Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)

12 ta’ Novembru 2026 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Servizzjanti tal-kreditu u xerrejja tal-kreditu – Direttiva (UE) 2021/2167 – Relazzjonijiet mal-persuna li tissellef, komunikazzjoni tat-trasferiment u komunikazzjonijiet ulterjuri – Artikolu 10(1) – Impriża li xtrat self skadut – Proċedura għal ordni ta’ ħlas kontra l-persuna li tissellef-konsumatur – Preskrizzjoni ta’ kreditu – Evalwazzjoni ex officio mill-qorti nazzjonali – Protezzjoni tal-konsumaturi – Prattiċi kummerċjali żleali tal-impriżi fil-konfront tal-konsumaturi – Direttiva 2005/29/KE”

Fil-Kawża C‑476/25 [Seruel] (i),

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Juzgado de Primera Instancia no 1 de Fuenlabrada (il-Qorti tal-Ewwel Istanza Nru 1 ta’ Fuenlabrada, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tas‑17 ta’ Lulju 2025, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑17 ta’ Lulju 2025, fil-proċedura

Investcapital Ltd

vs

F.C.T.,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),

komposta minn Z. Csehi, President tal-Awla, M. Gavalec u F. Schalin (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: V. Di Bucci,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Investcapital Ltd, minn C. Sarmiento Cuenca, procuradora, u B. Tortosa Bañuls, abogada,

–        għall-Gvern Spanjol, minn S. Núñez Silva, bħala aġent,

–        għall-Gvern Taljan, minn S. Fiorentino, bħala aġent, assistit minn C. De Nicola, procuratore dello Stato,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Manzaneque Valverde u D. Triantafyllou, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstemgħet l-Avukata Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva (UE) 2021/2167 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑24 ta’ Novembru 2021 dwar is-servizzjanti tal-kreditu u x-xerrejja tal-kreditu u li temenda d-Direttivi 2008/48/KE u 2014/17/UE (ĠU 2021, L 438, p. 1).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Investcapital Ltd, kumpannija rregolata mid-dritt Malti, u F.C.T., konsumatur residenti fi Spanja, dwar il-ħlas ta’ somom dovuti b’eżekuzzjoni ta’ kuntratt ta’ self.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva 2005/29/KE

3        L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali) (ĠU 2005, L 149, p. 22, rettifika fil-ĠU 2006, L 114, p. 86), intitolat “Ommissjonijiet qarrieqa”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Prattika kummerċjali għandha titqies bħala qarrieqa meta, fil-kuntest fattwali tagħha, b’kont meħud tal-karatteristiċi u ċ-ċirkostanzi kollha tagħha u tal-limitazzjonijiet tal-mezz ta’ komunikazzjoni, tħalli barra tagħrif importanti li l-konsumatur medju għandu bżonn, skond il-kuntest, sabiex jieħu deċiżjoni transazzjonali informata u għaldaqstant tikkawża li l-konsumatur medju jieħu deċiżjoni transazzjonali li ma kienx jieħu f’ċirkostanzi oħra.”

4        L-Artikolu 8 tad-Direttiva 2005/29, li huwa intitolat “Prattiċi kummerċjali aggressivi”, jipprovdi:

“Prattika kummerċjali għandha titqies bħala aggressiva jekk, fil-kuntest fattwali tagħha, b’kont meħud tal-karatteristiċi u ċ-ċirkostanzi kollha tagħha, permezz ta’ fastidju, kostrizzjoni, inkluż l-użu tal-forza fiżika, jew ta’ influwenza mhux xierqa, tfixkel b’mod sinifikanti jew x’aktarx tfixkel konsiderevolment il-libertà ta’ l-għażla jew l-imġieba tal-konsumatur medju fir-rigward tal-prodott u b’hekk tikkawża jew x’aktarx tikkawża li huwa jieħu deċiżjoni transazzjonali li ma kienx jieħu f’ċirkostanzi oħra.”

