|
8.7.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 199/5 |
DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
tal-4 ta' Lulju 2014
li tistabbilixxi l-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni għan-nefqa mġarrba minn Spanja fl-2013 għall-finanzjament ta' miżuri ta' emerġenza biex tiġi miġġielda l-influwenza avjarja
(notifikata bid-dokument C(2014) 4437)
(It-test bil-lingwa Spanjola biss huwa awtentiku)
(2014/435/UE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/470/KE tal-25 ta' Mejju 2009 dwar in-nefqa fil-kamp veterinarju (1), u partikolarment l-Artikoli 3(4) u 4(1) tagħha,
Billi:
|
(1) |
Skont l-Artikolu 84 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament u tal-Kunsill (2), l-impenn ta' nefqa mill-baġit tal-Unjoni għandu jkollu qablu deċiżjoni ta' finanzjament li tistabbilixxi l-elementi essenzjali tal-azzjoni li tinvolvi n-nefqa u li tiġi adottata mill-istituzzjoni jew mill-awtoritajiet b'setgħat li ġew delegati lilhom mill-istituzzjoni. |
|
(2) |
Id-Deċiżjoni 2009/470/KE tistabbilixxi l-proċeduri li jirregolaw il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni għal miżuri veterinarji speċifiċi, inklużi miżuri ta' emerġenza. L-Artikolu 4(2) ta' dik id-Deċiżjoni jistipula l-kundizzjonijiet għall-kisba tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni għall-qerda tal-influwenza tat-tjur u l-Artikolu 4(3) ta' dik id-Deċiżjoni jistabbilixxi perċentwal ta' spejjeż imġarrba tal-miżuri ta' emerġenza li għandhom jiġu koperti mill-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni. |
|
(3) |
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 349/2005 (3) jistipula regoli għall-ħlas ta' kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni għal miżuri ta' emerġenza għall-qerda ta' ċertu mard tal-annimali, inkluż l-influwenza tat-tjur. L-Artikolu 7 ta' dak ir-Regolament jistabbilixxi d-dokumenti li għandhom jiġu sottomessi mill-Istat Membru li jitlob il-kontribut finanzjarju u l-iskadenzi biex jintbagħtu dawn id-dokumenti. |
|
(4) |
Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/775/UE (4) tipprovdi għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni fir-rigward tal-ispejjeż ta' miżuri ta' emerġenza biex tiġi miġġielda l-influwenza avjarja isiru minn Spanja fl- 2013. Skont l-Artikolu 1(2) ta' dik id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni l-ammont tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għandu jiġi ffissat f'deċiżjoni sussegwenti. L-Artikolu 2 ta' dik id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni jipprovdi għall-ħlas lil Spanja tal-ewwel pagament tal-ammont ta' EUR 30 000,00. |
|
(5) |
Fis-6 ta' Frar 2014, Spanja ressqet talba uffiċjali għal rimborż akkumpanjata minn rapport finanzjarju, dokumenti ta' sostenn, rapport epidemjoloġiku dwar kull stabbiliment fejn l-annimali inqatlu jew inqerdu. It-talba għar-rimborż tammonta għal EUR 85 580,95. Madankollu, wara l-eżami tad-dokumenti ppreżentati, l-ammont ta' EUR 6 635,73 ġie meqjus bħala mhux eliġibbli għal rimborż skont it-termini tal- Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 349/2005. |
|
(6) |
Il-miżuri stipulati f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni għan-nefqa mġarrba minn Spanja fl- 2013 għall-finanzjament ta' miżuri għall-qerda tal-influwenza tat-tjur hija ffissata għal EUR 78 945,22.
Artikolu 2
Il-bilanċ tal-kontribuzzjoni finanzjarja li jifdal biex titħallas wara t-tnaqqis tal-pagament diġà mħallas ta' EUR 30 000,00 hija stabbilita għal EUR 48 945,22.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni li tikkostitwixxi deċiżjoni ta' finanzjament skont it-tifsira tal-Artikolu 84 tar-Regolament (EU, Euratom) Nru 966/2012 hija indirizzata lir-Renju ta' Spanja.
Magħmul fi Brussell, l-4 ta' Lulju 2014.
Għall-Kummissjoni
Tonio BORG
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 155, 18.6.2009, p. 30.
(2) Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall- baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).
(3) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 349/2005 tat-28 ta' Frar 2005 li jistabilixxi r-regoli rigward il-finanzjament Komunitarju għall-interventi urġenti u l-ġlieda kontra ċertu mard tal-annimali kif imsemmi fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 90/424/KEE (ĠU L 55, 1.3.2005, p. 12).
(4) Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/775/UE tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni għal miżuri ta' emerġenza għall-ġlieda kontra l-influwenza avjarja fil-Ġermanja, fl-Italja u fil-Pajjiżi l-Baxxi fl-2012 u fl-2013 u fid-Danimarka u Spanja fl-2013 (ĠU L 343, 19.12.2013, p. 44).