KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fit-3 ta’ Diċembru 2008 ( 1 )

Kawża C-59/08

Copad SA

vs

Christian Dior couture SA et

“Direttiva 89/104/KEE — Dritt tat-trade marks — Eżawriment tad-drittijiet tal-proprjetarju tat-trade mark — Kuntratt ta’ liċenzja — Bejgħ ta’ prodotti koperti bit-trade mark bi ksur ta’ klawżola tal-kuntratt ta’ liċenzja — Nuqqas ta’ kunsens tal-proprjetarju tat-trade mark — Bejgħ lil persuni li jbigħu bi prezz inqas — Ħsara lir-reputazzjoni tat-trade mark”

I — Introduzzjoni

1.

Din il-kawża qed tqajjem għall-ewwel darba l-kwistjoni tal-effetti ta’ kuntratt ta’ liċenzja fuq l-eżawriment tad-drittijiet tal-proprjetarju tat-trade mark. Din il-kwistjoni tirrigwarda sa liema grad il-proprjetarju tat-trade mark jista’ jopponi li l-prodotti bit-trade mark “jinbiegħu bl-irħis” minn persuna li tbigħ bi prezz inqas minkejja li l-kuntratt ta’ liċenzja jipprojbixxi espressament lid-detentur tal-liċenzja li jbigħ lil persuna li tbigħ bi prezz inqas. Għaldaqstant għandu jiġi stabbilit, b’mod partikolari, jekk, u jekk ikun il-każ, f’liema ċirkustanzi r-reputazzjoni ta’ prodott bħala prodott ta’ lussu esklużiv għandha titqies bħala karatteristika ta’ kwalità.

II — Il-kuntest ġuridiku

2.

Id-dritt applikabbli huwa stabbilit fl-ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks ( 2 ).

3.

L-Artikolu 7 jistabbilixxi r-regoli dwar l-eżawriment tad-dritt mogħti mit-trade mark:

“1)   It-trade mark ma tagħtix lill-proprjetarju d-dritt li jipprojbixxi l-użu tagħha fir-rigward ta’ merkanzija li tqiegħdet fuq is-suq taħt dik it-trade mark mill-proprjetarju jew bil-kunsens tiegħu.

2)   Il-paragrafu 1 m’għandux japplika fejn jeżistu raġunijiet leġittimi għall-proprjetarju biex jopponi aktar kummerċjalizzazzjoni ta’ l-merkanzija, speċjalment fejn il-kundizzjoni ta’ l-merkanzija hi mibdula jew danneġġjata wara li tqiegħdet fuq is-suq”.

4.

L-Artikolu 8 jippreċiża l-effetti tal-liċenzji għall-użu ta’ trade marks:

“1)   Trade mark tista’ tkun liċenzjata għal ftit jew għall-merkanzija jew is-servizzi kollha li għalihom hi reġistrata u għal kollu jew parti mill-Istat Membru konċernat [għat-territorju tal-Istat Membru kollu jew parti minnu]. Liċenzja tista’ tkun esklużiva jew mhux esklużiva.

2)   Il-proprjetarju ta’ trade mark jista’ jinvoka d-drittijiet mogħtija minn dik it-trade mark kontra liċenzjat [detentur tal-liċenzja] li jikser kwalunkwe disposizzjoni fil-kuntratt tal-liċenzja tiegħu dwar it-tul tagħha, il-formola koperta mir-reġistrazzjoni li fuqha tista’ tintuża t-trade mark, l-iskop ta’ l-merkanzija jew servizzi li għalihom il-liċenzja hi maħruġa, it-territorju fejn it-trade mark tista’ titwaħħal, jew il-kwalità tal-merkanzija manifatturati jew tas-servizzi provduti minn min ingħata l-liċenzja [mid-detentur]”.

III — Il-fatti, il-proċedura fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

5.

Fis-17 ta’ Mejju 2000, il-kumpannija Christian Dior couture SA (iktar ’il quddiem “Dior”) ikkonkludiet mal-impriża Société industrielle de lingerie (iktar ’il quddiem “SIL”) kuntratt ta’ liċenzja ta’ trade mark għall-manifattura u d-distribuzzjoni ta’ prodotti ta’ kurpetterija, taħt it-trade mark Christian Dior. L-Artikolu 8.2(5) ta’ dan il-kuntratt jippreċiża li “sabiex tinżamm ir-reputazzjoni u l-prestiġju tat-trade mark, id-detentur tal-liċenzja jintrabat li ma jbigħx lil grossisti, kollettivitajiet, persuni li jbigħu bi prezz inqas, kumpanniji ta’ bejgħ b’korrispondenza, permezz tas-sistema ta’ bejgħ bieb b’bieb jew fid-djar, ħlief jekk jingħata kunsens bil-miktub minn qabel mill-konċessjonarju, u għandu jieħu kull miżura sabiex din ir-regola tiġi mħarsa mid-distributuri jew il-bejjiegħa bl-imnut tiegħu”.

6.

Mill-atti tal-kawża jidher li fl-14 ta’ Novembru 2001 SIL ġiet soġġetta għal proċedura ġudizzjarja ta’ insolvenza.

7.

Sussegwentement, SIL biegħet prodotti bit-trade mark koperti mill-kuntratt ta’ liċenzja lill-kumpannija Copad International (iktar ’il quddiem “Copad”), li teżerċita l-attività ta’ bejgħ bi prezz inqas. Copad reġgħet biegħet parti minn dawn il-prodotti lil terzi. Dior għaldaqstant ħarrket lil SIL u lil Copad għal ksur ta’ trade mark.

8.

Il-Cour d’appel ta’ Pariġi ddeċidiet li billi biegħet il-prodotti inkwistjoni lil Copad, SIL ma kinitx kisret id-dritt tat-trade marks. Hija madankollu kkonstatat li dak il-bejgħ ma kienx wassal għall-eżawriment tad-drittijiet li t-trade mark tagħti lil Dior. Inkwantu Dior setgħet tkompli teżerċita d-drittijiet tat-trade mark tagħha, il-Cour d’appel ta’ Pariġi iddikjarat miżuri ta’ projbizzjoni, konfiska u distruzzjoni fil-konfront ta’ Copad.