5        L-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva, li huwa intitolat “Użu ta’ fastidju, kostrizzjoni u influwenza mhux xierqa”, jipprovdi:

“Fid-determinazzjoni jekk prattika kummerċjali tużax il-fastidju, il-kostrizzjoni, inkluż l-użu tal-forza fisika, jew l-influwenza mhux xierqa, għandu jittieħed kont ta’ dawn li ġejjin:

[...]

e)      kwalunkwe theddida li tiġi meħuda kwalunkwe azzjoni li legalment ma tistax tittieħed.”

 Id-Direttiva 2021/2167

6        Il-premessi 20, 21, 52 u 61 tad-Direttiva 2021/2167 jistabbilixxu:

“(20)      Is-servizzjanti tal-kreditu u x-xerrejja tal-kreditu jenħtieġ li dejjem jaġixxu in bona fide, jittrattaw lill-mutwatarji b’mod ġust u jirrispettaw il-privatezza tagħhom. Dawn jenħtieġ li la jagħmlu ħsara u lanqas jagħtu informazzjoni qarrieqa lill-mutwatarji. Qabel l-ewwel ġbir tad-dejn u kull meta jintalbu mill-mutwatarji, jenħtieġ li jipprovdu informazzjoni lill-mutwatarji dwar, fost l-oħrajn, it-trasferiment li seħħ, l-identifikazzjoni u d-dettalji ta’ kuntatt tax-xerrej tal-kreditu u tas-servizzjant tal-kreditu, fejn jinħatar wieħed, kif ukoll informazzjoni dwar l-ammonti dovuti mill-mutwatarju u dikjarazzjoni li tgħid li l-liġijiet rilevanti kollha tal-Unjoni u nazzjonali jibqgħu japplikaw.

(21)      Barra minn hekk, din id-Direttiva ma tnaqqasx il-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumatur u, sal-punt sa fejn ix-xerrejja tal-kreditu jikkwalifikaw bħala kredituri skont id-Direttivi 2008/48/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ April 2008 dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE (ĠU 2008, L 133, p. 66),] u 2014/17/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [tal‑4 ta’ Frar 2014, dwar kuntratti ta’ kreditu għall-konsumaturi marbutin ma’ proprjetà immobbli residenzjali u li temenda d-Direttivi 2008/48/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU 2014, L 60, p. 34), jenħtieġ li dawn ikunu soġġetti għal obbligi speċifiċi stabbiliti mill-Artikolu 20 tad-Direttiva [2008/48] u l-Artikolu 35 tad-Direttiva [2014/17]. Barra minn hekk, din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għall-protezzjoni tal-konsumaturi ggarantita mid-Direttiva [2005/29], li tipprojbixxi prattiki kummerċjali inġusti inkluż dawk imwettqa matul l-infurzar tal-kuntratt fejn konsumatur jiġi mqarraq dwar id-drittijiet jew l-obbligi tal-konsumatur, jew inkella jkun soġġett għal fastidju, koerċizzjoni jew influwenza indebita inkluż f’termini ta’ ħin, post, natura jew persistenza ta’ azzjonijiet ta’ infurzar, f’termini tal-użu ta’ theddid jew lingwaġġ jew imġiba abbużivi, jew f’termini tat-theddid li tittieħed kwalunkwe azzjoni li ma tistax tittieħed legalment.

[...]

(52)      Sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur, il-liġi tal-Unjoni u dik nazzjonali jipprevedu għadd ta’ drittijiet u salvagwardji marbuta mal-kuntratti ta’ kreditu mogħtija lill-konsumaturi. Dawk id-drittijiet u salvagwardji japplikaw b’mod partikolari għan-negozjar u għall-konklużjoni tal-kuntratt ta’ kreditu, għall-użu ta’ prattiki kummerċjali inġusti min-negozju għall-konsumatur kif stabbilit fid-[Direttiva 2005/29] u għall-produttività jew għall-inadempjenza tal-kuntratt ta’ kreditu. [...] Bħala prinċipju ġenerali, jenħtieġ li jiġi żgurat li l-mutwatarji ma jkunux jinsabu f’sitwazzjoni agħar wara t-trasferiment tal-kuntratt ta’ kreditu tagħhom minn istituzzjoni ta’ kreditu jew servizzjant tal-kreditu. Din id-Direttiva jenħtieġ li ma timpedixxix lill-Istati Membri milli japplikaw dispożizzjonijiet aktar stretti biex jipproteġu lill-mutwatarji.

