European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/2450

30.10.2026

DIRETTIVA (UE) 2026/2450 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-21 ta’ Ottubru 2026

li temenda d-Direttiva 2004/37/KE dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema mir-riskji relatati mal-espożizzjoni għal karċinoġeni, mutaġeni jew sustanzi tossiċi għar-riproduzzjoni fuq il-post tax-xogħol

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 153(2), il-punt (b), flimkien mal-Artikolu 153(1), il-punt (a), tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Sabiex tittejjeb il-protezzjoni tal-ħaddiema kontra r-riskji mill-espożizzjoni għal karċinoġeni, mutaġeni jew sustanzi tossiċi għar-riproduzzjoni fuq il-post tax-xogħol u jiġi żgurat l-istess livell minimu ta’ protezzjoni madwar l-Unjoni, huma meħtieġa aġġornamenti regolari tad-Direttiva 2004/37/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3). Jenħtieġ li l-valuri ta’ limitu tal-espożizzjoni okkupazzjonali (OEL) jiġu stabbiliti jew riveduti fid-dawl tal-informazzjoni disponibbli, inklużi evidenza xjentifika aġġornata u data teknika, u jenħtieġ li jkunu bbażati fuq valutazzjoni bir-reqqa tal-impatt soċjoekonomiku u l-fatturi ta’ fattibbiltà. Jenħtieġ li dik l-informazzjoni, meta disponibbli, tinkludi opinjonijiet tal-Kumitat għall-Istima tar-Riskji (RAC) tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) stabbilita bir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) u l-opinjonijiet tal-Kumitat ta’ Konsulenza dwar is-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol (ACSH) stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-22 ta’ Lulju 2003 (5). Dawk l-opinjonijiet jipprovdu l-evidenza xjentifika meħtieġa biex jissostanzjaw kwalunkwe proposta tal-Kummissjoni biex tiġi emendata d-Direttiva 2004/37/KE. Barra minn hekk, huma bbażati fuq l-esperjenza prattika u r-realtajiet tal-post tax-xogħol mal-Unjoni kollha u jirriflettu kunsens wiesa’. L-opinjonijiet tal-ACSH, li huma r-riżultat ta’ kunsens tripartitiku, huma ta’ importanza partikolari f’dak il-kuntest u jenħtieġ li jitqiesu . F’konformità mal-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (6), jenħtieġ li l-Kummissjoni tiżgura li l-proposti tagħha jkunu infurmati minn evidenza robusta u involviment komprensiv tal-partijiet ikkonċernati, u jenħtieġ li tivvaluta b’mod sistematiku l-impatti ekonomiċi, soċjali u ambjentali tal-proposti tagħha. Jenħtieġ li l-proposti tagħha jirrispettaw il-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità, f’konformità mat-Trattati dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

(2)

Id-Direttiva 2004/37/KE tkopri sustanzi jew taħlitiet li jissodisfaw il-kriterji għall-klassifikazzjoni bħala karċinoġeni, mutaġeni jew sustanza tossika għar-riproduzzjoni tal-kategorija 1A jew 1B stabbiliti fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) kif ukoll sustanzi, taħlitiet jew proċessi msemmija fl-Anness I ta’ dik id-Direttiva. Għandha tiġi pprovduta evidenza xjentifika robusta għal kwalunkwe żieda ġdida fil-lista ta’ sustanzi, taħlitiet u proċessi msemmija f’ dak l-Anness I tad-Direttiva 2004/37/KE biex jintwera li dawk is-sustanzi, it-taħlitiet u l-proċessi jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dik id-Direttiva , abbażi ta’ sorsi xjentifiċi validi disponibbli, bħall-ECHA, l-Aġenzija Internazzjonali għar-Riċerka dwar il-Kanċer (IARC) u l-korpi nazzjonali, filwaqt li tingħata attenzjoni partikolari lil-letteratura rieżaminata bejn il-pari dwar dawk is-sustanzi, it-taħlitiet u l-proċessi. Sabiex jiġi żgurat l-ogħla livell ta’ protezzjoni tal-ħaddiema, jenħtieġ li l-Kummissjoni ssaħħaħ l-isforzi tagħha biex tidentifika sustanzi prijoritarji għall-iffissar ta’ valuri ta’ limitu skont dik id-Direttiva abbażi tal-aħjar informazzjoni disponibbli, inkluż data xjentifika u teknika, filwaqt li tagħmel l-aħjar użu mir-riżorsi baġitarji u amministrattivi attwali u futuri, filwaqt li tqis il-ħtiġijiet xjentifiċi u amministrattivi.

(3)

Is-sustanzi, it-taħlitiet u l-proċessi msemmija fl-Anness I tad-Direttiva 2004/37/KE, u s-sustanzi u t-taħlitiet rilaxxati minn dawk il-proċessi, ivarjaw fir-rigward ta’ jekk għandhomx effetti karċinoġeniċi, mutaġeniċi jew tossiċi għar-riproduzzjoni. Għalhekk huwa xieraq li jiġu ċċarati d-definizzjonijiet ta’ “karċinoġenu”, “mutaġenu” u “sustanza tossika għar-riproduzzjoni” previsti f’dik id-Direttiva, biex jiġi żgurat li s-sustanzi, it-taħlitiet u l-proċessi rilevanti jkunu koperti minn kull waħda minn dawk id-definizzjonijiet. Huwa xieraq ukoll li d-definizzjoni ta’ “sustanzi tossiċi għar-riproduzzjoni” tiġi allinjata mad-definizzjonijiet ta’ “karċinoġenu” u “mutaġenu”.

(4)

Għall-mutaġeni u l-maġġoranza tal-karċinoġeni, mhuwiex xjentifikament possibbli li jiġu identifikati livelli li taħthom l-espożizzjoni ma twassalx għal effetti negattivi fuq is-saħħa. Għalkemm l-iffissar ta’ valuri ta’ limitu għall-espożizzjoni fuq il-post tax-xogħol fir-rigward tal-karċinoġeni u tal-mutaġeni fid-Direttiva 2004/37/KE jikkontribwixxi għal tnaqqis sinifikanti tar-riskji li jirriżultaw minn espożizzjoni bħal din permezz tal-approċċ li huwa gradwali u jistabbilixxi miri adottat f’dik id-Direttiva, madankollu ma jeliminax għalkollox ir-riskji għas-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema li jirriżultaw minn espożizzjoni fuq il-post tax-xogħol (riskji residwi). Għalhekk, huwa essenzjali li l-eżistenza ta’ tali riskji residwi tiġi kkomunikata lill-ħaddiema b’mod ċar u trasparenti matul it-taħriġ tal-ħaddiema previst f’dik id-Direttiva . Lista ta’ riskji residwi assoċjati mal-OELs vinkolanti attwali għall-karċinoġeni skont id-Direttivi 2004/37/KE u d-Direttiva 2009/148/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) ġiet adottata b’kunsens mill-ACSH fl-opinjoni tagħha intitolata “Komunikazzjoni dwar ir-riskji residwi assoċjati mal-OELs vinkolanti għall-karċinoġeni” tal-10 ta’ Diċembru 2025.

