaw direttament lil dawn l-awtoritajiet. Dan isir biex tiġi żgurata l-imparzjalità tagħhom.

Kważi l-Istati Membri kollha bħalissa għandhom is-sett minimu ta’ garanziji ta’ indipendenza meħtieġa mid-Direttiva NEK+ fil-liġijiet nazzjonali tagħhom, inkluża dispożizzjoni espliċita li tiggarantixxi l-indipendenza operazzjonali tal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni. Il-maġġoranza l-kbira tal-Istati Membri jiggarantixxu wkoll li l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni għandu jkollhom biżżejjed riżorsi biex iwettqu l-kompiti tagħhom. Hemm jew garanzija espliċita fil-liġijiet nazzjonali, jew garanzija impliċita minħabba li l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni jistgħu jeżerċitaw influwenza fuq ir-riżorsi disponibbli għalihom fil-proċess tal-allokazzjoni tal-baġit. Awtoritajiet nazzjonali oħra tal-kompetizzjoni huma prinċipalment awtofinanzjati permezz ta’ kontribuzzjonijiet obbligatorji mill-impriżi.

It-traspożizzjoni ta’ dan il-Kapitolu tad-Direttiva NEK+ saħħet l-indipendenza tal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni fil-maġġoranza tal-Istati Membri. Dan sar bl-adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet espliċiti li jiggarantixxu l-indipendenza operazzjonali u baġitarja tagħhom, bit-tneħħija tal-kontrolli ministerjali preċedenti, bl-introduzzjoni ta’ regoli ġodda għall-prevenzjoni tal-kunflitti ta’ interess, biż-żieda fil-protezzjoni kontra tkeċċija mhux ġustifikata għal dawk fi ħdanhom li jieħdu d-deċiżjonijiet, u bl-introduzzjoni ta’ kriterji tal-għażla ċari għal dawn il-persuni li jieħdu d-deċiżjonijiet. Titjib sinifikanti f’xi Stati Membri huwa wkoll is-setgħa li jistabbilixxu prijoritajiet ta’ infurzar u jirrifjutaw ilmenti formali għal raġunijiet ta’ prijorità.

Xi Stati Membri adottaw dispożizzjonijiet espliċiti li jistabbilixxu li l-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni għandu jkollha biżżejjed riżorsi biex twettaq il-kompiti tagħha. F’xi Stati Membri, l-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni rċeviet riżorsi addizzjonali f’termini tal-baġit jew tal-persunal tagħha wara t-traspożizzjoni tad-Direttiva.

Madankollu, il-valutazzjonijiet tal-konformità juru li f’xi wħud mill-Istati Membri, il-liġi nazzjonali tippermetti lill-uffiċjali tal-gvern jieħdu sehem fil-proċedimenti tal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni.

 
Fi Stat Membru wieħed, il-protezzjoni meħtieġa mill-Artikolu 4(3) tad-Direttiva kontra tkeċċijiet mhux ġustifikati ta’ dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet ma tkoprix lil dawk kollha li jieħdu d-deċiżjonijiet fl-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni. Barra minn hekk, f’diversi Stati Membri, id-dritt nazzjonali ma jiddefinixxix b’mod ċar x’inhuma r-raġunijiet permissibbli għat-tkeċċija, u b’mod partikolari x’jikkostitwixxi “mġiba ħażina serja” li tista’ twassal għal tkeċċija. Stat Membru wieħed stabbilixxa wkoll raġuni addizzjonali għal tkeċċijiet lil hinn minn dawk stabbiliti fid-Direttiva.

Xi Stati Membri ma għandhomx proċedura ta’ ħatra trasparenti u kriterji tal-għażla ċari għal dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fi ħdan l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni tagħhom.

Fi Stat Membru wieħed, l-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni ma għandhiex setgħa espliċita li tirrifjuta lmenti formali għal raġunijiet ta’ prijorità.

F’xi ftit Stati Membri, ma hemm l-ebda garanzija biex jiġi żgurat li jkun hemm biżżejjed riżorsi disponibbli għall-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni.

Fl-aħħar nett, fi ftit Stati Membri, l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni huma soġġetti għal ċerti approvazzjonijiet mill-gvern meta jonfqu l-baġit allokat tagħhom.

4.2.Setgħat investigattivi u setgħat deċiżjonali

Il-Kapitolu IV tad-Direttiva NEK+ jistabbilixxi s-setgħat effettivi minimi li l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni jrid ikollhom biex jinvestigaw u jieħdu deċiżjonijiet. L-għan huwa li jiġi żgurat li l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni ma jiġux impediti milli itemmu b’mod effettiv ksur tar-regoli tal-antitrust tal-UE minħabba nuqqas ta’ tali setgħat jew limitazzjonijiet fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom.