[...]

(61)      Ladarba l-għan ta’ din id-Direttiva, jiġifieri li jissaħħaħ l-iżvilupp ta’ swieq sekondarji għal NPLs fl-Unjoni [Ewropea] filwaqt li tiġi żgurata aktar protezzjoni msaħħa għall-mutwatarji, partikularment il-konsumaturi, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri imma, minħabba l-iskala u l-effetti tiegħu, jista’ jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà, kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat [UE]. [...]”

7        L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2021/2167, intitolat “Suġġett”, huwa fformulat kif ġej:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi qafas u rekwiżiti komuni għal:

a)      servizzjanti tal-kreditu tad-drittijiet ta’ kreditur fl-ambitu ta’ kuntratt ta’ kreditu improduttiv jew tal-kuntratt ta’ kreditu improduttiv innifsu maħruġ minn istituzzjoni ta’ kreditu stabbilita fl-Unjoni, li jaġixxu f’isem xerrej tal-kreditu;

b)      xerrejja tal-kreditu tad-drittijiet ta’ kreditur fl-ambitu ta’ kuntratt ta’ kreditu improduttiv jew tal-kuntratt ta’ kreditu improduttiv innifsu, maħruġ minn istituzzjoni ta’ kreditu stabbilita fl-Unjoni.”

8        L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jistabbilixxi fil-paragrafu 2 tiegħu:

“Fir-rigward tal-kuntratti ta’ kreditu li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, din id-Direttiva la għandha taffettwa l-prinċipji tad-dritt kuntrattwali u lanqas il-prinċipji tad-dritt ċivili skont il-liġi nazzjonali fir-rigward tat-trasferiment tad-drittijiet ta’ kreditur fl-ambitu ta’ kuntratt ta’ kreditu, jew tal-kuntratt ta’ kreditu nnifsu, u lanqas il-protezzjoni mogħtija lill-konsumaturi jew lill-mutwatarji skont, b’mod partikolari, ir-Regolamenti 593/2008 [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Ġunju 2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I) (ĠU 2008, L 177, p. 6),] u (UE) Nru 1215/2012 [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1)], u tad-Direttivi [tal-Kunsill] 93/13/KEE [tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288)], [2008/48] u [2014/17], kif ukoll taħt id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu dawk id-Direttivi jew liġijiet nazzjonali oħra li jirregolaw il-protezzjoni tal-konsumatur u d-drittijiet tal-mutwatarji.”

9        L-Artikolu 10 tad-Direttiva 2021/2167 intitolat “Relazzjoni mal-mutwatarju, komunikazzjoni tat-trasferiment u komunikazzjonijiet sussegwenti”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li x-xerrejja u s-servizzjanti tal-kreditu, fir-relazzjonijiet tagħhom mal-mutwatarji:

a)      jaġixxu in bona fide, b’mod ġust u b’mod professjonali;

b)      jagħtuhom informazzjoni li ma tkunx qarrieqa, ambigwa jew falza;

c)      jirrispettaw u jipproteġu l-informazzjoni personali u l-privatezza tal-mutwatarji;

d)      jikkomunikaw mal-mutwatarji b’mod li ma jikkostitwixxix fastidju, koerċizzjoni jew influwenza indebita.”

 Id-dritt Spanjol

 Il-Kodiċi Ċivili

10      L-Artikolu 1961 tal-Código Civil (il-Kodiċi Ċivili), ippubblikat mir-Real Decreto por el que se publica el Código Civil (id-Digriet Irjali dwar il-Pubblikazzjoni tal-Kodiċi Ċivili), tal‑24 ta’ Lulju 1889 (Gaceta de Madrid Nru 206, tal‑25 ta’ Lulju 1889, p. 249), jipprevedi:

“L-azzjonijiet huma preskritti mis-sempliċi skadenza tat-terminu previst mil-liġi.”

11      L-Artikolu 1964(2) ta’ dan il-kodiċi jipprevedi:

“L-azzjonijiet personali li ma jkunux suġġetti għal terminu partikolari għandhom jiġu preskritti wara ħames snin mill-jum li fih l-obbligu jitqies li huwa applikabbli. [...]”