(5)

Huwa possibbli li ċerti ħaddiema jkunu aktar esposti jew aktar vulnerabbli għal tipi differenti ta’ sustanzi minħabba l-ġeneru tagħhom. Jenħtieġ li dan ikompli jitqies fir-riċerka dwar is-saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol, fl-istudji xjentifiċi u fl-opinjonijiet tal-RAC u tal-ACSH, filwaqt li jitqies l-objettiv tal-parteċipazzjoni tal-irġiel u tan-nisa fis-suq tax-xogħol.

(6)

Ċerti sustanzi koperti mid-Direttiva 2004/37/KE jintużaw f’setturi ta’ importanza strateġika għall-Unjoni. Filwaqt li l-avvanz tat-tranżizzjoni industrijali, l-istimulazzjoni tal-ekonomija ċirkolari u ż-żamma u t-tisħiħ tal-awtonomija strateġika internazzjonali fil-materja prima huma kollha prijoritajiet tal-Unjoni, huwa essenzjali li jiġi żgurat li l-ħaddiema jirċievu livell għoli u komparabbli ta’ protezzjoni kontra r-riskji għas-saħħa relatati mal-espożizzjoni okkupazzjonali. Il-prinċipju 10 tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (9) jirrikonoxxi wkoll id-dritt tal-ħaddiema għal livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa u s-sikurezza tagħhom fuq il-post tax-xogħol, li jinkludi l-protezzjoni mill-espożizzjoni għal karċinoġeni, il-mutaġeni u sustanzi tossiċi għar-riproduzzjoni fuq il-post tax-xogħol. F’dak ir-rigward, il-proċess għall-iffissar ta’ valuri tal-OEL iqis mhux biss il-kunsiderazzjonijiet xjentifiċi u tas-saħħa, iżda wkoll l-aspetti soċjoekonomiċi, li f’xi każijiet jiġġustifikaw li jiġu stabbiliti perjodi ta’ tranżizzjoni.

(7)

L-IARC ikklassifikat id-dħaħen tal-iwweldjar bħala “karċinoġeniċi għall-bnedmin” (Grupp 1 tal-klassifikazzjoni tal-IARC). Skont ir-rapport tal-Istudju dwar l-Ambitu tal-ECHA, għall-evalwazzjoni tal-valuri ta’ limitu għad-dħaħen tal-iwweldjar u dħaħen minn proċessi oħra li jiġġeneraw dħaħen b’mod simili fuq il-post tax-xogħol (ir-“rapport ta’ Studju dwar l-Ambitu tal-ECHA”), id-dħaħen tal-iwweldjar u dħaħen minn proċessi oħra li jiġġeneraw dħaħen b’mod simili huma kumplessi u jistgħu jinkludu karċinoġeni, mutaġeni jew sustanzi tossiċi għar-riproduzzjoni, bħall-komposti tal-kromu (VI), il-komposti tan-nikil, il-kadmju u l-komposti inorganiċi tiegħu. L-ACSH, wara li kkunsidra l-aħħar evidenza xjentifika disponibbli, inkluż ir-rapport tal-Istudju dwar l-Ambitu tal-ECHA fir-rigward tal-impatt fuq is-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema, irrakkomanda li fl-Anness I tad-Direttiva 2004/37/KE jiġi inkluż biss xogħol li jinvolvi espożizzjoni għad-dħaħen tal-iwweldjar. Il-kumplessità u l-eteroġeneità tad-dħaħen tal-iwweldjar, flimkien man-nuqqas ta’ klassifikazzjoni armonizzata fir-Regolament (KE) Nru 1272/2008, jikkontribwixxu għal nuqqas ta’ ċarezza rigward il-firxa tal-periklupossibbli tagħhom għall-ħaddiema, u għalhekk għal nuqqas ta’ miżuri tal-immaniġġjar tar-riskji xierqa fuq il-post tax-xogħol. L-indirizzar ta’ dak in-nuqqas ta’ klassifikazzjoni għad-dħaħen tal-iwweldjar fil-livell tal-Unjoni jiżgura aktar ċarezza legali fir-rigward tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/37/KE. Għalhekk, f’konformità mal-opinjoni tal-ACSH, huwa xieraq li fl-Anness I tad-Direttiva 2004/37/KE jiġi inkluż xogħol li jinvolvi espożizzjoni għal dħaħen minn proċessi ta’ wweldjar, li fihom sustanzi jew taħlitiet li jissodisfaw il-kriterji għall-klassifikazzjoni bħala karċinoġenu, mutaġenu jew sustanza tossika għar-riproduzzjoni tal-kategorija 1A jew 1B stabbilita fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008. Dik l-opinjoni tal-ACSH inkludiet ukoll rakkomandazzjoni biex tiġi żviluppata gwida dwar id-dħaħen tal-iwweldjar. Minbarra l-gwida eżistenti, bħall-Gwida għall-Ispetturi Nazzjonali tax-Xogħol dwar l-indirizzar tar-riskji għas-saħħa mid-dħaħen tal-Iwweldjar żviluppata mill-Kumitat ta’ Spetturi tax-Xogħol Nazzjonali fl-2018, gwida ulterjuri tal-Unjoni, f’konformità mal-Qafas Strateġiku tal-UE dwar is-Saħħa u s-Sikurezza fuq il-post tax-xogħol u abbażi tal-aħħar evidenza xjentifika, tista’ tassisti lill-ispetturi tax-xogħol u lill-intrapriżi, speċjalment l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs), inklużi l-mikrointrapriżi, fl-iżgurar tal-konformità mal-entrata tad-dħaħen tal-iwweldjar fl-Anness I tad-Direttiva 2004/37/KE. Tali gwida tista’ sservi biex tippromwovi, fost l-oħrajn, livell għoli minimu komuni ta’ protezzjoni fl-Istati Membri kollha għall-ħaddiema kollha esposti għad-dħaħen tal-iwweldjar.

