European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2025/980

14.2.2025

AVVIŻ TAL-KUMMISSJONI

Gwida dwar qafas għall-iżvilupp ta’ metidoloġiji għall-monitoraġġ ta’ karatteristiċi tal-pajsaġġ b’diversità għolja skont l-Artikolu 14(7) tar-Regolament dwar ir-Restawr tan-Natura (Ir-Regolament (UE) 2024/1991)

(C/2025/980)

Dan l-Avviż tal-Kummissjoni hija maħsuba li tgħin lill-awtoritajiet nazzjonali fl-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2024/1991. Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea biss hija kompetenti li tinterpreta b’mod awtorevoli d-dritt tal-Unjoni.

Werrej

1.

Introduzzjoni, kamp ta’ applikazzjoni u qafas legali 1

2.

Monitoraġġ ta’ HDLFs produttivi 3

2.1.

Siġar produttivi f’sistemi agroforestali sostenibbli 3

2.2.

Siġar fi msaġar tal-frott estensivi u qodma fuq art bil-ħaxix permanenti 7

2.3.

Elementi produttivi f’sisien tal-isġajriet 8

3.

Valur ta’ bażi tal-indikatur tal-HDLFs 9

4.

Erja ta’ referenza 10

ANNESS I:

Monitoraġġ Ewropew tal-Bijodiversità f’Pajsaġġi Agrikoli (EMBAL, European Monitoring of Biodiversity in Agricultural Landscapes) 11

ANNESS II:

Sistemi agroforestali () 12

ANNESS III:

Data ġeospazjali tas-SIAK mil-LPIS u l-GSA 20

1.   INTRODUZZJONI, KAMP TA’ APPLIKAZZJONI U QAFAS LEGALI

Ir-Regolament dwar ir-Restawr tan-Natura (1) (NRR, Nature Restoration Regulation) jistabbilixxi miri u obbligi għar-restawr tal-ekosistemi fl-Unjoni Ewropea. L-Artikolu 11(2) tal-NRR jiffoka fuq ir-restawr tal-ekosistemi agrikoli u jirrikjedi li l-Istati Membri jdaħħlu fis-seħħ miżuri li għandhom l-għan li jiksbu xejra dejjem akbar fil-livell nazzjonali ta’ mill-inqas tnejn mit-tliet indikaturi li ġejjin għall-ekosistemi agrikoli: (i) l-indiċi tal-friefet tal-mergħat; (ii) il-ħażna ta’ karbonju organiku fil-ħamrija minerali użata għall-art tal-għelejjel; u (iii) is-sehem tal-art agrikola b’karatteristiċi tal-pajsaġġ b’diversità għolja (HDLFs, high-diversity landscape features).

Skont l-Artikolu 20(1)(c) tar-Regolament, kull Stat Membru jeħtieġlu jimmonitorja mill-inqas tnejn mit-tliet indikaturi magħżula f’konformità mal-Artikolu 11(2).

L-indikaturi huma speċifikati aktar fl-Anness IV tal-NRR. Id-deskrizzjoni tal-indikatur “sehem tal-art agrikola b’karatteristiċi tal-pajsaġġ b’diversità għolja” tinkludi karatteristiċi li bħalissa mhumiex koperti mill-metodi standard ta’ monitoraġġ imsemmija fl-Anness IV (il-metodi standard ta’ monitoraġġ huma relatati ma’: (i) il-metodoloġija LUCAS (2) u l-indikatur I.21 skont ir-Regolament (UE) 2021/2115 dwar pjanijiet strateġiċi skont il-politika agrikola komuni għall-karatteristiċi tal-pajsaġġ; u (ii) l-istħarriġ tal-istruttura tal-farms (3) għal raba’ mistrieħ).

Għalhekk, l-Artikolu 14(7) tal-NRR jiddikjara li kull Stat Membru jista’ jiżviluppa metodoloġija biex jikkomplementa l-metodoloġija msemmija fl-Anness IV, sabiex jimmonitorja l-HDLFs mhux koperti mill-metodi komuni, kif meħtieġ bl-Artikolu 20(1)(c).

Għal dan il-għan, l-Artikolu 14(7) jiddikjara wkoll li l-Kummissjoni jeħtiġilha tipprovdi gwida dwar il-qafas għall-iżvilupp ta’ tali metodoloġiji.

Biex tissodisfa dan l-obbligu, dan l-Avviż jipprovdi gwida dwar il-qafas għall-iżvilupp ta’ metodoloġiji ta’ monitoraġġ għall-HDLFs inklużi fid-deskrizzjoni tal-indikatur rilevanti skont l-Anness IV tal-NRR iżda mhux koperti mill-metodi komuni msemmija f’dak l-Anness. Għalhekk, tipprovdi gwida dwar kif għandhom jiġu żviluppati metodoloġiji ta’ monitoraġġ għall-karatteristiċi produttivi msemmija fl-Anness IV tal-NRR u b’mod aktar speċifiku: (i) siġar produttivi f’sistemi agroforestali sostenibbli; (ii) msaġar tal-frott estensivi u qodma fuq art bil-ħaxix permanenti; u (iii) elementi produttivi f’sisien tal-isġajriet. Dawn jistgħu jitqiesu bħala HDLFs jekk jikkonformaw mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Anness IV tal-NRR, jiġifieri jekk ma jirċivux trattament ta’ fertilizzant jew pestiċida, ħlief għal trattament b’input baxx ta’ demel solidu, u jekk il-ħsad isir biss f’mumenti fejn dan ma jikkompromettix livelli għoljin ta’ bijodiversità.

L-Istati Membri huma liberi li jagħżlu approċċi metodoloġiċi oħra (inkluż il-ġbir ta’ data u l-metodi ta’ analiżi) li huma l-aktar adattati li jimmonitorjaw dawk it-tliet karatteristiċi produttivi jekk dawn il-metodi jikkonformaw mal-ispeċifikazzjonijiet tal-Anness IV.

Diġà hi disponibbli gwida dwar elementi oħra koperti mill-indikatur tal-HDLF (jiġifieri dwar il-karatteristiċi tal-pajsaġġ mhux produttivi u dwar ir-raba’ mistrieħ) (4).

Deskrizzjoni u metodoloġiji għad-determinazzjoni u l-monitoraġġ tal-indikatur “sehem tal-art agrikola b’karatteristiċi tal-pajsaġġ b’diversità għolja”, skont l-Anness IV tal-NRR

Deskrizzjoni: Karatteristiċi tal-pajsaġġ b’diversità għolja, bħal biċċiet art ta’ lqugħ, ringieli ta’ sġajriet, siġar individwali jew gruppi ta’ siġar, ringieli ta’ siġar, ġmiem madwar l-għelieqi, irqajja’, fosos, xmajriet, artijiet mistagħdra żgħar, għelieqi mtarrġa, braġ tal-ġebel, ħitan tal-ġebel, għadajjar żgħar u karatteristiċi kulturali, huma elementi ta’ veġetazzjoni naturali jew seminaturali permanenti preżenti f’kuntest agrikolu li jipprovdu servizzi tal-ekosistema u appoġġ għall-bijodiversità.

Sabiex isir dan, il-karatteristiċi tal-pajsaġġ jeħtieġ li jkunu soġġetti għall-inqas ammont negattiv possibbli ta’ disturbi esterni biex jipprovdu ħabitats sikuri għal diversi unitajiet tassonomiċi, u għalhekk jeħtieġ li jikkonformaw mal-kundizzjonijiet li ġejjin:

a)

ma jistgħux ikunu taħt użu agrikolu produttiv (inkluż il-produzzjoni tar-ragħa jew tal-għalf), sakemm tali użu ma jkunx meħtieġ għall-preservazzjoni tal-bijodiversità; u

b)

jeħtieġ li ma jirċivux trattament ta’ fertilizzant jew pestiċida, ħlief għal trattament b’input baxx ta’ demel solidu.