L-Artikoli 6 sa 9 jiżguraw li l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni jkollhom għodod investigattivi effettivi. Skont l-Artikoli 6 u 7, l-awtoritajiet għandhom is-setgħat li jwettqu spezzjonijiet għal għarrieda fil-binjiet ta--negozju u f’dawk mhux ta’ negozju. Skont l-Artikolu 8, huma għandhom is-setgħa li joħorġu talbiet għal informazzjoni u skont l-Artikolu 9, huma għandhom is-setgħa li jsejħu rappreżentanti ta’ impriżi, rappreżentanti ta’ persuni ġuridiċi li mhumiex impriżi u persuni fiżiċi għal intervisti.

L-Artikoli 10 sa 12 jintroduċu sett minimu ta’ setgħat ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet li għandu jkollhom l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni. Skont l-Artikolu 10, dawn l-awtoritajiet għandhom is-setgħa li jikkonstataw ksur, jirrikjedu li l-impriża ttemm dan il-ksur u jimponu rimedji strutturali u ta’ mġiba. Huma jistgħu wkoll jikkonstataw li jkun twettaq ksur fil-passat. Skont l-Artikolu 11, huma għandhom is-setgħa li jadottaw miżuri interim fuq inizjattiva tagħhom stess (ex officio). Skont l-Artikolu 12, huma jistgħu jaċċettaw impenji minn impriżi.

F’termini ta’ setgħat investigattivi, kważi l-Istati Membri kollha allinjaw il-liġijiet nazzjonali tagħhom mad-Direttiva. F’xi Stati Membri, dan irriżulta fl-introduzzjoni ta’ setgħat ġodda, bħas-setgħa li jitwettqu spezzjonijiet f’binjiet mhux tan-negozju, li jitwettqu spezzjonijiet bl-assistenza tal-pulizija, li titkompla l-ispezzjoni fil-binjiet tagħha stess jew f’wieħed deżinjat, li jintbagħtu talbiet għal informazzjoni lil persuni ġuridiċi u fiżiċi oħra u li jiġu msejħa persuni rilevanti għal intervisti. Xi Stati Membri marru lil hinn mir-rekwiżiti minimi stabbiliti fid-Direttiva, billi taw lill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni s-setgħa li jistaqsu mistoqsijiet matul l-ispezzjonijiet f’binjiet mhux tan-negozju u li jissiġillaw tali bini u dokumentazzjoni rilevanti.

Madankollu, f’diversi Stati Membri, il-valutazzjonijiet tal-konformità juru ċerti limitazzjonijiet għas-setgħa tal-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni li twettaq spezzjonijiet għal għarrieda f’binjiet tan-negozju u mhux tan-negozju. Ħafna drabi l-limitazzjoni tikkonsisti f’li l-awtorità tkun meħtieġa tissodisfa standards legali li ma jikkonformawx ma’ dawk previsti fid-Direttiva. Ġew identifikati wkoll ċerti limitazzjonijiet fir-rigward tas-setgħa tal-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni li tfittex u tikkopja dokumenti elettroniċi fil-binjiet tan-negozju u li tkompli l-ispezzjoni fil-bini proprju tagħha jew f’wieħed deżinjat. Mhux l-Istati Membri kollha ttrasponew l-awtorizzazzjoni ġudizzjarja minn qabel meħtieġa mid-Direttiva NEK+ għal spezzjonijiet f’binjiet mhux tan-negozju.

Barra minn hekk, f’xi wħud mill-Istati Membri l-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni hija prekluża milli titlob informazzjoni mingħand persuni fiżiċi u ġuridiċi oħra.

F’oħrajn, l-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni hija prekluża milli ssejjaħ rappreżentanti ta’ persuni ġuridiċi oħra u/jew persuni fiżiċi għal intervisti.

F’termini ta’ setgħat ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet, l-Istati Membri kollha issa għandhom is-sett minimu ta’ setgħat previst mid-Direttiva NEK+ fil-liġijiet nazzjonali tagħhom. Sar titjib kbir f’xi Stati Membri fejn l-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni kien għadha ma kellhiex is-setgħa li timponi rimedji ta’ mġiba u strutturali, u f’xi Stati Membri fejn qabel l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni ma setgħux jadottaw miżuri interim fuq inizjattiva tagħhom stess. F’xi Stati Membri ġie stabbilit test tas-suq fil-proċedura għal deċiżjonijiet ta’ impenn. Xi Stati Membri użaw it-traspożizzjoni tad-Direttiva NEK+ biex jagħtu s-setgħa lill-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni tagħhom li tadotta deċiżjonijiet ta’ riżoluzzjoni, għalkemm din hija setgħa mhux koperta mid-Direttiva.