(8)

Il-metall tal-kobalt u diversi komposti tal-kobalt jissodisfaw il-krite rji għall-klassifikazzjoni bħala karċinoġeniċi u sustanzi tossiċi għar-riproduzzjoni tal-kategorija IB f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 u għalhekk huma karċinoġeni jew sustanzi tossiċi għar-riproduzzjoni kif definiti fid-Direttiva 2004/37/KE. Il-ħaddiema spiss ikunu esposti għal taħlita ta’ komposti tal-kobalt, u għalhekk jenħtieġ li l-valuri tal-OEL jiġu applikati għall-komposti inorganiċi tal-kobalt kollha. Għalhekk huwa xieraq, abbażi tal-informazzjoni disponibbli, inkluża data xjentifika u teknika, li jiġi stabbilit valur ta’ limitu għall-kobalt u l-komposti inorganiċi tal-kobalt fid-Direttiva 2004/37/KE.

(9)

L-ACSH ikkonkluda, abbażi ta’ opinjoni tal-RAC, li l-espożizzjoni għall-kobalt u l-komposti inorganiċi tal-kobalt fuq il-post tax-xogħol jista’ jirriżulta wkoll f’sensitizzazzjoni tal-ġilda u sensitizzazzjoni tal-passaġġ respiratorju. Huwa għalhekk xieraq li jiġu stabbiliti valuri ta’ limitu kemm għall-frazzjonijiet inalabbli kif ukoll għal dawk respirabbli tal-kobalt u tal-komposti inorganiċi tiegħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/37/KE, u li tiġi assenjata lilhom notazzjoni għas-sensitizzazzjoni tal-ġilda u respiratorja.

(10)

Għall-kobalt u għall-komposti inorganiċi tal-kobalt, huwa prevedibbli li ser ikun diffiċli li tintlaħaq konformità fi żmien qasir ma’ valur ta’ limitu ta’ 0,01 mg/m3 għall-frazzjoni inalabbli u ta’ 0,0025 mg/m3 għall-frazzjoni respirabbli. Għalhekk huwa xieraq li jiġi introdott perjodu ta’ tranżizzjoni ta’ sitt snin wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva, li matulu għandhom japplikaw il-valuri ta’ limitu ta’ 0,02 mg/m3 (frazzjoni inalabbli) u ta’ 0,0042 mg/m3 (frazzjoni respirabbli).

(11)

Il-kobalt jintuża f’diversi setturi, bħas-settur tal-batteriji, li huma ta’ importanza strateġika biex jintlaħqu l-għanijiet stipulati fil-Patt Ekoloġiku Ewropew u fir-Regolament (UE) 2021/1119 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10). . Il-kobalt huwa metall perikoluż li joħloq riskji serji għas-saħħa tal-ħaddiema, bħal problemi respiratorji, ħsara fil-qalb, fit-tirojde, fil-fwied jew fil-kliewi u kanċer potenzjali, u l-konsum tiegħu huwa mistenni li jiżdied b’madwar 330 % sal-2050 bħala riżultat tat-tranżizzjoni ekoloġika, li jagħmilha partikolarment importanti li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema. Għalhekk, huma meħtieġa OELs għall-kobalt u l-komposti inorganiċi tal-kobalt biex jgħinu fil-prevenzjoni tal-effetti fit-tul fuq is-saħħa u l-benesseri tal-ħaddiema u biex jappoġġaw l-attraenza, il-kompetittività u b’hekk is-sostenibbiltà fit-tul tal-industrija tal-kobalt fl-Unjoni, filwaqt li jevitaw ir-rilokazzjoni tal-intrapriżi tal-ipproċessar tal-kobalt lejn pajjiżi terzi b’regolamentazzjoni dwar is-saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol inqas stretta.

(12)

Ċerti setturi li fihom fejn il-ħaddiema huma esposti għal sustanzi bħall-kobalt u u l-idrokarburi aromatiċi poliċikliċi (PAHs) jistgħu jiffaċċaw diffikultajiet biex jikkonformaw mal-OELs. F’dawk is-setturi fejn l-espożizzjoni la tista tiġi evitata u lanqas tista’ titnaqqas b’mod adegwat b’mezzi oħra b’konformità mall-Artikolu 5 tad-Direttiva 2004/37/KE, jenħtieġ li t-tagħmir ta’ protezzjoni respiratorja jkun disponibbli u użat kif suppost mill-ħaddiema f’konformità mal-valutazzjoni tar-riskji prevista fl-Artikolu 3(2) t’ dik id-Direttiva , sabiex jiġi żgurat li l-ħaddiema jkunu protetti kif xieraq. Jeħtieġ li l-Istati Membri kollha jimplimentaw ir-regoli f’konformità mal-ġerarkija tal-miżuri ta’ kontroll stipulata fl-Artikolu 5 ta’ dik id-Direttiva, biex jeliminaw jew jimminimizzaw l-espożizzjoni tal-ħaddiema b’mod konsistenti, sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi fl-Istati Membri kollha.

(13)

Sabiex tipprevjeni jew tnaqqas l-espożizzjoni għal karċinoġeni, mutaġeni u sustanzi tossiċi għar-riproduzzjoni, id-Direttiva 2004/37/KE tistabbilixxi ġerarkija ta’ miżuri tekniċi u organizzattivi. F’dak il-kuntest, jenħtieġ li t-tagħmir ta’ protezzjoni personali (PPE), b’mod partikolari t-tagħmir ta’ protezzjoni respiratorja individwali, jintuża biss bħala l-aħħar alternattiva. Jeħtieġ li jiġi żgurat li l-PPE jintgħażel u jintuża f’konformità mad-Direttiva tal-Kunsill 89/656/KEE (11), inkluż ir-rekwiżit li l-PPE joqgħod korettement fuq min jilbsu wara kwalunkwe aġġustament meħtieġ, u jikkonforma mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Unjoni dwar id-disinn u l-manifattura fir-rigward tas-sikurezza u s-saħħa, b’mod partikolari r-Regolament (UE) 2016/425 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12). Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi żgurat li l-PPE jinżamm f’kundizzjoni operattiva tajba u f’kundizzjoni iġjenika sodisfaċenti permezz tal-manutenzjoni, it-tiswija u s-sostituzzjonijiet meħtieġa.

(14)

Ċerti taħlitiet tal-PAH, b’mod partikolari dawk li fihom il-benżo[a]piren, jissodisfaw il-kriterji għall-klassifikazzjoni bħala karċinoġeniċi, mutaġeniċi jew sustanzi tossiċi għar-riproduzzjoni tal-kategorija 1A jew 1B f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1272/2008, u għalhekk jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/37/KE. Il-RAC identifika l-possibbiltà ta’ assorbiment sinifikanti mill-ġilda għal dawk it-taħlitiet, u l-ACSH qabel dwar l-importanza li jiġi introdott valur tal-OEL għat-taħlitiet kollha ta’ PAH li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/37/KE, imkejla bħala benżo[a]piren, u li tinżamm notazzjoni dwar il-ġilda li diġà tinsab fl-Anness III ta’ dik id-Direttiva.