Raba’ mistrieħ, inkluż temporanjament, jista’ jitqies bħala karatteristika tal-pajsaġġ b’diversità għolja jekk jikkonforma mal-kriterji (a) u (b) ta’ hawn fuq.

Is-siġar produttivi li huma parti mis-sistemi agroforestali sostenibbli jew siġar fi msaġar tal-frott estensivi u qodma fuq art bil-ħaxix permanenti u elementi produttivi f’sisien tal-isġajriet mhux produttivi jistgħu jitqiesu wkoll bħala karatteristiċi tal-pajsaġġ b’diversità għolja, jekk jikkonformaw mal-kriterju stipulat taħt (b) tat-tieni paragrafu, u jekk il-ħsad isir biss f’mumenti fejn ma jikkompromettix livelli għoljin ta’ bijodiversità.

Unità: Perċentwali (sehem tal-Erja Agrikola Utilizzata).

Metodoloġija: kif żviluppata taħt l-indikatur I.21, l-Anness I tar-Regolament 2021/2115, kif ibbażat fuq l-aħħar verżjoni aġġornata LUCAS għall-elementi tal-pajsaġġ, Ballin M. et al., Redesign sample for Land Use/Cover Area frame Survey (LUCAS), Eurostat 2018, u għal raba’ mistrieħ, Farm Structure, Reference Metadata in Single Integrated Metadata Structure, pubblikazzjoni online, Eurostat u, fejn applikabbli, għal karatteristiċi tal-pajsaġġ b’diversità għolja mhux koperti mill-metodoloġija ta’ hawn fuq, metodoloġija żviluppata mill-Istati Membri f’konformità mal-Artikolu 14(7) ta’ dan ir-Regolament.

Il-metodoloġija LUCAS tiġi aġġornata fuq bażi regolari biex tissaħħaħ l-affidabbiltà tad-data użata fl-Unjoni Ewropea u, fil-livell nazzjonali, mill-Istati Membri meta jimplimentaw il-pjanijiet nazzjonali tagħhom għar-restawr.

2.   MONITORAĠĠ TA’ HDLFs PRODUTTIVI

L-għan ta’ din il-gwida huwa li tipprovdi l-qafas għall-iżvilupp ta’ kriterji u metodoloġija għall-monitoraġġ tat-tliet HDLFs produttivi deskritti fl-Anness IV tal-NRR, jiġifieri:

—

siġar produttivi f’sistemi agroforestali sostenibbli, li jirrispettaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Anness IV;

—

siġar fi msaġar tal-frott estensivi u qodma fuq art bil-ħaxix permanenti, li jirrispettaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Anness IV;

—

elementi produttivi f’sisien tal-isġajriet, li jirrispettaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Anness IV.

Fil-kuntest ta’ din il-gwida, siġra jew element f’sies tal-isġajriet huwa definit bħala produttiv meta jkun tħawwel għall-ħsad/għall-użu ta’ kwalunkwe parti tiegħu (frott, qoxra, friegħi, injam) u jkun taħt ġestjoni attiva (eż. tqegħid ta’ sisien tal-isġajriet, qtugħ regolari ieħor u xi drabi tilqim u żbir). Is-siġar imħawla għal skopijiet produttivi jitqiesu bħala produttivi mill-mument li jitħawlu, minħabba li jiġu ġestiti kif xieraq minn dak il-mument.

Kif previst fl-Artikolu 14(7) tal-NRR, għall-monitoraġġ tat-tliet HDLFs produttivi, l-Istati Membri jistgħu jiżviluppaw metodoloġiji ta’ monitoraġġ għall-HDLFs produttivi kollha jew għal uħud minnhom (eż. jistgħu jkunu limitati għal wieħed biss) inklużi fl-Anness IV tal-NRR.

Għal dawk it-tliet karatteristiċi produttivi, l-Istati Membri jistgħu wkoll jaġġustaw/itejbu l-metodi nazzjonali diġà eżistenti biex ikomplu jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-NRR biex jimmonitorjaw l-HDLFs elenkati fl-Anness IV u mhux koperti mill-metodu komuni (5).

2.1.   Siġar produttivi f’sistemi agroforestali sostenibbli

Din it-taqsima tispjega l-proċedura għall-identifikazzjoni taż-żoni agroforestali u tal-agroforestrija sostenibbli u għall-kontabbiltà tas-siġar produttivi fiż-żoni identifikati.

Deskrizzjoni

Il-Kummissjoni Ewropea tiddefinixxi l-agroforestrija bħala “sistema tal-użu tal-art li fiha jitkabbru s-siġar flimkien mal-agrikoltura fuq l-istess art”  (6).

Skont definizzjoni aktar dettaljata, l-agroforestrija tfisser “sistemi u prattiki tal-użu tal-art fejn il-pjanti perenni tal-injam jiġu integrati b’mod intenzjonat ma’ għelejjel u/jew annimali fuq l-istess roqgħa jew unità ta’ ġestjoni tal-art mingħajr l-intenzjoni li jiġi stabbilit popolament forestali ieħor. Is-siġar jistgħu jkunu rranġati bħala zkuk individwali, f’ringieli jew fi gruppi, filwaqt li r-ragħa tista’ ssir ukoll ġewwa rqajja’ (agrosilvikultura tal-għelejjel, silvipastoraliżmu, ġonna b’siġar tal-frott għall-mergħat jew għall-kultivazzjoni assoċjata) jew fuq il-limiti bejn l-irqajja’ (sisien tal-isġajriet, sisien tas-siġar)”  (7).

L-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti (FAO, Food and Agriculture Organization), iċ-Ċentru Internazzjonali għar-Riċerka fl-Agroforestrija (ICRAF, International Centre for Research in Agroforestry) / ċ-Ċentru Dinji tal-Agroforestrija (WAC, World Agroforestry Centre) jiddefinixxu l-agroforestrija (8), (9) bħala “isem kollettiv għas-sistemi u t-teknoloġiji tal-użu tal-art fejn pjanti perenni tal-injam [...] jintużaw b’mod intenzjonat fuq l-istess unitajiet ta’ ġestjoni tal-art bħall-għelejjel agrikoli u/jew l-annimali, f’xi forma ta’ arranġament spazjali jew sekwenza temporali. Fis-sistemi agroforestali hemm interazzjonijiet kemm ekoloġiċi kif ukoll ekonomiċi bejn il-komponenti differenti.”

Skont l-ICRAF, din id-definizzjoni timplika li:

—

l-agroforestrija normalment tinvolvi żewġ speċijiet jew aktar ta’ pjanti (jew pjanti u annimali), li mill-inqas wieħed minnhom ikun pjanta perenni tal-injam;

—

sistema agroforestali dejjem ikollha żewġ outputs jew aktar;

—

iċ-ċiklu ta’ sistema agroforestali huwa dejjem aktar minn sena; u

—

anke l-aktar sistema sempliċi agroforestali hija aktar kumplessa, ekoloġikament (strutturalment u funzjonalment) u ekonomikament, minn sistema ta’ monokultura.

L-FAO tikklassifika l-agroforestrija fi tliet tipi ewlenin ta’ sistemi (ara l-eżempji fl-Anness II):

(1)

sistemi agrisilvikulturali (taħlita ta’ siġar u għelejjel annwali jew perenni, bħat-tkabbir tal-uċuħ bejn ringieli ta’ siġar);

(2)

silvipastoraliżmu (taħlita ta’ siġar u ragħa ta’ annimali domestikati fuq mergħat);

(3)

sistemi agrosilvopastorali: (taħlita tat-tliet elementi, jiġifieri s-siġar, l-annimali u l-għelejjel).

Fil-qosor, meta jitqiesu d-definizzjonijiet kollha ta’ hawn fuq, jista’ jiġi konkluż li:

—

Karatteristika minima ta’ sistema agroforestali, komuni għall-biċċa l-kbira tad-definizzjonijiet, hija li din tgħaqqad b’mod intenzjonat il-pjanti perenni tal-injam (siġar) mal-għelejjel u/jew mal-annimali.

