European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/2608

8.10.2024

REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/2608

tas-7 ta’ Ottubru 2024

li jemenda l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-użu taċ-ċelluloża fi trab (E 460 (ii)) u tal-glukono-delta-latton (E 575) fi prodotti tal-ġobon artab u mhux misjur li jistgħu jiddellku

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-addittivi tal-ikel (1), b’mod partikolari l-Artikolu 10(3) tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1331/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 li jistabbilixxi proċedura ta’ awtorizzazzjoni komuni għall-addittivi tal-ikel, l-enzimi tal-ikel u l-aromatizzanti tal-ikel (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 7(5) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 jistabbilixxi lista tal-Unjoni ta’ addittivi tal-ikel approvati għall-użu fl-ikel u l-kundizzjonijiet tal-użu tagħhom.

(2)

Il-lista tal-Unjoni tal-addittivi tal-ikel tista’ tiġi aġġornata f’konformità mal-proċedura komuni msemmija fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008, fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni jew wara applikazzjoni minn Stat Membru jew minn parti interessata.

(3)

Skont l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008, iċ-ċelluloża fi trab (E 460 (ii)) u l-glukono-delta-latton (E 575) huma awtorizzati għall-użu bħala addittivi tal-ikel f’varjetà wiesgħa ta’ ikel.

(4)

Fit-28 ta’ Lulju 2022, tressqu żewġ applikazzjonijiet lill-Kummissjoni għall-awtorizzazzjoni tal-użu taċ-ċelluloża fi trab (E 460 (ii)) u l-glukono-delta-latton (E 575) fi prodotti tal-ġobon artab u mhux misjur li jistgħu jiddellku, taħt il-kategorija tal-ikel 01.7.6 “Prodotti tal-ġobon (minbarra prodotti fil-kategorija 16)”. Sussegwentement l-applikazzjonijiet saru disponibbli għall-Istati Membri skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008.

(5)

Iċ-ċelluloża fi trab (E 460 (ii)) u l-glukono-delta-latton (E 575) huma maħsuba għall-użu fil-produzzjoni ta’ prodotti tal-ġobon artab u mhux misjur li jistgħu jiddellku. Il-glukono-delta-latton (E 575) jaċidifika t-taħlita tal-ħalib u jikkoagula l-kaseina fi żmien qasir permezz ta’ tnaqqis ikkontrollat tal-pH mingħajr l-użu ta’ batterji tal-aċidu lattiku. Iċ-ċelluloża fi trab (E 460 (ii)) tgħaqqad ix-xorrox u tipprevjeni s-separazzjoni tiegħu mill-baqta, filwaqt li tiżgura prodott stabbli matul il-ħajja tiegħu fuq l-ixkaffa. Għalhekk, l-użu maħsub taċ-ċelluloża fi trab (E 460 (ii)) u tal-glukono-delta-latton (E 575) jirriżulta fi proċess ta’ produzzjoni aktar effiċjenti li jeħtieġ inqas materja prima, enerġija u ħin.

(6)

Skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008, il-Kummissjoni trid titlob l-opinjoni tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) biex taġġorna l-lista tal-Unjoni tal-addittivi tal-ikel stabbilita fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008, għajr meta l-aġġornament inkwistjoni mhuwiex mistenni li jkollu effett fuq is-saħħa tal-bniedem.

(7)

Fis-16 ta’ Jannar 2018, l-Awtorità ppubblikat opinjoni xjentifika li fost oħrajn tirrivaluta s-sigurtà taċ-ċelluloża fi trab (E 460(ii)) bħala addittiv tal-ikel (3). L-Awtorità kkonkludiet li ma kienx hemm bżonn ta’ “doża aċċettabbli ta’ kuljum” (ADI) numerika u li ma jkun hemm l-ebda tħassib għas-sigurtà fl-użi u fil-livelli tal-użu rrapportati għaċ-ċellulożi mhux modifikati u modifikati (E 460(i), E 460(ii), E 461–466, E 468 u E 469). Din il-konklużjoni tintlaħaq għal sustanzi li jkunu ta’ tħassib żgħir ħafna rigward is-sigurtà u biss jekk tkun teżisti informazzjoni affidabbli kemm dwar l-esponiment kif ukoll dwar it-tossiċità, u li l-probabbiltà li jkun hemm effetti negattivi fuq is-saħħa tal-bnedmin f’dożi li ma jwasslux għal żbilanċ nutrittiv fl-annimali tkun żgħira (4).