(15)

Għat-taħlitiet tal-PAHs, huwa prevedibbli li ser ikun diffiċli għal xi setturi li jikkonformaw fi żmien qasir ma’ valur ta’ limitu ta’ 0,00007 mg/m3 (imkejjel bħala benżo[a]piren). Għalhekk huwa xieraq li jiġi introdott perjodu ta’ tranżizzjoni ta’ seba’ snin wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva, li matulu japplika l-valur ta’ limitu ta’ 0,00014 mg/m3 (imkejjel bħala benżo[a]piren). Jenħtieġ li dak il-perjodu ta’ tranżizzjoni jkun limitat għas-setturi li ġejjin: (a) il-fonderiji tal-azzar u tal-ħadid, li jinkludu manifatturi tal-ferroligi; (b) il-manifatturi tal-aluminju; (c) il-manifatturi tal-karbonju u tal-grafit; (d) l-impjanti tal-produzzjoni tal-kokk; (e) id-distillazzjoni tal-qatran tal-faħam; (f) il-manifatturi ta’ prodotti refrattarji; (g) l-iwweldjar tal-binarji ferrovjarji; (h) proċessi metallurġiċi oħra li ma jinvolvux il-ħadid; u (i) l-ikkastjar tal-metalli.

(16)

Id-data xjentifika u teknika disponibbli, inkluż l-opinjonijiet tal-RAC u tal-ACSH, tindika li l-isopren jissodisfa l-kriterji għall-klassifikazzjoni bħala karċinoġenu tal-kategorija 1B f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1272/2008, u għalhekk huwa karċinoġenu kif definit fid-Direttiva 2004/37/KE. Għalhekk huwa xieraq, b’mod konsistenti mal-eżitu tal-proċess tripartitiku, li jiġi stabbilit valur ttal-OEL fit-tul ta’ 8,5 mg/m3(3 ppm), bil-ħsieb li jiġu evitati riskji potenzjali għas-saħħa tal-ħaddiema u li jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi mal-Istati Membri kollha.

(17)

Il-1,4-diossan jissodisfa l-kriterji għall-klassifikazzjoni bħala sustanza karċinoġenika tal-kategorija 1B f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1272/2008, u għalhekk huwa karċinoġenu kif definit fid-Direttiva 2004/37/KE. Għalhekk, huwa xieraq, abbażi tal-informazzjoni disponibbli, inkluża d-data xjentifika u teknika, bħall-opinjonijiet tal-RAC u tal-ACSH, li jiġi stabbilit valur tal-OEL fit-tul u għal żmien qasir ta’ 7,3 mg/m3 (2 ppm) u 73 mg/m3 (20 ppm), rispettivament, issupplimentat b’notazzjoni dwar il-ġilda, kif ukoll valur ta’ limitu bijoloġiku ta’ 45 mg HEEA fl-awrina/g ta’ kreatinina, imkejjel fi tmiem l-espożizzjoni jew ix-xift f’konformità mal-liġi u l-prattika nazzjonali.

(18)

Id-Direttiva (UE) 2022/431 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13) estendiet il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/37/KE biex tinkludi sustanzi tossiċi għar-riproduzzjoni, inkluż il-merkurju u l-komposti divalenti inorganiċi tal-merkurju, li żdiedu mal-Anness III tad-Direttiva 2004/37/KE. Peress li mhux il-komposti tal-merkurju divalenti inorganiċi kollha jistgħu jiġu kklassifikati bħala sustanzi tossiċi għar-riproduzzjoni, huwa meħtieġ li jiġi ċċarat li l-valur ta’ limitu japplika biss għall-merkurju u għall-komposti divalenti inorganiċi tal-merkurju li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/37/KE.

(19)

Il-prodotti mediċinali perikolużi, sa fejn ikun fihom sustanzi karċinoġeniċi, mutaġeniċi jew tossiċi għar-riproduzzjoni, jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/37/KE, kif rikonoxxut fid-definizzjonijiet operattivi u fl-eżempji stabbiliti fil-Gwida tal-Kummissjoni tat-28 ta’ April 2023 għall-ġestjoni sikura ta’ prodotti mediċinali perikolużi fuq il-post tax-xogħol. Biex tiffaċilita l-identifikazzjoni ta’ dawk is-sustanzi, fl-20 ta’ Frar 2025 il-Kummissjoni ppubblikat komunikazzjoni intitolata “Lista indikattiva ta’ prodotti mediċinali perikolużi f’konformità mal-Artikolu 18a tad-Direttiva 2004/37/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema minn riskji relatati mal-espożizzjoni għal karċinoġeni , mutaġeni jew sustanzi fuq il-post tax-xogħol li huma tossiċi għar-riproduzzjoni” u b’hekk tippermetti l-applikazzjoni konsistenti tad-Direttiva 2004/37/KE biex tissalvagwarda s-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiem esposti.

(20)

Il-Kummissjoni wettqet ukoll konsultazzjoni f’żewġ stadji mas-sħab soċjali f’konformità mal-Artikolu 154 tat-TFUE. Hija kkonsultat ukoll lill-ACSH. L-ACSH, adottat opinjonijiet għas-sustanzi kollha soġġetti għal din id-Direttiva u rrakkomanda valur ta’ limitu vinkolanti wieħed jew aktar għal kull waħda minnhom, u notazzjonijiet u valuri tranżizzjonali għal xi wħud minnhom, fejn xieraq. Il-valuri tranżizzjonali jippermettu lill-impjegaturi jagħmlu l-investimenti meħtieġa f’miżuri addizzjonali għall-ġestjoni tar-riskji u jiżviluppaw mezzi tekniċi biex jiżguraw il-konformità. F’dak ir-rigward, il-programmi tal-Unjoni eżistenti, bħal Orizzont Ewropa, jistgħu jgħinu fl-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet innovattivi biex tiġi protetta s-saħħa tal-ħaddiema.

(21)

Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul il-ħidma ta’ tħejjija tagħha, inkluż fil-livell ta’ esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jitwettqu f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet Meta tistabbilixxi jew tirrevedi l-valuri ta’ limitu, jenħtieġ li l-Kummissjoni tikkonsulta lill-RAC u lill-ACSH biex tiżgura li dawn il-valri jkunu bbażati fuq l-evidenza, ikunu proporzjonati u jkunu jistgħu jitkejlu.

