IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 13.4.2021
COM(2021) 174 final
2021/0093(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed, f’isem l-Unjoni Ewropea, fl-għaxar laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Stokkolma dwar Materjal Organiku Persistenti li Jniġġes fir-rigward tal-proposta għall-emendi tal-Anness A
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Raġunijiet u objettivi tal-proposta
Il-Konvenzjoni ta’ Stokkolma dwar Materjal Organiku Persistenti li Jniġġes (“il-Konvenzjoni”) daħlet fis-seħħ fis-17 ta’ Mejju 2004. Din ġiet approvata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-14 ta’ Ottubru 2004 dwar il-konklużjoni, f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Konvenzjoni ta’ Stokkolma dwar Materjal Organiku Persistenti li Jniġġes (2006/507/KE) u daħlet fis-seħħ għall-Komunità Ewropea fl-14 ta’ Frar 2005. L-għan tal-Konvenzjoni hu li tħares saħħet il-bniedem u l-ambjent minn materjali organiċi persistenti li jniġġsu (persistent organic pollutants, POPs). Il-Konvenzjoni tipprovdi qafas, ibbażat fuq il-prinċipju tal-prekawzjoni, biex jiġu eliminati l-produzzjoni, l-użu, l-importazzjoni u l-esportazzjoni ta’ POP, biex dawn jiġu ġestiti, mormija u eliminati b’mod sikur jew biex jonqos ir-rilaxx ta’ ċerti POP ġejjin minn produzzjoni mhux intenzjonata.
Ir-Regolament (UE) Nru 2019/1021 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jimplimenta fid-dritt tal-Unjoni l-impenji stabbiliti fil-Konvenzjoni u fil-Protokoll għall-Konvenzjoni tal-1979 dwar it-Tniġġis Transkonfini tal-Arja Fuq Distanza Twila rigward Materjal Organiku Persistenti li Jniġġes (il-Protokoll), approvat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/259/KE.
Kif stabbilit skont l-Artikolu 19 tal-Konvenzjoni, il-Konferenza tal-Partijiet hi l-korp ta’ tmexxija tal-Konvenzjoni ta’ Stokkolma. Dan il-korp normalment jiltaqa’ kull sentejn biex jimmonitorja l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni. Huwa jagħmel ukoll rieżami tal-prodotti kimiċi ppreżentati mill-Kumitat għall-Analiżi tal-Materjal Organiku Persistenti li Jniġġes (POPRC) għall-kunsiderazzjoni tiegħu.
F’konformità mal-Artikolu 8(1) tal-Konvenzjoni, il-Parti ressqet proposta lis-Segretarjat biex l-aċidu sulfoniku tal-perfluworoeżan (PFHxS), l-imlieħ tiegħu u l-komposti relatati mal-PFHxS jiġu elenkati fl-Anness A tal-Konvenzjoni, li kien rieżaminat mill-POPRC skont l-Artikolu 8(3) u (4). Il-POPRC irrakkomanda lill-Konferenza tal-Partijiet li jiġi elenkat l-aċidu sulfoniku tal-perfluworoeżan (PFHxS), l-imlieħ tiegħu u l-komposti relatati mal-PFHxS fl-Anness A mingħajr eżenzjonijiet speċifiċi. Il-proċedura għall-adozzjoni tal-emendi tal-Annessi hija rregolata mill-Artikolu 22 tal-Konvenzjoni.
F’konformità mal-Artikolu 23 tal-Konvenzjoni, kull parti għandha vot wieħed. Madankollu, l-organizzazzjonijiet reġjonali għall-integrazzjoni ekonomika bħall-UE jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jivvutaw b’għadd ta’ voti li jkun ugwali għall-għadd ta’ Stati Membri tagħhom li huma partijiet għall-Konvenzjoni.
Fl-għaxar laqgħa ordinarja, il-Konferenza tal-Partijiet se tikkunsidra l-adozzjoni ta’ deċiżjoni biex l-aċidu sulfoniku tal-perfluworoeżan (PFHxS), l-imlieħ tiegħu u l-komposti relatati mal-PFHxS jiġu elenkati fl-Anness A (l-eliminazzjoni), fl-Anness B (ir-restrizzjoni) u/jew fl-Anness C (il-produzzjoni mhux intenzjonata) tal-Konvenzjoni.