9.

Copad u Dior sussegwentement ippreżentaw appell minn dik id-deċiżjoni quddiem il-Cour de cassation. Kienet dik il-qorti li rrinvjat lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)

L-Artikolu 8(2) tal-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1998, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-proprjetarju tat-trade mark jista’ jinvoka d-drittijiet ikkonferiti lilu permezz ta’ din it-trade mark fil-konfront tad-detentur tal-liċenzja li jikser klawżola tal-kuntratt ta’ liċenzja li tipprojbixxi, minħabba raġunijiet ta’ prestiġju tat-trade mark, il-bejgħ lil persuni li jbigħu bi prezz inqas?

2)

L-Artikolu 7(1) ta’ din id-Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li t-tqegħid fis-suq fiż-Żona Ekonomika Ewropea tal-prodotti taħt trade mark, mid-detentur tal-liċenzja, bi ksur ta’ klawżola tal-kuntratt tal-liċenzja li tipprojbixxi, minħabba raġunijiet ta’ prestiġju tat-trade mark, il-bejgħ lil persuni li jbigħu bi prezz inqas, jitwettaq mingħajr il-kunsens tal-proprjetarju tat-trade mark?

3)

Fil-każ ta’ risposta negattiva, il-proprjetarju jista’ jinvoka tali klawżola sabiex jopponi kummerċjalizzazzjoni mill-ġdid tal-prodotti, billi jibbaża ruħu fuq l-Artikolu 7(2) tal-istess test?”

10.

Copad, Dior, ir-Repubblika Franċiża u l-Kummissjoni tal-Kommunitajiet Ewropej ippreżentaw noti ta’ osservazzjonijiet u ssottomettew osservazzjonijiet orali matul is-seduta li saret fid-19 ta’ Novembru 2008.

IV — Evalwazzjoni ġuridika

11.

Il-kawża prinċipali tinvolvi tliet partijiet li kkonkludew kuntratti bejniethom, jiġifieri Dior li kkonkludiet kuntratt ta’ liċenzja ma’ SIL, u SIL li, min-naħa tagħha, biegħet merkanzija lil Copad. It-talba għal deċiżjoni preliminari madankollu ma tirrigwardax id-drittijiet kuntrattwali bejn dawn il-partijiet, iżda d-drittijiet li t-trade mark tagħti lil Dior. L-ewwel domanda b’hekk tirrigwarda d-drittijiet tat-trade mark li Dior tista’ tinvoka kontra SIL, waqt li t-tieni u t-tielet domandi jirrigwardaw drittijiet tal-istess natura li jistgħu jiġu invokati kontra Copad.

12.

Ir-risposta tiddependi b’mod deċiżiv mill-effetti tal-kuntratt ta’ liċenzja fuq id-dritt tat-trade mark. F’dan ir-rigward, id-dispożizzjonijiet rispettivament applikabbli, jiġifieri l-Artikolu 8(2), l-Artikolu 7(1) u (2), tad-Direttiva 89/104, ma jistgħux jiġu eżaminati u interpretati b’mod iżolat. Għall-kuntrarju għandu jiġi żgurat li d-drittijiet li t-trade mark tagħti lill-proprjetarju tagħha fil-konfront ta’ kull terzi ma jiġux estiżi bla bżonn lil hinn mid-drittijiet li hija tagħti fil-konfront tad-detentur tal-liċenzja.

A — Fuq l-ewwel domanda

13.

Il-Cour de cassation ifformulat l-ewwel domanda tagħha b’tali mod sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża jekk SIL kisritx id-dritt tat-trade mark ta’ Dior meta hija biegħet il-prodotti lil Copad.

14.

Peress li huwa ċar li l-kuntratt tal-liċenzja ma ġiex osservat, prima facie ma jidhirx b’mod ċar x’jista’ jkun l-interess li jiġu eżerċitati d-drittijiet inerenti fit-trade mark. Madankollu huwa possibbli li d-drittijiet kuntrattwali ma joffrux protezzjoni sodisfaċenti fil-proċedura ta’ insolvenza ġudizzjarja li nfetħet kontra d-detentur tal-liċenzja. L-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 89/104 jipprovdi r-regoli li jippermettu li jiġi stabbilit sa fejn, bħala detentur tal-liċenzja, SIL tista’, permezz tal-aġir tagħha li jikkawża ħsara għall-kuntratt, tikser id-dritt tat-trade mark.

15.

Id-drittijiet li jirriżultaw mir-reġistrazzjoni tat-trade mark huma ppreċiżati fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 89/104, li jagħti lill-proprjetarju dritt esklużiv li jippermettilu, b’mod partikolari, li jimpedixxi lil kull terzi li timporta prodotti bit-trade mark tiegħu, li toffrihom għall-bejgħ, li tqegħidhom fis-suq jew li taħżinhom għal dawn il-finijiet ( 3 ).

16.

Kuntratt ta’ liċenzja ta’ trade mark għandu l-iskop li jippermetti lid-detentur tal-liċenzja li juża t-trade mark skont il-mod miftiehem mill-partijiet. Wieħed jista’ jippreżumi li, meta d-detentur tal-liċenzja juża t-trade mark bi ksur ta’ kuntratt ta’ liċenzja, il-konċessjonarju jista’ jeżerċita mingħajr restrizzjoni d-drittijiet mogħtija lilu mit-trade mark.

17.

Ir-regoli stabbiliti mill-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 89/104 madankollu huma differenti fis-sens li din id-dispożizzjoni telenka xi ksur speċifiku kontra l-klawżoli ta’ kuntratt ta’ liċenzja li fuq il-bażi tagħhom il-proprjetarju tat-trade mark jista’ jinvoka drittijiet kontra d-detentur tal-liċenzja:

“Il-proprjetarju ta’ trade mark jista’ jinvoka d-drittijiet mogħtija minn dik it-trade mark kontra liċenzjat li jikser kwalunkwe disposizzjoni fil-kuntratt tal-liċenzja tiegħu dwar it-tul tagħha, il-formola koperta mir-reġistrazzjoni li fuqha tista’ tintuża t-trade mark, l-iskop ta’ l-merkanzija jew servizzi li għalihom il-liċenzja hi maħruġa, it-territorju fejn it-trade mark tista’ titwaħħal, jew il-kwalità tal-merkanzija manifatturati jew tas-servizzi provduti minn min ingħata l-liċenzja.”

