02010D0346 — MT — 11.11.2019 — 001.001
Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument
|
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI tat-18 ta’ Ġunju 2010 dwar miżuri protettivi fir-rigward tal-anemija infettiva taż-żwiemel fir-Rumanija (notifikata bid-dokument numru C(2010) 3767) (Test b’relevanza għaż-ŻEE) (ĠU L 155 22.6.2010, p. 48) |
Emendata bi:
|
|
|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
||
|
Nru |
Paġna |
Data |
||
|
L 290 |
26 |
11.11.2019 |
||
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI
tat-18 ta’ Ġunju 2010
dwar miżuri protettivi fir-rigward tal-anemija infettiva taż-żwiemel fir-Rumanija
(notifikata bid-dokument numru C(2010) 3767)
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
(2010/346/UE)
Artikolu 1
Miżuri protettivi applikabbli għal equidae, semen, ova u embrijuni ta’ annimali mill-ispeċi tal-ekwini kif ukoll ċerti prodotti tad-demm li ġejjin mill-equidae
1. Ir-Rumanija m’għandhiex tibgħat il-prodotti li ġejjin lil Stati Membri oħra:
(a) equidae minn reġjuni elenkati fl-Anness;
(b) semen ta’ annimali mill-ispeċi tal-ekwini;
(c) ova u embrijuni ta’ annimali mill-ispeċi tal-ekwini;
(d) prodotti tad-demm ġejjin minn equidae.
2. Il-projbizzjoni stabbilita fil-paragrafu 1(a) m’għandhiex tapplika għal equidae minn impriżi barra r-Rumanija li jew:
(a) jgħaddu mir-Rumanija fuq rotot u awtostradi ewlenin; jew
(b) jiġu ttrasportati mir-Rumanija direttament u mingħajr interruzzjoni lejn biċċerija għal qatla immedjata u jkunu akkumpanjati minn ċertifikat tas-saħħa tal-annimali komplut skont il-mudell stabbilit fl-Anness C għad-Direttiva 90/426/KEE.
Artikolu 2
Derogi għal moviment tal-equidae mir-reġjuni elenkati fl-Anness lejn Stati Membri oħra
1. B’deroga mill-Artikolu 1(1)(a), ir-Rumanija tista’ tawtorizza li jintbagħtu kunsinni ta’ equidae lil Stati Membri oħra, sakemm jikkonformaw mal-kundizzjonijiet li ġejjin:
(a) il-konsenja totali tal-equidae trid tkun ġiet:
(i) iżolata skont is-superviżjoni uffiċjali jew stabbiliment approvat mill-awtorità kompetenti bħala ħieles minn anemija infettiva ekwina (“EIA”) (“impriża approvata”); kif ukoll
(ii) miżmuma ‘l bogħod minn kwalunkwe equidae oħra ta’ status ta’ saħħa iktar batut minimu ta’ 200 m għal perjodu ta’ mill-inqas 90 jum qabel id-data ta’ meta tintbagħat il-konsenja;
(b) l-equidae kollha fil-konsenja jridu jkunu għaddew minn test ta’ immunodiffużjoni tal-agar ġel għall-EIA (“it-test tal-AGID”) b’riżultat negattiv li jkun sar fuq kampjuni tad-demm meħuda f’żewġ okkażjonijiet b’90 jum bejniethom; it-tieni kampjun irid ikun inġabar fi żmien 10 ijiem qabel id-data ta’ meta tintbagħat il-konsenja mill-impriża approvata; it-test tal-AGID għandu jissodisfa l-kriterji stabbiliti mill-Kapitolu rilevanti tal-Manwal tat-Testijiet Dijanjostiċi u l-Vaċċini għal Annimali Terrestri 2009 tal-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali OIE) (“il-Manwal”);
(c) it-trasportatur irid jiddokumenta l-arranġamenti li saru biex jiżgura li l-equidae fil-konsenja jintbagħtu mill-impriża direttament lill-post tad-destinazzjoni mingħajr ma jgħaddu minn suq jew ċentru ta’ raggruppar;
(d) fil-każ li l-konsenja tinkludi equidae reġistrati jew equidae għar-riproduzzjoni u l-produzzjoni, l-equidae kollha preżenti fl-impriża approvata waqt it-test ta’ iżolament imsemmi fil-punt (a)(i) iridu jkunu għaddew minn test tal-AGID b’riżultat negattiv li jkun sar fuq kampjuni tad-demm meħuda jew qabel ma jitneħħew mill-impriża waqt il-perjodu ta’ iżolament jew fi żmien 10 ijiem qabel id-data tat-tluq tal-konsenja mill-impriża approvata;
