IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 28.7.2021
COM(2021) 427 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI
LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-QORTI TAL-AWDITURI
DWAR IL-ĠESTJONI FL-2020 TAL-FOND TA’ GARANZIJA TAL- FOND EWROPEW GĦALL-INVESTIMENTI STRATEĠIĊI
{SWD(2021) 209 final}
Werrej
1.
Introduzzjoni
2.
Kuntest operazzjonali
3.
Kontijiet finanzjarji u tranżazzjonijiet baġitarji sinifikanti fl-2020
3.1.
Is-sitwazzoni finanzjarja tal-FG FEIS sal-31 ta’ Diċembru 2020
3.2.
L-operazzjonijiet tal-FEIS fl-ambitu tal-Garanzija tal-UE
3.3.
Il-proviżjonament tal-FG FEIS
3.4.
It-talbiet għal ħlas u l-użu tal-Garanzija tal-UE
4.
Il-ġestjoni tal-FG FEIS fl-2020
4.1.
Ġestjoni Finanzjarja
4.2.
Żviluppi tas-suq fl-2020
4.3.
Kompożizzjoni u karatteristiċi tar-riskju ewlenin tal-portafoll
4.4.
Prestazzjoni
5.
Valutazzjoni tal-adegwatezza tal-ammont fil-mira u l-livell tal-FG FEIS
1.Introduzzjoni
Ir-Regolament (UE) 2015/1017 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ġunju 2015 dwar il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, iċ-Ċentru Ewropew ta’ Konsulenza għall-Investiment u l-Portal Ewropew tal-Proġetti ta’ Investiment (ir-Regolament dwar il-FEIS) stabbilixxa l-Fond ta’ Garanzija tal-FEIS li r-riżorsi tiegħu għandhom jiġu ġestiti mill-Kumissjoni.
Permezz tar-Regolament (UE) 2017/2396 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2017, ir-Regolament dwar il-FEIS kompla ġie emendat biex jiġi estiż it-tul ta’ żmien tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi u biex jiddaħħal titjib tekniku għall-Fond u għaċ-Ċentru Ewropew ta’ Konsulenza għall-Investimenti (l-Emenda FEIS 2.0). L-Emenda FEIS 2.0 kabbret, fost l-oħrajn, il-Garanzija tal-UE u aġġustat ukoll l-ammont fil-mira għall-proviżjonament tal-Fond. Fit-22 ta’ Lulju 2015, il-Kummissjoni Ewropea u l-Bank Ewropew tal-Investiment (il-BEI) iffirmaw il-ftehim dwar il-ġestjoni tal-FEIS u dwar l-għoti tal-Garanzija tal-UE (il-Ftehim dwar il-FEIS).
L-Artikolu 16(6) tar-Regolament dwar il-FEIS jipprevedi li, sal-31 ta’ Mejju ta’ kull sena, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport annwali lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Qorti tal-Awdituri dwar il-ġestjoni tal-Fond ta’ Garanzija tal-FEIS (il-“FG FEIS”) matul is-sena kalendarja preċedenti, inkluża valutazzjoni tal-adegwatezza tal-ammont fil-mira u l-livell tal-FG FEIS u tal-ħtieġa potenzjali li jiġi rikapitalizzat. Dan ir-rapport annwali għandu jiddeskrivi l-pożizzjoni finanzjarja tal-FG FEIS fi tmiem is-sena kalendarja preċedenti, il-flussi finanzjarji matul is-sena kalendarja preċedenti kif ukoll lista tat-tranżazzjonijiet sinifikanti u kull informazzjoni rilevanti dwar il-kontijiet finanzjarji. Ir-rapport għandu jinkludi wkoll informazzjoni dwar il-ġestjoni finanzjarja, il-prestazzjoni u r-riskju tal-FG FEIS fi tmiem is-sena kalendarja preċedenti.