18.

Għalkemm il-partijiet jaqblu li ebda waħda mill-klawżoli msemmija minn dik id-dispożizzjoni ma tirrigwarda espressament il-projbizzjoni li jsir bejgħ lil persuni li jbigħu bi prezz inqas, Dior madankollu tikkwalifika li hija ma tikkunsidrax dik il-lista ta’ klawżoli bħala eżawrjenti jew li tinkludi l-projbizzjoni tal-bejgħ fosthom.

19.

Dior essenzjalment issostni li l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 89/104 għandu jingħata interpretazzjoni wiesgħa li tippermetti li tiġi protetta l-proprjetà intellettwali li l-użu tagħha huwa kkonċernat fil-kuntratt ta’ liċenzja. Din is-soluzzjoni hija bbażata fuq il-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni peress li ssemmi ksur ta’ “kwalunkwe disposizzjoni fil-kuntratt tal-liċenzja”, ksur li jippermetti lill-proprjetarju tat-trade mark li jinvoka d-drittijiet mogħtija lilu mit-trade mark. Il-fatt li din il-lista ma ssemmix il-qbiż tal-kwantità ta’ prodotti li jistgħu jingħataw it-trade mark u li jistgħu jinbiegħu taħt dik it-trade mark ukoll juri li din mhijiex eżawrjenti.

20.

Permezz ta’ dan l-aħħar argument, Dior probabbilment trid tindika li restrizzjonijiet kwantitattivi li jkunu stipulati fil-kuntratt ta’ liċenzja għandhom fi kwalunkwe każ jirriżultaw mill-effetti skont id-dritt tat-trade marks. Dan il-kunċett, li mhux ibbażat fuq it-test tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 89/104, fi kwalunkwe każ mhuwiex vinkolanti ( 4 ). Fi kwalunkwe każ, fl-aħħar mill-aħħar din mhijiex il-kwistjoni li għandha tiġi riżolta f’dan il-każ.

21.

Barra minn hekk, l-argument ta’ Dior huwa bbażat għal kollox fuq riproduzzjoni inkompleta tat-test tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 89/104. Kif enfasizzaw ġustament Copad, ir-Repubblika Franċiża u l-Kummissjoni, l-elenkar ta’ klawżoli individwali ma sarx fuq bażi indikattiva. Din hija r-raġuni għaliex l-Artikolu 8(2) preċiżament ma jippermettix lill-proprjetarju tat-trade mark li jinvoka drittijiet li jirriżultaw minnha għal kwalunkwe ksur li jkun sar tal-kuntratt ta’ liċenzja. Għall-kuntrarju, dan ma jgħoddx għall-ksur li jirrigwarda l-punti msemmija espressament f’din id-dispożizzjoni.

22.

Għaldaqstant għandu jiġi eżaminat jekk il-projbizzjoni ta’ bejgħ taqax taħt waħda mill-klawżoli elenkati fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 89/104.

23.

Minn naħa waħda, Dior tikkunsidra li l-projbizzjoni ta’ bejgħ lil persuni li jbigħu bi prezz inqas hija klawżola li tirrigwarda t-territorju li fi ħdanu tista’ tintuża t-trade mark. Hija ssostni li dan il-każ huwa previst mill-ipoteżijiet fejn il-kuntratt jagħti lid-detentur tal-liċenzja l-kompetenza li jiddistribwixxi l-prodotti f’ċerti territorji speċifikati. Il-limitazzjoni tal-bejgħ għal żoni speċifiċi hija biss każ ta’ applikazzjoni partikolari.

24.

Dan l-argument madankollu huwa żbaljat mill-bidu nett. L-Artikolu 8(2) tad-Direttiva ma jkoprix kull ksur tar-restrizzjonijiet territorjali fuq l-użu ta’ trade mark, iżda — kif tenfasizza l-Kummissjoni — biss il-ksur tal-klawżoli li jirrigwardaw it-territorju li fi ħdanu tista’ tintuża t-trade mark. Madankollu xejn ma juri li f’din il-kawża SIL użat it-trade mark fuq il-prodotti lil hinn mill-qasam previst għal dan l-iskop mill-kuntratt ta’ liċenzja.

25.

Min-naħa l-oħra, Dior, u jista’ jkun ukoll il-Cour de cassation, jorbtu l-projbizzjoni tal-bejgħ ma’ klawżola dwar il-kwalità tal-prodotti mmanifatturati mid-detentur tal-liċenzja jew tas-servizzi pprovduti minnu. Din hija waħda mill-klawżoli l-oħrajn imsemmija fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 89/104 li fir-rigward tagħha jistgħu jiġu eżerċitati drittijiet li jirriżultaw mit-trade mark.

26.

Kif tispjega ġustament Copad u għall-kuntrarju ta’ dak li tallega Dior, il-bejgħ ta’ prodotti ma jistax jitqies bħala forniment ta’ servizzi f’dan is-sens. Il-kwalità tal-forniment ta’ servizz ma għandha ebda importanza ħlief jekk il-kuntratt ta’ liċenzja jkun jirrigwarda l-forniment ta’ serviz ( 5 ). Il-projbizzjoni ta’ bejgħ inkwistjoni tirrigwarda, min-naħa l-oħra, merkanzija li fuqha tintuża t-trade mark.

27.

Din l-ipoteżi hija bbażata iktar fuq il-fatt li t-trade mark Dior hija assoċjata ma’ prodotti ta’ lussu li normalment ma jiġux distribwiti fis-settur tal-persuni li jbigħu bi prezz inqas. Hija timplika li din il-forma ta’ distribuzzjoni tpoġġi f’dubju l-kwalità tal-merkanzija bħala prodott ta’ lussu u jista’ jkollha effett negattiv fuq il-kwalità tagħha.

28.

L-użu tat-terminu “kwalità” fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 89/104 jfakkar funzjoni essenzjali tat-trade mark. Hija għandha toffri l-garanzija li l-prodotti kollha li jkollhom dik it-trade mark ikunu ġew immanifatturati taħt il-kontroll ta’ impriża unika li lilha tista’ tiġi attribwita r-responsabbiltà tal-kwalità tagħhom ( 6 ).

