11.12.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 417/238


RIŻOLUZZJONI (UE) 2020/1912 TAL-PARLAMENT EWROPEW

tal-14 ta’ Mejju 2020

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Eurojust (li issa saret l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (Eurojust)) għas-sena finanzjarja 2018

IL-PARLAMENT EWROPEW,

—

wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Eurojust għas-sena finanzjarja 2018,

—

wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

—

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern,

—

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0048/2020),

A.

billi, skont ir-rapporti tad-dħul u tal-infiq tagħha (1), il-baġit finali tal-Eurojust għas-sena finanzjarja 2018 kien jammonta għal EUR 38 606 737, li jfisser tnaqqis ta’ 20,71 % meta mqabbel mal-2017; billi t-tnaqqis fil-baġit huwa relatat mat-tnaqqis fil-ħtiġijiet baġitarji fit-titolu 2; billi l-baġit kollu tal-Eurojust ġej mill-baġit tal-Unjoni (2);

B.

billi l-Qorti tal-Awdituri (“il-Qorti”), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Eurojust għas-sena finanzjarja 2018 (“ir-rapport tal-Qorti”), tistqarr li kisbet aċċertamenti raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Eurojust huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet ta’ bażi huma legali u regolari;

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

1.

Jinnota b’sodisfazzjon li l-isforzi ta’ monitoraġġ baġitarju matul is-sena finanzjarja 2018 irriżultaw f’rata ta’ implimentazzjoni tal-baġit ta’ 99,94 %, li meta mqabbla mal-2017 tirrappreżenta tnaqqis żgħir ta’ 0,03 %; jinnota li r-rata ta’ eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta’ pagament kienet ta’ 86,91 %, li tfisser żieda ta’ 2,96 % meta mqabbla mal-2017;

Prestazzjoni

2.

Jinnota b’sodisfazzjon li l-Eurojust tuża indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni (KPIs) kwantitattivi u kwalitattivi biex tkejjel il-kisbiet tal-objettivi tagħha għall-attivitajiet annwali tagħha u l-impatt tagħhom, inklużi l-indikaturi tar-riżultat, l-indikaturi tal-attività/produzzjoni u l-indikaturi operazzjonali/tekniċi/operattivi, kif ukoll l-indikaturi ta’ appoġġ/ġestjoni/governanza bil-għan li ttejjeb il-ġestjoni baġitarja tagħha; jinnota li l-Eurojust kienet kapaċi tkejjel u tivvaluta l-kisba ta’ 98 mill-119-il KPIs (82 %) stabbiliti għall-2018, li minnhom 72 % tal-miri inizjali ntlaħqu jew inqabżu; jinnota li l-Eurojust introduċiet għadd ta’ indikaturi ġodda fil-Programm ta’ Ħidma Annwali tal-2018 li għalihom ma teżistix ċifra ta’ referenza, u konsegwentement 15 % tal-KPIs ma setgħux jiġu vvalutati; jistieden lill-Eurojust tindirizza din il-kwistjoni u tiżgura li l-indikaturi kollha jkunu jistgħu jiġu vvalutati b’mod xieraq, u tirrapporta lill-awtorità ta’ kwittanza dwar il-progress miksub sa Ġunju 2020;

3.

Jinnota li fl-2018 ġiet żviluppata t-Tieni Fażi tar-ristrutturar organizzattiv tal-Eurojust, li tipprevedi l-irfinar tal-funzjoni operattiva u t-tfassil mill-ġdid tas-servizzi amministrattivi u ta’ appoġġ;

4.

Iħeġġeġ lill-Eurojust tkompli l-ħidma favur id-diġitalizzazzjoni tas-servizzi tagħha;

5.

Jilqa’ l-fatt li l-Eurojust qed tkompli tiżviluppa kooperazzjoni operattiva b’saħħitha mal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) u ma’ sħab oħra fil-qasam tal-ġustizzja u l-affarijiet interni, kif ukoll ma’ pajjiżi terzi; jinnota li fl-2018, l-Eurojust nediet negozjati għal ftehim ta’ kooperazzjoni mal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta; jinnota li l-Eurojust ikkooperat ukoll mal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi u hija tħeġġeġ lill-awtoritajiet nazzjonali biex jikkunsidraw l-involviment taż-żewġ korpi fejn xieraq; u barra minn hekk iħeġġeġ lill-Eurojust tipparteċipa fi proċeduri ta’ akkwist konġunti flimkien mal-Europol u mal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini;

6.

Jistieden lill-Europol teżamina l-possibbiltà li tikkondividi riżorsi għal kompiti f’oqsma ta’ trikkib ma’ aġenziji oħra b’attivitajiet simili; iħeġġeġ bil-qawwa lill-Eurojust biex b’mod attiv tipprova tikseb aktar kooperazzjoni u kooperazzjoni usa’ mal-aġenziji kollha tal-Unjoni;

7.