Madankollu, l-evalwazzjonijiet tal-konformità juru li f’xi Stati Membri, l-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni hija meħtieġa turi “interess leġittimu” li tikkonstata ksur imwettaq fil-passat, li huwa rekwiżit mhux previst fid-Direttiva NEK+.

4.3.Multi u pagamenti perjodiċi ta’ penali

Skont il-Kapitolu V tad-Direttiva NEK+, l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni jistgħu jimponu multi deterrenti fuq l-impriżi.

L-Artikolu 13 jipprevedi li l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni jimponu multi fil-proċedimenti amministrattivi tagħhom stess jew ifittxu l-impożizzjoni ta’ multi fi proċedimenti ġudizzjarji mhux kriminali fuq impriżi għal ksur tar-regoli tal-antitrust tal-UE. Dan jiżgura wkoll li jkunu jistgħu jimponu multi għal nuqqas ta’ konformità ma’ miżuri investigattivi jew deċiżjonijiet.

L-Artikolu 14 jintroduċi parametri ewlenin li l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni għandhom jikkunsidraw meta jiddeterminaw l-ammont tal-multa. Dan jipprevedi wkoll il-possibbiltà li jiġu imposti multi fuq assoċjazzjonijiet ta’ impriżi abbażi tal-fatturat tal-membri tagħhom. L-Artikolu 15 jistabbilixxi bażi minima komuni għall-multa massima legali li tista’ tiġi imposta għall-ksur tar-regoli tal-antitrust tal-UE. L-Istati Membri huma liberi li jintroduċu multa legali massima ogħla.

L-Artikolu 16 jipprevedi s-setgħa li jiġu imposti pagamenti perjodiċi ta’ penali biex tiġi żgurata l-konformità mal-miżuri investigattivi u d-deċiżjonijiet.

Wara t-traspożizzjoni tad-Direttiva NEK+, l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni fi kważi l-Istati Membri kollha għandhom is-setgħa li jimponu multi effettivi, proporzjonati u dissważivi, kif ukoll pagamenti perjodiċi ta’ penali fuq l-impriżi u l-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi.

Sar titjib sostanzjali f’xi Stati Membri, fejn l-implimentazzjoni tad-Direttiva NEK+ wasslet għal bidliet sinifikanti fis-sistema ta’ infurzar tagħhom. Żewġ Stati Membri qalbu minn sistema ta’ infurzar purament kriminali għal sistema ċivili/kriminali mħallta fejn il-multi issa jistgħu jiġu imposti jew ikkonfermati wkoll minn qorti ċivili. Żewġ Stati Membri oħra li diġà kellhom sistema ta’ infurzar li kienet konformi mad-Direttiva, ħadu l-opportunità biex jagħmlu s-sistema tagħhom aktar effiċjenti: fi Stat Membru wieħed, l-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni ma għadhiex meħtieġa tapplika quddiem qorti iżda tista’ timponi multi bħala parti mill-proċedimenti amministrattivi tagħha stess; fl-Istat Membru l-ieħor, l-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni ma għadx għandha bżonn issegwi proċedura tal-liġi kriminali biex timponi multi fuq l-impriżi.

Barra minn hekk, xi Stati Membri żiedu l-ammonti massimi tal-multi, filwaqt li oħrajn għamluha possibbli li jiġu imposti multi għal ksur proċedurali. Il-kunċett ta’ “impriża” ġie stabbilit fi Stat Membru ieħor, fejn issa jistgħu jiġu imposti multi fuq il-kumpaniji omm u s-suċċessuri legali. Fi Stati Membri oħra, l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni issa għandhom is-setgħa li jimponu multi fuq assoċjazzjonijiet ta’ impriżi abbażi tal-fatturat tal-membri tagħhom u li jobbligaw lill-assoċjazzjoni titlob kontribuzzjonijiet mill-membri tagħha biex tkopri l-multa.

Madankollu, il-valutazzjonijiet tal-konformità juru li għad hemm ċerti limitazzjonijiet f’diversi Stati Membri fejn l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni ma jitħallewx jimponu multi proċedurali għal nuqqas ta’ konformità ma’ miżuri investigattivi u/jew deċiżjonijiet jew jistgħu jimponu tali multi biss għal ċerti tipi ta’ nuqqas ta’ konformità. Barra minn hekk, fi Stat Membru wieħed, l-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni jkollha l-ewwel iżżomm persuna fiżika f’pożizzjoni ewlenija responsabbli qabel ma timponi multa fuq l-impriża għal dak il-ksur. Fi Stat Membru ieħor, l-ammont massimu tal-multa li l-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni tista’ timponi għall-ksur tar-regoli tal-antitrust tal-UE mhuwiex konformi mar-rekwiżiti tad-Direttiva NEK+.    