29.

L-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 89/104 b’hekk għandu jippermetti lill-proprjetarju tat-trade mark li jiggarantixxi l-kwalità tal-prodotti li jkollhom dik it-trade mark. Kif osservat ġustament il-Kummissjoni, l-ipoteżi inkwistjoni tirrigwarda każ fejn id-detentur tal-liċenzja jpoġġi t-trade mark fuq prodotti oħrajn apparti dawk li jkunu stipulati fil-kuntratt ta’ liċenzja.

30.

Ir-riferiment għall-manifattura tindika li, meta jsemmi l-kwalità tal-prodotti, il-leġiżlatur jirreferi esklużivament għall-karatteristiċi li dawn jakkwistaw matul il-proċess ta’ manifattura u li dan jikkonsisti f’garanzija kontra l-użu, pereżempju, ta’ materja prima ta’ kwalità inferjuri. Min-naħa l-oħra, il-karatteristiċi li jirriżultaw sempliċement mill-metodi ta’ distribuzzjoni huma esklużi.

31.

Fil-każ ta’ prodotti ta’ lussu jew ta’ prestiġju, ir-reputazzjoni tal-prodott hija madankollu regolarment element rilevanti biex tiġi evalwata l-kwalità fis-sens tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 89/104. Indipendentement minn karatteristiċi oħrajn tal-prodott, ħsara għar-reputazzjoni ta’ trade mark jista’ jkollha l-effett li dan ma jibqax jiġi rikonoxxut bl-istess mod bħala prodott ta’ lussu jew ta’ prestiġju. Għal dan it-tip ta’ prodott, il-forom ta’ distribuzzjoni li jagħmlu ħsara lill-prestiġju tiegħu jistgħu fl-istess ħin ipoġġu f’dubju l-kwalità tiegħu.

32.

Madankollu, mhux kull ħsara lir-reputazzjoni ta’ trade mark tista’ tpoġġi f’dubju l-kwalità ta’ prodott li huwa kkaratterizzat mill-prestiġju tiegħu, għaliex, ladarba jkun inbiegħ, is-settur ta’ distribuzzjoni li permezz tiegħu jkun inbiegħ normalment ma jkunx jista’ jiġi identifikat a posteriori mingħajr riċerka estensiva ( 7 ). Tip ta’ distribuzzjoni li ma jkunx identifikabbli meta jiġi eżaminat il-prodott inkwistjoni b’hekk mhuwiex ta’ natura li jagħmel ħsara lill-kwalità tiegħu ħlief jekk id-distribuzzjoni tagħmel ħsara lill-prestiġju tal-eżemplari kollha li jkollhom it-trade mark inkwistjoni.

33.

Għaldaqstant huwa possibbli li l-prestiġju tat-trade mark Dior iġarrab preġudizzju serju jekk il-prodotti li jkollhom dik it-trade mark jinbiegħu fuq skala kbira bi prezzijiet skontati minn għadd kbir ta’ persuni li jbigħu bi prezz inqas u bi sforz pubbliċitarju kbir, għaliex il-konsumaturi jistgħu jieħdu l-impressjoni li l-prodotti bit-trade mark Dior ma għadx għandhom dan il-karattru esklużiv li kellhom qabel. Min-naħa l-oħra, ir-reputazzjoni tat-trade mark tista’ tibqa’ b’saħħitha u protetta jekk tali prodotti jidhru f’idejn persuni li jbigħu bi prezz inqas biss b’mod iżolat.

34.

Barra minn hekk, kif ser jingħad fir-rigward tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 89/104, hija biss tali interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett tal-kwalità ta’ prodott li tiggarantixxi li l-proprjetarju tad-dritt ta’ trade mark ma jistax jinvoka kontra terzi drittijiet li jmorru lil hinn mid-drittijiet li huwa għandu fil-konfront tad-detentur tal-liċenzja. L-Artikolu 7(2), effettivament, jistabbilixxi drittijiet li jippermettu li wieħed jopponi d-distribuzzjoni tal-prodott meta din tkun toħloq ħsara gravi lir-reputazzjoni tat-trade mark ( 8 ).

35.

Il-kwistjoni dwar jekk u sa liema punt forma ta’ distribuzzjoni speċifika, b’mod partikolari d-distribuzzjoni mis-settur tal-persuni li jbigħu bi prezz inqas bħal mhu l-każ f’din il-kawża, effettivament tagħmilx ħsara lir-reputazzjoni u fl-istess ħin lill-kwalità ta’ prodott skont dak l-artikolu hija kwistjoni ta’ fatt li għandha tiġi evalwata mill-qorti li għandha kompetenza fuq il-merti tal-kawża abbażi taċ-ċirkostanzi partikolari ta’ kull każ.

36.

Il-projbizzjoni stabbilita mill-kuntratt ta’ liċenzja f’din il-kawża biex id-detentur tal-liċenzja ma jbigħx il-merkanzija bit-trade mark lil ċerti bejjiegħa mill-ġdid hija biss ta’ importanza limitata għall-finijiet tal-eżami tal-fatti. Din essenzjalment turi li l-partijiet kontraenti kienu tal-fehma, meta kkonkludew il-kuntratt ta’ liċenzja, li l-forma ta’ distribuzzjoni għandha effett fuq il-prestiġju tat-trade mark. F’każ ta’ litiġju, għandu jiġi eżaminat b’mod ċar iktar ’il quddiem sa liema punt tali evalwazzjoni hija korretta.

37.

L-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 89/104 b’hekk għandu jiġi interpretat fis-sens li l-proprjetarju tat-trade mark jista’ jinvoka d-drittijiet mogħtija minnha kontra detentur tal-liċenzja li ma jirrispettax klawżola tal-kuntratt ta’ liċenzja li tgħid li l-bejgħ lil persuni li jbigħu bi prezz inqas huwa pprojbit meta tali bejgħ ikun jagħmel ħsara lill-prestiġju tal-prodott b’tali mod li jpoġġi f’dubju l-kwalità tiegħu.

B — Fuq it-tieni domanda

38.