(e) l-equidae kollha fil-konsenja jridu jiġu mmarkati billi jiġi impjantat fihom transponder elettroniku u jridu jiġu identifikati permezz ta’ dokument ta’ identifikazzjoni wieħed għall-equidae jew permezz ta’ passaport previst fl-Artikolu 5(1) tar-Regolament (KE) Nru 504/2008 li għandu jiddikjara:
(i) in-numru li jidher meta jinqara t-transponder elettroniku impjantat fil-punt (5) tal-Parti A tat-Taqsima I ta’ dak id-dokument;
(ii) it-test tal-AGID previst fil-punti (b) u (d) ta’ dan il-paragrafu u r-riżultati tagħhom fit-Taqsima VII ta’ dak id-dokument;
(f) il-kontrolli relatati mal-ġurnal tal-vjaġġ imwettqa skont l-Artikolu 14(1)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 għandhom ikunu sodisfaċenti u ma għandhomx jeħtieġu li jintbagħtu dettalji lil post ta’ kontroll li jinsab fl-Istat membru tat-tranżitu skont l-Artikolu 14(1)(d) ta’ dak ir-Regolament;
(g) l-equidae fil-konsenja għandhom jiġu akkumpanjati minn ċertifikat tas-saħħa tal-annimali komplut kif dovut skont il-mudell stabbilit fl-Anness C għad-Direttiva 90/426/KEE, li għandu jindika l-post tad-destinazzjoni u jinkludi l-kliem addizzjonali li ġejjin:
“L-equidae mibgħuta skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/346/UE ( *1 ).
2. B’deroga mill-punt 1(b), l-ewwe test tal-AGID, li jrid jitwettaq fuq kampjuni li jittieħdu mill-inqas 90 jum qabel it-tluq, jista’ ma jkunx meħtieġ fil-kundizzjonijiet li ġejjin:
(a) l-Istat Membru tad-destinazzjoni jkun ta deroga bħal din f’applikazzjoni tal-miżuri previsti fl-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 90/426/KEE; jew
(b) l-equidae jkunu ddestinati għat-trasport dirett lill-biċċerija u nġabru fl-impriża approvata minn impriżi ċċertifikati ħielsa mill-EIA skont il-programm nazzjonali ta’ kontroll EIA fis-seħħ.
Artikolu 3
Deroga mill-moviment ta’ equidae mir-reġjuni elenkati fl-Anness għal Stati Membri oħra fir-rigward ta’ żwiemel irreġistrati li jipparteċipaw f’ċerti kompetizzjonijiet u avvenimenti
B’deroga minn Artikolu 2(1)(a), (b), (c), (d) u (f), ir-Rumanija tista’ tawtorizza t-tluq ta’ konsenji lejn Stati Membri oħra ta’ żwiemel irreġistrati għall-parteċipazzjoni f’kompetizzjonijiet organizzati taħt l-awspiċi tal-World Equestrian Federation (FEI), jew f’avvenimenti internazzjonali ewlenin tat-tlielaq taż-żwiemel, sakemm jikkonformaw mal-kundizzjonijiet li ġejjin:
(a) iż-żwiemel iridu jkunu għaddew minn test tal-AGID, b’riżultat negattiv li jkun sar skont il-kriterji stabbiliti mill-Manwal, fuq kampjun tad-demm meħud fi żmien 10 ijiem qabel id-data tat-tluq mill-impriża approvata;
(b) l-equidae kollha fuq l-impriża approvata u ġewwa perimetru ta’ 200 m madwar l-impriża approvata ikunu għaddew minn test tal-AGID imwettaq b’riżultati negattivi fuq kampjun tad-demm meħud bejn 90 u 180 jum qabel id-data tal-moviment maħsub;
(c) il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2(1)(e) u (g).
Artikolu 4
Restrizzjonijiet fil-każ ta’ riżultati pożittivi għat-test tal-AGID
Fil-każ ta’ riżultat pożittiv għal xi wieħed mit-testijiet tal-AGID previsti fil-punti (b) u (d) tal-Artikolu 2(1) u punt (a) tal-Artikolu 3 ta’ din id-Deċiżjoni, l-impriża approvata kollha għandha titqiegħed taħt restrizzjoni ta’ moviment sakemm il-miżuri previsti fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(5)(a) tad-Direttiva 90/426/KEE ikunu tlestew.