—

Skont definizzjoni limitata, sistema agroforestali jrid ikollha kopertura minima tas-siġar ta’ 10 % (10). Definizzjoni usa’ tirrikjedi biss 5 %. Tista’ tiġi stabbilita wkoll densità massima tal-kopertura tas-siġar, peress li fil-biċċa l-kbira taċ-ċirkostanzi s-sistemi agroforestali tar-raba’ li jikkombinaw il-kultivazzjoni mal-forestrija mhumiex realistiċi b’densitajiet ogħla. Madankollu, f’ċerti kundizzjonijiet, bis-silvipastoraliżmu, inklużi l-mergħat imsaġġra, kopertura kważi sħiħa tas-siġar xorta tista’ tagħmilha possibbli li jikbru l-mergħat fid-dell tas-siġar. Għalhekk, meta jkun meħtieġ, densità massima tal-kopertura tas-siġar tista’ tiġi stabbilita biss fil-livelli nazzjonali jew reġjonali.

Ta’ min jinnota li s-siġar fi msaġar tal-frott estensivi u qodma fuq art bil-ħaxix permanenti huma tip speċifiku ta’ HDLFs u mhumiex indirizzati taħt din il-kategorija (ara t-Taqsima 2.2).

Għall-identifikazzjoni taż-żoni agroforestali fil-kuntest tal-Anness IV tal-NRR, il-proporzjon rakkomandat ta’ msaġar/siġar u art agrikola miftuħa (art bil-ħaxix jew art tal-għelejjel) għandu jiġi deċiż mill-Istat Membru, filwaqt li jitqiesu l-kundizzjonijiet pedoklimatiċi lokali, l-ispeċijiet tal-forestrija (siġar u arbuxelli applikabbli) u l-ħtieġa li jiġi permess l-użu agrikolu tal-art.

Fil-pjanijiet Strateġiċi tal-PAK, kull Stat Membru jista’ jiddefinixxi l-kombinazzjoni ta’ siġar bir-raba’ li jinħadem jew bl-għelejjel jew art bil-ħaxix permanenti li għandhom jitqiesu bħala żona agrikola (u sabiex jiġu delineati ż-żoni agroforestali fis-Sistema ta’ Identifikazzjoni tal-Irqajja’ tal-Art (LPIS, Land Parcel Identification System)).

L-Istati Membri jistgħu jużaw dawk id-definizzjonijiet (fil-pjanijiet strateġiċi tal-PAK) biex jiddelinjaw l-irqajja’ tal-agroforestrija, li se jikkostitwixxu l-bażi li fuqha jiġu identifikati u deskritti sistemi agroforestali sostenibbli. Fil-fatt, ma hemm l-ebda definizzjoni komuni fil-letteratura xjentifika ta’ agroforestrija sostenibbli jew mhux sostenibbli; il-kriterji għas-sostenibbiltà jeħtieġ li jiġu ddeterminati mill-Istati Membri għall-fini tal-Anness IV tal-NRR.

Fir-rigward tal-użu mill-ġdid tad-data spazjali tas-Sistema Integrata ta’ Amministrazzjoni u Kontroll (SIAK), l-Istati Membri, skont l-obbligi tad-Direttiva INSPIRE (11), jikkondividu xi data ġeospazjali (LPIS u GSA) permezz tal-ġeoportal tal-UE (12), b’mod partikolari dwar il-karatteristiċi tal-pajsaġġ (ara l-Anness III).

L-agroforestrija sostenibbli għandha diversi benefiċċji, bħal għajxien imtejjeb tal-bdiewa bħala riżultat ta’ introjtu ogħla, żieda fil-bijodiversità, struttura u saħħa mtejba tal-ħamrija, tnaqqis fl-erożjoni, u sekwestru tal-karbonju (13). F’ħafna partijiet tad-dinja, il-bdiewa li jaħdmu fl-agroforestrija sostenibbli jirrapportaw ukoll żieda fir-rendimenti (14).

Madankollu, is-sostenibbiltà ambjentali (15) tista’ tiġi kompromessa minn diversi fatturi, waħedhom jew flimkien, bħat-tibdil fid-densità relattiva, l-applikazzjoni tal-pestiċidi u/jew tal-fertilizzanti, ir-ragħa insuffiċjenti u r-ragħa żejjed.

Metodoloġija

Sabiex jitqiesu s-siġar produttivi f’sistemi agroforestali sostenibbli li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Anness IV tal-NRR, huwa rrakkomandat li l-Istati Membri jsegwu l-passi stabbiliti fis-sitt punti numerati ta’ hawn taħt.

(1)

Jidentifikaw iż-żoni agroforestali fl-erja ta’ referenza (16) billi jużaw mapep nazzjonali eżistenti ta’ erjas bħal dawn, dment li dawn il-mapep ikunu ta’ kwalità suffiċjenti. Sorsi oħra disponibbli ta’ informazzjoni jistgħu jintużaw ukoll jekk il-klassijiet tal-agroforestrija f’dawk is-sorsi l-oħra disponibbli jkunu konformi mad-definizzjonijiet tal-Istati Membri. Pereżempju, Stat Membru jista’ juża l-aktar informazzjoni reċenti rreġistrata fl-LPIS tiegħu, jekk disponibbli, għad-delineazzjoni taż-żona agrikola, biex jiddistingwi bejn raba’ li jinħadem, art bil-ħaxix permanenti u għelejjel permanenti u biex jidentifika s-sistemi tal-agroforestrija (l-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament (UE) 2022/1172). Skont id-definizzjoni li jagħżel Stat Membru, id-didaskalija tal-LPIS tista’ tinkludi klassijiet bħal “Agrisilvikultura” jew “Agroforestrija b’ħaxix taħt (20 % tas-siġar)” jew “Agroforestrija b’ħaxix taħt (50 % tas-siġar)”. L-Istati Membri jistgħu jużaw ukoll informazzjoni addizzjonali li tirriżulta mill-pretensjonijiet annwali tal-bdiewa magħmula permezz tas-Sistema ta’ Applikazzjoni Ġeospazjali (GSA, Geospatial Application System). Ir-riżultati tas-Sistema ta’ Monitoraġġ tal-Erja (AMS, Area Monitoring System) jistgħu jservu biex jikkonfermaw xi informazzjoni rreġistrata.

Approċċ alternattiv jew komplementari jista’ jkun li jiġu identifikati ż-żoni agroforestali abbażi tal-immappjar tat-tipi ta’ ħabitats relatati skont il-EUNIS (17) u l-Anness I tad-Direttiva dwar il-Ħabitats. Alternattivament, jekk ma tkun disponibbli l-ebda informazzjoni oħra, tista’ tinstab stima approssimattiva fl-inventarju tal-Kopertura tal-Art Corine (Klassi 2.4.4 “Żoni agroforestali”) (18).

Barra minn hekk, il-LUCAS Core jista’ jintuża biex tinkiseb il-probabbiltà tal-okkorrenza tal-agroforestrija (19), bħala appoġġ għall-identifikazzjoni.

(2)

Jiddefinixxu sistemi agroforestali sostenibbli (fi ħdan iż-żoni agroforestali identifikati qabel) skont l-ispeċifiċitajiet bijoġeografiċi fl-Istat Membru jew reġjun tiegħu u skont it-tip speċifiku ta’ agroforestrija. L-Istati Membri jistgħu jagħmlu dan billi jistabbilixxu limiti, pereżempju, għal: (i) id-densità relattiva (eż. jiddeċiedu dwar id-densitajiet relattivi minimi u massimi); (ii) il-kundizzjonijiet, iż-żmien, u/jew it-tul tar-ragħa (eż. l-Istati Membri għandhom jiddeċiedu dwar id-densitajiet minimi u massimi ta’ bhejjem).