4.4.Klemenza

Il-Kapitolu VI tad-Direttiva NEK+ jistabbilixxi regoli armonizzati għall-programmi nazzjonali ta’ klemenza. Il-programmi ta’ klemenza huma għodda ewlenija sabiex jinstabu l-kartelli. L-għan huwa li tiżdied iċ-ċertezza legali għall-impriżi li jixtiequ japplikaw għall-klemenza, u b’hekk jiġi żgurat li jkollhom inċentiv biex jikkooperaw mal-Kummissjoni u mal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni billi jitnaqqsu d-differenzi bejn il-programmi ta’ klemenza applikabbli fl-Istati Membri.

L-Artikolu 17 jistabbilixxi kundizzjonijiet uniformi għall-għoti ta’ immunità minn multi għal impriżi li jiddivulgaw il-parteċipazzjoni tagħhom f’kartelli sigrieti. L-Artikolu 18 jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ tnaqqis tal-multi għall-impriżi li ma jikkwalifikawx għal immunità sħiħa iżda jipprovdu evidenza li hija ta’ valur miżjud sinifikanti fil-prova tal-eżistenza ta’ kartell sigriet. L-Artikolu 19 jispeċifika l-kundizzjonijiet ġenerali li għandhom jiġu ssodisfati minn kull applikant li jitlob il-klemenza, filwaqt li jiżgura l-kooperazzjoni sħiħa tiegħu u t-tmiem tal-involviment tiegħu fil-kartell. L-Artikolu 20 jipprevedi regoli uniformi dwar il-forma, is-sottomissjoni u l-lingwa tad-dikjarazzjonijiet ta’ klemenza.

L-Artikolu 21 jintroduċi regoli armonizzati għall-“indikaturi” għall-applikazzjonijiet għall-immunità mill-multi. Dawn l-applikazzjonijiet imqassra għall-immunità jippermettu li l-impriżi jingħataw post fil-kju għall-klemenza filwaqt li jiġbru biżżejjed informazzjoni u evidenza biex jikkwalifikaw għall-immunità mill-multi. L-Artikolu 22 jintroduċi sistema simplifikata għall-applikazzjonijiet fil-qosor. Din tippermetti lill-applikanti li jkunu applikaw għall-klemenza mal-Kummissjoni sabiex jippreżentaw applikazzjonijiet fil-qosor lill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni fir-rigward tal-istess kartell sigriet.

Fl-aħħar nett, l-Artikolu 23 jintroduċi protezzjoni kontra sanzjonijiet amministrattivi u kriminali għall-persunal attwali u preċedenti tal-applikanti għall-immunità, dment li jiġu ssodisfati ċerti kundizzjonijiet.

L-Istati Membri kollha issa għandhom fis-seħħ programmi ta’ klemenza li jsegwu regoli u proċeduri uniformi. It-traspożizzjoni tad-Direttiva NEK+ wasslet għall-introduzzjoni ta’ programmi amministrattivi ta’ klemenza f’żewġ Stati Membri. Fi Stati Membri oħra, il-programmi ta’ klemenza ġew ikkodifikati fil-leġiżlazzjoni primarja jew sekondarja. B’mod aktar ġenerali, it-traspożizzjoni wasslet għal armonizzazzjoni akbar bejn il-programmi ta’ klemenza madwar l-UE. F’xi Stati Membri, it-traspożizzjoni wasslet ukoll għall-introduzzjoni ta’ indikaturi u applikazzjonijiet fil-qosor. Stati Membri oħra introduċew protezzjoni kontra sanzjonijiet kriminali għall-persunal tal-applikanti għall-immunità.

L-Istati Membri kollha implimentaw id-dispożizzjonijiet ewlenin tad-Direttiva NEK+ dwar il-klemenza. Madankollu, il-valutazzjonijiet tal-konformità juru li fi ftit Stati Membri l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni mhumiex preklużi milli jitolbu aktar informazzjoni mingħand l-impriżi wara li jkunu ppreżentaw applikazzjoni fil-qosor u/jew mhumiex meħtieġa jitolbu biss f’ċirkostanzi eċċezzjonali applikazzjoni sħiħa qabel ma l-Kummissjoni tkun ħadet deċiżjoni dwar jekk għandhiex issegwi l-każ.

F’xi Stati Membri, il-protezzjoni kontra sanzjonijiet amministrattivi u/jew kriminali għall-persunal tal-applikanti għall-immunità jew mhijiex prevista fil-liġi nazzjonali jew inkella tkun teħtieġ ukoll li l-membru tal-persunal jissottometti applikazzjoni individwali għall-immunità. Fi Stat Membru ieħor, il-liġi nazzjonali tagħti lill-prosekutur pubbliku diskrezzjoni wiesgħa biex jiddeċiedi jekk iwettaqx prosekuzzjoni jew jippenalizzax lil dawn l-individwi.