Artikolu 5
Derogi għal semen, ova u embrijuni ffriżati tal-ispeċi tal-ekwini u prodotti tad-demm ġejjin minn equidae
1. B’deroga mill-Artikolu 1(1)(b), ir-Rumanija tista’ tawtorizza l-konsenja lejn Stati Membri oħra ta’ semen iffriżat ta’ equidae li jikkonforma mar-rekwiżiti tal-punti 1.6(c), 1.7 u 1.8 tal-Kapitolu II (I) tal-Anness D għad-Direttiva 92/65/KEE.
2. B’deroga mill-Artikolu 1(1)(c), ir-Rumanija tista’ tawtorizza konsenji għall-Istati Membri l-oħra ta’ embrijuni ffriżati meħuda minn debeb donaturi li għaddew minn test tal-AGID li twettaq b’riżultati negattivi jew kampjuni ta’ demm li ttieħdu f’żewġ okkażjonijiet b’90 jum bejniethom; it-tieni kampjun irid ikun ħa bejn 30 u 45 jum wara id-data tal-ġbir tal-embrijuni.
3. Il-konsenji tas-semen u l-embrijuni ffriżati msemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandhom jiġu akkumpanjati minn ċertifikat tas-saħħa tal-annimali stabbilit għall-konsenja kkonċernata skont l-Artikolu 11(5) tad-Direttiva 92/65/KEE li għandu jinkludi l-kliem li ġejjin:
“Semen/embrijuni (ħassar dak li mhux applikabbli) tal-ispeċi ekwini mibgħuta skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/346/UE ( *2 ).
4. B’deroga mill-Artikolu 1(1)(b), ir-Rumanija tista’ tawtorizza l-konsenja lejn Stati Membri oħra ta’ semen iffriżat ta’ equidae li jikkonforma mar-rekwiżiti tal-Kapitolu V(A) tal-Anness VIII għar-Regolament(KE) Nru 1774/2002.
Artikolu 6
Obbligi addizzjonali dwar ir-Rumanija
Ir-Rumanija għandha tiżgura li:
(a) l-isem u l-lokazzjoni ġeografika tal-impriżi approvati u l-isem u l-kapaċità professjonali tal-veterinarju uffiċjali responsabbli għall-impriża approvata u l-iffirmar taċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali msemmi fil-punt (g) tal-Artikolu 2(1) u l-Artikolu 5(3) jiġu kkomunikati lill-Kummissjoni u l-Istati Membri l-oħra;
(b) il-laboratorju uffiċjali li jwettaq it-testijiet tal-AGID previsti fil-punti (b) u (d) tal-Artikolu 2(1) u l-Artikolu 3:
(i) jikkonforma mar-rekwiżiti tal-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 882/2004;
(ii) sal-31 ta’ Diċembru 2010 u kull sena wara din id-data, jgħaddi minn test annwali ta’ profiċjenza f’kollaborazzjoni mal-Laboratorju ta’ Referenza tal-Unjoni Ewropea għall-mard tal-ekwini minbarra l-marda Afrikana taż-żwiemel;
(c) kampjuni tad-demm duplikati jinżammu fil-laboratorju uffiċjali msemmi fil-punt (b) għal kull test tal-AGID li jsir fi ħdan 10 ijiem mid-data tat-tluq skont il-punti (b) u (d) tal-Artikolu 2(1) u l-Artikolu 3 għal perjodu ta’ mill-inqas 90 jum, sakemm:
(i) il-mewt ta’ dak l-annimal ikun ġie nnotifikat skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (KE) Nru 504/2008; jew
(ii) jiġi rrapportat riżultat negattiv għat-test tal-AGID msemmi fl-Artikolu 7(1)(b) qabel ma jgħaddi l-perjodu tad-90 ġurnata;
(d) il-moviment jiġi prenotifikat lid-destinazzjoni permezz tat-TRACES mill-inqas 36 siegħa qabel il-ħin tal-wasla.