It-tieni domanda tirrigwarda l-eżawriment tad-dritt mogħti mit-trade mark. Il-Cour de cassation tixtieq tkun taf jekk l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 89/104 għandux jiġi interpretat fis-sens li, meta d-detentur tal-liċenzja jqiegħed prodotti fis-suq bi trade mark bi ksur ta’ klawżola ta’ kuntratt ta’ liċenzja li tipprojbixxi l-bejgħ lil persuni li jbigħu bi prezz inqas, l-istess detentur tal-liċenzja jkun aġixxa mingħajr il-kunsens tal-proprjetarju tat-trade mark.

39.

Għandu jitfakkar f’dan ir-rigward li l-Artikolu 5 tad-Direttiva 89/104 jagħti lill-proprjetarju tat-trade mark dritt esklużiv li jippermettilu, b’mod partikolari, li jipprojbixxi lil terzi li jimportaw prodotti bit-trade mark tiegħu, li joffruhom għall-bejgħ, li jqegħduhom fuq is-suq jew li jaħżnuhom għal dawn il-finijiet. L-Artikolu 7(1) jistabbilixxi eċċezzjoni għal dan il-prinċipju fis-sens li jipprovdi li d-dritt mogħti mit-trade mark jiġi eżawrit meta l-prodotti jitqiegħdu fis-suq mill-proprjetarju tat-trade mark jew bil-kunsens tiegħu ( 9 ).

40.

Dior tikkonstata ġustament fl-ewwel lok li l-fatt li ngħata kuntratt ta’ liċenzja lil SIL li jippermettilha li tuża t-trade mark ma jikkostitwixxix tqegħid fis-suq tal-prodotti. Dan il-kuntratt jistabbilixxi biss ir-regoli li jgħidu li SIL tista’ tqiegħed il-prodotti fis-suq. Id-dritt mogħti mit-trade mark jiġi eżawrit biss għall-eżemplari tal-prodott li effettivament jitqiegħdu fis-suq. Dawn l-eżemplari ma jkunux għadhom jeżistu fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ liċenzja, li jfisser li dan fih innifsu ma jwassalx għall-eżawriment tad-dritt mogħti mit-trade mark.

41.

Dan id-dritt madankollu seta’ ġie eżawrit f’din il-kawża minħabba l-fatt li SIL biegħet il-merkanzija inkwistjoni lil Copad. Billi poġġiet il-firma tagħha fi tmiem il-kuntratt ta’ liċenzja, Dior, bħala proprjetarja tat-trade mark, tat il-kunsens tagħha biex SIL tiddistribwixxi l-merkanzija ( 10 ).

42.

Il-kuntratt ta’ liċenzja madankollu jeskludi espressament il-bejgħ lil persuna li tbigħ bi prezz inqas. Minn dan, Dior u l-Gvern Franċiż jikkonkludu li l-kunsens kuntrattwali għad-distribuzzjoni ma jinkludix il-bejgħ lil Copad. F’dan il-każ, il-merkanzija tqiegħdet fis-suq mingħajr il-kunsens tal-proprjetarju tat-trade mark u d-dritt mogħti minn din tal-aħħar għadu ma ġiex eżawrit.

43.

Din il-konklużjoni hija ssostanzjata mis-sentenza Zino Davidoff u Levi Strauss, li tgħid li, meta titqies l-importanza tal-effett tiegħu li jtemm id-dritt esklużiv tal-proprjetarji tat-trade marks inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, dritt li jippermettilhom li jikkontrollaw l-ewwel tqegħid fis-suq, il-kunsens għandu jkun espress b’mod li juri b’ċertezza rieda ta’ rinunzja ta’ dan id-dritt. Tali rieda normalment tirriżulta minn formulazzjoni espressa ta’ kunsens ( 11 ). Il-kuntratt ta’ liċenzja ma jistax jiġi interpretat bħala espressjoni ta’ kunsens peress li jipprojbixxi espressament — għall-kuntrarju — il-bejgħ lil persuni li jbigħu bi prezz inqas.

44.

Lanqas is-sentenza Peak Holding ma timponi li jiġi preżunt il-kunsens tal-proprjetarju tat-trade mark. Dik il-kawża kienet tirrigwarda ftehim li saru matul il-bejgħ ta’ prodotti bit-trade mark tal-proprjetarju tad-dritt. Dawk il-ftehim kienu jirrigwardaw biss ir-relazzjoni bejn il-partijiet kontraenti u ma jistgħux jostakolaw l-eżawriment tad-dritt esklużiv tal-proprjetarju tat-trade mark ( 12 ), eżawriment li jista’ jiġi invokat erga omnes. Din il-kawża, min-naħa l-oħra, ma tirrigwardax il-konklużjoni aċċessorja ta’ kuntratt ta’ bejgħ bil-parteċipazzjoni tal-proprjetarju tat-trade mark, iżda tirrigwarda l-effett li kuntratt ta’ liċenzja jista’ jkollu fuq l-operazzjonijiet li d-detentur tal-liċenzja jwettaq ma’ terzi.

45.

Din il-kawża madankollu hija distinta mill-kawżi li nqatgħu s’issa, peress li, għall-kuntrarju ta’ tipi oħra ta’ ftehim, il-kuntratt ta’ liċenzja jipproduċi effetti partikolari fuq il-portata tad-drittijiet mogħtija mit-trade mark. Huwa l-Artikolu (2) tad-Direttiva li jiddefinixxi espressament il-portata fir-rigward tad-detentur tal-liċenzja. Ir-restrizzjonijiet stabbiliti mid-dritt tat-trade marks dwar l-użu tat-trade mark ma jistax ikollhom portata aktar estiża fir-rigward ta’ terzi minn dik li għandhom fir-rigward tad-detentur tal-liċenzja, li jaf il-limiti kuntrattwali tad-drittijiet tiegħu. Għaldaqstant ma hemm ebda raġuni għalfejn id-drittijiet mogħtija mit-trade mark għandu jkollhom portata limitata fir-rigward ta’ detentur tal-liċenzja waqt li huma invokabbli kompletament kontra terzi li huma estranji mill-kuntratt ta’ liċenzja.

46.