Jiddeċiedu dwar liema tipi ta’ ġestjoni jiskwalifikaw is-sistema milli titqies bħala sostenibbli: eż. it-tneħħija ta’ ġdur tas-siġar u fdalijiet tal-injam oħxon; pjantaġġuni ta’ speċijiet aljeni invażivi jew ta’ speċijiet eżotiċi li ftit li xejn għandhom benefiċċju għall-bijodiversità; imsajġar ta’ rotazzjoni qasira/siġar li jikbru malajr imħawlin b’mod dens.

(3)

Fid-definizzjoni tal-agroforestrija sostenibbli, huwa rrakkomandat li l-Istati Membri jużaw iż-żewġ kriterji li ġejjin:

—

L-ewwel kriterju huwa d-disinn tas-sistema agroforestali (eż. kompożizzjoni diversa tal-ispeċijiet, speċijiet indiġeni, densità relattiva/tal-arbuxelli speċifika għas-sit, eċċ.). Bħala regola ġenerali, u soġġett għal limitazzjonijiet pedoklimatiċi, jinkisbu aktar benefiċċji tal-bijodiversità minn sistemi agroforestali b’siġar deċidwi u/jew speċijiet ta’ siġar tal-injam iebes bħaż-żebbuġ, il-qastan, il-ġewż u l-ispeċijiet taċ-ċirasa.

—

It-tieni kriterju huwa n-natura tal-ġestjoni. Għandu jkun hemm ġestjoni xierqa (inkluża l-ġestjoni tal-ħamrija) biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà tas-sistema (flimkien mat-tnaqqis tar-riskju ta’ nirien) u strateġiji li jrawmu l-eteroġeneità. Dan ifisser li għandu jkun hemm ħsad xieraq, speċjalment f’termini tal-frekwenza tal-ħsad, eċċ. (eż. popolamenti maturi li jinżammu sewwa permezz ta’ ħsad imdewwem u flessibbli għandhom il-kapaċità li jaħżnu aktar karbonju minn popolamenti żgħar, filwaqt li msaġar ta’ rotazzjoni qasira b’livelli għoljin ta’ disturb u użu intensiv tal-art għandhom benefiċċji baxxi tal-bijodiversità u tal-ħżin tal-karbonju).

Eżempji ta’ sistemi agroforestali bil-potenzjal għas-sostenibbiltà, ibbażati fuq il-ġestjoni tal-art u/jew is-servizzi tal-ekosistema mogħtija, jinsabu fl-Anness II ta’ dan id-dokument.

(4)

Jeskludu siġar (20) li jirċievu trattament ta’ pestiċida u/jew fertilizzant (ħlief fertilizzazzjoni b’input baxx ta’ demel solidu). L-Istati Membri għandhom jiddefinixxu dak li jqisu bħala “inputs baxxi” ta’ demel solidu; u jistgħu jagħmlu dan abbażi ta’ studji xjentifiċi rilevanti. Għandu jiġi stabbilit livell “massimu” tat-trattament b’input fil-livell nazzjonali. L-evidenza xjentifika tindika l-firxa ta’ 30 sa 50 kilogramma ta’ input ta’ nitroġenu għal kull ettaru u għal kull sena (30 - 50 kg N ha-1 y-1) (21).

(5)

Jeskludu siġar fejn il-ħsad isir fi żminijiet li jikkompromettu livelli għoljin ta’ bijodiversità, inkluż it-tneħħija tal-injam jew il-ħsad fi żmien mhux xieraq (22).

Il-passi (4) u (5) jistgħu jiġu vvalutati bl-użu ta’ wieħed jew taħlita tal-approċċi u/jew tas-sorsi tad-data li ġejjin:

—

dikjarazzjoni mill-bidwi (l-Istati Membri jistgħu jitolbu din l-informazzjoni bħala parti mit-talba għall-pagament tal-PAK jekk il-bidwi japplika għal appoġġ jew għajnuna tal-PAK relatata mal-erja skont skemi nazzjonali, eż. għajnuna mill-Istat);

—

informazzjoni, jekk disponibbli, minn skemi ta’ finanzjament tal-UE, nazzjonali jew oħrajn għaż-żamma jew l-istabbiliment ta’ sistemi agroforestali sostenibbli kif deskritta f’din il-gwida u konformi mal-kundizzjonijiet tal-Anness IV;

—

stħarriġ fuq il-post, organizzat mill-awtoritajiet kompetenti fl-Istat Membru, li jivverifika l-kundizzjonijiet:

—

billi tiġi vverifikata l-konformità mal-kundizzjoni (b) (23), stabbilita fl-Anness IV, permezz ta’ intervisti;

jew

—

billi jiġi vverifikat il-valur tal-bijodiversità tal-karatteristiċi tal-pajsaġġ, eż. bl-użu tal-EMBAL (24) (ara l-Anness I) jew kwalunkwe għodda xierqa oħra kif deċiż mill-Istat Membru u billi jiġi stabbilit limitu xieraq għall-karatteristiċi li jiddeskrivu l-valur tal-bijodiversità tas-siġar.

(6)

Fl-aħħar nett, stima tal-erja koperta mis-siġar. Minħabba li s-siġar produttivi biss jgħoddu bħala karatteristiċi tal-pajsaġġ, u mhux ir-roqgħa kollha, trid tiġi stmata l-erja tal-kopertura tas-siġar. Ladarba l-irqajja’ ta’ agroforestrija sostenibbli jiġu identifikati/delinjati, l-erja koperta mis-siġar tista’ titkejjel/tiġi stmata bl-użu tas-sorsi tad-data li ġejjin:

—

ortoritratti;

—

Densità tal-kopertura tas-siġar tas-Servizz ta’ Monitoraġġ tal-Art ta’ Copernicus (CLMS, Copernicus Land Monitoring Service) (25);

—

stħarriġ fuq il-post;

—

immaġnijiet satellitari ta’ riżoluzzjoni xierqa;

—

jekk disponibbli, il-pjanijiet ta’ ġestjoni tal-agroforestrija, dment li dawn jinkludu tali informazzjoni (26).

2.2.   Siġar fi msaġar tal-frott estensivi u qodma fuq art bil-ħaxix permanenti

Din it-taqsima tispjega l-proċedura għall-identifikazzjoni ta’ msaġar tal-frott estensivi u qodma fuq art bil-ħaxix permanenti u l-kontabbiltà għas-siġar fihom li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Anness IV tal-NRR. Masġar tal-frott qadim tirreferi għal ġnien b’siġar tal-frott stabbilit li ilu jeżisti għal żmien twil, normalment b’siġar maturi tal-frott jew tal-ġewż. Imsaġar tal-frott qodma huma msaġar b’siġar tal-frott imħawla b’densitajiet relattivi baxxi (meta mqabbla ma’ sistemi intensivi), f’art bil-ħaxix permanenti. L-ispazju bejn is-siġar ivarja skont il-varjetà tal-frott. Għall-art bil-ħaxix permanenti, tista’ tintuża d-definizzjoni tal-PAK kif stabbilita fl-Artikolu 4(3)(c) tar-Regolament (UE) Nru 2115/2021.

Deskrizzjoni

L-imsaġar tal-frott estensivi u qodma fuq art bil-ħaxix permanenti huma strutturalment u ekoloġikament simili għal ċerti tipi ta’ agroforestrija (eż. mergħat imsaġġra), b’siġar imkabbra fil-miftuħ f’veġetazzjoni erbaċea, iżda jistgħu jiġu distinti mill-agroforestrija bil-ħames karatteristiċi li ġejjin (27):

—

kompożizzjoni: L-imsaġar tal-frott tipikament jikkonsistu fi speċijiet ta’ siġar tal-frott u/jew tal-ġewż eż. tuffieħ, lanġas, ċirasa, greengage, għanbaqar, sfarġel, ħawħ, ġewż jew ġellewż (eż. Rosaceae, Juglandaceae);

—

l-arranġament normalment aktar dens tas-siġar fi msaġar tal-frott qodma fuq art bil-ħaxix permanenti;

—

l-iskala normalment iżgħar ta’ rqajja’ ta’ ħabitats individwali meta mqabbla mal-agroforestrija;

—

is-siġar fi msaġar tal-frott estensivi u qodma jitkabbru għall-produzzjoni tal-frott u tal-ġewż, normalment miksuba permezz ta’ attivitajiet bħat-tilqim u ż-żbir, filwaqt li s-siġar fl-agroforestrija tradizzjonali jistgħu jitkabbru wkoll għall-injam (biex jintuża fil-produzzjoni tal-karta, għall-għamara, eċċ.), is-sufra, il-ġandar tagħhom u għal użi oħra;

—

ir-ragħa jew il-qtugħ ta’ veġetazzjoni erbaċea, li huma integrali għall-ġestjoni tal-imsaġar tal-frott. Dan jista’ jiġi pprattikat ukoll f’xi sistemi agroforestali.