 Il-Liġi 1/2000 li tistabbilixxi l-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili

12      L-Artikolu 812(1) tal-Ley 1/2000 de Enjuiciamiento Civil (il-Liġi 1/2000 dwar il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili), tas‑7 ta’ Jannar 2000 (BOE Nru 7, tat‑8 ta’ Jannar 2000, p. 575), jipprovdi:

“Tista’ tirrikorri għall-proċedura ta’ ordni ta’ ħlas kull persuna li titlob mingħand ħaddieħor il-ħlas ta’ dejn pekunjarju ċert, dovut u skadut, ikun xi jkun l-ammont tiegħu [...]”

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

13      Fil‑25 ta’ Novembru 2015, F.C.T., li hija l-konvenuta fil-kawża prinċipali, u I.C.G. ikkonkludew kuntratt ta’ self ma’ Nuevo Micro Bank SAU. Is-self kellu kapital nominali ta’ EUR 3 450 u rata perċentwali annwali ta’ imposta ta’ 16.47 %. Huwa kellu jiġi rrimborsat mill‑1 ta’ Diċembru 2015 f’36 pagament mensili. Għalhekk, l-iskadenza finali prevista għas-self kienet l‑1 ta’ Diċembru 2018.

14      Fl‑1 ta’ Lulju 2016, ġiet iddikjarata l-iskadenza tas-self b’mod antiċipat, konformement mal-kundizzjonijiet kuntrattwali, minħabba n-nuqqas ta’ osservanza mill-persuni li jissellfu tal-obbligu ta’ rimbors.

15      Fit‑23 ta’ Lulju 2024, Nuevo Micro Bank ittrasferixxa lil Investcapital ċerti krediti, fosthom dak relatat mas-self ta’ F.C.T.

16      Fis‑7 ta’ Frar 2025, Investcapital ressqet talba għal ordni ta’ ħlas kontra F.C.T. quddiem il-Juzgado de Primera Instancia no 1 de Fuenlabrada (il-Qorti tal-Ewwel Istanza Nru 1 ta’ Fuenlabrada, Spanja), li hija l-qorti tar-rinviju. Matul il-proċedura fil-kawża prinċipali, din il-qorti stiednet lil Investcapital turi li t-terminu ta’ preskrizzjoni tal-kreditu kien ġie interrott. Fl-ewwel nota, din il-kumpannija sostniet li t-terminu ta’ preskrizzjoni kien ġie interrott diversi drabi mingħajr ma pproduċiet provi f’dan ir-rigward. Fit-tieni nota, hija pproduċiet ittra ta’ lment bid-data tas‑7 ta’ Awwissu 2024 u indirizzata lill-persuna li tissellef in solidum, jiġifieri I.C.G. Madankollu, skont il-qorti tar-rinviju, ma huwiex ipprovat li din l-ittra kienet intbagħtet mill-imsemmija kumpannija u lanqas ma ġiet irċevuta minn din tal-aħħar. Il-qorti tar-rinviju nnotifikat lil F.C.T. bil-fatt li Investcapital kienet sostniet l-assenza ta’ preskrizzjoni, iżda F.C.T. ma ppreżentax risposta.

17      Skont il-qorti tar-rinviju, it-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin, applikabbli għall-kreditu inkwistjoni quddiemha, jibda jiddekorri mid-data tal-eżiġibbiltà antiċipata tas-self, jiġifieri mis-sena 2016. Għaldaqstant, fl-assenza ta’ prova tal-interruzzjoni ta’ dan it-terminu, il-qorti tar-rinviju tqis li l-kreditu huwa preskritt mis-sena 2021.

18      F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-azzjoni għall-irkupru ta’ krediti preskritti, mibdija minn xerrejja tal-kreditu fir-rigward ta’ konsumaturi, fin-nuqqas ta’ dawn tal-aħħar li jinvokaw il-preskrizzjoni ta’ dawn il-krediti quddiem il-qorti, tista’ tmur kontra l-Artikolu 10(1)(a), (b) u (d) tad-Direttiva 2021/2167. Din id-dispożizzjoni tobbliga lix-xerrejja tal-kreditu u lis-servizzjanti tal-kreditu jaġixxu in bona fide, jipprovdu lill-persuni li jissellfu informazzjoni li ma tkunx qarrieqa, ambigwa jew falza u jikkomunikaw magħhom b’mod li ma jikkostitwixxix fastidju jew koerċizzjoni jew influwenza indebita.