Dan ikun preċiżament il-każ jekk l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 89/104 jiddefinixxi d-drittijiet mogħtija mit-trade mark b’mod aktar strett fir-rigward tad-detentur tal-liċenzja milli fir-rigward ta’ terzi. Id-drittijiet mogħtija mit-trade mark ma jwaqqfux lid-detentur tal-liċenzja milli jużaha kummerċjalment. Min-naħa l-oħra, il-klijenti tiegħu, li normalment ma jkunux jafu l-klawżoli tal-kuntratt ta’ liċenzja, ikunu esposti għar-riskju li l-proprjetarju tat-trade mark jimponi kontrihom id-drittijiet mogħtija lilu mit-trade mark billi jipprojbilhom, pereżempju, li jerġgħu jbigħu l-prodotti li jkollhom dik it-trade mark.

47.

Wieħed għandu jikkonkludi li huma biss il-każijiet ta’ ksur tal-kuntratt ta’ liċenzja msemmija fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 89/104 li jimpedixxu l-eżawriment tad-dritt mogħti mit-trade mark. Meta d-detentur tal-liċenzja jkun jista’ jqiegħed il-merkanzija bit-trade mark fis-suq mingħajr ma jikser id-dritt mogħti mit-trade mark, il-klijenti tiegħu għandhom ikunu jistgħu jafdaw fl-eżawriment ta’ dak id-dritt, kif enfasizzat, b’mod partikolari, il-Kummissjoni.

48.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ma kellha għalfejn iżżid xejn iżjed għaliex, kif josservaw il-Kummissjoni u Copad, fil-kawża Peak Holding, hija għamlet distinzjoni bejn l-eżawriment tad-dritt mogħti mit-trade mark u l-ksur tal-obbligi li l-kuntratt ta’ liċenzja jimponi fuq ix-xerrej ( 13 ). Il-kuntratti jorbtu biss lill-partijiet kontraenti waqt li d-dritt mogħti mit- trade mark u l-eżawriment tiegħu għandhom effetti erga omnes.

49.

Id-dritt esklużiv tal-proprjetarju li juża t-trade mark għat-tqegħid għall-ewwel darba fis-suq tal-prodotti bit-trade mark ( 14 ) b’hekk ma jfisser xejn iktar. Effettivament, il-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ liċenzja diġà tippermetti l-użu tad-dritt mogħti mit-trade mark. Id-drittijiet li jirriżultaw minn dan il-kuntratt jikkostitwixxu għal Dior il-kontroparti tal-fatt li SIL tiddistribwixxi l-prodotti bit-trade mark.

50.

Id-dritt mogħti mit-trade mark b’hekk għandu jiggarantixxi l-possibbiltà li tiġi kkontrollata l-kwalità tal-prodotti u mhux l-eżerċizzju effettiv ta’ tali kontroll. Il-konċessjonarju jista’ jikkontrolla lid-detentur tal-liċenzja billi jistipula fil-kuntratt dispożizzjonijiet li jobbligaw lil dan tal-aħħar josserva l-istruzzjonijiet tiegħu u li jagħtuh il-possibbiltà li jiżgura l-ħarsien tagħhom. Jekk il-konċessjonarju jittollera, pereżempju, li d-detentur tal-liċenzja jimmanifattura prodotti ta’ kwalità inferjuri minkejja li l-kuntratt ikun jippermettilu li jopponi dan, huwa jrid jassumi r-responsabbiltà ( 15 ). Madankollu, mill-mument meta wieħed jitlaq mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 89/104, il-mezzi biex jiġi kkontrollat id-detentur tal-liċenzja huma ta’ natura kuntrattwali u b’hekk ma jaqgħux taħt id-dritt tat-trade marks.

51.

L-istess jgħodd għall-forom ta’ distribuzzjoni mhux mixtieqa. Meta l-proprjetarju tat-trade mark jirrinunzja li jikkontrolla d-distribuzzjoni jew ma jużax il-possibbiltajiet ta’ kontroll offruti lilu mill-kuntratt, ma jkun hemm ebda raġuni oħra biex huwa jingħata drittijiet taħt it-trade mark fil-konfront ta’ terzi.

52.

L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 89/104 b’hekk għandu jiġi interpretat fis-sens li detentur tal-liċenzja li jqiegħed prodotti fis-suq taħt trade mark bi ksur ta’ klawżola ta’ kuntratt ta’ liċenzja jkun qed jaġixxi mingħajr il-kunsens tal-proprjetarju tat-trade mark biss jekk, meta huwa jiddistribwixxi l-prodotti, ikun qed jikser fl-istess ħin id-drittijiet mogħtija mit-trade mark fis-sens tal-Artikolu 8(2).

C — Fuq it-tielet domanda

53.

Fl-aħħar nett, il-Cour de cassation tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, fl-ipoteżi fejn il-proprjetarju tat-trade mark ma jistax jimpedixxi l-eżawriment tad-drittijiet tiegħu permezz tal-projbizzjoni tal-bejgħ lil persuni li jbigħu bi prezz inqas, jekk jistax jibbaża ruħu fuq l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 89/104 biex jopponi kummerċjalizzazzjoni mill-ġdid tal-prodotti.

54.

Skont l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 89/104, ir-regola tal-eżawriment stabbilita fil-paragrafu 1 ma għandhiex tapplika fejn jeżistu raġunijiet leġittimi li jiġġustifikaw li l-proprjetarju jopponi kummerċjalizzazzjoni ulterjuri tal-prodotti bit-trade mark, speċjalment fejn il-kundizzjoni tal-prodotti hi mibdula jew danneġġjata wara li tqiegħdu fuq is-suq ( 16 ).

55.

Billi semma espressament l-ipoteżi ta’ bdil jew dannu fl-istat tal-prodotti wara li tqiegħdu fis-suq, il-leġiżlatur kien qed jirreferi għall-garanzija, diġà msemmija fir-rigward tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 89/104, li l-proprjetarju tat-trade mark għandu jipprovdi dwar il-kwalità tal-prodott. Il-bdil tal-prodotti bit-trade mark wara li jitqiegħdu fis-suq jikkomprometti din il-garanzija ta’ kwalità ( 17 ). Il-proprjetarju tat-trade mark b’hekk għandu jkollu d-dritt li jopponi li t-trade mark tiegħu titpoġġa fuq prodotti mibdula.