Artikolu 7
Obbligi tal-Istati Membri fil-post tad-destinazzjoni
1. L-Istati Membri tal-post tad-destinazzjoni għandhom jiżguraw li fejn il-moviment tal-equidae msemmi fil-punt (b) tal-Artikolu 2(1) ikun prenotifikat skont il-punt (d) tal-Artikolu 6, mal-wasla tagħhom fil-post tad-destinazzjoni, l-equidae ikunu jew:
(a) imbiċċra qabel mhux iktar minn 72 siegħa mill-ħin tal-wasla fil-biċċerija nnotifikat lill-awtoritajiet kompetenti permezz tat-TRACES; 10 % tal-konsenji li jaslu fil-biċċerija skont din id-Deċiżjoni jridu jiġu suġġetti għal test tal-AGID ta’ wara l-wasla; jew
(b) iżolati taħt is-superviżjoni uffiċjali veterinarja fl-impriża tad-destinazzjoni indikata fiċ-ċertifikat imsemmi fil-punt (g) tal-Artikolu 2(1) għal mill-inqas 30 jum u f’distanza ta’ mill-inqas 200 m ‘l bogħod minn kull equidae ieħor jew f’kundizzjonijiet protetti minn vekters, u jkunu suġġetti għal test tal-AGID b’riżultati negattivi mwettaq fuq kampjun tad-demm li jkun ittieħed mhux qabel 28 jum wara d-data tal-bidu tal-perjodu ta’ iżolament.
2. Bla ħsara għall-Artikolu 1(1)(b), l-Istati Membri għandhom jiżguraw li waqt perjodu ta’ 90 jum wara d-data tal-wasla tal-equidae msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 2(1) fl-impriża tad-destinazzjoni msemmija fil-paragrafu 1(b) ta’ dan l-Artikolu, l-equidae jistgħu jintbagħtu biss minn dik l-impriża lejn Stat Membru ieħor jekk:
(a) ikunu għaddew minn test tal-AGID b’riżultat negattiv li jkun sar fuq kampjun tad-demm meħud 10 ijiem qabel id-data tat-tluq; kif ukoll
(b) jiġu akkumpanjati minn ċertifikat tas-saħħa tal-annimali skont il-mudell stabbilit fl-Anness C għad-Direttiva 90/426/KEE.
Artikolu 8
Obbligi ta’ rappurtar
L-Istati Membri affettwati mill-kummerċ tal-equidae u s-semen, l-ova u l-embrijuni tagħhom skont din id-Deċiżjoni għandhom b’mod regolari, iżda talanqas kull tliet (3) xhur, jirrapportaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra fil-laqgħat tal-Kumitat Permanenti fuq il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali.
Artikolu 9
Spejjeż ta’ proċeduri amministrattivi
1. Ir-Rumanija għandha tieħu l-miżuri meħtieġa, inkluż miżuri legali meta jinħtieġ, biex tiżgura li l-ispejjeż tal-proċeduri amministrattivi addizzjonali, inkluż kwalunkwe testijiet tal-laboratorju meħtieġa jew investigazzjonijiet ta’ aġġornament, relatati mal-moviment tal-equidae, is-semen, l-ova u l-embrijuni u s-serum ġejjin minn equidae minn dak l-Istat Membru skont l-Artikoli 2,3 u 5 jiġġarbu bis-sħiħ mill-konsenjatur tal-equidae jew il-prodotti tagħhom.
2. L-Istati Membri tal-post tad-destinazzjoni għandhom jadottaw il-miżuri neċessarji, anke dawk ta’ natura ġuridika, biex jiżguraw li l-ispejjeż tal-proċeduri amministrattivi addizzjonali, inkluż kull ittestjar tal-laboratorju jew investigazzjoni ta’ segwitu sakemm jitlestew il-miżuri stipulati fl-Artikolu 7, relatati mal-moviment tal-equidae mir-Rumanija skont l-Artikoli 2 u 3, jiġġarbu bis-sħiħ mid-destinatarju tal-equidae.
Artikolu 10
Revoka
Id-Deċiżjoni 2007/269/KE hija revokata.
Artikolu 11
Destinatarji
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.
ANNESS
Reġjuni kif imsemmija fl-Artikolu 1(1)(e):
|
Stat Membru |
Reġjun |
Kumment |
|
Ir-Rumanija |
Bihor |
|
|
|
Satu Mare |
|
|
|
Maramureș |
|
|
|
Bistriț-Năsăud |
|
|
|
Sălaj |
|
|
|
Cluj |
|
|
|
Mureș |
|
|
|
Harghita |
|
|
|
Alba |
|
|
|
Sibiu |
|
|
|
Brașov |
|
|
|
Hunedora |
|
|
|
Caraș-Severin |
|
|
|
Gorj |
|
|
|
Vâlcea |
|
|
|
Tulcea |
|
( *1 ) ĠU L 155, 22.6.2010, p. 48.”
( *2 ) ĠU L 155, 22.6.2010, p. 48.”