(22)

Huwa essenzjali li l-proċedura leġiżlattiva ordinarja tintuża sabiex jiġu ffissati valuri ta’ limitu vinkolanti skont id-Direttiva 2004/37/KE minħabba li l-emendar ta’ dik id-Direttiva mhuwiex kwistjoni għal kunsiderazzjoni teknika biss, iżda jirrikjedi wkoll valutazzjoni politika.

(23)

Ċerti ħaddiema, b’mod partikolari l-ħaddiema tat-tifi tan-nar u persunal ieħor tas-servizzi ta’ emerġenza , huma f’riskju ta’ espożizzjoni għal varjetà ta’ perikli li jirriżultaw minn nirien u minn avvenimenti mhux relatati man-nar waqt xogħolhom, inkluż għal karċinoġeni, mutaġeni u sustanzi tossiċi għar-riproduzzjoni. Għalhekk huwa importanti li l-impjegaturi tal-ħaddiema tat-tifi tan-nar u tal-persunal ieħor tas-servizzi ta’ emerġenza jivvalutaw u jnaqqsu r-riskju ta’ espożizzjoni għal karċinoġeni, mutaġeni u sustanzi tossiċi għar-riproduzzjoni, f’konformità mad-Direttiva 2004/37/KE, bil-ħsieb li tissaħħaħ il-protezzjoni tal-ħaddiema tat-tifi tan-nar u tal-persunal tas-servizzi ta’ emerġenza kontra, fost l-oħrajn, il-PAHs u b’hekk jitnaqqas ir-riskju ta’ mard okkupazzjonali. Diġà ġiet żviluppata gwida dwar ir-riskji li jirriżultaw mill-espożizzjoni għall-asbestos, inkluż gwida speċifika għas-settur għall-ħaddiema tat-tifi tan-nar u għall-persunal ieħor tas-servizzi ta’ emerġenza. Fid-dawl tar-riskji speċifiċi u ta’ livell għoli inerenti għas-servizzi ta’ emerġenza, huwa importanti li l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol (EU-OSHA), f’kooperazzjoni mas-sħab soċjali rilevanti u mal-awtoritajiet nazzjonali, tikkunsidra l-iżvilupp ta’ għodda speċifika li hija Online Interattiva għall-Valutazzjoni tar-Riskju (OiRA) imfassla għall-ħtiġijiet ta’ dawk is-servizzi.

(24)

Il-ħaddiema spiss ikunu esposti għal taħlita ta’ sustanzi perikolużi fuq il-post tax-xogħol, li jistgħu jżidu r-riskji u jikkawżaw effetti negattivi fuq is-saħħa. Fil-każ ta’ espożizzjoni għal taħlita ta’ sustanzi li jaġixxu bl-istess mod ta’ azzjoni jew li jaġixxu fuq l-istess organi, tessuti jew ċelloli fil-mira, jista’ jkun meħtieġ li tiġi adattata l-implimentazzjoni tal-valuri tal-OEL stabbiliti skont id-Direttiva 2004/37/KE, biex jitqiesu l-effetti kkombinati ta’ dawk is-sustanzi. Dan huwa rilevanti, fost l-oħrajn, għall-ħaddiema tat-tifi tan-nar u għall-persunal ieħor tas-servizzi ta’ emerġenza. Meta tħejji linji gwida tal-Unjoni dwar l-effetti tal-espożizzjoni għal taħlita ta’ sustanzi, jenħtieġ li l-Kummissjoni tqis l-ispeċifiċitajiet rilevanti ta’ dawk is-servizzi. Jenħtieġ li tali linji gwida jiġu ppubblikati fis-sit web tal-EU-OSHA u mqassma fl-Istati Membri kollha mill-awtoritajiet kompetenti rilevanti

(25)

Hemm il-ħtieġa li l-ħaddiema jirċievu taħriġ suffiċjenti u xieraq, abbażi tal-informazzjoni kollha disponibbli, meta jkunu esposti jew x’aktarx ser ikunu esposti, għal karċinoġeni, mutaġeni jew sustanzi tossiċi għar-riproduzzjoni, inkluż dawk li jinsabu f’ċerti prodotti mediċinali perikolużi. Jenħtieġ li t-taħriġ li l-impjegatur huwa meħtieġ li jipprovdi skont id-Direttiva 2004/37/KE jiġi adattat biex iqis riskju ġdid jew li nbidel, b’mod partikolari meta l-ħaddiema jkunu esposti għal karċinoġeni, mutaġeni jew sustanzi tossiċi għar-riproduzzjoni ġodda jew għal għadd ta’ karċinoġeni, mutaġeni jew sustanzi tossiċi għar-riproduzzjoni differenti, inkluż fi prodotti mediċinali perikolużi, jew fil-każ ta’ ċirkostanzi li jinbidlu relatati max-xogħol., Dak it-taħriġ għandu jiġi ripetut perjodikament jekk neċessarju.

(26)

Id-data minn madwar l-Unjoni kollha dwar problemi tas-saħħa relatati max-xogħol minħabba l-espożizzjoni għall-kobalt u l-komposti inorganiċi tal-kobalt, il-PAHs, l-isopren u l-1,4-diossan spiss ma tkunx disponibbli, mhijiex affidabbli jew mhijiex suffiċjenti. Għalhekk jista’ jkun xieraq li l-Kummissjoni tikkunsidra li tiżviluppa rakkomandazzjonijiet għall-ġbir tad-data mill-Istati Membri biex ittejjeb ir-reġistri tar-rapportar u tal-espożizzjoni.

(27)

Il-kisba ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tal-ħaddiema kontra r-riskji relatati mal-karċinoġeni, il-mutaġeni u s-sustanzi tossiċi għar-riproduzzjoni tirrikjedi li l-Istati Membri jżommu protezzjoni ugwali għall-ħaddiema kollha u jiffaċilitaw il-konformità tal-SMEs, inkluż il-mikrointrapriżi mal-obbligi li jirriżultaw mid-Direttiva 2004/37/KE. L-SMEs, inkluż il-mikrointrapriżi, li jirrappreżentaw maġġoranza kbira tal-intrapriżi fl-Unjoni, għandhom riżorsi finanzjarji, tekniċi u umani limitati. Huwa importanti li l-SMEs, inkluż il-mikrointrapriżi, ikollhom il-kapaċità li jikkonformaw ma’ dik id-Direttiva 2004/37/KE, ma jiġux affettwati b’mod sproporzjonat, b’mod partikolari mir-rekwiżiti amministrattivi, u jkunu jistgħu jagħmlu progress lejn l-eliminazzjoni ta’ riskji relatati mal-espożizzjoni għal karċinoġeni, mutaġeni u sustanzi tossiċi għar-riproduzzjoni fuq il-post tax-xogħol, u b’hekk jibbenefikaw il-ħaddiema kollha.