Ir-Regolament Finanzjarju 2018/1046 stabbilixxa l-Fond ta’ Proviżjonament Komuni (CPF) biex iżomm id-dispożizzjonijiet assenjati biex jitkoprew l-obbligazzjonijiet finanzjarji li jirriżultaw minn garanziji baġitarji u programmi ta’ assistenza finanzjarja mid-data tal-applikazzjoni tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) 2021-2027 ’l quddiem. Dawn id-dispożizzjonijiet daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2021, u minn din id-data l-Fond ta’ Garanzija tal-FEIS jikkostitwixxi kompartiment separat fis-CPF.
2.Kuntest operazzjonali
Il-garanzija tal-UE tkopri operazzjonijiet ta’ finanzjament u investiment:
-iffirmata mill-BEI taħt il-parti ewlenija tal-Komponent għall-Infrastruttura u l-Innovazzjoni (IIW), u;
-iffirmata mill-Fond Ewropew tal-Investiment (FEI) taħt il-komponent għall-SMEs (SMEW) u s-sottokomponent tal-investiment tal-fondi għall-SMEs/għall-kumpaniji b’kapitalizzazzjoni medja tal-IIW.
Parti mill-operazzjonijiet globali tal-FEIS hija koperta mill-Garanzija tal-UE, filwaqt li parti oħra titwettaq b’riskju proprju tal-Grupp tal-BEI.
Skont l-Artikolu 12 tar-Regolament dwar il-FEIS, il-FG FEIS għandu jikkostitwixxi marġini ta’ likwidità li minnu l-BEI għandu jitħallas fil-każ ta’ talba għal ħlas ta’ Garanzija tal-UE. F’konformità mal-Ftehim dwar il-FEIS bejn l-UE u l-BEI, it-talbiet jitħallsu mill-FG FEIS jekk l-ammont rikjest ikun akbar mill-fondi għad-dispożizzjoni tal-BEI fil-Kont tal-FEIS. Il-Kont tal-FEIS, ġestit mill-BEI, ġie stabbilit biex jinġabar id-dħul u l-ammonti rkuprati tal-UE li jirriżultaw minn operazzjonijiet tal-FEIS fl-ambitu tal-Garanzija tal-UE, u sa fejn iwassal dan il-bilanċ disponibbli, għall-ħlas ta’ talbiet fil-qafas tal-Garanzija tal-UE.
L-FG FEIS ġie provdut progressivament, iżda dan il-proviżjonament se jieqaf fl-2022. Skont l-Artikolu 12(4), ir-riżorsi tal-FG tal-FEIS huma ġestiti direttament mill-Kummissjoni u investiti b’konformità mal-prinċipju tal-ġestjoni finanzjarja tajba u skont regoli prudenzjali xierqa.
Il-BEI u l-FEI huma responsabbli mill-valutazzjoni u l-monitoraġġ tar-riskju tal-operazzjonijiet individwali appoġġati mill-Garanzija tal-UE u għar-rapportar lill-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu 16 tar-Regolament dwar il-FEIS. Fuq il-bażi ta’ dan ir-rapportar u s-suppożizzjonijiet koerenti u prudenti dwar l-attività futura, il-Kummissjoni ssostni l-adegwatezza tal-ammont fil-mira u tal-livell tal-FG FEIS taħt rieżami.
Barra minn hekk, skont l-Artikolu 16(2) tar-Regolament dwar il-FEIS, il-BEI jippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport annwali li fih informazzjoni speċifika dwar ir-riskju aggregat assoċjat mal-operazzjonijiet ta’ finanzjament u ta’ investiment li jsiru skont il-FEIS kif ukoll dwar it-talbiet għall-ħlas ta’ garanzija.
3.Kontijiet finanzjarji u tranżazzjonijiet baġitarji sinifikanti fl-2020
L-informazzjoni finanzjarja dwar il-FEIS hija ppreżentata hawn isfel u hija maqsuma f’erba’ taqsimiet:
(1) is-sitwazzjoni finanzjarja tal-FG FEIS sal-31 ta’ Diċembru 2020
(2) l-operazzjonijiet tal-FEIS fl-ambitu tal-Garanzija tal-UE mwettqa mill-Grupp tal-BEI sal-31 ta’ Diċembru 2020;
(3) il-proviżjonament tal-FG FEIS u;
(4) it-talbiet għal ħlas u l-użu tal-Garanzija tal-UE.