19      Il-qorti tar-rinviju tqis li l-protezzjoni tal-persuna li tissellef-konsumatur mogħtija mill-imsemmija dispożizzjoni tirriskja li tkun ineffettiva jekk il-qorti ma tkunx tista’ teżamina ex officio l-preskrizzjoni tal-kreditu li jintalab l-irkupru tiegħu meta jkollha l-punti ta’ liġi u ta’ fatt neċessarji. F’dan ir-rigward, hija tirrileva li l-proċedura ta’ ordni Spanjola tissuġġetta l-ammissibbiltà tat-talba għall-irkupru għall-kundizzjoni li l-kreditu jkun dovut. Barra minn hekk, jeżisti riskju li l-konsumatur, minħabba nuqqas ta’ dehra jew minħabba nuqqas ta’ għarfien, ma jopponix ir-rikors jew ma jinvokax il-preskrizzjoni tal-kreditu. Hija ssostni wkoll li x-xerrejja tal-kreditu spiss jagħmlu kalkolu ekonomiku billi jixtru krediti preskritti u billi jibbażaw ruħhom fuq l-irkupru tagħhom, f’ċerti każijiet, meta l-preskrizzjoni ma tiġix invokata.

20      Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tqis li l-fatt li debitur jiġi mqarraq fir-rigward tan-natura eżekuttiva tal-kreditu jista’ jitqies bħala ommissjoni qarrieqa, li taqa’ taħt il-kunċett ta’ prattika kummerċjali żleali, skont l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2005/29. Tista’ tkun ukoll kwistjoni ta’ prattika kummerċjali aggressiva, fis-sens tal-Artikoli 8 u 9 ta’ din id-direttiva, li tikkonsisti f’influwenza mhux xierqa jew f’theddida ta’ azzjoni meta din l-azzjoni ma tkunx legalment possibbli.

21      L-obbligu tal-qorti li teżamina ex officio l-osservanza ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar, b’mod partikolari, id-Direttiva 2008/48. Għalhekk, skont il-qorti tar-rinviju, mill-punt 23 tas-sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2020, OPR-Finance (C‑679/18, EU:C:2020:167), jirriżulta li l-qorti nazzjonali hija obbligata teżamina ex officio l-osservanza ta’ ċerti dispożizzjonijiet fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumaturi meta, fl-assenza ta’ tali eżami, il-protezzjoni effettiva tal-konsumaturi ma tkunx tista’ tiġi żgurata.

22      Il-qorti tar-rinviju tikkonstata li, fid-data tad-deċiżjoni tar-rinviju, id-Direttiva 2021/2167 kienet għadha ma ġietx trasposta fid-dritt Spanjol. Madankollu, skont l-Artikolu 32(2) ta’ din id-direttiva, id-dispożizzjonijiet li jimplimentawha kellhom jiġu applikati mit‑30 ta’ Diċembru 2023 u, skont l-Artikolu 2(5)(d) tal-imsemmija direttiva, dawn id-dispożizzjonijiet kellhom japplikaw għall-kreditu inkwistjoni peress li dan ġie ttrasferit lil Investcapital wara din id-data.

23      Għalhekk, hija tqis li hija għandha tinterpreta d-dritt nazzjonali tagħha b’mod konformi mad-Direttiva 2021/2167. F’dan ir-rigward, billi tirreferi għall-ġurisprudenza tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja), hija tosserva li, quddiem il-qrati ta’ dan l-Istat, il-preskrizzjoni għandha tiġi invokata mid-debitur imħarrek sabiex ir-rikors jiġi miċħud fuq din il-bażi. Fil-fatt, il-preskrizzjoni ma teżonerax id-dritt, iżda tikkostitwixxi mezz ta’ difiża li jippermetti lid-debitur jirrifjuta l-eżekuzzjoni tas-servizz.