(28)

Fid-29 ta’ Mejju 2024, l-ACSH adotta opinjoni dwar sustanzi kimiċi ta’ prijorità għal valuri ta’ limitu tal-espożizzjoni okkupazzjonali ġodda jew riveduti skont il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-OSH, , li tidentifika lista ta’ sustanzi ta’ prijorità li għandhom jintużaw meta tiġi żviluppata proposta għal valur ta’ limitu tal-Unjoni skont id-Direttiva 2004/37/KE. B’mod partikolari l-lista tinkludi ħames sustanzi jew grupp ta’ sustanzi kklassifikati bħala “Sustanzi ta’ prijorità immedjata” (Ossimi, Butanon ossima, N-(Idrossimetil) akrilammid (NMA), Organotini u Etilen dibromide). L-ACSH irrakkomanda bil-qawwa li l-Kummissjoni tuża din il-lista meta tagħżel liema sustanzi kimiċi għandha tinkludi fil-proposti leġiżlattivi tagħha li jemendaw id-Direttiva 2004/37/KE għall-fini tal-inklużjoni ta’valuri ta’ limitu ġodda jew riveduti.

(29)

Peress li l-objettiv ta’ din id-Direttiva, jiġifieri li tipproteġi lill-ħaddiema mill-espożizzjoni għal karċinoġeni, mutaġeni u sustanzi tossiċi għar-riproduzzjoni fuq il-post tax-xogħol, ma jistax jintlaħaq b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri li jaġixxu waħedhom, iżda jista’ pjuttost, minħabba l-iskala u l-effetti tiegħu, jintlaħaq aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-TUE. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dak l-objettiv.

(30)

Għalhekk, jenħtieġ li d-Direttiva 2004/37/KE tiġi emendata skont dan,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Id-Direttiva 2004/37/KE hija emendata kif ġej:

(1)

l-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-punt (a), il-punt (ii) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(ii)

sustanza, taħlita jew proċess imsemmija fl-Anness I ta’ din id-Direttiva, jew sustanza jew taħlita rilaxxata bi proċess imsemmi f’dak l-Anness, li jkollhom effetti karċinoġeniċi;”

;

(b)

fil-punt (b), il-punt (ii) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(ii)

sustanza, taħlita jew proċess imsemmija fl-Anness I ta’ din id-Direttiva, jew sustanza jew taħlita rilaxxata bi proċess imsemmi f’dak l-Anness, li jkollhom effetti mutaġeniċi;”

;

(c)

il-punt (ba) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(ba)

‘sustanza tossika għar-riproduzzjoni’ tfisser:

(i)

sustanza jew taħlita li tissodisfa l-kriterji għall-klassifikazzjoni bħala sustanza tossika għar-riproduzzjoni tal-kategorija 1A jew 1B stipulata fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008;

(ii)

sustanza, taħlita jew proċess imsemmija fl-Anness I ta’ din id-Direttiva, jew sustanza jew taħlita rilaxxata bi proċess imsemmi f’dak l-Anness, li jkollhom effetti tossiċi għar-riproduzzjoni;”

;

(2)

fl-Artikolu 5(5), jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Il-miżuri ta’ protezzjoni individwali kif imsemmija fil-punt (g) tal-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu għandhom jinkludu tagħmir ta’ protezzjoni personali , b’mod partikolari apparati ta’ protezzjoni respiratorja, meta, minkejja l-implimentazzjoni tal-miżuri tekniċi u organizzattivi għall-prevenzjoni jew it-tnaqqis tal-espożizzjoni f’konformità ma’ dan l-Artikolu, l-espożizzjoni ma tistax tiġi evitata jew imnaqqsa b’mod adegwat b’mezzi oħra. F’każijiet bħal dawn, it-tagħmir ta’ protezzjoni personali għandu jintuża bħala l-aħħar alternattiva biex jiġi żgurat li l-ħaddiema jkunu protetti b’mod adegwat u, fi kwalunkwe każ, biex tiġi evitata l-espożizzjoni li taqbeż il-valuri ta’ limitu stabbiliti. It-tagħmir ta’ protezzjoni personali għandu jintgħażel, jiġi aġġustat individwalment biex joqgħod sew fuq min jilbsu, u jinżamm f’kundizzjoni tajba, f’konformità mal-Artikoli 4 u 5 tad-Direttiva tal-Kunsill 89/656/KEE. (*1) -------------------------

(*1)  Id-Direttiva tal-Kunsill 89/656/KEE tat-30 ta’ Novembru 1989 dwar il-ħtiġijiet minimi ta’ sigurtà u ta’ saħħa għall-użu ta’ tagħmir ta’ protezzjoni personali mill-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol (it-tielet direttiva individwali skont it-tifsira tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE) (ĠU L 393, 30.12.1989, p. 18, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1989/656/oj).”;"

(3)

fl-Artikolu 10, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“(3)   Meta jilbsu tagħmir ta’ protezzjoni personali, il-ħaddiema għandhom ikunu intitolati għal pawżi regolari f’żona fejn ma jkun hemm l-ebda riskju ta’ kontaminazzjoni minn karċinoġeni, mutaġeni jew sustanzi tossiċi għar-riproduzzjoni. Id-durata u l-frekwenza tal-pawżi għandhom jiġu ddeterminati billi titqies il-valutazzjoni tar-riskji għas-sigurtà u s-saħħa fuq il-post tax-xogħol.”

;

(4)

fl-Artikolu 18a, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“12c.   Il-Kummissjoni għandha tqis kwalunkwe żvilupp ġdid fl-għarfien xjentifiku, inkluż l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Istima tar-Riskji tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, u għandha tivvaluta, wara konsultazzjoni xierqa mal-partijiet ikkonċernati rilevanti, fejn xieraq, jekk għandhiex tistabbilixxi valuri ta’ limitu addizzjonali għas-sustanzi li jinsabu fid-dħaħen tal-iwweldjar kif imsemmi fl-Anness I, il-punt (9), ta’ din id-Direttiva.”.

(5)

L-Annessi I, III u IIIa tad-Direttiva 2004/37/KE huma emendati f’konformità mal-Anness ta’ din id-Direttiva.