Kwistjoni relatata hija li diversi Stati Membri ma jirrikjedux speċifikament li l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni jiżguraw il-kuntatti meħtieġa bejn l-awtoritajiet kompetenti ta’ prosekuzzjoni jew ta’ sanzjonar fl-Istati Membri tagħhom u l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ Stati Membri oħra biex jiggarantixxu li l-persunal tal-applikanti għall-immunità jkun protett minn sanzjonijiet amministrattivi u/jew kriminali f’sitwazzjonijiet transfruntiera.

4.5.Assistenza reċiproka

Il-Kapitolu VII tad-Direttiva NEK+ jintroduċi regoli armonizzati li jiffaċilitaw l-assistenza reċiproka bejn l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni. Dawn il-mekkaniżmi ta’ assistenza reċiproka jagħtu s-setgħa lill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni li jinfurzaw il-liġi tal-kompetizzjoni lil hinn mill-fruntieri tagħhom b’mod effettiv, u b’hekk jippermettu lis-sistema deċentralizzata għall-infurzar tar-regoli tal-antitrust tal-UE taħdem bħala entità sħiħa koeżiva.

L-Artikolu 24 jippermetti li uffiċjali mill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni jattendu u jipprovdu assistenza għal spezzjonijiet u intervisti mwettqa minn awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni oħra f’isimhom. Huwa jagħti wkoll is-setgħa lill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni li jużaw is-setgħat investigattivi tagħhom biex jistabbilixxu nuqqas ta’ konformità mal-miżuri u d-deċiżjonijiet meħuda minn awtoritajiet nazzjonali oħra tal-kompetizzjoni. Skont l-Artikoli 25 u 26, l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni jistgħu jitolbu lil xulxin biex jinnotifikaw id-dokumenti u jinfurzaw id-deċiżjonijiet f’isimhom, bl-użu ta’ strument uniformi.

L-Artikoli 27 u 28 jistabbilixxu prinċipji ġenerali għall-kooperazzjoni, pereżempju fir-rigward tal-liġi applikabbli, il-kontenut tal-istrument uniformi, ir-rekwiżiti lingwistiċi, il-kopertura tal-ispejjeż, il-possibbiltà li tiġi rrifjutata l-assistenza u t-trattament ta’ tilwim dwar talbiet għal assistenza reċiproka.

Id-Direttiva NEK+ saħħet il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni. Hija pprovdiet setgħa ġdida lil dawn l-awtoritajiet biex jużaw il-miżuri investigattivi tagħhom biex jistabbilixxu nuqqas ta’ konformità mal-miżuri investigattivi u mad-deċiżjonijiet adottati minn awtoritajiet nazzjonali oħra tal-kompetizzjoni. Hija introduċiet ukoll l-“istrument uniformi”, li issa jagħmilha aktar faċli għall-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni li l-atti tagħhom jiġu nnotifikati jew infurzati fi Stati Membri oħra.

Madankollu, il-valutazzjonijiet tal-konformità juru li f’diversi Stati Membri l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni ma għandhomx is-setgħa espliċita li jużaw miżuri investigattivi biex jivverifikaw il-konformità ma’ miżuri investigattivi u deċiżjonijiet meħuda minn awtoritajiet nazzjonali oħra tal-kompetizzjoni, jew li jitolbu tali assistenza reċiproka, jew li jiskambjaw informazzjoni miġbura f’dak il-kuntest biex tintuża bħala evidenza fil-proċedimenti ta’ infurzar tagħhom.

F’diversi Stati Membri, jew ma hemm l-ebda setgħa espliċita li tintalab in-notifika ta’ atti jew l-infurzar ta’ deċiżjonijiet minn awtoritajiet nazzjonali oħra tal-kompetizzjoni, jew din is-setgħa hija soġġetta għal kundizzjonijiet aktar stretti minn dawk previsti fid-Direttiva. Fl-aħħar nett, xi Stati Membri ma jeskludux il-possibbiltà li jiġu applikati termini ta’ preskrizzjoni nazzjonali għal deċiżjonijiet ta’ mmultar meħuda minn awtoritajiet nazzjonali oħra tal-kompetizzjoni, li jista’ jipprevjeni lil dawk l-awtoritajiet milli jipprovdu l-assistenza reċiproka mitluba.

4.6.Perjodi ta’ limitazzjoni

Il-Kapitolu VIII tad-Direttiva NEK+ fih regoli dwar il-perjodi ta’ limitazzjoni għall-impożizzjoni ta’ multi u pagamenti perjodiċi ta’ penali mill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni.