L-Istati Membri jistgħu jużaw dawn il-ħames karatteristiċi speċifiċi biex jidentifikaw dawn l-erjas, skont il-kundizzjonijiet u t-tradizzjonijiet lokali.

Metodoloġija

Sabiex jitqiesu s-siġar fi msaġar tal-frott estensivi u qodma fuq art bil-ħaxix permanenti li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Anness IV tal-NRR, huwa rrakkomandat li l-Istati Membri jieħdu l-passi li ġejjin stabbiliti fil-ħames punti numerati ta’ hawn taħt.

(1)

Jidentifikaw u jimmappjaw l-irqajja’ ta’ msaġar tal-frott permezz ta’ inventarji, mapep jew ċensimenti nazzjonali jew reġjonali, fejn disponibbli (jista’ jkun diġà disponibbli inventarju ta’ msaġar tal-frott qodma).

Jekk ma jkunx disponibbli inventarju nazzjonali, l-informazzjoni dwar l-irqajja’ ta’ msaġar tal-frott disponibbli fl-LPIS/fl-Applikazzjoni Ġeospazjali (GSA)/fis-Sistema ta’ Monitoraġġ tal-Erja tal-PAK tista’ tiġi kkombinata ma’ informazzjoni derivata minn ortoritratti, immaġnijiet multitemporali ta’ telerilevament b’riżoluzzjoni għolja jew stħarriġ dirett (organizzati mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru), filwaqt li jiġi żgurat li jiġu identifikati biss imsaġar tal-frott estensivi u qodma fuq art bil-ħaxix permanenti.

(2)

Jiddefinixxu “imsaġar tal-frott estensivi u qodma fuq art bil-ħaxix permanenti”, skont il-partikolaritajiet tal-pajjiż (eż. il-kundizzjonijiet u t-tradizzjonijiet lokali), billi jiddefinixxu kemm “estensivi” kif ukoll “qodma” (eż. abbażi tat-tip/l-intensità tal-ġestjoni u l-età medja tas-siġar jew il-preżenza/il-kopertura/is-sehem ta’ siġar antiki), u billi jiġu stabbiliti limiti għad-densità relattiva massima u minima, kif meħtieġ.

(3)

Jeskludu siġar li jirċievu trattament ta’ pestiċida u/jew fertilizzant. L-Istati Membri għandhom jiddefinixxu dak li jqisu bħala “inputs baxxi” ta’ demel solidu; huma jistgħu jagħmlu dan abbażi ta’ studji xjentifiċi rilevanti. Għandu jiġi stabbilit livell “massimu” tat-trattament b’input ta’ demel solidu fil-livell nazzjonali. L-evidenza xjentifika tindika l-firxa ta’ 30 sa 50 kg ta’ input ta’ N ha-1 y-1.

(4)

Jeskludu siġar fejn il-ħsad isir fi żminijiet li jikkompromettu livelli għoljin ta’ bijodiversità.

Il-passi (3) u (4) jistgħu jiġu vvalutati bl-użu ta’ wieħed mit-tliet sorsi tad-data li ġejjin jew taħlita tagħhom:

—

dikjarazzjoni mill-bidwi (l-Istati Membri jistgħu jitolbu din l-informazzjoni bħala parti mit-talba għall-pagament tal-PAK jekk il-bidwi japplika għal appoġġ jew għajnuna tal-PAK relatata mal-erja skont skemi nazzjonali);

—

informazzjoni, jekk disponibbli, minn skemi ta’ finanzjament tal-UE, nazzjonali jew oħrajn għall-konservazzjoni, ir-restawr u/jew iż-żamma ta’ msaġar tal-frott estensivi u qodma fuq art bil-ħaxix permanenti kif deskritt f’din il-gwida u li jikkonformaw mal-kundizzjonijiet tal-Anness IV;

—

stħarriġ fuq il-post, organizzat mill-awtorità kompetenti fl-Istat Membru, li jivverifika l-kundizzjonijiet:

—

billi tiġi vverifikata l-konformità mal-kundizzjoni (b), permezz ta’ intervisti;

jew

—

billi jiġi vverifikat il-valur tal-bijodiversità tal-karatteristiċi tal-pajsaġġ, eż. bl-użu tal-EMBAL (ara l-Anness I) jew approċċ simili, u billi jiġi stabbilit limitu xieraq għall-karatteristiċi li jiddeskrivu l-valur tal-bijodiversità tas-siġar.

(5)

Fl-aħħar nett, stima tal-erja koperta mis-siġar: minħabba li s-siġar produttivi biss jgħoddu bħala karatteristiċi tal-pajsaġġ, u mhux ir-roqgħa kollha, trid tiġi stmata l-erja koperta mis-siġar. Ladarba l-irqajja’ ta’ msaġar tal-frott estensivi u qodma fuq art bil-ħaxix permanenti jiġu identifikati u delineati, l-erja koperta mis-siġar tista’ titkejjel/tiġi stmata bl-użu tas-sorsi li ġejjin:

—

ortoritratti;

—

Densità tal-kopertura tas-siġar tas-Servizz ta’ Monitoraġġ tal-Art ta’ Copernicus (CLMS);

—

stħarriġ fuq il-post;

—

immaġnijiet satellitari ta’ riżoluzzjoni xierqa.

2.3.   Elementi produttivi f’sisien tal-isġajriet

Din it-taqsima tispjega l-proċedura għall-kontabbiltà tal-elementi produttivi f’sisien tal-isġajriet li jikkonformaw mal-kriterji stabbiliti fl-Anness IV tal-NRR.

Deskrizzjoni

L-Istati Membri jkollhom jidentifikaw elementi produttivi fis-sisien tal-isġajriet (eż. siġar tal-frott u bakek), li ma jirċivux trattament ta’ pestiċida u/jew fertilizzant (ħlief input baxx ta’ demel solidu), u li ma jinħasdux fi żminijiet li jikkompromettu livelli għoljin ta’ bijodiversità.

Metodoloġija

Identifikazzjoni: L-elementi produttivi f’sisien tal-isġajriet jistgħu jiġu vvalutati bl-użu ta’ sors wieħed jew taħlita ta’ sorsi tad-data u/jew approċċi stabbiliti fl-erba’ punti ta’ hawn taħt.

—

dikjarazzjoni mill-bidwi (l-Istati Membri jistgħu jitolbu din l-informazzjoni bħala parti mit-talba għall-pagament tal-PAK jekk il-bidwi japplika għal appoġġ jew għajnuna tal-PAK relatata mal-erja skont skemi nazzjonali, eż. għajnuna mill-Istat);

—

jekk disponibbli, skemi ta’ finanzjament tal-UE, nazzjonali jew oħrajn għal: (i) it-tqegħid, iż-żamma u l-konservazzjoni tas-sisien tal-isġajriet; jew (ii) ir-ritenzjoni u/jew iż-żamma ta’ karatteristiċi lineari magħmula minn veġetazzjoni perenni tal-injam (arbuxelli u/jew siġar produttivi) kif deskritti f’din il-gwida u li jikkonformaw mal-kundizzjonijiet tal-Anness IV.

