Brussell, 4.4.2018

COM(2018) 162 final

2018/0075(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha,
u l-applikazzjoni proviżorja ta’ Protokoll għall-Ftehim Ewro-Mediterranju
li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej
u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u l-Istat ta’ Iżrael, min-naħa l-oħra,
biex titqies l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

Il-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u l-Istat ta’ Iżrael, min-naħa l-oħra, kien iffirmat fi Brussell fil-20 ta’ Novembru 1995. Il-ftehim daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Ġunju 2000.

Fl-Att ta’ Adeżjoni tagħha, ir-Repubblika tal-Kroazja timpenja ruħha li taderixxi mal-ftehimiet internazzjonali diġà ffirmati jew konklużi mill-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha permezz ta’ protokoll ma’ dawn il-ftehimiet.

Il-proposta mehmuża tikkostitwixxi l-istrument ġuridiku għall-iffirmar, u għall-applikazzjoni proviżorja tal-Protokoll għal mal-Ftehim, biex titqies l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea.

Il-Protokoll propost jinkorpora lir-Repubblika tal-Kroazja bħala parti kontraenti għall-Ftehim u jorbot lill-Unjoni biex tipprovdi verżjoni awtentika tal-Ftehim bil-Kroat.

Permezz tad-Deċiżjoni tiegħu tal-14 ta’ Settembru 2012 1 , il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ negozjati mal-pajjiżi terzi kkonċernati, sabiex tikkonkludi l-protokolli rilevanti. In-negozjati mal-Istat ta’ Iżrael kienu konklużi b’suċċess fit-28 ta’ Settembru 2017.

Il-Kummissjoni tiġġudika li r-riżultati tan-negozjati huma sodisfaċenti u titlob lill-Kunsill jadotta d-Deċiżjoni mehmuża rigward l-iffirmar u l-applikazzjoni proviżorja tal-Protokoll.

Skont il-politika tal-UE, b'mod partikulari il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-10 ta' Diċembru 2012, dan il-Protokoll ma għandux japplika għaż-żoni ġeografiċi li waqgħu taħt l-amministrazzjoni tal-Istat tal-Iżrael wara l-5 ta' Ġunju 1967.

2018/0075 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha,
u l-applikazzjoni proviżorja ta’ Protokoll għall-Ftehim Ewro-Mediterranju

li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej

u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u l-Istat ta’ Iżrael, min-naħa l-oħra,

biex titqies l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 217 flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,

Wara li kkunsidra t-Trattat ta’ Adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja, u b’mod partikolari l-Artikolu 6(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Il-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u l-Istat ta’ Iżrael, min-naħa l-oħra 2 (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ bħala “il-Ftehim”), kien iffirmat fi Brussell fl-20 ta’ Novembru 1995. Il-ftehim daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Ġunju 2000.

(2)Ir-Repubblika tal-Kroazja saret Stat Membru tal-Unjoni Ewropea fl-1 ta’ Lulju 2013.

(3)F’konformità mal-Artikolu 6(2) tal-Att ta’ Adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja, l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Ftehim għandu jkun hemm qbil dwarha permezz ta’ protokoll mal-Ftehim ("il-Protokoll"). Għal tali adeżjoni għandha tapplika proċedura ssimplifikata, li permezz tagħha jiġi konkluż protokoll bejn il-Kunsill, li jaġixxi unanimament f’isem l-Istati Membri, u l-pajjiż terz ikkonċernat.

(4)Fl-14 ta’ Settembru 2012, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ negozjati mal-pajjiżi terzi kkonċernati fid-dawl tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni. In-negozjati mal-Istat ta’ Iżrael kienu konklużi b’suċċess fit-28 ta’ Settembru 2017.

(5)Jenħtieġ għalhekk li l-Protokoll jiġi ffirmat f’isem l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, soġġett għall-konklużjoni tiegħu f’data aktar tard.

(6)Jenħtieġ li l-Protokoll jiġi applikat b’mod proviżorju sakemm tasal id-data ta’ dħul fis-seħħ tiegħu, skont l-Artikolu 7(3) tiegħu,



ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, tal-Protokoll għall-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u l-Istat ta’ Iżrael, min-naħa l-oħra, sabiex titqies l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea, huwa approvat f’isem l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, soġġett għall-konklużjoni tal-Protokoll imsemmi.

It-test tal-Protokoll huwa anness għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill jistabbilixxi l-istrument ta’ setgħat sħaħ lill-persuna/i indikata/i min-negozjatur tal-Protokoll biex jiffirma(w) il-Protokoll, soġġett għall-konklużjoni tiegħu.

Artikolu 3

Il-Protokoll għandu jiġi applikat b’mod proviżorju, b’effett mill-1 ta’ Lulju 2013, skont l-Artikolu 7(3) tiegħu, sakemm jidħol fis-seħħ.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fi ….

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati għall-adattament tal-ftehimiet iffirmati jew konklużi bejn l-Unjoni Ewropea, jew l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, ma’ pajjiż terz wieħed jew aktar jew ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali, fid-dawl tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea (id-Dokument tal-Kunsill 13351/12 RISTRETT).
(2)    ĠU L 147, 21.6.2000, p. 1.