Skont l-Artikolu 29(1), il-perjodi ta’ preskrizzjoni nazzjonali jridu jiġu sospiżi jew interrotti għad-durata tal-proċedimenti ta’ infurzar fir-rigward tal-istess ksur tar-regoli tal-antitrust tal-UE minn awtorità nazzjonali oħra tal-kompetizzjoni jew mill-Kummissjoni. Dan jiżgura li s-sistema ta’ setgħat paralleli fi ħdan in-NEK taħdem b’mod effettiv, u awtoritajiet nazzjonali oħra tal-kompetizzjoni ma jiġux impediti milli sussegwentement jinvestigaw l-imġiba inkwistjoni jew milli jieħdu deċiżjoni.

L-Artikolu 29(2) jirrikjedi li l-Istati Membri jiżguraw li l-perjodi ta’ limitazzjoni tagħhom jiġu sospiżi jew interrotti filwaqt li d-deċiżjonijiet ta’ mmultar tal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni tagħhom ikunu soġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju. Dan jipprevjeni proċedimenti twal ta’ appell milli jaffettwaw is-setgħa tal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni li jimponu multi jew pagamenti perjodiċi ta’ penali.

Titjib kbir li ġabet magħha d-Direttiva NEK+ huwa li l-Istati Membri kollha issa għandhom regola li tiżgura li l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni tagħhom ma jkunux preskritti milli jimponu multi u pagamenti perjodiċi ta’ penali meta l-Kummissjoni jew awtorità nazzjonali oħra tal-kompetizzjoni tkun qed tittratta l-istess ksur.

Madankollu, il-valutazzjonijiet tal-konformità juru li xi liġijiet nazzjonali huma ambigwi dwar jekk is-sospensjoni jew l-interruzzjoni testendix għall-impriżi kollha involuti fil-ksur. Liġijiet nazzjonali oħra jippermettu biss li s-sospensjoni jew l-interruzzjoni jiġu skattati bil-kundizzjoni li jkunu ttieħdu ċerti passi (pereżempju, il-ftuħ formali tal-proċedimenti).

4.7.Dispożizzjonijiet ġenerali

Il-Kapitolu IX tad-Direttiva NEK+ jinkludi dispożizzjonijiet ġenerali dwar ir-rwol tal-awtoritajiet amministrattivi nazzjonali tal-kompetizzjoni quddiem il-qrati nazzjonali, l-aċċess għall-fajls mill-partijiet, il-limitazzjonijiet fuq l-aċċess u l-użu tal-informazzjoni, u l-ammissibbiltà tal-evidenza quddiem l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni.

L-Artikolu 30 jiżgura li l-awtoritajiet amministrattivi nazzjonali tal-kompetizzjoni jkollhom is-setgħa li jressqu u/jew jiddefendu l-każijiet tagħhom quddiem il-qrati nazzjonali.

L-Artikolu 31 ifittex li jillimita l-użu ta’ ċerti kategoriji ta’ informazzjoni li l-impriżi jissottomettu lill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni matul il-proċedimenti ta’ infurzar. Billi żżid iċ-ċertezza legali dwar il-protezzjoni ta’ din l-informazzjoni, id-Direttiva NEK+ tfittex li tiżgura l-effettività tal-proċeduri ta’ infurzar, u tal-programmi ta’ klemenza u ta’ riżoluzzjoni.

L-Artikolu 31(2) jipprevedi obbligu ġenerali ta’ segretezza professjonali għall-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni u għall-persunal tagħhom. L-Artikolu 31(3) jirrestrinġi l-aċċess għal dikjarazzjonijiet ta’ klemenza u sottomissjonijiet għal riżoluzzjoni fi kwalunkwe proċediment rilevanti fejn dawn id-dokumenti jistgħu jispiċċaw, pereżempju fi proċedimenti kriminali meta l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni jkunu meħtieġa jittrasferixxu l-fajls tagħhom lill-prosekutur pubbliku. L-Artikolu 31(4) jillimita kif il-partijiet li jkunu kisbu aċċess għall-fajl tal-proċedimenti ta’ infurzar tal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni jistgħu jużaw informazzjoni minn dikjarazzjonijiet ta’ klemenza u sottomissjonijiet għal riżoluzzjoni. L-Artikolu 31(5) jipprojbixxi lill-partijiet milli jużaw ċerti kategoriji ta’ informazzjoni fi proċedimenti quddiem il-qrati nazzjonali jekk ikun hemm proċedimenti ta’ infurzar pendenti mill-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni. Fl-aħħar nett, l-Artikolu 31(6) jistabbilixxi kundizzjonijiet speċifiċi għall-iskambju tad-dikjarazzjonijiet ta’ klemenza bejn l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni.

L-Artikolu 32 jiżgura li t-tipi kollha ta’ provi jkunu ammissibbli bħala evidenza quddiem l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni, irrispettivament mill-forma li jieħdu u mill-mezz li fuqu jkunu maħżuna.