24      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Juzgado de Primera Instancia nº 1 de Fuenlabrada (il-Qorti tal-Ewwel Istanza Nru 1 ta’ Fuenlabrada, Spanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 10(1) tad-[Direttiva 2021/2167], għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lill-qorti nazzjonali tivverifika ex officio jekk skadiex it-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ kreditu li s-servizzjant tal-kreditu jew ix-xerrej tal-kreditu jitlob ġudizzjarjament mingħand il-persuna li tissellef li hija konsumatur?”

 Fuq id-domanda preliminari

 Fuq l-ammissibbiltà

25      Il-Gvern Spanjol isostni li d-domanda preliminari hija inammissibbli. Huwa jqis li l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2021/2167, li ma ġiex traspost fid-dritt Spanjol, ma jidhirx li għandu effett dirett u ma jistax jiġi applikat fil-kuntest tat-tilwima fil-kawża prinċipali, li hija esklużivament bejn individwi. Barra minn hekk, sa fejn l-eżami ex officio tal-preskrizzjoni mill-qorti tar-rinviju jikkostitwixxi interpretazzjoni contra legem tad-dritt Spanjol, din il-qorti ma għandhiex tinterpreta d-dritt nazzjonali fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni.

26      F’dan ir-rigward, għandha titfakkar il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li, fil-kuntest ta’ tilwima bejn individwi bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-qorti nazzjonali għandha, jekk ikun il-każ, tinterpreta d-dritt nazzjonali, b’effett mill-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva mhux trasposta, b’tali mod li s-sitwazzjoni inkwistjoni ssir immedjatament kompatibbli mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva, mingħajr madankollu ma tagħti interpretazzjoni contra legem tad-dritt nazzjonali [sentenza tat‑18 ta’ April 2024, Heureka Group (Paraguni ta’ prezzijiet online), C‑605/21, EU:C:2024:324, punt 93 u l-ġurisprudenza ċċitata].

27      Għandu wkoll jiġi kkonstatat li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tagħti deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, indipendentement mill-punt dwar jekk dawn għandhomx effett dirett jew le bejn il-partijiet fil-kawża sottostanti [sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2025, L.T. et (Allowances soċjali għal ħaddiema agrikoli għal żmien determinat) (C‑212/24, C‑226/24 u C‑227/24, EU:C:2025:341, punt 30 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

28      Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, kif jirriżulta mill-punt 23 ta’ din is-sentenza, il-qorti tar-rinviju tirrileva li r-rekwiżit li l-preskrizzjoni ta’ kreditu għandha tiġi invokata mid-debitur imħarrek sabiex ir-rikors jiġi miċħud jirriżulta mill-ġurisprudenza tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema), u mhux minn dispożizzjoni tad-dritt Spanjol.

29      F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li r-rekwiżit ta’ interpretazzjoni konformi jinkludi, b’mod partikolari, għall-qrati nazzjonali, il-modifika, jekk ikun il-każ, ta’ ġurisprudenza stabbilita jekk din tkun ibbażata fuq interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali inkompatibbli mal-għanijiet tad-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑11 ta’ Lulju 2024, Skarb Państwa (Dewmien fil-ħlas mhux sinjifikattiv jew ta’ kreditu żgħir), C‑279/23, EU:C:2024:605, punt 30, u tat‑8 ta’ Mejju 2025, L.T. et (Allowances soċjali għal ħaddiema agrikoli għal żmien determinat) (C‑212/24, C‑226/24 u C‑227/24, EU:C:2025:341, punt 29 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

30      Minn dan isegwi li d-domanda magħmula hija ammissibbli.

 Fuq il-mertu

31      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2021/2167 għandux jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li qorti nazzjonali teżamina ex officio l-preskrizzjoni ta’ kreditu meta xerrej tal-kreditu jkun għamel talba għall-irkupru b’mod ġudizzjarju fil-konfront tal-konsumatur.

