SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)
16 ta’ Jannar 2018 ( *1 )
“Trade mark tal-Unjoni Ewropea - Proċedimenti ta’ oppożizzjoni - Applikazzjoni għat-trade mark verbali tal-Unjoni Ewropea METAPORN - Trade marks tal-Unjoni Ewropea u nazzjonali verbali preċedenti META 4 u figurattivi preċedenti meta4 - Raġuni relattiva għal rifjut - Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru°207/2009 (li sar l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (UE) 2017/1001) - Xebh tas-servizzi - Kunċett ta’ servizzi komplementari - Xebh tas-sinjali - Probabbiltà ta’ konfużjoni”
Fil-Kawża T-273/16,
Sun Media Ltd, stabbilita f’Hong Kong (iċ-Ċina), irrappreżentata minn A. Schnider, avukat,
rikorrenti,
vs
L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn S. Bonne, bħala aġent,
konvenut,
il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO, intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, hija
Meta4 Spain, SA, stabbilita f’Las Rozas (Spanja), irrappreżentata minn I. Temiño Ceniceros, avukat,
li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-EUIPO tat-3 ta’ Marzu 2016 (Kawżi magħquda R 653/2015-2 u R 674/2015-2), dwar proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn Meta4 Spain u Sun Media,
IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla),
komposta minn S. Frimodt Nielsen, President, I. S. Forrester (Relatur) u E. Perillo, Imħallfin,
Reġistratur: I. Dragan, Amministratur,
wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-30 ta’ Mejju 2016,
wara li rat ir-risposta tal-EUIPO ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-11 ta’ Awwissu 2016,
wara li rat ir-risposta tal-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-11 ta’ Awwissu 2016,
wara s-seduta tal-4 ta’ Lulju 2017,
tagħti l-preżenti
Sentenza ( 1 )
[omissis]
Id-dritt
[omissis]
Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regoalment Nru 207/2009
[omissis]
Fuq il-paragun tas-servizzi
|
32 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex jiġi evalwat ix-xebh bejn il-prodotti u s-servizzi inkwistjoni, hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi kollha rilevanti li jikkaratterizzaw ir-relazzjoni bejniethom. Dawn il-fatturi jinkludu, fost l-oħrajn, in-natura tagħhom, il-finalità tagħhom, l-użu tagħhom kif ukoll in-natura kompetittiva jew komplementari tagħhom. Fatturi oħra jistgħu wkoll jittieħdu inkunsiderazzjoni, bħall-kanalijiet ta’ distribuzzjoni tal-prodotti kkonċernati (ara s-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2007, El Corte Inglés vs UASI – Bolaños Sabri (PiraÑAM diseño original Juan Bolaños), T-443/05, EU:T:2007:219, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
33 |
Is-servizzi komplementari huma dawk li bejniethom hemm rabta mill-qrib, fis-sens li wieħed huwa indispensabbli jew importanti għall-użu tal-ieħor, b’mod li l-konsumaturi jistgħu jaħsbu li r-responsabbilta tal-provvista ta’ dawn is-servizzi taqa’ fuq l-istess impriża (ara s-sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2013, Cartoon Network vs UASI – Boomerang TV (BOOMERANG), T-285/12, mhux ippubblikata, EU:T:2013:520, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
34 |
Fil-każ inkwistjoni, il-Bord tal-Appell qies li s-servizzi kkonċernati kienu parzjalment identiċi u parzjalment simili. B’mod partikolari, huwa qies li s-servizzi li jaqgħu fil-klassi 41 koperti mit-trade mark li għaliha saret applikazzjoni kellhom minn tal-inqas livell ta’ xebh dgħajjef kemm mas-servizzi ta’ trażmissjoni kif ukoll mas-servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet li jaqgħu fil-klassi 38 iddenotati mit-trade marks tal-Unjoni Ewropea preċedenti, minħabba n-natura komplementari tagħhom. |
|
35 |