3.1. Is-sitwazzoni finanzjarja tal-FG FEIS sal-31 ta’ Diċembru 2020
L-assi totali tal-FG FEIS kienu EUR 8 028 miljun sal-31 ta’ Diċembru 2020. L-assi kienu magħmula mill-portafoll tat-titoli tal-investiment, ikklassifikati bħala disponibbli għall-bejgħ (EUR 7 526 miljun), il-bejgħ ta’ kuntratt forward tal-kambju ta’ USD b’valur nett preżenti pożittiv, ikklassifikat bħala assi finanzjarji bil-valur ġust permezz ta’ surplus u defiċit (EUR 6 miljun), kif ukoll ekwivalenti ta’ flus (EUR 496 miljun).
Rigward il-prestazzjoni finanzjarja tal-2020, il-FG FEIS spiċċa s-sena b’riżultat ekonomiku ta’ EUR 21,6 miljun. Il-kontribuzzjoni ewlenija ġiet minn dħul ta’ mgħax nett pożittiv ta’ EUR 17,0-il miljun u qligħ nett mill-bejgħ ta’ titoli disponibbli għall-bejgħ (EUR 11,1-il miljun). Dan ġie kkreditat b’riżultat ta’ rivalutazzjoni ta’ munita barranija ta’ EUR -5,7 miljun. Il-bqija tal-ispiża netta ta’ EUR -0,8 miljun kienet tikkonsisti prinċipalment f’tariffi għall-kustodja.
3.2. L-operazzjonijiet tal-FEIS fl-ambitu tal-Garanzija tal-UE
Fil-31 ta’ Diċembru 2020 l-esponiment tal-garanzija tal-UE b’rabta mal-operazzjonijiet pendenti żborżati tal-FEIS mill-Grupp tal-BEI kien jammonta għal EUR 18,9-il biljun, mill-garanzija tal-UE netta disponibbli ta’ EUR 25,8 biljun. L-ammont ta’ EUR 18,6-il biljun ġie rreġistrat bħala obbligazzjoni kontinġenti fin-noti li jakkumpanjaw ir-rapporti finanzjarji tal-2020 tal-UE, filwaqt li ġie rikonoxxut provvediment għall-bqija tal-ammont.
Fl-2020, l-operazzjonijiet tal-FEIS taħt il-Komponent għall-Infrastruttura u l-Innovazzjoni ġġeneraw dħul nett ta’ EUR 243,4 miljun għall-UE. Minn dan l-ammont, riċevibbli nett ta’ EUR 76,8 miljun fil-31 ta’ Diċembru 2020 li l-Kummissjoni rċeviet mill-BEI kien irreġistrat fir-rapporti finanzjarji tal-UE tal-2020.
Għall-operazzjonijiet tal-FEIS taħt il-komponent għall-SMEs, fl-2020 l-UE ġarrbet kost nett ta’ EUR 295,2 miljun.
3.3.Il-proviżjonament tal-FG FEIS
Approprjazzjoni baġitarja totali ta’ EUR 301 miljun relatata mal-proviżjonament tal-FG FEIS ġiet impenjata fl-2020. Minn dan l-ammont ġiet impenjata approprjazzjoni tal-baġit ta’ EUR 153 miljun f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2020)451. Ġew impenjati approprjazzjonijiet ta’ impenn addizzjonali għal ammont ta’ EUR 148 miljun bħala dħul assenjat.
Matul is-sena l-ammont totali ta’ EUR 1 249 miljun tħallas b’mod effettiv fil-FG FEIS Minn dan, il-parti l-kbira ġiet minn approprjazzjonijiet ta’ pagament tal-baġit ġenerali tal-UE, filwaqt li l-ammont ta’ EUR 156 miljuni ġie rkuprat bħala dħul assenjat mill-FEIS, u l-ammont ta’ EUR 5 miljun ġie ttrasferit bħala approprjazzjoni ta’ pagament addizzjonali fi tmiem is-sena baġitarja.