32      Preliminarjament, għandu jiġi ppreċiżat li d-dritt tal-Unjoni ma jirrikjedix, bħala prinċipju, li l-qorti nazzjonali teżamina ex officio motiv dwar il-ksur ta’ dispożizzjonijiet ta’ dan id-dritt meta l-eżami ta’ tali motiv iwassalha sabiex tmur lil hinn mil-limiti tat-tilwima hekk kif din tal-aħħar tkun ġiet limitata mill-partijiet. Din il-limitazzjoni tas-setgħa tal-qorti nazzjonali hija ġġustifikata mill-prinċipju li, f’kawżi ċivili, huma l-partijiet li għandhom jieħdu l-inizjattiva. Madankollu, tali eżami ex officio tal-qorti nazzjonali huwa mmotivat f’każijiet eċċezzjonali fejn l-interess pubbliku jkun jeħtieġ l-intervent tagħha, b’mod partikolari fir-rigward ta’ ċerti dispożizzjonijiet relatati mal-protezzjoni tal-konsumaturi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2023, Tuk Tuk Travel, C‑83/22, EU:C:2023:664, punti 45 u 46 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

33      Fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2021/2167, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni biss il-kliem tagħha iżda għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li tagħmel parti minnha (sentenzi tas‑17 ta’ Novembru 1983, Merck, 292/82, EU:C:1983:335, punt 12, u tat‑18 ta’ Mejju 2026, Vodovody a kanalizace Přerov, C‑575/24, EU:C:2026:499, punt 31 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

34      Il-formulazzjoni tal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2021/2167 tipprevedi li, fir-relazzjonijiet tagħhom mal-persuni li jissellfu, ix-xerrejja ta’ kreditu jaġixxu konformement mar-regoli stabbiliti f’din id-dispożizzjoni. F’dan ir-rigward, huwa ppreċiżat, b’mod partikolari, li dawn ix-xerrejja jaġixxu in bona fide, b’mod ġust u professjonali, u li huma jipprovdu lill-persuni li jissellfu informazzjoni li ma hijiex qarrieqa, ambigwa jew falza. Barra minn hekk, huwa meħtieġ li huma jikkomunikaw mal-persuni li jissellfu b’mod li ma jikkostitwixxix fastidju jew koerċizzjoni jew influwenza indebita.

35      Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li mill-kontenut tal-imsemmija dispożizzjoni jista’ jiġi dedott li din ma tirregolax, bħala tali, il-kwistjoni tal-preskrizzjoni ta’ kreditu u wisq inqas il-possibbiltà tal-eżami ta’ din il-preskrizzjoni ex officio mill-qorti. Barra minn hekk, il-preskrizzjoni jew l-eżami tagħha minn din il-qorti ma huma rregolati minn ebda dispożizzjoni oħra tad-Direttiva 2021/2167.

36      Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-kuntest tal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2021/2167 kif ukoll mill-għanijiet imfittxija minn din id-direttiva. Fil-fatt, konformement mal-premessa 61 tal-imsemmija direttiva, l-għanijiet tagħha jikkonsistu fit-tisħiħ tal-iżvilupp ta’ swieq sekondarji għas-self li ma jrendix fl-Unjoni filwaqt li jiġi żgurat tisħiħ ikbar tal-protezzjoni tal-persuni li jissellfu, u b’mod partikolari tal-konsumaturi. Issa, ma hemm xejn fid-Direttiva 2021/2167 li jagħti x’jifhem li, sabiex jiġi żgurat tali tisħiħ, hija tistabbilixxi, għall-benefiċċju tal-persuni li jissellfu-konsumaturi, dispożizzjonijiet protettivi li jipprevedu l-preskrizzjoni ta’ kreditu li jirriżulta minn tali self jew il-proċedura ġudizzjarja mibdija mix-xerrejja tal-kreditu.

37      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li l-kwistjoni tal-eżami ex officio tal-preskrizzjoni ta’ kreditu mill-qorti nazzjonali ma hijiex irregolata mid-Direttiva 2021/2167.

38      Barra minn hekk, għalkemm l-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2021/2167 isemmi “informazzjoni li ma tkunx qarrieqa”, hija d-Direttiva 2005/29 li, fl-Artikolu 7(1) tagħha, tipprevedi ċ-ċirkustanzi li fihom prattika kummerċjali titqies qarrieqa. Minn din l-aħħar dispożizzjoni jirriżulta li tali prattika titqies li hija qarrieqa jekk, essenzjalment, hija tħalli barra informazzjoni importanti li l-konsumatur medju għandu bżonn sabiex jieħu deċiżjoni kummerċjali informata. Barra minn hekk, l-imsemmija prattika għandha, konsegwentement, twassal lil dan il-konsumatur jew tkun tista’ twasslu sabiex jieħu deċiżjoni kummerċjali li ma kienx jieħu f’ċirkustanzi oħra.