Ir-rikorrenti ma tikkontestax il-konklużjonijiet tal-Bord tal-Appell fir-rigward tan-natura identika jew simili tas-servizzi li jaqgħu fil-klassijiet 35, 38 u 42 koperti mit-trade mark li għaliha saret applikazzjoni. Hija ssostni biss li l-Bord tal-Appell wettaq żball ta’ evalwazzjoni meta kkonkluda li s-servizzi ta’ divertiment għall-adulti, li jaqgħu fil-klassi 41, iddenotati mit-trade mark li għaliha saret applikazzjoni, kellhom minn tal-inqas livell ta’ xebh dgħajjef mas-servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet li jaqgħu fil-klassi 38 iddenotati mit-trade marks preċedenti. |
|
36 |
F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, is-servizzi ta’ divertiment għall-adulti, li jaqgħu fil-klassi 41, koperti mit-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għandhom ċertament natura u finalità differenti minn dawk tas-servizzi li jaqgħu fil-klassi 38 iddenotati mit-trade marks tal-Unjoni Ewropea preċedenti. Madankollu, kif jirrileva ġustament il-Bord tal-Appell fil-punt 78 tad-deċiżjoni kkontestata, tali konstatazzjoni ma hijiex, fiha nfisha, ta’ natura li tikkomprometti l-komplementarità possibbli bejn dawn is-servizzi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2013, BOOMERANG, T-285/12, mhux ippubblikata, EU:T:2013:520, punti 29 sa 35). |
|
37 |
It-tieni nett, fir-rigward tal-komplementarità bejn is-servizzi ta’ divertiment għall-adulti, li jaqgħu fil-klassi 41, koperti mit-trade mark li għaliha saret applikazzjoni u s-servizzi ta’ xandir, li jaqgħu fil-klassi 38, iddenotati mit-trade marks tal-Unjoni Ewropea preċedenti, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li l-Bord tal-Appell qies li l-imsemmija servizzi ta’ divertiment għall-adulti kienu jinkludi servizzi ta’ produzzjoni ta’ films (deċiżjoni kkontestata, punt 79). Min-naħa l-oħra, huwa qies li s-servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet, li jaqgħu fil-klassi 38, iddenotati mit-trade marks tal-Unjoni Ewropea preċedenti kienu jinkludu s-servizzi ta’ xandir, inkluż dawk ta’ xandir radjofoniku u ta’ xandir televiżiv, u huwa rrileva li t-trade mark tal-Unjoni Ewropea figurattiva preċedenti rreġistrata bin-numru 1669720 kienet tiddenota espliċitament is-servizzi ta’ xandir radjofoniku (deċiżjoni kkontestata, punt 76). Għalkemm ir-rikorrenti tikkontesta l-konklużjoni li wasal għaliha l-Bord tal-Appell fir-rigward tan-natura komplementari tas-servizzi inkwistjoni u tax-xebh tagħhom, għandu jiġi kkonstatat li hija ma tikkontestax l-evalwazzjonijiet tiegħu fil-punti 76 u 79 tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-portata tas-servizzi koperti mis-sinjali kunfliġġenti. |
|
38 |
Ġie diġà deċiż li s-servizzi ta’ produzzjoni tal-films, li jaqgħu fil-klassi 41, għandhom ċertu xebh mas-servizzi tax-xandir, li jaqgħu fil-klassi 38, minħabba n-natura komplementari tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2013, BOOMERANG, T-285/12, mhux ippubbikata, EU:T:2013:520, punt 35). Dan japplika a fortiori peress li, bħalma huwa l-każ inkwistjoni, is-servizzi li jaqgħu fil-klassi 41 koperti mit-trade mark li għaliha saret applikazzjoni u s-servizzi tax-xandir, li jaqgħu fil-klassi 38, iddenominati mit-trade marks tal-Unjoni Ewropea preċedenti li għandhom il-karatteristika komuni li jiġu proposti f’format elettroniku, f’dan il-każ, fuq l-internet, sa fejn dan it-tip ta’ xandir komuni huwa ta’ natura li jsaħħaħ ix-xebh bejn l-imsemmija servizzi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2014, Free vs UASI – Conradi + Kaiser (FreeLounge), T-161/12, mhux ippubblikata, EU:T:2014:350, punt 29). |
|
39 |
Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat, bħalma għamel il-Bord tal-Appell, li preżentement, u iktar ta’ spiss, il-programmi radjofoniċi u televiżivi jixxandru permezz ta’ konnessjonijiet bl-internet jew konnessjonijiet broadband (deċiżjoni kkontestata, punt 80). |
|
40 |
It-tielet nett, fir-rigward tal-komplementarità bejn is-servizzi ta’ divertiment għall-adulti u s-servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea preċedenti, għandu jiġi rrilevat, kif jagħmel ġustament il-Bord tal-Appell fil-punt 81 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark mitluba tispeċifika li s-servizzi ta’ divertiment għall-adulti, li jaqgħu fil-klassi 41, koperti mit-trade mark li għaliha saret applikazzjoni, huma pprovduti “b’mod partikolari” elettronikament jew online. Madankollu, servizzi li jaqgħu fil-klassi 41 li, bħal fil-kawża inkwistjoni, huma pprovduti online, diġà tqiesu bħala simili għal servizzi ta’ “telekomunikazzjoni; komunikazzjoni permezz ta’ terminali ta’ kompjuter, trażmissjoni ta’ messaġġi u ta’ stampi assistiti minn kompjuter” iddenominati mit-trade marks tal-Unjoni Ewropea preċedenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2012, Wall vs UASI – Bluepod Media Worldwide (bluepod MEDIA), T-227/11, mhux ippubblikata, EU:T:2012:375, punti 44 u 51). |
|
41 |
Huwa minnu li l-Qorti Ġenerali kkonfermat ukoll fl-istess sentenza l-konklużjoni tal-Bord tal-Appell fil-kawża inkwistjoni li tipprovdi li, minkejja li ċerti operaturi tat-telekomunikazzjonijiet kienu jipprovdu ċerti servizzi ta’ divertiment, li jaqgħu fil-klassi 41, permezz ta’ sussidjarji speċjalizzati, il-konsumatur ġeneralment ma kellux aspettattiva ta’ rabta bejn il-provvista ta’ dawn is-servizzi ta’ divertiment u s-servizzi marbuta mat-trażmissjoni ta’ data minn kompjuters u netwerks ta’ data (sentenza tat-12 ta’ Lulju 2012, bluepod MEDIA, T-227/11, mhux ippubblikata, EU:T:2012:375, punt 48). |
|
42 |
Għaldaqstant, bħalma għamel il-Bord tal-Appell, għandha madankollu tittieħed inkunsiderazzjoni r-realtà ekonomika tas-suq kif inhi preżentement sabiex jiġi vverifikat jekk il-konstatazzjoni fattwali li saret fil-kawża li tat lok għas-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2012, bluepod MEDIA, (T-227/11, mhux ippubblikata, EU:T:2012:375) għadhiex valida. Għandu jiġi kkonstatat li din ir-realtà hija differenti ħafna minn dik li kienet tipprevali numru ta’ snin qabel, b’mod partikolari, minħabba l-iżviluppi rapidi teknoloġiċi li biddlu radikalment il-metodu ta’ konsum tal-kontenut ta’ divertiment awdjoviżiv. Barra minn hekk, filwaqt li l-fornituri tradizzjonali ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet kienu biss okkażjonalment attivi fl-iżvilupp tal-kontenut ta’ divertiment, illum il-ġurnata huma saru attivi f’dan is-sens b’mod regolari, filwaqt li l-kumpanniji ta’ divertiment jipproponu servizzi li preċedentement kienu rriżervati lill-industriji tat-telekomunikazzjonijiet. Barra minn hekk, ċerti impriżi joffru pakketti li jipprovdu lill-konsumaturi kemm konnessjoni ta’ telekomunikazzjonijiet kif ukoll aċċess għall-kontenut tad-divertiment permezz ta’ din il-konnessjoni. Għaldaqstant, il-konsumaturi ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet jistgħu jaslu għall-konklużjoni li l-kontenut ta’ divertiment ipprovdut permezz tal-konnessjoni internet tagħhom huwa pprovdut mill-istess kumpannija (deċiżjoni kkontestata, punti 83 sa 86). [omissis] |
|
Għal dawn il-motivi, IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Frimodt Nielsen Forrester Perillo Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-16 ta’ Jannar 2018. Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.
( 1 ) Qegħdin jiġu riprodotti biss il-punti ta’ din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali qieset li huma utli għall-pubblikazzjoni.