Wara t-traspożizzjoni tad-Direttiva NEK+, l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni fl-Istati Membri kollha għandhom is-setgħa li jressqu u/jew jiddefendu l-każijiet tagħhom quddiem il-qrati nazzjonali. Madankollu, il-valutazzjonijiet tal-konformità juru li, f’xi Stati Membri, l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni ma għandhomx id-dritt li jappellaw rifjut minn awtorità ġudizzjarja nazzjonali li tagħti awtorizzazzjoni minn qabel għall-ispezzjonijiet.

Fl-Istati Membri kollha, l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni u l-persunal tagħhom huma soġġetti għal obbligu ta’ segretezza professjonali. Barra minn hekk, l-Istati Membri kollha jipprevedu fil-liġijiet nazzjonali tagħhom xi limitazzjonijiet fuq l-użu ta’ ċerti kategoriji ta’ informazzjoni, b’mod partikolari dikjarazzjonijiet ta’ klemenza u sottomissjonijiet għal riżoluzzjoni.

Madankollu, il-valutazzjonijiet tal-konformità juru ċerti limitazzjonijiet. Fil-maġġoranza l-kbira tal-Istati Membri, il-liġi nazzjonali ma tirrestrinġix l-aċċess għal dikjarazzjonijiet ta’ klemenza u sottomissjonijiet għal riżoluzzjoni fil-proċedimenti rilevanti kollha fejn dawn id-dokumenti jistgħu jispiċċaw. F’xi Stati Membri, l-użu ta’ informazzjoni miksuba minn dikjarazzjonijiet ta’ klemenza u sottomissjonijiet għal riżoluzzjoni permezz tal-aċċess għall-fajls mhuwiex espressament limitat għaċ-ċirkostanzi speċifiċi deskritti mid-Direttiva NEK+. Barra minn hekk, f’xi Stati Membri r-restrizzjoni rigward l-użu ta’ ċerti kategoriji ta’ informazzjoni sakemm jintemmu proċedimenti ta’ infurzar mill-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni jew mhijiex prevista jew ma testendix għall-proċedimenti kollha tal-qorti nazzjonali.

Fl-Istati Membri kollha, it-tipi kollha ta’ provi huma ammissibbli bħala evidenza quddiem l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni, irrispettivament mill-forma li jieħdu u mill-mezz li fuqu jkunu maħżuna.

5.Żviluppi mistennija fil-ġurisprudenza relatati mad-Direttiva NEK+

Wara l-adozzjoni tad-Direttiva NEK+, saru għadd ta’ talbiet għal deċiżjoni preliminari lill-QĠUE dwar l-obbligi skont id-Direttiva NEK+.

Il-kawża C-2/23 FL und KM Baugesellschaft u S hija talba mill-Awstrija li tfittex gwida dwar jekk il-liġi nazzjonali tistax tippermetti lill-prosekuturi kriminali jaċċessaw u jużaw dikjarazzjonijiet ta’ klemenza u sottomissjonijiet għal riżoluzzjoni. Id-deċiżjoni tal-QĠUE hija mistennija tipprovdi gwida dwar is-salvagwardja tad-dikjarazzjonijiet ta’ klemenza u s-sottomissjonijiet għal riżoluzzjoni (l-Artikolu 31(3)) fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni u awtoritajiet regolatorji jew ta’ prosekuzzjoni oħra.

Il-Kawżi Magħquda C-258/23 sa C-260/23 Imagens Médicas Integradas et, kif ukoll il-Kawżi C-132/24 Apap et u C-195/24 Blueotter et, huma talbiet mill-Portugall li jfittxu gwida dwar jekk il-korrispondenza bl-email tistax tiġi sekwestrata matul spezzjonijiet fil-binjiet tan-negozju mingħajr awtorizzazzjoni ġudizzjarja minn qabel. Il-Kawża C-619/23 Ronos hija talba mill-Bulgarija li tfittex gwida dwar jekk is-salvagwardji kostituzzjonali jistgħux jillimitaw is-setgħa li wieħed ifittex korrispondenza biċ-chat f’applikazzjoni fuq laptop li nstab matul l-ispezzjonijiet tal-binjiet tan-negozju. Dawn id-deċiżjonijiet tal-QĠUE huma mistennija jipprovdu kjarifiki dwar is-setgħat tal-ispezzjoni (l-Artikolu 6), l-ammissibbiltà tal-evidenza (l-Artikolu 32), u d-dmir tal-Istati Membri li jfasslu salvagwardji proċedurali b’mod li jsib bilanċ bejn id-drittijiet fundamentali tal-impriżi u d-dmir li jiġi żgurat li r-regoli tal-antitrust tal-UE jiġu infurzati b’mod effettiv (il-Premessa 14).