Artikolu 2

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sal-20 ta’ Novembru 2028. Huma għandhom minnufih jgħarrfu lill-Kummissjoni f’dak ir-rigward.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew tali referenza għandha takkumpanjahom meta jiġu ppubblikati uffiċjalment. Il-metodi kif issir dik ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tal-miżuri ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Strażburgu, il-21 ta’ Ottubru 2026.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

R. METSOLA

Għall-Kunsill

Il-President

T. DOOLEY


(1)   ĠU C, C/2026/73, 30.1.2026, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/73/oj.

(2)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta’ Ottubru 2026 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tad-19 ta’ Ottubru 2026.

(3)  Id-Direttiva 2004/37/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema mir-riskji relatati mal-espożizzjoni għal karċinoġeni, mutaġeni jew sustanzi tossiċi għar-riproduzzjoni fuq il-post tax-xogħol (Is-Sitt Direttiva individwali fis-sens tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE) (ĠU L 158, 30.4.2004, p. 50, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2004/37/oj).

(4)  Ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2006/1907/oj).

(5)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-22 ta’ Lulju 2003 li tistabbilixxi Kumitat ta’ Konsulenza dwar is-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol (ĠU C 218, 13.9.2003, p. 1).

(6)   ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_interinstit/2016/512/oj.

(7)  Ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (ĠU L 353, 31.12.2008, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2008/1272/oj).

(8)  Id-Direttiva 2009/148/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema mir-riskji konnessi mal-espożizzjoni għall-asbestos fuq ix-xogħol (ĠU L 330, 16.12.2009, p. 28, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2009/148/oj).

(9)   ĠU C 428, 13.12.2017, p. 10.

(10)  Ir-Regolament (UE) 2021/1119 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-qafas biex tinkiseb in-newtralità klimatika u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 401/2009 u (UE) 2018/1999 (“il-Liġi Ewropea dwar il-Klima”) (ĠU L 243, 9.7.2021, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/1119/oj).

(11)  Id-Direttiva tal-Kunsill 89/656/KEE tat-30 ta’ Novembru 1989 dwar il-ħtiġijiet minimi ta’ sigurtà u ta’ saħħa għall-użu ta’ tagħmir ta’ protezzjoni personali mill-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol (it-tielet direttiva individwali skont it-tifsira tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE) (ĠU L 393, 30.12.1989, p. 18, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1989/656/oj).

(12)  Ir-Regolament (UE) 2016/425 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar tagħmir ta’ protezzjoni personali u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 89/686/KEE (ĠU L 81, 31.3.2016, p. 51, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/425/oj).

(13)  Id-Direttiva (UE) 2022/431 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2022 li temenda d-Direttiva 2004/37/KE dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema minn riskji relatati mal-espożizzjoni għal karċinoġeni jew mutaġeni fuq il-post tax-xogħol (ĠU L 88, 16.3.2022, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2022/431/oj).


ANNESS

L-Annessi I, III u IIIa tad-Direttiva 2004/37/KE huma emendati kif ġej:

(1)

fl-Anness I, it-titolu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Lista ta’ sustanzi, taħlitiet u proċessi (l-Artikolu 2, il-punti (a)(ii), (b)(ii) u (ba)(ii))”;

(2)

fl-Anness I, jiżdied il-punt li ġej:

“9.

Xogħol li jinvolvi l-espożizzjoni għad-dħaħen minn proċessi tal-iwweldjar li fihom sustanzi jew taħlitiet li jissodisfaw il-kriterji għall-klassifikazzjoni bħala karċinoġenu, mutaġenu jew sustanza tossika għar-riproduzzjoni tal-kategorija 1A jew 1B stipulati fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 (*1).

(*1)  L-espożizzjoni ma għandhiex tkun iktar mill-valur limitu ta’ karċinoġenu, mutaġenu jew sustanza tossika għar-riproduzzjoni kif stipulat fl-Anness III ta’ din id-Direttiva meta dawk is-sustanzi jiġu rilaxxati matul il-proċess tal-iwweldjar.”;"

(3)

fl-Anness III, il-punt A huwa emendat kif ġej:

(a)

fit-tabella, ir-ringiela relatata ma’ “Ttaħlitiet ta’ idrokarburi aromatiċi poliċikliċi, b’mod partikolari dawk li fihom il-benżo[a]piren, li huma karċinoġeni skont it-tifsira ta’ din id-Direttiva”, hija sostitwita b’dan li ġej:

“Isem tal-aġent

Nru tal-KE(1)

Nru tas-SAK (2)

Valuri ta’ limitu

Notazzjoni

Miżuri tranżizzjonali

8 sigħat (3)

Terminu qasir(4)

mg/m3(5)

ppm(6)

f/ml(7)

mg/m3(5)

ppm(6)

f/ml(7)

Taħlitiet ta’ idrokarburi aromatiċi poliċikliċi, b’mod partikolari dawk li fihom il-benżo[a]piren, li huma karċinoġeni, mutaġeni jew sustanzi tossiċi għar-riproduzzjoni kif definiti f’din id-Direttiva

 

 

0,00007  (17)

 

 

 

 

 

Ġilda (10)

Valur ta’ limitu ta’ 0,00014  (17) sal-20 ta’ Novembru 2033 limitat għas-setturi li ġejjin: (1) fonderiji tal-azzar u tal-ħadid, li jinkludu manifatturi tal-ferroligi; (2) manifatturi tal-aluminju; (3) manifatturi tal-karbonju u tal-grafit; (4) impjanti tal-produzzjoni tal-kokk; (5) distillazzjoni tal-qatran tal-faħam; (6) manifatturi tal-prodotti refrattorji; (7) l-iwweldjar tal-binarji tal-ferrovija; (8) proċessi metallurġiċi oħra li ma jinvolvux il-ħadid; u (9) l-ikkastjar tal-metalli.