3.4.It-talbiet għal ħlas u l-użu tal-Garanzija tal-UE
Matul l-2020, ma kien hemm l-ebda talba għal ħlas ta’ garanzija minħabba operazzjonijiet inadempjenti. Madankollu, it-talba għal ħlas ta’ garanzija tal-UE ġiet mobilizzata kif ġej:
·EUR 33,1 miljun għal aġġustamenti tal-valur permezz tal-IIW;
·EUR 2,3 miljun għall-kostijiet ta’ finanzjament tal-BEI permezz tal-IIW;
·EUR 2,1 miljun għall-kostijiet ta’ rkupru permezz tal-IIW;
·EUR 37,5 miljun għall-iħħeġġjar mhux tal-euro permezz tal-SMEW;
It-talbiet għal ħlas kollha tħallsu minn fondi disponibbli fil-Kont tal-FEIS, ħlief għal talba waħda tal-SMEW li tħallset parzjalment mill-FG FEIS (EUR 0,5 miljun).
4.Il-ġestjoni tal-FG FEIS fl-2020
4.1.Ġestjoni Finanzjarja
Il-portafoll ta’ investiment tal-FG FEIS huwa investit f’konformità mal-prinċipji ta’ ġestjoni stipulati fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2016) 165 tal-21 ta’ Jannar 2016 li tapprova l-linji gwida tal-ġestjoni tal-assi tal-FG FEIS.
Dawn il-linji gwida jipprevedu li l-assi fil-portafoll ta’ investiment għandhom jipprovdu biżżejjed likwidità fir-rigward ta’ talbiet potenzjali għal ħlas ta’ garanzija, filwaqt li xorta għandhom l-għan li jtejbu kemm jista’ jkun il-livell ta’ redditu u ta’ riskju li huwa kompatibbli maż-żamma ta’ livell għoli ta’ sigurtà u stabbilità.
L-istrateġiji ta’ investiment u ta’ ġestjoni tar-riskju ġew adottati biex b’hekk jirriflettu l-objettivi ta’ investiment u l-prospettiva tas-suq. L-approċċ ta’ investiment kellu l-għan li jtejjeb id-diversifikazzjoni f’diversi klassijiet ta’ assi bi dħul fiss.
4.2. Żviluppi tas-suq fl-2020
L-iżviluppi tas-suq fl-2020 kienu ddominati mill-virus tal-COVID-19, l-impatt devastanti tiegħu fuq is-saħħa pubblika u l-ekonomija globali u r-rispons rapidu u b’saħħtu ta’ politika mill-gvernijiet u l-banek ċentrali.
Is-swieq tal-introjtu fiss bdew is-sena fuq nota ottimista bis-saħħa tal-progress li sar fir-relazzjoni kummerċjali ta’ bejn l-Istati Uniti u ċ-Ċina u sentiment ekonomiku ġeneralment pożittiv. Ir-rendiment fuq il-bonds (Bund) tal-gvern Ġermaniż fuq 10 snin laħaq il-livell għoli ta’ -0,16 % f’nofs Jannar, li rriżulta li kien l-ogħla livell għas-sena kollha.
Għal Marzu, aktar minn nofs il-popolazzjoni tad-dinja effettivament issakkret meta t-theddida tal-virus saret dejjem aktar evidenti. Dan ħoloq xokk globali kemm għall-provvista kif ukoll għad-domanda, b’mod partikolari fis-servizzi wiċċ imb wiċċ.
Is-swieq finanzjarji madwar id-dinja esperjenzaw xokk f’daqqa li kien akkumpanjat minn żieda qawwija fl-avverjoni u fil-volatilità tar-riskju. It-“tellieqa għall-flus kontanti” li rriżultat wasslet għall-bejgħ bl-għaġla ta’ assi, li kkawża tfixkil u hedded l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji.