L-elenkar fl-Annessi A, B u/jew C għandu l-effett li l-prodotti kimiċi jsiru soġġetti għal miżuri mmirati biex jeliminaw jew jillimitaw il-produzzjoni u l-użu tagħhom, inkluż it-tnaqqis jew l-eliminazzjoni ta’ rilaxxi ta’ POP ġejjin minn produzzjoni mhux intenzjonata.
L-att previsti ser isir vinkolanti għall-partijiet f’konformità mal-Artikolu 22(4) tal-Konvenzjoni, li jipprevedi: “Il-proposta, l-adozzjoni u d-dħul fis-seħħ tal-emendi għall-Annessi A, B jew C għandhom ikunu soġġetti għall-istess proċeduri bħall-proposta, l-adozzjoni u d-dħul fis-seħħ ta’ annessi addizzjonali għal din il-Konvenzjoni, ħlief li emenda għal Anness A, B jew C ma għandhiex tidħol fis-seħħ fir-rigward ta’ kwalunkwe Parti li tkun għamlet dikjarazzjoni fir-rigward tal-emenda għal dawk l-Annessi f’konformità mal-paragrafu 4 tal-Artikolu 25, f’liema każ kwalunkwe emenda bħal din għandha tidħol fis-seħħ għal tali Parti fid-disgħin jum wara d-data tad-depożitu mad-depożitarju tal-istrument ta’ ratifika, ta’ aċċettazzjoni, ta’ approvazzjoni jew ta’ adeżjoni tagħha fir-rigward tat-tali emenda.”
L-aċidu sulfoniku tal-perfluworoeżan (PFHxS), l-imlieħ tiegħu u l-komposti relatati mal-PFHxS ma jintużawx intenzjonalment fl-Unjoni Ewropea, iżda l-prodotti kimiċi jistgħu jkunu preżenti bħala impurità fir-ragħwa tat-tifi tan-nar ibbażat fuq il-fluworu u l-aċidu sulfoniku tal-perfluworoeżan (PFOS). Dwar il-preżenza tal-PFHxS fil-PFOS, jenħtieġ li jiġi nnutat li l-PFOS huwa elenkat fl-Anness B tal-Konvenzjoni ta’ Stokkolma u fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2019/1021, li jipprojbixxi l-użu tal-PFOS fl-Unjoni bl-eċċezzjoni ta’ użu wieħed li jifdal bħala aġent li jrażżan ir-raxx għall-ipplejtjar tal-kromu iebes sal-2025. Dan l-użu tal-PFOS diġà ġie eliminat kważi fl-Istati Membri kollha.
Din il-proposta tikkonċerna d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Stokkolma b’rabta mal-adozzjoni prevista tad-deċiżjoni biex jiġi emendat l-Anness A billi telenka l-aċidu sulfoniku tal-perfluworoeżan (PFHxS), l-imlieħ tiegħu u l-komposti relatati mal-PFHxS. Jekk il-konferenza tal-Partijiet tal-Konvenzjoni ta’ Stokkolma ddeċidiet li telenka l-PFHxS fl-Anness A, ikun meħtieġ li l-Partijiet tal-Konvenzjoni jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jeliminaw jew jillimitaw l-użu tal-PFHxS fit-territorju tagħhom, f’konformità mal-obbligi tagħhom skont il-Konvenzjoni. Sabiex timplimenta d-deċiżjoni fl-Unjoni, il-Kummissjoni se tipproponi att delegat biex temenda l-Anness I tar-Regolament tal-POP biex jinkludi l-aċidu sulfoniku tal-perfluworoeżan (PFHxS), l-imlieħ tiegħu u l-komposti relatati mal-PFHxS. Il-produzzjoni u l-użu ta’ dawn is-sustanzi se jkunu pprojbiti fl-Unjoni.
•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet ta’ politika eżistenti fil-qasam ta’ politika
Il-proposta tikkumplimenta u hija koerenti mal-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 2019/1021, li jimplimenta l-Konvenzjoni ta’ Stokkolma fl-Unjoni. Hija kompletament konformi mal-objettiv li s-saħħet il-bniedem u l-ambjent jiġu mħarsa minn materjali organiċi persistenti li jniġġsu.
•Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni
Il-proposta hija koerenti mal-approċċ ġenerali tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 u tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 fir-rigward tas-sustanzi PBT peress li t-tnejn jipprevedu kriterji li ma jippermettux, fil-prinċipju, it-tqegħid fis-suq u l-użu ta’ sustanzi attivi li huma PBT. Sabiex tkun żgurata l-koerenza, Dokument ta’ Fehim Komuni jeżamina r-relazzjoni bejn il-Konvenzjoni ta’ Stokkolma, ir-Regolament (UE) Nru 2019/1021 u r-Regolament (KE) Nru 1907/2006, fir-rigward tar-restrizzjonijiet u r-rekwiżiti ta’ awtorizzazzjoni.
2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi ġuridika
Il-bażi ġuridika proċedurali għad-Deċiżjoni tal-Kunsill proposta hija l-Artikolu 218(9) tat-TFUE, li huwa l-bażi xierqa għal att li jiddefinixxi l-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea b’rabta ma’ ftehim internazzjonali, f’dan il-każ il-Konvenzjoni ta’ Stokkolma.
Il-bażi ġuridika sostantiva hija l-paragrafu 1 tal-Artikolu 192 tat-TFUE, minħabba li l-miżuri miftiehma fil-Konvenzjoni ta’ Stokkolma primarjament isegwu objettiv ambjentali (jiġifieri l-eliminazzjoni ta’ materjali organiċi persistenti li jniġġsu).
Għaldaqstant, jenħtieġ li l-bażi ġuridika tad-deċiżjoni proposta tkun l-Artikolu 192(1), flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.
•Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)
Il-materjali organiċi persistenti li jniġġsu huma ta’ tħassib globali u l-Konvenzjoni ta’ Stokkolma hija implimentata fl-Unjoni permezz tar-Regolament (UE) Nru 2019/1021. Peress li l-Unjoni hija Parti għall-Konvenzjoni, ikun xieraq li l-Unjoni tipparteċipa fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjoni fil-Konferenza tal-Partijiet.
•Proporzjonalità
Il-materjali organiċi persistenti li jniġġsu huma ta’ tħassib globali u l-Konvenzjoni ta’ Stokkolma timmira li telimina l-produzzjoni u l-użu ta’ dawk il-prodotti kimiċi. L-elenkar tal-aċidu sulfoniku tal-perfluworoeżan (PFHxS), l-imlieħ tieħu u l-komposti relatati mal-PFHxS fl-Anness A ġie rrakkomandat mill-Kumitat għall-Analiżi tal-Materjal Organiku Persistenti li Jniġġes billi nstab li l-prodott kimiku jissodisfa l-kriterji f’konformità mal-Anness D tal-Konvenzjoni. Għalhekk, huwa proporzjonat li jiġi appoġġat l-elenkar ta’ dak il-prodott kimiku fl-Anness A tal-Konvenzjoni biex jiġi żgurat li tittieħed azzjoni xierqa fil-livell globali.
3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati
Il-proposta ġiet diskussa mal-Istati Membri u partijiet ikkonċernati oħra fit-23 laqgħa tal-Grupp ta’ Esperti tal-Kummissjoni: Awtoritajiet kompetenti għar-Regolament (UE) 2019/1021. Barra minn hekk, il-partijiet ikkonċernati kienu kkonsultati b’mod estensiv matul il-valutazzjoni tal-prodott kimiku li saret mill-Kumitat għall-Analiżi tal-Materjal Organiku Persistenti li Jniġġes u l-kummenti tagħhom ġew indirizzati.
•Valutazzjoni tal-impatt
Ma saritx valutazzjoni tal-impatt, iżda minflok twettqu valutazzjoni soċjoekonomika u analiżi tal-alternattivi fil-kuntest tad-dossier ta’ restrizzjonijiet REACH dwar l-aċidu sulfoniku tal-perfluworoeżan (PFHxS), l-imlieħ tiegħu u l-komposti relatati mal-PFHxS. L-opinjoni tal-ECHA tikkonkludi li jenħtieġ li l-ispejjeż soċjoekonomiċi mir-restrizzjonijiet proposti jkunu limitati u li huwa proporzjonat li jillimitaw serjament il-manifattura, it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-PFHxS.