Ifakkar il-fatt li l-għadd ta’ każijiet ġodda kif ukoll in-numru ta’ każijiet li għadhom għaddejjin (jiġifieri każijiet li jirrikjedu investigazzjonijiet kumplessi li jistgħu jdumu diversi snin) kiber matul dawn l-aħħar snin u li l-ammont ta’ xogħol huwa mistenni li jiżdied aktar minħabba l-mandat il-ġdid li se jidħol fis-seħħ fi tmiem l-2019, b’kont meħud ukoll tar-riżorsi addizzjonali rikjesti biex l-Eurojust tkun tista’ tappoġġja l-ħidma tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew; jissottolinja li, apparti l-arresti, il-prosekuzzjonijiet ta’ suċċess fl-oqsma ta’ kriminalità serja transnazzjonali huma essenzjali għas-sigurtà taċ-ċittadini tal-Unjoni; ifakkar ukoll li fl-2018, kien hemm 17-il ċentru ta’ koordinazzjoni, l-istess bħal fl-2017, xhieda tal-popolarità u l-utilità ta’ din l-għodda operazzjonali; jisħaq li l-Eurojust twettaq rwol essenzjali fil-katina ta’ sigurtà tal-Unjoni u li l-baġit tagħha għandu jikkorrispondi mal-kompiti u l-prijoritajiet tagħha bil-għan li tkun tista’ twettaq il-mandat tagħha; għaldaqstant jinsab imħasseb ħafna dwar it-tnaqqis baġitarju qawwi propost mill-Kummissjoni għall-qafas finanzjarju pluriennali 2021-2027 li jista’ jdgħajjef il-ħidma tal-Eurojust u b’hekk jippreżenta riskji għas-sigurtà fi ħdan l-Istati Membri; jitlob lill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern tal-Parlament biex jistieden lid-direttur amministrattiv tal-Eurojust jippreżenta l-ħtiġijiet ta’ finanzjament fit-tul previsti tal-Eurojust, inkluż il-punt safejn il-kompiti futuri previsti jistgħu jiġu koperti minn kisbiet fl-effiċjenza, u wkoll li jindirizza l-lakuni operazzjonali li jirriżultaw minn finanzjament insuffiċjenti u l-impatt previst tagħhom fil-ġlieda kontra l-kriminalità transnazzjonali;

8.

Jilqa’ l-adozzjoni mill-Kulleġġ ta’ Strateġija u ta’ pjan ta’ azzjoni kontra l-frodi f’Novembru 2018;

9.

Jenfasizza r-riorganizzazzjoni tal-istruttura ta’ governanza tal-Eurojust, li tinkludi s-separazzjoni ċara bejn kwistjonijiet eżekuttivi u operazzjonali, li tnediet fi tmiem l-2018 biex tinkiseb konformità mar-Regolament (UE) 2018/1727 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) (ir-Regolament dwar il-Eurojust il-ġdid), li daħal fis-seħħ f’Diċembru 2019; jinnota li l-proposta għall-implimentazzjoni tal-Qafas ta’ Kontroll Intern rivedut kienet ippanjata li tiġi adottata sa tmiem l-2019, u implimentata sa tmiem l-2020;

Politika dwar il-persunal

10.

Japprezza l-fatt li, fil-31 ta’ Diċembru 2018, kien ġie eżegwit 99,04 % tat-tabella tal-persunal, u li kienu nħatru 207 aġent temporanju mill-209 awtorizzati mill-baġit tal-Unjoni, (meta mqabbla mal-208 post tax-xogħol awtorizzati fl-2017); jinnota li, barra minn hekk, 15-il aġent kuntrattwali u 16-il espert nazzjonali sekondati ħadmu għall-Eurojust fl-2018;

11.

Jinnota bi tħassib li ċ-ċifri rrapportati għall-bilanċ bejn il-ġeneri tajjeb fl-ambitu tal-Bord Eżekuttiv għall-2018 huma 20 membru ta’ sess maskili u 8 membri ta’ sess femminili;

12.

Jinnota b’apprezzament li, wara s-suġġeriment tal-Qorti mis-snin preċedenti, il-Eurojust ilha, sa minn Ġunju 2019, tirreklama l-postijiet tax-xogħol battala fuq is-sit web tal-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal, bl-użu tal-possibbiltà li tippubblika t-titli ta’ tali postijiet tax-xogħol battala fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni b’link għat-test sħiħ bl-Ingliż biss; iħeġġeġ lill-Eurojust, li f’dak li jirrigwarda l-persunal ta’ grad inferjuri, tikkunsidra l-possibbiltà li tikkondividi persunal u riżorsi ma’ aġenziji oħrajn tal-Unjoni;

13.

Jinnota b’sodisfazzjon li, fid-dawl tal-kummenti tal-awtorità ta’ kwittanza, il-Eurojust se tikkunsidra l-adozzjoni ta’ strateġija dwar id-drittijiet fundamentali, li tinkludi referenza għad-drittijiet fundamentali f’kodiċi ta’ kondotta li jista’ jiddefinixxi d-dmirijiet tal-persunal tagħha u t-taħriġ għall-persunal, u ser tagħmel dan f’konsultazzjoni mal-Kummissjoni u ma’ aġenziji oħra tal-Unjoni bil-għan li jiġi garantit approċċ ikkoordinat;

Akkwist

14.