39      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, fis-sentenza tal‑20 ta’ Lulju 2017, Gelvora (C‑357/16, EU:C:2017:573, punti 21, 25 u 31), li l-irkupru ta’ krediti minn kumpannija ta’ rkupru ta’ krediti jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “prattika kummerċjali”. Madankollu, il-fatt li azzjoni għall-irkupru titressaq abbażi ta’ kreditu li jista’ jiġi preskritt ma jistax, fih innifsu, jiġi kklassifikat bħala prattika kummerċjali qarrieqa. Fil-fatt, fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja, il-partijiet huma liberi li jippreżentaw il-motivi kollha li huma jixtiequ jinvokaw. Barra minn hekk, kreditu ma jistax jitqies li huwa eżiġibbli sempliċement minħabba l-preskrizzjoni peress li l-preskrizzjoni ttemm id-dritt għal dan il-kreditu biss jekk il-konvenut jinvokaha matul il-proċedura ġudizzjarja (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2012, Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, C‑469/11 P, EU:C:2012:705, punt 54). Minn dan isegwi li t-tressiq ta’ azzjoni għall-irkupru ta’ kreditu li jista’ jiġi preskritt ma tistax titqies, fih innifsu, bħala azzjoni qarrieqa, fis-sens tad-Direttiva 2005/29.

40      Għal kull fini utli, għandu jingħad ukoll li, skont il-ġurisprudenza, fl-assenza ta’ armonizzazzjoni tal-mekkaniżmi nazzjonali ta’ rkupru ta’ krediti mhux ikkontestati, il-modalitajiet ta’ implementazzjoni tal-proċeduri nazzjonali ta’ ordni ta’ ħlas jaqgħu taħt l-ordinament ġuridiku intern tal-Istati Membri skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali ta’ dawn tal-aħħar. Dan ikun il-każ, madankollu, fuq il-kundizzjoni li ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili suġġetti għad-dritt intern (prinċipju ta’ ekwivalenza) u li ma jrendux impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija lill-konsumaturi mid-dritt tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑26 ta’ Ottubru 2006, Mostaza Claro, C‑168/05, EU:C:2006:675, punt 24, u tal‑14 ta’ Ġunju 2012, Banco Español de Crédito, C‑618/10, EU:C:2012:349, punt 46).

41      L-Istati Membri huma għalhekk kompetenti sabiex jiddeċiedu, fid-dritt intern tagħhom, jekk il-qorti nazzjonali tistax teżamina ex officio l-preskrizzjoni ta’ kreditu, bla ħsara għall-osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività. F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandha ebda element ipprovdut mill-qorti tar-rinviju li jippermetti li jiġi evalwat jekk dawn il-prinċipji humiex osservati mill-ġurisprudenza nazzjonali li tipprojbixxi lill-qorti milli tirrileva ex officio l-preskrizzjoni ta’ kreditu.

42      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2021/2167 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jirregolax il-kwistjoni dwar jekk il-qorti nazzjonali, adita minn xerrej ta’ krediti b’talba għall-irkupru ta’ kreditu fil-konfront ta’ konsumatur, tistax teżamina ex officio l-preskrizzjoni ta’ dan il-kreditu.

 Fuq l-ispejjeż

43      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 10(1) tad-Direttiva (UE) 2021/2167 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑24 ta’ Novembru 2021 dwar is-servizzjanti tal-kreditu u x-xerrejja tal-kreditu u li temenda d-Direttivi 2008/48/KE u 2014/17/UE, moqri fid-dawl tad-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali),

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

ma jirregolax il-kwistjoni dwar jekk il-qorti nazzjonali, adita minn xerrej ta’ krediti b’talba għall-irkupru ta’ kreditu fil-konfront ta’ konsumatur, tistax teżamina ex officio l-preskrizzjoni ta’ dan il-kreditu.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.


i      L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.