—

L-elementi produttivi jistgħu jiġu vvalutati wkoll bl-użu ta’ osservazzjoni diretta permezz tal-istħarriġ EMBAL (ara l-Anness I), jew stħarriġ ekwivalenti li fih jiġi vvalutat il-valur naturali tal-karatteristiċi tal-pajsaġġ, flimkien ma’ verifika tal-konformità mal-kundizzjoni (b), permezz ta’ intervisti mal-bdiewa.

—

Fl-aħħar nett u skont l-ispeċifiċitajiet lokali, Stat Membru jista’ jipprovdi stima tal-elementi produttivi bbażati fuq kampjunar u analiżi statistiċi, dment li din l-istima tikkonforma mal-kundizzjonijiet fl-Anness IV tal-NRR u tuża metodu xieraq ta’ kampjunar.

Sabiex tiġi vverifikata l-konformità mal-kundizzjoni (b), l-Istati Membri għandhom jiddefinixxu dak li jqisu bħala “inputs baxxi” ta’ demel solidu; huma jistgħu jagħmlu dan abbażi ta’ studji xjentifiċi rilevanti. Għandu jiġi stabbilit livell “massimu” għal dak li jista’ jitqies bħala trattament b’input baxx ta’ demel solidu fil-livell nazzjonali. L-evidenza xjentifika tindika l-firxa ta’ 30 sa 50 kg ta’ input ta’ N ha-1 y-1.

Għall-fini tal-identifikazzjoni tas-sisien tal-isġajriet li huma fuq art agrikola, jistgħu jiġu segwiti l-linji gwida għall-identifikazzjoni tas-sisien tal-isġajriet skont il-modulu LUCAS Landscape Features (28).

Stima tal-erja koperta: Minħabba li l-elementi produttivi biss jgħoddu bħala karatteristiċi tal-pajsaġġ, u mhux is-sies tal-isġajriet kollu, l-erja koperta trid tiġi stmata. Ladarba jiġu identifikati elementi produttivi fis-sisien tal-isġajriet, l-erja tista’ tiġi stmata bl-użu tas-sorsi li ġejjin:

—

ortoritratti;

—

Densità tal-kopertura tas-siġar tas-Servizz ta’ Monitoraġġ tal-Art ta’ Copernicus (CLMS) (fil-każ tas-siġar);

—

stħarriġ fuq il-post;

—

immaġnijiet satellitari ta’ riżoluzzjoni xierqa.

3.   VALUR TA’ BAŻI TAL-INDIKATUR TAL-HDLFs

Sabiex jinżamm rekord tal-progress u tat-twettiq tal-obbligi stabbiliti mill-NRR, l-Istati Membri li għażlu l-indikatur tal-HDLF biex jikkonformaw mal-Artikolu 11(2), huma meħtieġa skont l-Artikolu 20 jimmonitorjaw is-“sehem tal-art agrikola b’karatteristiċi tal-pajsaġġ b’diversità għolja” mill-inqas kull 6 snin mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-NRR (jiġifieri t-18 ta’ Awwissu 2024), jew, fejn meħtieġ, jevalwaw il-kisba ta’ xejriet li qed jiżdiedu sal-2030, f’intervall iqsar. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 15(3)(j) tal-NRR, il-pjanijiet nazzjonali ta’ restawr iridu jinkludu, fost elementi oħra, “rendikont tal-indikaturi għall-ekosistemi agrikoli magħżula f’konformità mal-Artikolu 11(2), u l-adegwatezza tagħhom biex juru t-titjib tal-bijodiversità fl-ekosistemi agrikoli fl-Istat Membru kkonċernat”. Meta l-Istati Membri jagħżlu s-“sehem tal-art agrikola b’karatteristiċi tal-pajsaġġ b’diversità għolja” biex jikkonformaw mal-Artikolu 11(2), dawn jistgħu jinkludu valuri ta’ bażi għal dan l-indikatur fil-pjanijiet nazzjonali ta’ restawr tagħhom, sabiex jivvalutaw aħjar il-progress li jeħtieġ li jsir sabiex tintlaħaq xejra dejjem akbar għal dan l-indikatur f’konformità mal-Artikolu 11(2) tal-NRR.

Il-linja bażi hija l-valur tal-indikatur ibbażat fuq id-data ta’ monitoraġġ fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-NRR, jew ibbażat fuq l-aktar data reċenti miksuba qabel id-dħul fis-seħħ.

4.   ERJA TA’ REFERENZA

L-indikatur fl-NRR huwa s-sehem tal-art agrikola b’karatteristiċi tal-pajsaġġ b’diversità għolja li jfisser li l-HDLFs fiż-żoni agrikoli kollha (żona agrikola skont l-indikatur tal-PAK I.21) jistgħu jingħaddu (sakemm jiġu ssodisfati r-rekwiżiti taħt a) u b)).

L-indikatur huwa l-proporzjon (%) bejn l-erja koperta mill-HDLFs (fiż-żoni agrikoli) u l-erja agrikola utilizzata (EAU) (29).

Sabiex jiġi kkalkulat l-indikatur tal-NRR għall-HDLFs, in-numeratur tal-indikatur I.21 tal-PAK jingħadd mal-erja tal-komponenti l-oħra (jiġifieri: ir-raba’ mistrieħ u l-HDLFs produttivi kif elenkati fl-Anness IV u kif magħżula mill-Istat Membru) u s-somma li tirriżulta mbagħad tiġi diviża bl-EAU (30).

Għalhekk, il-komponenti differenti tal-indikatur tal-HDLF għandhom jiġu identifikati bħala li jagħmlu parti mill-art agrikola produttiva kif definita fil-modulu LUCAS Landscape Feature (31) użat bħala l-bażi għall-metodoloġija proposta fl-Anness IV (indikatur tal-PAK I.21). L-art agrikola produttiva hija l-art kollha użata b’mod attiv għall-agrikoltura, inklużi rqajja’ tal-art temporanjament mhux produttivi (raba’ mistrieħ), li altrimenti huma disponibbli għall-produzzjoni agrikola. Il-ġonna residenzjali u rikreattivi, inklużi l-ġonna kulinari, ma jagħmlux parti ma’ din id-definizzjoni ta’ art agrikola. L-Erja Agrikola mhux Utilizzata (32) mhijiex inkluża.


(1)  Ir-Regolament (UE) 2024/1991 tal-24 ta’ Ġunju 2024 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-restawr tan-natura u li jemenda r-Regolament (UE) 2022/869 (ĠU L, 2024/1991, 29.7.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1991/oj).

(2)  D’Andrimont, R. et al., Estimation of the share of Landscape Features in agricultural land based on the LUCAS 2022 survey, l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, il-Lussemburgu, 2024, doi: 10.2760/5923183, JRC135966 https://publications.jrc.ec.europa.eu/repository/handle/JRC135966, u aġġornamenti futuri.

(3)  Issa msejjaħ “stħarriġ tal-istatistika integrata tal-azjendi agrikoli”.

(4)  Għall-indikatur tal-PAK I.21, ara https://publications.jrc.ec.europa.eu/repository/handle/JRC135966.

Għal raba’ mistrieħ: https://ec.europa.eu/eurostat/databrowser/view/ef_lus_allcrops__custom_13980409/default/table?lang=en.

(5)  Pereżempju, it-tip 2 tal-indikatur tal-biedja ta’ Valur Naturali Għoli (HNV, High Nature Value) (indikatur tal-impatt I.09 taħt il-PAK 2014 – 2022) jista’ jinkludi wkoll siġar produttivi kif elenkati fl-Anness IV tal-NRR, bħal siġar fi msaġar tal-frott estensivi u qodma fuq art bil-ħaxix permanenti. Bl-istess mod, is-sistemi agroforestali kif identifikati skont l-indikatur HNV jistgħu jkunu punt tat-tluq biex jiġu identifikati sistemi agroforestali sostenibbli u s-siġar produttivi fihom. It-tip 2 jirreferi għal raba’ b’ħafna biċċiet ta’ agrikoltura ta’ intensità baxxa u elementi naturali u strutturali, bħal ġmiem madwar l-għelieqi, ringieli ta’ sġajriet, ħitan tal-ġebel, irqajja’ ta’ msaġar jew scrub, xmajjar żgħar eċċ.