Il-Kumitat għall-Analiżi tal-Materjal Organiku Persistenti li Jniġġes ikkonkluda li l-prodott kimiku huwa materjal organiku persistenti li jniġġes u rrakkomanda l-elenkar tiegħu mingħajr eżenzjoni speċifika. Din ir-rakkomandazzjoni hija bbażata fuq il-valutazzjoni tal-miżuri ta’ ġestjoni potenzjali filwaqt li titqies l-informazzjoni soċjoekonomika.
•Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni
Il-proposta ma għandha l-ebda impatt fuq l-attività kummerċjali billi l-prodott kimiku mhuwiex fl-użu kummerċjali fl-Unjoni u, għalhekk, ma teżentax lill-mikrointrapriżi u ma tinkludix regoli speċjali għall-SMEs. Il-proposta ma għandha l-ebda impatt fuq il-kompetittività settorjali tal-UE jew fuq il-kummerċ billi l-prodott kimiku mhuwiex innegozjat bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi.
4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
Il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni għall-baġit.
5.ELEMENTI OĦRA
•Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar
Pjan ta’ implimentazzjoni, monitoraġġ, evalwazzjoni u rapportar mhumiex meqjusa meħtieġa.
•Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta
Il-proposta tagħti lill-Kummissjoni l-mandat biex jiġi appoġġat l-elenkar tal-aċidu sulfoniku tal-perfluworoeżan (PFHxS), l-imlieħ tiegħu u l-komposti relatati mal-PFHxS fl-Anness A mingħajr eżenzjonijiet speċifiċi fil-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Stokkolma f’isem l-Unjoni Ewropea.
2021/0093 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed, f’isem l-Unjoni Ewropea, fl-għaxar laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Stokkolma dwar Materjal Organiku Persistenti li Jniġġes fir-rigward tal-proposta għall-emendi tal-Anness A
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 192(1), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Il-Konvenzjoni ta’ Stokkolma dwar Materjal Organiku Persistenti li Jniġġes (“il-Konvenzjoni”) daħlet fis-seħħ fis-17 ta’ Mejju 2004 u ġiet konkluża f’isem l-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/507/KE.
(2)Ir-Regolament (UE) Nru 2019/1021 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jimplimenta l-Konvenzjoni ta’ Stokkolma fl-Unjoni.
(3)Skont l-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni, il-Konferenza tal-Partijiet għandha tiddeċiedi jekk telenkax prodott kimiku, u tispeċifikax il-miżuri ta’ kontroll relatati tiegħu, fl-Annessi A, B u/jew C.
(4)L-għaxar laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Stokkolma hija mistennija tadotta deċiżjoni biex telenka aktar prodotti kimiċi fl-Anness A.
(5)Ikun xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Konferenza tal-Partijiet, billi d-deċiżjoni se tkunu vinkolanti fuq l-Unjoni.
(6)Biex jiġu mħarsa saħħet il-bniedem u l-ambjent minn aktar rilaxxi ta’ aċidu perfluworoeżan (PFHxS), tal-imlieħ tiegħu u ta’ komposti relatati mal-PFHxS, hemm bżonn li jitnaqqsu jew jiġu eliminati l-produzzjoni u l-użu ta’ dawk il-prodotti kimiċi fil-livell globali u li jiġi appoġġat l-elenkar tagħhom fil-Konvenzjoni,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fl-għaxar laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Stokkolma għandha tkun, f’konformità mar-rakkomandazzjonijiet rilevanti tal-Kumitat għall-Analiżi tal-Materjal Organiku Persistenti li Jniġġes, li jiġi appoġġat l-elenkar tal-aċidu sulfoniku tal-perfluworoeżan (PFHxS), l-imlieħ tiegħu u l-komposti relatati mal-PFHxS fl-Anness A tal-Konvenzjoni mingħajr eżenzjonijiet speċifiċi.
L-irfinar ta’ din il-pożizzjoni, fid-dawl tal-iżviluppi fl-għaxar laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Stokkolma, jista’ jiġi miftiehem mir-rappreżentanti tal-Unjoni, wara konsultazzjoni mal-Istati Membri, permezz ta’ koordinazzjoni fuq il-post mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President