Is-swieq tal-ekwità waqgħu u l-investituri qalbu għal assi sikuri, bħall-Bund, li r-rendiment tagħhom malajr naqas għall-iktar livell baxx tas-sena ta’-0,86 % sa nofs Marzu. Ir-rendiment tat-titoli tat-Teżor tal-Istati Uniti komplew saħansitra jonqsu, xprunati minn żewġ tnaqqisiet fir-rata ta’ emerġenza mir-Riżerva Federali tal-Istati Uniti, għal total ta’ 150bps fil-bidu ta’ Marzu. Ir-rendimenti safe-haven imbagħad biddlu t-tendenza u flimkien mal-bqija tal-univers tal-introjtu fiss, żdiedu waqt l-inċertezza tas-suq u l-likwidità limitata. Il-Bund reġa’ lura għal -0,20 % għaxart ijiem wara li laħaq l-aktar livell baxx tas-sena tiegħu. Il-firxiet bejn bonds oħra tal-gvernijiet Ewropej u l-Bund kibru sostanzjalment, kif ukoll il-firxiet tal-klassijiet l-oħra kollha ta’ assi ta’ introjtu fiss.
Biex terġa’ tinkiseb il-fiduċja, il-gvernijiet implimentaw pakketti ta’ salvataġġ u l-banek ċentrali pprovdew akkomodazzjoni monetarja (pereż. tnaqqis fir-rati ta’ riferiment tal-politika monetarja u/jew ix-xiri ta’ assi) fuq skala bla preċedent. Dan għen lis-swieq biex jikkalmaw u biex il-valutazzjonijiet tal-assi jirkupraw b’mod ġenerali. Wara Marzu, li kien volatili, il-firxiet stabbilizzaw ruħhom minn April ’l quddiem, u ħadu trajettorja ġeneralment ’l isfel. It-tħabbira ta’ pakketti fiskali mingħajr preċedent fid-dinja u fl-Ewropa, b’mod partikolari s-EUR 750 biljun ta’ NextGenerationEU, imbuttaw ’l fuq il-livelli kumplessivi ta’ rendiment f’Ġunju, iżda l-banek ċentrali komplew jiżguraw kundizzjonijiet ta’ finanzjament favorevoli fil-preżenza ta’ riskji negattivi persistenti. B’mod ġenerali, għall-bqija tas-sena, ir-rendimenti u l-firxiet fiż-żona tal-euro kienu qed jonqsu gradwalment, filwaqt li l-fiduċja tal-investituri baqgħet titjieb wara l-avvanzi li saru fil-qasam tat-tilqim u l-prospettiva ta’ stimolu ieħor wara l-elezzjonijiet tal-Istati Uniti f’Novembru. Il-Bund spiċċa s-sena b’-0,57 %.
B’mod ġenerali, is-swieq tal-introjtu fiss, għalkemm ikkaratterizzati minn volatilità għolja ħafna, ipprovdew opportunitajiet ta’ investiment attraenti, li min-naħa tagħhom ikkontribwew għar-redditu pożittiv tal-FG FEIS fi tmiem is-sena.
4.3. Kompożizzjoni u karatteristiċi tar-riskju ewlenin tal-portafoll
Iċ-ċifri ta’ tmiem is-sena tal-portafoll tal-FG FEIS juru li l-portafoll huwa diversifikat sew f’termini ta’ klassijiet ta’ assi u ta’ kategoriji ta’ klassifikazzjoni. Barra minn hekk, hemm ukoll diversifikazzjoni f’titoli denominati f’munita oħra li mhijiex l-euro (USD) fil-forma ta’ allokazzjoni għat-Teżor tal-Istati Uniti u emittenti oħra tal-Istati Uniti (pereż. dawk sopranazzjonali, sovrani jew aġenziji oħra) u flus għal madwar 6 % tal-portafoll. Ir-riskju tal-valuta huwa ħħeġġjat.
Il-proporzjon ta’ bonds li jikkonformaw mal-kriterji ambjentali, soċjali u ta’ governanza kien ta’ 9,5 % fi tmiem l-2020 apparagun ta’ 6,9 % fi tmiem l-2019. It-tul ta’ żmien tal-portafoll fi tmiem l-2020 kienet ta’ 3,19 snin u l-klassifikazzjoni ta’ kreditu medja tiegħu kienet ta’ BBB+.
Madwar 33 % tal-portafoll kien jikkonsisti f’bonds b’maturità ta’ inqas minn sena, noti b’rata varjabbli u strumenti tas-suq monetarju ta’ terminu qasir li jipprovdu riżervi ta’ likwidità oħra għall-portafoll.