(17)  Imkejla bħala benżo[a]piren.”;

(b)

fit-tabella, ir-ringiela relatata ma’ “Merkurju u komposti divalenti inorganiċi tal-merkurju inklużi l-ossidu tal-merkurju u l-klorur tal-merkurju (imkejlin bħala merkurju)” hija sostitwita b’dan li ġej:

“Isem tal-aġent

Nru tal-KE(1)

Nru tas-SAK (2)

Valuri ta’ limitu

Notazzjoni

Miżuri tranżizzjonali

8 sigħat (3)

Terminu qasir(4)

mg/m3(5)

ppm(6)

f/ml(7)

mg/m3(5)

ppm(6)

f/ml(7)

Il-merkurju u l-komposti divalenti inorganiċi tal-merkurju li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva (imkejla bħala merkurju)

 

 

0,02 ”

 

 

 

 

 

 

 

(c)

fit-tabella, jiżdiedu r-ringieli li ġejjin:

“Isem tal-aġent

Nru tal-KE(1)

Nru tas-SAK (2)

Valuri ta’ limitu

Notazzjoni

Miżuri tranżizzjonali

8 sigħat (3)

Terminu qasir(4)

mg/m3(5)

ppm(6)

f/ml(7)

mg/m3(5)

ppm(6)

f/ml(7)

Il-kobalt u l-komposti inorganiċi tal-kobalt

 

 

0,01  (18)0,0025  (19)

 

 

 

 

 

sensitizzazzjoni dermali u respiratorja (13)

Valur ta’ limitu ta’ 0,02  (18) u 0,0042  (19) sal-20 ta’ Novembru 2032

Isopren

201-143-3

78-79-5

8,5

3

—

—

—

—

 

 

1,4-diossan

204-661-8

123-91-1

7,3

2

 

73

20

 

Ġilda(10)

 

(18)  Frazzjoni inalabbli, imkejla bħala kobalt.

(19)  Frazzjoni respirabbli, imkejla bħala kobalt.”;

(4)

l-Anness IIIa jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“ANNESS IIIa

VALURI TA’ LIMITU BIJOLOĠIĊI U MIŻURI TAS-SORVELJANZA TAS-SAĦĦA

(Artikolu 16(4))

1.   Iċ-ċomb u l-komposti inorganiċi tiegħu

1.1.

Il-monitoraġġ bijoloġiku għandu jinkludi l-kejl tal-livell taċ-ċomb fid-demm (PbB) bl-użu tal-ispettrometrija tal-assorbiment jew metodu li jagħti riżultati ekwivalenti.

1.1.1.

Sal-31 ta’ Diċembru 2028, il-valur ta’ limitu bijoloġiku vinkolanti huwa:

30 μg Pb/100 ml ta’ demm

Għall-ħaddiema li l-livell taċ-ċomb fid-demm tagħhom jaqbeż il-valur ta’ limitu bijoloġiku ta’ 30 μg Pb/100 ml ta’ demm minħabba espożizzjoni li seħħet qabel id-9 ta’ April 2026, iżda huwa inqas minn 70 μg Pb/100 ml ta’ demm, is-sorveljanza medika titwettaq fuq bażi regolari. Jekk tiġi stabbilita xejra ta’ tnaqqis lejn il-valur ta’ limitu ta’ 30 Pb/100 ml ta’ demm f’dawk il-ħaddiema, dawn jistgħu jitħallew ikomplu b’xogħol li jinvolvi espożizzjoni għaċ-ċomb.

1.1.2.

Mill-1 ta’ Jannar 2029, il-valur ta’ limitu bijoloġiku vinkolanti huwa:

15 μg Pb/100 ml demm (*2)

Għall-ħaddiema li l-livell taċ-ċomb fid-demm tagħhom jaqbeż il-valur ta’ limitu bijoloġiku ta’ 15 μg Pb/100 ml ta’ demm minħabba espożizzjoni li seħħet qabel id-9 ta’ April 2026, iżda huwa inqas minn 30 μg Pb/100 ml ta’ demm, is-sorveljanza medika titwettaq fuq bażi regolari. Jekk tiġi stabbilita xejra ta’ tnaqqis lejn il-valur ta’ limitu ta’ 15 Pb/100 ml ta’ demm f’dawk il-ħaddiema, dawn jistgħu jitħallew ikomplu b’xogħol li jinvolvi espożizzjoni għaċ-ċomb.

1.2.

Sorveljanza medika titwettaq jekk l-espożizzjoni għal konċentrazzjoni ta’ ċomb fl-arja tkun akbar minn 0,015 mg/m3, ikkalkulata bħala medja ponderata skont il-ħin fuq 40 siegħa fil-ġimgħa, jew jekk livell ta’ ċomb tad-demm akbar minn 9 μg Pb/100 ml ta’ demm jitkejjel f’ħaddiema individwali. Is-sorveljanza medika titwettaq ukoll fir-rigward ta’ ħaddiema nisa ta’ età li jista’ jkollhom it-tfal li l-livell taċ-ċomb fid-demm tagħhom jaqbeż l–4,5 μg Pb/100 ml ta’ demm jew il-valur ta’ referenza nazzjonali tal-popolazzjoni ġenerali li ma tkunx esposta b’mod okkupazzjonali għaċ-ċomb, jekk dan il-valur ikun jeżisti.

2.   1,4-diossan

Il-valur ta’ limitu bijoloġiku li jorbot huwa 45 mg HEAA (*3) fl-awrina/g kreatinina, imkejjel fi tmiem l-espożizzjoni jew ix-xift, f’konformità mal-liġi jew il-prattika nazzjonali.

(*2)  Huwa rakkomandat li l-livell taċ-ċomb fid-demm fin-nisa ta’ età li jista’ jkollhom tfal ma jaqbiżx l-valuri ta’ referenza tal-popolazzjoni ġenerali li mhux esposta b’mod okkupazzjonali għaċ-ċomb fl-Istatu Membru rispettiv. Meta l-livelli ta’ referenza nazzjonali ma jkunux disponibbli, huwa rakkomandat illi l-livelli ta’ ċomb fid-demm fin-nisa fl-età li jista’ jkollhom it-tfal ma jaqbżux il-Valur ta’ Gwida Bijoloġiku ta’ 4,5 μg/100 ml."

(*3)  Aċidu (2-idrossietossi)aċetiku.”."


(*1)  L-espożizzjoni ma għandhiex tkun iktar mill-valur limitu ta’ karċinoġenu, mutaġenu jew sustanza tossika għar-riproduzzjoni kif stipulat fl-Anness III ta’ din id-Direttiva meta dawk is-sustanzi jiġu rilaxxati matul il-proċess tal-iwweldjar.”;

(*2)  Huwa rakkomandat li l-livell taċ-ċomb fid-demm fin-nisa ta’ età li jista’ jkollhom tfal ma jaqbiżx l-valuri ta’ referenza tal-popolazzjoni ġenerali li mhux esposta b’mod okkupazzjonali għaċ-ċomb fl-Istatu Membru rispettiv. Meta l-livelli ta’ referenza nazzjonali ma jkunux disponibbli, huwa rakkomandat illi l-livelli ta’ ċomb fid-demm fin-nisa fl-età li jista’ jkollhom it-tfal ma jaqbżux il-Valur ta’ Gwida Bijoloġiku ta’ 4,5 μg/100 ml.

(*3)  Aċidu (2-idrossietossi)aċetiku.”.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2026/2450/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)