Jinnota li, skont ir-rapport tal-Qorti, matul il-proċedura ta’ akkwist negozjata, il-Eurojust iffirmat kuntratt qafas tal-IT ma’ kumpanija li pprovdiet l-istess servizz taħt kuntratt qafas preċedenti, mingħajr ma ppubblikat l-avviż ta’ kuntratt minn qabel; jinnota li l-pagamenti kollha li saru taħt dak il-kuntratt qafas u l-kuntratti speċifiċi relatati kollha huma irregolari u li proċedura simplifikata hija aċċettabbli biss f’ċirkostanzi speċifiċi li ma ġewx sostanzjati mill-Eurojust; jirrikonoxxi li, skont ir-risposta tal-Eurojust, il-proċedura nnegozjata saret abbażi tal-punt (f) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 134(l) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 (4), li jippermetti l-użu ta’ din il-proċedura meta bidla tal-fornitur tkun tirriżulta f’inkompatibbiltà jew f’diffikultajiet tekniċi sproporzjonati fit-tħaddim u l-manutenzjoni, u kien għalhekk li dik is-soluzzjoni tqieset l-aktar waħda kosteffettiva; jistieden lill-Eurojust tiżgura konformità mar-regoli tal-akkwist pubbliku;

Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess, trasparenza u demokrazija

15.

Japprezza l-miżuri eżistenti tal-Eurojust u l-isforzi kontinwi tagħha biex tiżgura t-trasparenza, il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta’ interessi; jinnota li l-Eurojust adottat id-Deċiżjoni tal-Kulleġġ 2019-02 dwar il-linji gwida tal-Eurojust dwar l-iżvelar ta’ informazzjoni protetta, li japplikaw għall-persunal kollu; jinnota li, skont il-Eurojust, it-taħriġ dwar dawn regoli ġie pprovdut matul l-2019, kif meħtieġ;

16.

Jilqa’ l-fatt, li fid-dawl tal-osservazzjonijiet tal-awtorità ta’ kwittanza, il-pubblikazzjoni tad-dikjarazzjonijiet ta’ interessi fl-abbozz ta’ Kodiċi ta’ Etika għall-Kulleġġ tal-Eurojust attwalment qiegħda tiġi indirizzata mit-tim tal-proġett dwar ir-Regoli ta’ Proċedura; jinnota li għalissa l-Eurojust ippubblikat id-dikjarazzjonijiet ta’ nuqqas ta’ kunflitti ta’ interessi; jistieden lill-Eurojust tippubblika wkoll is-CVs tal-membri tal-Bord Eżekuttiv u tat-tmexxija eżekuttiva tagħha; jinnota li l-Eurojust adottat l-istrateġija aġġornata kontra l-frodi permezz tad-Deċiżjoni tal-Kulleġġ 2018-19 tas-6 ta’ Novembru 2018;

Kontroll intern

17.

Jinnota li s-Servizz tal-Awditjar Intern (IAS), fil-qafas tal-Pjan ta’ Awditjar Strateġiku Intern tiegħu 2018-2020 għall-Eurojust fl-2018, ħareġ sitt rakkomandazzjonijiet pendenti mill-awditu dwar il-“Monitoraġġ u r-Rapportar/Elementi Kostitwenti ta’ Aċċertament”, b’ħamsa minnhom jiġu konklużi mill-Eurojust; jinnota b’sodisfazzjon li l-politika ta’ ġestjoni tar-riskju tal-Eurojust ġiet adottata fl-2018, u li fl-2019 se jiġu żviluppati l-pjan ta’ implimentazzjoni u r-reġistru tar-riskji, u implimentati sa mill-2020;

Kummenti oħrajn

18.

Jirrikonoxxi li, wara t-tmiem b’suċċess taċ-ċaqliqa lejn il-bini l-ġdid tagħha f’Ġunju 2017, ir-riport ta’ EUR 2 339 809 ikkonċerna, b’mod predominanti, l-ispejjeż li se jiġu fatturati b’mod retroattiv mill-Istat Ospitanti fl-2018; jinnota, barra minn hekk, li fl-2018, twasslu u tħallsu l-impenji riportati kollha, ħlief EUR 73 000, u l-parti l-aktar sinifikanti ta’ dak l-ammont kienet relatata mat-tibdiliet ppjanati li ma ġewx eżegwiti mill-Istat Ospitanti;

19.

Jistieden lill-Eurojust tiffoka fuq it-tixrid tar-riżultati tar-riċerka tagħha mal-pubbliku, u tikkomunika mal-pubbliku permezz tal-midja soċjali u mezzi oħra tal-midja;

20.

Jirreferi, rigward kummenti oħrajn ta’ natura orizzontali li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, għar-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta’ Mejju 2020 (5) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji.

(1)   ĠU C 108, 22.3.2018, p. 82.

(2)   ĠU C 108, 22.3.2018, p. 85.

(3)  Ir-Regolament (UE) 2018/1727 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Novembru 2018 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (Eurojust), u li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/187/ĠAI (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 138).

(4)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 tad-29 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU L 362, 31.12.2012, p. 1).

(5)  Testi adottati, P9_TA(2020)0121.