(6)  Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni, Linji Gwida dwar it-Tisġir, ir-Riforestazzjoni u t-Tħawwil tas-Siġar Favur il-Bijodiversità, SWD (2023) 61 final.

(7)  Skont l-iskeda ta’ spjegazzjoni dwar is-submiżura tal-iżvilupp rurali “L-istabbiliment ta’ sistemi agroforestali”, b’mod partikolari dwar il-miżura 8 fl-Artikolu 21(1)(b) u 23 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), https://euraf.isa.utl.pt/sites/default/files/pub/docs/08_measure_fiche_art_23_agroforesty_final.pdf.

(8)   https://www.fao.org/agroforestry/about-agroforestry/overview/en.

(9)   https://www.cifor-icraf.org/knowledge/publication/33671/.

(10)  FAO, Zomer et al., “Trees on Farm: Analysis of Global Extent and Geographical Patterns of Agroforestry”, Dokument ta’ Ħidma tal-ICRAF Nru 89, il-Kenja, 2009.

(11)  Id-Direttiva 2007/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Marzu 2007 li tistabbilixxi Infrastruttura għall-Informazzjoni Ġeografika fil-Komunità Ewropea (INSPIRE), (ĠU L 108, 25.4.2007, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2007/2/2024-11-26).

(12)   https://inspire-geoportal.ec.europa.eu/srv/eng/catalog.search, l-Artikolu 67 tar-Regolament (UE) Nru 2021/2116 jinkludi obbligu legali dwar il-kondiviżjoni tad-data tas-SIAK.

(13)  Eurostat Integrated Farm Statistic Manual https://wikis.ec.europa.eu/display/IFS/3.5+IFS+Soil+management.

(14)   https://wikis.ec.europa.eu/display/IMAP (“Impacts of farming practices on environment and climate” “Farming practices (fiches)”: “Agroforestry”)

(15)  Id-dimensjonijiet soċjali u ekonomiċi tas-sostenibbiltà mhumiex parti minn din il-gwida.

(16)  Ara l-Kapitolu 4.

(17)  Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni dwar in-Natura, https://eunis.eea.europa.eu/habitats.jsp.

(18)  L-inventarju tal-Kopertura tal-Art Corine huwa prodott mis-Servizz ta’ Monitoraġġ tal-Art ta’ Copernicus tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent u jipprovdi informazzjoni dwar il-kopertura tal-art/l-użu tal-art Ewropea. https://land.copernicus.eu/en/products/corine-land-cover u https://land.copernicus.eu/content/corine-land-cover-nomenclature-guidelines/html/index-clc-244.html.

(19)   https://ec.europa.eu/eurostat/documents/205002/8072634/LUCAS-Agro-forestry-report.pdf.

(20)  Sabiex ikun hemm konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fid-deskrizzjoni tal-indikatur fl-Anness IV tal-NRR.

(21)  EU Agricultural Outlook for markets and income 2018-2030 https://agriculture.ec.europa.eu/system/files/2021-01/medium-term-outlook-2018-report_en_0.pdf.

(22)  Ara pereżempju r-restrizzjonijiet taż-żmien fl-ekoskemi u l-miżuri agroambjentali mmirati lejn il-bijodiversità fil-pjanijiet strateġiċi tal-politika agrikola komuni skont ir-Regolament (UE) 2021/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill – l-Artikolu 31 u l-Artikolu 70.

(23)  Il-kundizzjoni (b): “ jeħtieġ li ma jirċivux trattament ta’ fertilizzant jew pestiċida, ħlief għal trattament b’użu baxx ta’ demel solidu ”.

(24)  L-EMBAL huwa soluzzjoni applikabbli meta kampjun statistikament rappreżentattiv jiġi definit u mistħarreġ kif xieraq.

(25)   https://land.copernicus.eu/en/products/high-resolution-layer-tree-cover-density.

(26)  Din il-gwida ma titlobx lill-Istati Membri jiżviluppaw tali pjanijiet ta’ ġestjoni tal-agroforestrija. Madankollu, jekk tali pjanijiet ikunu fis-seħħ, dawn jistgħu jintużaw bħala sors ta’ informazzjoni.

(27)  UK Biodiversity Action Plan Priority Habitat Descriptions, Traditional Orchards, https://data.jncc.gov.uk/data/2829ce47-1ca5-41e7-bc1a-871c1cc0b3ae/UKBAP-BAPHabitats-56-TraditionalOrchards.pdf.

(28)   https://ec.europa.eu/eurostat/documents/205002/13686460/C1-LUCAS-2022.pdf, p. 127.

(29)   https://ec.europa.eu/eurostat/statistics-explained/index.php?title=Glossary:Utilised_agricultural_area_(UAA).

(30)  Studju mill-JRC juri li l-grad ta’ korrelazzjoni bejn il-firxa tal-EAU u l-firxa tal-art agrikola kif ikkalkulat fl-indikatur I.21 tal-PAK huwa b’saħħtu ħafna. D’Andrimont, R. et al., Estimation of the share of Landscape Features in agricultural land based on the LUCAS 2022 survey, l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, il-Lussemburgu, 2024, doi: 10.2760/5923183, JRC135966, https://publications.jrc.ec.europa.eu/repository/handle/JRC135966.

(31)  LUCAS 2022 (Land Use/Cover Area frame Survey), Technical reference document C1, Instructions for Surveyors, https://ec.europa.eu/eurostat/documents/205002/13686460/C1-LUCAS-2022.pdf.

(32)   https://ec.europa.eu/eurostat/statistics-explained/index.php?title=Glossary:Unutilised_agricultural_area_(NUAA), p. 137.


ANNESS I

Monitoraġġ Ewropew tal-Bijodiversità f’Pajsaġġi Agrikoli (EMBAL, European Monitoring of Biodiversity in Agricultural Landscapes)

EMBAL (1) huwa għodda robusta tal-monitoraġġ għall-ġbir ta’ informazzjoni dwar l-istat tal-bijodiversità fil-pajsaġġi agrikoli fl-Istati Membri tal-UE. Huwa stħarriġ standardizzat fuq il-post (ġbir ta’ data in situ), li jintuża għal diversi finijiet, inklużi: (i) ir-reġistrazzjoni tal-kopertura/l-użu tal-art, it-tipi, il-firxa u l-kwalità tal-elementi tal-pajsaġġ ġol-pajsaġġ agrikolu; u (ii) ir-reġistrazzjoni tat-tipi ta’ ħabitats (klassifikazzjoni EUNIS) ġol-pajsaġġ agrikolu.

Il-Kummissjoni nediet EMBAL fis-27 pajjiż tal-UE fl-2022 u fl-2023, u stħarrġet 3 000 roqgħa li ttieħdu kampjuni minnhom b’mod aleatorju. Kull roqgħa tal-istħarriġ kopriet erja ta’ 500 x 500 m, u l-għadd ta’ rqajja’ għal kull pajjiż kien ivarja minn 30 sa 250, skont l-erja tal-pajjiż u s-sehem rispettiv tal-art agrikola. F’kull roqgħa, l-elementi kollha tal-pajsaġġ ġew irreġistrati, u surveyor imħarreġ evalwahom f’termini ta’ kwalità (jiġifieri l-valur naturali) skont lista ta’ parametri (eż. it-tip ta’ element, in-numru u d-densità tal-pjanti erbaċej u l-fjuri, l-abbundanza u r-rikkezza tal-ispeċijiet ta’ pjanti indikaturi, eċċ.). Il-metodoloġija EMBAL hija armonizzata bis-sħiħ mal-istħarriġ LUCAS.

Illustrazzjoni 1

Informazzjoni miġbura (għażla) fl-istħarriġ EMBAL u eżempju tal-“valur naturali” assenjat kemm għar-roqgħa tal-istħarriġ kif ukoll għall-karatteristiċi tal-pajsaġġ fiha

Image 1


(1)   https://wikis.ec.europa.eu/pages/viewpage.action?pageId=25560696.


