|
3.4.2009 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 91/23 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI
tat-2 ta' April 2009
li tapprova t-talbiet minn Ċipru, Malta, l-Awstrija, ir-Rumanija u s-Slovakkja għall-eżenzjoni mill-obbligu li jħejju Pjan ta’ Ġestjoni għas-Sallur skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1100/2007
(notifikata taħt id-dokument numru C(2009) 2231)
(It-testi bil-Ġermaniż, bil-Grieg, bil-Malti, bir-Rumen u bis-Slovakk biss huma awtentiċi)
(2009/310/KE)
IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,
Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1100/2007 tat-18 ta’ Settembru 2007 li jistabbilixxi miżuri għall-irkupru tal-istokk tas-sallura Ewropea (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 3(3) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament (KE) Nru 1100/2007 jistabbilixxi qafas għall-ħarsien u għall-użu sostenibbli tal-istokk tas-sallura Ewropea fl-ilmijiet tal-Komunità u fil-laguni mal-kosta, fl-estwarji, u fix-xmajjar u l-ilmijiet interni komunikanti tal-Istati Membri. |
|
(2) |
L-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1100/2007 jesiġi li l-Istati Membri jidentifikaw u jiddefnixxu l-baċiri tax-xmajjar individwali li jinsabu fit-territorju nazzjonali tagħhom li jikkostitwixxu ħabitats għas-sallura Ewropea. L-Istati Membri għandhom iħejju Pjan ta’ Ġestjoni għas-Sallur għal kull baċir ta’ xmara li fih jinsab is-sallur. |
|
(3) |
L-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1100/2007 jistipula li Stat Membru jista’ jkun eżentat mill-obbligu li jħejji Pjan ta’ Ġestjoni għas-Sallur jekk tingħata ġustifikazzjoni adegwata li baċiri ta’ xmajjar jew ilmijiet marittimi li huma fit-territorju tiegħu ma jikkostitwux ħabitat naturali għas-sallura Ewropea. L-Istati Membri għandhom jgħaddu lill-Kummissjoni talba għal eżenzjoni. It-talba trid tiġi approvata mill-Kummissjoni fuq il-bażi ta’ evalwazzjoni teknika u xjentifika mill-STEFC jew minn korp xjentifiku xieraq ieħor. |
|
(4) |
Ċipru, Malta, l-Awstrija, ir-Rumanija u s-Slovakkja kkomunikaw lill-Kummissjoni talbiet għal eżenzjoni mill-Pjan ta’ Ġestjoni għas-Sallur, li jinkludi ġustifikazzjonijiet xierqa. |
|
(5) |
Il-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Ibħra (ICES) ipprovda lill-Kummissjoni b’evalwazzjoni teknika u xjentifika tat-talbiet. |
|
(6) |
Skont l-evalwazzjoni mwettqa mill-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Ibħra (ICES), il-baċiri tax-xmajjar jew l-ilmijiet marittimi kkonċernati bit-talbiet għall-eżenzjoni msemmija hawn fuq ma jistgħux jiġu identifikati u ddefiniti bħala ħabitats naturali għas-sallura Ewropea għall-finijiet tar-Regolament (KE) Nru 1100/2007. |
|
(7) |
Għalhekk, fid-dawl tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1100/2007, huwa xieraq li l-Istati Membri rilevanti jingħataw eżenzjonijiet mill-obbligu li jħejju Pjanijiet ta’ Ġestjoni għas-Sallur. |
|
(8) |
Il-miżuri provduti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għas-Sajd u l-Akkwakultura, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-Istati Membri li ġejjin huma eżentati mill-obbligu li jħejju Pjan ta’ Ġestjoni għas-Sallur skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1100/2007
|
(a) |
Ċipru |
|
(b) |
Malta, |
|
(ċ) |
L-Awstrija, |
|
(d) |
Ir-Rumanija, |
|
(e) |
Is-Slovakkja. |
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika ta’ Ċipru, lir-Repubblika tal-Latvja, lir-Repubblika ta’ Malta, lir-Repubblika tal-Awstrija, lir-Rumanija u lir-Repubblika Slovakka.
Magħmul fi Brussell, 2 ta’ April 2009.
Għall-Kummissjoni
Joe BORG
Membru tal-Kummissjoni