Il-profil tal-portafoll, f’termini ta’ tul ta’ żmien, riskju ta’ kreditu u likwidità, ġie kkalibrat f’konformità mal-flussi tal-flus imbassra li jirriżultaw mill-operazzjonijiet tal-FEIS fil-qafas tal-Garanzija tal-UE (pereż. talbiet imbassra, dħul).
4.4. Prestazzjoni
Il-prestazzjoni annwali hija kkalkulata abbażi tal-ponderazzjoni tal-ħin sabiex ma tiġix affettwata mid-daqs tal-portafoll, li kompla jikber matul is-sena.
F’ambjent tas-suq ikkaratterizzat minn volatilità relatata mas-saħħa u rendimenti storikament baxxi, il-Fond irreġistra prestazzjoni annwali assoluta ta’ 1,246 % fl-2020. Dan ir-redditu huwa konformi mal-prestazzjoni annwali tal-punt ta’ riferiment tal-FEIS (1,23 %) Madankollu, il-prestazzjoni fl-2020 kemm tal-punt ta’ riferiment kif ukoll tal-portafoll kienu xprunati l-aktar minn kurva tar-redditu pożittiva. Meta jitqiesu l-livelli storikament baxxi milħuqa mir-rendimenti tal-UE u tal-Istati Uniti, il-portafoll u l-punt ta’ riferiment jistgħu jiġu affettwati b’mod negattiv fis-snin li ġejjin minn movimenti tal-kurvi opposti (jiġifieri żieda fir-rendimenti).
5.Valutazzjoni tal-adegwatezza tal-ammont fil-mira u l-livell tal-FG FEIS
Fil-31 ta’ Diċembru 2020, l-ammont totali ta’ firem akkumulati fl-ambitu tal-FEIS kien, għall-Istati Membri kollha, ta’ EUR 82,7 biljun, li minnhom EUR 57,2 biljun kienu ffirmati fl-ambitu tal-IIW (629 operazzjoni) u EUR 25,5 biljun kienu ffirmati fl-ambitu tal-SMEW (792 operazzjoni). Kumplessivament, dan jirrappreżenta żieda sinifikanti meta mqabbel mal-31 ta’ Diċembru 2019, meta l-firem totali kienu jammontaw għal EUR 68,7 biljun. Iċ-ċifri ta’ hawn fuq jirrappreżentaw l-ammonti totali ffirmati mill-Grupp tal-BEI mill-bidu tal-FEIS, filwaqt li l-esponiment pendenti huwa kopert parzjalment biss mill-Garanzija tal-UE fl-ambitu tal-FEIS. Dan tal-aħħar huwa spjegat aktar fid-dettall fil-paragrafi li ġejjin ta’ din it-taqsima, kif ukoll fit-taqsima 3 ta’ hawn fuq. Fil-31 ta’ Diċembru 2020, l-esponiment żborżat pendenti kumplessiv, kopert mill-Garanzija tal-UE kien jammonta għal EUR 18,9-il biljun (EUR 16,5-il biljun għall-IIW u EUR 2,4 biljun għall-SMEW), jiġifieri żieda fuq it-EUR 18,4-il biljun tal-2019.
L-esponiment tal-baġit tal-UE għal pagamenti futuri possibbli skont il-Garanzija tal-UE f’termini ta’ operazzjonijiet iffirmati (żborżati u mhux żborżati) kien jammonta għal EUR 24,1 biljun (EUR 18,5-il biljun għall-IIW u EUR 5,6 biljun għall-SMEW).
Fl-ambitu tal-IIW, l-esponiment żborżat pendenti kopert mill-Garanzija tal-UE kien ta’ EUR 16,5-il biljun, li minnhom EUR 15,2-il biljun kienu għal operazzjonijiet ta’ dejn u EUR 1,3 biljun kienu għal operazzjonijiet tat-tip ta’ ekwità.
