Brussell, 22.9.2025

COM(2025) 507 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-eżerċizzju tad-delega mogħtija lill-Kummissjoni skont id-Direttiva 2008/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards ta’ kwalità ambjentali fil-qasam tal-politika tal-ilma


RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar l-eżerċizzju tad-delega mogħtija lill-Kummissjoni skont id-Direttiva 2008/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards ta’ kwalità ambjentali fil-qasam tal-politika tal-ilma

1. INTRODUZZJONI

Id-Direttiva 2008/105/KE 1 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar standards ta’ kwalità ambjentali fil-qasam tal-politika tal-ilma, kif emendata mid-Direttiva 2013/39/UE 2 , tistabbilixxi standards ta’ kwalità ambjentali għas-sustanzi prijoritarji li taħt id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma 3 (2000/60/KE) ġew identifikati bħala li jippreżentaw riskju sinifikanti fl-UE kollha għall-ekosistemi akkwatiċi jew permezz tagħhom. Id-Direttiva 2008/105/KE hija direttiva “derivata” mid-Direttiva Qafas dwar l-Ilma, li għandha l-għan li tipproteġi, tirrestawra u ssaħħaħ l-istatus tal-ekosistemi akkwatiċi.

Id-Direttiva 2008/105/KE (kif emendata) tagħti s-setgħa lill-Kummissjoni tadotta atti delegati sabiex l-ispeċifikazzjonijiet fil-punt 3 tal-Parti B tal-Anness I tad-Direttiva tadattahom għall-iżviluppi xjentifiċi jew tekniċi, jiġifieri l-ispeċifikazzjonijiet relatati mal-frazzjoni tal-ilma 4 li għaliha japplikaw l-istandards tal-kwalità ambjentali u mal-fatturi li jistgħu jitqiesu meta tiġi vvalutata l-konformità mal-istandards ta’ kwalità ambjentali tal-metalli.

2. BAŻI ĠURIDIKA

Dan ir-rapport huwa meħtieġ skont l-Artikolu 9a(2) tad-Direttiva 2008/105/KE kif emendata bid-Direttiva 2013/39/UE. Skont din id-dispożizzjoni, is-setgħa ta’ adozzjoni tal-atti delegati msemmija fl-Artikolu 3(8) hija mogħtija lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ 6 snin mit-13 ta’ Settembru 2013 u l-Kummissjoni jeħtieġ li tfassal rapport fir-rigward tad-delega tas-setgħa mhux aktar tard minn 9 xhur qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ 6 snin. Id-delega tas-setgħa tiġi estiża awtomatikament għal perjodi ta’ żmien identiċi, sakemm il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma jopponux tali estensjoni f’konformità mal-Artikolu 9a.

3. EŻERĊIZZJU TAD-DELEGA

Fis-17 ta’ Diċembru 2018, il-Kummissjoni adottat l-ewwel rapport għall-Parlament Ewropew u l-Kunsill 5 li jispjega li s-setgħa mogħtija ma kinitx intużat.

 

L-iżviluppi xjentifiċi u tekniċi minn dak iż-żmien ’l hawn għadhom ma ħtiġux adattament ulterjuri tal-punt 3 tal-Parti B tal-Anness I, u għalhekk il-Kummissjoni ma eżerċitatx is-setgħa delegata tagħha matul il-perjodu ta’ rappurtar attwali. Madankollu, jista’ jkun meħtieġ li s-setgħa delegata tintuża fil-futur, b’mod partikolari peress li l-ħtieġa li jitqiesu l-iżviluppi xjentifiċi jew tekniċi rilevanti tista’ ma tikkoinċidix maż-żmien ta’ emendi futuri possibbli oħra lil din id-Direttiva.

4. KONKLUŻJONI

Il-Kummissjoni ma eżerċitatx is-setgħa delegata tagħha mogħtija lilha skont id-Direttiva 2008/105/KE iżda jista’ jkollha l-ħtieġa li tagħmel dan fil-futur. Hija tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex jieħdu nota ta’ dan ir-rapport.

(1)

ĠU L 348, 24.12.2008, p. 84–97

(2)

ĠU L 226, 24.8.2013, p. 1–17

(3)

ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1–73

(4)

jiġifieri l-ilma sħiħ jew il-frazzjoni maħlula.

(5)

COM(2018) 847 final