ANNESS II

Sistemi agroforestali (1)

1.   Agrisilvikulturali

Definizzjoni: sistemi agroforestali magħmula minn veġetazzjoni tal-injam b’kultivazzjoni assoċjata ma’ għelejjel annwali jew perenni (għelejjel u siġar) (2).

Tinkludi l-għelieqi bl-għelejjel fejn is-siġar jew jiġu distribwiti b’mod miftuħ jew jiġu integrati fl-għalqa fir-ringieli. Din jinkludi wkoll “tkabbir tal-uċuħ bejn ringieli ta’ siġar”, eż. b’ringieli ta’ arbuxelli ta’ rotazzjoni qasira li jikbru malajr. Din tista’ tinkludi speċijiet ta’ siġar indiġeni jew siġar ikkultivati bħal siġar tal-frott jew buxxijiet.

Illustrazzjoni 2

Siġar tat-tuffieħ u ħxejjex

Image 2

Illustrazzjoni 3

Siġar u xgħir iswed

Image 3

Illustrazzjoni 4

Ringiela Brassica (roqgħa tal-agroforestrija li għadha kif ġiet stabbilita)

Image 4

Illustrazzjoni 5

Siġar tal-ballut u lavanda

Image 5

Illustrazzjoni 6

Quercus suber flimkien mal-ballut

Image 6

Illustrazzjoni 7

Sistema tal-għelejjel bis-silvikultura

Image 7

2.   Silvipastoraliżmu

Definizzjoni: sistemi agroforestali li jikkombinaw il-veġetazzjoni tal-injam mal-produzzjoni tal-foraġġ u tal-annimali (mergħat/annimali u siġar) (3).

Tinkludi sistemi bħal mergħat imsaġġra tradizzjonali, kif ukoll sistemi agroforestali li għadhom kif ġew imħawla magħmula minn siġar u mergħat fejn jirgħu annimali domestikati (eż. frat, ħnieżer, nagħaġ, mogħoż, pollam) fl-istess roqgħa.

Ħabitats ikklassifikati f’EUNIS li jistgħu potenzjalment jikkorrispondu ma’ tali sistemi agroforestali huma: mergħat u bwar imsaġġra emiboreali u boreali (4), mergħat u bwar imsaġġra Mediterranji, mergħat u bwar imsaġġra moderati.

Il-Ħabitats potenzjali fl-Anness I tad-Direttiva dwar il-Ħabitats li jikkorrispondu għal sistemi bħal dawn huma: Mergħat imsaġġra Fennoskandjani u dehesas bil-Quercus spp. li tħaddar is-sena kollha.

Illustrazzjoni 8

Montado b’bhejjem jirgħaw

Image 8

Illustrazzjoni 9

Masġar tal-frott mirgħi (siġar tat-tuffieħ)

Image 9

Illustrazzjoni 10

Nagħaġ jirgħu f’masġar tal-frott (© Pixabay n.d.)

Image 10

Illustrazzjoni 11

Silvipastoraliżmu

Image 11

Illustrazzjoni 12

Silvipastoraliżmu

Image 12

3.   Agrosilvopastorali

Agrosilvopastorali: Definizzjoni: sistemi agroforestali li jikkombinaw veġetazzjoni tal-injam mal-produzzjoni tal-foraġġ u tal-annimali u għelejjel annwali jew perenni (għelejjel, mergħat/annimali u siġar) (5), pereżempju, sistemi agroforestali inklużi siġar u għelejjel fl-istess roqgħa, fejn l-annimali jirgħu wara l-ħsad tal-għelejjel (ħafna drabi ċereali). Fis-sistema agrosilvopastorali, il-komponenti tar-raba’ u tal-bhejjem normalment ikunu distinti mil-lat temporali u spazjali (6).

Is-siġar jistgħu jkunu speċijiet ta’ foresti jew siġar ikkultivati, ġestiti għall-ħsad/għall-użu tal-partijiet tagħhom (frott, qoxra, friegħi, injam); l-għelejjel jistgħu jkunu speċijiet annwali jew perenni; u l-annimali jistgħu jkunu frat, ħnieżer, nagħaġ, mogħoż u pollam.

Illustrazzjoni 13

Montado u ċereali (preżenza ta’ annimali jirgħu f’ċerti żminijiet tas-sena)

Image 13

Illustrazzjoni 14

Montado fil-Portugall

Image 14


(1)  Ir-ritratti kollha mill-Proġett AGFORWARD, https://www.flickr.com/photos/agforward/.

(2)  McAdam, J.H. et al., “Classifications and Functions of Agroforestry Systems in Europe” f’Rigueiro-Rodriguez, A., McAdam, J., Mosquera-Losada, M.R.,eds., Agroforestry in Europe. Advances in Agroforestry, vol 6. Springer, Dordrecht, 2009, https://doi.org/10.1007/978-1-4020-8272-6_2.

(3)  McAdam et al., ibid.

(4)   https://forum.eionet.europa.eu/european-red-list-habitats/library/terrestrial-habitats/e.-grasslands/e7.2-hemiboreal-and-boreal-wooded-pasture-and-meadow/download/en/1/E7.2 Hemiboreal and boreal wooded pasture and meadow.pdf.

(5)  McAdam et al., ibid.

(6)  Antonio Rigueiro-Rodriguez et al., Agroforestry in Europe: Current Status and Future Prospects, Spinger Dordrecht, 2009, https://doi.org/10.1007/978-1-4020-8272-6.


ANNESS III

Data ġeospazjali tas-SIAK mil-LPIS u l-GSA

Is-Sistema Integrata ta’ Amministrazzjoni u Kontroll (SIAK) tikkonsisti f’diversi bażijiet tad-data diġitali u interkonnessi, b’mod partikolari: sistema għall-identifikazzjoni tal-irqajja’ agrikoli kollha fl-Istati Membri tal-UE msejħa s-Sistema ta’ Identifikazzjoni tal-Irqajja’ tal-Art (LPIS, Land Parcel Identification System), sistema li tippermetti lill-bdiewa jiddikjaraw grafikament iż-żoni agrikoli li għalihom japplikaw għall-appoġġ (l-applikazzjoni ġeospazjali GSA, geospatial application), sistema ta’ monitoraġġ tal-erja (AMS, area monitoring system) użata biex jiġu osservati, intraċċati u vvalutati l-attivitajiet agrikoli.

Il-Kummissjoni Ewropea stabbiliet proċess għal aċċess u użu mill-ġdid aħjar tad-data spazjali tas-SIAK (1).

Biex ittejjeb id-disponibbiltà tad-data tas-SIAK, il-Kummissjoni Ewropea stabbiliet proċess ta’ kondiviżjoni tad-data tas-SIAK (2) li għandu jiġi implimentat mill-Istati Membri. Bis-saħħa tad-Direttiva INSPIRE konkreta, l-Istati Membri jeħtiġilhom jikkondividu d-data spazjali tagħhom jekk rilevanti għall-politika ambjentali tal-UE (eż. politiki tal-Patt Ekoloġiku dwar il-bijodiversità, il-ħamrija, il-klima).


(1)  Dik id-data hija ġestita mill-Istati Membri (Korpi ta’ Koordinazzjoni u Aġenziji tal-Pagamenti). Tikkonċerna data fl-LPIS u fl-GSA, iżda mhux mill-AMS għalissa.

(2)  L-Istati Membri jsegwu l-linji gwida tekniċi li ġejjin dwar il-kondiviżjoni tad-data ġeografika tas-SIAK: il-Parti 1: Sejba tad-data: https://op.europa.eu/mt/publication-detail/-/publication/f09b0355-f7c5-11ea-991b-01aa75ed71a1/language-en; u l-Parti 2: Interoperabbiltà: https://op.europa.eu/mt/publication-detail/-/publication/0a048b9e-431c-11ef-865a-01aa75ed71a1/language-en.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/980/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)