European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/2368

27.10.2026

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2026/2368

tas-26 ta’ Ottubru 2026

li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2022/2245 dwar miżura ta' assistenza taħt il-Faċilità Ewropea għall-Paċi b'appoġġ għall-Forzi Armati Ukreni mħarrġa mill-Missjoni ta' Assistenza Militari tal-Unjoni Ewropea b'appoġġ għall-Ukrajna b'tagħmir u pjattaformi militari, imfassla biex iwasslu forza letali

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 28(1) u l-Artikolu 41(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fl-14 ta' Novembru 2022, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2022/2245 (1), li stabbiliet miżura ta' assistenza biex tappoġġa t-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-Forzi Armati Ukreni permezz tal-Missjoni ta' Assistenza Militari tal-Unjoni Ewropea b'appoġġ għall-Ukrajna (EUMAM Ukraine) biex il-Forzi Armati Ukreni jkunu jistgħu jiddefendu l-integrità territorjali u s-sovranità tal-Ukrajna, kif ukoll jipproteġu l-popolazzjoni ċivili mill-aggressjoni militari li għaddejja.

(2)

Fit-18 ta' Ġunju 2026, il-Kunsill Ewropew afferma mill-ġdid l-appoġġ qawwi, sod u sostnut tiegħu għall-Ukrajna u kkonferma mill-ġdid ir-rieda tal-Unjoni u tal-Istati Membri li jikkontribwixxu għal garanziji tas-sigurtà robusti u kredibbli għall-Ukrajna, inkluż permezz tal-EUMAM Ukraine.

(3)

F'dan il-kuntest, jenħtieġ li l-miżura ta' assistenza tkompli tappoġġa l-isforzi ta' taħriġ ta' EUMAM Ukraine u, għalhekk, jenħtieġ li l-ammont ta' referenza finanzjarja jiżdied b'EUR 200 000 000 addizzjonali u li d-durata tal-miżura ta’ assistenza tiġi estiża għal 80 xahar,

(4)

Il-finanzjament tal-appoġġ fil-qafas ta’ din il-miżura ta' assistenza ser jiġi rieżaminat mill-Kumitat tal-Faċilità stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/509 (2) fi żmien debitu, f'konformità mal-Artikolu 2(3) ta' dik id-Deċiżjoni, soġġett għal deċiżjoni mill-Kunsill dwar limitu massimu finanzjarju għall-Faċilità Ewropea għall-Paċi fir-rigward taċ-ċiklu baġitarju li jmiss f'konformità mal-Artikolu 73(11) ta' dik id-Deċiżjoni, mingħajr preġudizzju għall-eżitu tad-diskussjonijiet li jsiru fil-qafas tagħha,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni (PESK) 2022/2245 hija emendata kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 1, il-paragrafi 4 u 5 huma sostitwiti b'dan li ġej:

“4.   Mat-tlestija sħiħa tat-taħriġ jew meta l-EUMAM Ukraine tiġi tterminata, il-kustodja tal-munizzjon, it-tagħmir u l-pjattaformi militari, imfassla biex iwasslu forza letali li ġew ipprovduti taħt il-Miżura ta' Assistenza għandha tiġi ttrasferita lura lill-benefiċjarju. Abbażi tal-ħtiġijiet tal-Ukrajna, il-munizzjon, it-tagħmir, u l-pjattaformi militari, imfassla biex iwasslu forza letali, jistgħu jiġu ttrasferiti lill-benefiċjarju ladarba jkunu ntużaw f'kull modulu ta' taħriġ.

5.   Id-durata tal-Miżura ta' Assistenza għandha tkun ta' 80 xahar mill-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni.”

;

(2)

fl-Artikolu 2,

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“1.   L-ammont ta' referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-Miżura ta' Assistenza għandu jkun ta' EUR 400 000 000.”

;

(b)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   F'konformità mal-Artikolu 29(5) tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509, l-amministratur għall-operazzjonijiet jista' jagħmel sejħa għal kontribuzzjonijiet wara l-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni, sa EUR 400 000 000. Il-fondi li għalihom jagħmel sejħa l-amministratur għall-operazzjonijiet għandhom jintużaw biss biex titħallas in-nefqa fil-limiti approvati mill-Kumitat stabbilit bid-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 fil-baġit relatat li jikkorrispondi għall-Miżura ta' Assistenza.”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fil-Lussemburgu, is-26 ta’ Ottubru 2026.

Għall-Kunsill

Il-President

M. HEYDON


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/2245 tal-14 ta' Novembru 2022 dwar miżura ta' assistenza taħt il-Faċilità Ewropea għall-Paċi b'appoġġ għall-Forzi Armati Ukreni mħarrġa mill-Missjoni ta' Assistenza Militari tal-Unjoni Ewropea b'appoġġ għall-Ukrajna b'tagħmir u pjattaformi militari, imfassla biex iwasslu forza letali (ĠU L 294, 15.11.2022, p. 25, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2022/2245/oj).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/509 tat-22 ta’ Marzu 2021 li tistabbilixxi Faċilità Ewropea għall-Paċi, u li tħassar id-Deċiżjoni (PESK) 2015/528 (ĠU L 102, 24.3.2021, p. 14, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2021/509/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2026/2368/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)