Jekk ikun hemm xi telf dovut għal dawn l-operazzjonijiet tal-IIW, dan jiġi kopert mill-Garanzija tal-UE skont it-termini stabbiliti fil-Ftehim dwar il-FEIS. B’mod partikolari, il-Garanzija tal-UE fl-ambitu tal-IIW tingħata fil-forma ta’ kopertura tal-ewwel biċċa telf abbażi ta’ portafoll għal operazzjonijiet fl-ambitu tal-Portafolli tad-Dejn tal-IIW u tal-Portafoll tal-Ekwità tal-IIW ġestit mill-banek promozzjonali nazzjonali. Fl-ambitu tal-Portafoll tal-Ekwità tal-IIW Standard, il-Garanzija tal-UE tingħata fil-forma ta’ garanzija sħiħa, dment li l-BEI jinvesti fuq bażi pari passu għar-riskju tiegħu l-istess ammont.
Mill-31 ta’ Diċembru 2020, fl-ambitu tal-SMEW, l-esponiment żborżat pendenti totali kopert mill-Garanzija tal-UE kien ta’ EUR 2,4 biljun, li minnhom EUR 1,7 biljun kienu għal operazzjonijiet ta’ garanzija u li EUR 0,7 biljun kienu għal operazzjonijiet ta’ ekwità.
Jekk ikun hemm xi telf minħabba l-operazzjonijiet ta’ garanzija tal-SMEW, dan ikun kopert primarjament mill-kontribuzzjonijiet tal-Faċilità ta’ Garanziji ta’ InnovFin għall-SMEs, il-Faċilità ta’ Garanzija ta’ Self tal-Programm COSME, il-Faċilità ta’ Garanzija tas-Setturi Kulturali u Kreattivi kif ukoll l-Istrument Finanzjarju ta’ Garanzija għall-EaSI. L-SMEW tal-FEIS jipprovdi kopertura superjuri għal telf ogħla mill-kontribuzzjoni tal-UE. Permezz tal-Prodott Ikkombinat tal-FEIS, il-FEIS ikopri s-segment tat-tieni biċċa telf tal-operazzjonijiet wara l-Istat Membru jew l-Awtorità ta’ Ġestjoni, filwaqt li l-FEI jipprovdi kopertura tar-riskju superjuri komplementari. Permezz tal-Prodott marbut mal-Ħiliet u Edukazzjoni tal-SMEW, il-FEIS jipprovdi garanzija sa 80 % għal kull operazzjoni ffirmata.
Fil-każ tas-sottokomponenti tal-Prodotti ta’ Ekwità tal-SMEW, kwalunkwe telf ikun kopert pro rata mill-Garanzija tal-UE permezz tal-FEIS u tal-FEI, skont il-kontribuzzjonijiet tagħhom speċifikati fil-Ftehim ta’ Garanzija tal-FEIS. Fil-każ tas-sottokomponent 2 tal-Prodotti ta’ Ekwità, l-Istrument Finanzjarju ta’ Ekwità ta’ InnovFin se jkopri l-Ewwel Biċċa Telf. Permezz tal-Prodott ta’ Kreditu Privat tal-SMEW, il-FEIS jipprovdi kopertura għas-segment tal-Ewwel Biċċa Telf, u permezz tal-Azzjoni ta’ Espansjoni tal-SMEW għall-Kapital ta’ Riskju, jipprovdi garanzija sħiħa.
L-ammont fil-mira tal-FG FEIS ġie stabbilit għal 35 % tal-obbligi totali tal-Garanzija tal-UE. Il-valutazzjoni tar-riskju tal-prodotti differenti appoġġati mill-Garanzija tal-UE turi li, b’din ir-rata fil-mira, il-baġit tal-Unjoni jkun protett b’mod adegwat minn talbiet potenzjali taħt il-Garanzija tal-UE, filwaqt li jitqiesu l-irkupri, id-dħul u r-rimborżi minn operazzjonijiet tal-BEI. Għaldaqstant, ir-rata fil-mira ta’ 35 % hija meqjusa adegwata.
Peress li l-FG FEIS - bħala parti mill-kompartiment tas-CPF sa minn Jannar 2021 - għadu fil-fażi ta’ żvilupp sal-2022, il-ħtieġa għal rikapitalizzazzjoni se tiġi vvalutata biss fi stadju aktar tard.