31978L0142



Official Journal L 044 , 15/02/1978 P. 0015 - 0017
Finnish special edition: Chapter 13 Volume 8 P. 0044
Greek special edition: Chapter 03 Volume 20 P. 0087
Swedish special edition: Chapter 13 Volume 8 P. 0044
Spanish special edition: Chapter 13 Volume 8 P. 0091
Portuguese special edition Chapter 13 Volume 8 P. 0091


Id-Direttiva tal-Kunsill

tat-30 ta’ Jannar 1978

dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ materjali u oġġetti li fihom il-monomer tal-klorur tal-vinil u li huma maħsuba biex jiġu f’kuntatt ma’ oġġetti ta’ l-ikel

(78/142/KEE)

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100 tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 76/893/KEE tat-23 ta’ Novembru 1976 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ materjali u oġġetti maħsubin biex jiġu f’kuntatt ma’ oġġetti ta’ l-ikel [1], u b’mod partikolari l-Artikolu 3 taghha,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2];

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3],

Billi l-Artikolu 2 tad-Direttiva 76/893/KEE jipprovdi li l-materjali u l-oġġetti ma għandhom jittrasferixxu l-ebda kostitwent lill-oġġetti ta’ l-ikel fi kwantitajiet li jistgħu Jpoġġu fil-perikolu s-saħħa tal-bniedem;

Billi l-Artikolu 3 ta’ l-istess Direttiva jipprovdi illi l-Kunsill, taht il-proċedura li għaliha hemm IPprovdut fl-Artikolu 100 tat-Trattat, għandu jadotta permezz ta’ Direttivi disposizzjonijiet speċjali li japplikaw għal ċerti gruppi ta’ materjali u oġġetti (Direttivi speċifiċi); billi dawn id-disposizzjonijiet jistgħu jinkludu limiti speċifiċi fuq il-migrazzjoni ta’ ċerti kostitwenti għal ġewwa jew għal fuq oġġetti ta’ l-ikel kif ukoll regoli oħra li jiżguraw il-konformità ma’ l-Artikolu 2 ta’ l-istess Direttiva;

Billi l-amministrazzjoni ta’ dożi kbar tal-monomer tal-klorur tal-vinil fuq annimali użati f’esperimenti ġiet murija li tipproduċi effetti ta’ ħsara; billi effetti bħal dawn jistgħu jiġru wkoll fil-bniedem;

Billi l-Kumitat Xjentifiku għall-Ikel ta l-opinjoni li l-livelli tal-monomer tal-klorur tal-vinil f’polyvinyl chloride u polymers irrelatati għandhom jitnaqqsu kemm jista’ jkun possibbli u fl-istess waqt irrakkomanda li ma għandha tidher l-ebda traċċa tal-klorur tal-vinil fl-ikel jew fl-ilma tax-xorb b’metodu li jista’ jiġi ġeneralment applikat għall-maġġoranza ta’ oġġetti ta’ l-ikel mill l-biċċa l-kbira tal-laboratorji;

Billi fil-preżent qiegħda ssir aktar riċerka fuq il-monomer tal-klorur tal-vinil, iżda bħala prekawzjoni l-inġestjoni tal-monomer tal-klorur tal-vinil għandha tkun ristretta sakemm ir-riżultati jiġu magħrufa;

Billi l-istrument xieraq biex jintlaħaq dan il-għan huwa Direttiva speċifika fi ħdan it-tifsira ta’ l-Artikolu 3 tad-Direttiva 76/893/KEE, li id-dispożizzjonijiet ġenerali tagħha isiru wkoll applikabbli f’dan il-każ partikolari;

Billi, madankollu, din id-Direttiva ma tikkonċernax l-aspetti kollha ta’ materjali u oġġetti ppreparati minn polymers jew copolymers tal-klorur tal-vinil u l-Istati Membri għandhom għalhekk ikunu awtorizzati li ma jeħtiġux li t-tikketti jkun fihom id-dettalji stabbiliti fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 76/893/KEE, bi qbil ma’ l-għażliet li għalihom hemm ipprovdut fil-paragrafi 4 u 5 ta’ dak l-Artikolu.