Il-Kawża C-511/23 Caronte & Tourist SpA hija talba mill-Italja li titlob gwida dwar jekk il-limiti ta’ żmien għall-investigazzjonijiet minn qabel mill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni tal-ilmenti humiex kompatibbli mal-infurzar effettiv tar-regoli tal-antitrust tal-UE. Id-deċiżjoni tal-QĠUE tista’ tindirizza wkoll l-impatt li tali limiti ta’ żmien jista’ jkollhom fuq is-setgħa tal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni li jistabbilixxu prijoritajiet ta’ infurzar (l-Artikolu 4(5)).

Fl-aħħar nett, il-Kawża C-588/24 Imballaggi Piemontesi hija talba mill-Italja li titlob gwida dwar jekk dispożizzjoni nazzjonali li tippermetti lill-awtorità tal-kompetizzjoni, taħt ċerti kundizzjonijiet u b’ġustifikazzjoni motivata, testendi l-limiti ta’ żmien li fihom iridu jiġu konklużi l-proċedimenti ta’ infurzar hijiex kompatibbli mal-obbligu li tmexxi l-proċedimenti fi żmien raġonevoli (l-Artikolu 3(3)).

6.Konklużjoni

Id-Direttiva NEK+ għandha l-għan li tagħti s-setgħa lill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni biex ikunu inforzaturi aktar effettivi tar-regoli tal-antitrust tal-UE billi tintroduċi sett minimu ta’ garanziji ta’ indipendenza u ta’ setgħat ta’ investigazzjoni, ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet u ta’ impożizzjoni ta’ multi, tarmonizza l-programmi ta’ klemenza u ssaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni. Id-Direttiva NEK+ b’hekk tikkomplementa s-sistema ta’ infurzar deċentralizzata introdotta bir-Regolament (KE) Nru 1/2003, li tat is-setgħa lill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni biex jinfurzaw ir-regoli tal-antitrust tal-UE mingħajr ma tathom setgħat ta’ infurzar armonizzati.

L-Istati Membri kollha ħlief wieħed ittrasponew id-dispożizzjonijiet ewlenin tad-Direttiva, għalkemm ħafna minnhom damu biex għamlu dan.

Il-Kummissjoni se tkompli tivvaluta u timmonitorja l-konformità tal-Istati Membri mad-Direttiva NEK+ u se tieħu miżuri xierqa, inklużi proċedimenti ta’ ksur fejn meħtieġ, biex tiżgura t-traspożizzjoni sħiħa u korretta tagħha fl-UE kollha. Il-Kummissjoni se tkompli wkoll timmonitorja l-iżviluppi fl-Istati Membri f’dan il-qasam bil-ħsieb li teżamina mill-ġdid id-Direttiva NEK+ ladarba tkun inkisbet biżżejjed esperjenza mill-applikazzjoni tar-regoli l-ġodda.

(1) ()    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat, ĠU L 1, 4.1.2003, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2003/1/oj (“ir-Regolament (KE) Nru 1/2003”).
(2) ()    Ara t-Taqsima 2.1 “Prinċipji tal-allokazzjoni” tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar il-kooperazzjoni fi ħdan in-Network tal-Awtoritajiet tal-Kompetizzjoni, ĠU C 101, 27.4.2004, p. 43.
(3) ()    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Għaxar snin ta’ Infurzar tal-antitrust bir-Regolament 1/2003: Kisbiet u perspettivi futuri, COM(2014) 453 final, 9.7.2014.
(4) ()    COM(2017) 142 final, 22.3.2017.
(5) ()    Id-Direttiva (UE) 2019/1 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 sabiex l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri jingħataw setgħat biex ikunu inforzaturi aktar effettivi, u biex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tas-suq intern, ĠU L 11, 14.1.2019, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2019/1/oj (“id-Direttiva NEK+”).
(6) ()    Pereżempju, il-Kummissjoni ġiet ikkonsultata dwar il-konformità ta’ sistema ta’ finanzjament ta’ awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni fid-dawl tar-rekwiżiti ta’ indipendenza tad-Direttiva NEK+ (ara l-Artikolu 4 u l-Premessa 17).
(7) ()    Id-Danimarka, il-Ġermanja, l-Ungerija, il-Litwanja u n-Netherlands biss innotifikaw il-miżuri ta’ traspożizzjoni nazzjonali tagħhom lill-Kummissjoni sal-4 ta’ Frar 2021 (jew ftit wara), kif meħtieġ mill-Artikolu 34 tad-Direttiva NEK+.
(8) ()    Ara l-Kawża C-577/23 Il-Kummissjoni vs l-Estonja (id-Direttiva NEK+).
(9) ()    SWD(2021) 305 final, disponibbli fuq https://commission.europa.eu/document/download/d0bbd77f-bee5-4ee5-b5c4-6110c7605476_mt?filename=swd2021_305_mt.pdf , paġni 39 u 40.