56.

Anki jekk il-bejgħ lil persuni li jbigħu bi prezz inqas ikollu l-effett li jnaqqas il-kwalità tal-merkanzija, il-kwistjoni tal-applikazzjoni tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 89/104 madankollu ma tqumx fis-sitwazzjoni preżenti jekk wieħed jadotta l-interpretazzjoni ssuġġerita hawnhekk. Il-proprjetarju tat-trade mark b’hekk ikun jista’ jkompli jeżerċita d-drittijiet mogħtija lilu mit-trade mark kontra d-detentur tal-liċenzja peress li jkunu għadhom ma ġewx eżawriti.

57.

Madankollu għandu jiġi vverifikat jekk, indipendentement minn dannu fil-kwalità tal-prodotti, il-ksur tal-projbizzjoni imposta mill-kuntratt ta’ liċenzja fuq id-detentur tal-liċenzja li jbigħ lil persuni li jbigħu bi prezz inqas jista’ jiġġustifika interess leġittimu li jimpedixxi l-eżawriment tad-dritt mogħti mit-trade mark.

58.

L-użu tat-terminu “speċjalment” fl-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 89/104 juri li l-ipoteżi dwar il-bdil jew id-dannu fl-istat tal-prodotti bit-trade mark tingħata biss bħala eżempju ta’ x’jista’ jikkostitwixxi motiv leġittimu ( 18 ).

59.

Il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet f’dan il-kuntest li ħsara għar-reputazzjoni ta’ trade mark tista’, bħala regola, tkun motiv leġittimu fis-sens tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 89/104 li jiġġustifika li l-proprjetarju jopponi l-kummerċjalizzazzjoni ulterjuri tal-prodotti li huwa jkun qiegħed fis-suq fil-Komunità jew li tqiegħdu bil-kunsens tiegħu ( 19 ). Hija kkonkludiet li l-proprjetarju tat-trade mark għandu interess leġittimu li jopponi pubbliċità għal prodotti ta’ lussu jew ta’ prestiġju li taffettwa l-valur tat-trade mark billi tippreġudika l-attrazzjoni u r-reputazzjoni ta’ prestiġju tal-prodotti inkwistjoni kif ukoll is-sensazzjoni ta’ lussu li dawn jagħtu ( 20 ).

60.

Motiv leġittimu fis-sens tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 89/104 madankollu jkun jeżisti biss jekk tiġi ppruvata ħsara gravi għar-reputazzjoni ta’ trade mark ( 21 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja tat bħala eżempju l-fatt li, fil-materjal pubbliċitarju li jqassam, il-bejjiegħ mill-ġdid ma jkunx qagħad attent li jevita li jpoġġi t-trade mark f’kuntest li joħloq riskju ta’ tnaqqis serju tal-prestiġju li l-proprjetarju jkun irnexxielu joħloq madwar it-trade mark tiegħu ( 22 ).

61.

Minn dan jirriżulta li, meta bejjiegħ mill-ġdid jikkawża ħsara gravi lir-reputazzjoni ta’ trade mark minħabba l-mod kif huwa jerġa’ jbigħ il-prodotti, jista’ jkun hemm motivi leġittimi fis-sens tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 89/104 li jiġġustifikaw li l-proprjetarju tat-trade mark jopponi dik il-forma ta’ distribuzzjoni, kif jispjega b’mod partikolari l-Gvern Franċiż.

62.

Min-naħa l-oħra, wieħed ma jistax jikkonkludi minn din il-ġurisprudenza, li huwa biss ksur ta’ projbizzjoni stipulata fil-kuntratt ta’ liċenzja kontra l-bejgħ tal-prodotti lil persuni li jbigħu bi prezz inqas li jikkostitwixxi motiv leġittimu biex wieħed jopponi l-bejgħ mill-ġdid. Il-Kummissjoni ġustament tenfasizza li l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 89/104 jitlef l-effett utli tiegħu kieku kull ksur ta’ klawżola ta’ kuntratt ta’ liċenzja mid-detentur tal-liċenzja kellu jippermetti lill-proprjetarju tat-trade mark li jimpedixxi l-bejgħ mill-ġdid tal-prodotti bit-trade mark.

63.

Il-bejgħ lil persuni li jbigħu bi prezz inqas lanqas ma jikkostitwixxi neċessarjament ħsara gravi lir-reputazzjoni ta’ trade mark ta’ prestiġju jew ta’ lussu.

64.

Minn naħa waħda, ma jistax jiġi eskluż li l-persuna li tbigħ bi prezz inqas ma tbigħx il-prodotti hi stess lill-konsumaturi, iżda lil bejjiegħa mill-ġdid li jippreżentawhom f’ambjent kompatibbli mal-karattru tagħhom ta’ lussu jew ta’ prestiġju. Huma jistgħu, pereżempju, ibigħuhom mill-ġdid lil ħwienet ta’ prestiġju li ma kellhomx il-possibbiltà li jixtruhom sa dak iż-żmien peress li ma kinux parti min-netwerk ta’ distribuzzjoni ta’ dik it-trade mark. Il-konsumaturi li jixtru mingħand dawk il-ħwienet ma jistgħux jikkonkludu li l-prodotti bit-trade mark huma inqas lussużi milli kienu qabel.

65.

Min-naħa l-oħra, meta tip ta’ distribuzzjoni jkun jista’ jagħmel ħsara lir-reputazzjoni ta’ trade mark, ikun għad irid jiġi stabbilit jekk effettivament kienx hemm dannu u jekk dan id-dannu huwiex gravi. Bħal fil-każ meta jkun meħtieġ li jiġi eżaminat jekk il-ħsara li setgħet saret lir-reputazzjoni ta’ trade mark tpoġġix f’dubju l-kwalità tal-prodotti b’dik it-trade mark ( 23 ), f’dan il-każ jeħtieġ ukoll li jiġu kkunsidrati ċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ. Hija l-qorti li għandha kompetenza biex tiddeċiedi l-merti tal-kawża li għandha tagħmel il-konstatazzjonijiet ( 24 ) li l-kuntratt ta’ liċenzja ma jkunx irendi superfluwi.