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

1. Din id-Direttiva hija Direttiva speċifika fi ħdan it-tifsira ta’ l-Artikolu 3 tad-Direttiva 76/893/KEE.

2. Din id-Direttiva tikkonċerna l-preżenza tal-monomer tal-klorur tal-vinil fi, u l-migrazzjoni possibbli minn, materjali u oġġetti ppreparati b’polymers jew copolymers tal-klorur tal-vinil, minn issa ’l quddiem imsejħa "materjali u oġġetti", li fl-istat finali tagħhom huma maħsubin biex jiġu f’kuntatt ma’ oġġetti ta’ l-ikel, jew li huma f’kuntatt ma’ oġġetti ta’ l-ikel u li huma maħsubin għal dak il-għan.

Artikolu 2

1. Materjali u oġġetti ma għandhomx ikollhom il-monomer tal-klorur tal-vinil fi kwantità li taqbeż dik stabbilita fl-Anness I.

2. Il-materjali u l-oġġetti ma għandhomx jgħaddu f’oġġetti ta’ l-ikel li huma jew li jkunu ġew miġjuba f’kuntatt ma’ dawn il-materjali u l-oġġetti ebda klorur tal-vinil li jista’ jiġi skopert bil-metodu li jikkonforma mal-kriterji stabbiliti fl-Anness II.

Artikolu 3

Il-metodu ta’ analiżi meħtieġ biex tiġi vverifikata l-konformità ma’ l-Artikolu 2 għandu jiġi adottat skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 76/893/KEE u għandu jikkonforma mal-kriterji stabbiliti fl-Anness II.

Artikolu 4

Il-Kunsill għandu jirrevedi din id-Direttiva fuq il-bażi ta’ rapporti mill-Kummissjoni mfassla fid-dawl ta’ tagħrif xjentifiku u tekniku li jsir disponibbli wara l-adozzjoni tad-Direttiva u akkumpanjat, fejn ikun xieraq, minn proposti adatti. L-ewwel rapport mill-Kummissjoni għandu jiġi mgħoddi lill-Kunsill mhux aktar tard mill-1 ta’ Jannar 1979.

Artikolu 5

Din id-Direttiva ma għandhiex taffettwa dispożizzjonijiet nazzjonali relatati ma’ regoli oħra possibli li għalihom hemm provdut fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 76/893/KEE jew l-għażliet mogħtija lill-Istati Membri taħt l-Artikolu 7(4) u (5) ta’ dik id-Direttiva.

Artikolu 6

1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva mhux aktar tard mis-26 ta’ Novembru 1979. Għandhom jinfurmaw mill-ewwel lill-Kummissjoni b’dan.

2. L-Istati Membri jistgħu jiddiferixxu l-introduzzjoni ta’ l-Artikolu 2(2) u ta’ l-Anness II sa meta ikun ġie adottat metodu ta’ analiżi tal-Komunità, kif mitlub bl-Artikolu 3.

Artikolu 7

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, it-30 ta’ Jannar 1978.

Għall-Kunsill

Il-President

P. Dalsager

[1] ĠU L 340, 9.12.1976, p. 19.

[2] ĠU C 118, 16.5.1977, p. 70.

[3] ĠU C 114, 11.5.1977, p. 13.

--------------------------------------------------

ANNESS I

Il-livell massimu ta’ monomer tal-klorur tal-vinil f’materjali u oġġetti

Milligramm għal kull kilogramm fil-prodott finali.

--------------------------------------------------

ANNESS II

Kriterji applikabbli għall-metodu li jistabbilixxi l-livell ta’ klorur tal-vinil f’materjali u oġġetti u li jistabbilixxu l-klorur tal-vinil irrilaxxat minn materjali u oġġetti

1. Il-livell ta’ klorur tal-vinil f’materjali u oġġetti u l-livell tal-klorur tal-vinil irrilaxxat minn materjali u oġġetti għal oġġetti ta’ l-ikel huwa stabbilit permezz ta’ gas-phase chromatography li juża l-metodu ta’ "headspace".

2. Għall-għanijiet biex jiġi stabbilit il-klorur tal-vinil irrilaxxat minn materjali u oġġetti għal oġġetti ta’ l-ikel, il-limitu ta’ detection għandu jkun 0·01 mg/kg.

3. Klorur tal-vinil irrilaxxat minn materjali u oġġetti għal oġġetti ta’ l-ikel huwa fil-prinċipju stabbilit fl-oġġetti ta’ l-ikel. Meta f’ċerti oġġetti ta’ l-ikel jintwera li jkun impossibli li jkun stabbilit għal raġunijiet tekniċi, l-Istati Membri jistgħu jippermettu li jkun stabbilit b’simulanti għal dawn l-oġġetti ta’ l-ikel partikolari.

--------------------------------------------------