(8)

Is-sigurtà tal-glukono-delta-latton (E 575) ġiet evalwata fl-1990 mill-Kumitat Xjentifiku dwar l-Ikel, li stabbilixxa l-ADI tiegħu bħala “mhux speċifikata” (5). It-terminu “mhux speċifikata” jfisser li, abbażi tad-data tossikoloġika, bijokimika u klinika disponibbli, id-doża aċċettabbli ta’ kuljum tas-sustanza, li tittieħdet mill-preżenza naturali tagħha fl-ikel u mill-użu jew l-użi attwali tagħha fl-ikel fil-livelli meħtieġa biex jinkiseb l-effett teknoloġiku mixtieq, mhix periklu għas-saħħa. Fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 257/2010 (6), il-Kummissjoni qieset li l-glukono-delta-latton (E 575) kien ta’ tħassib baxx u li l-evalwazzjoni mill-ġdid tiegħu ma kinitx prijorità għolja minħabba n-nuqqas ta’ evidenza sostantiva ġdida li tiddubita l-evalwazzjoni u fid-dawl tar-Rapport mill-Kummissjoni dwar il-Konsum fid-Dieta tal-Addittivi tal-Ikel fl-UE (7) tal-2001 u tar-rapport “Addittivi tal-ikel fl-Ewropa 2000” (8) ippreżentat mill-Kunsill Nordiku tal-Ministri lill-Kummissjoni, li jipprovdi informazzjoni addizzjonali għall-prijoritizzazzjoni tal-addittivi għall-evalwazzjoni mill-ġdid. Għall-istess raġunijiet u sakemm issir l-evalwazzjoni mill-ġdid tal-glukono-delta-latton (E 575) taħt dak il-programm, il-Kummissjoni tqis li l-konklużjoni milħuqa mill-Kumitat Xjentifiku għall-Ikel għadha valida.

(9)

Mhuwiex meħtieġ li tintalab l-opinjoni tal-Awtorità peress li l-użu taċ-ċelluloża fi trab (E 460 (ii)) bħala stabbilizzatur u tal-glukono-delta-latton (E 575) bħala regolatur tal-aċidità fi prodotti tal-ġobon artab u mhux misjur li jistgħu jiddellku mhuwiex mistenni li jkollu effett fuq is-saħħa tal-bniedem.

(10)

Għalhekk, l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan.

(11)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 huwa emendat skont l-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ Ottubru 2024.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 354, 31.12.2008, p. 16, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2008/1333/oj.

(2)   ĠU L 354, 31.12.2008, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2008/1331/oj.

(3)  L-Opinjoni Xjentifika dwar ir-rivalutazzjoni taċ-ċellulożi E 460(i), E 460(ii), E 461, E 462, E 463, E 464, E 465, E 466, E 468 u E 469 bħala addittivi tal-ikel (EFSA Journal 2018;16(1):5047, 104 pp., https://doi.org/10.2903/j.efsa.2018.5047).

(4)  Dikjarazzjoni dwar qafas kunċettwali għall-valutazzjoni tar-riskju ta’ ċerti addittivi tal-ikel ivvalutati mill-ġdid skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 257/2010 (EFSA Journal 2014;12(6):3697, 11 pp., https://www.efsa.europa.eu/en/efsajournal/pub/3697).

(5)  Reports of the Scientific Committee for Food, Twenty-fifth series, 1991 (https://food.ec.europa.eu/system/files/2020-12/sci-com_scf_reports_25.pdf).

(6)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 257/2010 tal- 25 ta’ Marzu 2010 li jistabbilixxi programm għar-rivalutazzjoni tal-addittivi tal-ikel approvati skont ir-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-addittivi tal-ikel (ĠU L 80, 26.3.2010, p. 19, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2010/257/oj).

(7)  COM(2001) 542 final.

(8)  Adittivi fl-Ikel fl-Ewropa 2000, Stat ta' valutazzjonijiet ta’ sigurtà tal-adittivi fl-ikel li huma bħalissa permessi fl-UE, il-Kunsill Nordiku tal-Ministri, TemaNord 2002:560.


ANNESS

Fil-Parti E tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008, il-kategorija tal-ikel 01.7.6 “Prodotti tal-ġobon (minbarra prodotti fil-kategorija 16)” hija emendata kif ġej:

(a)

l-entrata għaċ-ċelluloża fi trab (E 460) hija sostitwita b’dan li ġej:

 

“E 460(ii)

Ċelluloża fi trab

quantum satis

 

prodotti misjura u prodotti mhux misjura maħkuka u mqattgħin f’biċċiet biss; prodotti tal-ġobon artab u mhux misjur li jistgħu jiddellku”

(b)

l-entrata għall-glukono-delta-lakton (E 575) hija sostitwita b’dan li ġej:

 

“E 575

Glukono-delta-lakton

quantum satis

 

prodotti misjura biss; prodotti tal-ġobon artab u mhux misjur li jistgħu jiddellku”


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/2608/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)