66.

L-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 89/104 b’hekk ma jippermettix lill-proprjetarju tat-trade mark li jopponi li l-prodotti b’dik it-trade mark jiġu ddistribwiti minn persuna li tbigħ bi prezz inqas sempliċement minħabba li klawżola f’kuntratt ta’ liċenzja tkun tipprjobixxi lid-detentur tal-liċenzja li jbigħ il-prodotti lil persuni li jbigħu bi prezz inqas.

V — Konklużjoni

67.

Għaldaqstant nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi skont kif ġej għad-domandi preliminari:

“1.

L-Artikolu 8(2) tal-ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-proprjetarju tat-trade mark jista’ jinvoka drittijiet mogħtija minnha kontra detentur tal-liċenzja li ma josservax klawżola tal-kuntratt ta’ liċenzja li tgħid li l-bejgħ lil persuni li jbigħu bi prezz inqas huwa pprojbit meta tali bejgħ ikun jagħmel ħsara lill-prestiġju tal-prodott b’tali mod li jpoġġi f’dubju l-kwalità tiegħu.

2.

L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 89/104 b’hekk għandu jiġi interpretat fis-sens li detentur tal-liċenzja li jqiegħed prodotti fis-suq taħt trade mark bi ksur ta’ klawżola ta’ kuntratt ta’ liċenzja jkun qed jaġixxi mingħajr il-kunsens tal-proprjetarju tat-trade mark biss jekk, meta huwa jiddistribwixxi l-prodotti, ikun qed jikser fl-istess ħin id-drittijiet mogħtija mit-trade mark fis-sens tal-Artikolu 8(2).

3.

L-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 89/104 ma jippermettix lill-proprjetarju tat-trade mark li jopponi li l-prodotti b’dik it-trade mark jiġu ddistribwiti minn persuna li tbigħ bi prezz inqas sempliċement minħabba li klawżola f’kuntratt ta’ liċenzja tkun tipprjobixxi lid-detentur tal-liċenzja li jbigħ il-prodotti lil persuni li jbigħu bi prezz inqas.”


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.

( 2 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 92; kif emendata bl-Anness XVII tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ĠU 1994, L 1, p. 482, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 89/104”).

( 3 ) Sentenza tat-30 ta’ Novembru 2004, Peak Holding (C-16/03, Ġabra p. I-11313, punt 34).

( 4 ) Sentenza tal-1 ta’ Lulju 1999, Sebago u Maison Dubois (C-173/98, Ġabra p. I-4103), li l-Kummissjoni tiċċita f’dan ir-rigward, ma tirrigwardax l-interpretazzjoni tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 89/104, iżda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(1).

( 5 ) Kif kien il-każ, pereżempju, fis-sentenza tas-7 ta’ Lulju 2005, Praktiker Bau- und Heimwerkermärkte (C-418/02, Ġabra p. I-5873).

( 6 ) Sentenzi tas-17 ta’ Ottubru 1990, HAG GF (C-10/89, Ġabra p. I-3711, punt 13); tal-11 ta’ Novembru 1997, Loendersloot (C-349/95, Ġabra p. I-6227, punt 22); tad-29 ta’ Settembru 1998, Canon (C-39/97, Ġabra p. I-5507, punt 28) u tat-18 ta’ Ġunju 2002, Philips (C-299/99, Ġabra p. I-5475, punt 30).

( 7 ) Li mhuwiex il-każ, b’mod partikolari, ta’ prodotti li għandhom ċerti karatteristiċi partikolari, bħall-kotba difettużi mibgħuta lura lill-istampatur.

( 8 ) Ara l-punti 57 et seq

( 9 ) Ara s-sentenzi tal-20 ta’ Novembru 2001, Zino Davidoff u Levi Strauss (C-414/99 sa C-416/99, Ġabra p. I-8691, punt-40); tat-8 ta’ April 2003, Van Doren + Q (C-244/00, Ġabra p. I-3051, punt 33), u Peak Holding (diġà ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 34).

( 10 ) Kien għalhekk li, fis-sentenza tat-22 ta’ Ġunju 1994, IHT Internationale Heiztechnik und Danzinger (C-9/93, Ġabra p. I-2789, punt 34), il-Qorti tal-Ġustizzja ċċitat it-tqegħid fis-suq mid-detentur tal-liċenzja bħala każ ta’ eżawriment ta’ dritt mogħti mit-trade mark.

( 11 ) Diġà ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, punti 45 u 46.

( 12 ) Diġà ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punti 52 et seq.

( 13 ) Diġà ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 54.

( 14 ) Sentenzi tal-11 ta’ Lulju 1996, Bristol-Myers Squibb et (C-427/93, C-429/93 u C-436/93, Ġabra p. I-3457, punti 31, 40 u 44) u Peak Holding (diġà ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 35).

( 15 ) Sentenza IHT Internationale Heiztechnik und Danzinger (diġà ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10, punti 37 et seq.).

( 16 ) Sentenza tal-4 ta’ Novembru 1997, Parfums Christian Dior (C-337/95, Ġabra p. I-6013, punt 40).

( 17 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat din is-sitwazzjoni b’mod partikolari fir-rigward tal-imballaġġ mill-ġdid ta’ mediċini; ara, fl-aħħar lok, is-sentenza tas-26 ta’ April 2007, Boehringer Ingelheim et (C-348/04, Ġabra p. I-3391).

( 18 ) Sentenza Parfums Christian Dior (diġà ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16, punt 42, kif ukoll ir-referenzi ċċitati hemmhekk).

( 19 ) Ibidem, punt 43, kif ukoll ir-referenzi ċċitati hemmhekk.

( 20 ) Ibidem, punt 45, kif ukoll ir-referenzi ċċitati hemmhekk.

( 21 ) Ibidem, punt 46, kif ukoll ir-referenzi ċċitati hemmhekk.

( 22 ) Ibidem, punt 47.

( 23 ) Ara l-punti 30 et seq. iktar ’il fuq.

( 24 ) Ara s-sentenzi tat-23 ta’ Frar 1999, BMW (C-63/97, Ġabra p. I-905, punti 51 u 55), u Boehringer Ingelheim et (diġà ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17, punt 46).